This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0333
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL The role of the European Union in the Food and Agriculture Organisation (FAO) after the Treaty of Lisbon: Updated Declaration of Competences and new arrangements between the Council and the Commission for the exercise of membership rights of the EU and its Member States
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) wara li t-Trattat ta’ Lisbona: Aġġornament tad-Dikjarazzjoni tal-Kompetenzi u arranġamenti ġodda bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ sħubija tal-UE u l-Istati Membri tagħha
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) wara li t-Trattat ta’ Lisbona: Aġġornament tad-Dikjarazzjoni tal-Kompetenzi u arranġamenti ġodda bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ sħubija tal-UE u l-Istati Membri tagħha
/* COM/2013/0333 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) wara li t-Trattat ta’ Lisbona: Aġġornament tad-Dikjarazzjoni tal-Kompetenzi u arranġamenti ġodda bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ sħubija tal-UE u l-Istati Membri tagħha /* COM/2013/0333 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-KUNSILL Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni
tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) wara li t-Trattat ta’ Lisbona:
Aġġornament tad-Dikjarazzjoni tal-Kompetenzi u arranġamenti
ġodda bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jeżerċitaw
id-drittijiet ta’ sħubija tal-UE u l-Istati Membri tagħha Introduzzjoni: L-UE u l-FAO L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri
tagħha, ilha membru sa mill-1991 tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet
Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO). Il-FAO u ż-żewġ aġenziji
l-oħra tan-NU bbażati f'Ruma[1]
huma fil-qalba tal-politika internazzjonali, u għandhom rwol normattiv,
tekniku u operattiv f’oqsma bħalma huma n-nutrizzjoni, il-produttività
agrikola, l-iżvilupp rurali, il-prevenzjoni ta’ kriżijiet globali
tal-ikel, it-theddid transkonfinali, l-immaniġġjar sostenibbli
tal-foresti, is-sajd u l-akkwakultura, l-ilma u l-art, is-saħħa u
l-produzzjoni tal-annimali u tal-pjanti, l-iżvilupp tal-kapaċità
għal informazzjoni u l-istatistika, il-ħolqien ta’ standards globali,
il-kummerċ u komoditajiet, l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;
oqsma li kollha huma ċentrali għall-UE. Permezz tas-sħubija tagħha tal-FAO u
l-ftehimiet strateġiċi ta’ sħubija mat-tliet aġenziji
tan-NU bbażti f'Ruma, l-UE wriet ir-rieda tagħha li tipparteċipa
fid-djalogu politiku fl-ogħla livell. Dan huwa kkumplimentat minn
kontribuzzjonijiet finanzjarji sostanzjali lejn it-tliet organizzazzjonijiet.
Meħuda flimkien, dawn it-tliet korpi jikkostitwixxu l-fora internazzjonali
prinċipali ta’ politika fi kwistjonijiet ta’ politika fil-qasam tal-ikel u
l-agrikoltura fejn huwa essenzjali li jkun hemm involviment b’saħħtu
tal-UE. Il-ħidma li l-FAO twettaq hija vitali
għat-tmexxija 'l quddiem tal-aġenda internazzjonali tas-sigurtà
tal-ikel. Il-mandat tal-FAO jolqot oqsma fil-qalba tal-politika ewlenija tal-UE
u huwa essenzjali li l-UE tkun kapaċi taġixxi mal-FAO f’dawn l-oqsma
kollha sabiex jiġi żgurat li l-politiki, il-linji gwida u
l-prinċipji adottati fil-livell internazzjonali jkunu jirriflettu tajjeb
il-politiki tal-UE. L-UE trid turi li r-rwol kritiku li għandha biex
tirreaġixxi għall-isfidi tas-sigurtà globali tal-ikel,
bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar donatur
fid-dinja, hu appoġġjat minn element qawwi ta' politika. Dan se jkun
partikolarment importanti hekk kif l-UE tvara inizjattivi innovattivi fejn
tidħol ir-reżiljenza u n-nutrizzjoni li jikkoinċidu
mal-eżerċizzju tal-ipprogrammar li jeħodna sa tmiem l-2020. Dan
huwa wkoll perjodu fejn se jkun hemm intensifikazzjoni tad-diskussjonijiet ta’
wara l-2015 rigward l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG),
inklużi diskussjonijiet dwar it-tfassil ta’ Miri ta’ Żvilupp
Sostenibbli (SDGs), fejn l-UE se tkun trid li jkollha rwol deċiżiv u
qawwi. Il-mandat tal-FAO ikopri oqsma li huma fil-qalba
tal-politiki tal-UE u tabilħaqq tar-rwol tagħha fid-dinja.
Eżempji riċenti juru l-involviment tal-UE u l-interess fil-ħidma
tal-FAO. L-UE pparteċipat f'negozjati li wasslu għall-adozzjoni
tal-linji gwida volontarji għal governanza responsabbli tal-pussess
tal-art, il-foresti u s-sajd (VGGT), il-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat
tal-Port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali,
mhux rappurtat u mhux regolat u l-linji gwida volontarji dwar il-Prestazzjoni
tal-Istat tal-Bandiera. Hija attiva fid-diskussjoni li għaddejjin dwar
il-prinċipji li għandhom jirregolaw l-investiment agrikolu
responsabbli. L-UE tikkontribwixxi b’mod attiv għax-xogħol
tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti
għall-Ikel u l-Agrikoltura. Bħala organizzazzjoni membru, l-UE
tipprovdi wkoll id-dejta statistika neċessarja u disponibbli fl-oqsma ta’
politika koperti mill-FAO. L-UE hija spiss rappreżentata f'livell politiku
meta suġġetti ta’ interess internazzjonali, bħall-każ
reċenti ta’ kriżijiet tal-ikel fis-Sahel u l-Qarn tal-Afrika jew
iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, ikunu jirrekjedu reazzjoni
internazzjonali. L-UE hija wkoll proponent qawwi ta’ riforma
fil-FAO u r-riforma tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS),
entità intergovernattiva stabbilita mill-FAO biex tirrevedi u ssegwi politiki
dwar is-sigurtà alimentari dinjija, u tappoġġa finanzjarjament u
politikament iż-żewġ proċessi ta’ riforma. Bejn l-2006 u l-2011, medja ta’ aktar minn
EUR 1 biljun ġew allokati kull sena għall-iżvilupp
rurali, ippjanar territorjali, l-agrikoltura u s-sigurtà alimentari.
L-agrikoltura sostenibbli u s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali huma fuq nett
tal-aġenda tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp fit-tul tal-UE u huma aspett
importanti tad-djalogu tagħna ma’ gvernijiet imsieħba u
organizzazzjonijiet internazzjonali bħal ma hi l-FAO. Fl-istess ħin,
l-indirizzar tal-ħtiġijiet alimentari u nutrizzjonali ta’
emerġenza huwaprijorità għall-UE. Għalhekk fil-livell ta’ politika, huwa
essenzjali li l-UE timpenja ruħha b’mod aktar effettiv mal-FAO. Bħala
l-akbar donatur fid-dinja għas-sigurtà alimentari, l-UE għandha rwol
kritiku x’taqdi biex tilħaq l-isfidi għas-sigurtà alimentari globali.
Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-FAO wara
t-Trattat ta’ Lisbona: Mindu daħal fis-seħħ it-Trattat
ta’ Lisbona, ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni hija garantita
mill-Kummissjoni fl-oqsma kollha ħlief tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà
Komuni (PESK), fejn l-Unjoni hija rrappreżentata mill-President
tal-Kunsill Ewropew u mir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet
Barranin u l-Politika ta’ sigurtà. Id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni
jirrappreżentaw lill-UE kemm fi kwistjonijiet tal-PESK kif ukoll f'dawk li
mhumiex f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Peress li
l-FAO tittratta biss kwistjonijiet mhux tal-PESK, l-atturi rilevanti tal-UE
huma għalhekk il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-UE akkreditata
għall-FAO. It-Trattati jipprovdu wkoll għal
koperazzjoni sinċiera u mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Istati Membri
tagħha. Fil-FAO, bħal f’organizzazzjonijiet internazzjonali
oħra, jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-interazzjoni bejn
l-atturi tal-UE u l-Istati Membri tal-UE tkun konsistenti. Għandhom
jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom sa l-ogħla livell possibbli, fid-dawl
ta’ prinċipji ċentrali bħal ma huma l-unità
tar-rappreżentazzjoni, it-trasparenza u l-kooperazzjoni sinċiera. Il-provvista lill-Unjoni u lill-Istati Membri
tagħha bil-mezzi biex jaġixxu b’mod aktar effettiv u koerenti fil-FAO
hija parti minn strateġija usa’ segwita mill-Kummissjoni għat-titjib
progressiv tal-parteċipazzjoni tal-UE f’organizzazzjonijiet
internazzjonali u f’fora oħrajn u hija konformi mar-Riżoluzzjoni
tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2011: "L-UE bħala attur
globali: ir-rwol tagħha f'organizzazzjonijiet multilaterali"[2]. Għall-kuntrarju ta’ bosta
organizzazzjonijiet li fihom il-limitazzjonijiet tal-istaus iliġġmu
l-kapaċità tal-UE li tipparteċipa b’mod effiċjenti, l-UE
diġà hija organizzazzjoni membru tal-FAO. Għalhekk, m’hemm l-ebda
bidla meħtieġa f’dak ir-rigward. Rappreżentanza koerenti,
komprensiva u unifikata tal-UE tista’ tinkiseb, min-naħa l-waħda,
billi tiġi ppreżentata lill-FAO dikjarazzjoni ġdida ta’
kompetenzi biex tieħu post l-aħħar Dikjarazzjoni tal-kompetenzi
maħruġa fl-1994 u, min-naħa l-oħra, billi jinbidlu
l-arranġamenti interni preżenti bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni li
ġejjin mill-1991, aġġornati fl-1992 u l-1995. La d-dikjarazzjoni l-ġdida ta’
kompetenzi, u lanqas l-arranġamenti l-ġodda ma jaffettwaw b'xi mod
it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif previst
taħt it-Trattati. Id-dikjarazzjoni tal-kompetenzi Skont l-Artikolu II, paragrafu 7,
tal-Kostituzzjoni tal-FAO, l-UE hija marbuta li tippreżenta lill-FAO kull
bidla rigward id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri
tagħha. L-aħħar dikjarazzjoni tal-kompetenzi
tal-Komunità Ewropea lill-FAO kienet saret fl-1994[3]. Minn dakinhar, il-kompetenzi
mogħtija lill-UE mit-Trattati li huma rilevanti għall-attivitajiet
tal-FAO evolvew sostanzjalment. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona
ċċara l-qafas legali applikabbli għad-diviżjoni
tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. F'dan l-isfond, hu meqjus li hemm bżonn
li tiġi pprezentata lill-FAO dikjarazzjoni ġdida ta’ kompetenzi. Id-Dikjarazzjoni tal-kompetenzi għandha
telenka l-kompetenzi mogħtija lill-UE mit-Trattati li huma dawk l-aktar
rilevanti għall-attivitajiet tal-FAO. Minħabba l-evoluzzjonijiet
possibbli fil-ġejjieni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati
Membri tagħha u l-karattru sempliċement dikjaratorju ta’ tali
dikjarazzjoni tal-kompetenzi, id-Dikjarazzjoni għandha tinżamm fuq
livell ġenerali filwaqt li tippermetti membri oħra tal-FAO li
jiġu infurmati dwar l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sħubija
flimkien ma’ nota ta’ informazzjoni li għandha tiġi sottomessa
mill-UE lill-FAO fir-rigward tal-laqgħat speċifiċi tal-korpi
tal-FAO. Id-Dikjarazzjoni tal-kompetenzi se tieħu
post dik li kienet saret fl-1994 li bħalissa tapplika
għall-biċċa l-kbira tal-korpi u l-ftehimiet tal-FAO, inklużi
l-korpi ċentrali tal-FAO. Għalhekk, din id-Dikjarazzjoni l-ġdida
tal-kompetenzi għandha tippermetti lill-UE biex tiċċara
r-relazzjonijiet tagħha ma' dawk li huma l-aktar organi importanti
istituzzjonalment tal-FAO. Madankollu, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li f'dan
l-eżerċizzju ma jiġux inklużi korpi tal-FAO u l-ftehimiet
li għalihom l-UE ppreżentat dikjarazzjoni speċifika ta’
kompetenzi.[4]
Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tevalwa dawn id-dikjarazzjonijiet
speċifiċi tal-kompetenzi fid-dawl ta’ reviżjoni futura possibbli
tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-obbligi li joħorġu
mill-Kostituzzjoni tal-FAO, kif ukoll id-diskussjonijiet li għaddejjin
bħalissa fi ħdan il-korpi internazzjonali kkonċernati u n-natura
dejjem tevolvi tal-qafas leġiżlattiv rilevanti tal-UE. Fl-2014
mistennija li l-Kummissjoni tibda inizjattivi xierqa biex tirrevedihom. L-arranġamenti l-ġodda dwar
l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sħubija Il-koordinazzjoni interna
għat-tħejjija u eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sħubija
fil-FAO hija attwalment regolata b’arranġament konkluż fl-1991 bejn
il-Kunsill u l-Kummissjoni[5].
Dan ġie rivedut fl-1992[6]
u fl-1995[7]
biex jiġu ċċarati ċerti prattiki f’termini ta’ drittijiet
ta' diskors u tal-votazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha
l-okkażjoni li tiddeċiedi li tali arranġamenti huma legalment
vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet[8]. Dawn l-arranġamenti jirrekjedu
reviżjoni għal diversi raġunijiet. Fil-prattika, l-applikazzjoni
tagħhom wasslet konsistentement għal diskussjonijiet li jieħdu
ħafna żmien dwar it-tqassim tal-kompetenzi. Dan ma ħalliex
żmien biżżejjed biex il-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill
ikunu jistgħu jelaboraw dwar is-sustanza tal-pożizzjonijiet li
jkollhom jittieħdu fid-dawl ta’ laqgħat tal-FAO. Barra minn hekk,
huma m’għadhomx konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’
Lisbona. Kwalunkwe arranġament ġdid
għandu jitqies bħala għodda li tippermetti lill-Kunsill itejjeb
u jeżerċita r-rwol tiegħu b’mod sħiħ fit-tfassil
tal-politika tal-UE kif ukoll biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni u
d-delegazzjonijiet tal-UE, bħala atturi esterni tal-UE, ikunu jistgħu
jirrappreżentaw effettivament l-UE fil-FAO. Huma għandhom jaraw li jkun hemm
tħejjija aktar effettiva tal-laqgħat tal-FAO. B’mod partikolari,
għandu jingħata żmien suffiċjenti biex il-korpi
preparatorji rilevanti tal-Kunsill ikunu jistgħu jikkunsidraw linji li
għandhom jieħdu jew, fejn meħtieġ, dikjarazzjonijiet
proviżorji li jirriflettu l-pożizzjonijiet eżistenti tal-UE. Fejn ma teżisti l-ebda pożizzjoni
tal-UE jew fejn il-kundizzjonijiet jew iċ-ċirkostanzi ikunu nbidlu
b'mod sostanzjali, irid jiġi żgurat li l-Kunsill ikun jista’ jwettaq
il-funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika tiegħu billi jilħaq qbil fuq
pożizzjoni tal-UE skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati
fi żmien dovut qabel laqgħat tal-FAO. Finalment, f'kull każ
iridu jiġu stabbiliti pożizzjonijiet komuni tal-UE u l-Istati Membri
tagħha fejn punti tal-aġenda tal-FAO jirrelataw ma' oqsma li fihom
il-pożizzjonijiet tal-UE ma jkunux biżżejjed waħedhom biex
ikopru l-punti kollha li jkunu fuq l-aġenda in kwistjoni. Billi dawn l-arranġamenti l-ġodda
għandhom jippermettu lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiksbu
rappreżentanza esterna koerenti, komprensiva u unifikata,
il-pożizzjonijiet kollha tal-UE għandhom jiġu espressi bit-"timbru"
tal-UE. Għaldaqstant, l-atturi tal-UE u l-Istat Membru li f’idejh ikollu
l-Presidenza tal-Kunsill għandhom jikkollaboraw mill-qrib, b’mod
partikolari għall-preżentazzjoni ta’ pożizzjonijiet komuni. L-arranġamenti l-ġodda bejn
il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’
sħubija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, għandhom jieħdu
post l-arranġamenti tal-1991/95. B’dan il-mod, jiġifieri
bis-sostituzzjoni tal-arranġamenti tal-1991/95, liema arranġamenti,
fil-prattika, ikkawżaw ħafna diffikultajiet u diskussjonijiet
fit-tul, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar mod aħjar u aktar effettiv
li bih jippreparaw il-laqgħat tal-aktar korpi ċentrali tal-FAO.
Minħabba n-natura ta’ dawn l-arranġamenti, jiġifieri
l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sħubija tal-UE u tal-Istati
Membri tagħha, dawn għandhom japplikaw għall-korpi u l-ftehimiet
kollha tal-FAO ħlief għal dawk li fihom l-UE biss hija membru, jew,
bil-maqlub, għal dawk li fihom ikunu membri biss l-Istati Membri tal-UE
jew għal korpi li għalihom japplikaw arranġamenti
speċifiċi.[9]
Il-Kummissjoni se tibda mill-2014 tivvaluta dawn l-arranġamenti
speċifiċi fid-dawl ta’ reviżjoni possibbli tagħhom. Miżuri ta’ akkumpanjament
meħuda mill-Kummissjoni u mid-Delegazzjoni tal-UE Il-Kummissjoni hija impenjata li tara li
r-riżorsi meħtieġa biex effettivament tipparteċipaw
fil-ħidma tal-FAO ikunu disponibbli. F'dan ir-rigward diġà
ttieħdu għadd ta’ miżuri. Id-Delegazzjoni tal-UE f’Ruma
ssaħħet permezz ta’ żewġ karigi addizzjonali li jkopru
d-dikasteru umanitarju u dak agrikolu. Barra minn hekk, se jkun hemm
mobilizzazzjoni sistematika ta’ kompetenza mill-kwartieri ġenerali meta
jinqala’ l-bżonn, u involviment akbar fil-kontribuzzjoni
għall-politika d-diskussjonijiet li qegħdin isiru fi ħdan
il-FAO. Ta' min jinnota li, bħalissa, l-UE mhix
intitolata tipparteċipa fit-tliet Kumitati tal-FAO bi sħubija
ristretta (il-Kumitat tal-Finanzi, il-Kumitat tal-Programm u Kumitat dwar
kwistjonijiet kostituzzjonali u legali). Dan huwa minħabba l-istatus
tagħha bħala organizzazzjoni membru, li jġib miegħu dawn
il-limitazzjonijiet. Meta wieħed iqis il-piż finanzjarju tal-UE
fil-FAO, u r-rabta qawwija bejn kwistjonijiet ta' governanza u kwistjonijiet
tematiċi mindu saret ir-riforma 'l hawn, din is-sitwazzjoni tfixkel
il-ħila tal-UE li tipparteċipa bis-sħiħ fl-aspetti kollha
tal-ħidma tal-FAO u jeħtieġ li tiġi indirizzata.
Jeħtieġ li tiġi indirizzata wkoll fil-futur qrib il-kwistjoni
iktar ġenerali dwar rwol formali għall-UE fil-Kumitati (presidenza,
kopresidenza) sabiex tinkiseb koerenza mat-Trattat ta’ Lisbona. Konklużjonijiet Minħabba dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni
tipproponi li: ·
l-Kunsill jieħu nota tad-Dikjarazzjoni
tal-kompetenzi inkluża fl-Anness 1 li għandha tiġi sottomessa
lill-FAO f’konformità mal-Artikolu 221 tat-TFUE, mid-Delegazzjoni tal-UE f’Ruma
bħala sostituzzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-kompetenzi tal-1994. ·
il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar
l-arranġamenti stipulati fl-Anness 2 li għandhom jiġu applikati
mid-data tal-ftehim dwar l-arranġamenti rigward l-eżerċizzju ta’
drittijiet ta’ sħubija fil-FAO. Anness 1 dikjarazzjoni tal-kompetenzi mill-Unjoni
Ewropea rigward il-materji koperti mill-kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni
tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) (Skont ir-Regoli Ġenerali tal-FAO) Bħala organizzazzjoni membru
tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) l-Unjoni Ewropea (UE)
tippreżenta, skont l-Artikolu II, il-paragrafu 7, tal-Kostituzzjoni
tal-FAO, id-Dikjarazzjoni ta’ kompetenzi li ġejja li tispeċifika
l-kategoriji u l-oqsma ta’ politika li għalihom l-Istati Membri tal-UE
għaddew kompetenzi lejn l-UE fl-oqsma koperti mill-FAO. Din id-Dikjarazzjoni tal-kompetenzi tapplika
għall-korpi u l-ftehimiet tal-FAO kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk
li għalihom hemm dikjarazzjoni speċifika ta’ kompetenzi[10]. Hija tieħu post dik li
ġiet ippreżentata lill-FAO fl-1994[11]. 1. Prinċipji ġenerali Il-FAO diġà ġiet infurmata[12] li, mad-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-UE
ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea u li, minn dik id-data,
id-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea akkreditata lill-FAO saret
id-Delegazzjoni tal-UE. Skont l-Artikolu 1, it-tielet paragrafu, tat-Trattat
dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-UE hija stabbilita fuq it-TUE kif ukoll fuq
it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-oqsma ta’ kompetenza tal-UE huma mfissra
fl-Artikoli 2 sa 6 tat-TFUE. Fejn il-kompetenza tinqasam bejn l-UE u
l-Istati Membri tagħha u sa fejn l-UE ma teżerċitax
il-kompetenza tagħha jew tkun iddeċidiet li tieqaf
teżerċitaha, l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza
tagħhom. Il-kompetenzi li m’humiex attribwiti lill-UE mit-Trattati
jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri tal-UE. Fuq il-bażi ta’ din id-Dikjarazzjoni u
skont l-Artikolu II, paragrafu 8, tal-Kostituzzjoni u r-Regola XLII tar-Regoli
Ġenerali tal-Organizzazzjoni (FAO), l-UE se tippreżenta lill-FAO,
meta jkun meħtieġ, qabel laqgħa ta’ korp tal-FAO, nota ta’
informazzjoni relatata mal-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sħubija
jew mill-UE jew inkella mill-Istati Membri tagħha għar-rigward ta'
kwistjonijiet koperti minn dik il-laqgħa[13]. Skont l-Artikolu II, paragrafu 10,
tal-Kostituzzjoni (FAO), l-UE se teżerċita d-drittijiet ta'
sħubija tagħha fl-oqsma ta’ politika li jaqgħu fil-kompetenzi
tal-UE, hekk kif muri hawn taħt; f’oqsma ta’ politika fejn kemm l-UE kif
ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi biex jaġixxu
fil-FAO, hekk kif muri hawn taħt, jew l-UE jew l-Istati Membri tagħha
se jeżerċitaw id-drittijiet ta’ sħubija kemm tal-UE kif ukoll
tal-Istati Membri tagħha. Id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u
l-Istati Membri tagħha, kif muri hawn taħt, hija, min-natura
tagħha, soġġetta għal tibdil. Kull meta jseħħu
bidliet li jaffettwaw il-lista ta’ hawn taħt, l-UE tirriżerva d-dritt
li temenda din id-dikjarazzjoni f’dan is-sens, mingħajr ma dan
jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenzi
tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-FAO. 2. Kompetenzi tal-UE 2.1. L-UE biss għandha l-kompetenza li taġixxi
fil-FAO fl-oqsma ta' politika elenkati fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE,
jiġifieri l-Unjoni Doganali, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni
meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern, il-politika
monetarja għall-Istati Membri tal-UE li l-munita tagħhom hija l-euro,
il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont
il-politika komuni tas-sajd u l-politika kummerċjali komuni. 2.2. Barra minn hekk, f’ċerti oqsma ta’ politika,
elenkati b’mod partikolari fl-Artikolu 4(2) tat-TFUE, l-UE biss tista’
taġixxi fil-FAO sakemm l-UE tkun adottat regoli komuni li jistgħu
jkunu affettwati minn azzjonijiet meħuda mill-FAO jew fejn azzjoni esterna
tal-UE tkun meħtieġa biex l-UE tkun tista' teżerċita
l-kompetenzi interni tagħha. Dawn l-oqsma ta’ politika huma, b’mod
partikolari: –
is-suq intern, inkluż miżuri
bil-ħsieb li jiġi stabbilit jew li jiġi żgurat
il-funzjonament tas-suq intern (l-Artikolu 26(1) tat-TFUE), l-approssimazzjoni
tal-liġijiet (l-Artikoli 114 sa 118 TFUE) u l-moviment liberu
tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital (l-Artikoli 28 sa 37, 45 sa
66 TFUE); –
l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, b’mod
partikolari azzjoni biex: ·
tiżdied il-produttività agrikola b’mod
sostenibbli, skont l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ambjentali,
it-tibdil fil-klima, il-forestrija u l-enerġija; ·
jiġu stabbiliti s-swieq, tiġt
kkontrollata l-volatilità tal-prezzijiet, tiġi assigurata d-disponibbiltà
tal-provvista u tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel; ·
jiġu segwiti l-għanijiet tal-politika
kummerċjali komuni fir-rigward ta’ prodotti agrikoli; ·
jiġi żgurat livell xieraq ta’
għajxien ġust għall-komunitajiet agrikoli; ·
jiġi żgurat li l-provvisti jaslu
għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; ·
jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku ta’
reġjuni agrikoli u ta' żoni rurali. –
is-sajd, minbarra l-konservazzjoni tar-riżorsi
bijoloġiċi tal-baħar, kif ukoll l-akkwakultura; –
l-ambjent, inklużi miżuri biex jiġu
adottati skont l-Artikolu 192 tat-TFUE sabiex jintlaħqu l-għanijiet
tal-politika tal-UE imfissra fl-Artikolu 191 tat-TFUE, jiġifieri li
jippreservaw, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent, jipproteġu
s-saħħa tal-bniedem, biex jiġi żgurat l-użu prudenti u
razzjonali tar-riżorsi naturali, inklużi l-foresti u li jiġu
promossi miżuri fuq livell internazzjonali li jitrattaw problemi
ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li tiġi
miġġielda l-bidla fil-klima; –
l-enerġija, inklużi miżuri biex
jiġu adottati skont l-Artikoli 170 u 192 u 194(2) tat-TFUE sabiex
jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 194
tat-TFUE fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u
fir-rigward tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib tal-ambjent,
jiġifieri li jiġi assigurat il-funzjonament tas-suq
tal-enerġija, li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista
tal-enerġija fl-UE, li tiġi promossa l-effiċjenza
fl-enerġija u jiġi ffrankat l-użu tal-enerġija kif ukoll li
jiġu żviluppati forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli u li
tiġi promossa l-interkonnessjoni bejn in-netwerks tal-enerġija; –
miżuri li għandhom jittieħdu skont
l-Artikolu 168(4) tat-TFUE relatati ma’ tħassib komuni dwar
is-saħħa pubblika, inklużi miżuri li jistabbilixxu
standards għoljin ta’ kwalità u sigurtà għar-rigward ta’ organi u
sustanzi ta’ oriġini umana kif ukoll għall-prodotti mediċinali u
t-tagħmir għall-użu mediku u miżuri fir-rigward ta’ ikel u
għalf, fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji. 3. Kompetenzi tal-UE u l-Istati
Membri tagħha 3.1. F’ċerti oqsma ta’ politika, kemm l-UE kif ukoll
l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi biex jaġixxu fil-FAO,
inkluż, b’mod partikolari: –
Ir-riċerka u l-iżvilupp u l-ispazju
inklużi miżuri biex jiġu adottati skont l-Artikolu 180 TFUE
sabiex jitwettqu attivitajiet rigward id-definizzjoni u l-implimentazzjoni
tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-programmi ta’
dimostrazzjoni billi jiġu promossi l-kooperazzjoni u d-disemminazzjoni
tar-riżultati; –
Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp
inklużi miżuri biex jiġu adottati taħt l-Artikolu 209
tat-TFUE sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE stabbiliti
fl-Artikolu 208 tat-TFUE, jiġifieri t-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-faqar,
u s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni; –
L-għajnuna umanitarja, inklużi
l-attivitajiet mwettqa mill-UE, kif ukoll miżuri legali u ta’ politika
adottati minn dan tal-aħħar, maħsuba biex jinkisbu
għanijiet ta' għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 214(1)
tat-TFUE, jiġifieri l-għoti ta' assistenza ad hoc u protezzjoni
għal nies f’pajjiżi terzi li jkunu vittma ta’ diżastri naturali
jew ikkaġunati mill-bniedem, sabiex jaffrontaw il-ħtiġijiet
umanitarji li jirriżultaw minn dawn is-sitwazzjonijiet differenti; –
Il-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa
tal-bniedem; –
L-industrija, inklużi miżuri li
jinkoraġġixxu ambjent li jiffavorixxi l-kompetittività tal-industrija
u b’mod partikolari għall-intrapiżi ta’ daqs żgħar u medju; –
It-turiżmu, inkluż
l-inkoraġġiment ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp
tal-industrija tat-turiżmu. 3.2. Bħala membri tal-FAO, kemm l-UE kif ukoll
l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi biex jaġixxu fil-FAO
fir-rigward ta' materji organizzattivi u proċedurali, inklużi
kwistjonijiet legali u kwistjonijiet baġitarji, l-elezzjoni
tal-presidenti, l-adozzjoni ta’ aġendi u rapporti. Anness 2 L-arranġamenti bejn il-Kunsill u
l-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sħubija
tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fl-organizzazzjoni tal-ikel
u l-agrikoltura (FAO). 1. Ambitu u Prinċipji
ġenerali Dawn l-arranġamenti japplikaw
għall-preparazzjoni u l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’
sħubija tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha fil-korpi u
l-ftehimiet kollha tal-FAO, inklużi l-kumitati tat-tfassil. Dawn ma
japplikawx għal korpi u ftehimiet li fihom l-UE biss hija l-membru, jew
bil-maqlub, għal dawk li fihom huma biss l-Istati Membri tal-UE li huma
l-membri jew il-korpi li għalihom japplikaw arranġamenti
speċifiċi.[14]
Dawn l-arranġamenti jieħdu post l-arranġamenti konklużi
fl-1991 (Doc. 10478/91, Anness II.a), aġġornat fl-1992 (doc. 9050/92,
Anness II.b) u fl-1995 (ref. 8460/95, Anness II.c). Dawn l-arranġamenti għandhom
jiġu applikati f’konformità sħiħa mal-prinċipju
tal-kooperazzjoni leali prevista fl-Artikoli 4(3) u 13(2) tat-TUE biex l-UE
jista' jkollha rappreżentanza esterna koerenti, komprensiva u unifikata. Dawn l-arranġamenti ma għandhomx
jaffettwaw id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri
tagħha jew l-allokazzjoni tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet
taħt it-Trattati. Lanqas ma jaffettwaw il-proċeduri ta’ teħid
ta’ deċiżjonijiet għall-adozzjoni ta’ pożizzjonijiet tal-UE
mill-Kunsill kif stabbilit fit-Trattati. Dawn l-arranġamenti huma bla
ħsara għal eżerċizzji simili fil-futur għal
organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Għall-iskop ta’ dawn l-arranġamenti
u f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[15], kwistjoni tkun koperta minn
pożizzjoni tal-UE jew fejn din il-kwistjoni tkun suġġetta
għal-leġiżlazzjoni tal-UE jew għal politika tal-UE
stabbilita permezz ta’ mezzi oħra (bħall-gwida ġenerali,
il-konklużjonijiet tal-Kunsill, l-istrateġiji tal-UE jew azzjonijiet
miftiehma tal-UE) jew fejn tali pożizzjoni tal-UE tkun stabbilita
għall-iskop tal-laqgħa rilevanti tal-FAO. 2. It-Tħejjija
tal-laqgħat tal-FAO 2.1. Fora għal koordinazzjoni Il-kwistjonijiet kollha relatati
mat-tħejjija u l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sħubija
fil-FAO għandhom jiġu ppreżentati lill-korpi preparatorji
rilevanti tal-Kunsill (jiġifieri l-Grupp ta' Ħidma
għall-Koordinazzjoni (FAO), il-Gruppi ta' Ħidma għas-Sajd,
il-Foresterija jew il-Miżuri Fitosanitarji) fi Brussell. Għandu jsir kull sforz biex
jintlaħaq ftehim f’dawn il-gruppi ta’ ħidma fi spirtu ta’
kooperazzjoni leali. Fejn ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim fil-gruppi ta’
ħidma, il-kwistjoni għandha tiġi sottomessa lil COREPER u, fejn
meħtieġ, lill-Kunsill fi żmien opportun qabel il-laqgħa
rilevanti tal-FAO. Meta meħtieġ, jistgħu jsiru
laqgħat ta' koordinazzjoni lokali jew f’Ruma jew xi mkien ieħor (dan
jiddependi minn fejn ikunu se jsiru l-laqgħat tal-FAO). Huma għandhom
jitħejjew u jiġu ppreseduti mid-Delegazzjoni tal-UE akkreditata
lill-FAO jew, f'każ li l-laqgħa tal-FAO issir barra Ruma u
d-delegazzjoni tal-UE akkreditata għall-FAO ma tkunx tistax twettaq dan
id-dmur, mid-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż fejn tkun qed issir
il-laqgħa jew, inkella, mir-Rappreżentanzai ta’ Stat Membru f’dak
il-pajjiż jew il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mad-Delegazzjoni tal-UE
lill-FAO. L-iskop ta’ dawn il-laqgħat lokali ta’ koordinazzjoni jkun li
jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux previsti. Dawn il-laqgħat ma
jistgħux ibiddlu sostanzjalment il-pożizzjonijiet tal-UE,
pożizzjonijiet komuni, linji li għandhom jittieħdu jew
dikjarazzjonijiet li jiġu stabbiliti skont il-punt 2.3 hawn taħt. 2.2. “Nota informattiva” f’dak li
għandu x’jaqsam mal-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ sħubija
tal-UE u l-Istati Membri tagħha Fejn ikun meħtieġ skont ir-regola
XLII, paragrafu 2, tar-Regoli Ġenerali tal-FAO, malli tirċievi
l-aġendi mill-FAO, il-Kummissjoni għandha tibgħat
lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill abbozz provviżorju tan-“nota
informattiva” f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżerċizzju
tad-drittijiet ta’ sħubija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha (minn
hawn’ il quddiem imsejħa l- “n-nota informattiva proviżorja”). In-nota informattiva provviżorja
għandha tfisser id-distribuzzjoni proviżorja tal-kompiti u, fejn applikabbli,
it-tfiegħ ta’ voti fil-korpi tal-FAO ikkonċernati. F’każ li Stat Membru ma jkunx jaqbel
mal-abbozz tal-Kummissjoni tan-nota informattiva provviżorja, għandu
jispjega r-raġunijiet tiegħu bil-miktub mill-inqas jumejn
tax-xogħol qabel il-laqgħa tal-Grupp ta’ ħidma rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti
n-nota informattiva proviżorja lid-Delegazzjoni tal-UE akkreditata
lill-FAO f’Ruma għal trażmissjoni ulterjuri lill-FAO. It-trażmissjoni tan-nota informattiva
proviżorja ssir bla ħsara għall-possibilità ta' modifiki
sussegwenti li għandhom jiġu trażmessi lill-FAO. Dan jista’ jkun
il-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjonijiet jew
il-pożizzjonijiet komuni tal-UE (li jistgħu jieħdu l-forma ta’
linji li għandhom jittieħdu jew ta' dikjarazzjonijiet) ikunu
stabbiliti biss wara li tiġi trażmessa n-nota informattiva
proviżorja, u/jew minħabba lwasla tard ta' dokumenti ta’ sfond
min-naħa tal-FAO. 2.3. Tħejjija u adozzjoni ta’
linji li għandhom jittieħdu u tal-intenzjonijiet tal-vot 2.3.1. Il-pożizzjonijiet li għandhom
jittieħdu mill-UE jew mill-UE u l-Istati Membri tagħha fil-FAO
għandhom, fil-prinċipju, jieħdu l-forma ta’ linji li
għandhom jittieħdu, waqt li l-atturi esterni titħallielhom
biżżejjed flessibbiltà biex jirrappreżentaw l-interessi tal-UE
u/jew tal-Istati Membri tagħha bl-aktar mod effiċjenti. Ikun biss
meta jitqies meħtieġ li l-pożizzjonijiet jiġu mfissra
bis-sħiħ fid-dikjarazzjonijiet. Is-setgħa ta' aġir
abbażi ta’ linji li għandhom jittieħdu jew li jsiru
dikjarazzjonijiet għandha tkopri wkoll t-tfiegħ ta’ voti. 2.3.2. Għal punti fuq l-aġenda koperti minn
pożizzjonijiet eżistenti tal-UE[16], il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill
b'abbozzi ta’ linji tal-UE li għandhom jittieħdu li jirreflettu dawn
il-pożizzjonijiet eżistenti tal-UE. Skont il-prinċipju ta’
kooperazzjoni sinċiera u sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tgawdi
mill-kompetenza kollha disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu
osservazzjonijiet li l-Kummissjoni għandha tqis, meta tkun qiegħda tiffinalizza
l-linji tal-UE li għandhom jittieħdu. 2.3.3. Fil-każ ta' punti fl-aġenda li ma jkunux
koperti minn pożizzjonijiet eżistenti tal-UE[17], iżda fejn ikun meħtieġ jew jitqies
xieraq li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-UE għal dak l-iskop,
il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill
għall-approvazzjoni tiegħu abbozz ta' pożizzjoni tal-UE (li
tista' tieħu l-forma ta' linji li għandhom jittieħdu jew ta'
dikjarazzjonijiet; ara l-punt 2.3.1). L-istess prinċipji għandhom japplikaw
fejn jeżistu pożizzjonijiet tal-UE li jridu jiġu sostanzjalment
addattat biex tkun tista' tittieħed pożizzjoni fil-FAO. Fit-tħejjija tal-abbozzi tiegħu,
il-Kummissjoni se tibbaża ruħha fuq l-għarfien espert
mill-Istati Membri meta jkun xieraq. 2.3.4. Linji komuni li għandhom jittieħdu mill-UE
u mill-Istati Membri tagħha għandhom jiġu stabbiliti għal
punti fuq l-aġenda li: 2.3.4.1. jkopru l-oqsma ta’ politika ta’
kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-għajnuna umanitarja (Parti V,
Titolu III tat-TFUE) u li għalihom ikun meqjus xieraq li l-UE u l-Istati
Membri tagħha jagħtu dikjarazzjonijiet konġunti li jirreferu
għal azzjonijiet rispettivi tagħhom f’dawn l-oqsma; jew 2.3.4.2. jkunu parzjalment koperti minn
pożizzjoni tal-UE iżda, fl-istess ħin, ikunu intrinsikament
marbuta ma’ kwistjonijiet li għalihom l-adozzjoni ta’ pożizzjoni
tal-UE tkun eskluża; jew 2.3.4.3. ikunu jkopru kwistjonijiet
organizzattivi u proċedurali, bħall-elezzjoni ta’ presidenti,
adozzjonijiet ta’ aġendi u rapporti. Abbozzi għall-istabbiliment ta’ dawn
linji komuni li għandhom jittieħdu għandhom jiġu sottomessi
mill-Kummissjoni għall-każijiet imsemmija f’2.3.4.1. u 2.3.4.2. u
mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza rotatorja tal-Kunsill
għall-każijiet imsemmija f’ 2.3.4.3. 2.3.5. Għal punti fuq l-aġenda li mhumiex koperti
mill-UE jew minn pożizzjonijiet komuni, l-Istati Membri jinfurmaw lil
xulxin kif ukoll lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Kummissjoni dwar l-abbozzi
tal-pożizzjonijiet u dwar l-intenzjonijiet tal-vot tagħhom. 2.3.6. Kwalunkwe abbozz għandu jiġi sottomess
lill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill kull fejn possibbli ħamest (5)
ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa ta’ dak il-korp. 3. Interventi u t-tfiegħ
ta’ voti f’korpi tal-FAO 3.1. Id-Delegazzjoni tal-UE u/jew il-Kummissjoni
taġixxi fuq il-bażi ta’ linji tal-UE li għandhom jittieħdu
jew tippreżenta dikjarazzjonijiet tal-UE "f’isem l-UE" (u, fejn
applikabbli, titfa’ l-vot rispettivi). 3.2. Id-Delegazzjoni tal-UE u/jew il-Kummissjoni
taġixxi fuq il-bażi ta’ linji tal-UE li għandhom jittieħdu
jew tippreżenta dikjarazzjonijiet komuni "f'isem l-UE u l-Istati
Membri tagħha" (u, fejn applikabbli, titfa’ l-vot rispettiv). 3.3. Madankollu, fil-każijiet li ġejjin, Stat
Membru inkarigat jaġixxi abbażi ta' linji komuni li għandhom
jittieħdu jew jippreżenta dikjarazzjonijiet komuni "f'isem l-UE
u l-Istati Membri tagħha" (u, fejn applikabbli, jitfa’ l-vot
rispettiv). –
F’każijiet taħt 2.3.4.2, fejn
il-pożizzjoni komuni primarjament ikun fiha elementi mhux koperti minn
pożizzjoni tal-UE. Dan it-tqassim tal-kompiti għandu jsir abbażi
tal-impatt ewlieni mistenni tal-politika segwita fi ħdan il-FAO fuq l-UE
jew fuq l-Istati Membri tagħha. –
F'każ ta' kwistjonijiet organizzattivi u
proċedurali, bħall-elezzjoni ta’ presidenti, adozzjonijiet ta’
aġendi u rapporti. 3.4. L-Istati Membri jippreżentaw dikjarazzjonijiet
f’isimhom stess (u, fejn applikabbli, jitfgħu l-vot rispettiv). 3.5. Fir-rigward tat-tliet Kumitati tal-FAO bi
sħubija ristretta (il-Kumitat tal-Finanzi, il-Kumitat tal-Programm u
l-Kumitat dwar kwistjonijiet kostituzzjonali u legali), li s’issa ma jkoprux
l-UE, il-membru/i nominat/i mill-Istat/i Membru/i tal-UE li jkollu/jkollhom
post f’dawn il-kumitati għandu/hom ikun/u fdat/i, fejn applikabbli, sabiex
jippreżenta(w) dikjarazzjonijiet tal-UE jew dikjarazzjonijiet komuni, u
jixħtu l-vot, jekk ikun hemm bżonn. 4. Materji prattiċi 4.1. Dikjarazzjonijiet jew dikjarazzjonijiet komuni
tal-UE isiru bl-isem tal-UE. Dikjarazzjonijiet tal-UE jsiru "f’isem l-UE”.
Dikjarazzjonijiet komuni jsiru “f’isem l-UE u l-Istati Membri tagħha”. 4.2. Sabiex jinkiseb l-aqwa għarfien espert
disponibbli u jissaħħu, fejn meħtieġ, ir-riżorsi
tagħhom, id-Delegazzjoni tal-UE u/jew il-Kummissjoni jistgħu
jiddeċiedu fil-każ ta' laqgħat speċifiċi tal-FAO, li
jistrieħu fuq esperti mill-Istati Membri li jistgħu jiġu mitluba
jitkellmu fil-laqgha biex ikomplu jiżvolġu d-dikjarazzjonijiet, u
jitkellmu wara l-plakka tal-isem tal-UE. 4.3. Kwestjonarji Il-kwestjonarji li l-FAO tibgħat
lill-UE jitwieġbu mill-Kummissjoni. Qabel ma l-Kummissjoni tirritorna
l-kwestjonarji kompluti lill-FAO, hija tibgħathom lill-Kunsill
għall-kummenti. L-Istati Membri ikollhom għaxart (10) ijiem biex
jirreaġixxu. [1] Il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) u
l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) [2] P7_TA-PROV(2011)0229 [3] Ittra
tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
tal-4 ta’ Ottubru 1994 (8406) [4] Il-Kummissjoni
Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), Il-Ftehim dwar Miżuri
tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd
Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (PSM); Il-Kummissjoni Codex
Alimentarius; Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Pjanti
(IPPC) [5] Dokument
tal-Kunsill 10478/91 tal-18/12/1991. [6] Dokument tal-Kunsill 9050/92
tas-7 ta' Ottubru 1992. [7] Dokument tal-Kunsill 8460/95
tas-26 ta' Ġunju 1995. [8] Il-Kawża C-25/94 tad-19.3.1996 [9] Il-Ftehim tal-FAO tal-1993 biex
jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u
ta' ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra internazzjonali;
Il-Ftehim tal-2009 dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu,
Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux
Regolat (PSM); Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd
għall-Mediterran (GFCM); Il-Kummissjoni tat-Tonn tal-Oċean Indjan
(IOTC); Il-Kummissjoni Codex Alimentarius; Il-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll
tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (EuFMD); Il-Konvenzjoni Internazzjonali
għall-Ħarsien tal-Pjanti (IPPC); [10] Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd
għall-Mediterran (GFCM); Il-Ftehim dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li Jimpedixxu,
Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux
Regolat(PSM);
Il-Kummissjoni Codex Alimentarius; Il-Konvenzjoni Internazzjonali
għall-Ħarsien tal-Pjanti (IPPC) [11] Ittra
tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
tal-4 ta’ Ottubru 1994 (8406) [12] Nota
verbali ddatata s-27 ta’ Novembru 2009. [13] L-UE tqis li l-preżentazzjoni sistematika ta'
tali nota informattiva mhux rikjesta fil-każ ta' laqgħat jew ta'
punti speċifiċi fuq l-aġenda tagħhom meta jew ma jkunx hemm
il-ħsieb li jittieħed vot jew inkella meta t-tqassim tal-kompetenza
bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha
jirriżulta direttament mid-dikjarazzjoni ta' kompetenzi preżenti. [14] Il-Ftehim
tal-FAO tal-1993 biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali
ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra
internazzjonali; Il-Ftehim tal-2009 dwar Miżuri tal-Istat tal-Port li
Jimpedixxu, Jiskoraġġixxu u Jeliminaw is-Sajd Illegali, Mhux
Rappurtat u Mhux Regolat(PSM); Il-Kummissjoni
Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM); Il-Kummissjoni
tat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC); Il-Kummissjoni
Codex Alimentarius; Il-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda
tal-Ilsien u d-Dwiefer (EuFMD); Il-Konvenzjoni
Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Pjanti (IPPC); [15] Il-Kawża C-246/07
il-Kummissjoni vs l-Isvezja [2010] Ġabra I-3317. [16] Inkluż il-punti tal-aġenda
li jkun fihom ukoll elementi anċillari li ma jkunux koperti minn
pożizzjoni tal-UE. [17] Inkluż il-punti tal-aġenda
li jkun fihom ukoll elementi anċillari li ma jkunux koperti minn
pożizzjoni tal-UE.