Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0284

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern f'Ċipru

/* COM/2013/0284 final - 2013/ () */

52013DC0284

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern f'Ċipru /* COM/2013/0284 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern f'Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)       Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(6) TFUE, li f'Ċipru kien jeżisti defiċit eċċessiv[1] u ħareġ Rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(4)       Fis-27 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni kkonkludiet f'rakkomandazzjoni lill-Kunsill li Ċipru kien ħa azzjoni effettiva f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2010 biex iġib id-defiċit tal-gvern għal taħt il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG u qieset li ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(5)       Fil-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni kkonfermat fit-tieni rakkomandazzjoni tagħha lill-Kunsill li Ċipru kien ħa azzjoni effettiva f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2010 biex iġib l-iżbilanċ tal-gvern għal taħt il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG u qieset li ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

(6)       Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jekk żviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaggużi kbar għall-finanzi tal-gvern seħħew wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni inizjali. Is-seħħ ta' żviluppi ekonomiċi żvantaġġużi mhux mistennija b'effetti baġitarji żvantaġġużi kbar se jiġi vvalutat fl-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(7)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill huwa meħtieġ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi żmien determinat. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut żbilanċ eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob għall-ilħiq ta’ miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5% tal-PDG bħala valur ta’ referenza.

(8)       Abbażi ta’ analiżi fil-fond tan-natura, l-oriġini, u s-severità tal-iżviluppi makroekonomiċi f’Ċipru, il-Kummissjoni kkonkludiet f’Mejju 2012 li Ċipru kien qed jesperjenza żbilanċi serji ħafna, b’mod partikolari rigward il-pożizzjoni esterna, il-finanzi pubbliċi, u s-settur finanzjarju, li kien meħtieġ li jiġu indirizzati b’mod urġenti. Is-sitwazzjoni fis-settur bankarju Ċiprijott dehret li qed thedded is-sostenibbilità tal-qagħda tal-pajjiż. Fuq in-naħa esterna, il-bilanċ tal-kont kurrenti wera defiċits imdaqqsa u persistenti, marbuta mal-erożjoni gradwali tal-kompetittività fil-prezzijiet/spejjeż, filwaqt li l-qagħda tal-investiment internazzjonali nstab li kienet kawża ta’ tħassib. Barra minn hekk is-sitwazzjoni fis-settur bankarju Ċiprijott dehret li qed thedded is-sostenibbilità tal-qagħda tal-pajjiż. Min-naħa interna, is-settur privat b’ingranaġġ għoli, bil-livell tad-dejn pendenti tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u d-dejn domestiku privat għoli ħafna kienu sors ta’ tħassib. Barra minn hekk, il-finanzi tal-gvern inbidlu f'defiċits annwali u dawn kibru anki waqt li l-ekonomija rkuprat mir-reċessjoni, u l-isforzi ta’ dan l-aħħar biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv instab li possibbilment mhumiex biżżejjed. Id-dejn pubbliku kien progressivament 'il fuq mil-limitu bbażat fuq it-Trattat u kien mistenni li jiżdied b'mod qawwi.

(9)       Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal Ċipru bbażati, inter alia, fuq il-valutazzjoni tal-programm nazzjonali ta’ riforma ta’ Ċipru u l-programm ta’ stabbiltà ta’ Ċipru li jkopru l-perjodu 2012-15. L-ewwel rakkomandazzjoni ssejjaħ għall-implimentazzjoni rigoruża tal-istrateġija baġitarja fl-2013 u fis-snin ta’ wara. Hija ssejjaħ ukoll għal introduzzjoni aktar mgħaġġla ta' qafas baġitarju multiannwali infurzabbli b'bażi statutorja vinkolanti u mekkaniżmu korrettiv. Dan il-qafas għandu wkoll jissaħħaħ permezz tal-implimentazzjoni ta’ bbaġittjar skont il-programmi u l-prestazzjoni. Minħabba l-ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxi, għandhom jiġu adottati miżuri li jtejbu l-konformità fil-qasam tat-taxxi u fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.

(10)     Fl-isfond ta’ dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji dejjem aktar severi, l-awtoritajiet Ċiprijotti talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja / il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fil-25 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), bil-għan li tingħata għajnuna biex l-ekonomija terġa’ lura għat-triq li twassal għal tkabbir sostenibbli, li tiġi żgurata sistema bankarja li tiffunzjona sewwa u li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-euro. Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-euro stieden lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-BĊE, mal-awtoritajiet Ċiprijotti, u mal-FMI biex jaqblu dwar programm ta’ aġġustament makroekonomiku, inklużi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament, u li tittieħed l-azzjoni xierqa għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja fl-ambjent diffiċli ħafna b’riskju ta’ effetti li jinxterdu minħabba taqlib fis-swieq sovrani. Fis-16 ta’ Marzu u l-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-euro laħaq ftehim politiku ma’ Ċipru dwar assistenza finanzjarja u l-elementi ewlenin ta’ programm. Fit-12 ta’ April 2013, il-Grupp tal-euro kkunsidra li l-elementi meħtieġa ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku kienu fis-seħħ biex jiġu mnedija l-proċeduri nazzjonali relevanti għall-approvazzjoni formali tal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja tal-MES. Fil-25 ta’ April 2013, il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 136 TFUE li fiha l-elementi ewlenin ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li għandu jiġi implimentat minn Ċipru. Fis-26 ta’ April 2013, Memorandum ta’ Ftehim konsistenti ma’ dik id-deċiżjoni ġie ffirmat mill-awtoritajiet Ċiprijotti u l-Kummissjoni, li kienet qed taġixxi f’isem il-MES.

(11)     Aktar minn għaxar snin ta’ tkabbir ekonomiku sostnut u b’saħħtu f’Ċipru waqfu fl-2009. L-attività ekonomika naqset b’ 1¾%, u d-domanda domestika dgħajfa u l-ambjent estern ħażin ħallew impatt qawwi fuq it-tkabbir. L-attività ekonomika rkuprat fl-2010 bi tkabbir reali tal-PDG ta’ 1,1% filwaqt li tkabbir ta’ 1,5% ġie rreġistrat fl-ewwel nofs tal-2011. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2010 mis-servizzi tal-Kummissjoni, li kien jifforma l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) TFUE tat-13 ta' Lulju 2010, l-ekonomija Ċiprijotta kienet mistennija tikber b'1,3% fl-2011. Minkejja staġun turistiku tajjeb ħafna fl-2011, l-irkupru qala' daqqa ta’ ħarta minn inċident gravi f’Lulju 2011 li qered l-impjant tal-produzzjoni tal-elettriku ta' Vasilico, li tirrappreżenta nofs il-kapaċità totali ta' ġenerazzjoni. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-iżbilanċi serji ħafna tas-settur privat u tas-settur pubbliku fl-ekonomija ta’ Ċipru rriżultat f’issikkar tal-kundizzjonijiet finanzjarji u fiskali, li żied l-effett negattiv fuq l-attività ekonomika, ikkawża grad għoli ta’ inċertezza ekonomika u aggrava d-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Id-dgħufija li kompliet fl-ambjent internazzjonali waqqfet lid-domanda esterna milli tagħmel tajjeb għall-impatt fuq id-domanda domestika. B’riżultat ta’ dan, it-tkabbir ekonomiku annwali tal-2011 irriżulta li kien 0,5%, qrib ta' punt perċentwali taħt il-previżjoni tal-Kummissjoni fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-2012 kienet lil hinn mill-orizzont tat-tbassir meta saret il-previżjoni tal-Kummissjoni li fuqha hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, taħt l-ipoteżi ta’ tnaqqis gradwali tad-distakk negattiv fil-produzzjoni, kien mistenni tkabbir ogħla mill-2011 għall-2012. Skont l-aħħar tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni, it-tkabbir reali tal-PDG huwa mistenni li jkun ta' -2,4% fl-2012.

(12)     Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq 6,3% tal-PDG fl-2011, minn 5,3% fl-2010. Id-deterjorazzjoni tal-bilanċ baġitarju seħħet minkejja miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali fil-Liġi tal-Baġit tal-2011 u tliet settijiet ta’ aktar miżuri biex jitnaqqas id-defiċit adottati matul l-2011, li ma kinux suffiċjenti biex titrażżan id-deterjorazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Is-serje ta’ żviluppi ekonomiċi msemmija hawn fuq, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-iżbilanċi serji ħafna tas-settur privat u tas-settur pubbliku fl-ekonomija ta’ Ċipru, jiffurmaw l-isfond għall-iżviluppi fil-finanzi pubbliċi, inklużi effetti mhux negliġibbli fuq il-kompożizzjoni tat-tkabbir u l-ispejjeż ogħla tal-finanzjament tad-dejn implikati minn telf ta’ aċċess għal finanzjament fit-tul mis-suq.

(13)     Skont it-tbassir l-aktar riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-dejn ġenerali tal-gvern huwa projettat li jilħaq is-6,3% tal-PDG fl-2012. Dan ir-riżultat tal-iżbilanċ projettat huwa ħafna agħar mit-tbassir preċedenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, partikolarment minħabba nuqqas sinifikanti fid-dħul mit-taxxi kemm indiretti kif ukoll diretti (l-aktar minħabba l-VAT, it-taxxi korporattivi u l-kontribuzzjonijiet soċjali) u nfiq ogħla ogħla minħabba żieda fil-qgħad u livell aktar għoli ta' rtirar kmieni milli kien mistenni. Meta mqabbel mat-Tbassir tax-Xitwa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-2012 ġie aġġustat ’il fuq b’madwar ½% tal-PDG minħabba nefqa ta’ darba relatata ma’ spejjeż tal-assigurazzjoni mill-isplużjoni fl-impjant tal-produzzjoni tal-elettriku ta' Vasilico f’Lulju 2011, pagabbli fuq perjodu ta’ erba’ snin iżda mdaħħlin fil-kotba b’mod sħiħ fl-2012, kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ kapital għall-ħlas tal-imgħax ikkapitalizzat fuq il-bond ta' rikapitalizzazzjoni għal Cyprus Popular Bank.

(14)     Skont it-tbassir ekonomiku l-aktar riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit strutturali kien ta’ 5,7% u 6,6% tal-PDG fl-2010 u l-2011 rispettivament. Dan mistenni jilħaq is-6,6% tal-PDG fl-2012. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Lulju 2010 ġibed l-attenzjoni għal tkabbir potenzjali medju ta’ madwar 1% mistenni matul il-perjodu ta’ aġġustament. Skont l-aktar tbassir ekonomiku riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-produzzjoni medja potenzjali għas-snin 2011-2012 issa hija meqjusa bħala negattiva (madwar -0,5%) u huwa stmat li din tibqa’ negattiva matul l-2013-2016. Bħala korrezzjoni għar-reviżjoni 'l isfel tal-produzzjoni potenzjali sa mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-isforz fiskali annwali matul il-perjodu 2011-2012 jkun ta’ madwar 0,5%. Madankollu, il-bidla stmata fil-bilanċ strutturali wkoll kienet affettwata b’mod negattiv minn nuqqas mhux mistenni fid-dħul, minħabba li d-domanda domestika finali kienet anqas milli projjettat u minħabba importazzjonijiet aktar baxxi, kif ukoll minħabba d-deterjorament ikbar fis-suq tax-xogħol. Dan wassal għal nuqqas qawwi fid-dħul, speċjalment fit-taxxi indiretti. Meta jitqiesu dawn l-effetti, l-isforz fiskali globali aġġustat huwa stmat li hu ta' 2,4% tal-PDG bħala medja, ferm aktar mill-isforz fiskali medju annwali meħtieġ għall-2011-2012 ta' mill-anqas 1½% tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill. Ċipru għalhekk jista' jitqies li ħa azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(15)     Il-Liġi tal-Baġit tal-2012 adottata fis-16 ta’ Diċembru 2011 inkorporat strateġija ta’ konsolidazzjoni xprunata min-nefqa li tikkonsisti l-aktar fi(i) kontribuzzjonijiet minn impjegati fis-settur pubbliku għall-pensjonijiet tagħhom flimkien ma’ ffriżar tal-emolumenti fis-settur pubbliku aktar wiesa’ għal sentejn (ii) l-inklużjoni ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku fl-iskema ġenerali tal-pensjoni taħt il-fond tas-sigurtà soċjali minflok fl-iskema tal-pensjoni aktar ġeneruża tas-settur pubbliku, (iii) immirar aħjar tat-trasferimenti soċjali, iv) tnaqqis f'kategoriji magħżula tal-infiq tal-gvern, (v) żieda tar-rata tal-VAT minn 15% għal 17%, (vi) kontribuzzjoni temporanja fuq il-qligħ gross tal-impjegati tas-settur privat u l-pensjonanti u (vii) żieda fir-rata tat-taxxa fuq id-distribuzzjoni preżunta ta' dividendi. Il-projezzjonijiet fiskali msemmija hawn fuq jinkludu wkoll miżuri ta’ konsolidament meħuda mill-awtoritajiet Ċiprijotti għall-parti li jifdal tal-2012 wara ftehim provviżorju mas-sħab fil-programm dwar il-politiki fiskali f’Novembru 2012, b’mod partikolari tnaqqis fl-iskala fl-emolumenti tal-pensjonanti u l-impjegati pubbliċi u tas-settur pubbliku aktar wiesa'. B'kollox, Ċipru adotta miżuri ta’ konsolidament fl-2011-2012 b'impatt stmat dirett fuq it-tnaqqis tal-iżbilanċ ta’ aktar minn 5½% tal-PDG. Din il-valutazzjoni minn isfel għal fuq tal-miżuri ta' konsolidament fiskali li ttieħdu fis-snin 2011-2012 tikkonferma l-konklużjoni li ttieħdet azzjoni effettiva minn Ċipru.

(16)     Id-dejn pubbliku gross tela’ għal 71,1% tal-PDG fl-2011, meta mqabbel ma' 67,6% tal-PDG pproġettat fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2010 tas-servizzi tal-Kummissjoni li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tat-13 ta’ Lulju 2010. L-iżviluppi tad-dejn kienu fil-biċċa l-kbira kkawżati mir-riżultati ta' defiċit ogħla milli kien mistenni, tkabbir aktar baxx milli mistenni, u d-diffikultajiet li kellu Ċipru biex jaċċessa s-swieq internazzjonali biex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tiegħu, li rriżultaw f’żidiet fl-ispiża tas-self. Dawn il-fatturi, flimkien mal-parteċipazzjoni tal-gvern fir-rikapitalizzazzjoni ta’ bank kummerċjali wieħed f’Ġunju 2012, wasslu għal żieda fid-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għal madwar 85,8% tal-PDG fl-2012. Fis-snin li ġejjin, id-dejn tal-gvern inevitabbilment se jiżdied aktar, li jirrifletti t-tkabbir dgħajjef u l-ħtiġijiet finanzjarji fiskali sostanzjali. Fl-2013-14, id-dejn tal-gvern ser ikompli jiżdied meta jirċievi l-għajnuna finanzjarja. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mbassar li jilħaq quċċata ta’ madwar 128% tal-PDG fl-2015 qabel ma jinżel minn hemm’ il quddiem minħabba bilanċi pożittivi primarji sostenibbli u r-ritorn lejn rati ta’ tkabbir reali tal-PDG pożittivi.

(17)     Meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha u partikolarment id-deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni baġitarja li tirriżulta mit-tnaqqis ekonomiku agħar milli mistenni u l-qagħda kumplessiva ekonomika iktar dgħajfa milli previst fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni oriġinali tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, l-implikazzjoni hija li huwa ġġustifikat li jkun hemm data ta' skadenza ġdida għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv minn Ċipru. L-għoti ta’ erba’ snin addizzjonali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv huwa meħtieġ fid-dawl tad-distanza projettata mill-valur ta’ referenza ta’ 3% tal-PDG fi tmiem l-2012 u ċ-ċirkostanzi makroekonomiċi ħżiena.

(18)     Skont l-aktar tbassir ekonomiku riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG, il-bilanċ primarju tal-amministrazzjoni pubblika hu projettat li jilħaq defiċit ta’ 2,4% tal-PDG fl-2013, defiċit ta’ 4,3% tal-PDG fl-2014, defiċit ta’ 2,1% tal-PDG fl-2015 u bilanċ pożittiv ta’ 1,2% tal-PDG fl-2016, filwaqt li d-defiċit nominali tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li jilħaq is-6,5% tal-PDG għall-2013, 8,4% tal-PDG għall-2014, 6,3% tal-PDG għall-2015 u 2,9% tal-PDG fl-2016. Għall-finijiet tal-monitoraġġ, u minħabba l-kontroll limitat tal-awtoritajiet Ċiprijotti fuq il-ħlasijiet tal-imgħax, il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku li għandu jiġi implimentat minn Ċipru jistabbilixxi miri fiskali għall-bilanċ primarju.

(19)     Sabiex jiżgura korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv, perkors tal-aġġustament adattat għandu jkun stabbilit u evalwat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala r-referenza u b’titjib annwali minimu fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,5% tal-PDG bħala punt ta’ referenza. Miżuri ta’ konsolidament speċifikati b'mod sħiħ ta’ madwar 4¾% tal-PDG fl-2013 huma projettati li jirriżultaw f’titjib tal-bilanċ fiskali strutturali ta’ madwar 1,3% tal-PDG fl-2013. Għall-2014, il-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati jammontaw għal madwar 1¾% tal-PDG u huma stmati li jtejbu l-bilanċ strutturali b’0,3% tal-PDG fl-2014 filwaqt li t-titjib fil-bilanċ strutturali huwa stmat li se jkun ta' 0,7% tal-PDG fl-2015 u ta' 1,8% tal-PDG fl-2016.

(20)     L-aġġustament għall-2013-16 fih miżuri għat-tnaqqis taż-żieda fin-nefqa prinċipalment fil-kont tal-pagi tas-settur pubbliku u l-benefiċċji soċjali, u biex jiżdied id-dħul b’mod partikolari b'żieda fir-rati tal-VAT, id-dazji tas-sisa, ir-rata tat-taxxa fuq dħul mill-imgħax, u t-taxxa fuq il-proprjetà u dik korporattiva. Il-konsolidazzjoni fiskali għandha tinżamm fuq medda medja ta’ żmien billi jitrażżan it-tkabbir fl-infiq, titjieb l-istruttura tat-tassazzjoni u jitwettqu miżuri fiskali-strutturali.

(21)     Fid-dawl tal-konsolidazzjoni addizzjonali sostanzjali fl-2013 u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi negattivi u inċerti ħafna, inter alia minħabba l-impożizzjoni ta’ kontrolli kapitali temporanji, telf ta’ fiduċja u instabbiltà fis-settur finanzjarju, obbligu ex-ante ta’ aktar miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali għall-2014 (addizzjonali għall-miżuri adottati f’Diċembru 2012 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014) ma kienx meqjus xieraq. Madankollu, obbligu tal-Awtoritajiet Ċiprijotti li jkunu lesti li jippreservaw l-għanijiet tal-programm billi jieħdu miżuri addizzjonali f’każ ta’ prestazzjoni inadegwata tad-dħul jew infiq soċjali ogħla, filwaqt li jitqiesu l-effetti makroekonomiċi negattivi, huwa stabbilit fil-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju.

(22)     Fl-2014, il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jitjieb b’0,3% tal-PDG fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali miftiehma li baqgħu mhux mibdula meta mqabbla ma’ dawk li kienu stabbiliti fil-MtF ta' Novembru 2012. L-isforz strutturali stmat fl-2014 huwa għalhekk, ibbażat fuq it-tbassir l-aktar riċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni, ftit anqas mit-titjib annwali minimu fil-bilanċ structual ta’ mill-inqas 0,5% tal-PDG bħala punt ta’ referenza. Dan il-livell ta’ titjib għandu madankollu jitqies bħala aċċettabbli fis-sitwazzjoni eċċezzjonali attwali ta’ kundizzjonijiet makroekonomiċi inċerti ħafna b’ċaqliq sinifikanti fil-produzzjoni potenzjali reali u stmata, fejn l-istimi tal-bilanċ strutturali huma iktar inċerti u suġġetti li jvarjaw matul iż-żmien milli taħt kundizzjonijiet makroekonomiċi aktar stabbli. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tax-Xitwa 2013 qies il-miżuri ta’ konsolidament għall-2014 u indika titjib fil-bilanċ strutturali mill-2013 sal-2014 ta’ madwar 1,4% tal-PDG. It-tnaqqis fit-titjib tal-bilanċ strutturali fl-2014 huwa stmat issa - minkejja li hemm l-istess sett ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni - jista’ jiġi spjegat minn (i) id-deterjorament tal-bażi tat-taxxa tal-miżuri tad-dħul tal-2013, li jimplika li xi wħud minn dawn il-miżuri huma projettati li jkollhom impatt iżgħar fl-2014; (ii) ir-reviżjoni 'l isfel tal-impatt ta' xi wħud mill-miżuri ta' konsolidazzjoni li diġà ttieħdu għall-2014 minħabba l-kundizzjonijiet makroekonomiċi agħar matul il-perjodu tal-programm. (iii) tnaqqis projettat fil-ġbir tal-introjtu fl-2014, ta' xi miżuri tat-taxxi, li l-introjtu minnhom (pereżempju, il-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul u l-VAT) jiddependu fuq l-attività ekonomika tal-2013 u (iv) il-fatt li l-elastiċità standard użata sabiex tiġi ddeterminata l-qasma bejn il-komponent ċikliku u l-bilanċ strutturali tista' twassal għal sottovaluazzjoni tal-isforz fiskali reali ta' bażi. Perspettiva minn isfel għal fuq tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni diskrezzjonarji, punt b’punt, hija element importanti ta' valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-politika fiskali. Hija tista’, b’mod partikolari taħt kundizzjonijiet makroekonomiċi inċerti ħafna, tagħti perspettiva kumplimentari utli tal-isforz fiskali reali sottostanti. L-ammont ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali huwa bħala medja ‘l fuq minn 3% tal-PDG għas-snin 2013-2014. Għalkemm sinifikanti, it-titjib korrispondenti fil-bilanċ strutturali huwa biss ta’ madwar ¾% tal-PDG bħala medja.

(23)     Monitoraġġ tal-progress fuq l-implimentazzjoni tal-impenji tal-PŻE ta’ Ċipru se jitwettaq f’intervalli regolari. F’każ ta’ prestazzjoni inadegwata tad-dħul jew bżonnijiet ta’ nfiq soċjali ogħla, Ċipru għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali biex jippreserva il-ksib tal-miri fiskali.

(24)     Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) Ċipru għandu jġib fi tmiemha l-qagħda attwali ta’ defiċit eċċessiv tal-baġit sal-2016.

(2) Sabiex id-defiċit nominali tal-gvern jinżel għal inqas minn 3% tal-valur ta’ referenza tal-PDG sa mhux aktar tard mill-2016, Ċipru għandu jilħaq il-miri tad-defiċit nominali tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,5% tal-PDG fl-2013, 8,4% tal-PDG fl-2014, 6,3% tal-PDG fl-2015, u 2,9% tal-PDG fl-2016.

(3) Għal dan l-għan, Ċipru għandu jimplimenta b’mod rigoruż il-Liġi tal-Baġit tal-2013 u l-miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni miftiehma, li għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 351 miljun fl-2013. Ċipru għandu jimplimenta b'mod sħiħ il-miżuri fiskali għall-2014 li ġew adottati f’Diċembru 2012, li jammontaw għal mill-inqas EUR 270 miljun fl-2014. Ċipru għandu jimmonitorja l-effett baġitarju tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni meħuda fuq bażi ta’ kull xahar u jkun lest biex jippreserva l-miri fiskali billi jieħu miżuri addizzjonali f’każ ta’ prestazzjoni inadegwata ta’ dħul jew infiq soċjali ogħla, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi makroekonomiċi.

(4) Ċipru għandu jżomm il-konsolidazzjoni fiskali fuq terminu medju, u jersaq lejn il-mira baġitarja ta' terminu medju tiegħu ta' baġit bilanċjat f'termini strutturali, billi jillimita t-tkabbir fl-infiq, itejjeb l-istruttura tat-taxxa u jwettaq miżuri fiskali-strutturali.

(5) Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza ta' 3 xhur sabiex l-awtoritajiet Ċiprijotti jieħdu azzjoni effettiva u, f'konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, jirrapportaw fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri.

Lil hinn mir-rapport previst fir-rakkomandazzjoni (5) u wkoll b’mod parallel mal-programm ta’ aġġustament finanzjarju, Ċipru għandu jirrapporta dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet kull tliet xhur kif ukoll f’kapitolu separat fil-programm ta’ stabbiltà, sakemm tkun seħħet il-korrezzjoni sħiħa tal-iżbilanċ eċċessiv.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 186, 20.07. 2012, p. 30.

Top