Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0461

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba

/* COM/2013/0461 final */

52013DC0461

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba /* COM/2013/0461 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba

1.           INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport skont l-Artikolu 318 tat-TFUE (ir-'Rapport') huwa t-tielet wiħed li tħejja u jirrifletti l-iżvilupp kontinwu ta' rapportar dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba.

L-Awtorità tal-Kwittanza u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri wrew interess qawwi fir-Rapport u għamlu suġġerimenti għat-titjib ulterjuri tiegħu, abbażi taż-żewġ rapporti li tħejjew qabel. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn is-suġġerimenti fir-Rapport ta' din is-sena sa fejn possibbli skont il-qafas eżistenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) 2007 – 13. It-titjib introdott fir-Rapport ta' din is-sena jimxi lejn id-direzzjoni prevista għall-iżvilupp ulterjuri tar-Rapport skont l-MFF 2014 – 20 li jmiss, kif deskritt fit-Taqsima 2. It-Taqsima 3 tirrapporta dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ u tal-prestazzjoni fl-2012 fir-rigward tal-programmi tal-infiq u l-evalwazzjonijiet ta' dawn il-programmi mwettqa fl-2012, u tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-evidenza tal-prestazzjoni disponibbli taħt kull intestatura tal-baġit.

Ir-Rapport issa qed jiġi ppubblikat ferm qabel fis-sena milli ġara fl-2010 u fl-2011 biex ikun allinjat aħjar mal-adozzjoni tar-Rapport ta' Sinteżi u biex jiġi żgurat li jkun disponibbli għall-Awtorità tal-Kwittanza u l-Qorti tal-Awdituri minħabba l-proċedura ta' kwittanza għas-sena rapportata.

Dan ir-Rapport ikopri programmi tal-UE mill-oqsma ta' politika kollha tal-infiq tal-UE tal-MFF attwali. Dan l-approċċ intlaqa' mill-Awtorità tal-Kwittanza u l-Qorti tal-Awdituri fir-rapport preċedenti. Bħala rispons għat-talba tal-Awtorità tal-Kwittanza, ir-riżultati tal-programmi esterni (Intestatura 4) huma spjegati f'aktar dettall u l-progress lejn l-ilħuq tal-inizjattivi ewlenin ta' UE 2020 huwa enfasizzat (fejn hemm riżultati disponibbli). Informazzjoni oħra relatata mal-prestazzjoni apparti r-riżultati tal-evalwazzjonijiet ġiet inkluża fir-Rapport ta' din is-sena biex tingħata kopertura aktar kompluta dwar il-progress u r-riżultati miksuba. Sorsi jinkludu r-Rapporti Annwali tal-Attività tad-Direttorati Ġenerali u r-rapporti speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll rapporti nazzjonali u rapporti min-netwerks ta' esperti għall-implimentazzjoni tal-programmi taħt ġestjoni konġunta, u rapporti tal-awditjar interni. Kull intestatura politika taħt il-Kapitolu 3 tinkludi taqsima dwar il-progress fl-implimentazzjoni għas-sena 2012 kif ukoll riżultati ewlenin tal-evalwazzjoni/feedback ieħor relatat mal-prestazzjoni dwar il-programmi li saru disponibbli fl-2012 relatati mas-snin ta' qabel.

Ir-Rapport huwa akkumpanjat minn żewġ Dokumenti ta' Ħidma tal-Kummissjoni. L-ewwel wieħed jinkludi Pjan ta' Azzjoni li jistabbilixxi pjan provviżorju għall-iżvilupp ulterjuri tar-Rapport. Dan l-ippjanar se jiġi kkonfermat wara l-adozzjoni tal-istrumenti ġuridiċi li jappoġġjaw il-Programm Finanzjarju Multiannwali 2014 – 20. It-tieni dokument jipprovdi stampa komprensiva ta' 130 evalwazzjoni kkompletati fl-2012. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-evalwazzjonijiet jikkonċernaw il-programmi tan-nefqa u r-Rapport ta' Evalwazzjoni jinkludi analiżi trasversali u s-sejbiet/rakkomandazzjonijiet ewlenin ta' dawn l-evalwazzjonijiet.[1] L-informazzjoni ewlenija dwar kull evalwazzjoni tingħata f'sommarju, inkluża informazzjoni dwar impatti, effiċjenza effettività u valur miżjud tal-UE. Is-sommarji jinkludu links għall-websajts fejn huwa aċċessibbli r-rapport sħiħ. Dawn iż-żewġ dokumenti jirrispondu t-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

2.           AZZJONI GĦAT-TITJIB TAL-MONITORAĠĠ, TAR-RAPPORTAR U TAL-EVALWAZZJONI

Fil-kuntest tal-kwittanza tal-PE għall-2011[2] il-Parlament Ewropew inkluda taqsima dwar l-"Azzjoni ta' Prijorità". Il-Parlament irrefera għall-bżonn ta' kultura ġdida ta' prestazzjoni fil-Kummissjoni inkluża d-definizzjoni ta' miri u indikaturi fil-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tad-Direttorati Ġenerali u l-proposti kollha għall-politiki u l-programmi ġodda. Il-Parlament enfasizza wkoll l-importanza tar-reazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-aħħar Rapport u l-bżonn ta' definizzjoni ċara tal-valur miżjud tal-UE; għar-Rapporti tal-Attività Annwali tad-Direttorati Ġenerali biex ikejlu l-prestazzjoni tagħhom u jiġbru f'sommarju r-riżultati miksuba; dan ir-Rapport jinkludi sommarju tal-prestazzjoni u r-riżultati f'AARs u biex jiddistingwi bejn il-politiki interni u esterni b'enfasi fuq il-progress li sar fuq l-inizjattivi ewlenin għall-Ewropa 2020; u sabiex ir-rapporti ta' evalwazzjoni kollha ikunu disponibbli għal kollox għall-Parlament.

Ir-Rapport ta' din is-sena jibni fuq rappurtar fir-Rapporti ta' Attività Annwali, rappurtar speċifiku għall-programm, evalwazzjonijiet u riżultati ta' awditjar intern u estern. Kif spjegat fil-Kominikazzjoni ta' din is-sena dwar is-"Sinteżi tas-suċċessi tal-immaniġġjar tal-Kummissjoni għall-2012"[3], qed tingħata attenzjoni speċjali għall-kultura ta' prestazzjoni fil-Kummissjoni permezz tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar u r-Rapporti Annwali tal-Attività tagħha li jiżguraw konsistenza bejn dawn l-istrumenti ta' mmaniġġjar interni, rapporti oħra bħal dan ir-Rapport biex tiġi evitata dupplikazzjoni u biex jiġi ssimplifikat ir-rappurtar tal-prestazzjoni. Dawn il-proposti jinkludu il-"blokok tal-bini" li rreferiet għalihom il-Qorti fir-reazzjoni tagħha għar-Rapport tas-sena l-oħra għal sistema affidabbli għall-ġbir ta' dejta dwar il-prestazzjoni biex jiġu identifikati r-riżultati u l-impatti għall-MFF li jmiss. Kif rikjest mill-Parlament, dan ir-Rapport, jippreżenta wkoll sinteżi tal-prestazzjoni u r-riżultati fl-AARs, jiddistingwi bejn politiki interni u esterni, jinkludi referenzi għall-progress li sar fuq l-inizjattivi ewlenin għall-Ewropa 2020 u jindika fejn jinsabu t-testi sħaħ tar-rapporti ta' evalwazzjoni kollha sabiex ikunu disponibbli għall-Parlament.

Għall-MFF li jmiss, il-Kummissjoni qed taħdem fuq qafas aktar b'saħħtu u koerenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar fuq il-prestazzjoni tal-programmi finanzjarji tal-UE. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-grupp li jmiss ta' programmi għall-2014 - 20 jiffokaw fuq is-simplikazzjoni biex jiffaċilitaw u jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programm, biex itejbu l-monitoraġġ tal-progress (biex jiżguraw l-identifikazzjoni aħjar tad-dewmien jew tad-diffikultajiet u li tittieħed azzjoni aktar malajr biex jiġu solvuti n-nuqqasijiet) u biex itejbu l-evalwazzjoni u r-rapportar dwar il-prestazzjoni.

L-elementi prinċipali ta' dan il-qafas jinkludu: grupp tal-objettivi ewlenin li jridu jintlaħqu mill-programmi, bir-rabtiet xierqa mal-objettivi tal-UE-2020; gruppi ta' indikaturi b'saħħithom li jipprovdu bażi għal rapportar aktar ċar dwar il-progress, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-azzjonijiet meħuda; u arranġamenti aktar sodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-dejta meħtieġa u l-opinjonijiet fiż-żmien debitu biex jgħinu fit-titjib tar-rapportar dwar ir-riżultati u l-prestazzjoni.

L-informazzjoni u l-valutazzjonijiet li l-Kummissjoni se tkun tista' tipproduċi minn sena għal oħra fir-Rapporti Annwali tal-Attività u r-rapportar globali tagħha għall-MFF li jmiss se jiddependu ħafna fuq iż-żamma ta' dawn l-elementi prinċipali fl-istrumenti legali li se jiġu adottati mill-Parlament u mill-Kunsill biex jappoġġjaw il-grupp ġdid ta' programmi finanzjarji.

Fir-Rapport tagħha s-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se tiddeskrivi l-qafas għar-rapportar dwar il-prestazzjoni sal-aħħar tal-MFF li jmiss li jirriżulta mill-ħidma koleġiżlattiva fuq l-istrumenti legali għall-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss. Dan se jinkludi l-objettivi prinċipali tal-programmi, l-indikaturi ewlenin, l-arranġamenti għall-monitoraġġ, meta jsiru l-evalwazzjonijiet u l-kontenut tagħhom. Huwa se juri kif ir-rapportar annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni bikrija tal-MFF li jmiss se jkun akkumpanjat mit-tkomplija tal-ħidma fuq l-evalwazzjoni ex-post tal-prestazzjoni tal-programmi attwali. Huwa se juri meta l-evalwazzjonijiet ewlenin tal-prestazzjoni tal-programm attwali se jkunu kkompletati u meta u kif se jsir ir-rapportar dwar il-prestazzjoni fuq il-programm li jmiss, inkluż il-kontribuzzjoijiet tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-programmi taħt ġestjoni konġunta.

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Intelliġenti, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq reviżjoni tal-politika tagħha dwar l-evalwazzjoni. Hija se tagħmel konsultazzjoni pubblika aktar tard din is-sena bil-għan li tadotta l-konklużjonijiet milħuqa madwar it-tmiem tas-sena. Ir-riżultati għandhom jagħmlu kontribuzzjoni ulterjuri biex jittejjeb ir-rapportar dwar il-progress, l-effiċjenza u l-effikaċja u l-valur miżjud tal-azzjonijiet tal-UE fil-kisba tal-impatti fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

3.           ĦARSA ĠENERALI LEJN IR-RIŻULTATI MIKSUBA

INTESTATURA 1A – KOMPETITTIVITÀ GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEG

Il-politika dwar l-intrapriża u industrijali

Fl-2012, is-sitwazzjoni makroekonomika kienet titlob sforzi akbar biex jiġu stimulati t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi sabiex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija UE 2020. B'riflessjoni tat-tnaqqis ekonomiku, il-miri tal-UE għat-tkabbir tal-kompetittività industrijali u l-ħolqien tal-impjiegi ma setgħux jintlaħqu. Min-naħa l-oħra, il-prestazzjoni tal-innovazzjoni wriet titjib ġenerali, tkomplija fil-konverġenza u effetti ta' ingranaġġ ogħla mkejla f'termini ta' innovazzjoni addizzjonali li tirriżulta mill-appoġġ tal-UE, b'mod partikolari għall-SMEs.

Fl-2012, il-programmi ewlenin tan-nefqa fil-qasam tal-politika għall-intrapriżi u l-industrija kienu: (i) il-programmi ta' riċerka dwar l-Ispazju u s-Sigurtà u Galileo taħt is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp (FP7; EUR 600 miljun); (ii) il-Programm għall-Imprenditorjat u l-Innovazzjoni (EIP) bħala parti mill-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP-EIP: EUR 335 miljun); (iii) il-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellità (Galileo u EGNOS; EUR 169 miljun) u (iv) il-programm operazzjonali għall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES-Copernicus; EUR 40 miljun).[4]

Rigward l-FP7, is-sejħa għal Spazju 2012 waslet biex 49 proġett ta' riċerka ngħataw finanzjament sabiex ikopru attivitajiet bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ta' teknoloġiji kritiċi għall-ispazju. Is-sejħa tal-FP7 għas-Sigurtà tinkludi 54 suġġett li jkopru azzjonijiet bħall-ġlieda kontra nirien fuq skala kbira u s-salvataġġ rapidu tal-vittmi. B'parteċipazzjoni ta' 21 % mill-SMEs, it-tema tar-riċerka dwar is-sigurtà taqbeż il-mira ta' 15 % stabbilita għall-FP7 kollu.

Il-Programm għall-Imprenditorjat u l-Innovazzjoni (EIP) huwa ddisinjat biex jipprovdi rispons prattiku u dirett għall-bżonnijiet ewlenin tal-SMEs. L-istrumenti finanzjarji speċifiċi żviluppati taħt dan il-programm - il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir u l-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs – urew li huma partikolarment effettivi biex jaqdu l-bżonnijiet ta' finanzjament tal-SMEs li, li kieku ma kinux jintlaħqu. Ġie pprovdut appoġġ għal investimenti ta' ekwità lil iktar minn 250 SME innovattiva u b'rata għolja ta' tkabbir u iktar minn 200,000 SME bbenefikaw mill-faċilità ta' garanzija ta' self. L-istrumenti ħolqu ingranaġġ pożittiv ta' minn 1 sa 29 għall-garanziji ta' self u minn 1 sa 5 għall-kapital tar-riskju, li jfisser li għal kull Ewro tal-fondi pubbliċi li jintefaq, fl-ekonomija reali jiġi ġġenerat valur ferm ogħla.

L-evalwazzjoni finali tal-EIP ikkonfermat li l-programm indirizza b'mod effettiv il-bżonnijiet tal-SMEs u kellu effett pożittiv fuq il-bidu u t-tkabbir tal-SMEs, f'termini ta' ingranaġġ u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekoinnovattivi. Barra minn hekk, żewġ evalwazzjonijiet[5] li tlestew fl-2012, wittew it-triq għal inizjattivi dwar l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs ippjanat għall-2013. Huma pprovdew informazzjoni dwar kif jinkiseb aċċess għal iktar minn EUR 50 biljun ta' finanzi pubbliċi fl-Istati Membri u analizzaw kif jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' prattiki tajbin għall-politiki u l-programmi ta' appoġġ fl-UE kollha. L-evalwazzjonijiet ipprovdew ukoll indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu ddisinjati miżuri ta' appoġġ biex jattiraw investiment mill-Investituri Informali, sors importanti ta' finanzjament f'ħafna pajjiżi. Sar segwitu wkoll tar-riżultati tal-awditjar intern tal-Kummissjoni li sar fl-2011 sabiex jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-programm fil-futur. Għal dan l-għan, qed jiġi żviluppat sett ta' indikaturi xierqa biex jimmonitorjaw il-programm COSME, is-suċċessur tal-EIP[6].

L-objettivi tal-programm għal Galileo u EGNOS fl-2012 ġew milħuqa. Il-varar f'Ottubru 2012 ta' żewġ satelliti ġodda kien suċċess u t-tqegħid tal-infrastruttura fuq l-art għall-fażi ta' validazzjoni tal-programm twettaq. Dan ikkompleta l-ewwel kwartet ta' satelliti mit-30 satellita tal-kostellazzjoni Galileo futura. Fir-rigward ta' EGNOS, f'Lulju 2012, ġie varat uffiċjalment it-tielet servizz (EGNOS Data Access Service – EDAS), żieda mas-servizzi diġà disponibbli Safety of Life (SoL) u Open Services.

Rigward il-progress fuq GMES-Copernicus, bdew joperaw żewġ servizzi minn sitta għall-monitoraġġ tal-art u l-immaniġġjar tal-emerġenzi. Dwar il-monitoraġġ tal-art, GMES qed jibda jipprovdi prodotti uniċi ta' dejta, li għalihom diġà hemm domanda evidenzjata minn dawk li jfasslu l-politiki u l-aġenziji tal-UE, li jwasslu l-benefiċċju ta' dejta komparabbli għalkollox għall-Istati Membri kollha. Id-dejta tal-GMES ġiet użata b'suċċess f'sitwazzjonijiet ta' għajnuna f'każ ta' diżastru, pereżempju mis-servizzi ta' salvataġġ fi tkissir ta' vapuri fl-Italja, f'terremoti u fil-ġlieda kontra nirien forestali. L-evalwazzjoni interim tal-operazzjonijiet inizjali tal-GMES (GIO) tindika li l-GIO jinsabu fil-perkors it-tajjeb biex jilħqu l-objettiv li fit-tliet snin stabbiliti, jiżviluppaw żewġ servizzi li joperaw b'mod sħiħ. Il-proposta saret għall-GMES biex jitkomplew u jkomplu jespandu permezz tal-programm Copernicus 2014 - 2020.

Il-politika dwar il-Mobilità u t-Trasport

Evalwazzjonijiet urew li l-finanzjament mill-UE ikkontribwixxa għall-progress li sar fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport tal-Ewropa, (eż. l-implimentazzjoni tal-Proġetti Prijoritarji; l-introduzzjoni ta' għodod għal mobilità intelliġenti, bħas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju u t-tnaqqis fin-numru ta' fatalitajiet tat-triq).[7] Madankollu, evalwazzjonijiet ikkonkludew li kienu meħtieġa sforzi ulterjuri biex jintlaħqu l-miri fit-tul ta' suq intern effiċjenti fit-trasport, imkejla pereżempju permezz tal-prezzjijiet għaċ-ċittadini u n-negozji, u biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn trasport b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u intelliġenti, li jikkontribwixxu għall-Istrateġija Ewropa 2020. Il-proposti reċenti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jsaħħu aktar is-suq intern fis-settur ferrovjarju u jippromwovu alternattivi ta' karburanti nodfa huma passi f'dik id-direzzjoni.

L-infiq fil-qasam tal-Mobilità u t-Trasport jikkonċerna l-aktar: l-iżvilupp ulterjuri tan-Netwerks Transewropej tat-Trasport (TEN-T); il-Programmi Marco Polo għall-iffaċilitar tal-konġestjoni u t-tniġġis tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bit-tibdil għal tipi oħra ta' trasport; l-għajnuna għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-Programmi Qafas għar-Riċerka; kif ukoll l-attivitajiet ta' appoġġ għall-politika dwar it-trasport Ewropea u d-drittijiet tal-passiġġieri. Fl-2012, il-baġits totali ammontaw għal EUR 1.07 biljun immaniġġjati l-aktar permezz ta' ġestjoni ċentralizzata indiretta (81%) mill-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T EA) u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI). F'Novembru 2012, il-Kummissjoni nediet sejħa kbira għal proposti fil-programm għall-infrastruttura tat-trasport (TEN-T), b'total ta' EUR 1.278 biljun. Din is-sejħa se tappoġġja wkoll it-tranżizzjoni fil-qafas il-ġdid li ġej tal-linji gwida dwar it-TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fl-MFF li jmiss għall-2014 - 20.

Fl-2012, kien hemm evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T EA) li wriet li l-Aġenzija laħqet il-miri u l-objettivi speċifiċi annwali tagħha. L-amministrazzjoni tal-Aġenzija ta' proġetti ta' TEN-T ġie kkonfermat bħala s-soluzzjoni l-aktar kost-effikaċi. L-analiżi tal-kost-benefiċċji tindika l-iffrankar fl-ispejjeż tal-għażla tal-Aġenzija stmat għal valur attwali nett għall-2012 ta' EUR 8.66 miljun. It-TEN-T EA madankollu tirrikonoxxi li għad hemm oqsma li jeħtieġu titjib, pereżempju, fl-oqsma bħat-tbassir tal-fluss tat-traffiku, il-valutazzjoni tal-kostijiet-benefiċċji tal-infrastruttura tat-trasport u l-inġinerija tal-ispejjeż.

Il-politika dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Mezzi ta' Komunikazzjoni

L-objettivi ewlenin tal-Politika dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja huma stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (DAE), wieħed mill-proġetti ewlenin tal-UE 2020 li għandu l-għan li jippermetti liċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa jiksbu l-aħjar li jistgħu mit-teknoloġiji diġitali. L-Aġenda fiha 13-il mira speċifika li jirrappreżentaw il-bidla li trid tinkiseb, bħal: kopertura sħiħa tal-UE mill-broadband sal-2013; li 50 % tal-popolazzjoni tkun xtrat xi ħaġa online sal-2015; u tnaqqis tad-differenza bejn it-tariffi tar-roaming u dawk nazzjonali li jlaħħaq kważi żero sal-2015. Il-progress lejn dawn il-miri huwa mmonitorjat ta' kull sena permezz ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali[8].

F'Diċembru 2012, ġiet ippreżentata reviżjoni tal-Aġenda. Din uriet li l-Aġenda miexja sew lejn l-ilħuq tal-maġġoranza tal-miri tagħha. Id-dejta għall-2012 turi pereżempju li l-mira ta' kopertura bil-broadband ta' 100% sal-2013 intlaħqet (filwaqt li 96% tal-popolazzjoni tal-UE kienet koperta bi broadband fiss, il-bqija kienet koperta b'titjib fis-satellita) u li l-proporzjon tal-popolazzjoni li tordna oġġetti u servizzi online żdied sa 45%, u dan ifisser li miexja skont kif ippjanat sabiex tilħaq il-mira ta' 50% sal-2015. Barra minn hekk, sal-aħħar tal-2012, it-tariffi tar-roaming kienu naqsu tal-anqas b'10 % iżda xorta għadhom jitqiesu li huma ferm ogħla mit-tariffi domestiċi għall-vuċi, il-messaġġi miktuba u d-dejta. Madankollu, uriet ukoll pass tat-tkabbir fil-kummerċ elettroniku transfruntieri bil-mod wisq u li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati d-differenzi bejn l-Istati Membri fl-użu tiegħu. Ir-reviżjoni wasslet ukoll għall-formulazzjoni ta' prijoritajiet diġitali ġodda għall-2013-14, bħall-ħolqien ta' ambjent regolatorju tal-broadband aktar stabbli u l-aċċellerazzjoni tal-cloud computing permezz tas-saħħa tax-xerrej tas-settur pubbliku eċċ.

L-infiq operazzjonali ta' EUR 1.6 biljun huwa għall-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku taħt il-FP7, inklużi l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs), l-azzjonijiet taħt il-Programm CIP u attivitajiet relatati.

Fl-2012, l-istudju dwar l-impatt tal-miżuri tas-Sitt Programm Kwadru (FP6) fuq it-Teknoloġiji tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (IST) enfasizza l-valur pożittiv tal-esplorar ta' oqsma xjentifiċi/teknoloġiċi ġodda, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fir-riċerka u ż-żieda fil-kapaċità u l-kompetenza tal-persunal. Parti mill-programm kienet ibbażata fuq prijoritajiet industrijali speċifiċi u rnexxielha toħloq strutturi ta' netwerk madwar atturi industrijali prinċipali bl-għan primarju li ssolvi b'mod effiċjenti sfidi teknoloġiċi/xjentifiċi speċifiċi. F'ċertu oqsma (pereżempju l-Komponenti u l-Mikrosistemi), il-proġetti integraw l-atturi prinċipali f'partijiet differenti tal-katina tal-valur, li wassal għal vantaġġi kompetittivi ta' terminu medju u impatt ogħla u usa' fuq l-innovazzjoni.

L-attivitajiet tal-programm li ffukaw fuq objettivi xjentifiċi għal perjodi itwal ta' żmien instabu li rnexxielhom joħolqu strutturi ta' netwerk madwar l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka. Dan kien il-każ tan-netwerks iffurmati, pereżempju fit-teknoloġiji tal-għarfien u tal-interfaċji jew Teknoloġiji Futuri u Emerġenti. L-istudju sab ukoll li l-FP6-IST kien affettwa b'mod pożittiv proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol tar-R&Ż tal-UE fuq l-ICT u pproduċa benefiċċji kbar ta' esternalizzazzjoni li huwa meqjus li qabżu b'mod sinifikanti l-benefiċċji diretti tal-proġetti għall-parteċipanti tal-Programm. Proporzjon kbir tal-għarfien prodott fl-FP6-IST ġie ppubblikat f'ġurnali ewlenin xjentifiċi u tekniċi u ġie ppreżentat f'konferenzi u eżibizzjonijiet ta' livell għoli.

Il-Valutazzjoni Interim tas-Sħubija Pubblika-Privata dwar l-Internet tal-Ġejjieni (FI-PPP) fl-FP7 ikkonfermat l-effikaċja u r-rilevanza ta' dan l-istrument u rrakkomandat li l-governanza u l-impenn tal-industrija jiġu żviluppati aktar. Studji oħrajn relatati mal-evalwazzjoni[9] kkonfermaw il-valur miżjud tal-UE fit-tisħiħ tal-kumplimentaritajiet fost l-atturi differenti fil-katina tal-valur tas-setturi tal-industrija, li jikkontribwixxi pereżempju għall-kapaċità tal-industrija tal-komponenti sabiex tikseb opportunitajiet f'partijiet ogħla tal-katina tal-valur. Il-fornituri ta' sistemi integrati għandhom ifittxu wkoll li jisfruttaw aħjar il-possibbiltajiet li ġġib magħha ż-żieda fil-prestazzjoni u l-funzjonalitajiet tal-komponenti.

Fir-rigward tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-Istudju tal-Bord ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċju tal-BEREC, iffinanzjat mill-baġit tal-UE, sab li l-istruttura hija rilevanti, effiċjenti u effettiva. Madankollu, l-evalwazzjoni suġġeriet ukoll titjib fil-governanza u r-responsabbiltà (pereżempju dwar il-kamp ta' applikazzjoni u r-reviżjoni regolari tal-Programm ta' Ħidma tiegħu u r-rapportar dwar il-progress li jkun sar).

Rigward l-influwenza tal-evalwazzjonijiet dwar il-proċess tat-tfassil tal-politika, il-valutazzjonijiet wasslu wkoll għal iffukar mill-ġdid fuq l-SMEs bħala mexxejja tal-innovazzjoni f'Orizzont 2020. L-istudju dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għen fl-iffurmar tar-reviżjoni tad-DAE, bid-dejta u l-inputs mill-Istati Membri. L-evalwazzjoni tal-kompatibilità u l-prattiċità tal-metodoloġiji għall-kejl tal-marka tal-enerġija u tal-karbonju tas-settur tal-ICT identifikat nuqqasijiet fil-metodoloġiji ewlenin li jridu jiġu indirizzati sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità fil-ġejjieni. L-FI-PPP serva wkoll bħala punt ta' referenza ewlieni fid-disinn tal-linji gwida għal Sħubiji Pubbliċi-Privati kuntrattwali taħt Orizzont 2020. Eżempju ta' modifiki possibbli fil-ġestjoni tal-programmi kien ir-rakkomandazzjoni li tiġi stabbilita unità operazzjonali 'one-stop-shop' għall-Impriżi Konġunti attwali ENIAC u ARTEMIS, modifika li l-Kummissjoni ttrattat fil-proposta tagħha Orizzont 2020.

ll-politika dwar l-Enerġija

Il-prijoritajiet ta' Ewropa 2020 rigward il-kompetittività, is-sostenibbiltà, u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, huma appoġġjati mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), il-Programmi ta' żmantellar tas-siti nukleari, il-programm tal-Enerġija Intelliġenti-Ewropa, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-FP7, in-Netwerks Transewropej tal-Enerġija (TEN-E) kif ukoll l-attivitajiet ta' appoġġ għall-politika dwar l-enerġija Ewropea u s-suq intern tal-enerġija.

Fl-2012, il-baġit għal dawn il-programmi ammonta għal EUR 607 miljun f'impenji b'rata ta' twettiq ta' 99.9%, ġestit prinċipalment permezz ta' ġestjoni ċentralizzata diretta (59%) u ġestjoni ċentralizzata indiretta (27%).

Ġew allokati fondi sinifikanti għal proġetti differenti permezz tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), bil-għan li jiġi stimulat l-investiment. L-implimentazzjoni tat-43 proġett ta' infrastruttura tal-gass u tal-elettriku kollha b'kontribuzzjoni tal-UE ta' EUR 2.27 biljun kompliet fl-2012. Seba' proġetti oħra kienu tlestew sal-aħħar tal-2012. Ħamsa minn sitt proġetti ta' dimostrazzjoni tal-Ġbir u Ħżin tad-Dijossidu tal-Karbonju (CCS) qed jiġu implimentati, u wieħed minnhom biss tlesta diġà, minkejja d-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzi u l-problemi regolatorji. Mill-EUR 565 miljun totali, il-kontribuzzjoni tal-UE ta' EUR 203 miljun lil disa' proġetti ta' wind farms offshore kienet tħallset lill-benefiċċjarji sal-aħħar tal-2012.

L-appoġġ għall-proġetti li jippromwovu l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika permezz tal-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa II (IEE II) kompla wkoll. Fl-2012, l-IEE wassal għal produzzjoni ta' 48,580 tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (toe) ta' enerġija rinnovabbli, 90,350 toe ta' iffrankar ta' enerġija u 517,000 toe ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Il-programm sal-lum wassal għal investimenti fl-enerġija sostenibbli ta' EUR 1,636 miljun b'baġit totali tal-IEE ta' EUR 731 miljun, li jikkonferma effett multiplikatur sinifikanti.

L-implimentazzjoni tal-IEE II hija ddelegata lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI). Il-proċess għas-superviżjoni tal-EACI ttejjeb fl-2012, inkluż il-monitoraġġ ta' indikaturi tal-prestazzjoni trimestrali. Tliet Azzjonijiet Miftiehma ġew iffinanzjati mill-IEE, u dan għamilha possibbli għall-korpi ta' implimentazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri li jiltaqgħu regolarment u jaqsmu l-esperjenzi dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE dwar il-prestazzjoni tal-bini fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u s-servizzi tal-enerġija.

Il-programm ta' ħidma TEN-E tal-2012 ġie implimentat b'suċċess: matul is-sena saru EUR 21 miljun ta' impenji lil 19-il proġett tal-elettriku u l-gass. L-evalwazzjoni ex-post ta' ħames proġetti ffinanzjati taħt in-Netwerks Transewropej tal-Enerġija sabet li l-proġetti kellhom suċċess għaliex dawn żiedu l-kapaċitajiet tal-enerġija bejn ir-reġjuni fl-Ewropa, ikkontribwew għall-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija fl-UE u ppermettew it-trasport tal-enerġija minn postijiet ta' produzzjoni bi spejjeż baxxi lejn il-postijiet tal-konsumaturi. Attivitajiet ta' integrazzjoni bħal dawn kienu rikonoxxuti li ġeneralment jikkontribwixxu għal ipprezzar aktar kompetittiv tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut tal-enerġija, li għandu l-potenzjal li jnaqqas l-ispejjeż globali tal-enerġija.

Il-Kummissjoni segwiet dawn il-valutazzjonijiet ta' evalwazzjoni permezz ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar l-Infrastruttura tal-Enerġija, li daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Mejju 2013. Ir-regolament il-ġdid jirrevedi l-linji gwida eżistenti dwar it-TEN-E, inkluż ir-rapportar dwar proġetti. Minħabba li l-għoti ta' permess ġeneralment kien meqjus bħala wieħed mill-aspetti ewlenin tad-dewmien tal-iżvilupp ta' proġetti ta' infrastruttura, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi dispożizzjoni għal proċeduri tal-għoti ta' permessi aktar mgħaġġla.

Fl-2012, rapport speċjali ppubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-assistenza finanzjarja tal-UE għall-iżmantellar tas-siti nukleari fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja rrakkomanda li valutazzjoni tal-ħtiġijiet dettaljata, analiżi tar-riżorsi disponibbli, il-benefiċċji mistennija u indikaturi tal-prestazzjoni aktar siewja jitħejjew qabel aktar infiq. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew ittrattati mill-Kummissjoni fil-proposta riċenti għal regolament tal-Kunsill dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-programm ta' żmantellar tas-siti nukleari għall-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja[10].

Il-politika dwar ir-riċerka

L-aktar strument ta' finanzjament importanti għall-implimentazzjoni tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Kummissjoni tal-proġett ewlieni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020 huwa l-FP7, b'baġit globali ta' EUR 8.8 biljun.

Fl-2012, ġew konklużi 53 sejħa għal proposti taħt l-FP7. Għadd totali ta' 17,374 proposta eliġibbli ġew evalwati bejn il-pari, li minnhom 3,089 nżammu għall-finanzjament, u dan irriżulta f'rata ta' suċċess ta' 17.78 % fuq il-bażi tal-proposta. Dan huwa ftit anqas mir-rata ta' suċċess globali tal-implimentazzjoni tal-FP7 matul l-2007-2012 (19%).

Għadd totali ta' 70,059 applikant ħadu sehem fil-proposti eliġibbli kollha, għal kontribuzzjoni totali mitluba tal-UE ta' EUR 30.78 biljun, li minnhom 14,821 applikant inżammu għall-finanzjament għal kontribuzzjoni totali mitluba tal-UE ta' EUR 4.98 biljun. Ir-rata ta' suċċess globali kienet ftit aktar minn 21% f'termini ta' applikanti, li hija viċin tal-medja għall-implimentazzjoni tal-FP7 matul l-2007-2012.

Riżultati tajbin inkisbu wkoll fir-rigward tal-mira obbligatorja li 15% tal-baġit tal-Programm ta' Kooperazzjoni jmur għall-SMEs, għaliex fl-2012, aktar minn 16% ta' dan il-baġit mar għand l-SMEs.

Sa Marzu 2013, aktar minn 13,000 ftehim ta' għotja ġew iffirmati taħt l-FP7.[11] Aktar minn 2,800 proġett tlestew li minnhom 98% laħqu l-objettivi inizjali tagħhom. Abbażi tar-rapporti finali, kull wieħed mill-proġetti kompletati pproduċa medja ta' 4.5 pubblikazzjonijiet u rreġistra total ta' 531 Dritt ta' proprjetà intellettwali. Sal-aħħar tal-2012, 76 ta' dawk li ngħataw għotja mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) kienu rebħu premjijiet internazzjonali prestiġjużi (minn 36 sa tmiem l-2011), inkluż ħames rebbieħa tal-Premju Nobel u tliet Field Medallists. Matul l-istess perjodu, aktar minn 7,900 artikolu ta' ġurnali evalwati bejn il-pari li jirrikonoxxu l-finanzjament tal-ERC ġew identifikati, żieda minn 3,396 identifikati sa tmiem l-2011.

Fl-2012, id-DĠ RTD ippubblika l-ewwel Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta' Evalwazzjoni tal-Programm, fl-2011, beda proċess ta' rapportar annwali flimkien mar-rapporti annwali tiegħu ta' monitoraġġ. Fl-2012, tlestew 19-il studju ta' evalwazzjoni u rapporti, li jkopru primarjament attivitajiet taħt il-Programm Speċifiku "Kapaċitajiet", bil-għan li jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ex-post tal-FP7 li hija mistennija li titlesta sal-2015.

Il-politika dwar l-Edukazzjoni

Fl-2012, il-programmi ġew implimentati fil-ħin fil-pajjiżi kollha parteċipanti u dawn mexjin lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħhom.[12] B'mod partikolari, il-Programm ta' Azzjoni fil-Qasam tat-Tagħlim Tul il-Ħajja (LLP) impenja EUR 1.1 biljun (8% aktar mill-2011). Dan ġie implimentat kif previst, inkluż fil-lat orizzontali tiegħu (pereżempju l-azzjonijiet Jean Monnet), bl-attenzjoni tiegħu fuq il-mobilità għal finijiet edukattivi fl-UE, kemm għall-istudenti (Comenius u Leonardo da Vinci), l-istudenti universitarji (Erasmus), l-adulti (Grundtvig) jew il-persunal tal-edukazzjoni.

Id-dejta tal-prestazzjoni li saret disponibbli fl-2012 uriet progress fuq l-indikaturi kollha marbuta mal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020. L-aħħar riżultati magħrufa juru tendenza ta' tqarrib lejn il-mira ta' 40% ta' gradwati fl-edukazzjoni għolja (2010: 33.5%; 2011: 34.6% u 2012 35.8%). Bl-istess mod, l-aħħar riżultati fir-rigward tal-mira ewlenija ta' Ewropa 2020 ta' tnaqqis tal-proporzjon ta' persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien għal 10% juru tendenza pożittiva (2010: 14.1%; 2011: 13.5% u 2012: 12.8%). Għall-kuntrarju, fl-2012 bħall-2011, żewġ dimensjonijiet prinċipali għal din il-politika, l-impjegabbiltà u s-sitwazzjoni ekonomika taż-żgħażagħ it-tnejn irreġistraw deterjorament, u anki l-2012 wera deterjorament fir-rigward tal-kisbiet f'ħiliet bażiċi u fil-kompetenzi tal-lingwi barranin.

Kien hemm tendenza globali ta' żieda fid-domanda għall-mobilità fl-2012 għas-sotto-programmi kollha, kif ukoll għall-kooperazzjoni deċentralizzata. Mill-bidu tal-programm, aktar minn 2.5 miljun student ibbenefikaw mill-Erasmus. L-istħarriġ juri li 97% tal-istudenti ta' qabel tal-Erasmus jqisu l-istudju barra mill-pajjiż bħala vantaġġ fis-suq tax-xogħol. L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tal-Programm dwar il-Persuni fl-FP7 impenjaw EUR 0.9 biljun (19% aktar mill-2011). Mill-2007, dan appoġġja madwar 44,500 riċerkatur (11,100 fl-2012) ta' 130 nazzjonalità differenti li kienu qed jaħdmu f'aktar minn 75 pajjiż. Aktar minn 50% tal-proġetti ta' riċerka ffinanzjati jindirizzaw b'mod dirett l-isfidi soċjali kbar definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (bħat-tibdil fil-klima). Konformi mal-objettivi, ir-rata ta' parteċipazzjoni komparattivament għolja ta' nisa nżammet (36.5%) u l-parteċipazzjoni ta' impriżi privati bħala organizzazzjonijiet ospitanti (24%) qabżet il-mira ta' 20%. Fl-2012, stima ta' 79% ta' fellows individwali għandhom pożizzjonijiet ta' impjieg sentejn wara l-fellowships tagħhom. Minħabba l-qtugħ tal-baġit fl-Amerika u l-Kanada mill-2011, il-programmi bilaterali tal-UE ma' dawn il-pajjiżi ma baqgħux jitwettqu.

Żewġ evalwazzjonijiet interim saru disponibbli fl-2012: waħda dwar il-programm ta' nfiq fuq il-mobilità interazzjonali ta' studenti tal-masters u tad-dottorat - Erasmus Mundus II (EM II) – għall-perjodu 2009-11, u l-oħra dwar il-programm ta' nfiq fuq il-mobilità internazzjonali tar-riċerkaturi - COFUND u l-Azzjonijiet ta' Fellowships Individwali, parti mill-'Programm dwar il-Persuni' fl-FP7.

L-evalwazzjoni tal-EM II sabet li l-programm jipprovdi appoġġ b'saħħtu u jagħmel kontribuzzjoni importanti għall-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni tal-qasam tal-edukazzjoni għolja Ewropew. L-EM II jippromwovi l-iżvilupp ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol. Madankollu, f'termini ta' impjegabbiltà, l-evalwazzjoni sabet li l-attenzjoni preżenti tal-EM II fuq l-akkademji u l-edukazzjoni għolja ma servietx għal kollox il-ħtiġijiet tal-UE. L-attivitajiet jistgħu jkunu aktar miftuħa għall-mobilità u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-evalwazzjoni ssuġġeriet ukoll it-tisħiħ tar-rabtiet mal-programmi relatati, sabiex jiżdiedu s-sinerġiji u jiġi evitat it-trikkib identifikat. L-evalwazzjoni sabet li l-programm kien qed jiġi implimentat b'mod effiċjenti għaliex il-maġġoranza tar-riżultati ppjanati probabbli kienu se jinkisbu bi spejjeż aktar baxxi minn dawk antiċipati u r-riżultati tal-programm kienu qed jiġu prodotti bi spejjeż analogi jew aktar baxxi minn dawk ta' skemi ta' boroż tal-istudju paragunabbli. Fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni, is-sejbiet urew li l-koordinazzjoni tal-EM II fil-livell strateġiku tibqa' problematika minħabba d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet fi ħdan il-Kummissjoni. Saru wkoll suġġerimenti oħra, bħal fil-qasam tal-monitoraġġ. Ir-riżultati ntużaw l-aktar biex jinformaw id-disinn tal-Programm 'Erasmus għal Kulħadd' tal-2014–20.

L-evalwazzjoni tal-COFUND u l-Azzjonijiet ta' Fellowships Individwali sabet ukoll li dawn l-azzjonijiet qed jiksbu l-objettivi tagħhom u qed isaħħu l-kapaċità ta' riċerka tal-UE permezz ta' żieda fil-kwalità u l-kwantità ta' riċerkaturi. Il-COFUND Fellowships qed jikkontribwixxu b'mod kemm kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv għar-rinforzar tal-potenzjal ta' riżorsi umani taż-Żona Ewropea tar-Riċerka bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-ħiliet u n-netwerks ta' riċerka. Il-programm COFUND tejjeb il-proċeduri amministrattivi u operattivi ta' madwar terz tal-organizzazzjonijiet ospitanti, b'mod partikolari f'termini ta' żieda fil-ftuħ tar-reklutaġġ għall-mobilità tranżnazzjonali u l-użu ta' evalwazzjoni indipendenti/bejn il-pari fil-proċessi tal-għażla.

Sar ukoll titjib fit-trasparenza tal-proċeduri. L-impatt ewlieni fuq l-organizzazzjonijiet ospitanti huwa li tiġi estiża l-kapaċità ta' riċerka u li l-istituzzjonijiet ikollhom aċċess għal riċerkaturi ta' kwalità għolja li kieku ma kinux jattiraw. Dan imbagħad iwassal għal riżultati ta' riċerka istituzzjonali aktar b'saħħithom u l-kapaċità li wieħed jidħol f'netwerks ta' għarfien internazzjonali usa'. L-evalwazzjoni interim identifikat ukoll oqsma għat-titjib. Bħala riżultat ta' dan, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-istandards ta' kwalità tal-Fellowships Individwali permezz ta' disinn issimplifikat u ż-żieda tal-viżibilità tagħhom barra l-Ewropa permezz ta' avvenimenti, konferenzi u attivitajiet ta' disseminazzjoni internazzjonali. Il-proċeduri li jirrigwardaw ir-rekwiżiti ta' informazzjoni u n-negozjati tal-baġit se jkunu ssimplifikati u COFUND huwa propost li jkun miftuħ għal korpi kummerċjali taħt Orizzont 2020 fl-MFF li jmiss.

Il-politika dwar it-tassazzjoni u d-dwana

Il-politika tal-UE dwar it-tassazzjoni u d-dwana hija appoġġjata minn żewġ programmi ta' nfiq 'Fiscalis 2013' u 'Customs 2013' li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jappoġġjaw l-iskambju ta' informazzjoni. Iż-żewġ programmi ta' nfiq irrappreżentaw EUR 82,3 miljun f'impenji fl-2012. Fir-rigward ta' Fiscalis 2013, madwar 3,600 uffiċjal ipparteċipaw f'madwar 300 attività tal-programm (workshops, gruppi tal-proġetti u Kontrolli Multilaterali). Fir-rigward ta' Customs 2013, madwar 5,400 uffiċjal ipparteċipaw f'madwar 370 attività tal-programm (workshops u gruppi tal-proġetti). Iż-żewġ programmi appoġġjaw ukoll l-iżvilupp ta' moduli tat-tagħlim elettroniku. Il-feedback mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-programm ikkonfermaw li dawn l-attivitajiet jilħqu b'mod sistematiku l-objettivi tagħhom[13].

Il-programmi jikkontribwixxu għal funzjonament imtejjeb tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (EIS) għat-tassazzjoni u d-dwana. L-EIS għat-tassazzjoni tieħu ħsieb l-iskambju ta' 850 miljun messaġġ li huma ta' importanza fundamentali fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa. L-EIS għad-dwana tieħu ħsieb il-parti transEwropea ta' 245 miljun dikjarazzjoni tad-dwana kull sena, u tikkontrolla l-iżdoganar ta' oġġetti f'9 miljun trakk li jiċċaqalqu madwar l-UE, fejn kull wieħed juża s-sistema ta' tranżitu u tikkontrolla l-ħruġ ta' 12-il miljun esportazzjoni mill-UE[14]. In-Netwerk ta' Komunikazzjoni Komuni għall-EIS, li huwa s-sinsla għat-tħaddim tas-sistemi tal-IE Ewropej għad-dwana u t-tassazzjoni, kien qed jopera 99.73% mill-ħin, li jmur lil hinn mill-mira ta' 97%[15]. Dan ifisser li s-sistemi fundamentali għan-negozju (VIES, NCTS u TARIC[16]) huma disponibbli għall-utenti 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena.

Intestatura 1b - Koeżjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi

Il-politika dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Fl-2012, fil-kuntest ta' reċessjoni u kriżi ekonomika la l-miri tal-impjiegi u lanqas dawk tal-faqar stabbiliti taħt l-Istrateġija UE 2020 ma ntlaħqu. Madankollu, firxa wiesgħa ta' azzjonijiet politiċi fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali kisbu riżultati pożittivi u kkontribwixxew għall-indirizzar tal-isfidi relatati mal-kriżi. Il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u s-Solidarjetà Soċjali (PROGRESS), il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (Faċilità ta' Mikrokreditu), u l-fondi allokati għax-xogħol fl-Ewropa, id-djalogu soċjali u l-mobilità, kollha għenu biex jappoġġjaw ir-riżultati miksuba.

Aktar minn EUR 11-il biljun kienu impenjati għall-oqsma ta' nfiq prinċipali (FSE u FEG). 94% tal-fondi kienu allokati lil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi li huwa ferm aktar mill-mira stabbilita fir-Regolament Ġenerali.[17] Il-Fondi laħqu lil 49.5 miljun ċittadin matul il-perjodu 2007-11 u laħqu l-objettivi tagħhom f'termini ta' gruppi fil-mira speċifiċi (nisa, persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli). Sal-aħħar tal-2012, 88% tal-allokazzjoni globali tal-2007 - 13 għal FSE u FEG diġà kienu ġew impenjati u 53.5% ġew imħallsa. L-FEG, li għandu wkoll rwol importanti fil-koeżjoni tal-UE, għen lil aktar minn 10,000 ħaddiem jidħlu lura x-xogħol fl-2012.

L-informazzjoni tal-evalwazzjoni tat evidenza oħra tal-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li kopriet l-effetti tal-implimentazzjoni u l-programm. L-evalwazzjoni tal-appoġġ tal-FSE għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (LLL) ivvalutat il-perjodu ta' programmazzjoni 2000-06 u l-ewwel erba' snin tal-perjodu 2007 - 13. Madwar 25 miljun żgħażugħ, 18-il miljun individwu bi ftit kwalifiki, u 1.9 miljun persuna kbira fl-età bbenefikaw mill-attivitajiet tal-LLL appoġġjati mill-FSE madwar l-UE bejn l-2000 u l-2010. Ġie konkluż li, mingħajr l-FSE, ħafna minn dawn l-interventi ma kinux iseħħu. L-FSE żgura li l-gruppi li kieku ma kinux jintlaħqu, b'mod partikolari sottogruppi fost dawk bi ftit kwalifiki u ż-żgħażagħ, jibbenefikaw mill-interventi fil-mira. Ir-rapport identifika attivitajiet li kellhom aktar suċċess jilħqu lil dawn il-gruppi fil-mira u fatturi oħrajn ta' suċċess. L-evidenza miġbura matul l-evalwazzjoni ntużat biex ittejjeb il-kontenut u r-riżultat mistenni tal-attivitajiet tal-LLL appoġġjati mill-FSE mmirati lejn it-tliet gruppi fil-mira fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014 - 20.

L-evalwazzjoni tar-reazzjoni tal-FSE għall-kriżi ekonomika u finanzjarja wriet il-flessibilità tagħha bħala strument li kapaċi jwieġeb malajr għall-kriżi. Sal-aħħar tal-2010, ġew adottati 84 minn 117-il Programm Operazzjonali. Il-maġġoranza tal-bidliet ikkonċernaw it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni, it-tnedija ta' sejħiet speċifiċi u l-inklużjoni ta' gruppi fil-mira oħrajn, skont is-sitwazzjoni konkreta u s-sistema ta' governanza lokali partikolari. L-FES tejjeb il-konsistenza tal-miżuri kontra l-kriżi fil-perspettiva fit-tul tal-adattament strutturali, għaliex l-FSE ntuża b'mod komuni biex jiffinanzja skemi ta' taħriġ li joffru xogħol għal żmien qasir, li żied komponent attiv mal-miżuri eżistenti, aktar permanenti.

Żewġ rapporti min-Netwerk ta' Evalwazzjoni ta' Esperti tal-FSE koprew il-prestazzjoni tal-FSE fuq l-"Aċċess għall-Impjiegi" u l-"Inklużjoni Soċjali". Rigward l-aċċess għall-impjiegi, aktar minn 12.5-il miljun riċevitur finali kienu appoġġjati b'aktar minn 2.4 miljuni jiksbu impjieg. Madankollu, kien hemm ftit evidenza dwar is-sostenibbiltà tal-impjiegi li nħolqu. Rigward l-inklużjoni soċjali, aktar minn 14.5 miljun riċevitur finali pparteċipaw, li jkopri firxa vasta ta' gruppi fil-mira ta' persuni diżokkupati, migranti, u żgħażagħ. L-interventi l-aktar effettivi jidher li kienu qed jaħdmu fl-iskejjel maż-żgħażagħ fir-riskju li jitilqu kmieni mill-iskola biex isibu xogħol, f'interventi mal-familji mill-komunitajiet tar-Roma u f'attivitajiet li jressqu lill-adulti lura fis-sistema edukattiva.

L-istudju evalwattiv li jkejjel l-impatt tat-tibdil fir-rekwiżiti regolatorji fuq l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi pprovda suġġerimenti għall-FSE tal-ġejjieni tal-2014 - 20. L-analiżi wriet li l-ispejjeż globali tal-amministrazzjoni kienu raġonevoli, fejn ammontaw għal 4.8% tal-baġits totali tal-FSE tal-2007 - 13, meta mqabbla ma' programmi simili mwettqa mill-Bank Dinji, l-FMI jew in-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, ġew identifikati sforzi ulterjuri għat-tnaqqis tal-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi, sabiex jimmiraw lejn dawk il-kompiti li jammontaw għall-akbar proporzjon tal-ispejjeż u l-volum tax-xogħol amministrattiv, bħar-rekwiżiti ta' informazzjoni u pubbliċità, li jirrapreżentaw 18.5% tal-ispejjeż amministrattivi. Madankollu, dan wera wkoll li tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi ma għandux jitwettaq b'detriment għall-aspetti pożittivi tal-amministrazzjoni tal-programmi, bħall-bini tal-kapaċità għall-għażla tal-operazzjonijiet, għaliex dan inaqqas il-kost-effikaċja tal-programmi.

L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) uriet li każijiet li għandhom prestazzjoni aktar b'saħħitha normalment kienu assoċjati mal-għoti ta' appoġġ individwali għall-ħaddiema u dawk li jibbenefikaw ukoll minn miżuri ta' appoġġ nazzjonali b'saħħithom. Minbarra l-impjieg mill-ġdid dirett, l-assistenza tal-FED iġġenerat ukoll effetti oħra pożittivi għall-individwi f'termini ta' żieda fil-fiduċja u titjib fit-tfittxija tax-xogħol. L-evalwazzjoni sabet li, fil-każijiet fejn l-appoġġ tal-FED wasal fi żmien ferm wara t-telf tal-impjieg, ħafna ħaddiema ssensjati kienu diġà reġgħu daħlu fis-suq tax-xogħol, filwaqt li dawk li baqgħu qiegħda normalment kellhom profil li kien jagħmilhielhom aktar diffiċli li jingħataw għajnuna. Saru suġġerimenti biex jitjieb it-tfassil tal-FEG: żieda fil-flessibbiltà tal-implimentazzjoni, proċess ta' applikazzjoni aktar mgħaġġel, tisħiħ tal-kapaċità għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali/lokali u għoti ta' aktar opportunitajiet għall-kondiviżjoni tal-lezzjonijiet u l-prattiki tajba, kif ukoll tisħiħ tal-monitoraġġ u r-rapportar.

Finalment, l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ta' PROGRESS uriet li l-programm ta riżultati pożittivi, u tejjeb f'livelli varji l-kwalità tad-dibattitu, il-proċessi, il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiċi, kif ukoll ipproduċa għodod statistiċi u indikaturi sabiex issaħħu l-għemil tal-politika bbażata fuq l-evidenza. Barra minn hekk, attivitajiet iffinanzjati minn PROGRESS influwenzaw il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. il-miri kontra l-faqar ta' Ewropa 2020, ir-riforma tas-sistemi tal-pensjoni, l-implimentazjzoni tal-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u liġi usa' dwar ix-xogħol).

Il-Politika Reġjonali

Il-politika reġjonali titwassal permezz tal-ġestjoni konġunta u hija ffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (CF), li jirrapreżentaw aktar minn 28% tal-baġit totali tal-UE tal-2012 f'termini ta' impenji.

Fl-2012, tħallsu EUR 38.2 biljun, l-aktar permezz ta' rimborżi lill-Istati Membri mill-FEŻR u s-CF għall-perjodi ta' programmazzjoni 2000 - 06 u 2007 - 13. L-infiq iddikjarat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-FEŻR u s-CF tal-2007 - 13 laħaq medja ta' 41.2% fl-aħħar tal-2012. Madankollu, f'ċertu Stati Membri, ir-rati tal-infiq huma ferm taħt il-medja (b'mod partikolari fir-Rumanija u l-Bulgarija), li huwa ta' tħassib u wassal biex l-Istati Membri jintalbu jaċċelleraw il-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE disponibbli u jiffokaw fuq li jpoġġu fil-mira l-infiq biex jimmassimizzaw l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

Bħala rispons għall-kriżi, aktar minn EUR 30 biljun mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni ġew riprogrammati bl-użu tal-flessibbiltà permessa taħt il-qafas legali biex jappoġġjaw il-ħtiġijiet l-aktar urġenti u jirrinforzaw ċertu oqsma ta' investiment. It-tendenzi ewlenin juru ċaqliq lejn ir-R&Ż, l-appoġġ għan-negozju, l-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura kulturali u soċjali, it-toroq u s-suq tax-xogħol madwar l-UE-27. Sabiex jiġu salvagwardjati l-istrateġiji ta' investiment fit-tkabbir u l-impjiegi u tonqos il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, ir-rati ta' kofinanzjament tal-UE żdiedu f'disa' Stati Membri u saru ħlasijiet oħra (li żiedu r-rati ta' kofinanzjament għal sa 95%) lill-programmi għall-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Ungerija.

L-evidenza[18] turi li l-outputs u r-riżultati tal-politika fir-realtà bdew jaċċelleraw fl-2011 wara bidu bil-mod fl-ewwel snin tal-perjodu, li juri wkoll ir-rwol essenzjali tal-Politika dwar il-Koeżjoni fiż-żamma tal-investiment pubbliku f'numru ta' Stati Membri. Id-dejta aggregata għall-indikaturi komuni użati wriet il-kisbiet matul l-ewwel ħames snin tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali. Il-kisbiet ewlenin li jikkontribwixxu għall-inizjattivi ewlenin tal-2020 Ewropej ta' Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv huma li: kważi ntlaħqet iċ-ċifra ta' 400,000 impjieg (li 190,000 minnhom mill-2010), inkluż iżjed minn 15,600 impjieg ta' riċerka u kważi 170,000 impjieg f'SMEs. Aktar minn 142,000 SME ngħataw għajnuna; aktar minn 53,000 negozju li jkun għadu kemm jiftaħ ingħataw għajnuna (li minnhom 28,000 sa mill-2010); kważi 1.9 miljun persuna oħra għandhom aċċess għall-broadband; tnedew aktar minn 5,000 proġett tat-trasport; u aktar minn 19,000 proġett ta' infrastruttura edukattiva ngħataw għajnuna.

Fl-2012 twettqu ħafna evalwazzjonijiet. Minbarra l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri individwali[19], u r-rapporti tal-pajjiżi permezz ta' netwerk ta' esperti tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni nfisha temmet ukoll evalwazzjonijiet fuq aspetti differenti tal-politika dwar il-koeżjoni[20]. Żewġ evalwazzjonijiet ex-post fuq għaxar proġetti kbar kofinanzjati mill-FEŻR u l-Fondi ta' Koeżjoni fl-1994 - 99 u ffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni fl-2000 - 06 taw evidenza dwar l-impatt u l-valur miżjud tal-investiment fl-infrastrutturi tal-Fondi fit-trasport u l-ambjent (ara hawn taħt). Is-sejbiet tal-evalwazzjoni qed jiġu tradotti fi gwida dwar il-programmi għall-perjodu 2014-20.

L-evalwazzjoni ex-post tal-Fond ta' Koeżjoni tal-2000 - 06 ikkonfermat li l-proġetti kofinanzjati kellhom effett sinifikanti fuq l-estensjoni u t-titjib tan-netwerk tat-trasport fil-pajjiżi li qed jirċievu appoġġ. Pereżempju, sar titjib kbir f'ħafna mir-rotot ta' tranżitu madwar il-pajjiżi konċernati u fil-konnessjonijiet tat-trasport ma' pajjiżi tal-viċinat. Għalkemm hemm inċertezza dwar kemm il-proġetti ambjentali ġġeneraw benefiċċji li qabżu l-ispejjeż tat-twettiq tagħhom, dawn il-proġetti għandhom effett sinifikanti fil-protezzjoni tal-ambjent u t-tnaqqis tat-tniġġis, u b'hekk itejbu kemm is-sostenibbiltà tal-iżvilupp ekonomiku kif ukoll il-kwalità tal-ħajja f'ħafna pajjiżi li jirċievu appoġġ. Sejba importanti kienet l-impatt aktar fit-tul tal-investiment fi proġetti ta' infrastruttura, li normalment jistgħu jiġu vvalutati biss wara ċertu ammont ta' snin ta' operat, ħafna drabi ferm wara li l-perjodu ta' finanzjament jintemm. L-evalwazzjoni rrapportat ukoll dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-proġetti. Dan huwa b'mod partikolari l-każ fir-rigward ta' proġetti ambjentali, u ta' proġetti kbar, ġeneralment fil-pajjiżi tal-UE-12.

Evalwazzjoni ex-post għall-perjodu 1994 - 99 tat evidenza ulterjuri dwar it-tul ta' żmien qabel l-impatti jistgħu jiġu identifikati, li juri li huwa biss wara ħames snin tal-operat ta' proġetti kbar ta' infrastruttura li l-effetti ta' terminu medju jistgħu jiġu evalwati sew. L-evalwazzjoni identifikat "lista ta' ingredjenti" li jistgħu jiżguraw l-akbar impatt tal-proġetti ta' investiment pubbliku. Pereżempju, investimenti b'suċċess aktar probabbli li jitwettqu meta hemm it-taħlita t-tajba ta' intraprenditorija, professjonaliżmu, diskrezzjoni maniġerjali u responsabbiltà lejn il-gvern.

Fl-2012, il-Qorti tal-Awdituri lestiet ukoll awditi tal-prestazzjoni fuq xi strumenti finanzjarji. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti ffokaw fuq kwistjonijiet bħall-ħtieġa għal monitoraġġ regolari, l-użu ta' indikaturi ta' prestazzjoni paragunabbli u titjib fil-kriterji tal-għażla. Ir-rakkomandazzjonijiet ingħataw kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika tal-ġejjieni, pereżempju permezz ta' kondizzjonalitajiet ex-ante u t-tfassil ta' indikaturi komuni b'definizzjonijiet żviluppati f'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Aktar importanti, l-enfasi tal-proposti tal-Kummissjoni għall-istrumenti futuri fuq objettivi u prijoritajiet speċifiċi ferm iktar espliċiti għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet ta' prestazzjoni li qajmet il-Qorti.

B'mod ġenerali, ir-rapporti tal-Istati Membri, l-evalwazzjonijiet u l-analiżi proprja tal-Kummissjoni jikkonfermaw l-adegwatezza tal-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li ġej, b'mod partikolari rigward il-konċentrazzjoni, programmazzjoni u monitoraġġ aħjar, indikaturi komuni għall-ġejjieni u qafas ta' prestazzjoni bi tragwardi u miri, evalwazzjoni u responsabbiltà għar-riżultati miksuba kif ukoll ir-riżorsi użati. Barra minn hekk, id-diskussjoni politika regolari dwar il-prestazzjoni tal-politika li hija proposta għall-ġejjieni ġiet ikkonfermata bħala meħtieġa.

Intestatura 2 – Preżervazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali

Il-politika Ambjentali

LIFE+ jappoġġa proġetti ambjentali u ta' konservazzjoni tan-natura madwar l-UE, kif ukoll f'ċerti pajjiżi kandidati, aderenti u tal-viċinat. Huwa implimentat permezz ta' ġestjoni ċentralizzata diretta. Fl-2012, saru impenji ta' EUR 332.9 miljun (0.2% tal-baġit tal-UE tal-2012). Sal-aħħar tal-2012 saret disponibbli evalwazzjoni finali ta' LIFE+ (2007 - 13), ftit aktar minn sentejn wara l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u sena wara l-proposta għal programm LIFE ġdid. Minħabba t-twaqqit tal-evalwazzjoni huma biss ftit mill-proġetti finanzjati taħt LIFE+ li kienu ġew finalizzati (40 proġett minn 1300 - 1400 previsti) u bħala konsegwenza l-evalwazzjoni ffukat fuq il-proċessi tal-programm aktar milli l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġetti.

L-evalwazzjoni kkonfermat il-valur miżjud tal-UE, li ġej mill-kapaċità ta' LIFE li jaġixxi bħala pjattaforma għall-iskambju ta' prattiki u l-kondiviżjoni tal-għarfien, u rrakkomandat li l-piż mogħti lill-valur miżjud tal-UE jinżamm u jissaħħaħ. L-evalwazzjoni sabet titjib f'ċertu oqsma tal-implimentazzjoni tal-programm meta mqabbla ma' evalwazzjonijiet ta' qabel. Pereżempju, ingħata aktar piż lill-valur miżjud tal-UE fl-għażla tal-proġetti, għalkemm il-benefiċjarji jibqgħu ffukati l-aktar fuq il-proġetti individwali tagħhom u l-profili. Filwaqt li l-proċess ta' applikazzjoni elettronika naqqas il-piż amministrattiv għall-applikazzjonijiet, dan il-piż jibqa' ftit ogħla milli għal programmi oħra tal-UE. Hemm il-potenzjal li jitwessa' l-użu tar-rapportar elettroniku fil-monitoraġġ tal-proġetti sabiex ikompli jonqos il-piż. L-evidenza mill-evalwazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet ikkontribwiet għat-tfassil tal-Programm il-ġdid. Il-proposta għall-Programm il-ġdid għall-MFF li jmiss tinkludi l-objettivi ta': stabbiliment ta' rabta aħjar mal-prijoritajiet tal-politika dwar l-UE, inkluż it-tibdil fil-klima; il-promozzjoni tal-użu ta' proġetti integrati; l-iżvilupp ta' sinerġiji u l-kumplimentarjetà ma' Fondi oħra tal-UE; il-promozzjoni tal-valur miżjud tal-UE u s-solidarjetà/kondiviżjoni tal-isforz; u s-simplifikazzjoni tal-programm.

Il-politiki tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Il-baġit tal-2012 għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) jirrapreżenta madwar EUR 58.59 biljun f'termini ta' impenji.

Fir-rigward tal-ewwel pilastru tal-PAK li jinkludi l-appoġġ tad-dħul dirett, id-dejta dwar l-għajnuniet diretti turi li l-pagamenti diżakkopjati jistabbilizzaw id-dħul tal-irziezet u b'hekk jikkontribwixxu għall-vijabbiltà ekonomika tal-irziezet. Il-pagamenti diretti jkomplu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dħul intraprenditorjali agrikolu (dħul ta' razzett tal-familja). Il-pagamenti diretti kienu jammontaw bħala medja għal kważi nofs id-dħul tal-irziezet tal-familja fl-2012. Taħt l-iskemi ta' għajnuna diretta, l-għajnuna tingħata lil iżjed minn 7 miljun bidwi. Id-dejta dwar il-miżuri tas-suq turi li r-riformi tal-PAK tejbu l-orjentazzjoni tas-suq tal-agrikoltura tal-UE u naqqsu l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat – dawn il-mekkaniżmi, li kienu l-għodod tradizzjonali tal-PAK, issa saru miżuri ta' protezzjoni sal-punt li l-ħażniet pubbliċi ġew virtwalment eliminati.

Fir-rigward tat-tieni pilastru li jinkludi l-politika dwar l-iżvilupp rurali, sar aktar progress fl-2012 fl-għeluq tal-programmi li jkopru l-perjodu 2000 - 06 u fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali tal-2007 - 13. Filwaqt li għad hemm lok għal progress fuq il-kwalità tad-dejta mogħtija mill-Istati Membri, jistgħu jiġu rrapportati kisbiet sinifikanti abbażi tal-figuri disponibbli. Pereżempju, il-valur tal-produzzjoni agrikola taħt tikketta/standards ta' kwalità rikonoxxuti appoġġjati mill-Fondi Agrikoli għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fil-preżent laħaq EUR 13.2 biljun li jirrappreżenta 80% tal-mira finali tal-programm stabbilita għall-2013 u 62 miljun ċittadin f'żoni rurali bbenefikaw minn titjib fis-servizzi appoġġjati minn FAEŻR, li jirrappreżenta 87% tal-mira finali tal-programm stabbilita għall-2013. F'termini finanzjarji, sal-aħħar tal-2012, ingħataw EUR 58.9 biljun mill-baġit totali ta' EUR 96.2 biljun għall-perjodu 2007 – 13. L-Assi 1, 3 u 4 issa laħqu 43.8% tal-baġit allokat. Madankollu, hemm inċertezzi sinifikanti fuq il-kontinwazzjoni ta' din it-tendenza pożittiva għaliex il-kriżi ekonomika tnaqqas il-possibbiltajiet għall-Istati Membri biex jipprovdu l-fondi pariġġ u l-kapaċità amministrattiva meħtieġa biex jimplimentaw il-programmi.

Fl-2012 twettqu sitt evalwazzjonijiet dwar elementi differenti tal-PAK li eżaminaw b'mod partikolari l-impatti tal-miżuri tal-PAK fuq is-swieq, id-dħul tal-irziezet, l-istrutturi ta' produzzjoni, il-kompetittività, l-ambjent u l-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, tmien rapporti speċjali mill-Qorti tal-Awdituri pprovdew feedback relatat mal-prestazzjoni fuq miżuri mmirati[21]. Ir-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet u rapporti speċjali jindikaw il-ħtieġa għal immirar aħjar tal-miżuri, simplifikazzjoni, u titjib fil-monitoraġġ tal-kisbiet tar-riżultati u l-objettivi.

Fir-rigward tal-politika dwar l-iżvilupp rurali, l-evalwazzjoni ex-post tal-programmi ta' żvilupp rurali (PŻR) tal-2000 - 06, b'baġit totali ta' EUR 59.2 biljun u s-sinteżi tal-evalwazzjonijiet ta' nofs it-terminu tal-PŻR tal-2007 - 13, b'baġit totali ta' EUR 96.2 biljun, tlestew it-tnejn fl-2012. Ir-riżultati jindikaw li l-PŻR juru kapaċità li jiġġeneraw impatti ekonomiċi u ambjentali pożittivi, għalkemm il-maġġoranza tal-miżuri għandhom aktar impatti fil-livell tal-benefiċjarju individwali milli fil-livell tal-ekonomija u l-popolazzjoni rurali kollha. L-effetti fuq id-dħul jidhru li huma korrelati ħafna mal-immirar effiċjenti tal-appoġġ speċifiku għall-miżuri u l-applikazzjoni kombinata tal-miżuri.

Barra minn hekk, il-miżuri ta' żvilupp rurali żammew jew iġġeneraw l-impjieg fiż-żoni rurali. L-effetti netti fuq l-impjieg tal-miżuri tal-PŻR jidhru li huma ġeneralment aktar baxxi mill-impatti netti fuq id-dħul, għalkemm huwa diffiċli li tiżola l-impatt tal-interventi tal-PŻR minn dak ta' fatturi oħra. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' dawn l-evalwazzjonijiet ikkontribwew għat-tfassil tal-politika dwar l-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014 - 20, inkluż il-ħtieġa ta' mmirar aħjar tal-miżuri, titjib fl-istrateġiji u t-tfassil tal-istrateġija tal-iżvilupp rurali, kumplimentarjetajiet bejn il-miżuri, u tisħiħ tal-kumplimentarjetajiet bejn il-programmi ta' żvilupp rurali u programmi u fondi oħra.

L-esperjenza miksuba mir-riforma tal-inbid tal-2008 ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonkludi li r-riforma ġiet implimentata b'suċċess u li ma għadx hemm eċċess strutturali fis-settur tal-inbid[22]. Dawn il-konklużjonijiet kienu appoġġjati mill-evalwazzjoni tas-settur tal-inbid li tkopri l-perjodu 2001 - 11, li tiffoka fuq l-effetti tar-riforma tal-2008. L-evalwazzjoni inkludiet analiżi ulterjuri tar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri[23] li indikat in-nuqqas ta' indikaturi tal-prestazzjoni prinċipali, id-diskrezzjoni wiesgħa wisq tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ristrutturar u konverżjoni u l-livelli għoljin wisq tar-rati ta' għajnuna.

L-evalwazzjoni sabet li l-implimentazzjoni tal-miżuri permezz ta' programmi ta' appoġġ nazzjonali, li jippermettu l-flessibbiltà u l-adattabilità tal-miżuri ta' appoġġ għall-ħtiġijiet lokali tas-setturi tal-inbid, kienet effettiva. Madankollu, feġġew xi problemi fil-ġestjoni tal-politika li llimitaw l-effikaċja, pereżempju, bl-applikazzjoni ta' proċeduri riġidi wisq. L-evalwazzjoni tal-miżuri li jsaħħu l-kompetittività tal-produtturi tal-inbid tal-UE u s-suq qieset li l-miżuri huma aktar effiċjenti, iżda l-implimentazzjoni minn ċertu Stati Membri/reġjuni (immirar insuffiċjenti tal-benefiċjarji) naqqset l-effiċjenza. Jidher li s-simplifikazzjoni ma nkisbitx bl-approċċ attwali u li hemm inkonsistenza bejn il-miżura għall-promozzjoni tal-marki kummerċjali privati fis-swieq ta' pajjiżi terzi u dawk li jippermettu l-promozzjoni ġenerika fis-suq tal-UE.

L-evalwazzjoni tas-settur taċ-ċereali kkonfermat li, filwaqt li hija meħtieġa għajnuna biex tappoġġja d-dħul tal-produtturi, il-bidla għad-diżakkopjar tillimita l-effetti tad-distorsjoni u tiżgura koerenza mal-objettivi globali tal-PAK. Id-deċiżjonijiet fuq il-produzzjoni tal-bdiewa u l-proċessuri huma l-aktar iddeterminati mis-sinjali tas-suq, li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern. Il-miżuri ppromwovew l-iżvilupp ta' għelejjel taċ-ċereali u l-użi aħħarin li l-UE għandha vantaġġ komparattiv fihom. Ir-riforma kienet relattivament effiċjenti, għaliex l-ispejjeż tal-miżuri speċifiċi għaċ-ċereali naqsu, filwaqt li l-aġenziji tal-pagament tal-Istati Membri u, sa ċertu punt, il-produtturi, jaraw il-piż amministrattiv bħala maniġġevoli.

L-evalwazzjoni tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel eżaminat l-effetti ta' din l-inizjattiva li tnediet fl-2008. Din sabet li l-iskema kienet effettiva fiż-żieda tal-konsum tal-frott u l-ħxejjex mit-tfal għal żmien qasir, filwaqt li l-perjodu ta' implimentazzjoni qasir ma jippermettix għalissa l-evalwazzjoni tal-impatt fuq it-titjib fl-attitudnijiet tal-ikel fit-tul. Rigward l-influwenza tal-finanzjament tal-UE fuq l-effikaċja tal-iskema, l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-għajnuna tal-UE għandha impatt pożittiv jew anki essenzjali. L-iskema nstabet li hija ċentrali għall-implimentazzjoni tal-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri parteċipanti kważi kollha. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiżdied il-livell ta' kofinanzjament tal-UE u li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri eliġibbli għall-għajnuna tal-UE ġew inklużi fil-bidliet proposti għall-iskema fil-kuntest tal-proposti ta' riforma tal-PAK tal-2020.

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni ex-post tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Foresti tal-UE eżaminat l-implimentazzjoni tat-18-il azzjoni speċifika tal-pjan matul il-perjodu 2007 - 11. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta' din l-evalwazzjoni jagħtu input ewlieni fir-reviżjoni ta' kwalunkwe Strateġija għall-Foresti futura tal-UE.

Il-politiki tal-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-politiki marittimi u tas-sajd tal-UE huma appoġġjati minn programmi ta' nfiq marbuta mal-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd fil-qasam tad-Dritt Marittimu, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-FAEG (Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija). Sa Lulju 2012, l-Istati Membri rrapportaw li l-impenji taħt l-FES laħqu total ta' kważi EUR 2.423 biljun, liema ammont jirrappreżenta 56.3% tal-ammont ipprogrammat għall-perjodu kollu.

Fl-2012, saru disponibbli sitt evalwazzjonijiet, li kienu jinkludu l-oqsma ta' nfiq ewlenin: evalwazzjonijiet ex-post tal-Ftehimiet ta' Sħubija tas-Sajd (appoġġjati mill-fondi tal-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tad-Dritt tal-Baħar) u evalwazzjoni interim tal-FES li tkopri l-2007 - 2010. Minbarra dawn l-evalwazzjonijiet, ir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, l-awditi interni, u d-dejta mir-reġistru tal-flotot tas-sajd tal-UE jagħtu aktar input dwar il-prestazzjoni.

Is-sinteżi tar-rapport tal-FES iffoka l-aktar fuq l-implimentazzjoni tal-programm, minħabba l-ħin limitat kopert u nuqqas korrispondenti ta' dejta relatata mal-prestazzjoni. B'mod partikolari, id-dejta mir-rapporti nazzjonali kienet eteroġenja ħafna, liema ħaġa trendi impossibbli l-fatt li jsiru paraguni fost l-Istati Membri, aspett li jeħtieġ li jiġi kkoreġġut għall-MFF li jmiss. Ir-rapport wera li, minkejja li l-progress fuq il-maġġoranza ta' oqsma prijoritarji (l-'Assi') kien sodisfaċenti, ir-rata ta' lħuq tal-Assi 4 fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli tas-sajd kienet l-aktar baxxa, minħabba li l-azzjonijiet kienu ġeneralment għadhom fl-istadji bikrin ħafna tal-implimentazzjoni. L-ispjegazzjonijiet ewlenin għad-dewmien fl-implimentazzjoni kellhom x'jaqsmu ma' kofinanzjament limitat minħabba l-ambjent ekonomiku sfavorevoli, aċċess limitat għall-finanzjament tad-dejn u t-tnedija tard tal-programmi. Min-naħa l-oħra, issemew ċerti fatturi ta' suċċess, inkluż l-amministrazzjoni effiċjenti u ż-żieda fl-interess tas-settur.

Ir-rapport ta' sinteżi indika li s-sistemi ta' monitoraġġ b'mod ġenerali kienu qed jaħdmu sew, iżda li l-kwalità u d-definizzjoni tal-indikaturi jeħtieġu jitjiebu aktar. Dan tqies fit-tħejjija tas-sistema ta' evalwazzjoni u monitoraġġ tal-FEMS (Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) li jirrifletti l-orjentazzjoni aktar b'saħħitha lejn ir-riżultati li qed tingħata lill-politika. Dan jinkiseb permezz tal-introduzzjoni ta' loġika ta' intervent aktar ċara fil-Programmi Operazzjonali, bl-użu ta' indikaturi tal-output u tar-riżultati komuni għall-monitoraġġ u bl-inklużjoni ta' qafas ta' prestazzjoni u riżerva fil-programmi. Barra minn hekk, id-dejta aġġornata tal-2012 uriet li sal-aħħar tal-2012 id-dewmien fuq l-Assi 4 ġie ssuperat u li qed ikun hemm riżultati tajbin.

Bħala informazzjoni kumplimentari għar-rapport ta' sinteżi tal-FES, id-dejta fir-reġistru tal-flotot tas-sajd tal-UE turi li l-appoġġ għad-dekumissjonament tal-bastimenti tas-sajd kważi laħaq il-miri stabbiliti fil-programmi operazzjonali tal-Istati Membri. 603 bastimenti ġew dekummissjonati fl-2012 bl-appoġġ tal-FES. Madankollu, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat li l-appoġġ tal-FES għad-dekumissjonament tal-bastimenti tas-sajd ma kellux impatt biżżejjed fuq il-kapaċità jew l-isforz tas-sajd u lanqas ma rnexxielu jirrimedja l-bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotot u l-opportunitajiet tas-sajd f'mod sostenibbli fit-tul. Il-Kummissjoni qieset dawn is-sejbiet fit-tfassil tal-FEMS il-ġdid għall-perjodu 2014 - 2020 billi pproponiet li ttemm dawk il-miżuri tal-flotot li ma rnexxilhomx inaqqsu l-kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd Ewropea.

L-evalwazzjonijiet ex-post ta' diversi Ftehimiet ta' Sħubija tas-Sajd (FPAs) jindikaw li l-FPAs jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ġid u impjieg ekonomiku, kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiż Sieħeb. Fir-rigward tal-effiċjenza, l-FPAs iggarantixxew l-aċċess għas-sidien tal-bastimenti tal-UE għal numru ta' Żoni Ekonomiċi Esklussivi (EEZs) ta' pajjiżi terzi fi ħdan qafas regolatorju, filwaqt li pprovdew fondi sabiex titjieb il-governanza tas-sajd lokali. Għaldaqstant, jistgħu jitqiesu ta' benefiċċju kemm għall-pajjiżi tal-UE kif ukoll għall-pajjiżi Sħab benefiċjarji. Madankollu, awditu intern mill-Kummissjoni qies li kien hemm dgħufijiet fl-indirizzar tal-proċess attwali ta' evalwazzjoni ta' ftehimiet individwali, u rrakkomanda l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' metodoloġija standard u approċċ koerenti u sistematiku għat-twettiq tal-evalwazzjoni ex-post kif ukoll ta' dik ex-ante. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-preżent qed jiġu implimentati permezz ta' linji gwida ġodda interni dwar l-evalwazzjonijiet ta' FPAs li jkopru kemm kwistjonijiet metodoloġiċi kif ukoll informazzjoni prattika dwar proċeduri u rekwiżiti. Abbażi ta' dan, ġew żviluppati termini ta' referenza ġodda biex jintużaw għal evalwazzjonijiet kontinwi u tal-ġejjieni.

L-evalwazzjoni ex-post dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba għall-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mill-iktar reġjuni mbiegħda tindika li hija effikaċi biex taqdi l-għan tagħha li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija tas-sajd ikkonċernata. . Għalhekk, għall-perjodu finanzjarju li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet skema ta' kumpens simili għal dik li tinsab fis-seħħ bħalissa fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (EMFF).

Intestatura 3A – Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

Fl-2012, il-politiki fl-oqsma tal-affarijiet interni ġew appoġġati minn baġit ta' EUR 1.37 biljun f'impenji. L-appoġġ huwa organizzat permezz ta' żewġ programmi: "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni (SOLID)" u "Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet". Ir-riżultati tal-prestazzjoni finanzjarja baqgħu sodisfaċenti b'rati ta' implimentazzjoni ta' 100% fuq l-impenji u 99% fuq il-pagamenti fl-2012.

L-evalwazzjoni tal-2012 tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (appoġġ ta' EUR 845,000 taħt il-"Fond għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità") uriet il-valur miżjud tan-netwerk. Abbażi ta' din l-evalwazzjoni, u bħala rispons għat-talba tal-Kunsill Ewropew li jsir studju tal-possibbiltà li jiġi stabbilit Osservatorju għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, il-Kummissjoni rrakkomandat li jiġi kkonsolidat il-progress li sar u li jitjieb il-funzjonament tan-Netwerk pjuttost milli jiġi stabbilit Osservatorju. L-evalwazzjoni indikat ukoll li numru ta' dgħufijiet, inkluż fuq organizzazzjoni u governanza, jeħtieġu jiġu kkoreġġuti permezz ta' allinjament aktar sistematiku tan-Netwerk mal-prijoritajiet miftiehma tal-UE, rwol imsaħħaħ fl-għoti ta' inputs lit-tfassil tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri u approċċ aktar strateġiku għad-determinazzjoni tal-attivitajiet. Il-Kummissjoni fil-preżent qed issegwi fuq ir-rakkomandazzjonijiet u d-dgħufijiet identifikati.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri wettqet ukoll awditu tal-prestazzjoni fl-2012 dwar il-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u l-Fond Ewropew għar-Rifuġjati għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. B'mod ġenerali, il-Qorti enfasizzat l-azzjonijiet u l-proġetti li juru riżultati pożittivi iżda kkritikat l-effikaċja ġenerali tal-Fondi u għamlet numru ta' rakkomandazzjonijiet inkluż il-ħtieġa għas-simplifikazzjoni tal-arranġamenti tal-ipprogrammar u li jkun hemm sistemi ta' ġestjoni u kontroll, u sistema ta' indikaturi komuni għall-kejl tal-outputs u r-riżultati tal-programm. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-programmi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tal-2014 - 20 dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għas-Sigurtà Interna inkludew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti. Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Qorti dwar l-effikaċja tal-Fondi u t-trikkib potenzjali jew in-nuqqas ta' kumplimentarjetà bejn il-FEI u fondi oħra tal-UE. Il-Kummissjoni tiżgura l-insegwiment meħtieġ mal-Istati Membri sabiex jiġu implimentati arranġamenti xierqa fil-livell nazzjonali.

Fil-qasam tal-Ġustizzja, ġew implimentati kif previst il-programmi rilevanti (il-Programm tal-Ġustizzja Ċivili, il-Programm tal-Ġustizzja Kriminali, Il-Programm Daphne III, il-Programm tad-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, il-Programm tal-Prevenzjoni mid-Droga u l-Informazzjoni dwar id-Droga u t-taqsimiet Progress fl-Ugwaljanza u l-Antidiskriminazzjoni), b'baġit totali tal' EUR 119-il miljun. Fl-2012, ma kienu disponibbli ebda riżultati ġodda għal dawn il-programmi.

Intestatura 3B – Ċittadinanza

Il-politika dwar il-komunikazzjoni

Fl-2012, l-informazzjoni relatata mal-prestazzjoni wriet progress fl-implimentazzjoni tat-tliet objettivi speċifiċi tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" (2012: EUR 28.4 miljun impenjati).[24] Il-programm laħaq l-objettivi tiegħu, kemm f'termini ta' prestazzjoni finanzjarja kif ukoll tal-azzjonijiet imwettqa. Dwar l-ewwel għan li jiġi żviluppat sens ta' sjieda min-naħa taċ-ċittadini tal-integrazzjoni Ewropea, 77.5% tal-parteċipanti tal-programm f'451 proġett ikkuntrattat iħossuhom aktar Ewropej, li jaqbeż il-mira ta' 75%. It-temi tal-programm fl-2012 li l-aktar li ngħataw kunsiderazzjoni mill-proġetti eliġibbli kienu "Setgħa liċ-ċittadini biex jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-ħajja demokratika tal-UE" (61%) u "li tingħata liċ-ċittadini l-opportunità li jinteraġġixxu u jipparteċipaw fil-bini ta' Ewropa akar integrata" (58%). Studju tal-impatt tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" huwa previst fl-2013.

Barra minn hekk, fl-2012 saru disponibbli tnax-il evalwazzjoni. Dawn kellhom x'jaqsmu ma': is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (EYV) 2011, azzjonijiet ta' "Komunikazzjoni u l-midja" (evalwazzjoni interim ta' PressEurop) u aspetti differenti tal-Komunikazzjoni "Ixtri lokali" (10 evalwazzjonijiet). B'mod partikolari, l-evidenza dwar l-EYV 2011 (baġit ta' EUR 7.7 miljun impenjati fl-2011) turi li l-programm kellu impatt pożittiv fuq il-volontarjat, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali.

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-objettivi u l-attivitajiet tas-Sena kienu rilevanti u mmirati, u li l-approċċ orjentat lejn ir-riżultati kellu suċċess fl-ilħuq tal-objettivi fl-Istati Membri kollha, anki jekk l-impatt varja skont is-sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi. L-esperjenza tal-EYV 2011 hija li l-programmi nazzjonali u l-kooperazzjoni mal-Korpi ta' Koordinazzjoni Nazzjonali fl-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin Ewropej jikkostitwixxu mudelli ta' prattika tajba li jiżguraw li l-messaġġi tas-sena Ewropea jinfirxu sew u jiksbu impatt sostenibbli fil-livell nazzjonali u fil-livell tas-soċjetà ċivili. Għas-Snin Ewropej tal-ġejjieni, jistgħu jiġu żviluppati sinerġiji aħjar mal-programmi eżistenzi u Snin Ewropej oħra.

Il-politika kulturali

Fl-2012 ġiet irrapportata evidenza tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni (YiA), MEDIA 2007 - 13 u MEDIA Mundus, u l-Programm Kultura.[25] Fl-2012, il-programmi ġew implimentati kif previst, fil-ħin, anki qabel mis-snin preċedenti, u fil-pajjiżi kollha parteċipanti. YiA impenja EUR 140.4 miljun (ogħla bi 8% meta mqabbel mal-2011). Fl-2012, YiA appoġġja numru anki ikbar ta' żgħażagħ u ħaddiema żgħażagħ; b'200,000 parteċipant, il-programm wera li huwa dejjem aktar attraenti (aktar minn 920,000 mill-2007) u jikkontribwixxi għar-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali.

Skont l-aħħar stħarriġ ta' monitoraġġ disponibbli, 67% mill-parteċipanti jemmnu li ċ-ċansijiet ta' impjieg tagħhom żdiedu grazzi għall-esperjenza tagħhom fil-YiA (61% fl-istħarriġ preċedenti). Fl-2012, MEDIA 2007 - 2013 u MEDIA Mundus impenjaw EUR 112.5 miljun. Il-programm Kultura fl-2012 impenja EUR 59.2 miljun (ogħla bi 3% meta mqabbel mal-2011). Bħala riżultat ta' dawn il-programmi, kien stmat li aktar minn 19,400 artist/ħaddiem kulturali kienu mobbli, eluf ta' ħaddiema kulturali kienu ċċirkolaw fl-2010 u kważi 1,480 organizzazzjoni kienu involuti fl-2011, jew bħala koordinaturi jew bħala koorganizzaturi.

Il-politiki tas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Il-politika fil-qasam tas-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur hija appoġġjata mill-Programm dwar is-Saħħa Pubblika (EUR 48.9 miljun impenjati fl-2012) u azzjoni tal-UE fil-qasam tal-politika (EUR 22 miljun impenjati fl-2012). Ebda evalwazzjoni ġdida ma saret disponibbli fl-2012.

Intestatura 4 – L-UE bħala Attur Globali

L-Iżvilupp u r-Relazzjonijiet Esterni

L-assistenza tal-UE għall-iżvilupp estern hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ). L-iktar strument importanti f'termini finanzjarji huwa l-FEŻ (EUR 3.7 biljuni impenjati fl-2012), għall-pajjiżi fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, segwit mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) (2.4 biljuni impenjati fl-2012) u l-Istrument ta' finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) (EUR 2.3 biljuni impenjati fl-2012).

Fl-2012, ġew ippubblikati 10 evalwazzjonijiet ġeografiċi u 6 evalwazzjonijiet tematiċi relatati mal-Politika dwar l-Iżvilupp tal-UE. B'mod ġenerali dawn juru li fil-livell strateġiku, l-interventi tal-UE jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-pajjiżi u l-popolazzjonijiet sħab iżda għandhom jibqgħu flessibbli biżżejjed biex jantiċipaw u jaġġustaw għall-kuntest li qed jinbidel. Fi stati fraġili, l-UE għandha tiffoka aktar fuq l-iżvilupp u l-governanza tajba. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaġixxu bħala katalista għat-titjib tar-rilevanza tal-istrateġiji tal-UE u biex iżommu l-gvernijiet responsabbli.

Taħlita xierqa ta' tipi ta' għajnuna ttejjeb l-effiċjenza fil-livell strateġiku. Dan huwa l-aktar importanti f'kuntest fraġili fejn l-istrumenti ta' għajnuna jeħtieġu jkunu partikolarment flessibbli. L-inputs mhux finanzjarji huma fatturi prinċipali ta' suċċess, b'mod partikolari fir-rigward tal-Appoġġ Baġitarju, u għandu jiġi żviluppat djalogu politiku aktar inklużiv u effettiv. L-Appoġġ Baġitarju huwa għodda effettiva li tgħin ittejjeb il-ġestjoni finanzjarja pubblika u riformi oħra, iżda ma tistax tixtri r-riformi. Hija tista' ttejjeb l-allinjament u l-appoġġ għall-istituzzjonijiet bl-għajnuna ta' inputs mhux finanzjarji bħad-djalogu tal-politika.

L-impatt ġeneralment pożittiv tal-UE fuq it-tnaqqis tal-faqar jista' jittejjeb aktar permezz ta' koordinazzjoni aħjar ma' donaturi oħra, rabta aħjar bejn programmi reġjonali u nazzjonali u iżjed sinerġiji bejn is-setturi differenti. Il-proġetti u l-programmi tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta' monitoraġġ aħjar u aktar strutturata. L-UE għandha tinkoraġġixxi wkoll lil kull sieħeb biex itejjeb is-sistemi ta' monitoraġġ tiegħu. Id-delegazzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jiżviluppaw iktar il-kapaċità u l-kompetenza teknika u settorjali tagħhom sabiex itejbu l-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta' programmi u jantiċipaw aħjar it-tendenzi fit-tul.

Riżultati tal-evalwazzjonijiet ġeografiċi se jalimentaw il-proċess ta' programmazzjoni ġeografika attwali li se jkun finalizzat fl-2014. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall- Azzjoni Esterna (SEAE) sejrin iqisu r-riżultati meta jkunu qed iħejju l-programmi tal-pajjiż li jmiss, li għandhom ikunu disponibbli s-sena d-dieħla.

Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet tematiċi qed ikollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet ta' politika. Bħala riżultat tal-evalwazzjoni tal-appoġġ fis-settur tas-saħħa, programm intern għall-azzjoni se jintegra l-politiki u l-impenji eżistenzi biex tittejjeb l-implimentazzjoni, u l-appoġġ fl-interventi relatati mas-saħħa f'kull pajjiż imsieħeb se jkun aktar konċentrat. L-evalwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem wasslet għal approvazzjoni ta' Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u Pjan ta' Azzjoni relatat mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012, kif ukoll ir-rilaxx ta' Qafas Strateġiku unifikat għad-drittijiet tal-bniedem għall-ewwel darba komuni għall-Kummissjoni, l-SEAE u l-Istati Membri, bi pjan ta' azzjoni wiesa' għall-implimentazzjoni tiegħu.

Il-politika dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Għajnuna Makrofinanzjarja tipprovdi appoġġ għall-bilanċ tal-pagament lil pajjiżi terzi msieħba fil-forma ta' self jew għotjiet fuq perjodu medju/fit-tul u tikkumplimenta l-finanzjament mogħti fil-kuntest ta' programmi ta' riforma tal-Fond Monetarju Internazzjonali. L-evalwazzjonijiet tal-operazzjonijiet fil-Ġeorġja (EUR 46 miljun f'għotjiet), il-Libanu (EUR 15-il miljun f'għotjiet u EUR 25 miljun f'self) u l-Kosovo (EUR 30 miljun f'għotjiet) ikkonfermaw li dan it-tip ta' strument għall-kriżijiet jikkontribwixxi, flimkien mal-programmi tal-FMI, għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika u s-sostenibbiltà esterna tal-pajjiżi benefiċjarji. L-impatt ta' dawn l-istrumenti huwa rinforzat billi l-assistenza hija magħmula soġġetta għal riformi strutturali fil-governanza tal-pajjiżi riċevituri. Madankollu, l-evalwazzjonijiet tal-MFA lill-Ġeorġja u lill-Kosovo ssuġġerew li l-Kummissjoni għandha tkun aktar speċifika fil-formulazzjoni tal-kundizzjonalità, speċjalment fil-każ ta' azzjonijiet inqas stretti bħall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni. Din għandha ttejjeb ukoll il-viżibilità tal-istrument tal-MFA. L-MFA ħoloq valur miżjud permezz tal-effett taż-żieda fil-fiduċja, iż-żieda fil-kredibilità tal-pajjiż f'għajnejn il-komunità internazzjonali u l-investituri potenzjali. Il-Kummissjoni tkompli tqis ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-evalwazzjonijiet fid-disinn u fl-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet li jkunu għaddejjin u dawk futuri.

L-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili

Iż-żewġ strumenti ewlenin għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat twassil rapidu u effettiv tal-għajnuna ta' sokkors tal-UE huma l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili.

L-UE tintervjeni meta u fejn isseħħ kriżi jew diżastru naturali, u tgħin lill-persuni affettwati ġewwa pajjiżi terzi u ġewwa l-UE. Fl-2012, il-Kummissjoni impenjat 1,252 miljun bħala rispons għal kriżijiet ġodda jew fit-tul. Il-baġit inizjali ta' EUR 874 miljun għalhekk żdied f'diversi okkażjonijiet sabiex iwieġeb għal kriżijiet ġodda u diżastri naturali li seħħew matul is-sena.

Il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili (CPM) ġie attivat 38 darba matul is-sena. Total ta' 31 minn dawn l-interventi kienu relatati ma' diżastri naturali (maltemp tal-borra, temp kiesaħ ħafna, għargħar, terremoti, tsunami, valangi, maltempati, u nirien fil-foresti) u sebgħa ma' diżastri kkawżati mill-bniedem (splużjonijiet, kampijiet tar-rifuġjati, tniġġis tal-baħar). Total ta' 16-il intervent kienu jikkonċernaw pajjiżi fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (EUCPM) u 22 kienu jikkonċernaw pajjiżi oħrajn.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxu f'isem l-UE bħala ħaġa waħda, flimkien ikomplu jkunu l-akbar donatur uniku ta' għajnuna umanitarja fid-dinja. L-UE tammonta għal madwar 47% tal-għajnuna umanitarja globali. Il-maġġoranza l-kbira tal-finanzjamenti fl-2012 kienu ddedikati għall-Afrika (51%). Għajnuna sostanzjali ngħatat ukoll lil-Lvant Nofsani (is-Sirja u l-pajjiżi tal-viċinat), għal Myanmar/Burma, u d-diżastri naturali fix-Xlokk tal-Asja u l-Karibew. Il-Kummissjoni ffinanzjat attivitajiet ta' għajnuna umanitarja li kienu ta' benefiċċju għal aktar minn 122 miljun vittma.

Fl-2012, tlestew disa' evalwazzjonijiet, li minnhom ħamsa kienu speċifiċi għall-pajjiż u erbgħa tematiċi/trażversali.

L-evalwazzjonijiet b'mod ġenerali wrew li l-assitenza umanitarja tal-UE hija meqjusa effikaċi u li l-approċċ "minn isfel għal fuq" wera l-kapaċità tiegħu li jirrispondi malajr għall-kriżijiet. Rakkomandazzjonijiet ta' rilevanza ġenerali li jtejbu l-effettività jistgħu jinġabru f'sommarju kif ġej. Filwaqt li l-istrumenti standard jikkunsidraw riskji prevalenti u jipprovdu bażi għal deċiżjonijiet ta' impenn u diżimpenn, għandha ssir enfasi ikbar fuq il-kejl ta' miżuri u impatt għal tul ta' żmien itwal, inkluż il-provvediment ta' sett ta' indikaturi xierqa biex jitkejlu l-impatti. L-isforzi biex inkunu l-mutur f'termini ta' koordinazzjoni bejn id-donaturi għandhom ikomplu. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-parteċipazzjoni u l-koordinazzjoni tal-komunità mas-soċjetà ċivili tkun ir-regola mhux l-eċċezzjoni. L-ispinta għall-innovazzjoni għandha tkompli u ma għandha ssegwi ebda tendenza li tistandardizza risposti awtomatiċi. Għandhom jiġu żgurati b'mod ulterjuri l-istrateġiji tal-ħruġ, b'mod partikolari f'ambjenti urbana fejn l-implikazzjonijiet ta' diżastru ġeneralment huma iktar kumplessi. Għal ċertu proġetti, għandha tiġi kkunsidrata estensjoni taż-żmien (pereżempju iktar minn 12-il xahar) biex tiġi żgurata l-effettività ta' proġett. .

Fir-rigward tal-effiċjenza, l-ispiża medja tal-assitenza umanitarja tal-UE hija madwar EUR 10 għal kull persuna assistita. Dwar il-qafas ta' implimentazzjoni, l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-Ftehim ta' Sħubija (FPA) uriet li l-ftehim jippermetti flessibbiltà ikbar għall-finanzi u ħinijiet iqsar biex tingħata risposta lil grupp żgħir ta' "msieħba ta' kwalità".

Abbażi tal-istabbiliment ta' prattika tajba, lezzjonijiet mitgħallma u koordinazzjoni msaħħa, l-opportunitajiet għal żieda fl-effiċjenza tal-interventi qed jiġu esplorati kontinwament. L-evalwazzjonijiet tal-2012 ipprovdew numru ta' inputs dwar kif jingħalqu l-lakuni fl-effiċjenza. Minħabba li r-riżorsi ħafna drabi u inevitabbilment ikunu mifruxa wisq fuq numru kbir ta' proġetti, għandu jiġi żgurat approċċ mutisettorjali integrat ulterjorment. Id-DĠ ECHO għandu jirrevedi l-proċeduri ta' ġbir tad-dejta sabiex itejjeb il-monitoraġġ tal-effiċjenza tad-DĠ ECHO. Il-mekkaniżmi għat-tisħiħ tat-tagħlim u l-iskambju tal-għarfien għandhom jissaħħu sabiex tiġi żgurata kapaċità teknika ta' livell għoli fil-qasam. .

Il-politika dwar it-tkabbir

L-implimentazzjoni tal-politika dwar it-tkabbir hija appoġġjata mill-istrument finanzjarju għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) tal-2007 - 2013. Il-valur miżjud imfittex mill-programm tal-IPA jinsab fil-kapaċità tiegħu li jaġixxi bħala motivatur ewlieni għall-preparazzjonijiet tal-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali għal sħubija tal-UE fil-ġejjieni. L-IPA hija mfassla biex tintroduċi l-kandidati għall-obbligi tas-sħubija qabel l-adeżjoni, pereżempju bl-istabbiliment ta' istituzzjonijiet għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE ta' wara l-adeżjoni, u/jew bl-adozzjoni tal-acquis u l-istandards tal-UE. Fil-preżent l-IPA hija maqsuma f'ħames komponenti.

Il-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi kandidati potenzjali mxiet fil-biċċa l-kbira kif ippjanat. Fl-2012, ġew impenjati fondi li jammontaw għal kważi EUR 1,016.5 miljun. Ir-riżultati fil-prattika qed jimmaterjalizzaw, kif jidher mill-progress li sar b'mod ġenerali fil-qasam tal-Istat tad-dritt, il-proċess stabbli tal-konverġenza lejn l-istandards u l-valuri Ewropej, u l-finalizzazzjoni tan-negozjati mal-Kroazja, biex issir it-28 Stat Membru tal-UE fl-2013. Madankollu, l-impatt tal-għajnuna xorta jista' jitjieb billi jitkomplew l-isforzi sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali u permezz ta' allokazzjoni ta' riżorsi aktar iffukata u strateġika.

Fl-2012, twettqet evalwazzjoni tematika tal-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-Governanza, l-Istat tad-Dritt, ir-Riforma Ġudizzjarja u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità fil-Balkani tal-Punent. Din uriet li fis-seba' pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, l-azzjonijiet iġibu valur miżjud ċar lill-awtoritajiet nazzjonali, għaliex kien hemm titjib kbir fl-oqfsa fundamentali istituzzjonali u organizzattivi fil-qasam tal-Istat tad-dritt. Madankollu, jinħtieġ impenn politiku aktar b'saħħtu.

F'termini ta' effiċjenza u effikaċja, l-evalwazzjoni tappoġġja s-simplifikazzjoni tal-ipprogrammar tal-IPA II għal numru iżgħar ta' strumenti, u aktar ipprogrammar settorjali b'orizzonti fuq żmien itwal. Fir-rigward tal-benefiċċjarji, l-evalwazzjoni indikat li l-programmi ta' riforma ġudizzjarja għandu jkollhom prijoritajiet aktar ċari riflessi fil-politika nazzjonali u l-proposti baġitarji, li jiżguraw parametri tal-ippjanar u finanzjament aktar stabbli.

Fir-rigward tal-UE, l-evalwazzjoni sabet li l-UE għandha telabora objettivi globali u speċifiċi għall-programmi fir-rigward tal-Governanza u l-Istat tad-Dritt u għandha tivvaluta mill-ġdid/iżżid il-finanzjament tal-IPA skont l-ipprogrammar ibbażat fuq l-evidenza. Il-programmi prijoritarji jista' jkollhom orizzont ta' erba' sa seba' snin b'"punti ta' waqfien" ċari għar-reviżjoni u l-aġġustament. B'kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni attwali, ġiet proposta l-idea li jiġi introdott ippjanar pluriennali fl-għajnuna tal-IPA II, li jkopri t-tul ta' żmien tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, b'reviżjoni ta' nofs it-terminu. L-evalwazzjoni indikat ukoll l-importanza tal-objettivi SMART u l-indikaturi tal-kejl biex jappoġġjaw l-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni. Uħud mill-indikaturi proposti fil-preżent qed jintużaw biex jiġi żviluppat qafas ta' indikaturi għall-eżerċizzju tal-ipprogrammar għall-għajnuna tal-IPA II.

Evalwazzjoni tematika dwar id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali fit-Turkija ssuġġeriet l-użu ta' approċċ ta' pprogrammar settorjali fl-IPA II. Abbażi tal-evalwazzjoni, l-għajnuna tal-UE għad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali fit-Turkija tqieset bħala ta' sostenn, ta' valur miżjud fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, li ssaħħaħ l-effikaċja tas-sistema tal-qrati u li turi livell xieraq ta' twassil ta' riżultati b'kunsiderazzjoni tar-riżorsi disponibbli. Madankollu, l-evalwazzjoni indikat ukoll dgħufijiet fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni tal-għajnuna, pereżempju s-sjieda minn istituzzjonijiet rilevanti u t-trasparenza lill-benefiċjarji. L-elementi ta' flessibbiltà, it-titjib fil-governanza u s-sjieda huma mbassra għall-ipprogrammar ġdid tal-IPA II.

L-evalwazzjoni tematika tal-Għajnuna tal-UE għas-Soċjetà Ċivili fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija ssuġġeriet involviment akbar tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati fl-ipprogrammar u l-mekkaniżmi tal-għażla tal-proġetti. Barra minn hekk ipproponiet sinerġija aħjar bejn l-interventi tal-UE u dawk mhux tal-UE, fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-IPA. L-evalwazzjoni pproponiet ċertu tibdil fil-ġestjoni tal-programm il-ġdid tal-IPA f'termini ta' żieda fil-kooperazzjoni ma' donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra fil-livell strateġiku. Barra minn hekk hija appoġġjat it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-ipprogrammar.

L-evalwazzjoni ta' SIGMA (Appoġġ għat-Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni) irrapportat li l-appoġġ huwa meqjus effettiv, iżda fil-preżent hemm nuqqas ta' ġerarkija strutturata u traċċabbli tal-objettivi ġenerali u speċifiċi u r-riskji integrati. Sa mill-2013 fi tliet pajjiżi, il-valutazzjonijiet ta' SIGMA se jkunu l-bażi għal djalogu aktar effettiv dwar il-politika, għodda li tinforma l-finanzjament nazzjonali u reġjonali tal-IPA, u għodda għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' riforma għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

Bl-użu tal-evalwazzjonijiet, il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm ġdid IPA II tfittex li tagħmel l-adattamenti meħtieġa biex tiżgura l-kontinwità u t-tranżizzjoni mill-IPA attwali, għall-applikazzjoni ta' regoli simplifikati u armonizzati mad-dipartimenti kollha tal-UE, u li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-benefiċjarji. Għal aktar effikaċja u effiċjenza, l-għajnuna se tkun aktar orjentata lejn ir-riżultati, flessibbli u mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi.

Qed jitwettaq ukoll titjib fir-rabtiet bejn l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja u l-ilħuq tal-miri tal-politika. Qegħdin jiġu proposti indikaturi ta' prestazzjoni aktar rilevanti għall-eżerċizzju tal-ipprogrammar tal-2014 - 2020.

4.           KONKLUŻJONIJIET

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni jindikaw il-bżonn ta' simplifikazzjoni, iktar objettivi ffukati, indikaturi komuni u qafas ta' prestazzjoni bi tragwardi u miri ċari għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss.

Il-Kummissjoni, ikkunsidrat dan meta għamlet il-proposti tagħha għal ġenerazzjoni ġdida ta' programmi taħt l-MFF li jmiss u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iżommu dan il-fokus fil-proposti leġiżlattivi għall-MFF li jmiss biex jiġi żgurat proċess iktar maniġġevoli, mmirat u miżurabbli għall-perjodu finanzjarju li jmiss.

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa rappurtar dwar il-progress u l-prestazzjoni iktar iddettaljat, sistematiku u mmirat li se jkun ibbażat fuq il-qafas ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill fl-MFF li jmiss. Hija se tippreżenta l-qafas il-ġdid għal dan ir-Rapport fl-2014. Sadanittant, hija tat struzzjonijiet lis-servizzi tagħha biex isaħħu u jissimplifikaw il-kejl u r-rappurtar tal-progress u l-prestazzjoni sabiex iservu ta' bażi għar-Rapporti ta' Attività Annwali tagħhom kollha u l-verżjonijiet futuri ta' dan ir-Rapport.

Ir-rapport ta' din is-sena jipprovdi stampa tal-progress ġenerali fl-avvanz tal-objettivi tal-programm tal-UE li jikkontribwixxu għall-miri tal-UE 2020; ir-riżultati madankollu xi drabi huma affettwati b'mod negattiv minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-finanzjament ipproduċa effetti ta' ingranaġġ importanti partikolarment għall-prestazzjoni tal-innovazzjoni, u sar progress tajjeb fil-ħolqien ta' suq intern effiċjenti tat-trasport u fl-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija. L-evalwazzjonijiet ikkonfermaw dan il-progress iżda għad fadal ħafna xi jsir. Il-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni, ipprovdew il-flessibbiltà tagħhom bħala reazzjoni għal dan it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-kontribuzzjoni tal-FSE għall-aċċess għall-impjieg ġiet ikkonfermata, u għad hemm inċertezza dwar is-sostenibbiltà tar-riżultati. Ir-rwol tal-finanzjament tal-UE huwa kkonfermat fiż-żamma tal-investiment pubbliku f'għadd ta' Stati Membri biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, l-istrateġiji tat-tkabbir u tal-investiment, it-tnaqqis tal-pressjoni minn fuq il-baġits nazzjonali, inklużi rati sostanzjalment miżjuda ta' kofinanzjament għal disa' Stati Membri.

[1]               Evalwazzjonijiet oħra koperti fl-Anness jikkonċernaw l-iktar attivitajiet regolatorji u ta' komunikazzjoni, informazzjoni u koordinazzjoni u proċessi amministrattivi interni tal-istituzzjonijiet tal-UE.

[2]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE

għas-sena finanzjarja 2011- P7 TA-PROV(2013)0122.

[3]               COM(2013)334 finali.

[4]               Iċ-ċifri kollha tan-nefqa għall-programmi fir-Rapport huma għall-2012.

[5]               Evalwazzjoni tal-Politiki tal-Istat Membru sabiex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għall-Finanzjament tal-SMEs u Evalwazzjoni tas-Swieq u l-Politiki ta' Investituri Informali fl-UE

[6]               Proposta COM(2011)834

[7]               Ara r-rapport tal-Attività Annwali għal DĠ MOVE fuq http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/

[8]               https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/scoreboard.

[9]               Studju dwar l-Impatt futur tal-Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija ARTEMIS u ENIAC (l-Assoċjazzjoni tal-Industrija ARTEMIS hija l-assoċjazzjoni tal-atturi fis-Sistemi Integrati fl-Ewropa. Hija tirrappreżenta l-komunità tar-riċerka inkluża l-industrija, l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka fl-Impriża Konġunta ARTEMIS) u ENIAC (L-Impriża Konġunta ENIAC hija sħubija pubblika-privata li tiffoka fuq in-nano-elettronika li ġġib flimkien Stati Membri/Assoċjati tal-ENIAC, il-Kummissjoni Ewropea, u AENEAS (assoċjazjoni li tirrappreżenta l-atturi tar-R&Ż Ewropej f'dan il-qasam)

[10]             (COM (2011)783).

[11]             Għal proġetti ġestiti mid-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD) u l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA).

[12]             Ara r-rapport tal-Attività Annwali għal DĠ Edukazzjoni u Kultura fuq http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/

[13]             Formoli ta' evalwazzjoni mimlijin mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-programm

[14]             Sors: Kejl tar-Riżultati – rapport annwali 2011

[15]             Sors: Rapport ta' Kull Xahar tal-Proġett CCN/CSI

[16]             Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni tal-VAT (VIES - VAT Information Exchange System); Sistema Ġdida ta' Tranżitu Kompjuterizzat (NCTS - New Computerised Transit System); Database tat-tariffi doganali online (TARIC - Online customs tariff database)

[17]             Regolament 1083/2006: Regolament ġenerali għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni

[18]             Jirriżulta mill-Politika ta' Koeżjoni COM(2013)210 finali: Rapport strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013 li janalizza 27 rapport strateġiku nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri fl-2012, li jiġbor fil-qosor kif il-programmi tagħhom kienu qed jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; l-aħħar rapporti annwali ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri għall-2011; ir-rapporti tal-pajjiżi ta' netwerk ta' esperti tal-evalwazzjoni; u evalwazzjonijiet li jkun għamel id-DĠ REGIO.

[19]             http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/pdf/eval2007/expert_innovation/2011_s

ynthesis_national_reports.pdf

[20]             Evalwazzjoni ex-post ta' proġetti kofinanzjati mill-FERŻ u l-Fond ta' Koeżjoni fil-perjodu 1994-1999; ex post

evalwazzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni 2000-06; Evalwazzjoni ta' Jaspers.

[21]             Rapporti Speċjali Nru 14/2011; 1/2012; 7/2012; 8/2012; 9/2012; 11/2012; 14/2011; 16/2012.

[22]             COM (2012)737

[23]             Ir-rapport speċjali jiffoka fuq il-miżuri ta' "qlugħ tad-dwieli" u r-"ristrutturar u l-konverżjoni ta' vinji"; l-

akbar żewġ oqsma ta' nfiq.

[24]             Ara r-Rapport Annwali tal-Attività għal DĠ COM fuq: ; http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/

[25]             Ara r-Rapport tal-Attività Annwali għal DĠ EAC fuq: http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/

Top