Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0255

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Expo Dinjija 2015 f’Milan "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-Ħajja"

/* COM/2013/0255 final */

52013DC0255

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Expo Dinjija 2015 f’Milan "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-Ħajja" /* COM/2013/0255 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Expo Dinjija 2015 f’Milan "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-Ħajja"

1. Introduzzjoni u kuntest

L-Expo Dinjija 2015 se ssir f’Milan mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru 2015 fuq it-tema "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-Ħajja" Din l-edizzjoni tal-Expo hija intenzjonata li tkun pass importanti għad-dibattitu dwar il-pjaneta fil-qasam tal-ikel u s-sostenibbiltà u se sservi ta’ pjattaforma għal diskussjonijiet politiċi u għal inizjattivi ta’ politika dwar dawn il-kwistjonijiet. Aktar minn 120 pajjiż diġà kkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu, u dan huwa xhieda tal-impenn sinifikanti li l-avveniment jiġġenera.

Huma mistennija total ta’ 20 miljun viżitatur, fattur li joffri opportunità prezzjuża ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej (u Internazzjonali) dwar is-suġġetti kritiċi li l-Expo se tressaq. B’mod parallel se tiġi realizzata “cyber Expo” b'madwar 1 biljun utent tal-Internet fil-mira, li se jżid aktar mal-firxa tal-impatt.

L-Expos dejjem kienu avvenimenti internazzjonali kbar li permezz tagħhom pajjiżi, partijiet interessati u organizzazzjonijiet privati jippreżentaw u jippromwovu l-identità, il-politiki u l-kisbiet tagħhom fir-rigward tat-temi tal-Expo. Iżda aktar minn sempliċement avveniment kulturali, din l-edizzjoni tal-Expo se tkun ukoll avvenniment politiku għaliex pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali se jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu l-kwistjonijiet dejjem jikbru dwar l-ikel u s-sostenibbiltà. Għalhekk l-UE għandu jkollha l-għan li tistabbilixxi r-rwol tagħha bħala protagonista ewlenija f’dan id-dibattitu globali u għandha tieħu din l-opportunità biex taħdem lejn kollaborazzjoni fejjieda dwar dawn il-kwistjonijiet mal-partijiet interessati l-oħra, kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati.

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea s’issa pparteċipaw b’mod attiv fl-edizzjonijiet preċedenti kollha tal-Expo li saru fl-UE kif ukoll fil-biċċa l-kbira ta’ dawk organizzati barra l-UE. Barra minn hekk, rapporti dwar parteċipazzjoni preċedenti tal-UE juru li avveniment bħal dan jista’ jkollu impatt importanti fuq il-perċezzjoni u l-attitudni taċ-ċittadin lejn l-UE.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet qed tinvestiga b'mod attiv l-alternattivi għall-parteċipazzjoni. Din il-Komunikazzjoni, li hija bbażata fuq analiżi estensiva tal-Expos tal-passat, tistabbilixxi l-għanijiet ippjanati, il-kunsiderazzjonijiet prattiċi u l-istrateġiji ssuġġeriti sabiex tiġi ottimizzata l-parteċipazzjoni tal-UE fl-Expo ta' Milan b'kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE li huma interessati.

2. Għanijiet u benefiċċji tal-parteċipazzjoni tal-UE

Komunikazzjoni

Bil-potenzjal li tilħaq miljuni ta’ viżitaturi, l-Expo toffri l-okkażjoni biex tikkomunika l-kisbiet ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-ikel u tas-sostenibbiltà. Iż-żmien tal-avveniment jikkoinċidi mas-sena tal-għeluq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u mal-bidu ta’ qafas għall-wara l-2015 li wkoll se jindirizza l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Il-kontribut tal-UE u s-suċċessi tagħha fil-ksib ta’ dawn l-għanijiet għandhom jiġu enfasizzati kif ukoll, b’mod parallel, dawk li l-UE tqis bħala l-isfidi tal-ġejjieni u l-mod kif l-UE se titħejja biex dawn jiġu indirizzati.

Barra minn hekk, is-sena 2015 se tinzerta f'nofs l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-Expo se tkun l-okkażjoni ideali sabiex jintwerew ir-riżultati interim tal-Istrateġija fl-oqsma rilevanti għall-Expo, inkluż dak li l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu flimkien kienu kapaċi jiksbu, u se tikkomunika l-għanijiet għat-tieni nofs ta' Ewropa 2020, u b'hekk se tippromwovi lqugħ pożittiv u fehim tal-politiki tal-UE.

Inizjattiva oħra li tinsab għaddejja bħalissa hija dik li l-2015 tiġi nnominata bħala s-sena Ewropea tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Jekk tkun ta’ suċċess, l-EXPO se tkun pjattaforma eċċellenti ta’ komunikazzjoni.

L-UE għandha primarjament tfittex li tikkomunika messaġġ ċar u aċċessibbli permezz tal-ispazju fiżiku tagħha billi tinkorpora l-għanijiet komuni tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE fl-oqsma tal-ikel u tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet parteċipanti tal-UE għandhom jidħlu aktar fil-fond fil-kwistjonijiet l-aktar speċifiċi u kontroversjali permezz tal-organizzazzjoni ta’ konferenzi u ta' avvenimenti.

Żvilupp ta' Politika

L-Expo se tkun opportunità ideali għal skambju maċ-ċittadini miftuħ u li jħares ’il quddiem, b’potenzjal kbir għall-iżvilupp ta’ politika fil-ġejjieni. Fil-fatt, aktar milli sempliċiment bħala għan informattiv, il-parteċipazzjoni tal-UE għandha timmira għall-interazzjoni mal-viżitaturi u biex tkun okkażjoni għad-diskussjoni. Dawk il-mistoqsijiet rilevanti li jistimolaw l-interess tal-viżitaturi għandhom jiġu identifikati minn qabel u ttestjati fi gruppi li jiffukaw fuq temi speċifiċi.

Barra minn hekk, sabiex ikomplu jsaħħu l-impatt tal-Expo bħala impetu għall-progress u għas-sejbin ta' soluzzjonijiet fl-oqsma tas-“sigurtà tal-ikel", tas-“sikurezza tal-ikel”, tas-“sostenibbiltà” u ta' “ikel, paċi u kultura”, l-organizzaturi ħolqu Dokument ta’ Strateġija, li fl-10.10.2012 tqassam mill-Kummissarju Ġenerali tal-Expo 2015 fost ir-rappreżentanti tal-pajjiżi[1].

Dan id-dokument huwa dokument ħaj li minn naħa jimmira biex iwassal għall-pubblikazzjoni ta’ manifest li jiġi ffirmat mill-viżitaturi biex dawn jiġu mħeġġa personalment u min-naħa l-oħra biex iservi bħala opportunità għal politika kondiviża li tiggwida l-aġenda politika. Il-parteċipanti kollha se jikkontribwixxu għal dan id-dokument ħaj fil-perjodu ta' qabel l-Expo u l-Kummissjoni se tipprovdi r-reazzjoni tagħha għall-ewwel abbozz tad-Dokument ta’ Strateġija matul l-2013.

Edukazzjoni

Minbarra l-fatt li huma kwistjonijiet dinjija, l-erba’ temi individwati fid-dokument ta’ strateġija huma wkoll ferm importanti għal ħafna mill-politiki tal-UE u jaffettwaw ta' kuljum il-ħajja taċ-ċittadini tal-UE. Fil-fatt, dawn il-kwistjonijiet għandhom firxa wiesgħa: apparti l-fatt li s-sigurtà tal-ikel, jiġifieri l-ġuħ u n-nuqqas ta’ nutrizzjoni, hija kwistjoni kruċjali, speċjalment f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, hemm ukoll il-kwistjoni li qed tikber fl-Ewropa ta’ żieda fl-obeżità u ta' mard marbut mal-konsum eċċessiv jew man-nuqqas ta' għarfien tajjeb dwar l-għażliet tal-ikel.

Is-sikurezza tal-ikel f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena saret element ċentrali tal-politiki tal-UE f’dan il-qasam u l-bażi ta’ mudell reali għall-bqija tad-dinja; l-approċċ tal-UE għall-ikel huwa fl-istess ħin l-prekondizzjoni għall-iżgurar tas-sikurezza taċ-ċittadini u tal-konsumaturi tagħha u element importanti li fuqu huma bbażati r-reputazzjoni u s-suċċess tal-industrija tal-ikel tal-UE madwar id-dinja kollha. Is-sostenibbiltà hija kwistjoni li qed issir dejjem iktar importanti għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll fil-livell globali, u bl-istess mod r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti sabiex tkun żgurata l-prosperità ta’ ġenerazzjonijiet futuri u jiġi limitat l-impatt ambjentali, billi r-riżorsi naturali li huma diġà limitati, jiġu ppreservati. B’dan il-ħsieb, il-parteċipazzjoni tal-UE għandha wkoll timmira li tkun waħda edukattiva u mhux biss li tqajjem sensibilizzazzjoni, iżda li tippreżenta wkoll lill-viżitaturi approċċi bbażati fuq is-soluzzjonijiet fl-oqsma tal-ikel u tas-sostenibbiltà, filwaqt li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini li jagħmlu bidliet pożittivi fl-istil tal-ħajja tagħhom billi pereżempju, inaqqsu l-ħela tal-ikel u billi jagħmlu għażliet aħjar dwar l-ikel.

3. Kunsiderazzjonijiet prattiċi

Il-post fejn se ssir il-Wirja jinsab fil-Majjistral ta’ Milan u se jkopri 1.1 miljun m². Is-sit tal-Expo se jkollu l-kapaċità li jospita 140 000 viżitatur kuljum u se jiġi żviluppat tul żewġ assi perpendikulari, il-“Decumanus” (1.5 km) fejn jinsabu madwar 70 spazju ta' wiri "self-built" u l-“Cardus” (350 m) riżervat għall-eżibituri Taljani.

L-Expo qed tinbena bħala Smart City, b’disinn innovattiv u bl-aktar teknoloġiji avvanzati għal interattività sħiħa (pereż. bl-użu tar-realtà intensifikata u tan-netwerking soċjali), bl-ekodisinn, bil-mobilità intelliġenti, bit-tekniki tal-ġestjoni tal-kju, bl-effiċjenza fl-enerġija, u bil-minimizzazzjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ. Sabiex tkun żgurata l-koerenza, id-disinn u l-kostruzzjoni ta’ binjiet differenti se jsegwu b'mod strett ir-regoli armonizzati.

Sabiex ikun hemm impatt sinifikanti, kif ukoll interazzjoni u komunikazzjoni kontinwi mal-viżitaturi waqt l-avveniment kollu u sabiex tissaħħaħ l-immaġni tal-UE bħala attur politiku globali, l-aħjar sitwazzjoni tkun il-preżenza fiżika tal-UE kemm iddum l-Expo.

L-organizzaturi Taljani offrew lill-UE spazju f'pożizzjoni prominenti fil-Paviljun Taljan fiż-żona Cardus, quddiem il-Palazzo Italia u maġenb Lake Arena fejn se jsiru avvenimenti kbar istituzzjonali, kulturali u ta' rikreazzjoni. Peress li ż-żona tal-Expo se tkun dik li l-aktar se jkollha nies iżuruha, dan għandu jkompli jiimmassimizza l-impatt ta' spazju tal-UE ddedikat.

L-ispazju totali riżervat provviżorjament għall-UE huwa ta' 1 500 m², magħmul minn bini ta' 3 sulari, l-ewwel sular irriżervat bħala spazju għall-wiri, it-tieni sular għall-kmamar fejn isiru l-laqgħat u s-swali tal-konferenzi u t-tielet sular għal terrazzin fil-ftuħ. Il-Palazzo Italia jinsab fil-qrib, u se jkollu ċentru tal-konferenzi li jkun disponibbli wkoll għall-avvenimenti tal-UE. Dan huwa fattur li għandu jippermetti l-limitazzjoni tar-rekwiżiti ta’ spazju u tal-ispejjeż.

Il-preżenza tal-UE fiż-żona Cardus tista’ tkun akkumpanjata minn preżenza fuq il-post iktar mifruxa li tagħmel użu mit-teknoloġiji diġitali tal-komunikazzjoni. Dan jista’ jkun ukoll il-bażi li toħloq interazzjoni u sinerġiji mas-Cyber-expo u l-1 biljun ċiber-viżitatur tagħha mistennija. F’dan ir-rigward, minħabba l-profil għoli innovattiv u teknoloġiku tagħha, l-Expo 2015 se tkun differenti b'mod radikali mill-Expos Dinjija kollha ta' qabel: il-viżitaturi se jkunu huma stess li jorganizzaw u jirranġaw iż-żjara u l-esperjenza tagħhom minn qabel peremezz tal-użu ta' siti elettroniċi, u ta' applikazzjonijiet u teknoloġiji intelliġenti. Għalhekk se jkun essenzjali li jiġu ddiżinjati mezzi intelliġenti ġodda li jiġbdu lill-viżitaturi u u jiffaċilitaw l-interazzjoni magħhom, kemm ġewwa kif ukoll barra l-ispazju tal-UE.

Baġit

Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji attwali, huwa previst li l-UE tipparteċipa fl-Expo ta' Milan fi ħdan spazju fiżiku limitat ta’ 1 500 m², jiġifieri nofs l-ispazju li ntuża fl-Expo ta' Hanover[2] bil-għan li l-ispejjeż assoċjati jkunu limitati.

Il-preżenza fiżika riżervata mill-organizzaturi Taljani għall-istituzzjonijiet tal-UE se teħtieġ baġit essenzjali ta’ madwar EUR 10 miljun li jitqassam matul is-snin 2014 u 2015. Minħabba li l-Expo qed tiffoka fuq l-agrikoltura u s-sostenibbiltà, ir-riżorsi ta' bażi se jittieħdu mill-intestatura tal-baġit rilevanti. Ir-riżorsi addizzjonali se jiġu mmobilizzati fl-2015 għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u wirjiet tematiċi fil-qafas tal-baġit eżistenti jew dak ippjanat.

4. Proposti preliminari għall-parteċipazzjoni tal-UE

Se tkun ħaġa kruċjali li jkun hemm messaġġ tal-UE sempliċi, b’enfasi fuq l-irwol importanti tal-UE fil-qasam tal-ikel. Aħna nafu mill-Expos li saru qabel li ċ-ċittadini jżuru bosta paviljuni, u jqattgħu ftit żmien f’kull wieħed minnhom, u li se jiftakru biss uħud mill-ideat ewlenin. Għandu jiġi nnutat ukoll li dan il-messaġġ se jkollu jiġi mfassal bil-ħsieb li bejn issa u l-2015 jista’ jagħti l-każ li jkun hemm bidla mit-tħassib attwali. Barra minn hekk dan il-messaġġ se jkollu jiġi milqugħ mill-"bniedem komuni" u idealment għandu jiġi ttestjat fuq gruppi li jiffukaw fuq temi speċifiċi qabel l-Expo.

Fil-kuntest ta’ dan il-messaġġ u permezz tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mid-DĠs, jistgħu jiġu esplorati bosta eżempji ta' inizjattivi u ta' politiki tal-UE fl-oqsma tal-ikel u tas-sostenibbiltà, bħal dawn li ġejjin:

– It-temi tal-Expo huma primarjament intenzjonati għall-agrikoltura, settur li fih l-UE, l-aktar permezz tal-PAK iżda wkoll permezz ta’ bosta politiki oħrajn, hija attiva ħafna. Pereżempju, tkun ħaġa interessanti bħala test li jiġi segwit l-eżitu tas-Sena Internazzjonali tal-Biedja mill-Familji (2014) u li jiġi analizzat fid-dettall il-moviment tal-kooperattiv agrikolu, b’enfasi ċara fuq il-bini tal-istituzzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment l-Afrika.

– L-ikel jirrappreżenta komponent fundamentali fl-ekonomija tal-UE: l-UE hija l-akbar esportatur dinji f'dan il-qasam u l-industrija tal-ikel tal-UE hija l-akbar l-industrija tal-manifattura tagħha, li tiġġenera fatturat annwali ta’ kważi EUR 1 triljun u b'aktar minn 4 miljun ħaddiem. Il-preżenza attiva tal-UE fl-Expo se tkun kruċjali għat-tiswir tad-dibattitu politiku u tal-istrateġiji possibbli għall-futur ta’ dan il-qasam u biex b’hekk tkompli tippromwovi l-kompetittività industrijali u l-esportazzjoni.

– L-UE hija l-akbar donatur dinji ta’ għajnuna għall-iżvilupp u din se tkun l-opportunità biex iċ-ċittadini Ewropej u d-dinja jsiru jafu bil-firxa tal-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u tan-nutriment fl-aktar reġjuni vulnerabbli tad-dinja. Ukoll fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel, enfasi partikolari oħra tal-Expo se tkun il-kwistjoni tal-ħela tal-ikel. Tabilħaqq, filwaqt li l-ġuħ għadu problema globali kritika, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, 40 % tal-ikel prodott għall-konsum mill-bniedem huwa moħli kull sena madwar id-dinja kollha. L-UE tinsab fuq quddiem fl-impenn f’dan il-qasam u għandha l-għan li sal-2020 tnaqqas bin-nofs ir-rimi ta’ ikel li jkun għadu jista’ jittiekel. Ħidma speċifika f’din id-direzzjoni diġà nbdiet bis-saħħa tal-involviment dirett tal-partijiet interessati u l-Expo se tkun opportunità tajba sabiex jintwerew ir-riżultati u sabiex tiġi kkomunikata l-aħjar prassi.

– L-ikel huwa parti mill-wirt kulturali komuni u diversifikat tagħna, simbolu madwar id-dinja kollha tal-"istil ta’ ħajja tal-UE". Dan huwa parzjalment ir-rizultat tal-politiki implimentati mill-UE fl-oqsma kruċjali tas-sikurezza tal-ikel u tal-kwalità tal-ikel. B’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-ikel, l-UE, bl-approċċ xjentifiku tagħha bbażat fuq is-separazzjoni ċara bejn l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, hija rikonoxxuta bħala l-mudell għall-bqija tad-dinja. Il-kwalità tal-ikel qed issir dejjem aktar importanti fis-soċjetà sensibilizzata għas-saħħa tal-lum u fid-dawl tar-rabta dejjem aktar ċara bejn l-ikel u s-saħħa. Għal darb’oħra, l-UE hija minn ta’ quddiem fid-diskussjoni f’dan il-qasam, billi tippromwovi, kemm f’termini ta’ edukazzjoni kif ukoll ta' żvilupp tal-politika, standards sodi fil-qasam tan-nutrizzjoni, li jkunu bbażati fuq il-linja parallela tal-impenn attiv min-naħa tal-partijiet interessati u fuq l-informazzjoni għall-konsumaturi.

– Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà ambjentali li qed issir prijorità madwar id-dinja kollha kif ukoll ta’ tħassib dejjem akbar fis-soċjetà tagħna hija marbuta b’mod intrinsiku mas-suġġett tal-ikel. Il-kisbiet tal-UE fis-settur tal-enerġija sostenibbli, b’mod partikolari għall-użu effiċjenti u l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija għandhom jiġu enfasizzati wkoll. F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu esplorati l-impatti fuq it-temi tal-Expo tal-inizjattiva mnedija fl-2012 "Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd".

– Fl-aħħar nett, l-Expo se tippreżenta opportunità ideali biex l-attivitajiet u l-kisbiet tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu żviluppati aktar, pereżempju billi jiġu esibiti r-riżultati tal-proġetti importanti tar-riċerka u l-iżvilupp appoġġati mill-Programmi Kwadri tal-UE li għandhom x'jaqsmu mal-futur tal-ikel u tal-agrikoltura, ukoll fil-kuntest tal-programm xjentifiku tal-Expo.

L-Expo u Avvenimenti Kulturali u Xjentifiċi

L-Expo se tkun okkażjoni eċċezzjonali għall-parteċipanti biex jorganizzaw avvenimenti kulturali u xjentifiċi (konferenzi, seminars, wirjiet temporanji eċċ.) li jservu biex ikomplu jippromwovu l-messaġġi ewlenin tal-UE, jikkomunikaw aħjar maċ-ċittadini u jistimolaw l-iskambju magħhom. Dawn l-avvenimenti se jeħtieġu ppjanar fit-tul sabiex ir-restrizzjonijiet baġitarji u ta' ħidma jiġu ġestiti u sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt.

Minbarra dan, jista' jagħti l-każ li l-avvenimenti rilevanti diġà skedati għall-2015 isiru fl-Expo ta' Milan aktar milli f’post ieħor.

Fir-rigward ta' avvenimenti xjentifiċi, is-sit tal-Kummissjoni Ewropea (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka) f'Ispra jinsab 60 km biss 'il bogħod mis-sit tal-Expo u jospita bosta laboratorji sperimentali, inklużi l-laboratorji ta’ referenza tal-UE għall-Materjali li jiġu f’Kuntatt mal-Ikel u għall-Ikel u l-Għalf Immodifikati Ġenetikament. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) qiegħed iwettaq ukoll attivitajiet ta’ riċerka li huma relatati mill-qrib mat-tema, bħall-ġestjoni tal-ilma, it-tibdil fil-klima, l-użu tal-art, id-deżertifikazzjoni, il-bijofjuwils, eċċ. Bħala tħejjija għall-Expo, il-JRC bħalissa qed jibni ċentru għall-viżitaturi ġdid li jkun kapaċi jospita għadd kbir ta’ viżitaturi. Il-JRC se joffri l-appoġġ u l-infrastruttura tiegħu għall-istituzzjonijiet oħrajn li jkunu jixtiequ jorganizzaw avvenimenti speċjalizzati f’Ispra b'mod parallel ma' avvenimenti oħra fl-Expo. Servizzi regolari tat-trasport jistgħu jiġu organizzati għal esperti u riċerkaturi interessati li jkunu jixtiequ jżuru s-sit tal-JRC f'Ispra.

5. Konklużjonijiet u passi li għandhom jittieħdu

L-Expo ta' Milan 2015 tirrappreżenta opportunità unika għall-UE biex issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala attur globali fl-iżvilupp ta’ inizjattivi futuri dwar l-ikel u s-sostenibbiltà, biex tikkomunika maċ-ċittadini tagħha u biex twassallhom l-għanijiet futuri u l-kisbiet tal-passat. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt u l-viżibbiltà, huwa xieraq li l-UE jkollha l-ispazju tagħha stess. Dan l-ispazju ġie offrut mill-organizzaturi Taljani u għandu jiġi mikri mingħandhom.

Sabiex l-ogħla valur għall-flus ikun żgurat, it-tħejjija tal-parteċipazzjoni tal-UE għandha tinbeda kmieni u għandha tqis ir-restrizzjonijiet baġitarji attwali. Fid-dawl ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li tillimita l-preżenza fiżika tal-UE għal nofs l-ispazju użat fl-aħħar Expo Ewropew f’Hanover fl-2000. Dan se jirrikjedi baġit essenzjali ta' madwar EUR 10 miljun li jitqassam matul is-snin 2014 u 2015. Se jkun neċessarju li fl-2015 jiġu mmobilizzati riżorsi addizzjonali għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u wirjiet tematiċi fil-qafas tal-baġit eżistenti jew dak ippjanat.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE li huma interessati biex jikkollaboraw mill-qrib mal-Kummissjoni bil-għan li jiġu massimizzati l-benefiċċji mill-Expo billi jippreżentaw approċċ komuni tal-UE u messaġġi ta' politika koerenti lill-pubbliku.

* * *

[1]               http://www.padiglioneitaliaexpo2015.com/RLExpoImpaginatocompleto.pdf

[2]               Waqt l-Expo Dinjija 2010 ta' Shanghai, l-UE ġiet ospitata mill-Belġju fi ħdan il-paviljun tiegħu.

Top