Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0225

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini

/* COM/2013/0225 final */

In force

52013DC0225

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini /* COM/2013/0225 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-WERREJ

1........... Għaliex sar dan ir-rapport?............................................................................................. 4

2........... Il-Binjiet fl-Ewropa......................................................................................................... 4

3........... L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini..................................................... 4

4........... Il-finanzjament għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI)         7

5........... Il-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika fil-bini minn programmi nazzjonali..................... 7

6........... Il-finanzjament tas-settur privat għall-effiċjenza enerġetika tal-bini..................................... 8

7........... X’jista’ jsir biex jiġu stimulati aktar u aktar investimenti effettivi?....................................... 8

8........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 12

1.           Għaliex sar dan ir-rapport?

Il-binjiet huma fil-qalba tal-politika dwar l-effiċjenza enerġetika tal-UE, peress li kważi 40 % tal-konsum finali tal-enerġija (u 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra) ġejjin mid-djar, l-uffiċini u binjiet oħra. Barra minn hekk, is-settur jipprovdi t-tieni l-akbar potenzjal kosteffettiv u mhux sfruttat għall-iffrankar tal-enerġija wara s-settur tal-enerġija stess. Hemm ukoll kobenefiċċji importanti fil-kostruzzjoni ta’ binjiet iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi l-ħolqien ta’ impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar ikkaġunat mill-ispiża tal-fjuwil, titjib fis-saħħa, u sigurtà aħjar tal-enerġija u l-kompetittività industrijali aħjar.

L-għanijiet ta’ dan ir-Rapport huma tnejn. L-ewwel, skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (Tfassil mill-ġdid) (2010/31/UE[1]; minn hawn ’il quddiem, id-“DRBUE”) il-Kummissjoni ntalbet li tippreżenta analiżi tal-effikaċja tal-finanzjament tal-UE, il-fondi mill-BEI u istituzzjonijiet pubbliċi finanzjarji oħra, u l-koordinazzjoni tal-Unjoni u l-finanzjament nazzjonali. Dan ir-Rapport jippreżenta r-riżultati ewlenin ta’ din l-analiżi.

It-tieni, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (2012/27/UE[2]; minn hawn ’il quddiem, id-“DEE”) teżiġi mill-Istati Membri li jistabbilixxu, sa April 2014, strateġija fit-tul għall-ġbir ta' investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali tal-bini. Id-DEE tistipula wkoll li l-Kummissjoni trid tgħin lill-Istati Membri fit-twaqqif ta’ faċilitajiet ta’ finanzjament bil-għan li tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Għalhekk, dan ir-Rapport għandu l-għan ukoll li jindika kif l-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika tal-bini tista’ tittejjeb.

Dan ir-Rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ Ħidma tal-Istaff li jipprovdi aktar dettall dwar l-istokk Ewropew tal-bini u l-istrumenti ta’ appoġġ finanzjarju kemm fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

2.           Il-Binjiet fl-Ewropa

Analiżi tal-istokk Ewropew tal-bini turi li l-karatteristiċi tiegħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għall-ieħor f’termini ta’ età, tip, sjieda, rati tar-rinnovazzjoni u r-rendiment tal-enerġija. Għalhekk, filwaqt li l-politiki nazzjonali u l-oqfsa regolatorji jaqsmu temi komuni, miżuri li jtejbu l-istokk tal-bini ser ikollhom iqisu dawn id-differenzi. L-approċċ “daqs wieħed għal kulħadd” mhux xieraq.

3.           L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini

L-Unjoni Ewropea ilha tappoġġa t-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għal bosta snin b’firxa ta’ programmi ta’ appoġġ finanzjarju. It-tabella ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti prinċipali u l-finanzjament disponibbli:

Sors ta’ finanzjament || Strumenti/mekkaniżmi || Finanzjament totali disponibbli || Finanzjament għall-EE

Il-Finanzjament tal-Politika ta’ Koeżjoni || Programmi Operattivi li jinkludu strumenti finanzjarji (eż. JESSICA) || EUR 10,1 biljun ippjanati għall-enerġija sostenibbli (RES u EE) || EUR 5,5 biljun ippjanati għall-EE, il-koġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-enerġija

Finanzjament tar-Riċerka || FP 7 (eż. Concerto, E2B PPP, Smart Cities) || EUR 2,35 biljun għar-riċerka fl-enerġija || EUR 290 miljun għall-effiċjenza enerġetika

Finanzjament tal-Politika tat-Tkabbir || Facilitajiet IFI (SMEFF, MFF, EEFF) || EUR 552,3 miljun (381,5 + 117,8 + 53 rispettivament) || Madwar terz tal-finanzjament totali għall-proġetti fl-industrija u l-binjiet

Il-Programm tal-Enerġija Ewropew għall-Irkupru (EEPR) || Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F) || EUR 265 miljun || 70 % tal-finanzjament li jrid jiġi ddedikat lill-effiċjenza enerġetika

Il-Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) || Il-Programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa (inkluż ELENA) Il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT-PSP); || Madwar EUR 730 miljun għal kull programm || Madwar 50 % tal-finanzjament kien dedikat lill-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha

Tabella 1: Fondi għall-effiċjenza tal-enerġija fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (2007-2013)[3]

It-taqsimiet li ġejjin jagħtu aktar dettalji dwar dawn l-istrumenti.

3.1.        Il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni

Fil-perjodu attwali ta’ programmazzjoni 2007-2013 ġew ippjanati madwar EUR 10,1 biljun għall-investimenti fl-enerġija sostenibbli fl-UE kollha, li minnhom madwar EUR 5,5 biljun huma għall-effiċjenza fl-enerġija. L-ishma relattivi allokati għall-effiċjenza enerġetika jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor, u dan jiddependi fuq il-volum totali tal-fondi disponibbli, il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali stabbiliti minn kull Stat Membru. Sa tmiem l-2011, kważi EUR 3,8 biljun kienu ġew allokati għal proġetti speċifiċi tal-effiċjenza enerġetika, inklużi fondi rotanti, li jirrappreżentaw rata ta’ implimentazzjoni ta’ 68 %.

L-esperjenza tul dawn l-aħħar ftit snin turi li l-Istati Membri qed jużaw aktar il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għall-effiċjenza enerġetika, speċjalment fil-binjiet, u li l-użu tal-istrumenti finanzjarji qed jikber. Madankollu, ma hemm l-ebda dejta komprensiva dwar l-impatt ta’ dan il-finanzjament f’termini tal-iffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini.

3.2.        Finanzjament tar-riċerka;

Taħt Programm ta’ Qafas għall-Iżvilupp u r-Riċerka 2007-2013 attwali tal-UE, ġew allokati EUR 290 miljun għall-effiċjenza enerġetika. Żewġ proġetti ta’ riċerka huma speċifikament iffokati fuq is-settur tal-bini:

· Is-Sħubija Pubblika-Privata “Binjiet bl-Effiċjenza fl-Enerġija” ngħatat EUR 1 biljun biex tippromwovi teknoloġiji favur l-ambjent u l-iżvilupp ta’ sistemi u materjali effiċjenti fl-enerġija f’binjiet ġodda u rrinnovati (inklużi binjiet storiċi) biex jitnaqqas b’mod radikali l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom.

· L-inizjattiva Concerto għandha l-għan li turi li l-ottimizzazzjoni tas-settur tal-bini ta’ komunitajiet sħaħ tkun aktar effiċjenti u irħas mill-ottimizzazzjoni ta’ kull binja individwalment. Mill-2005 l-inizjattiva kkofinanzjat, b’madwar EUR 180 miljun, proġetti fi 58 komunità, bir-riżultat li ġew iffrankati madwar 310 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena fis-setturi tal-bini u t-tnaqqis ta’ 20 % fil-konsum totali tal-elettriku.

3.3.        Finanzjament tat-tkabbir permezz tal-faċilitajiet tal-IFI

Għadd ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE huma implimentati f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI). Dawn il-faċilitajiet finanzjarji[4] intermedjati ġew stabbiliti taħt l-istrument Phare u tħalltu ma’ għotjiet tal-UE b’finanzjament tal-IFI. Mill-allokazzjoni totali tal-UE ta’ madwar EUR 550 miljun, madwar terz ġie allokat għall-proġetti relatati mal-effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-industrija u l-bini.

Il-programmi tal-effiċjenza enerġetika ġew stabbiliti kompletament fl-2010 u għamlu progress notevoli b’investimenti ta’ EUR 518 miljun, megħjuna mill-għotja ta’ appoġġ tal-UE ta’ EUR 112 miljun. Peress il-proġetti individwali jvarjaw konsiderevolment, ħarsa ġenerali komprensiva tal-impatt ta’ dawn il-faċilitajiet mhix disponibbli.

3.4.        EEE-F

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE-F) twaqqaf fl-2011 b’volum ta’ EUR 265 miljun, b’finanzjament li ġej mill-Unjoni Ewropea[5], il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Cassa Depositi e Presititi tal-Italja u d-Deutsche Bank. Il-fond jipprovdi strumenti ta’ dejn, ekwità u garanzija, kif ukoll għotjiet ta’ assistenza teknika biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-proġett. Madwar 70 % tal-finanzjament hu maħsub għal proġetti ta’ effiċjenza tal-enerġija, bil-bqija allokat għall-enerġija rinnovabbli u t-trasport urban nadif. Il-fond għandu l-għan li jġib it-teknoloġiji diġà meqjusin tajbin fil-mainstream, u biex jissaħħaħ is-suq Ewropew tal-ESCOs u l-użu tal-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija. Fil-preżent hemm proġett wieħed iffirmat u 39 proġett ieħor qed ikunu ppreparati. L-effettività tal-fond ser tkun suġġetta għal evalwazzjoni fl-2013.

3.5.        Intelligent Energy Europe II (IEE II)

Il-programm IEE II għandu l-għan li jegħleb l-ostakli mhux teknoloġiċi għall-innovazzjoni, it-teħid, l-implimentazzjoni u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet li jikkontribwixxi għal enerġija sostenibbli, sikura u bi prezzijiet kompetittivi għall-Ewropa. Mill-baġit totali ta’ EUR 730 miljun, madwar 50 % minnu ġew allokati lill-effiċjenza fl-enerġija.

Fir-rigward tal-effettività tiegħu, il-proġetti magħżula fl-2009-2011 huma stmati li qanqlu investiment kumulattiv fl-enerġija sostenibbli ta’ aktar minn EUR 1500 miljun. L-istima tal-iffrankar mill-enerġija tal-fjuwils fossili u t-tnaqqis fl-emissjonijiet għal dawk il-proġetti kollha kienu mill-inqas 350 000 tunnellata ta’ taż-żejt ekwivalenti fis-sena u 1 200 000 tunnellata ta’ ta’ CO2 ekwivalenti fis-sena.

Il-Faċilità Ewropea ta' Assistenza għall-Enerġija Lokali (ELENA), li hi ffinanzjata taħt IEE II, tipprovdi għotjiet lill-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali għall-iżvilupp, l-istrutturar u t-tnedija ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. Il-faċilità hija implimentata permezz tal-IFI u tkopri sa 90 % tal-ispejjeż imġarrba għall-appoġġ tekniku. Mit-tnedija tagħha sa tmiem l-2012, il-faċilità pprovdiet total ta’ EUR 31 miljun fil-kontributi tal-iżvilupp tal-proġetti.

Analiżi tal-prestazzjoni tal-faċilità ELENA – BEI turi li l-effett ta’ lieva għall-proġetti kurrenti huwa 54, jiġifieri aktar mid-doppju tal-livell meħtieġ ta’ 20, u dan potenzjalment iwassal għal investimenti ta’ aktar minn EUR 1,5 biljun. Huwa stmat li l-iffrankar tal-enerġija mill-proġetti ffirmati u approvati jista’ jilħaq 919 GWh fis-sena, b’total ta’ emissjonijiet tas-CO2 evitati jilħaq 588 357 tunnellata fis-sena.

3.6.        Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

Il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT-PSP), b’baġit ta’ EUR 730 miljun, għandu l-għan li jistimula tkabbir intelliġenti u inklużiv billi jaċċellera it-teħid usa’ u l-aħjar użu ta’ teknoloġiji u kontenut diġitali innovattivi miċ-ċittadini, il-gvernijiet u n-negozji.

Bejn l-2007 u l-2013, iktar minn EUR 74 miljun ġew allokati għal azzjonijiet fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà, li jirriżultaw f’35 netwerk pilota u 5 tematiċi. Il-proġetti li jkopru l-binjiet urew tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u fl-emissjonijiet tas-CO2 sa 20 %.

4.           Il-finanzjament għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI)

Minbarra r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE (ara hawn fuq), l-IFI Ewropej joperaw l-istrumenti ta’ investiment tagħhom stess għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet.

Mill-2008 sa tmiem l-2011, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) integra l-effiċjenza fl-enerġija fl-operazzjonijiet tiegħu b’riżultat ta’ volum totali ta’ finanzjament ta’ EUR 4,8 biljun fl-UE, li minnhom EUR 1,7 biljun fis-settur tal-bini. Fir-rigward tal-effikaċja ta’ dawn il-fondi, huwa stmat li jirriżulta li t-tnaqqis annwali ta’ emissjonijiet bis-saħħa tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa 3523 ktCO2e (jew 1005 ktCO2e bi prorata mal-finanzjament tal-BEI) fl-2010 u 679 ktCO2e (jew 379 ktCO2e b’prorata mal-finanzjament tal-BEI ) fl-2011.

Mill-2002, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) ipprovda self u ekwità lil 104 proġetti għall-effiċjenza tal-enerġija fl-UE, li jammontaw għal EUR 1,8 biljun. Il-finanzjament totali mobilizzati fis-suq matul dan il-perjodu jammonta għal EUR 14,9 biljun (jiġifieri ingranaġġ ta’ madwar 1:7). Dwar l-effikaċja tagħhom, dawn l-investimenti huma stmati li wasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 5 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena. L-iffrankar tal-enerġija huwa stmat għal 1.8 Mtoe fis-sena.

Mill-2002, il-Bank għall-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB) approva total ta’ madwar EUR 2,4 biljun favur proġetti li, għall-inqas parzjalment, huma dwar l-effiċjenza fl-enerġija, b’aktar minn EUR 1,9 biljun jiġu allokati unikament għall-effiċjenza enerġetika. L-ebda dejta dwar l-effikaċja ta’ dan il-finanzjament ma hija disponibbli.

5.           Il-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika fil-bini minn programmi nazzjonali

Il-gvernijiet nazzjonali jużaw ukoll il-baġits tagħhom stess biex jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet. Ħafna mill-miżuri eżistenti kienu rappurtati lill-Kummissjoni permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija (NEEAPs)[6] u taħt l-EPBD Dawn ir-rapporti juru li miżuri relatati mal-bini jirrappreżentaw sehem għoli ferm tal-iffrankar rappurtat fil-konsum tal-enerġija (eż. 58 % għall-Italja, 63 % għall-Irlanda, 71 % għas-Slovenja u 77 % għall-Awstrija). Aktar minn tliet kwarti mill-miżuri rappurtati huma għotjiet u skemi ta’ self “faċli”, segwit minn inċentivi tat-taxxa. Jintużaw ukoll strumenti bħalma huma l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija, l-użu tal-ammont tal-unitajiet assenjati skont il-Protokoll ta’ Kyoto u l-obbligi tal-fornituri tal-enerġija.

Madankollu, ftit Stati Membri taw dettalji dwar l-effettività tal-miżuri nazzjonali ta’ appoġġ, u għalhekk hu diffiċli li tinkiseb ħarsa ġenerali tajba tal-impatt tagħhom. Dan huwa l-aktar minħabba n-nuqqas tal-għanijiet ex-ante tal-effiċjenza enerġetika, rekwiżiti ta’ monitoraġġ u/jew ta’ evalwazzjoni ex post. Barra minn hekk, jekk l-evalwazzjonijiet ex-ante jew ex-post fil-fatt iseħħu, huwa diffiċli biex jitqabblu minħabba l-użu ta’ indikaturi, metodoloġiji ta’ kejl u l-ambitu tal-istrumenti differenti.

Fir-rigward tar-rabta mal-finanzjament tal-UE, bosta Stati Membri rrapportaw l-użu tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika fin-NEEAPs tagħhom u l-eżempji ta’ prattiċi tajbin eżistenti jindikaw li l-fondi tal-UE jistgħu jinstigaw investimenti addizzjonali pubbliċi nazzjonali kif ukoll privati. Madankollu, l-esperjenza wriet il-bżonn għal aktar kapaċità ta’ bini biex jitfasslu bl-aħjar mod l-investimenti.

Analiżi ta’ 25 skema ta’ appoġġ finanzjarja għall-effiċjenza enerġetika kkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-programmi li kellhom suċċess huma bbażati fuq self preferenzjali, ta’ spiss ikkumplimentat b’għotja u/jew b’pakkett ta’ assistenza teknika, iżda li s-suċċess tagħhom jiddependi fuq fatturi aktar mis-sempliċi termini u l-kondizzjonijiet finanzjarji, inklużi proċeduri amministrattivi sempliċi, informazzjoni liċ-ċittadini u l-flessibbiltà fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament.

6.           Il-finanzjament tas-settur privat għall-effiċjenza enerġetika tal-bini

Is-settur privat jipprovdi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament tal-proġetti għall-effiċjenza tal-enerġija fil-bini. Barra s-sidien u l-inkwilini tal-bini li jinvestu fit-titjib tal-proprjetajiet u d-djar tagħhom, il-banek kummerċjali ukoll qed juru interess f’dan is-settur anke jekk il-livell ta’ finanzjament kummerċjali għadu relattivament baxx.

Madankollu, bħala riżultat ta’ għadd kbir ta’ investimenti relattivament ta’ skala żgħira u ta’ differenzi kbar fid-daqs minn sidien ta’ proprjetà privata, ma hemm l-ebda idea komprensiva dwar il-fondi allokati lit-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini. Għalkemm l-investimenti aktarx li jkunu akbar fis-settur mhux residenzjali, hawnhekk ukoll hija assenti dejta affidabbli dwar l-iskala ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika.

7.           X’jista’ jsir biex jiġu stimulati aktar u aktar investimenti effettivi?

It-taqsimiet li ġejjin jelenkaw l-azzjonijiet u l-inizjattivi li qed, u li jistgħu, jittieħdu biex tittejjeb is-sitwazzjoni kif deskritta hawn fuq. Din tintegra wkoll il-fehmiet tal-partijiet interessati bi tweġiba għal konsultazzjoni pubblika li saret bejn Frar u Mejju tal-2012[7].

7.1.        It-tisħiħ tal-qafas regolatorju

Bid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, addottata reċentement, bir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u l-miżuri marbutin mad-Direttivi dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija, il-qafas regolatorju komprensiv għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini issa huwa stabbilit.

Ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika iqisu li mhemmx bżonn ta’ aktar regolamentazzjoni tal-UE minnufih, filwaqt li jsostnu li hemm il-ħtieġa ta’ viżjoni u impenn tagħha fit-tul favur l-effiċjenza enerġetika, b’xi wħud jargumentaw favur miri vinkolanti. Pjuttost, implimentazzjoni ambizzjuża u infurzar strett tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-Istati Membri tqieset minn ħafna partijiet interessati bħala kruċjali.

Suġġerimenti oħrajn inkludew li jkunu jistgħu jintużaw il-VAT u r-reġim tat-tassazzjoni usa’ biex jiġu promossi miżuri u servizzi ta’ effiċjenza fl-enerġija, jinbidlu r-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna tal-istat, u jkunu addottati kalkolu wieħed u skema waħda ta’ ċertifikazzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini.

Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura konformità sħiħa mal-liġi rilevanti tal-UE dwar qafas regolatorju. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, permezz tal-Azzjonijiet Miftiehma għall-Implimentazzjoni tad-DRBUE u d-DEE.

Il-Kummissjoni qed tistudja jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikati għall-effiċjenza enerġetika għandhomx bżonn jiġu adattati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-DEE biex jinżamm qafas ċar li jippermetti sostenn finanzjarju għall-miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, id-DEE diġà tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-gvernijiet ċentrali jixtru biss (skont ċerti kundizzjonijiet) prodotti, servizzi u bini b’rendiment għoli fl-effiċjenza enerġetika, kif applikabbli għall-kuntratti li jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE[8]. Barra minn hekk, il-korpi pubbliċi fil-livelli reġjonali u lokali jridu jiġu mħeġġa biex jagħmlu l-istess.

Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa skema komuni ta’ ċertifikazzjoni għall-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet mhux residenzjali għall-UE kollha, bil-għan li tiġi definita metodoloġija komuni tal-UE li tesprimi l-prestazzjoni tal-enerġija ta’ binjiet mhux residenzjali. Din se tkun ibbażata fuq sett rivedut ta’ standards CEN relatatti mad-DRBUE, li jirrappreżenta opportunità unika biex tiġi armonizzata ċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet fl-Ewropa kollha fuq bażi volontarja.

7.2.        Titjib fl-aċċess għall-finanzjament

Minkejja l-ħafna esperjenzi pożittivi, għad hemm skop sinifikanti biex jittejbu t-teħid u l-effikaċja tal-appoġġ finanzjarju tal-UE. Dan kien konfermat mir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE, li kienu pożittivi ħafna, filwaqt li jmaqdru l-kumplessità u l-burokrazija tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u li jindikaw nuqqas ta’ għarfien dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, speċjalment fil-livell lokali.

Suġġerimenti ta’ titjib jinkludu aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi ta’ koeżjoni (eż. bit-taħlit ta’ self ma’ għotjiet), aktar opportunitajiet ta’ bundling għal proġetti iżgħar u gwida aħjar dwar kif jista’ jsir użu aħjar mill-fondi tal-FEŻR għal dawk li jfasslu l-politika, speċjalment fuq il-livell lokali.

Il-partijiet interessati ħeġġew ukoll l-użu ta’ fondi pubbliċi biex jipprovdu għajnuna teknika, biex jiżguraw l-għoti ta’ self b’termini attraenti, u li jiġi stimolat is-suq tal-ESCO/EPC, pereżempju, billi jipprovdu sors ta’ finanzjament għall-miżuri installati fil-binjiet tas-settur pubbliku.

Barra minn hekk, il-ħtieġa li l-investituri jingħataw informazzjoni standardizzata aktar oġġettiva u affidabbli dwar il-prestazzjoni tas-self (eż. il-perjodi ta’ ħlas lura, ir-redditu fuq l-investiment, ir-rati ta’ inadempjenza) issemmew bħala fattur ewlieni li jżid l-interess tas-settur privat f’dan il-qasam.

Fil-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li tkabbar il-politika ta’ koeżjoni biex tiffinanzja il-miżuri ta’ ekonomija għal-livell baxx ta’ karbonju (prinċipalment permezz ta’ miżuri ta’ delimitazzjoni ta’ 20 % tal-FEŻR għall-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli f’reġjuni aktar żviluppati u ta’ tranżizzjoni, u 6 % fil-każ ta’ reġjuni inqas żviluppati), biex tespandi l-użu ta’ strumenti finanzjarji u biex tneħħi l-limitu ta’ 4 % fuq l-appoġġ fl-investimenti tal-enerġija sostenibbli fid-djar.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida tekniċi dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi matul l-ewwel nofs tal-2013 biex tiffaċilita teħid akbar, u koordinazzjoni u l-implimentazzjoni aħjar ta’ dawn l-istrumenti.

L-Istati Membri issa jridu jiżguraw li l-programmi operattivi elaborati taħt l-QFP il-ġdid jitfasslu biex jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, flimkien mal-finanzjament nazzjonali (u possibbilment IFI).

Biex tgħin lill-Istati Membri, matul l-2013, il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida għall-għażla u l-evalwazzjoni ta’ proġetti għall-effiċjenza enerġetika fil-kuntest tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, biex tistabbilixxi wkoll approċċ iżjed standardizzat.

Id-DEE toħloq opportunità lill-Istati Membri li jintroduċu bidla notevoli fil-livelli ta’ investiment f’bini effiċjenti fl-enerġija, billi teżiġi mill-Istati Membri li jistabbilixxu sa April tal-2014 strateġija fit-tul għall-ġbir ta’ investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk nazzjonali tal-bini residenzjali u kummerċjali, u biex jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-faċilitajiet ta’ finanzjament għall-miżuri ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bi ħsiebha tissokta bl-appoġġ tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-proġetti permezz tat-tkomplija tal-faċilità ELENA fil-kuntest tal-Orizzont 2020. L-edizzjoni li jmiss ta’ din l-għajnuna se tkun miftuħa għal firxa usa’ ta’ benefiċjarji, kemm mis-setturi pubbliċi u kif ukoll minn dawk privati, biex tappoġġa l-iżvilupp u t-tnedija ta’ skemi innovattivi ta’ finanzjament ta’ enerġija sostenibbli. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex jiffaċilita l-istandarizzazzjoni tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u b’hekk tippermetti analiżi komparattiva ta’ proġetti ta’ investiment ta’ appoġġ.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tinċentiva l-industrija biex tinvesti fir-riċerka u innovazzjoni l-ġodda f’soluzzjonijiet li jaqdu l-bżonnijiet tas-servizz pubbliku billi tipprovdi appoġġ lill-akkwist pubbliku prekummerċjali u kummerċjali tal-innovazzjoni fil-kuntest tal-Orizzont 2020.

7.3.        Jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq

Hemm ħafna fallimenti tas-suq li jipprevjenu t-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet li jvarjaw minn ostakli tekniċi u finanzjarji għal ostakli ta’ informazzjoni u mġiba. Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika qieset li l-ostakli finanzjarji jridu jiġu indirizzati b’mod l-aktar urġenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ spejjeż għoljin inizjali tal-investiment u aċċess limitat għall-kreditu, żminijiet twal wisq ta’ ħlas lura u r-riskji ta’ kreditu, u inċentivi maqsuma bejn is-sidien u l-inkwilini u problemi fil-binjiet b’għadd ta’ appartamenti.

Madankollu, bosta reazzjonijiet saħqu li l-importanza relattiva tad-diversi ostakli hija differenti għal kull Stat Membru u għal kull settur (eż. residenzjali, kummerċjali, pubbliċi).

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli dwar l-iffrankar tal-enerġija, il-miżuri ta’ effiċjenza u l-istrumenti ta’ appoġġ finanzjarju (għas-sidien tal-bini, il-professjonisti tal-bini u s-settur finanzjarju) ġie meqjus minn ħafna minn dawk li wieġbu bħala l-ostaklu l-aktar urġenti li jrid jiġi indirizzat, wara l-bżonn għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-monitoraġġ standardizzat tal-iffrankar tal-enerġija.

Fir-rigward tal-ostakli għas-suq, id-DEE teżiġi lill-Istati Membri jevalwaw u jieħdu miżuri xierqa sabiex ineħħu ostakli regolatorji u mhux regolatorji għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari dawk dwar il-qsim ta’ inċentivi bejn is-sid u l-inkwilin ta’ binja, jew fost is-sidien, u għall-użu tal-ikkuntrattar tal-prestazzjoni tal-enerġija u ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ partijiet terzi oħrajn fuq bażi kuntrattwali fit-tul.

Filwaqt li l-għoti ta’ pariri apposta dwar strumenti ta’ sostenn finanzjarju u soluzzjonijiet tekniċi għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet (speċjalment lil sidien ta’ djar u SMEs) għandhom preferibbilment jiġu organizzati fil-livell nazzjonali, reġjonali u/jew lokali, il-Kummissjoni se tinvestiga jekk l-informazzjoni pprovduta fil-livell tal-UE tistax tittejjeb (l-aktar permezz tal-Build UP web portal: www.buildup.eu).

Fl-2013, il-Kummissjoni se tniedi studju biex tikseb ħarsa ġenerali komprensiva tal-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri, fost l-oħrajn, billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-impatt ta’ miżuri finanzjarji fuq il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

Fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli l-appoġġ tagħha biex jingħelbu l-ostakli mhux teknoloġiċi permezz tal-programm Orizzont 2020, li taħthom EUR 6,1 biljun se jiġu allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni taħt “Enerġija sigura, nadifa u effiċjenti” bejn l-2014 u l-2020. Sehem sinifikanti ta’ dan il-baġit se jiffoka fuq l-aspetti mhux teknoloġiċi u t-tneħħija ta’ ostakli regolatorji, finanzjarji, tas-suq u l-imġiba eżistenti, taħt il-prijorità “It-teħid tal-Innovazzjoni fl-enerġija min-naħa tas-suq”, it-tkomplija ta’ esperjenzi pożittivi tal-Programm għall-Enerġija Intelliġenti fl-Ewropa.

7.4.        It-tisħiħ tas-suq tas-servizzi tal-enerġija

L-iżvilupp ulterjuri tas-suq tas-servizzi tal-enerġija huwa ħafna drabi kkunsidrat bħala wieħed mill-mezzi l-aktar effettivi li jwasslu għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-binjiet pubbliċi u tal-industrija. Il-mudell tan-negozju f’dan is-suq huwa bbażat fuq it-twassil tas-servizzi tal-enerġija (jiġifieri, l-użu razzjonali tal-enerġija aktar milli t-twassil ta’ enerġija per se), ta’ spiss permezz tal-hekk imsejjaħ l-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija (EPC). Taħt l-EPC il-fornitur tas-servizz (jiġifieri, kumpanija li tagħti servizz ta’ enerġija jew ESCO) iwassal titjib fl-effiċjenza enerġetika bil-finanzjament tal-ispejjeż inizjali tal-investiment u jiffinanzja dan mill-ġdid permezz tal-iffrankar li jirriżulta. L-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija jista’ għalhekk jitqies bħala strument finanzjarju biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika mingħajr spiża kapitali inizjali li trid tiġi investita mill-klijent.

Diversi partijiet interessati identifikaw il-ħtieġa għal sostenn akbar lis-suq ESCO/EPC eż. bit-twaqqif ta’ aktar sistemi ta’ garanziji ta’ self, bit-twaqqif ta’ qafas iktar robust ta’ ċertifikazzjoni u billi tittejjeb il-fiduċja fil-kunċett tal-EPC.

Fis-settur pubbliku, il-potenzjal għall-finanzjament li ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ kienet identifikata bħala impuls għall-investiment fil-binjiet pubbliċi, partikolarment fid-dawl tal-obbligi tar-rinnovament ta’ 3 % kull sena tal-bini tal-gvern ċentrali.

Sabiex ikun iffaċilitat aktar żvilupp fis-suq tal-ESCO/EPC, il-Kummissjoni se timplimenta progressivament il-kampanja tagħha biex tippromwovi u tibni kapaċità għall-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija u l-ESCOs fl-Ewropa kollha. Il-kampanja qed tiġi implimentata prinċipalment permezz ta’ workshops dwar il-kapaċità tal-bini, organizzati minn tliet imsieħba, inklużi l-European Public-Private Partnership Expertise Centre (EPEC) tal-BEI li timmira lejn il-gvernijiet ċentrali, l-inizjattiva ManagEnergy li fil-mira tagħha għandha l-atturi reġjonali, u l-inizjattiva l-Covenant of Mayors li timmira l-atturi lokali.

8.           Konklużjonijiet

L-istampa li qed tfeġġ mill-eżami tal-istokk tal-bini Ewropew eżistenti, il-miżuri eżistenti ta’ appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini u l-ostakli differenti tas-suq, turi li:

· Is-sitwazzjoni tvarja b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor, f’termini tal-istokk tal-bini tagħhom, il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju stabbiliti u l-ostakli rilevanti tas-suq;

· Għalkemm l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika tal-bini qed jiżdiedu u hemm ħafna eżempji ta’ prattiki tajbin ta’ strumenti li qed jagħtu ffrankar kosteffikaċi fl-enerġija, hemm biss informazzjoni limitata dwar l-effikaċja tad-diversi miżuri ta’ appoġġ finanzjarju, kemm fuq il-livelli tal-UE u kif ukoll fuq il-livelli nazzjonali;

· Ostakli importanti li jxekklu aktar investimenti fl-effiċjenza enerġetika tal-bini ikomplu jibqgħu hemm, inklużi n-nuqqas ta’ għarfien u kompetenzi fir-rigward tal-finanzjament fl-effiċjenza enerġetika min-naħa tal-atturi kollha; spejjeż inizjali għoljin, perjodi relattivament twal ta’ ħlas lura u riskji tal-kreditu (perċepiti) assoċjati mal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika; u prijoritajiet konfliġġenti għall-benefiċjarji finali.

Jekk l-UE trid tilħaq il-mira tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija tal-2020 u l-ambizzjonijiet tagħha għal aktar iffrankar lejn l-2050, huwa essenzjali li jittejjeb l-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini. Sabiex iseħħ dan, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jiġi implimentat kif suppost, aktar finanzjament ikun disponibbli u l-ostakli prinċipali jiġu indirizzati.

Kif spjegat hawn fuq, il-Kummisjoni hija involuta f’ħafna inizjattivi u attivitajiet biex jingħata appoġġ lil tali għanijiet. Madankollu, minħabba n-natura tal-istokk tal-bini u s-settur, u r-responsabilità tagħhom għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-indirizzar tal-ostakli tas-suq nazzjonali, l-Istati Membri huma f’pożizzjoni ta’ tmexxija biex jiġi żgurat li jkun hemm investimenti aktar kosteffikaċi.

Barra minn hekk, l-importanza ta’ approċċ imfassal b’mod speċifiku għall-finanzjament fl-effiċjenza enerġetika, jfisser li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-finanzi u s-settur tal-bini huwa essenzjali.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, is-sidien tal-bini se jkollhom jiġu konvinti mill-benefiċċji li jagħmlu l-proprjetajiet tagħhom aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, mhux biss f’termini ta’ kont tal-enerġija orħos iżda wkoll rigward il-kumdità mtejba u valur akbar tal-proprjetà. Dan jista’ jkun ukoll wieħed mill-aktar ostakli importanti li jridu jingħelbu biex il-binjiet tal-Ewropa jsiru iżjed effiċjenti fl-enerġija. Madankollu, il-każ makroekonomiku biex dan isir huwa b’saħħtu u biex jinbidlu l-attitudnijiet se jkun hemm bżonn ta’ inċentivi immirati u ta’ sforzi ta’ sensibilizzazzjoni. Id-direzzjoni tar-rinnovazzjoni tal-binjiet li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu skont id-Direttiva l-ġdida dwar l-effiċjenza enerġetika hija għodda ewlenija f’dan il-kuntest u għandhom espliċitament jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

Fil-mixja ’l quddiem il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti dwar kif l-ostakli għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-bini jistgħu jingħelbu u kif l-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini jista’ jittejjeb iktar.

[1]               ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

[2]               ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

[3]               Innota li tipikament ma kienx possibbli li jkun identifikat is-sehem speċifiku tal-finanzjament allokat għal miżuri relatati mal-bini.

[4]               Il-Faċilità Finanzjarja tal-Effiċjenza tal-Enerġija (EEFF), il-Faċilità Finanzjarja Muniċipali (MFF) u l-Faċilità Finanzjarja tal-SME (SMEFF).

[5]               Il-baġit tal-UE għadda lill-Fond l-ammont ta’ EUR 125 miljun + EUR 20 miljun għal Għajnuna Teknika u EUR 1,3 miljun għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

[6]               NEEAPs huma obbligu ta’ rappurtar skont id-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza aħħarija u s-serviziz tal-enerġija. Il-NEEAPs kollha (u t-traduzzjoni tagħhom għall-Ingliż) jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/energy/efficiency/end-use_en.htm

[7]               Il-mistoqsijiet tal-konsultazzjoni, it-tweġibiet u ħarsa ġenerali tar-riżultati jistgħu jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/energy/efficiency/consultations/20120518_eeb_financial_support_en.htm

[8]               ĠU L134, 30.4.2004, p.114.

Top