EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0292

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni Il-kontribuzzjoni tal-UE għad-Djalogu ta’ Livell għoli tan-NU u l-passi li jmiss lejn it-twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni

/* COM/2013/0292 final */

52013DC0292

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni Il-kontribuzzjoni tal-UE għad-Djalogu ta’ Livell għoli tan-NU u l-passi li jmiss lejn it-twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni /* COM/2013/0292 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni  Il-kontribuzzjoni tal-UE għad-Djalogu ta’ Livell għoli tan-NU u l-passi li jmiss lejn it-twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni

1.           Introduzzjoni

Id-Djalogu ta’ Livell Għoli (DLGħ) dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp f'Settembru 2006 kien l-ewwel avveniment ta’ livell għoli organizzat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddedikat esklussivament biex jiddiskuti l-aspetti multidimensjonali tal-migrazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp. It-tieni DLGħ se jsir fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2013.

Il-migrazzjoni qiegħda dejjem aktar tkun punt fokali tal-aġenda globali u hija rikonoxxuta bħala forza qawwija biex tgħin l-iżvilupp kemm għall-pajjiżi tal-oriġini kif ukoll tad-destinazzjoni. Dan huwa illustrat inter alia mir-rapport tal-2012 tat-Tim ta’ Ħidma tas-Sistema tan-NU dwar l-Aġenda ta’ Żvilupp tan-NU wara l-2015, 'Inwettqu l-Futur li Rridu għal Kulħadd', li jirrikonoxxi l-migrazzjoni bħala dimensjoni ewlenija tad-dinamiċi tal-popolazzjoni globali u xprunatur għall-inklużjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

Iż-żieda tal-mobbiltà reġjonali u globali tal-persuni, il-bidliet strutturali fl-ekonomija globali u l-kriżi ekonomika ta’ bħalissa jiġġeneraw opportunitajiet u sfidi ġodda għall-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni. Id-DLGħ tal-2013 jipprovdi opportunità unika biex issir ħidma lejn aġenda globali għal governanza tal-migrazzjoni effettiva u inklużiva u jidentifika miżuri li jippromwovu l-irwol tal-migranti bħala aġenti ta’ innovazzjoni u żvilupp. It-tema ġenerali tad-DLGħ tal-2013 hija "L-identifikazzjoni ta’ miżuri konkreti biex issaħħu l-koerenza u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha, bil-għan li jitkattru l-benefiċċji tal-migrazzjoni internazzjonali għall-migranti u l-pajjiżi bl-istess mod u rabtiet importanti tagħha għall-iżvilupp, filwaqt li jitnaqqsu l-implikazzjonijiet negattivi tagħha"[1].

Il-massimizzazzjoni tal-impatt pożittiv tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp hija ta' politika importanti għall-UE, kif muri mill-qafas politiku doppju tagħha f’dan il-qasam. Il-migrazzjoni u l-iżvilupp huma wieħed mill-erba’ oqsma ta’ prijorità tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM)[2], li jipprovdi qafas ġenerali tal-linja politika tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna. Il-migrazzjoni hija wkoll prijorità speċifika fl-Aġenda għall-Bidla tal-UE[3], li tispjega l-qafas tal-politika tal-UE għall-iżvilupp. Il-perspettiva tal-migrant hija karatteristika ċentrali tal-GAMM u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti huwa prijorità fl-azzjonijiet kollha tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jinqasam fi tnejn. Hija tipprovdi l-bażi għal pożizzjoni komuni tal-UE u l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem l-UE) dwar id-DLGħ, inklużi messaġġi ewlenin għal kooperazzjoni globali mtejba. It-taqsima 2-5 għalhekk hija strutturata skont it-temi li se jiġu diskussi fl-erba’ laqgħat tad-DLGħ. Barra minn hekk, fit-taqsima 6 l-Komunikazzjoni tipproponi kif l-UE tista’ twessa’ r-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp fil-politiki u l-prattiki tagħha stess, u tieħu passi sabiex tagħti attenzjoni sistematika li r-rwol tal-migrazzjoni u l-mobbiltà għandhom fil-proċess ta’ żvilupp sostenibbli. Din it-taqsima għalhekk twieġeb għat-talba tal-Kunsill għal strateġija "aktar ambizzjuża u li tħares ’il quddiem" għall-migrazzjoni u l-iżvilupp fil-livell tal-UE, kif formulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2012 dwar il-GAMM.

2.           Roundtable 1: Li jiġu vvalutati l-effetti tal-migrazzjoni internazzjonali fuq l-iżvilupp sostenibbli u jiġu identifikati l-prijoritajiet rilevanti fid-dawl tat-tħejjija ta’ qafas ta' żvilupp post-2015

2.1.        Il-ħtieġa ta’ ħarsa usa' tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp

Id-diskors dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp tradizzjonalment iffoka fuq numru limitat ta’ kwistjonijiet importanti inkluż tad-dijaspora, rimessi, telf tal-ħiliet u l-migrazzjoni ċirkolari fejn il-prijorità ngħatat lill-migrazzjoni lejn pajjiżi tal-OECD aktar milli l-migrazzjoni bejn il-pajjiżi li għandhom dħul baxx jew medju. Il-politiki u l-implimentazzjoni tagħhom f’dawn l-oqsma "tradizzjonali", inkluż fil-livell tal-UE, għadhom jistgħu jitjiebu[4], iżda jeħtieġ li nagħmlu pass ieħor, peress li dan l-approċċ huwa insuffiċjenti biex jindirizza b’mod komprensiv il-kwistjonijiet kollha.

Il-pajjiżi kollha fid-dinja qed jesperjenzaw ċaqliq tal-popolazzjoni, u din ix-xejra x’aktarx tiżdied. Mill-214-il miljun migrant internazzjonali li huma stmati fid-dinja llum, il-parti l-kbira (150 miljun) huma ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex fl-OECD. Il-migrazzjoni internazzjonali sseħħ l-aktar fi ħdan reġjuni, l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Pereżempju, huwa stmat li aktar minn 80 % tal-migranti Afrikani kollha jgħixu f’pajjiżi Afrikani oħra.

Barra minn hekk, il-migrazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija fenomenu importanti li ħafna drabi huwa injorat, li jipproduċi opportunitajiet u sfidi simili għall-migrazzjoni internazzjonali.

Lil hinn mir-rabta mill-qrib mal-migrazzjoni, l-iżvilupp irawwem ukoll u jiddependi fuq il-mobilità (żjajjar qosra ta’ negozjanti, turisti, ħaddiema, studenti, persuni li jżuru l-familji tagħhom, eċċ.). Il-mobilità hija element essenzjali favur it-tisħiħ tar-rwol ta’ ċentri urbani fin-Nofsinhar globali bħala ċentri ta’ żvilupp u ta’ skambju ekonomiku, soċjali u kulturali, u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ ekonomiji li qed jiżviluppaw fi swieq reġjonali u globali.

Il-migrazzjoni furzata tibqa’ sfida globali. Il-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni totali ta’ refuġjati fid-dinja ta’ aktar minn 15-il miljun jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ħafna drabi f’sitwazzjonijiet imtawla, li jippreżentaw sfidi sinifikanti għal komunitajiet li jospitawhom. Iżda l-preżenza ta’ refuġjati u migranti oħra furzati tista' wkoll tirriżulta f’opportunitajiet ġodda u benefiċċji għall-ekonomiji nazzjonali u lokali permezz tal-kapital uman tar-refuġjati, inkluż billi jipprovdu ħiliet tax-xogħol u joħolqu domanda għal merkanzija u servizzi. Miżuri biex jiġi utilizzat il-potenzjal ta’ refuġjati għall-iżvilupp ittejjeb l-awtodipendenza tagħhom, u b’hekk tissaħħaħ il-kwalità ta’ protezzjoni tar-refuġjati għall-benefiċċju wkoll tal-pajjiżi ospitanti.

Il-bidla fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali diġà qed jeżerċitaw influwenza dejjem akbar fuq il-migrazzjoni u l-mobilità, b’evidenza attwali li tissuġġerixxi li fil-futur il-parti l-kbira tal-movimenti se jseħħu jew bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew fi ħdanhom stess[5].

Il-migrazzjoni u l-mobbiltà għandhom impatt profond kemm f’termini pożittivi kif ukoll negattivi fuq il-progress lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli - kemm għall-pajjiżi bi dħul baxx jew medju tal-oriġini kif ukoll tad-destinazzjoni:

· Għall-pajjiżi ta’ oriġini, il-benefiċċji ekonomiċi tal-migrazzjoni huma ddokumentati u jinkludu kontribuzzjonijiet lejn it-tnaqqis tal-faqar permezz tat-trasferimenti ta’ rimessi u inizjattivi ta’ investiment tad-dijaspora. Il-kapital finanzjarju, uman u dak soċjali mid-dijaspora jista' wkoll jikkontribwixxi direttament biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp soċjali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) dwar is-saħħa u l-edukazzjoni. Bl-istess mod, ir-rimessi u kontribuzzjonijiet oħra tal-migranti jistgħu jgħinu biex itejbu l-adattament għall-impatti negattivi tal-bidla fil-klima fil-komunitajiet ta’ oriġini. Opportunitajiet ta’ impjieg barra minn pajjiżhom jista’ jgħin ukoll jimmotiva liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet xierqa. Madankollu, l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp uman huma kumplessi, kif juri t-tħassib dwar telf tal-ħiliet u konsegwenzi soċjali negattivi tal-migrazzjoni għal dawk li jħallu warajhom. Pereżempju, il-migrazzjoni jista’ jkollha effett negattiv fuq l-MDGs tas-saħħa billi tikkontribwixxi għal eżodu tal-ħiliet u d-distribuzzjoni inugwali globali ta’ ħaddiema tas-saħħa.

· Għall-pajjiżi tad-destinazzjoni, migrazzjoni ġestita tajjeb tista’ tgħin biex jimtela l-vojt fis-suq tax-xogħol, u tipprovdi persuni biex jissupplixxu t-trasformazzjoni ekonomika strutturali, u tagħti spinta lill-innovazzjoni permezz tad-dinamiżmu tal-migranti, u tikkontribwixxi għal sistemi ta’ sigurtà soċjali. Il-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu jippreżentaw sfidi għall-ġestjoni tal-urbanizzazzjoni, iżda huma wkoll vitali għall-funzjonament tal-ibliet bħala ċentri ta’ tkabbir. Fin-nuqqas ta’ governanza effettiva, l-ispejjeż tal-migrazzjoni jistgħu jkunu sinifikanti, u jistgħu jinkludu tensjonijiet soċjali mal-popolazzjonijiet ospitanti — li ħafna drabi jkunu esplojtati minn forzi populisti — u jagħmlu pressjoni fuq riżorsi skarsi. Il-migrazzjoni bla kontroll tista’ wkoll taggrava theddid għas-sigurtà, speċjalment fi stati fraġli.

Il-migrazzjoni hija għalhekk kemm opportunità kif ukoll sfida għall-iżvilupp. Mingħajr dubju kellha impatt pożittiv fuq l-isforzi biex jinkisbu bosta mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Madankollu, l-effetti negattivi tal-migrazzjoni ġestita b'mod dgħajjef jistgħu jimminaw ukoll il-progress lejn l-iżvilupp sostenibbli.

2.2.        Il-migrazzjoni u l-qafas ta' żvilupp għal wara l-2015

Il-Kummissjoni tilqa’ l-interess li qed jikber fiż-żieda ta' instigaturi li jippermettu l-iżvilupp bħalma huma l-migrazzjoni u l-mobilità mal-aġenda ta' żvilupp tan-NU għal wara l-2015[6]. Hija tilqa’ wkoll id-diskussjoni dwar jekk hux possibbli li jiġu żviluppati indikaturi dwar il-kwalità ta’ diversi aspetti tal-governanza tal-migrazzjoni. Għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-kontribut tad-DLGħ dwar dawn il-kwistjonijiet ikun rilevanti u miġjub f’dan il-proċess usa' għal wara l-2015.

F’dan il-kuntest, diskussjonijiet fuq id-dinamiżmi tal-popolazzjoni f’aġenda ta’ wara l-2015 u Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u d-Demografija Wara l-2014 huma opportunitajiet tajba biex jiġu indirizzati sfidi u opportunitajiet li l-migrazzjoni u l-mobilità joħolqu għall-iżvilupp, inklużi kuntatti ma’ żviluppi globali fis-suq tax-xogħol, xejriet demografiċi usa' f'reġjuni differenti u movimenti tal-popolazzjoni fi ħdan il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.3.        Messaġġi ewlenin għad-DLGħ

· Il-migrazzjoni u l-mobilità għandhom ikunu rikonoxxuti bħala “fatturi determinanti” għall-iżvilupp. Dawn għandhom jiġu indirizzati minn atturi tal-iżvilupp fil-livelli kollha u għandhom jiġu introdotti fil-qafas għall-iżvilupp ta' wara l-2015. Il-promozzjoni ta’ governanza tal-migrazzjoni effettiva hija essenzjali sabiex timmassimmizza l-impatti pożittivi u timminimizza l-impatti negattivi tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp.

· L-aġenda għall-iżvilupp u l-migrazzjoni għandha titwessa’[7]. L-importanza dejjem tikber tal-flussi migratorji fi ħdan u bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tiġi rikonoxxuta, u r-rabtiet pożittivi u negattivi tagħhom mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali għandhom jiġu indirizzati f’politiki ta’ żvilupp nazzjonali u reġjonali.

· Ir-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u l-migrazzjoni jeħtieġu aktar konsiderazzjoni, notevolment fi ħdan il-kuntest ta’ żvilupp.

3.           Roundtable 2: Miżuri li jiżguraw ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha, b’referenza partikolari għan-nisa u t-tfal kif ukoll għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta’ migranti u t-traffikar tal-persuni u biex tkun żgurata migrazzjoni ordnata, regolari u bla periklu

3.1.        Id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha

Ir-rispett għad-drittijiet tal-migranti u r-refuġjati huwa komponent ewlieni tal-politiki tal-UE. L-UE għandha politiki avvanzati dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-migranti. F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE adottat serje ta’ direttivi maħsuba biex jiżguraw trattament indaqs f’oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-ugwaljanza hija minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tapplika kemm għal ċittadini tal-UE u persuni li mhumiex ċittadini tal-UE.

Ir-regoli tal-migrazzjoni tal-UE imponew standards uniċi dwar id-drittjiet tas-sigurtà soċjali għall-migranti. Pereżempju, wara ħames snin ta’ residenza legali, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, persuni li mhumiex ċittadini tal-UE jiksbu l-istess sigurtà soċjali, assistenza soċjali u d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali bħalma għandhom ċittadini tal-UE[8].

L-UE hija impenjata biex tiġġieled ir-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni tal-migranti u ta' persuni minn sfond ta' migranti (bħal migranti tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni) sabiex tiżgura trattament ġust ta’ ċittadini li mhumiex tal-UE u biex tippromowovi politika ta’ integrazzjoni li tagħti drittijiet u obbligi komparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-UE. L-UE żviluppat diversi strumenti biex tappoġġja l-integrazzjoni ta’ migranti li jirresjiedu legalment, inkluż il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, is-Sit Ewropew fuq l-Internet dwar l-Integrazzjoni, il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u l-"Ktejjeb dwar l-integrazzjoni għal min ifassal u għal min jipprattika".

L-UE hija impenjata li tippromwovi l-istess standards għoljin fil-politika esterna tagħha dwar il-migrazzjoni. It-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti hija prijorità trasversali f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. L-UE hija impenjata li tgħin biex issaħħaħ il-politiki tal-integrazzjoni u biex tippromwovi l-protezzjoni tal-migranti u d-drittijiet tar-refuġjati fi u minn pajjiżi msieħba. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-aċċess għal drittijiet fundamentali u drittijiet oħra, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, id-dritt għax-xogħol, u d-dritt tal-moviment ħieles, il-qerda tal-apolidija, l-eliminazzjoni ta’ detenzjoni arbitrarja tal-migranti, l-aċċess għall-ġustizzja u trattament ugwali bħaċ-ċittadini fil-kwistonijiet tax-xogħol.

Iż-żamma tad-drittijiet tal-migranti hija indirizzata permezz ta’ qafas legali u normattiv internazzjonali komprensiv. It-testi ewlenin li jridu jiġu applikati għall-migranti kif ukoll għaċ-ċittadini jinkludu d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 għal dik il-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni tal-1954 relatata tal-Persuni bla Stat, il-Konvenzjoni tan-NU tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iż-żewġ Protokolli ta' Palermo tan-NU dwar it-Traffikar tal-Migranti u t-Traffikar tal-Persuni, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar  l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi.  Madankollu, għadhom meħtieġa sforzi sinifikanti għall-implimentazzjoni aħjar tal-oqfsa miftiehma internazzjonalment u għall-infurzar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, b’mod partikolari fil-livelli nazzjonali u reġjonali. F’dan il-kuntest, ikun importanti li jiġu zviluppati linji politiċi u jittieħdu azzjonijiet biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari.

L-Istati Membri tal-UE għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familji tagħhom tal-1990. Id-distinzjoni insuffiċjenti fil-Konvenzjoni bejn id-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' ħaddiema migranti regolari u irregolari mhijiex f’konformità mal-politiki nazzjonali u tal-UE u b’hekk sar ostaklu fundamentali. Madankollu, meta niġu għas-sustanza, l-istrumenti tal-UE jipprovdu protezzjoni wiesgħa kemm għall-migranti regolari kif ukoll dawk irregolari, u salvagwardji li ħafna drabi huma usa’ minn dawk ipprovduti mill-Konvenzjoni. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, jista’ jkun hemm lok biex jerġa' jiġi rivedut il-qafas normattiv kompost kurrenti, inkluża l-għażla ta’ ħidma favur konvenzjoni ġdida dwar id-drittijiet tal-ħaddiema migranti kollha, adattata għar-realtajiet u l-isfidi tas-seklu 21.

3.2.        Migrazzjoni ordinata, regolari u bla periklu

Il-Kummissjoni nediet Portal tal-Immigrazzjoni tal-UE[9] fl-2011 biex tinforma lill-migranti dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri tal-immigrazzjoni. Il-portal jipprovdi informazzjoni għaċ-ċittadini mhux tal-UE interessati li jemigraw lejn l-UE. Huwa joffri informazzjoni prattika dwar proċeduri f’kull Stat Membru għal kull kategorija ta’ migrant. L-UE qed tikkunsidra wkoll li tappoġġja l-istabbiliment ta’ Ċentri dedikati ta’ Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobilità f’ċerti pajjiżi sieħba bl-għan li tiffaċilita miżuri ta’ qabel it-tluq, tar-ritorn u tal-integrazzjoni mill-ġdid.

Movimenti mħallta fejn nies b’diversi sfondi u ħtiġijiet jużaw l-istess rotot u mezzi tat-trasport joħolqu sfidi għall-istati rigward l-iskrining tal-ħtiġijiet tal-gruppi differenti. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet, filwaqt li jindirizzaw dawn il-flussi, jassiguraw li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jsibuha; u li l-migranti irregolari jiġu ttrattati b’dinjità u ma jiġux kriminalizzati.

Il-migranti f’sitwazzjoni irregolari ħafna drabi huma aktar vulnerabbli għall-isfruttament u l-abbuż. Il-migrazzjoni irregolari tillimita l-potenzjal tal-migranti biex jappoġġaw il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u żżid il-probabbiltà ta’ riżultati ta’ żvilupp negattivi għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni.

L-UE hija impenjata bis-sħiħ sabiex tinfurza l-leġiżlazzjoni u l-politiki maħsuba biex inaqqsu l-immigrazzjoni irregolari. Hija trawwem rotot għal migrazzjoni legali u għandha l-għan li tipprevjeni u tikkumbatti l-migrazzjoni irregolari, inkluż permezz tal-ġestjoni tal-fruntieri u politiki tar-ritorn u r-riammissjoni. L-UE tieħu azzjoni wkoll biex tissanzjona lil dawk li jabbużaw lill-migranti. Id-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet fuq Min Iħaddem tal-2009 hija strument ewlieni, li jinkludi dispożizzjonijiet biex titnaqqas l-ambigwità legali u b’hekk tipprevjeni l-isfruttament ta’ migranti irregolari. Din id-Direttiva ma tipprovdi għall-ebda sanzjoni kontra ħaddiema migranti b'permanenza rregolari, iżda tiffoka fuq dawk li jħaddmu li jabbużaw migranti f’qagħdiet vulnerabbli.

L-UE wkoll tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fit-tisħiħ tal-politiki u l-kapaċitajiet tagħhom biex jiżguraw migrazzjoni ordnata, regolari u bla periklu. Hija tappoġġja l-aġenda dwar ix-xogħol deċenti u l-protezzjoni soċjali u tħeġġeġ politiki sabiex jiffaċilitaw il-mobilità reġjonali tal-impjiegi. Hija tippromwovi wkoll Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri bħala mezz biex ikunu stabbiliti fruntieri miftuħa u siguri u tippromwovu r-rispett tad-drittijiet fil-fruntiera, inkluż id-dritt li jfittxu l-ażil.

Aktar attenzjoni internazzjonali għandha tingħata lill-ħtiġijiet ta' assistenza u protezzjoni tal-migranti li nqabdu f'sitwazzjoni umanitarja mwiegħra u ta’ theddida għall-ħajja, kemm matul it-tranżitu kif ukoll waqt permanenza f’pajjiżi ospitanti. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikulari lin-nisa u tfal jew oħrajn li huma f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli.

3.3.        It-Traffikar tal-Bnedmin

L-impenn tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti kif ukoll il-ħidma favur il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin kienet riflessa f’diversi inizjattivi, miżuri u programmi ta’ finanzjament fis-seħħ mis-snin disgħin. L-adozzjoni tal-2011 tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[10] kienet tikkostitwixxi pass kbir ’il quddiem. Id-Direttiva mhux biss tiffoka fuq l-infurzar tal-liġi iżda wkoll għandha l-għan li timpedixxi l-kriminalità u tiżgura li l-vittmi tat-traffikar jiġu protetti u jingħataw l-opportunità li jirkupraw u jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà. Barra minn hekk, l-istrateġija tal-UE tal-2012 dwar il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin [11] inkludiet miżuri biex jiżguraw kooperazzjoni u koordinament aħjar fost dawk li jaħdmu fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin inklużi l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Azzjonijiet futuri se jinkludu l-iffinanzjar ta’ riċerka u proġetti, l-istabbiliment ta’ pjattaformi, l-iżvilupp ta’ linji gwida u l-aħjar prassi, taħriġ, eċċ.

Il-traffikar tal-bnedmin huwa wkoll prijorità għall-kooperazzjoni esterna tal-UE, u huwa sistematikament indirizzat fi ftehimiet u sħubijiet ma’ pajjiżi li mhumiex tal-UE u fid-djalogi kollha tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-mobilità.

3.4.        Messaġġi ewlenin għad-DLGħ

· L-Istati kollha għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti bħala prijorità ta' politika trasversali u għandhom josservaw l-istrumenti internazzjonali relevanti tad-drittijiet tal-bniedem.

· L-Istati kollha jridu jirrispettaw id-dinjità u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, minkejja l-istatus legali tal-migranti. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom biex jipproteġu u jassistu persuni li jfittxu l-ażil u migranti vulnerabbli, bħal minuri mhux akkumpanjati, vittmi ta’ traffikar, nisa u tfal.

· L-Istati kollha għandhom jiżviluppaw il-politiki nazzjonali għall-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetajiet tagħhom u biex jipprevjenu u jiġġieldu l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, inkluż għal persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Huma għandhom jieħdu azzjoni kontra l-forom kollha ta’ sfruttar tal-impjiegi kemm ta' migranti legali kif ukoll migranti irregolari, inkluż bl-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet effettivi kontra min iħaddem lil ħaddiema barranin b'mod irregolari.

· L-Istati kollha għandhom jirratifikaw u jimplimentaw l-istrumenti internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin. Politiki ta’ kontra t-traffikar tal-bnedmin nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu stabbiliti jew aġġornati filwaqt li l-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni tat-traffikanti u l-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar għandha tissaħħaħ.

· L-importanza li l-migranti (potenzjali) jiġu provduti b'informazzjoni dwar il-proċeduri tal-immigrazzjoni, id-drittijiet tagħhom u dwar il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali fil-pajjiż tad-destinazzjoni intenzjonat għandha tiġi enfasizzata.

4.           Roundtable 3: It-tisħiħ tas-sħubijiet u kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni internazzjonali, mekkaniżmi biex il-migrazzjoni tiġi integrata b’mod effettiv fil-politiki tal-iżvilupp u l-promozzjoni tal-koerenza fil-livelli kollha

4.1.        Sħubija u kooperazzjoni:

Sħubijiet internazzjonali effikaċi bejn il-pajjiżi huma essenzjali biex jimmassimizzaw l-impatti pożittivi tal-migrazzjoni fuq il-pajjiżi tal-oriġini, destinazzjoni u l-migranti nfushom.

L-UE timpenja ruħha fi djalogu komprensiv u għal kooperazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ pajjiżi u reġjuni li mhumiex fl-UE. Tali kooperazzjoni hija relatata mal-erba’ oqsma ugwalment importanti tal-GAMM; i) it-tisħiħ tal-migrazzjoni legali u l-iffaċilitar tal-mobilità, ii) il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, iii) il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità u iv) il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali.

L-UE stabbilixxiet djalogi reġjonali u bilaterali dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà mal-ġirien tagħha u l-imsieħba l-oħra ta’ prijorità, li ppermettew l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet konġunti għall-koperazzjoni matul ir-rotot tal-migrazzjoni. Żewġ oqfsa bilaterali speċifiċi, Sħubijiet ta’ Mobilità u Aġendi Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità, ġew stabbiliti biex jippermettu għal djalogi ta' politika u kooperazzjoni operazzjonali iktar fil-fond u mfassla apposta għall-oqsma kollha tal-GAMM ma’ pajjiżi sħab. L-istrumenti legali relevanti qed jiġu nnegozjati u implimentati, inklużi ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża (flimkien mal-ftehimiet ta’ riammissjoni) biex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni tal-UE u l-pajjiżi msieħba prijoritarji. Qed jiġu ffinanzjati għadd kbir ta’ programmi u attivitajiet.

Id-djalogi politiċi kollha dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp għandhom ikunu inklusivi u, fejn xieraq, jinvolvu atturi mhux governattivi bħalma huma s-settur privat, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema, il-qasam akkademiku u s-soċjetà ċivili, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-migranti.

4.2.        L-integrazzjoni tal-migrazzjoni fil-politiki tal-iżvilupp

L-integrazzjoni ta' aspetti tal-migrazzjoni u l-emigrazzjoni fi strateġiji ta’ żvilupp fil-livelli kollha huwa l-ewwel pass vitali għall-promozzjoni tal-oqfsa ta’ governanza li jimmassimizzaw il-potenzjal tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità. Madankollu, il-progress għadu inadegwat, partikolarment fil-livell ta’ strateġiji tal-pajjiżi msieħba bħad-Dokumenti ta’ Strateġija dwar it-Tnaqqis tal-Faqar (PRSPs).

“L-inklużjoni tal-migrazzjoni” fl-istrateġiji nazzjonali ta’ żvilupp jeħtieġ li tkun promossa iktar. Meta jiġi adottat il-mudell tal-iżvilupp, l-objettivi u l-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba jitqiesu bħala punt ta’ tluq, u jsiru eżerċizzji biex il-migrazzjoni ssir parti intrinsika tal-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali u settorjali li jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti s-sjieda, is-sostenibbiltà u l-koerenza tal-azzjonijiet li jimmassimizzaw l-impatt ta’ żvilupp tal-migrazzjoni. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq approċċ li jinkludi bosta partijiet interessati, li jirrappreżentaw il-ministeri kollha.

Aktar progress huwa meħtieġ ukoll fil-livell tad-donaturi, inkluża l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ħadet passi kbar lejn l-integrazzjoni tal-migrazzjoni bħala qasam ta’ prijorità għall-kooperazzjoni esterna, u impenjat kważi EUR 1 biljun għal iktar minn 400 proġett relatat mal-migrazzjoni bejn l-2004 u l-2012. Il-kooperazzjoni esterna tal-UE kisbet riżultati sinifikanti fuq il-bini ta’ kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-migrazzjoni skont il-politika tal-migrazzjoni esterna tal-UE u l-objettivi għat-tnaqqis tal-faqar.

Madankollu, minħabba r-realtà ta’ aktar mobbiltà tal-bniedem, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-UE f’setturi bħall-impjiegi, id-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ, l-agrikoltura u l-ambjent huma bbażati fuq rikonoxximent sħiħ tal-potenzjal ta’ migrazzjoni u mobbiltà ġestiti tajjeb biex jippermettu l-iżvilupp.

Sabiex tappoġġja l-ħidma għall-iżvilupp ta' fehim kondiviż tal-importanza tal-migrazzjoni fost l-atturi tal-iżvilupp, hija meħtieġa aktar dejta dwar kif il-migrazzjoni tista’ tmexxi jew tfixkel il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet tal-iżvilupp, speċjalment fis-setturi l-aktar influwenzati mid-demografiji u kwistjonijiet ta’ impjiegi. Huma meħtieġa wkoll għodod biex dan it-tagħrif jiġi tradott fi gwida operazzjonali, inkella impenji politiċi dwar l-inklużjoni tal-migrazzjoni se jibqgħu mhux miksuba.

Il-Kummissjoni daħħlet l-użu ta’ profili dwar il-migrazzjoni għall-ipprogrammar għall-iżvilupp fl-2005, bħala għodod effettivi għall-iżvilupp ta' dejta komparabbli u jappoġġjaw it-tfassil tal-politika dwar il-migrazzjoni. Profili migratorji qosra jistgħu jipprovdu sorsi utli ta’ dejta komparabbli dwar il-flussi migratorji, pereżempju billi jużaw indikaturi ewlenin żviluppati mill-Grupp għall-Migrazzjoni Globali (GMG), u l-gwida dwar "Profili dwar il-Migrazzjoni — niksbu li nistgħu mill-proċess".

F’dawn l-aħħar snin, l-UE appoġġat bil-qawwa "Profili Estiżi tal-Migrazzjoni", li jlaqqgħu l-partijiet interessati kollha fi proċess speċifiku għall-pajjiż. Is-sjieda hija f’idejn il-pajjiż imsieħeb, u s-sostenibbiltà hija żgurata permezz ta’ bini ta’ kapaċitajiet relatati. Il-Kummissjoni hija impenjata sabiex tappoġġja pajjiżi sħab li jridu jużaw il-Profili Estiżi tal-Migrazzjoni biex jifhmu aħjar l-impatt sħiħ tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom bħala bażi għal azzjonijiet ta' politika aktar immirati.

Koerenza Politika effettiva hija ta’ importanza ewlenija għall-integrazzjoni effettiva tal-migrazzjoni fil-politiki ta’ żvilupp u għandha tiġi segwita fi u bejn il-livelli kollha rilevanti inklużi oqfsa nazzjonali bħall-PRSPs, iżda wkoll fuq livelli reġjonali, lokali u multilaterali. L-UE nnifisha tista’ tipprovdi eżempju tajjeb ta’ kif il-kooperazzjoni reġjonali tista’ tippromwovi l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) dwar il-migrazzjoni. L-obbligu għall-PCD huwa inkorporat fit-Trattat tal-UE u għadd ta’ għodod operattivi ġew żviluppati biex jimplimentaw dan, inkluż rappurtar ta' kull sentejn[12].

L-ippjanar tal-iżvilupp imwettaq mill-awtoritajiet lokali jeħtieġ iktar attenzjoni f’diskussjonijiet dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Ir-rwol tal-amministrazzjonijiet tal-ibliet huwa ċentrali, minħabba li migrazzjoni u urbanizzazzjoni li qed jiżdiedu huma kwistjonijiet relatati li għandhom impatt sinifikanti fuq is-soċjetajiet madwar id-dinja. L-ibliet għandhom il-potenzjal li jaqdu r-rwol ta’ katalisti tal-bidla soċjali. Iżda bliet fin-Nofsinhar globali wkoll jiffaċċjaw sfidi sinifikanti, inkluż fil-kisba tal-urbanizzazzjoni sostenibbli. L-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenza bejn il-bliet fuq kwistjonijiet bħalma huma l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-integrazzjoni, l-ippjanar urban u l-infrastruttura, notevolment bħala modi biex jippromwovu l-kontribuzzjonijiet li l-migranti jistgħu jagħmlu lill-belt/ir-reġjun, għandhom jitħeġġu pereż. billi jinħoloq netwerk dinji dedikat għall-bliet u r-reġjuni urbani dwar dawn il-kwistjonijiet.

4.3.        Koerenza multilaterali fil-governanza tal-migrazzjoni

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kontribut sinifikanti li għamel ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-migrazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp (SRSG) fil-promozzjoni ta' kwistjonijiet migrazzjoni-żvilupp kif ukoll ir-rwol potenzjali tal-GMG bħala korp ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji dwar il-migrazzjoni. Żieda fil-koordinazzjoni effettiva dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni bejn l-aġenziji kollha tan-NU relevanti tista' tkun ta' kontribuzzjoni serja għal politika globali aktar koerenti dwar il-migrazzjoni l-iżvilupp. L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM), bħala l-organizzazzjoni internazzjonali ewlenija attiva f’dan il-qasam għandha tieħu rwol proattiv biex ittejjeb il-koordinament mas-sistema tan-NU. Is-SRSG jista’ jkollha rwol importanti għal dak l-għan, b’mod partikolari biex tkun żgurata ġestjoni effettiva ta' interface fi ħdan is-sistema tan-NU, inkluż mal-GMG.

Il-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (GFMD) wera li kien forum importanti għal diskussjonijiet miftuħa u ċari u saħħaħ id-djalogu u l-iskambju mas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet ta’ migranti. Huwa stabbilixxa l-fiduċja fost partijiet interessati li jipparteċipaw bis-saħħa tal-karattru informali tal-proċess, li għandu jinżamm. Jista’ jsir aktar progress dwar is-segwitu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-GFMD. Ukoll, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Presidenza tal-2014 tal-GFMD, għandhom isiru aktar sforzi biex jissaħħaħ il-fokus fuq l-iżvilupp fil-GFMD.

L-UE se tkompli sservi ta’ sieħba attiva u determinata fil-kooperazzjoni multilaterali. Bħala entità ġuridika b’kompetenzi speċifiċi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp, u skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-UE għandu jkollha rwol adegwat fil-korpi internazzjonali tal-migrazzjoni rilevanti kollha

4.4.        Messaġġi ewlenin għad-DLGħ

· L-Istati kollha għandhom jimpenjaw ruħhom fi djalogu internazzjonali u kooperazzjoni mal-imsieħba rilevanti sabiex jidentifikaw il-prijoritajiet kondiviżi u jsaħħu l-governanza bilaterali u reġjonali tal-migrazzjoni. Rabta effettiva tas-soċjetà ċivili fi pjanar globali, reġjonali, nazzjonali u lokali dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp tal-ippjanar għandhom ikunu segwiti wkoll.

· Donaturi u atturi oħra tal-iżvilupp għandhom b’mod effettiv jintegraw il-migrazzjoni u l-kwistjonijiet tal-mobilità fil-politiki u l-istrumenti ta’ żvilupp tagħhom. Aktar evidenza dwar ir-rabtiet bejn il-mobilità umana u l-iżvilupp għandha tinġabar, u għandhom jiġu żviluppati għodod operattivi biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' aktar inklużjoni tal-migrazzjoni.

· Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-migrazzjoni għall-iżvilupp, hu meħtieġ aktar xogħol biex jipprovdi bażi suffiċjenti tat-tagħrif. Għandu jintlaħaq kunsens dwar it-tipi ta’ dejta u r-rappurtar meħtieġ biex ikun hemm stampa affidabbli u kumparabbli ta' kwistjonijiet tal-migrazzjoni fuq livell reġjonali u globali. Mekkaniżmi għall-qsim tad-dejta nazzjonali, bħalma huma l-profili tal-migrazzjoni, għandhom jiġu esplorati. Inizjattivi biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiġbru u janalizzaw id-dejta dwar ir-rabtiet bejn il-migrazzjoni, il-mobilità u l-iżvilupp għandhom ikunu mħeġġa. Koordinazzjoni effettiva fil-qasam tal-ġbir tad-dejta u r-riċerka fil-livell globali għandhom jiġu promossi.

· L-aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jimpenjaw ruħhom għal aġenda tal-migrazzjoni internazzjonali integrata u koordinata, sabiex jiġu minimizzati d-dupplikazzjoni u l-ħela ta’ riżorsi skarsi.

5.           Roundtable 4: Mobilità tal-ħaddiema internazzjonali u reġjonali u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp

5.1.        Mobilità tal-ħaddiema

L-UE hija eżempju uniku ta’ kif l-integrazzjoni reġjonali tista’ tinkiseb u kif tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp. Hija bniet spazju ekonomiku uniku u żona unika ta’ moviment liberu, fejn aktar minn 480 miljun ċittadin Ewropew jistgħu jivvjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu u jgħixu. L-UE qed tibni progressivament suq tax-xogħol tal-UE integrat u stabbiliet sistemi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u t-trasferibbiltà tad-drittijiet soċjali u tal-pensjoni bejn l-Istati Membri. Mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-UE pproduċiet bosta benefiċċji, inkluż aktar konverġenza ekonomika u qsim ta’ ħiliet bejn l-Istati Membri, aktar trasferimenti ta' rimessi intra-UE u inqas pressjoni fuq is-swieq tax-xogħol li qed jiffaċċjaw qgħad għoli. Strumenti tal-liġi tal-UE[13] jagħtu drittijiet ta’ mobbiltà lil ċittadini li mhumiex ċittadini tal-UE li jippermettulhom jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor.

Fl-ekonomija globalizzata u ferm kompetittiva tal-lum, u minkejja ċ-ċifri tal-qgħad għolja attwali fl-UE, il-migrazzjoni lejn l-UE ħabba l-impjiegi minn ċittadini li mhumiex tal-UE se jkollhom ukoll rwol biex jiżviluppaw forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli, adattabbli li jistgħu jilħqu jaffaċċjaw l-isfidi demografiċi u l-bidla ekonomika. L-UE hija impenjata li tagħmel l-aħjar użu mill-ħaddiema domestiċi tagħha, inkluż il-migranti li diġà jgħixu legalment fl-UE, filwaqt li tiftaħ mogħdijiet għal migrazzjoni ekonomika legali f’oqsma li fihom qed jitfaċċaw nuqqas ta’ xogħol u ħiliet.

Maż-żieda internazzjonali fil-mobbiltà (tal-ħaddiema), ix-xogħol jeħtieġ li jkun intensifikat fl-oqsma bħalma huma r-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, l-esplorazzjoni tal-ġarr tad-drittijiet tal-pensjoni u intitolamenti oħra, inkluż, fejn ikun possibbli, fuq livell internazzjonali. B’mod partikolari, il-Bord bejn l-Aġenziji tal-Protezzjoni Soċjali, li ġie miftiehem permezz tal-G20 fl-2011, għandu jikkunsidra li jindirizza l-kwistjoni tal-ħarsien soċjali tal-migranti.

Il-mobilità reġjonali tal-impjiegi, hija wkoll ta’ importanza ewlenija għall-migrazzjoni fir-reġjuni li qed jiżviluppaw, li jirrappreżentaw strateġija ta' għajxien vitali. Mobilità tax-xogħol tikkontribwixxi għal tqabbil aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol. Minħabba tibdiliet fit-tqassim tal-ġid globali tal-progress, diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isiru dejjem aktar pajjiżi destinatarji għal migrazzjoni tal-ħaddiema inter-reġjonali. Tabilħaqq, il-kriżi ekonomika globali kkawżat iktar mobbiltà fix-xogħol mill-Istati Membri tal-UE għal ċerti pajjiżi tal-Amerika Latina u tal-Afrika. Madankollu, l-oqfsa ta’ governanza għall-migrazzjoni tax-xogħol f’ħafna pajjiżi ta’ destinazzjoni li għandhom dħul baxx jew medju għadhom dgħajfa, u għandhom jissaħħu sabiex jippromwovu l-impatt ta’ żvilupp tal-migrazzjoni u jassiguraw protezzjoni adegwata u standards deċenti tax-xogħol għal ħaddiema migranti.

Attenzjoni speċifika għandha tingħata wkoll lir-rwol tal-organizzazzjonijiet reġjonali f’dan il-qasam, billi huma f’pożizzjoni tajba biex itejbu l-governanza tal-mobbiltà reġjonali tax-xogħol. L-UE hija ħerqana li taqsam l-esperjenza fil-ġestjoni tal-mobilità tax-xogħol, inkluż b'organizzazzjonijiet reġjonali f'pajjiżi bi dħul baxx u medju.

5.2.        Messaġġi ewlenin għad-DLGħ

· L-Istati kollha għandhom jirrevedu l-ostakli eżistenti għall-mobbiltà tal-bniedem, u bil-ħsieb li jitneħħew l-ostakoli li mhumiex ġustifikati mil-lat tas-sigurtà u li qed ixekklu bla bżonn il-kompetittività ekonomika u l-integrazzjoni reġjonali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li jkun faċilitat l-aċċess ta’ vjaġġaturi bona fide u jitnaqqsu l-kostijiet biex jinkisbu d-dokumenti u t-tariffi tar-reklutaġġ. F’dan il-kuntest, l-organizzazzjoni ta' konferenza dwar il-mobbiltà internazzjonali tax-xogħol u l-iżvilupp fil-qafas tan-NU għandhom ikunu kkunsidrati.

· Proċessi u organizzazzjonijiet reġjonali involuti fil-promozzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità intrareġjonali b'mod ordnat bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu appoġġjati.

· Mobilità tax-xogħol intrareġjonali, programmi tal-iżvilupp tal-ħiliet u ċertifikazzjoni tal-ħiliet u l-iskemi tar-rikonoxximent għandhom ikunu promossi, speċjalment f'setturi fejn hemm nuqqas ta’ persunal imħarreġ u li jistgħu jibbenefikaw minn ħaddiema migranti. B’mod parallel, huma meħtieġa resokonti affidabbli ta’ xejriet tal-ħiliet meħtieġa madwar ir-reġjuni[14], li jinformaw programmi tal-iżvilupp tal-ħiliet u opportunitajiet ta’ mobilità.

· Il-migrazzjoni ċirkolari għandha tiġi faċilitata biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini u destinazzjoni.

· Aċċess effettiv għas-sigurtà soċjali f’pajjiżi ospitanti kif ukoll il-portabbiltà tad-drittijiet soċjali u tal-pensjoni għandhom ikunu promossi, inkluż permezz ta’ ftehimiet bilaterali jew reġjonali, minħabba li dan jista’ jiffaċilita l-mobbiltà u l-migrazzjoni ċirkulari kif ukoll li jservi bħala diżinċentiv għax-xogħol irregolari.

6.           X'għandha tagħmel l-UE: il-passi li jmiss għal twessigħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni

Il-messaġġi ewlenin li ssemmew iktar ’il fuq huma indirizzati lejn il-komunità globali. Madankollu, jista’ jsir ħafna u għandu jsir fil-kuntest tal-politiki u l-programmi tal-UE stess.

Taħt il-politika tal-migrazzjoni esterna tal-UE, diġà sar progress sinifikanti fil-massimizzazzjoni tal-impatt tal-migrazzjoni lejn l-UE għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini. L-UE hija impenjata biex tkompli taħdem fuq oqsma "tradizzjonali" tal-aġenda (tad-dijaspora, rimessi, telf tal-ħiliet, migrazzjoni ċirkolari).

Madankollu, l-isfidi u l-opportunitajiet li għandhom quddiemhom il-pajjiżi msieħba fir-rigward tar-rabta żvilupp-migrazzjoni huma usa’ u iżjed kumplessi minn dawk indirizzati s’issa. Il-Kummissjoni se tiżgura li azzjoni tal-UE fil-ġejjieni dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp issir verament komprensiva, tindirizza l-firxa sħiħa ta’ impatti pożittivi u negattivi tad-diversi forom li l-migrazzjoni jista’ jkollha fuq żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fil-pajjiżi bi dħul baxx jew medju ta’ oriġini u destinazzjoni. Dan jirrikjedi bidla fil-punt fokali, biex it-tħassib dwar l-iżvilupp isir fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Sabiex dan l-approċċ ħolistiku jissarraf f’azzjoni hemm bżonn ta' miżuri, partikolarment fil-kuntest tal-politika tal-UE għall-iżvilupp, li jindirizzaw aħjar għadd ta’ kwistjonijiet, inkluż permezz ta’:

· L-estensjoni tal-azzjoni taħt l-oqsma "tradizzjonali" tal-migrazzjoni u l-iżvilupp fil-kuntest Nofsinhar-Nofsinhar, notevolment billi jiġu identifikati mezzi biex jiffaċilitaw flussi ta’ rimessi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u l-appoġġ ta’ riċerka biex nifhmu aħjar is-sehem tad-diaspora residenti fil-pajjiżi bi dħul baxx jew medju bħala atturi għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

· Esplorazzjoni ta' modi kif jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdiedu l-benefiċċji tal-migrazzjoni u l-mobilità għal pajjiżi bi dħul baxx jew medju fil-pajjiżi tad-destinazzjoni, b’enfasi partikolari fuq il-flussi intrareġjonali. F’dan ir-rigward, il-koerenza bejn il-politiki nazzjonali tal-impjieg u migrazzjoni tax-xogħol attiv għandhom jiġu promossi.

· Approfondiment tal-għarfien tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-migrazzjoni għall-iżvilupp, speċjalment fis-setturi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-agrikoltura.

· Jittieħdu passi biex tiġi integrata b’mod sħiħ il-migrazzjoni sfurzata fl-aġenda migrazzjoni-żvilupp u biex ikun żgurat li r-refuġjati u l-migranti l-oħra furzati jiġu inklużi fl-ippjanar tal-iżvilupp fit-tul. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se taħdem lejn l-integrazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ refuġjati li jdumu iżjed mis-soltu fl-aġenda tal-iżvilupp biex jiżguraw li s-sitwazzjoni tagħhom u l-kontribut pożittiv possibbli jiġi meqjus minn gvernijiet ospitanti sabiex fil-ġejjieni jiġi evitat l-ispostament u jissaħħu l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema.

· Jesploraw ulterjorment u jindirizzaw ir-rabtiet li jeżistu bejn il-bidla fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u l-migrazzjoni, inkluża l-importanza tal-adattament għall-bidla fil-klima u t-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri (DRR) fit-tnaqqis tal-ispustjar, u r-rwol tal-migrazzjoni bħala strateġija għat-tisħiħ tal-adattament u tat-TRD.

· Aktar esplorazzjoni tar-rabtiet bejn il-mobbiltà u l-iżvilupp, inkluża r-relazzjoni bejn il-politika interna u l-mobbiltà internazzjonali u bejn il-mobilità u l-urbanizzazzjoni.

Barra minn hekk, taħt il-GAMM u l-Aġenda għall-Bidla, il-Kummissjoni se tippromwovi l-governanza tal-migrazzjoni u koerenza politika effettiva fil-livelli kollha, biex tutilizza l-potenzjal tal-migrazzjoni u l-mobilità bħala determinanti tal-iżvilupp. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se:

i.             Tippromwovi l-integrazzjoni tal-migrazzjoni fl-istrateġiji tal-iżvilupp. Fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE stess, il-Kummissjoni se tkompli finanzjamenti tematiċi mmirati u se tirdoppja l-isforzi tagħha biex tintegra d-dimensjoni tal-migrazzjoni f’inizjattivi ta’ żvilupp f’setturi oħra fejn ikun relevanti. Barra minn hekk, hija lesta li tgħin pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-integrazzjoni tal-migrazzjoni, inkluż bl-appoġġ tal-Profili ta’ Migrazzjoni Estiża u l-istrateġiji ta’ migrazzjoni nazzjonali.

ii.            Issaħħaħ il-governanza tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni fi u bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari fuq livell reġjonali, sabiex jitjiebu r-riżultati tal-iżvilupp għall-pajjiżi tal-oriġini, it-tranżitu u d-destinazzjoni. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet fl-oqsma rilevanti kollha, inkluż billi taqsam l-għarfien espert tagħha dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, l-integrazzjoni, is-sistemi tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-bnedmin u t-traffikar tal-bnedmin, il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, eċċ. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-għanijiet relatati mal-migrazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp rilevanti.

iii.           Tippromwovi aktar approċċ iċċentrat fuq il-migrant bħala prijorità trasversali tal-azzjonijiet kollha tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp, li għandhom jimmiraw biex jappoġġjaw il-migranti biex isiru iktar atturi effettivi tal-iżvilupp. L-inizjattivi għandhom ikunu bbażati fuq għarfien tal-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet fil-livell individwali kif ukoll tal-Komunità, inkluż dwar il-migranti nfushom, komunitajiet li jospitaw u dawk li tħallew lura.

Il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar il-progress li sar dwar l-inizjattivi msemmija hawn fuq fir-Rapport tagħha tal-GAMM, ippubblikat kull sentejn, kif ukoll fir-rappurtar tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla.

7.           Konklużjoni

L-UE ħolqot żona ta’ moviment ħieles ta’ persuni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa li hija meqjusa bħala sors ta’ ispirazzjoni minn ħafna madwar id-dinja. Fl-ispirtu ta’ sħubija, hi bdiet il-politika ta’ migrazzjoni esterna li hija bbilanċjata u komprensiva. Hija d-donatur ewlieni fid-dinja tal-għajnuna għall-iżvilupp u se tkompli tipprovdi appoġġ sostanzjali fis-snin li ġejjin. L-UE hija lesta li taqsam l-esperjenza tagħha ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet interessati. L-UE esprimiet it-tama li DLGħ tal-2013 se jimmarka l-bidu ta’ era ġdida ta’ kooperazzjoni globali dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

Il-Kummissjoni ssejjaħ l-aġenziji rilevanti kollha u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp biex isegwu approċċ aktar koerenti, komprensiv u kkoordinat fil-livell globali. Huwa neċessarju li l-komunità globali tingħata l-kapaċità biex tikkapitalizza fuq l-opportunitajiet u biex tindirizza l-isfidi marbuta mal-migrazzjoni internazzjonali. Fid-dinja globalizzata tal-lum, il-pajjiżi kollha jiffaċċjaw sfidi simili, anke fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp. Madankollu, il-pajjiżi se jindirizzaw is-sitwazzjoni b’modi differenti, peress li l-prijoritajiet tagħhom, id-daqs u l-karatteristiċi demografiċi u ekonomiċi jvarjaw. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija għalhekk meħtieġa biex jiġi żgurat li n-nies li jispustjaw ruħhom biex ifittxu ħajja aħjar ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’ambjent sigur.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lil dawk li jfasslu l-politika tal-iżvilupp u l-prattikanti biex iżidu l-involviment tagħhom fit-tisħiħ tar-rabta żvilupp-migrazzjoni, kemm permezz ta’ integrazzjoni aħjar ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u mobilità fl-ipprogrammar ta’ żvilupp kif ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni aktar b’saħħitha f’fora internazzjonali rilevanti. Proċessi ta’ żvilupp jistrieħu fuq il-mobbiltà, li hija meħtieġa biex jiġu żgurati sistemi effiċjenti tat-tqabbil tal-impjieg, u l-iffaċilitar tat-trasferimenti soċjali, finanzjarji u ta' kapital uman. L-iżvilupp irawwem ukoll il-mobilità, u jipprovdi aktar riżorsi għal persuni biex jemigraw biex ifittxu opportunitajiet. Numru ta’ proċessi se jkomplu jsostnu l-mobilità fil-ġejjieni, inkluż bidliet globali ta' żoni ta' ġid, l-integrazzjoni ekonomika globali u reġjonali, u d-degradazzjoni ambjentali relatata mat-tibdil fil-klima. Biex ikun adatt għas-seklu 21, il-ħsieb dwar l-iżvilupp irid jintegra b'mod sħiħ ir-rwol tal-migrazzjoni u l-mobbiltà bħala li jippermettu l-iżvilupp, u li jiġi rikonoxxut ir-rwol essenzjali tal-governanza tal-migrazzjoni effettiva fl-illimitar tal-impatti negattivi potenzjali tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-migrazzjoni u l-prattikanti biex jieħdu kont sħiħ tat-tħassib dwar l-iżvilupp tal-politika dwar il-migrazzjoni u jżidu r-responsabbiltà tagħhom biex ikunu żgurati r-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha permezz tad-dimensjonijiet kollha tal-governanza tal-migrazzjoni. Il-migrazzjoni u l-mobilità huma dwar il-libertà. Huma jinvolvu li kull individwu jingħata l-opportunità u l-abbiltà li jinfluwenza s-sitwazzjoni tal-ħajja tiegħu jew tagħha, ekonomikament u soċjalment. L-impatt tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jmur lil hinn ħafna minn migranti individwali, minħabba li jibbenefika wkoll lis-soċjetà oriġinali tagħhom u s-soċjetà fejn il-migranti jgħixu u jaħdmu. L-għoti tas-setgħa lill-individwi sabiex ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom hija strateġija rebbieħa, kemm għall-governanza effettiva tal-migrazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli.

Id-DLGħ tal-2013 għandu jikkontribwixxi biex jiġu affaċċjati l-isfidi globali tal-lum, b’mod speċjali billi jippromwovi l-inklużjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità bħala prijorità viżibbli u trasversali fil-qafas għall-iżvilupp wara l-2015, u li jiġu rikonoxxuti li jippermttu l-iżvilupp globali.

[1]               Riżoluzzjoni 67/219 tal-21 ta’ Diċembru 2012 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

[2]               COM(2011) 743 finali: Komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-mobilità

[3]               COM(2011) 637 finali: Komunikazzjoni dwar Żieda fl-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla

[4]               Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (SEC(2011) 1353 finali) mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità tat-18 ta’ Novembru 2011 jinkludi għadd ta’ suġġerimenti fuq dan il-qasam.

[5]               SWD(2013) 138 finali: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar it-Tibdil fil-Klima, id-Degradazzjoni Ambjentali, u l-Migrazzjoni

[6]               Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenda għall-iżvilupp ta’ wara l-2015 tiġi elaborata f’iktar dettall f'COM (2013) 92 finali: Komunikazzjoni dwar "Ħajja Deċenti għal Kulħadd: Neqirdu l-Faqar u Nagħtu lid-Dinja Futur Sostenibbli’

[7]               Passi li jridu jittieħdu fil-livell tal-UE f’dan ir-rigward huma deskritti fit-taqsima 6.

[8]               L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul, ĠU L 16, 23.1.2004.

[9]               http://ec.europa.eu/immigration.

[10]             2011/36/UE.

[11]             COM(2012) 286 finali.

[12]             Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Rapport tal-UE tal-2011 dwar Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp" SEC(2011) 1627 finali.

[13]             Id-Direttiva ta’ Residenza għat-Tul (2003/109/KE) jew id-Direttiva dwar il-Karta Blu (2009/50/KE)

[14]             L-UE daħħlet fis-seħħ Skills Panorama għal dan l-għan (taħt żvilupp ulterjuri): http://euskillspanorama.ec.europa.eu/.

Top