Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0562

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress — 2012

/* COM/2013/0562 final */

52013DC0562

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress — 2012 /* COM/2013/0562 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress — 2012

WERREJ

1........... L-introduzzjoni............................................................................................................... 4

2........... L-implimentazzjoni fil-livell tal-fornituri ta’ mikrokreditu.................................................... 4

2.1........ Il-kuntratti konklużi......................................................................................................... 4

2.2........ L-azzjonijiet iffinanzjati.................................................................................................... 6

2.3........ L-applikazzjonijiet iffinanzjati u rrifjutati......................................................................... 10

3........... L-implimentazzjoni fil-livell tal-mikromutwatarji.............................................................. 10

3.1........ Il-volumi ta’ mikroself u n-numru ta’ benefiċjarji finali..................................................... 10

3.2........ L-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-Mikrofinanzjament Progress..................................... 11

3.2.1..... L-ilħuq ta’ gruppi żvantaġġati........................................................................................ 11

3.2.2..... L-ammonti żgħar għall-impatt kbir................................................................................. 13

3.3........ Id-distribuzzjoni settorjali u reġjonali tal-impriżi appoġġjati............................................. 14

4........... Il-komplimentarjetà u l-koordinazzjoni ma’ strumenti oħrajn........................................... 16

5........... Il-konklużjonijiet u ħarsa lejn il-ġejjieni.......................................................................... 17

1.           L-introduzzjoni        

F’Marzu 2010, id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE (minn hawn ’il quddiem id-‘Deċiżjoni’) waqqfet il-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali.

Entitajiet pubbliċi u privati, kemm banek kif ukoll dawk li mhumiex, jistgħu japplikaw għall-appoġġ mill-Mikrofinanzjament Progress fil-forma ta’ garanzija jew strument iffinanzjat (dejn, strumenti ta’ kondiviżjoni tar-riskji u ekwità). EUR 25 m mill-baġit ġenerali ġew allokati għall-garanziji, iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-baġit li jifdal, għall-istrumenti ffinanzjati, jikkonsisti f’EUR 75 m mill-Kummissjoni u EUR 100 m mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li qabel li jilħaq il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni u diġà rawwem l-effett ta’ ingranaġġ antiċipat tal-Mikrofinanzjament Progress[1]. Mal-baġit inizjali ta’ EUR 75m żdiedu EUR 3 m oħrajn fl-2010 permezz ta’ Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew[2] u EUR 2 m fl-2013 mill-proċedura ta’ trasferiment Globali tas-sena ta’ qabel. Bħala total, il-baġit disponibbli għall-Mikrofinanzjament Progress kemm għall-garanziji u kemm għall-istrumenti ffinanzjati huwa ta’ EUR 205 m. Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) joħroġ il-garanziji u jmexxi l-istrumenti ffinanzjati f’isem il-Kummissjoni u l-BEI. L-entitajiet magħżulin għall-parteċipazzjoni jsiru intermedjarji finanzjarji, li jipprovdu mikroself li jasal sa EUR 25 000, għad li ħafna minnhom għażlu limiti iktar baxxi. Il-benefiċjarji ta’ kull mikroself appoġġjat huma individwi u mikroimpriżi li, f’kundizzjonijiet tas-suq, jitqiesu bħala żvantaġġati u aktarx li ma kinux jingħataw self[3].           

Dan ir-rapport iħares lejn l-implimentazzjoni tal-Mikrofinanzjament Progress wara iktar minn sentejn ta’ ħidma. Ħafna mid-dejta tal-FEI ġiet ipprovduta sat-30 ta’ Settembru 2012. Fejn kien possibbli, ġiet inkluża informazzjoni iktar aġġornata. L-istruttura tad-dokument issegwi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni. L-ewwel parti tiegħu tinkludi informazzjoni dettaljata dwar kuntratti konklużi. It-taqsima tan-nofs tiegħu tirrapporta fuq id-dejta miġbura bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-Faċilità. It-taqsima ta’ wara tiddeskrivi l-komplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-Mikrofinanzjament Progress ma’ programmi oħrajn. L-aħħar parti tidentifika implikazzjonijiet u xejriet possibbli fil-ġejjieni.

2.           L-implimentazzjoni fil-livell tal-fornituri ta’ mikrokreditu

2.1.        Il-kuntratti konklużi

It-tipi ta’ intermedjarji

Il-Mikrofinanzjament Progress joffri medda wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji. Id-diversità tal-portafoll tal-prodotti tiegħu hija riflessa fl-għamla varjata tal-intermedjarji. Jinkludu entitajiet pubbliċi u privati, kemm mis-settur bankarju kif ukoll minn setturi oħrajn. Bħalissa, hemm 26 istituzzjoni li qed jieħdu sehem fi 15-il Stat Membru li jużaw waħda mit-twieqi tal-Faċilità jew it-tnejn li huma[4]. Kuntratt ma’ fornitur ibbażat fir-Renju Unit (mhux bank) għandu jitlesta sa Mejju 2013.          

· istituzzjoni pubblika waħda: ICREF (ES)

· 11-il istituzzjoni mhux bankarja: Adie (FR), Créa-Sol (FR), Crédal Société Coopérative (BE), FAER (RO), Inicjatywa Mikro (PL), JOBS MFI (BG), Microfinance Ireland (IE)[5], microStart (BE), Mikrofond (BG), Patria Credit (RO), Qredits (NL)

· 14-il bank: Banca di Credito Cooperativo Mediocrati (IT), Banca di Credito Cooperativo Emilbanca (IT), Banca Popolare di Milano (IT), Banca Transilvania (RO), Banco Espirito Santo (PT), Cooperative Central Bank (CY), Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG (AT), FM Bank (PL), Millennium bcp (PT), Pancretan Cooperative Bank (EL), Sberbank banka (SI)[6], SEFEA (IT), Societe Generale Expressbank (BG), Šiaulių bankas (LT)        

L-attività tal-fornituri ta’ mikrokreditu fl-Istati Membri    

Ġew stabbiliti rekwiżiti fi ħdan il-Mikrofinanzjament Progress sabiex jiġi żgurat aċċess mifrux għall-mikrokreditu f’numru kbir ta’ Stati Membri. Il-FEI huwa meħtieġ joħroġ garanziji f’tal-inqas tnax-il Stat Membru. Sa Marzu 2013, fornituri minn disa’ pajjiżi ngħataw kopertura b’garanzija (għad-dettalji ara t-taqsima 2.2). Għal kull pajjiż huwa stabbilit limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 16%. B’mod simili, għall-istrumenti ffinanzjati huwa previst limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 10% għal kull pajjiż. Dawk l-istrumenti għandhom l-għan li jikkontribwixxu lejn żvilupp ibbilanċjat ta’ riżorsi fl-Istati Membri. Wara l-iffirmar ta’ kuntratt mas-Societe Generale Expressbank, din l-iskopertura massima ntlaħqet fil-Bulgarija. Żewġ pajjiżi oħrajn, ir-Rumanija u l-Italja, daqt jilħqu l-limitu għall-istrumenti ffinanzjati (bħalissa EUR 18.0 m), b’impenji ta’ EUR 16.5 m u 15.8 m rispettivament.

Mir-Rapport ta’ Implimentazzjoni tal-2011 ’l hawn, ħdax-il benefiċjarju finanzjarju ġdid iffirmaw kuntratti skont il-Mikrofinanzjament Progress. Sitta minn dawn il-fornituri ġejjin minn pajjiżi li qabel ma kinux koperti mill-Mikrofinanzjament Progress: l-Awstrija, l-Irlanda u l-Italja. Jinkludu kemm banek kif ukoll fornitur mhux bankarju.         

Id-distribuzzjoni ġeografika tal-Mikrofinanzjament Progress sa Marzu 2013

Sa Marzu 2013, intermedjarji minn disa’ Stati Membri kienu kisbu garanziji (BE, IE, EL, FR, NL, AT, PL, PT u RO) meta mqabblin ma’ biss sitta fil-perjodu ta’ qabel. L-istrumenti finanzjarji kienu qed jiġu applikati f’għaxar pajjiżi (BG, ES, FR, IT, CY, LT, PL, PT, RO, u SI), wieħed iktar mis-sena ta’ qabel. Id-diffikultà fl-espansjoni fl-Istati Membri l-oħrajn tista’ tkun spjegata f’parti minnha minn skemi nazzjonali f’kompetizzjoni u f’parti oħra min-nuqqas ta’ kapaċità fost il-fornituri ta’ mikrokreditu nfushom (ara t-taqsima 4).           

2.2.        L-azzjonijiet iffinanzjati       

Il-garanziji

Il-Kummissjoni, li hija l-uniku finanzjatur ta’ dan l-istrument[7], tiggarantixxi sa 75 % tat-telf imġarrab fuq il-portafoll tal-fornituri ta’ mikroself. Sa issa l-fornituri kollha bbenefikaw mill-ogħla kopertura possibbli f’termini ta’ rata ta’ garanzija (75 %). Limitu ta’ 20 % ġie stabbilit għall-kopertura tat-telf, jiġifieri l-parti tal-portafoll, li tista’ potenzjalment ssir inadempjenti u tkun koperta mill-garanzija. Sa llum, kien jaqa’ fil-medda ta’ 5.5 % sa 20 %.

Ma jintalbu ebda tariffi biex jintuża dan l-istrument, għad li l-intermedjarji huma marbutin b’kundizzjoni ta’ kisba ta’ żborż ta’ tal-inqas 90 % tal-portafoll maqbul. Jekk jonqsu milli jilħqu dan il-volum, tintalab tariffa ta’ impenn. Dan il-livell limitu huwa inċentiv sabiex l-istituzzjonijiet ta’ mikrokreditu jilħqu b’mod attiv lill-benefiċjarji finali. B’mod iktar ġenerali, il-garanziji jippermettu lill-fornituri ta’ mikrokreditu sabiex jestendu l-attivitajiet tagħhom għal gruppi iktar riskjużi. Pereżempju, Millennium bcp ma japplikax is-sistema ta’ punteġġ tiegħu għall-klijenti ta’ mikroself iggarantit, peress li dawn huma klijenti li aktarx ma kinux ikunu kapaċi jissodisfaw il-kriterji standard tal-banek. Inkella, garanzija tista’ tkun, u hija, użata biex tħaffef il-kundizzjonijiet standard ta’ self billi tnaqqas ir-rati tal-imgħax jew ir-rekwiżiti ta’ kollateral, jew testendi l-maturitajiet tal-mikroself.

Ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni tal-2011 indika l-bżonn li jiġi estiż it-terminu tal-garanziji minn tliet snin għal sitta, hekk kif l-intermedjarji ma rnexxielhomx iġibu r-riżultati mistennija f’termini ta’ żborż tal-garanziji. Dan sar permezz ta’ emenda f’Ottubru 2011. L-evidenza empirika turi li din il-bidla wasslet f’żieda notevoli fid-domanda għall-garanziji, b’volum ġenerali li żdied b’iktar mid-doppju mis-sena l-oħra.           

L-istrumenti ffinanzjati

Id-domanda għal strumenti ffinanzjati hija saħansitra ogħla minn dik għall-garanziji. Dan jiġġustifika d-distribuzzjoni tal-fondi fi ħdan il-Mikrofinanzjament Progress, fejn EUR 180 m[8] tal-baġit huma allokati għalihom. Mill-medda ta’ strumenti, is-self superjuri għadu dak li qed iqajjem l-iktar interess. Fl-2012 ħareġ self subordinat wieħed (Sberbank banka). Ġie ffirmat ukoll self ta’ kondiviżjoni tar-riskji ma’ Banca Popolare di Milano, għal ammont ta’ EUR 8.8 m. Filwaqt li għadhom ma ġew iffirmati l-ebda kuntratti ta’ parteċipazzjoni ta’ ekwità, bħalissa qegħdin isiru negozjati fuq investiment dirett tal-ekwità ma’ fornitur potenzjali Taljan li mhuwiex bank.

L-interess sostanzjat fis-self superjuri jista’ jkun dovut għall-karatteristiċi tekniċi tiegħu. Għall-kuntrarju ta’ prodotti finanzjarji iktar sofistikati u dettaljati, is-self superjuri huwa iktar sempliċi u iktar faċli biex tmexxih. L-iżvantaġġ huwa li l-effett ta’ ingranaġġ tiegħu huwa iżgħar milli b’self ta’ kondiviżjoni tar-riskji jew subordinat, fejn l-intermedjarji huma meħtieġa jisilfu l-ammonti ikbar li ssellfu lill-benefiċjarji finali meta mqabbel ma’ self superjuri. Jintalbu wkoll rekwiżiti iktar stretti minn dawk li huma l-mira tal-investiment. Meta l-Mikrofinanzjament Progress jinvesti f’fornitur, jeħtieġ li l-fornitur joħloq portafoll ta’ mikroself tal-inqas tliet darbiet ikbar mill-investiment ta’ ekwità (ara wkoll it-taqsima ta’ hawn taħt dwar il-potenzjal ta’ ingranaġġ). Sabiex jiżdied l-effett ta’ ingranaġġ tal-prodott, f’ċerti każijiet is-self superjuri nħareġ b’rekwiżit multiplikatur ta’ 1.5 sa 2.0, b’mod partikolari għal self superjuri ma’ banek u fi tranżazzjonijiet ripetuti ma’ intermedjarji li ggarantixxew kofinanzjament minn partijiet terzi.

B’mod ġenerali ġew iffirmati 29 kuntratt kemm għall-garanziji kif ukoll għall-istrumenti ffinanzjati. Fornitur minnhom juża dawn iż-żewġ strumenti, filwaqt li tnejn oħrajn diġà ffirmaw żewġ kuntratti konsekuttivi mal-FEI. Dawn huma miġburin fil-qosor fit-tabella li ġejja[9].

Ħarsa ġenerali lejn l-operazzjonijiet tal-Mikrofinanzjament Progress mill-31 ta’ Marzu 2013       

L-Istat Membru || L-Intermedjarju || L-Istrument || L-appoġġ lill-intermedjarju (EUR)

BE || Crédal Société Coopérative || Garanzija || 250 000

BE || microStart || Garanzija || 110 000

BG || Mikrofond || Self Superjuri || 3 000 000

BG || JOBS MFI || Self Superjuri || 6 000 000

BG || Societe Generale Expressbank || Self Superjuri || 8 500 000

IE || Microfinance Ireland (First Step) || Garanzija || 1 627 875

EL || Pancretan Cooperative Bank || Garanzija || 750 000

ES || ICREF || Self Superjuri || 4 000 000

FR || Adie || Garanzija || 2 200 000

FR || Créa-Sol || Self Superjuri || 1 000 000

|| || Self Superjuri II || 1 000 000

IT || BCC Mediocrati || Self Superjuri || 3 000 000

IT || SEFEA || Self Superjuri || 2 000 000

IT || BCC Emilbanca || Self Superjuri || 2 000 000

IT || Banca Popolare di Milano || Self ta’ kondiviżjoni tar-riskji || 8 800 000

CY || Cooperative Central Bank || Self Superjuri || 8 000 000

LT || Siauliu Bankas || Self Superjuri || 5 000 000

NL || Qredits || Garanzija || 1 300 000

|| || Garanzija II || 1 700 000

AT || Erste Bank || Garanzija || 473 644

PL || FM Bank || Garanzija || 1 880 000

PL || Inicjatywa Mikro || Self Superjuri || 3 771 000

PT || Banco Espírito Santo || Self Superjuri || 8 750 000

PT || Millenium bcp || Garanzija || 310 000

RO || Patria Credit || Garanzija || 960 000

|| || Self Superjuri || 8 000 000

RO || FAER || Self Superjuri || 973 000

RO || Banca Transilvania || Self Superjuri || 7 500 000

SI || Sberbank banka || Self Subordinat || 8 750 000

15-il SM || 26 fornitur ta’ mikrokreditu || 29 kuntratt || 101 605 519

Il-volumi finanzjarji 

L-ammont totali impenjat għall-garanziji (ammont massimu), li jkopri għaxar tranżazzjonijiet ma’ disa’ fornituri ta’ mikrokreditu dettaljati fit-tabella ta’ hawn fuq, huwa ta’ EUR 11.6 m.

Il-garanziji huma attivati biss fil-każ ta’ inadempjenza ta’ self parteċipi. Skont il-portafolli tal-mikrofornituri tal-klijenti, jista’ jkun li l-garanziji maħruġin lilhom qatt ma jkollhom għaliex jissejħu. Il-fornituri huma mistennija jużaw mezzi oħrajn (eż. legali, ristrutturar) qabel ma jirrikorru għas-sejħa tal-garanziji. Huma biss żewġ fornituri (microStart u FM Bank) li kellhom isejħu l-garanziji s’issa, b’ammonti aggregati ta’ EUR 40 000 u EUR 200 000 rispettivament. Madankollu, l-ammont tas-sejħiet tal-garanziji aktarx li jiżdied fil-ġejjieni, hekk kif jiżdied il-volum tal-mikroself żborżat lill-benefiċjarji u kopert mill-garanziji.      

Self superjuri u subordinat iffinanzjat mill-Mikrofinanzjament Progress huwa żborżat skont ir-regoli maqbulin tal-ħlasijiet fi ħlasijiet parzjali. Ħlas jista’ jitnieda biss ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal intermedjarju partikolari.

Sa Marzu 2013, kienu ġew żborżati EUR 55.0 m mill-ammont totali impenjat ta’ EUR 90 m[10]:

L-Intermedarju (L-Istat Membru) || L-iżborż lill-intermedjarju (EUR) sa Marzu 2013

Mikrofond (BG) || 1 500 000

Patria Credit (RO) || 6 000 000

Siauliu Bankas (LT) || 2 500 000

Cyprus Cooperative Bank (CY) || 4 000 000

JOBS MFI (BG) || 4 000 000

FAER (RO) || 700 000

ICREF (ES) || 4 000 000

Inicjatywa Mikro (PL) || 2 800 000

Sberbank banka (SI) || 8 800 000

Banca Transilvania (RO) || 7 500 000

BCC Mediocrati (IT) || 1 500 000

SEFEA (IT) || 1 100 000

BCC Emilbanca (IT) || 1 100 000

Societe General Expressbank (BG) || 4 500 000

Banco Espiríto Santo (PT) || 4 000 000

Créa-Sol (FR) || 1 000 000

L-iżborż totali || 55 000 000

Il-potenzjal ta’ ingranaġġ    

L-għan tal-Mikrofinanzjament Progress mhuwiex biss li jqiegħed il-finanzjament tal-UE għad-dispożizzjoni iżda anki li joħloq effett ta’ ingranaġġ għall-investiment totali ta’ madwar EUR 500 m, jiġifieri ħames darbiet il-kontribuzzjoni tal-UE. Dan l-effett ta’ ingranaġġ jinkiseb permezz ta’ koinvestiment minn imsieħba oħrajn, permezz tal-għamla ċirkolanti tal-fondi, u permezz tal-prodotti offruti.

Is-sħubija mal-BEI, li laħaq l-ammont mill-Kummissjoni, irdoppjat l-ammont inizjali. Issa, l-ammont f’daqqa (fimkien mal-kontribuzzjoni addizzjonali mill-EPPA u l-proċedura ta’ trasferiment Globali) qiegħed jiġi moltiplikat permezz tal-mikroself maħruġ mill-intermedjarji finanzjarji.

Il-garanziji għandhom effett ta’ ingranaġġ partikolarment b’saħħtu. Sa Marzu 2013, inħarġu garanziji b’valur ta’ EUR 11.6 m lill-fornituri ta’ mikrokreditu. Huma mistennija jittrasformaw f’mikroself potenzjali b’volum aggregat ta’ EUR 134.8 m, li jfisser li l-proporzjon ta’ ingranaġġ miksub permezz ta’ dan il-prodott ikun ta’ 11.6. L-istrumenti ffinanzjati jipprovdu ingranaġġ ta’ madwar 3.7. Għal xi self, bħall-ewwel wieħed lil Créa-Sol, l-uniku effett ta’ ingranaġġ ġej mill-finanzjament addizzjonali mill-BEI, hekk kif il-fornitur kien mistenni biss jiffirma ftehimiet ta’ self mal-benefiċjarji finali li jilħqu d-daqs tas-self. It-tieni self ta’ Créa-Sol huwa mistenni jiġġenera volum ta’ mikroself 1.5 darbiet l-ammont tas-self ipprovdut. Fornituri oħrajn, b’mod partikolari Banca Popolare di Milano (self ta’ kondiviżjoni tar-riskji) jew Sberbank banka (self subordinat), joħolqu ingranaġġ addizzjonali meta jqassmu mikroself li tal-inqas fih id-doppju tal-ammont riċevut mill-Mikrofinanzjament Progress. L-effett multiplikatur aggregat għall-portafoll sħiħ tal-Mikrofinanzjament Progress, kif maqbul fil-kuntratti mal-intermedjarji, huwa ta’ 5.5.

2.3.        L-applikazzjonijiet iffinanzjati u rrifjutati   

Biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-Mikrofinanzjament Progress, l-applikanti jridu jirnexxu f’sejħa għall-proposti organizzata mill-FEI u, fil-każ ta’ garanziji, jirċievu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

Rifjut uffiċjali jista’ jseħħ fil-Bord tal-FEI, inkella l-Kummissjoni jaf ma tapprovax garanzija. Sa mill-ħolqien tal-Mikrofinanzjament Progress għadhom ma ġew irrifjutati l-ebda applikazzjonijiet peress li huma biss il-proposti li jgħaddu l-proċess ta’ tgħarbil u diliġenza dovuta tal-FEI li jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni.

Sa mill-introduzzjoni tal-Mikrofinanzjament Progress, il-FEI daħal f’kuntatt ma’ iktar minn 180 fornitur potenzjali. B’27 intermedjarju[11] li ffirmaw tranżazzjoni sa Marzu 2013, ir-rata ta’ oriġini tan-negozjati b’suċċess hija ta’ 15 %, parzjalment minħabba, kif rajna, skemi nazzjonali u finanzjament ieħor disponibbli, b’mod partikolari fil-pajjiżi Nordiċi u fil-Ġermanja. Raġunijiet oħrajn għal rata baxxa ta’ oriġini tan-negozjati jistgħu jkunu l-enfasi tal-FEI fuq ammonti ikbar minħabba l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni għoljin jew valutazzjoni tal-kreditu stretta. Peress li l-Kummissjoni tkopri l-ewwel telf, jista’ jkun hemm lok għal rivalutazzjoni ta’ din il-politika.

3.           L-implimentazzjoni fil-livell tal-mikromutwatarji          

3.1.        Il-volumi ta’ mikroself u n-numru ta’ benefiċjarji finali    

L-effett multiplikatur attwali ta’ 5.5 huwa konformi mal-mira ta’ ingranaġġ mistennija. Ftehimiet oħrajn ma’ fornituri tal-kreditu u użu sħiħ tal-volumi żborżati fis-snin li ġejjin ser ikunu meħtieġa sabiex jintlaħaq l-ammont stmat ta’ EUR 500 m imqassmin permezz ta’ madwar 46 000 mikroself sakemm il-faċilità tagħlaq fl-2020.

Sad-data ta’ rapportar tal-2012, il-portafoll ta’ garanzija aggregat kien jikkonsisti f’2 920 mikrokreditu għal 2 836 klijent[12] li jiswew EUR 28.05 m.

L-offerta ta’ mikroself ibbażat fuq l-istrumenti ffinanzjati rriżultat fi 3 358 kuntratt offruti ma’ 3 253 benefiċjarju finali. Dan is-self kien jiswa EUR 21.1 m f’Settembru 2012.

Meta mqabbel mal-użu rrapportat fl-2011, il-volum ta’ mikroself ibbażat fuq il-garanziji żdied b’61 % u dak tal-mikroself iggarantit bi strumenti finanzjarji b’122 % f’sitt xhur. Il-mudell ta’ użu huwa konformi mas-suppożizzjoni inizjali li l-Mikrofinanzjament Progress kien ser jesperjenza bidu kajman, iżda maż-żmien jaqbad sew u juri tkabbir sod iktar tard. Sa Settembru 2012 diġà kien jidher livell ogħla ta’ użu, b’mod l-iktar ċar fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ġie ffirmat ftehim ta’ segwitu ma’ Qredits, li żied il-limitu massimu ta’ garanzija għal EUR 3 m. Ġew osservati wkoll livelli tajbin ta’ użu fil-Bulgarija, fil-Polonja u fir-Rumanija. Ġie ffirmat ukoll ftehim ieħor għal self superjuri ma’ benefiċjarju fi Franza hekk kif l-ammont inizjali diġà ġie kompletament żborżat.

Il-projezzjonijiet tal-FEI huma saħansitra iktar ottimisti dwar it-tkabbir fil-ġejjieni, bil-volum aggregat ta’ mikroself ipprovdut permezz ta’ intermedjarji attwali li mistenni jilħaq il-EUR 142.4 m sa Settembru 2013 u EUR 288.8 m sa Marzu 2015. Spjegazzjoni possibbli minnhom għaliex ma ġiex esperjenzat tkabbir b’saħħtu fl-istadji iktar bikrin tal-operazzjonijiet tal-Mikrofinanzjament Progress hija n-nuqqas ta’ kapaċità istituzzjonali tal-fornituri tal-mikrokreditu. Għalhekk hemm bżonn ta’ azzjoni komplimentarja, kif analizzat fit-taqsima 4 ta’ dan ir-rapport.           

3.2.        L-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-Mikrofinanzjament Progress

L-impatt soċjali u fuq l-impjiegi huwa waħda mill-kunsiderazzjonijiet politiċi ewlenin għall-Mikrofinanzjament Progress. Dan ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni huwa l-ewwel wieħed li juri d-dejta fuq dan l-impatt minn għadd konsiderevoli ta’ benefiċjarji finali. Minkejja l-bżonn li jiġu modifikati l-proċeduri u s-sistemi interni tagħhom, il-fornituri rnexxielhom jiġbru dejta fuq 4 688 benefiċjarju finali mis-6 089 mikroimprenditur li jieħdu sehem fil-Mikrofinanzjament Progress. Dan jagħmilha possibbli sabiex jiġu analizzati wħud mix-xejriet fl-ilħuq ta’ gruppi żvantaġġati, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-età, is-sess, l-isfond edukattiv, jew il-grupp ta’ minoranza tagħhom.

Meta nistudjaw id-dejta miġbura, inkunu nistgħu neżaminaw kemm il-pożittiv kif ukoll in-negattiv. Madankollu, ir-relevanza tagħha hija parzjali biss peress li wħud mill-benefiċjarji ma mlewx il-kwestjonarju kollu. Dan iżommna milli nagħmlu analiżi aggregata u jrendu partijiet mid-dejta inqas relevanti. L-għarfien ta’ dan ix-xkiel jista’ jgħin sabiex jiddaħħlu l-modifiki meħtieġa biex tissaħħaħ il-kwalità u l-affidabilità tar-rapportar fuq l-impatt soċjali għall-istrument tal-ġejjieni (ara wkoll it-taqsima 5), fejn ir-rekwiżiti ta’ ġbir tad-dejta ser ikollhom jiġu riveduti.         

3.2.1.     L-ilħuq ta’ gruppi żvantaġġati

L-intraprenditorija fiż-żgħożija u fl-anzjanità

Filwaqt li l-maġġoranza tan-nies li rċivew mikroself mill-intermedjarji huma bejn l-etajiet ta’ 25 u 54 (85.04 %), hemm grupp importanti mhux ftit ta’ żgħażagħ ta’ inqas minn 25 sena (5.22 %). Din hija ogħla mir-rata medja ta’ impjieg indipendenti f’dan il-grupp ta’ etajiet (4.1 %) kif irrapportata mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2011 tal-UE (LFS)[13]. B’hekk, il-Mikrofinanzjament Progress iservi ta’ mezz ta’ għajnuna sabiex dawn il-ħaddiema f’grupp ta’ etajiet isiru impjegati indipendenti. L-intermedjarji b’sehem partikolarment għoli ta’ klijenti żgħażagħ huma Qredits (25.00 %), Siauliu Bankas (14.29 %) u Millennium bcp (12.08 %). L-intermedjarji jirrapportaw ukoll il-profil tal-etajiet tal-impjegati tal-klijenti. 11.25 % minnhom għandhom inqas minn 25 sena.

In-nies iktar imdaħħlin fl-età (55+) jammontaw għal 9.74 % tal-benefiċjarji finali. Skont l-LFS, jirrappreżentaw 19.2 % (50-64) u 49.9 % (65+) tal-impjiegi indipendenti fil-grupp tal-etajiet rispettivi tagħhom. Madankollu, hekk kif jindika l-LFS għal dan il-grupp tal-etajiet, l-impjieg indipendenti jista’ jservi biss bħala posponiment tal-irtirar jew opportunità għal biedja awtosuffiċjenti wara l-irtirar. Dawn iż-żewġ gruppi mhux bilfors jista’ jkollhom bżonn mikroself. It-tliet banek bl-ogħla sehem ta’ 55+ huma Mikrofond, FAER u Siauliu Bankas. L-ishma tagħhom ivarjaw bejn 14.9 – 15.91 %. 10.67 % tal-impjegati tal-benefiċjarji finali għandhom iktar minn 55 sena.

L-imprendituri nisa

Id-dejta disponibbli dwar il-benefiċjarji finali tal-Mikrofinanzjament Progress tindika sehem ta’ nisa/irġiel ta’ 60.73/39.27. Dan huwa titjib fuq is-sitwazzjoni tal-lum fl-Ewropa, fejn in-nisa jirrappreżentaw biss 34.4 % tal-imprendituri kollha[14]. Il-Mikrofinanzjament Progress jaġixxi b’rimedju u jappoġġja lill-imprendituri nisa. Kif intqal qabel, partijiet mid-dejta miġbura ma jipprovdux l-istampa sħiħa u għandhom jiġu interpretati bir-reqqa. Żewġ fornituri għandhom sehem ogħla ta’ mikroself lin-nisa milli lill-irġiel. Siauliu Bank irrapporta li 57.14 % kienu mutwatarji nisa u Millennium bcp irrapporta 50.34 %. Fil-każ tal-bank Litwan, dan jirrifletti l-politika tiegħu li jipprova jtejjeb l-aċċess tal-imprendituri nisa għall-finanzjament. Anki Crédal jirrapporta sehem ogħla mill-medja b’51.72/48.28. L-intermedjarji jipprovdu informazzjoni fuq l-impjegati tal-klijenti tagħhom, 38.30 % minnhom nisa. Nuqqas ta’ dejta ta’ sostenn addizzjonali jagħmilha impossibbli li tkompli ssir analiżi.

Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ impjieg indipendenti u negozji li jiftħu ġodda

31.89 % tal-benefiċjarji finali qalu li kienu bla xogħol jew inattivi fi żmien l-applikazzjoni ta’ self tagħhom. Il-Mikrofinanzjament Progress tahom l-opportunità li jużaw is-self biex jibdew in-negozju tagħhom. Hemm ukoll potenzjal għal effett pożittiv fuq il-bqija tal-applikanti, li qalu li kienu jew impjegati (67.52 %) jew qed jistudjaw (0.59 %). Il-mikroself jista’ jgħin lill-klijenti impjegati sabiex jevitaw problemi serji ta’ likwidità jew jespandu n-negozju tagħhom. Għal dawk li għadhom jistudjaw, is-self jista’ jintuża biex jibdew in-negozji tagħhom stess wara jew anki qabel jiggradwaw.

Id-dejta disponibbli għaż-żewġ twieqi ta’ mikrofinanzjament turi wkoll li kważi 80 % tal-impriżi appoġġjati ilhom inqas minn tliet snin. 40.58 % twaqqfu biss sitt xhur jew inqas qabel l-applikazzjoni għal mikroself. Dan jikkonferma li l-aċċess għall-finanzjament huwa xkiel importanti matul il-fażi tal-ftuħ ta’ negozju ġdid, li l-Mikrofinanzjament Progress jgħin biex ineħħi. L-appoġġ fil-ftuħ ta’ negozju donnu iktar b’saħħtu fost intermedjarji koperti b’garanziji u dawk li mhumiex banek. Dan ikun jikkonferma s-suppożizzjoni inizjali li l-garanziji ser jintużaw f’każijiet ta’ klijenti iktar riskjużi, flimkien ma’ strumenti ffinanzjati (b’mod partikolari self superjuri) użati biex jilħqu numri ikbar ta’ klijenti inqas riskjużi. Id-dejta għall-valutazzjoni tas-sostenibilità tan-negozji u l-ħolqien tal-impjiegi għadhom mhumiex disponibbli.

L-isfond edukattiv

L-isfondi edukattivi tal-applikanti li rnexxew għal prodotti appoġġjati mill-Mikrofinanzjament Progress ivarjaw minn ebda edukazzjoni formali sa gradwati mill-università. Peress li l-kisba edukattiva spiss hija assoċjata ma’ riskju inqas ta’ qgħad, ta’ min jgħid li n-nies bl-ebda edukazzjoni jew b’edukazzjoni primarja biss jammontaw għal 7.28 % tal-benefiċjarji kollha. Peress li kienu fi żvantaġġ meta kienu qed ifittxu xogħol, setgħu sabu li l-impjieg indipendenti huwa alternattiva. Jista’ jiġi applikat raġunament simili għal iktar minn 50 % tal-benefiċjarji bi kwalifiki relattivament baxxi b’edukazzjoni sekondarja biss. Il-bqija tal-benefiċjarji laħqu l-edukazzjoni sal-livell postsekondarju jew universitarju, u dan jirrifletti l-enfasi wiesgħa tal-fornituri li ħadu sehem.

L-appoġġ lill-minoranzi

Hemm sinjali ċari ta’ lħuq tajjeb tal-popolazzjonijiet ta’ minoranzi, anki jekk din id-dejta ma tistax tinġabar fl-Istati Membri kollha. Dan jirriżulta f’numru żgħir biss mill-benefiċjarji kollha li uffiċjalment huma identifikati bħala nies li jappartjenu għal grupp ta’ minoranza fil-livell aggregat. Fil-livell tal-fornituri, Mikrofond (BG) irrapporta 18.18 %, JOBS MFI (BG) 12.5 % u FAER (RO) 14.63 % tal-klijenti kollha tagħhom li jappartjenu għal grupp ta’ minoranza. Huwa mifhum li dawn il-benefiċjarji ġejjin l-iktar mill-popolazzjoni Roma. Peress li jaffaċċjaw xkiel fis-suq tax-xogħol, l-impjieg indipendenti jista’ jkunilhom soluzzjoni. Anki Qredits (NL) irrapporta lħuq ta’ 12.5 % fir-rigward ta’ gruppi ta’ minoranza.

3.2.2.     L-ammonti żgħar għall-impatt kbir

Il-mikroself ipprovdut kellu t-tendenza li jkun għall-ammonti żgħar. Mhuwiex mistenni li dawk li jiftħu negozju u dawk li jaħdmu għal rashom li ġejjin minn gruppi vulnerabbli jfittxu li jiksbu ammonti kbar. L-iktar mikroself popolari huwa għal inqas minn EUR 5 000 (37 %), segwit minn massimu ta’ EUR 10 000 (25 %). Il-mikroself li jasal sa EUR 15 000, 20 000 u 25 000 jattiraw kull wieħed minnhom madwar wieħed minn kull tmien benefiċjarji. Id-daqs medju tal-mikroself ta’ microStart huwa ta’ EUR 4 958. MicroStart, li jopera fiż-żoni bi sfond ta’ migrazzjoni ta’ Brussell, għandu grupp ta’ klijenti speċifiku fil-mira. Il-mikroself offrut minn dan l-intermedjarju jaqa’ sew taħt il-massimu ta’ EUR 25 000, b’limitu massimu ta’ EUR 10 000. B’mod simili, waħda miż-żewġ inizjattivi ta’ Erste Bank tipprovdi mikroself ta’ mhux iktar minn EUR 12 500. Dan ma jfissirx li l-bżonnijiet tal-benefiċjarji finali dejjem ser ikunu koperti minn dawn l-ammonti żgħar. Minflok, huwa mistenni li ladarba n-negozji tagħhom jaqbdu bis-saħħa ta’ self mingħand il-Mikrofinanzjament Progress, ikunu jistgħu japplikaw għal self ikbar barra mill-qafas tal-Mikrofinanzjament Progress.        

3.3.        Id-distribuzzjoni settorjali u reġjonali tal-impriżi appoġġjati         

L-Agrikoltura u l-Kummerċ għadhom l-iktar żewġ oqsma predominanti, li jammontaw għal iktar minn nofs l-impriżi kollha appoġġjati. Ma huwa xejn sorprendenti l-fatt li l-appoġġ għall-agrikoltura ġej kważi esklussivament mill-istrumenti ffinanzjati, peress li dawn huma predominanti fil-pajjiżi b’involviment għoli f’żoni rurali (ara l-mappa hawn taħt) — ir-Rumanija u l-Bulgarija. Fil-Kummerċ, dan l-appoġġ ġej mit-tnejn li huma bejn wieħed u ieħor nofs bin-nofs.

Id-distribuzzjoni settorjali tal-mikroimpriżi ffinanzjati

Id-distribuzzjoni reġjonali tal-mikroimpriżi ffinanzjati

 

In-numru ta’ benefiċċjarji skont ir-reġjun NUTS1

4.           Il-komplimentarjetà u l-koordinazzjoni ma’ strumenti oħrajn       

Il-kopertura tal-investimenti u r-riskji mill-Mikrofinanzjament Progress tippermetti lill-fornituri ta’ mikrokreditu sabiex iżidu u jirranġaw il-portafoll tagħhom filwaqt li jilħqu gruppi fil-mira iktar riskjużi. Inħolqu bosta strumenti oħrajn li jaġixxu b’mod komplimentarju miegħu.

L-intermedjarji huma marbutin b’kuntratt sabiex jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet li jipprovdu t-taħriġ u l-ikkowċjar. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-Fond Soċjali Ewropew sabiex jipprovdu assistenza fil-forma ta’ tagħlim jew taħriġ għal dawk li jiftħu negozju ġdid. Appoġġ bħal dan għandu jħalli impatt pożittiv fuq il-ħiliet kummerċjali tal-benefiċjarji u biċ-ċar jimxi id f’id mal-aċċess għall-finanzjament ipprovdut mill-Mikrofinanzjament Progress. Fl-Irlanda, pereżempju, l-inizjattiva ‘Going for Growth’, imfassla sabiex tappoġġja lil nisa li jiftħu negozju ġdid permezz ta’ tagħlim u kkowċjar, hija ffinanzjata f’parti minnha mill-Programm Operazzjonali tal-Investiment fil-Kapital Uman 2007-2013. Il-parteċipanti li jirnexxu f’din l-inizjattiva jistgħu jkunu lesti biex japplikaw għal mikroself, eż. minn Microfinance Ireland (li diġà ffirmat ftehim mal-FEI skont il-Mikrofinanzjament Progress) biex jiffinanzjaw l-ideat kummerċjali li jkunu għadhom kif kisbu.

Għad hemm lok għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim u t-taħriġ offruti f’taħlita mal-appoġġ skont il-Mikrofinanzjament Progress. Filwaqt li dan jirrappreżenta prijorità għolja għall-Kummissjoni, il-FEI jista’ jtejjeb il-mod li bih il-fornituri appoġġjati kollha jimplimentaw dan ir-rekwiżit. B’mod partikolari, il-FEI għandu jagħti ħarsa iktar mill-qrib lejn in-numru u l-kwalità tal-kuntratti bejn il-fornituri u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu t-taħriġ u t-tagħlim u jsaħħaħ iktar il-kooperazzjoni, b’mod partikolari mal-iskemi appoġġjati mill-FSE.

L-appoġġ nazzjonali u mill-UE jista’ jintuża b’mod komplimentarju: dan huwa l-każ għall-Awstrija, fejn wieħed miż-żewġ prodotti offruti minn Erste Bank jibbenefika minn rata ta’ garanzija ta’ mikrokreditu mnaqqsa ta’ 66.67 % peress li hija appoġġjata wkoll mill-gvern Awstrijaku.

JASMINE hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u tal-FEI li għandha l-għan li tgħin lill-fornituri ta’ mikrokreditu sabiex itejbu l-operazzjonijiet tagħhom, jespandu u jsiru iktar awtosuffiċjenti. L-assistenza teknika hija pprovduta lill-benefiċjarji magħżulin mill-FEI u tikkonsisti f’valutazzjoni istituzzjonali jew klassifikazzjoni segwita minn taħriġ imfassal b’mod personalizzat. Tnax-il intermedjarju finanzjarju fil-Mikrofinanzjament Progress diġà bbenefikaw mill-inizjattiva, inklużi, dan l-aħħar, BCC Mediocrati u microStart fl-2012.

Kull sena jiġu offruti tmien sa għaxar workshops biex jipprovdu appoġġ fl-iżvilupp tan-negozji lill-fornituri, u hemm Helpdesk ta’ JASMINE biex iwieġeb għall-mistoqsijiet. Taħt JASMINE ġie żviluppat ‘Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta Tajba għall-Forniment tal-Mikrokreditu (‘European Code of Good Conduct for Microcredit Provision’), li jistabbilixxi linji gwida dwar il-prattika tajba u standards komuni. Il-Kodiċi jappoġġja s-settur fl-indirizzar tal-isfidi ta’ aċċess għal finanzjament fit-tul, iż-żamma / iż-żieda tal-kwalità tas-servizzi, u t-tħeġġiġ tat-trasparenza fis-settur. Il-Kodiċi ser jiġi pprovdut flimkien ma’ JASMINE Online fix-xhur li ġejjin, applikazzjoni fuq il-web li tipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri ta’ mikrokreditu tal-UE u li tiġġenera rapporti kif irrakkomandati mill-Kodiċi. L-osservanza tiegħu qed tiġi rakkomandata fil-programm suċċessur għall-Mikrofinanzjament Progress (ara t-taqsima 5) u tista’ ssir kundizzjoni li l-fornituri jridu jissodisfaw biex jiksbu fondi.

5.           Il-konklużjonijiet u ħarsa lejn il-ġejjieni

Il-Mikrofinanzjament Progress jissodisfa domanda b’saħħitha kemm mingħand fornituri bankarji kif ukoll dawk li mhumiex. Sa Marzu 2013, EUR 101 m minn EUR 203 m ġew impenjati għal intermedjarji (l-investimenti għadhom possibbli sal-2016). Fuq il-bażi tal-volumi maqbula ta’ mikroself li għandhom jiġu ġġenerati mill-fornituri, l-effett ta’ ingranaġġ attwali ta’ 5.5 huwa ogħla mill-mira.

Il-kopertura ġeografika tal-Mikrofinanzjament Progress ġiet estiża għal 15-il Stat Membru. Kważi EUR 50 m diġà waslu għand il-benefiċjarji finali, li jinkludu membri ta’ gruppi żvantaġġati, speċjalment nisa, żgħażagħ, minoranzi u ħaddiema b’ħiliet baxxi. Il-Mikrofinanzjament Progress ikkontribwixxa b’mod notevoli għall-ħolqien tal-impjiegi, biex b’hekk għen lill-perċentwal għoli ta’ nies li qabel ma kellhomx xogħol jew li kienu inattivi jsibu xogħol. Evalwazzjoni interim, li għandha tiġi ppreżentata fl-2014, ser tipprovdi analiżi iktar dettaljata tal-programm.

Ġie identifikat lok għal titjib biex jakkumpanja t-tagħlim u t-taħriġ għall-mikroimprendituri. Il-Kummissjoni ser tkompli tinsisti fuq il-FEI biex tiżgura li dan l-obbligu kuntrattwali jiġi ssodisfat. Il-kwistjoni tal-kapaċità istituzzjonali tal-fornituri, rikonoxxuta bħala konġestjoni li żżomm lura l-iżborż ta’ self, ser tiġi indirizzata permezz tal-istrument suċċessur fil-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni 2014-20 (PSCI)[15]. Minbara l-finanzjament u l-kondiviżjoni tar-riskji tal-poratfoll, bħal fil-Mikrofinanzjament Progress, dan l-istrument il-ġdid ser joffri finanzjament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u assistenza teknika lill-fornituri ta’ mikrokreditu taħt kappa waħda.

Bħalissa r-regolament li jwaqqaf il-PSCI 2014-20 jinsab fl-aħħar stadji tan-negozjati trilogi. Il-Kummissjoni tittama li l-koleġiżlaturi jaqblu fuq it-trasferiment tal-bilanċ tal-Mikrofinanzjament Progress li ser jifdal wara li jissejħu l-garanziji u wara li jitħallsu s-self u l-ekwità sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tal-Mikrofinanzjament Progress għall-baġit tal-PSCI biex isir użu sħiħ ta’ strument ċirkolanti fil-livell tal-UE li jsostni l-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni finanzjarja.

[1]               Għal iktar informazzjoni fuq l-effett ta’ ingranaġġ tal-Mikrofinanzjament Progress, jekk jogħġbok ara l-parti dwar Il-Potenzjal ta’ ingranaġġ ta’ dan ir-rapport.

[2]               Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew — ‘Nippromwovu ambjent iktar favorevoli għall-mikrokreditu fl-Ewropa’.

[3]               Għal informazzjoni fuq kif jaħdem il-Mikrofinanzjament Progress, jekk jogħġbok ara r-Rapport ta’ Implimentazzjoni tal-2010 COM(2011) 195.

[4]               Patria Credit jibbenefika kemm minn garanziji kif ukoll minn strumenti ffinanzjati.

[5]               Inizjalment ġie ffirmat ftehim ma’ First Step (IE). Dan il-fornitur għandu jwaqqaf l-għoti b’self, wara t-twaqqif ta’ Microfinance Ireland.

[6]               Ġie ffirmat kuntratt ma’ Volksbank Slovenia. Din l-entità ngħatat l-isem ġdid Sberbank banka wara l-akkwiżizzjoni minn Sberbank. Ir-rapport ser jirreferi għal din l-entità bl-isem attwali tagħha.

[7]               Għall-kuntrarju tal-istrumenti finanzjarji.

[8]               Inkluża l-kontribuzzjoni tal-BEI.

[9]               Is-self superjuri rrapportat qabel lil Pancretan Cooperative Bank ma għadux qed jiġi rrapportat peress li dan is-self ma ġiex żborżat, u l-ammont sħiħ ser jiġi diżimpenjat.

[10]             L-iżborż lil Banca Popolare di Milano (IT) u ta’ self ieħor lil Créa-Sol għadhom ġejjin. Intwera li kien impossibbli li jsir żborż lil Pancreatan Cooperative Bank (EL) minħabba bidliet sistemiċi imprevisti.

[11]             Inkluż il-kuntratt iffirmat ma’ First Step.

[12]             Id-differenza bejn in-numru ta’ mikroself u n-numru ta’ benefiċjarji jista’ jiġi spjegat minn approċċ ta’ self gradwali li ġie applikat f’ċerti każijiet, u dan ifisser li mutwatarju l-ewwel jirċievi ammont żgħir u, wara ftit taż-żmien, self addizzjonali. L-ammont totali tas-self għal kull klijent ma jaqbiżx il-EUR 25 000.

[13]             http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-SF-12-040/EN/KS-SF-12-040-EN.PDF.

[14]             http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=6358&lang=mt&title=Unleashing-Europe%E2%80%99s-entrepreneurial-potential-to-bring-back-growth.

[15]             COM(2011) 609 finali.

Top