This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0225
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Financial support for energy efficiency in buildings
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini
/* COM/2013/0225 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini /* COM/2013/0225 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW U LILL-KUNSILL L-appoġġ finanzjarju
għall-effiċjenza enerġetika fil-bini (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-WERREJ 1........... Għaliex sar dan ir-rapport?............................................................................................. 4 2........... Il-Binjiet fl-Ewropa......................................................................................................... 4 3........... L-appoġġ finanzjarju
għall-effiċjenza enerġetika fil-bini..................................................... 4 4........... Il-finanzjament
għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini minn
istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) 7 5........... Il-finanzjament
għall-effiċjenza enerġetika fil-bini minn programmi nazzjonali..................... 7 6........... Il-finanzjament tas-settur privat
għall-effiċjenza enerġetika tal-bini..................................... 8 7........... X’jista’ jsir biex jiġu
stimulati aktar u aktar investimenti effettivi?....................................... 8 8........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 12 1. Għaliex sar dan
ir-rapport? Il-binjiet huma fil-qalba tal-politika dwar
l-effiċjenza enerġetika tal-UE, peress li kważi 40 %
tal-konsum finali tal-enerġija (u 36 % tal-emissjonijiet
tal-gassijiet serra) ġejjin mid-djar, l-uffiċini u binjiet oħra.
Barra minn hekk, is-settur jipprovdi t-tieni l-akbar potenzjal kosteffettiv u
mhux sfruttat għall-iffrankar tal-enerġija wara s-settur
tal-enerġija stess. Hemm ukoll kobenefiċċji importanti
fil-kostruzzjoni ta’ binjiet iżjed effiċjenti fl-użu
tal-enerġija, inklużi l-ħolqien ta’ impjiegi, it-tnaqqis
tal-faqar ikkaġunat mill-ispiża tal-fjuwil, titjib
fis-saħħa, u sigurtà aħjar tal-enerġija u l-kompetittività
industrijali aħjar. L-għanijiet ta’ dan ir-Rapport huma
tnejn. L-ewwel, skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini
fl-Użu tal-Enerġija (Tfassil mill-ġdid) (2010/31/UE[1]; minn hawn ’il quddiem,
id-“DRBUE”) il-Kummissjoni ntalbet li tippreżenta analiżi
tal-effikaċja tal-finanzjament tal-UE, il-fondi mill-BEI u
istituzzjonijiet pubbliċi finanzjarji oħra, u l-koordinazzjoni
tal-Unjoni u l-finanzjament nazzjonali. Dan ir-Rapport jippreżenta
r-riżultati ewlenin ta’ din l-analiżi. It-tieni, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza
fl-Enerġija (2012/27/UE[2];
minn hawn ’il quddiem, id-“DEE”) teżiġi mill-Istati Membri li
jistabbilixxu, sa April 2014, strateġija fit-tul għall-ġbir ta'
investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali tal-bini. Id-DEE tistipula
wkoll li l-Kummissjoni trid tgħin lill-Istati Membri fit-twaqqif ta’
faċilitajiet ta’ finanzjament bil-għan li tiżdied
l-effiċjenza enerġetika. Għalhekk, dan ir-Rapport għandu
l-għan ukoll li jindika kif l-appoġġ finanzjarju
għall-effiċjenza enerġetika tal-bini tista’ tittejjeb. Dan ir-Rapport huwa akkumpanjat minn dokument
ta’ Ħidma tal-Istaff li jipprovdi aktar dettall dwar l-istokk Ewropew
tal-bini u l-istrumenti ta’ appoġġ finanzjarju kemm fil-livell tal-UE
u dak nazzjonali. 2. Il-Binjiet fl-Ewropa Analiżi tal-istokk Ewropew tal-bini turi
li l-karatteristiċi tiegħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru
għall-ieħor f’termini ta’ età, tip, sjieda, rati tar-rinnovazzjoni u
r-rendiment tal-enerġija. Għalhekk, filwaqt li l-politiki nazzjonali
u l-oqfsa regolatorji jaqsmu temi komuni, miżuri li jtejbu l-istokk
tal-bini ser ikollhom iqisu dawn id-differenzi. L-approċċ “daqs
wieħed għal kulħadd” mhux xieraq. 3. L-appoġġ
finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini L-Unjoni Ewropea ilha tappoġġa
t-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għal
bosta snin b’firxa ta’ programmi ta’ appoġġ finanzjarju. It-tabella
ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti
prinċipali u l-finanzjament disponibbli: Sors ta’ finanzjament || Strumenti/mekkaniżmi || Finanzjament totali disponibbli || Finanzjament għall-EE Il-Finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni || Programmi Operattivi li jinkludu strumenti finanzjarji (eż. JESSICA) || EUR 10,1 biljun ippjanati għall-enerġija sostenibbli (RES u EE) || EUR 5,5 biljun ippjanati għall-EE, il-koġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-enerġija Finanzjament tar-Riċerka || FP 7 (eż. Concerto, E2B PPP, Smart Cities) || EUR 2,35 biljun għar-riċerka fl-enerġija || EUR 290 miljun għall-effiċjenza enerġetika Finanzjament tal-Politika tat-Tkabbir || Facilitajiet IFI (SMEFF, MFF, EEFF) || EUR 552,3 miljun (381,5 + 117,8 + 53 rispettivament) || Madwar terz tal-finanzjament totali għall-proġetti fl-industrija u l-binjiet Il-Programm tal-Enerġija Ewropew għall-Irkupru (EEPR) || Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F) || EUR 265 miljun || 70 % tal-finanzjament li jrid jiġi ddedikat lill-effiċjenza enerġetika Il-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) || Il-Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa (inkluż ELENA) Il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT-PSP); || Madwar EUR 730 miljun għal kull programm || Madwar 50 % tal-finanzjament kien dedikat lill-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha Tabella 1: Fondi
għall-effiċjenza tal-enerġija fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali
attwali (2007-2013)[3] It-taqsimiet li ġejjin jagħtu aktar
dettalji dwar dawn l-istrumenti. 3.1. Il-finanzjament
tal-politika ta’ koeżjoni Fil-perjodu attwali ta’ programmazzjoni
2007-2013 ġew ippjanati madwar EUR 10,1 biljun għall-investimenti
fl-enerġija sostenibbli fl-UE kollha, li minnhom madwar EUR 5,5 biljun
huma għall-effiċjenza fl-enerġija. L-ishma relattivi allokati
għall-effiċjenza enerġetika jvarjaw bejn Stat Membru u
ieħor, u dan jiddependi fuq il-volum totali tal-fondi disponibbli,
il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali stabbiliti minn kull Stat
Membru. Sa tmiem l-2011, kważi EUR 3,8 biljun kienu ġew allokati
għal proġetti speċifiċi tal-effiċjenza
enerġetika, inklużi fondi rotanti, li jirrappreżentaw rata ta’
implimentazzjoni ta’ 68 %. L-esperjenza tul dawn
l-aħħar ftit snin turi li l-Istati Membri qed jużaw aktar
il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għall-effiċjenza
enerġetika, speċjalment fil-binjiet, u li l-użu tal-istrumenti
finanzjarji qed jikber. Madankollu, ma hemm l-ebda dejta komprensiva dwar
l-impatt ta’ dan il-finanzjament f’termini tal-iffrankar tal-enerġija
fis-settur tal-bini. 3.2. Finanzjament
tar-riċerka; Taħt Programm ta’ Qafas
għall-Iżvilupp u r-Riċerka 2007-2013 attwali tal-UE, ġew
allokati EUR 290 miljun għall-effiċjenza enerġetika.
Żewġ proġetti ta’ riċerka huma speċifikament iffokati
fuq is-settur tal-bini: · Is-Sħubija Pubblika-Privata “Binjiet bl-Effiċjenza
fl-Enerġija” ngħatat EUR 1 biljun biex tippromwovi
teknoloġiji favur l-ambjent u l-iżvilupp ta’ sistemi u materjali
effiċjenti fl-enerġija f’binjiet ġodda u rrinnovati
(inklużi binjiet storiċi) biex jitnaqqas b’mod radikali l-konsum
tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom. · L-inizjattiva Concerto
għandha l-għan li turi li l-ottimizzazzjoni tas-settur tal-bini ta’
komunitajiet sħaħ tkun aktar effiċjenti u irħas
mill-ottimizzazzjoni ta’ kull binja individwalment. Mill-2005 l-inizjattiva
kkofinanzjat, b’madwar EUR 180 miljun, proġetti fi 58 komunità,
bir-riżultat li ġew iffrankati madwar 310 000 tunnellata ta’ CO2
fis-sena fis-setturi tal-bini u t-tnaqqis ta’ 20 % fil-konsum totali
tal-elettriku. 3.3. Finanzjament
tat-tkabbir permezz tal-faċilitajiet tal-IFI Għadd ta’ programmi ta’ finanzjament
tal-UE huma implimentati f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji
internazzjonali (IFI). Dawn il-faċilitajiet finanzjarji[4] intermedjati ġew
stabbiliti taħt l-istrument Phare
u tħalltu ma’ għotjiet tal-UE b’finanzjament tal-IFI.
Mill-allokazzjoni totali tal-UE ta’ madwar EUR 550 miljun, madwar terz
ġie allokat għall-proġetti relatati mal-effiċjenza
enerġetika fis-setturi tal-industrija u l-bini. Il-programmi tal-effiċjenza
enerġetika ġew stabbiliti kompletament fl-2010 u għamlu progress
notevoli b’investimenti ta’ EUR 518 miljun, megħjuna mill-għotja ta’
appoġġ tal-UE ta’ EUR 112 miljun. Peress il-proġetti individwali
jvarjaw konsiderevolment, ħarsa ġenerali komprensiva tal-impatt ta’
dawn il-faċilitajiet mhix disponibbli. 3.4. EEE-F Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza
Enerġetika (EEE-F) twaqqaf fl-2011 b’volum ta’ EUR 265 miljun,
b’finanzjament li ġej mill-Unjoni Ewropea[5],
il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Cassa Depositi e Presititi tal-Italja u
d-Deutsche Bank. Il-fond jipprovdi strumenti ta’ dejn, ekwità u garanzija, kif
ukoll għotjiet ta’ assistenza teknika biex jiġi appoġġat
l-iżvilupp tal-proġett. Madwar 70 % tal-finanzjament hu
maħsub għal proġetti ta’ effiċjenza tal-enerġija,
bil-bqija allokat għall-enerġija rinnovabbli u t-trasport urban
nadif. Il-fond għandu l-għan li jġib it-teknoloġiji
diġà meqjusin tajbin fil-mainstream, u biex jissaħħaħ
is-suq Ewropew tal-ESCOs u l-użu tal-ikkuntrattar għall-prestazzjoni
tal-enerġija. Fil-preżent hemm proġett wieħed iffirmat u 39
proġett ieħor qed ikunu ppreparati. L-effettività tal-fond ser tkun
suġġetta għal evalwazzjoni fl-2013. 3.5. Intelligent
Energy Europe II (IEE II) Il-programm IEE II għandu l-għan li
jegħleb l-ostakli mhux teknoloġiċi għall-innovazzjoni,
it-teħid, l-implimentazzjoni u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet li
jikkontribwixxi għal enerġija sostenibbli, sikura u bi prezzijiet
kompetittivi għall-Ewropa. Mill-baġit totali ta’ EUR 730 miljun,
madwar 50 % minnu ġew allokati lill-effiċjenza fl-enerġija. Fir-rigward tal-effettività tiegħu,
il-proġetti magħżula fl-2009-2011 huma stmati li qanqlu
investiment kumulattiv fl-enerġija sostenibbli ta’ aktar minn EUR 1500 miljun. L-istima tal-iffrankar
mill-enerġija tal-fjuwils fossili u t-tnaqqis fl-emissjonijiet għal
dawk il-proġetti kollha kienu mill-inqas 350 000 tunnellata ta’
taż-żejt ekwivalenti fis-sena u 1 200 000 tunnellata ta’
ta’ CO2 ekwivalenti fis-sena. Il-Faċilità Ewropea ta' Assistenza
għall-Enerġija Lokali (ELENA), li hi ffinanzjata taħt
IEE II, tipprovdi għotjiet lill-awtoritajiet pubbliċi lokali u
reġjonali għall-iżvilupp, l-istrutturar u t-tnedija ta’
investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija
rinnovabbli. Il-faċilità hija implimentata permezz tal-IFI u tkopri sa
90 % tal-ispejjeż imġarrba għall-appoġġ tekniku.
Mit-tnedija tagħha sa tmiem l-2012, il-faċilità pprovdiet total ta’
EUR 31 miljun fil-kontributi tal-iżvilupp tal-proġetti. Analiżi
tal-prestazzjoni tal-faċilità ELENA – BEI turi li l-effett ta’ lieva
għall-proġetti kurrenti huwa 54, jiġifieri aktar mid-doppju
tal-livell meħtieġ ta’ 20, u dan potenzjalment iwassal għal
investimenti ta’ aktar minn EUR 1,5 biljun. Huwa stmat li l-iffrankar
tal-enerġija mill-proġetti ffirmati u approvati jista’ jilħaq
919 GWh fis-sena, b’total ta’ emissjonijiet tas-CO2 evitati
jilħaq 588 357 tunnellata fis-sena. 3.6. Programm
ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni
u l-Komunikazzjoni Il-Programm ta' Appoġġ
għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni
(ICT-PSP), b’baġit ta’ EUR 730 miljun, għandu l-għan li
jistimula tkabbir intelliġenti u inklużiv billi jaċċellera
it-teħid usa’ u l-aħjar użu ta’ teknoloġiji u kontenut
diġitali innovattivi miċ-ċittadini, il-gvernijiet u n-negozji. Bejn l-2007 u l-2013, iktar minn EUR 74 miljun
ġew allokati għal azzjonijiet fil-qasam tal-effiċjenza
enerġetika u s-sostenibbiltà, li jirriżultaw f’35 netwerk pilota u 5
tematiċi. Il-proġetti li jkopru l-binjiet urew tnaqqis fil-konsum tal-enerġija
u fl-emissjonijiet tas-CO2 sa 20 %. 4. Il-finanzjament
għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini minn
istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) Minbarra r-rwol tagħhom
fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE (ara hawn fuq), l-IFI
Ewropej joperaw l-istrumenti ta’ investiment tagħhom stess
għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet. Mill-2008 sa tmiem l-2011, il-Bank Ewropew
tal-Investiment (BEI) integra l-effiċjenza fl-enerġija
fl-operazzjonijiet tiegħu b’riżultat ta’ volum totali ta’
finanzjament ta’ EUR 4,8 biljun fl-UE, li minnhom EUR 1,7 biljun fis-settur
tal-bini. Fir-rigward tal-effikaċja ta’ dawn il-fondi, huwa stmat li
jirriżulta li t-tnaqqis annwali ta’ emissjonijiet bis-saħħa
tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa 3523
ktCO2e (jew 1005 ktCO2e bi prorata mal-finanzjament
tal-BEI) fl-2010 u 679 ktCO2e (jew 379 ktCO2e b’prorata
mal-finanzjament tal-BEI ) fl-2011. Mill-2002, il-Bank Ewropew
għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ipprovda self u ekwità
lil 104 proġetti għall-effiċjenza tal-enerġija fl-UE, li
jammontaw għal EUR 1,8 biljun. Il-finanzjament totali mobilizzati fis-suq
matul dan il-perjodu jammonta għal EUR 14,9 biljun (jiġifieri
ingranaġġ ta’ madwar 1:7). Dwar l-effikaċja tagħhom, dawn
l-investimenti huma stmati li wasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 5
miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena. L-iffrankar tal-enerġija
huwa stmat għal 1.8 Mtoe fis-sena. Mill-2002, il-Bank għall-Iżvilupp
tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB) approva total ta’ madwar EUR 2,4 biljun favur
proġetti li, għall-inqas parzjalment, huma dwar l-effiċjenza
fl-enerġija, b’aktar minn EUR 1,9 biljun jiġu allokati unikament
għall-effiċjenza enerġetika. L-ebda dejta dwar l-effikaċja
ta’ dan il-finanzjament ma hija disponibbli. 5. Il-finanzjament
għall-effiċjenza enerġetika fil-bini minn programmi nazzjonali Il-gvernijiet nazzjonali jużaw ukoll
il-baġits tagħhom stess biex jappoġġaw l-effiċjenza
enerġetika fil-binjiet. Ħafna mill-miżuri eżistenti kienu
rappurtati lill-Kummissjoni permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar
l-Effiċjenza tal-Enerġija (NEEAPs)[6]
u taħt l-EPBD Dawn ir-rapporti juru li miżuri relatati mal-bini
jirrappreżentaw sehem għoli ferm tal-iffrankar rappurtat fil-konsum
tal-enerġija (eż. 58 % għall-Italja, 63 % għall-Irlanda,
71 % għas-Slovenja u 77 % għall-Awstrija). Aktar minn tliet
kwarti mill-miżuri rappurtati huma għotjiet u skemi ta’ self
“faċli”, segwit minn inċentivi tat-taxxa. Jintużaw ukoll
strumenti bħalma huma l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni
tal-enerġija, l-użu tal-ammont tal-unitajiet assenjati skont
il-Protokoll ta’ Kyoto u l-obbligi tal-fornituri tal-enerġija. Madankollu, ftit Stati Membri taw dettalji
dwar l-effettività tal-miżuri nazzjonali ta’ appoġġ, u
għalhekk hu diffiċli li tinkiseb ħarsa ġenerali tajba
tal-impatt tagħhom. Dan huwa l-aktar minħabba n-nuqqas
tal-għanijiet ex-ante tal-effiċjenza enerġetika,
rekwiżiti ta’ monitoraġġ u/jew ta’ evalwazzjoni ex post.
Barra minn hekk, jekk l-evalwazzjonijiet ex-ante jew ex-post
fil-fatt iseħħu, huwa diffiċli biex jitqabblu minħabba
l-użu ta’ indikaturi, metodoloġiji ta’ kejl u l-ambitu tal-istrumenti
differenti. Fir-rigward tar-rabta mal-finanzjament tal-UE,
bosta Stati Membri rrapportaw l-użu tal-finanzjament tal-politika ta’
koeżjoni għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika
fin-NEEAPs tagħhom u l-eżempji ta’ prattiċi tajbin
eżistenti jindikaw li l-fondi tal-UE jistgħu jinstigaw investimenti
addizzjonali pubbliċi nazzjonali kif ukoll privati. Madankollu, l-esperjenza
wriet il-bżonn għal aktar kapaċità ta’ bini biex jitfasslu
bl-aħjar mod l-investimenti. Analiżi ta’ 25 skema ta’ appoġġ
finanzjarja għall-effiċjenza enerġetika kkonkludiet li
l-biċċa l-kbira tal-programmi li kellhom suċċess huma
bbażati fuq self preferenzjali, ta’ spiss ikkumplimentat b’għotja
u/jew b’pakkett ta’ assistenza teknika, iżda li s-suċċess
tagħhom jiddependi fuq fatturi aktar mis-sempliċi termini u
l-kondizzjonijiet finanzjarji, inklużi proċeduri amministrattivi
sempliċi, informazzjoni liċ-ċittadini u l-flessibbiltà
fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament. 6. Il-finanzjament
tas-settur privat għall-effiċjenza enerġetika tal-bini Is-settur privat jipprovdi l-biċċa
l-kbira tal-finanzjament tal-proġetti għall-effiċjenza
tal-enerġija fil-bini. Barra s-sidien u l-inkwilini tal-bini li jinvestu
fit-titjib tal-proprjetajiet u d-djar tagħhom, il-banek kummerċjali
ukoll qed juru interess f’dan is-settur anke jekk il-livell ta’ finanzjament
kummerċjali għadu relattivament baxx. Madankollu, bħala riżultat ta’
għadd kbir ta’ investimenti relattivament ta’ skala żgħira u ta’
differenzi kbar fid-daqs minn sidien ta’ proprjetà privata, ma hemm l-ebda idea
komprensiva dwar il-fondi allokati lit-titjib fl-effiċjenza
enerġetika tal-bini. Għalkemm l-investimenti aktarx li jkunu akbar
fis-settur mhux residenzjali, hawnhekk ukoll hija assenti dejta affidabbli dwar
l-iskala ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika. 7. X’jista’ jsir biex
jiġu stimulati aktar u aktar investimenti effettivi? It-taqsimiet li ġejjin jelenkaw
l-azzjonijiet u l-inizjattivi li qed, u li jistgħu, jittieħdu biex
tittejjeb is-sitwazzjoni kif deskritta hawn fuq. Din tintegra wkoll il-fehmiet
tal-partijiet interessati bi tweġiba għal konsultazzjoni pubblika li
saret bejn Frar u Mejju tal-2012[7]. 7.1. It-tisħiħ
tal-qafas regolatorju Bid-Direttiva dwar l-Effiċjenza
fl-Enerġija, addottata reċentement, bir-riformulazzjoni tad-Direttiva
dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u l-miżuri
marbutin mad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija,
il-qafas regolatorju komprensiv għall-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija fil-bini issa huwa stabbilit. Ħafna minn dawk li wieġbu
għall-konsultazzjoni pubblika iqisu li mhemmx bżonn ta’ aktar
regolamentazzjoni tal-UE minnufih, filwaqt li jsostnu li hemm
il-ħtieġa ta’ viżjoni u impenn tagħha fit-tul favur
l-effiċjenza enerġetika, b’xi wħud jargumentaw favur miri
vinkolanti. Pjuttost, implimentazzjoni ambizzjuża u infurzar strett
tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-Istati Membri tqieset minn
ħafna partijiet interessati bħala kruċjali. Suġġerimenti oħrajn inkludew li
jkunu jistgħu jintużaw il-VAT u r-reġim tat-tassazzjoni usa’
biex jiġu promossi miżuri u servizzi ta’ effiċjenza
fl-enerġija, jinbidlu r-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna
tal-istat, u jkunu addottati kalkolu wieħed u skema waħda ta’
ċertifikazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
fil-bini. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni
mill-Istati Membri u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex
tiżgura konformità sħiħa mal-liġi rilevanti tal-UE dwar
qafas regolatorju. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiffaċilita l-iskambju
tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, permezz tal-Azzjonijiet Miftiehma
għall-Implimentazzjoni tad-DRBUE u d-DEE. Il-Kummissjoni qed tistudja jekk ir-regoli dwar l-għajnuna
mill-Istat applikati għall-effiċjenza enerġetika
għandhomx bżonn jiġu adattati fid-dawl
tad-dispożizzjonijiet tad-DEE biex jinżamm qafas ċar li
jippermetti sostenn finanzjarju għall-miżuri ta’ effiċjenza fl-użu
tal-enerġija. Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, id-DEE diġà tirrikjedi li
l-Istati Membri jiżguraw li l-gvernijiet ċentrali jixtru biss
(skont ċerti kundizzjonijiet) prodotti, servizzi u bini b’rendiment
għoli fl-effiċjenza enerġetika, kif applikabbli
għall-kuntratti li jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva
2004/18/KE[8].
Barra minn hekk, il-korpi pubbliċi fil-livelli reġjonali u lokali
jridu jiġu mħeġġa biex jagħmlu l-istess. Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa skema komuni ta’
ċertifikazzjoni għall-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet mhux
residenzjali għall-UE kollha, bil-għan li tiġi definita
metodoloġija komuni tal-UE li tesprimi l-prestazzjoni tal-enerġija
ta’ binjiet mhux residenzjali. Din se tkun ibbażata fuq sett rivedut ta’
standards CEN relatatti mad-DRBUE, li jirrappreżenta opportunità unika biex
tiġi armonizzata ċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni
tal-enerġija tal-binjiet fl-Ewropa kollha fuq bażi volontarja. 7.2. Titjib
fl-aċċess għall-finanzjament Minkejja l-ħafna esperjenzi
pożittivi, għad hemm skop sinifikanti biex jittejbu t-teħid u
l-effikaċja tal-appoġġ finanzjarju tal-UE. Dan kien konfermat
mir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrumenti
disponibbli fil-livell tal-UE, li kienu pożittivi ħafna, filwaqt li
jmaqdru l-kumplessità u l-burokrazija tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u li
jindikaw nuqqas ta’ għarfien dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament,
speċjalment fil-livell lokali. Suġġerimenti ta’ titjib jinkludu
aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi ta’ koeżjoni (eż.
bit-taħlit ta’ self ma’ għotjiet), aktar opportunitajiet ta’ bundling
għal proġetti iżgħar u gwida aħjar dwar kif jista’
jsir użu aħjar mill-fondi tal-FEŻR għal dawk li jfasslu
l-politika, speċjalment fuq il-livell lokali. Il-partijiet interessati ħeġġew
ukoll l-użu ta’ fondi pubbliċi biex jipprovdu għajnuna teknika,
biex jiżguraw l-għoti ta’ self b’termini attraenti, u li jiġi
stimolat is-suq tal-ESCO/EPC, pereżempju, billi jipprovdu sors ta’
finanzjament għall-miżuri installati fil-binjiet tas-settur pubbliku. Barra minn hekk, il-ħtieġa li
l-investituri jingħataw informazzjoni standardizzata aktar
oġġettiva u affidabbli dwar il-prestazzjoni tas-self (eż.
il-perjodi ta’ ħlas lura, ir-redditu fuq l-investiment, ir-rati ta’
inadempjenza) issemmew bħala fattur ewlieni li jżid l-interess tas-settur
privat f’dan il-qasam. Fil-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)
li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li tkabbar il-politika ta’ koeżjoni
biex tiffinanzja il-miżuri ta’ ekonomija għal-livell baxx ta’
karbonju (prinċipalment permezz ta’ miżuri ta’ delimitazzjoni ta’
20 % tal-FEŻR għall-effiċjenza fl-enerġija u
l-enerġija rinnovabbli f’reġjuni aktar żviluppati u ta’
tranżizzjoni, u 6 % fil-każ ta’ reġjuni inqas
żviluppati), biex tespandi l-użu ta’ strumenti finanzjarji u
biex tneħħi l-limitu ta’ 4 % fuq l-appoġġ
fl-investimenti tal-enerġija sostenibbli fid-djar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida
tekniċi dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi matul
l-ewwel nofs tal-2013 biex tiffaċilita teħid akbar, u koordinazzjoni
u l-implimentazzjoni aħjar ta’ dawn l-istrumenti. L-Istati Membri issa jridu jiżguraw li l-programmi operattivi
elaborati taħt l-QFP il-ġdid jitfasslu biex jagħmlu l-aħjar
użu mill-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni
għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, flimkien
mal-finanzjament nazzjonali (u possibbilment IFI). Biex tgħin lill-Istati Membri, matul l-2013, il-Kummissjoni se
tiżviluppa linji gwida għall-għażla u l-evalwazzjoni ta’
proġetti għall-effiċjenza enerġetika fil-kuntest
tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, biex tistabbilixxi wkoll
approċċ iżjed standardizzat. Id-DEE toħloq opportunità lill-Istati Membri li jintroduċu
bidla notevoli fil-livelli ta’ investiment f’bini effiċjenti
fl-enerġija, billi teżiġi mill-Istati Membri li jistabbilixxu sa
April tal-2014 strateġija fit-tul għall-ġbir ta’ investiment
fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali tal-bini residenzjali u
kummerċjali, u biex jiffaċilitaw l-istabbiliment
tal-faċilitajiet ta’ finanzjament għall-miżuri ta’ titjib
tal-effiċjenza enerġetika biex jiġu massimizzati
l-benefiċċji ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bi ħsiebha tissokta
bl-appoġġ tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp
tal-proġetti permezz tat-tkomplija tal-faċilità ELENA fil-kuntest
tal-Orizzont 2020. L-edizzjoni li jmiss ta’ din l-għajnuna se tkun
miftuħa għal firxa usa’ ta’ benefiċjarji, kemm
mis-setturi pubbliċi u kif ukoll minn dawk privati, biex
tappoġġa l-iżvilupp u t-tnedija ta’ skemi innovattivi ta’
finanzjament ta’ enerġija sostenibbli. B’mod parallel, il-Kummissjoni se
tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex
jiffaċilita l-istandarizzazzjoni tal-investimenti fl-effiċjenza
enerġetika u b’hekk tippermetti analiżi komparattiva ta’
proġetti ta’ investiment ta’ appoġġ. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tinċentiva l-industrija
biex tinvesti fir-riċerka u innovazzjoni l-ġodda f’soluzzjonijiet li
jaqdu l-bżonnijiet tas-servizz pubbliku billi tipprovdi appoġġ
lill-akkwist pubbliku prekummerċjali u kummerċjali tal-innovazzjoni
fil-kuntest tal-Orizzont 2020. 7.3. Jiġu
indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq Hemm ħafna fallimenti tas-suq li
jipprevjenu t-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet li jvarjaw
minn ostakli tekniċi u finanzjarji għal ostakli ta’ informazzjoni u
mġiba. Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu
għall-konsultazzjoni pubblika qieset li l-ostakli finanzjarji jridu
jiġu indirizzati b’mod l-aktar urġenti, b’mod partikolari fir-rigward
ta’ spejjeż għoljin inizjali tal-investiment u aċċess limitat
għall-kreditu, żminijiet twal wisq ta’ ħlas lura u r-riskji ta’
kreditu, u inċentivi maqsuma bejn is-sidien u l-inkwilini u problemi
fil-binjiet b’għadd ta’ appartamenti. Madankollu, bosta reazzjonijiet saħqu li
l-importanza relattiva tad-diversi ostakli hija differenti għal kull Stat
Membru u għal kull settur (eż. residenzjali, kummerċjali,
pubbliċi). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ informazzjoni
adegwata u affidabbli dwar l-iffrankar tal-enerġija, il-miżuri ta’
effiċjenza u l-istrumenti ta’ appoġġ finanzjarju
(għas-sidien tal-bini, il-professjonisti tal-bini u s-settur finanzjarju)
ġie meqjus minn ħafna minn dawk li wieġbu bħala l-ostaklu
l-aktar urġenti li jrid jiġi indirizzat, wara l-bżonn
għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-monitoraġġ
standardizzat tal-iffrankar tal-enerġija. Fir-rigward tal-ostakli għas-suq, id-DEE teżiġi
lill-Istati Membri jevalwaw u jieħdu miżuri xierqa sabiex
ineħħu ostakli regolatorji u mhux regolatorji
għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari dawk dwar il-qsim
ta’ inċentivi bejn is-sid u l-inkwilin ta’ binja, jew fost is-sidien,
u għall-użu tal-ikkuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija u
ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ partijiet terzi oħrajn fuq
bażi kuntrattwali fit-tul. Filwaqt li l-għoti ta’ pariri apposta dwar strumenti ta’ sostenn
finanzjarju u soluzzjonijiet tekniċi għall-effiċjenza
enerġetika fil-binjiet (speċjalment lil sidien ta’ djar u SMEs)
għandhom preferibbilment jiġu organizzati fil-livell nazzjonali,
reġjonali u/jew lokali, il-Kummissjoni se tinvestiga jekk l-informazzjoni
pprovduta fil-livell tal-UE tistax tittejjeb (l-aktar permezz tal-Build UP web
portal: www.buildup.eu). Fl-2013, il-Kummissjoni se tniedi studju biex tikseb ħarsa
ġenerali komprensiva tal-appoġġ finanzjarju
għall-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri, fost
l-oħrajn, billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar
l-impatt ta’ miżuri finanzjarji fuq il-prestazzjoni tal-enerġija
tal-bini. Fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni
pproponiet li tkompli l-appoġġ tagħha biex jingħelbu
l-ostakli mhux teknoloġiċi permezz tal-programm Orizzont 2020, li
taħthom EUR 6,1 biljun se jiġu allokati għar-riċerka u
l-innovazzjoni taħt “Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti” bejn
l-2014 u l-2020. Sehem sinifikanti ta’ dan il-baġit se jiffoka fuq
l-aspetti mhux teknoloġiċi u t-tneħħija ta’ ostakli
regolatorji, finanzjarji, tas-suq u l-imġiba eżistenti, taħt
il-prijorità “It-teħid tal-Innovazzjoni fl-enerġija min-naħa
tas-suq”, it-tkomplija ta’ esperjenzi pożittivi tal-Programm
għall-Enerġija Intelliġenti fl-Ewropa. 7.4. It-tisħiħ
tas-suq tas-servizzi tal-enerġija L-iżvilupp
ulterjuri tas-suq tas-servizzi tal-enerġija huwa ħafna drabi
kkunsidrat bħala wieħed mill-mezzi l-aktar effettivi li jwasslu
għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-binjiet
pubbliċi u tal-industrija. Il-mudell
tan-negozju f’dan is-suq huwa bbażat fuq it-twassil tas-servizzi
tal-enerġija (jiġifieri, l-użu razzjonali tal-enerġija
aktar milli t-twassil ta’ enerġija per se), ta’ spiss permezz tal-hekk
imsejjaħ l-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija (EPC). Taħt l-EPC il-fornitur tas-servizz
(jiġifieri, kumpanija li tagħti servizz ta’ enerġija jew ESCO)
iwassal titjib fl-effiċjenza enerġetika bil-finanzjament
tal-ispejjeż inizjali tal-investiment u jiffinanzja dan mill-ġdid
permezz tal-iffrankar li jirriżulta. L-ikkuntrattar
għall-prestazzjoni tal-enerġija jista’ għalhekk jitqies
bħala strument finanzjarju biex tittejjeb l-effiċjenza
enerġetika mingħajr spiża kapitali inizjali li trid tiġi
investita mill-klijent. Diversi partijiet interessati identifikaw
il-ħtieġa għal sostenn akbar lis-suq ESCO/EPC eż.
bit-twaqqif ta’ aktar sistemi ta’ garanziji ta’ self, bit-twaqqif ta’ qafas
iktar robust ta’ ċertifikazzjoni u billi tittejjeb il-fiduċja
fil-kunċett tal-EPC. Fis-settur
pubbliku, il-potenzjal għall-finanzjament li ma jidhirx fil-karta
tal-bilanċ kienet identifikata bħala impuls għall-investiment
fil-binjiet pubbliċi, partikolarment fid-dawl tal-obbligi tar-rinnovament
ta’ 3 % kull sena tal-bini tal-gvern ċentrali. Sabiex ikun iffaċilitat aktar żvilupp fis-suq tal-ESCO/EPC,
il-Kummissjoni se timplimenta progressivament il-kampanja tagħha biex
tippromwovi u tibni kapaċità għall-ikkuntrattar
għall-prestazzjoni tal-enerġija u l-ESCOs fl-Ewropa kollha.
Il-kampanja qed tiġi implimentata prinċipalment permezz ta’ workshops
dwar il-kapaċità tal-bini, organizzati minn tliet imsieħba,
inklużi l-European Public-Private Partnership Expertise Centre (EPEC)
tal-BEI li timmira lejn il-gvernijiet ċentrali, l-inizjattiva ManagEnergy
li fil-mira tagħha għandha l-atturi reġjonali, u l-inizjattiva
l-Covenant of Mayors li timmira l-atturi lokali. 8. Konklużjonijiet L-istampa li qed tfeġġ
mill-eżami tal-istokk tal-bini Ewropew eżistenti, il-miżuri
eżistenti ta’ appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza
enerġetika fil-bini u l-ostakli differenti tas-suq, turi li: · Is-sitwazzjoni tvarja b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal
ieħor, f’termini tal-istokk tal-bini tagħhom, il-miżuri ta’
appoġġ finanzjarju stabbiliti u l-ostakli rilevanti tas-suq; · Għalkemm l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika
tal-bini qed jiżdiedu u hemm ħafna eżempji ta’ prattiki tajbin
ta’ strumenti li qed jagħtu ffrankar kosteffikaċi fl-enerġija,
hemm biss informazzjoni limitata dwar l-effikaċja tad-diversi miżuri
ta’ appoġġ finanzjarju, kemm fuq il-livelli tal-UE u kif ukoll fuq
il-livelli nazzjonali; · Ostakli importanti li jxekklu aktar investimenti fl-effiċjenza
enerġetika tal-bini ikomplu jibqgħu hemm, inklużi n-nuqqas ta’
għarfien u kompetenzi fir-rigward tal-finanzjament fl-effiċjenza
enerġetika min-naħa tal-atturi kollha; spejjeż inizjali
għoljin, perjodi relattivament twal ta’ ħlas lura u riskji
tal-kreditu (perċepiti) assoċjati mal-investimenti fl-effiċjenza
enerġetika; u prijoritajiet konfliġġenti għall-benefiċjarji
finali. Jekk l-UE trid tilħaq il-mira tagħha
tal-effiċjenza fl-enerġija tal-2020 u l-ambizzjonijiet tagħha
għal aktar iffrankar lejn l-2050, huwa essenzjali li jittejjeb
l-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika
fil-bini. Sabiex iseħħ dan, huwa meħtieġ li jiġi
żgurat li l-qafas regolatorju jiġi implimentat kif suppost, aktar
finanzjament ikun disponibbli u l-ostakli prinċipali jiġu
indirizzati. Kif spjegat hawn fuq, il-Kummisjoni hija
involuta f’ħafna inizjattivi u attivitajiet biex jingħata
appoġġ lil tali għanijiet. Madankollu, minħabba n-natura
tal-istokk tal-bini u s-settur, u r-responsabilità tagħhom
għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u
l-indirizzar tal-ostakli tas-suq nazzjonali, l-Istati Membri huma
f’pożizzjoni ta’ tmexxija biex jiġi żgurat li jkun hemm
investimenti aktar kosteffikaċi. Barra minn hekk, l-importanza ta’
approċċ imfassal b’mod speċifiku għall-finanzjament
fl-effiċjenza enerġetika, jfisser li kooperazzjoni mill-qrib bejn
l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-finanzi u s-settur tal-bini huwa
essenzjali. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas,
is-sidien tal-bini se jkollhom jiġu konvinti mill-benefiċċji li
jagħmlu l-proprjetajiet tagħhom aktar effiċjenti fl-użu
tal-enerġija, mhux biss f’termini ta’ kont tal-enerġija orħos
iżda wkoll rigward il-kumdità mtejba u valur akbar tal-proprjetà. Dan
jista’ jkun ukoll wieħed mill-aktar ostakli importanti li jridu
jingħelbu biex il-binjiet tal-Ewropa jsiru iżjed effiċjenti
fl-enerġija. Madankollu, il-każ makroekonomiku biex dan isir huwa
b’saħħtu u biex jinbidlu l-attitudnijiet se jkun hemm bżonn ta’
inċentivi immirati u ta’ sforzi ta’ sensibilizzazzjoni. Id-direzzjoni
tar-rinnovazzjoni tal-binjiet li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu skont
id-Direttiva l-ġdida dwar l-effiċjenza enerġetika hija għodda
ewlenija f’dan il-kuntest u għandhom espliċitament jindirizzaw dawn
il-kwistjonijiet. Fil-mixja ’l quddiem il-Kummissjoni se tkompli
taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti dwar kif
l-ostakli għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-bini
jistgħu jingħelbu u kif l-appoġġ finanzjarju
għall-effiċjenza enerġetika fil-bini jista’ jittejjeb iktar. [1] ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13. [2] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1. [3] Innota li tipikament ma kienx possibbli li jkun
identifikat is-sehem speċifiku tal-finanzjament allokat għal
miżuri relatati mal-bini. [4] Il-Faċilità Finanzjarja tal-Effiċjenza
tal-Enerġija (EEFF), il-Faċilità Finanzjarja Muniċipali (MFF) u
l-Faċilità Finanzjarja tal-SME (SMEFF). [5] Il-baġit tal-UE għadda lill-Fond l-ammont ta’
EUR 125 miljun + EUR 20 miljun għal Għajnuna Teknika u EUR
1,3 miljun għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. [6] NEEAPs huma obbligu ta’ rappurtar skont id-Direttiva
2006/32/KE dwar effiċjenza aħħarija u s-serviziz
tal-enerġija. Il-NEEAPs kollha (u t-traduzzjoni tagħhom għall-Ingliż)
jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/energy/efficiency/end-use_en.htm [7] Il-mistoqsijiet tal-konsultazzjoni, it-tweġibiet u
ħarsa ġenerali tar-riżultati jistgħu jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/energy/efficiency/consultations/20120518_eeb_financial_support_en.htm [8] ĠU L134, 30.4.2004, p.114.