This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0083
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Towards Social Investment for Growth and Cohesion – including implementing the European Social Fund 2014-2020
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020
/* COM/2013/083 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020 /* COM/2013/083 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Investiment Soċjali
għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond
Soċjali Ewropw 2014-2020 Daħla L-istrateġija tat-tkabbir Ewropa 2020
għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[1] tistabbilixxi miri biex
toħroġ mill-inqas 20 miljun persuna mill-faqar u
l-esklużjoni soċjali u żżid l-impjieg tal-popolazzjoni ta’
bejn l-20 u l-64 sena għal 75%. L-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija
Ewropa 2020, inkluża l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u
l-Esklużjoni Soċjali u l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi
Ġodda, jappoġġaw l-isforzi biex jinkisbu dawn il-miri.
Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal direzzjoni u
monitoraġġ tar-riformi ekonomiċi u soċjali tal-Istati
Membri. Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinament dwar il-protezzjoni soċjali
u l-inklużjoni soċjali kkontribwixxa għat-tmexxija tar-riformi
strutturali tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. Il-promozzjoni tal-koeżjoni
ekonomika, soċjali u territorjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni
soċjali u d-diskriminazzjoni huma għanijiet fundamentali tal-Unjoni
Ewropea identifikati fit-Trattat[2].
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi li meta jimplimentaw
il-liġi tal-UE l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri,
għandhom jirrispettaw id-drittijiet personali, ċiviċi,
politiċi, ekonomiċi u soċjali. Jose Manuel Barroso, il-President
tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizza fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni
tal-2012: “Huwa preċiżament dawk il-pajjiżi Ewropej bl-aktar
sistemi effettivi ta’ protezzjoni soċjali u s-sħubiji soċjali
l-aktar żviluppati li huma fost l-aktar ekonomiji kompetittivi u ta’
suċċess fid-dinja.” Iżda l-isfidi
li ġabet magħha l-kriżi wasslu għal żieda fir-riskji
tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u mis-suq tax-xogħol
f'ħafna pajjiżi[3].
Id-diverġenzi fi ħdan u bejn l-Istati Membri qegħdin
jiżdiedu wkoll. Dan mhux biss jhedded il-prospett li jintlaħqu l-miri
ta’ Ewropa 2020 u l-kompetittività tal-Ewropa f'dinja globalizzata,
iżda hemm riskju wkoll ta’ konsegwenzi negattivi soċjali u
ekonomiċi mifruxa billi mhux biss il-persuni individwali iżda
s-soċjetà b’mod ġenerali tbati l-ispejjeż soċjali u
ekonomiċi tal-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali[4]. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali taw
kontribut għat-titjib tal-eżiti soċjali iżda jridu
jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-bidla demografika u tal-kriżi
finanzjarja u ekonomika. Il-pressjoni li rriżultat fuq il-baġits
pubbliċi u r-riskju ta’ nuqqasijiet strutturali fis-suq tax-xogħol
fil-ġejjieni isaħħu l-bżonn li l-politiki soċjali
jiġu mmodernizzati biex jottimizzaw l-effettività u l-effiċjenza
tagħhom, u l-mod kif huma ffinanzjati. Huwa essenzjali li jiġi
żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi eżistenti u li
jiġu evitati l-effetti ħżiena potenzjali fit-tul tal-kriżi,
kemm f’pajjiżi b’restrizzjonijiet fiskali serji, kif ukoll fost l-Istati
Membri li għandhom aktar spazju fiskali. It-tkabbir ekonomiku futur u l-kompetittività
jeħtieġu l-investiment fil-kapital uman, li huwa l-bażi
għall-produttività u l-innovazzjoni[5]. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali
jissodisfaw tliet funzjonijiet: l-investiment soċjali, il-protezzjoni
soċjali u l-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija. L-investiment soċjali
jinvolvi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet attwali u futuri tan-nies. Fi
kliem ieħor, barra milli jkollhom effetti immedjati, il-politiki
soċjali jkollhom ukoll impatti dejjiema ekonomiċi u soċjali
billi joffru qligħ tul iż-żmien, notevolment f’termini ta’
prospetti ta’ impjieg jew l-introjti tax-xogħol. B’mod partikolari,
l-investiment soċjali jgħin biex in-nies “ikunu ppreparati” biex
jikkonfrontaw ir-riskji tal-ħajja, minflok sempliċiment issir
"tiswija" tal-konsegwenzi. Il-modernizzazzjoni tal-politiki
soċjali teħtieġ l-introduzzjoni sistematika ta’ orjentazzjoni
lejn il-kisba ta’ riżultati ex-ante f'deċiżjonijiet ta’
finanzjament u approċċ sistematiku tar-rwol li l-politiki
soċjali jaqdu fl-istadji differenti tal-ħajja: mill-edukazzjoni
għax-xogħol/qgħad sal-mard u x-xjuħija. Il-politiki soċjali spiss ikollhom
iż-żewġ jew anke t-tliet funzjonijiet kollha msemmija hawn fuq,
u dawn jistgħu jsaħħu lil xulxin. Tipikament,
bis-saħħa tal-funzjoni ta’ protezzjoni matul perjodi negattivi l-investimenti
magħmula qabel fil-kapital uman jistgħu jiġu ppreżervati.
Għalhekk ikun ta’ żgwid li jiġu allokati partijiet individwali
ta' baġit għal funzjoni speċifika. Id-dimensjoni tal-investiment
ta’ nefqa politika speċifika tiddependi fuq il-karatteristiċi
tad-disinn tagħha (il-kondizzjonalità, it-tul ta’ żmien,
eċċ.), fuq il-kuntest nazzjonali speċifiku (il-komplimentarità
ma’ politiki oħrajn) u ċ-ċirkostanzi tul iż-żmien
(iċ-ċiklu ekonomiku, il-mogħdija tat-tkabbir). Pereżempju,
l-indukrar tat-tfal għandu rwol ta’ protezzjoni, iżda għandu wkoll
dimensjoni ta’ investiment sinifikanti jekk ikun imfassal tajjeb,
jiġifieri bit-titjib tal-kapaċitajiet u tal-inklużjoni
tal-individwu. L-Isvezja għandha waħda mill-ogħla rati ta’
impjieg tan-nisa fl-Ewropa bis-saħħa ta’ politiki tal-impjieg
immirati lejn il-familji, liv tal-ġenituri ġeneruż, flimkien ma’
investiment f’forniment universali ta’ indukrar tat-tfal. Is-sistemi
soċjali mfassla tajjeb li jikkombinaw dimensjoni soċjali qawwija
maż-żewġ funzjonijiet l-oħra, il-protezzjoni u
l-istabbilizzazzjoni, iżidu l-effettività u l-effiċjenza tal-politiki
soċjali, filwaqt li jiżguraw appoġġ kontinwu għal
soċjetà aktar ġusta u aktar inklużiva. B'mod partikolari, l-immodernizzar
tal-politiki soċjali tinvolvi l-għoti ta’ rwol aktar prominenti
lill-miżuri ta’ attivazzjoni. Bis-saħħa ta’ dan, in-nies ikunu
jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv skont l-aqwa abbiltà tagħhom
fis-soċjetà u fl-ekonomija. L-iskemi ta’ appoġġ għandhom
jipprovdu strateġija ta’ ħruġ, għalhekk fil-prinċipju
għandhom ikunu temporanji. Il-kondizzjonalità għall-kisba ta’
għan speċifiku u xieraq (eż. parteċipazzjoni
f’taħriġ) hija parti minn dan. L-appoġġ għandu jkun
immirat aħjar lejn dawk fil-bżonn fiż-żminijiet li jkunu jeħtiġuh.
Is-servizzi individwalizzati u integrati u l-benefiċċji (eż.
pprovduti permezz ta’ punt uniku ta’ servizz) jistgħu jtejbu l-effettività
tal-politiki soċjali. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tista’
tgħin lin-nies fil-bżonn jaċċessaw il-benefiċċji
u s-servizzi aktar faċilment, b’hekk wkoll jiġu evitati skemi
dduplikati u spejjeż żejda. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Investiment fit-tfal: jinkiser
iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” u sensiela ta’ Dokumenti ta’
Ħidma tal-Persunal. Flimkien huma jifformaw il-“Pakkett ta’ Investiment
Soċjali”. Dan jipprovdi qafas ta’ politika biex il-politiki tal-Istati
Membri jiġu orjentati mill-ġdid fejn meħtieġ lejn
l-investiment soċjali tul il-ħajja, bil-għan li jiżguraw
l-adegwatezza soċjali u s-sostenibbiltà tal-baġits
għall-politiki soċjali u għall-gvern u s-settur privat b'mod
ġenerali kif intqal ukoll mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni
tiegħu dwar "il-patt ta' investiment soċjali"[6]. Dan huwa skont dak li
jħeġġeġ l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali
(Annual Growth Survey - AGS) biex l-Istati Membri "jinvestu fi tkabbir
rikk fl-impjiegi u inklużiv" u s-sejħa biex wieħed ifittex
il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, filwaqt li
jiżgura l-effettività, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tagħhom.
Il-Pakkett jipprovdi gwida ta’ għajnuna biex jinkisbu l-miri ta’
Ewropa 2020 billi tiġi stabbilita ħolqa bejn il-politiki
soċjali, ir-riformi kif irrakkomandat fis-semestru Ewropew biex
jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 u l-fondi rilevanti tal-UE. Dan jitlob
ukoll aktar titjib fil-kejl tal-faqar u l-puntwalità tal-istatistika
soċjali mal-UE kollha li żżomm kont tat-tendenzi u r-rendiment[7]. Il-Pakkett huwa totalment komplementari
għall-Pakkett dwar l-Impjiegi[8],
li jistabbilixxi t-triq lejn irkupru rikk fl-impjieg, il-White Paper dwar il-Pensjonijiet[9], filwaqt li jippreżenta
strateġija għal pensjonijiet adegwati, sostenibbli u sikuri, u
l-Pakkett dwar l-Impjieg u ż-Żgħażagħ[10], li jittratta b’mod
speċifiku s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ. Huwa jibni
wkoll fuq il-qafas regolatorju propost għall-implimentazzjoni tal-Politika
ta’ Koeżjoni fil-perjodu finanzjarju li jmiss 2014-2020 u b’mod
partikolari l-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-proposta li
jiġu allokati mill-inqas 20% tal-FSE f'kull Stat Membru
għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u kontra l-faqar.
1.
L-Isfidi
Tibdil fid-demografija Mill-2013 'il quddiem, għall-ewwel darba,
id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-Ewropa se jonqos filwaqt li
l-għadd ta’ anzjani se jespandi malajr. Issa hemm erba’ persuni li
jappoġġaw persuna waħda li għandha 'l fuq minn 65 sena, u
dan il-proporzjon mistenni li jonqos bin-nofs sal-2040. Hemm differenzi bejn il-pajjiżi,
ir-reġjuni u s-setturi. Kollox ma’ kollox, l-UE rat tkabbir modest
tal-popolazzjoni fis-snin reċenti, iżda hemm għadd ta’ Stati
Membri, kollha fil-parti tal-Lvant tal-UE, li kellhom tnaqqis kostanti
tal-popolazzjoni tagħhom fl-aħħar deċennju. Xi reġjuni
żvantaġġati, li fihom il-popolazzjoni tal-komunitajiet
emarġinati qed tikber, qed jiffaċċjaw sfidi partikolari. It-tixjiħ, il-proporzjonijiet
tad-dipendenza dejjem jiżdiedu u popolazzjoni produttiva iżgħar
qed jheddu l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tal-baġits pubbliċi
għall-politika soċjali[11].
Il-kriżi ekonomika żiedet il-qgħad, naqqset id-dħul
tat-taxxa u żiedet l-għadd ta’ persuni li jeħtieġu
l-benefiċċji, b’theddida akbar tas-sostenibbiltà tas-sistemi ta'
protezzjoni soċjali tagħna. Filwaqt li l-isfida demografika taffettwa
lill-Istati Membri kollha, hemm differenzi kbar fl-aspettattivi tal-ħajja
u s-snin ta' ħajja li tgawdi s-saħħa mal-UE kollha. Dan huwa
dovut għal għadd ta’ fatturi li jiddeterminaw is-saħħa,
inklużi varjazzjonijiet fil-kondizzjonijiet tal-ħajja u
tax-xogħol, kif ukoll fl-istili ta' ħajja. Id-differenzi
fl-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura tas-saħħa wkoll
jikkontribwixxu għal dan. Lok għal titjib fl-effiċjenza
tal-politiki soċjali L-isfidi li ġab miegħu t-tibdil demografiku
ġew aggravati bil-kriżi billi tefa’ pressjoni fuq il-baġits
tal-Istati Membri fi żmien meta jeħtieġ li jkunu intensifikati
l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Ewropa 2020. Billi l-infiq pubbliku għall-politiki
soċjali, li fil-biċċa l-kbira jkopri l-pensjonijiet u l-kura
tas-saħħa, bħala medja fl-UE jinkludi madwar 29,5% tal-PDG, dawn
huma taħt skrutinju mill-qrib fl-isforzi ta' konsolidazzjoni. Ħafna
riformi jridu jiffukaw fuq it-titjib fl-effiċjenza, filwaqt li joqgħodu
attenti li r-riformi jkunu mfassla tajjeb biex jiġu evitati
riperkussjonijiet negattivi fuq il-livelli tal-faqar, il-produttività u
t-tkabbir ekonomiku, is-saħħa tal-popolazzjoni u l-koeżjoni
soċjali. Il-kisba tas-sostenibbiltà u l-adegwatezza
tal-politiki soċjali titlob li l-Istati Membri jsibu modi biex itejbu
l-effiċjenza u l-effikaċja, filwaqt li jindirizzaw it-tibdiliet
soċjali u demografiċi ewlenin[12].
F’xi każijiet, il-multipliċità ta’ benefiċċji,
aġenziji, u kondizzjonijiet għall-intitolament twassal għal
spejjeż amministrattivi addizzjonali u anqas benefiċċji
għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Monitoraġġ insuffiċjenti
wkoll iwassal għal infiq żejjed. Xi benefiċċji fi flus u
servizzi soċjali jinsabu wkoll mhux tant wisq fil-mira u ma jaslux
għand dawk fil-bżonn ta’ għajnuna[13]. L-Istati Membri b’livelli simili ta’ nfiq
għal politiki soċjali jiksbu riżultati differenti minn xulxin
f’termini ta’ eżiti għal dak li huwa faqar, impjieg u
saħħa. Minn dan jidher li hemm lok għal titjib fil-mod kif
jintużaw ir-riżorsi[14]. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir
(AGS) li jniedi s-Semestru Ewropew 2013 jistipula li l-proċess li
għaddej ta’ ristrutturar tal-ekonomiji tagħna huwa ta’ xkiel, politikament
ta' sfida u soċjalment diffiċli, iżda li jeħtieġ li
jiġu stabbiliti s-sisien għat-tkabbir tal-ġejjieni u
għall-kompetittività, li se jkunu intelliġenti, sostenibbli u
inklużivi. L-AGS enfasizza wkoll il-ħtieġa għal riformi
tas-sistemi tal-kura tas-saħħa bl-għan doppju li jiżgura
aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja u
użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi.
Il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-riforma diġà ġiet
riflessa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiż 2012 (country specific recommendations - CSR) li
jagħmlu sejħa għall-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u
tal-inċentivi għax-xogħol, bil-provvista ta’ opportunitajiet
(ta’ impjieg) aħjar għan-nisa u ż-żagħżagħ, bit-titjib
tal-effikaċja tas-sistemi ta’ trasferiment soċjali u għajnuna, u
l-iżgurar ta’ aċċess għal servizzi ta' kwalità. Riżorsi privati u tat-tielet settur li
jridu jikkomplementaw l-isforzi pubbliċi Ir-riżorsi għal politiki
soċjali mhumiex limitati għal dawk mis-settur pubbliku. Parti mhux
negliġibbli tiġi min-nies u l-familji. Barra minn hekk,
l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jipprovdu servizzi
soċjali fuq skala sostanzjali. Dawn ivarjaw minn saqaf għan-nies bla
dar, appoġġ għall-anzjani, persuni b’diżabbiltà, għal ċentri
ta’ pariri dwar il-benefiċċji soċjali b’mod ġenerali.
L-intrapriżi soċjali[15]
jistgħu jikkomplementaw l-isforzi tas-settur pubbliku, u jkunu pijunieri
fl-iżvilupp ta' swieq ġodda, iżda dawn jeħtieġu aktar
appoġġ minn dak li qed jirċievu bħalissa[16]. Il-partijiet tas-settur
privat li jaħdmu għall-profitt jeħtieġ li jkomplu jiġu
mħeġġa biex jużaw il-potenzjal tal-investiment soċjali
permezz, pereżempju, ta’ ambjent soċjali u tax-xogħol san u
sikur. Dan mhux limitat għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva biss
u jinkludi pereżempju taħriġ fuq il-post tax-xogħol,
faċilitajiet interni għall-kura tat-tfal, il-promozzjoni
tas-saħħa u postijiet tax-xogħol aċċessibbli u favur
il-familji. Fil-qasam soċjali, l-Istati Membri
għadhom jagħmlu użu insuffiċjenti ta’ approċċi
aktar innovattivi għall-iffinanzjar, inkluż billi jużaw
il-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-inġinerija finanzjarja
permezz ta’ strumenti bħall-mikrofinanzjament, garanziji bbażati fuq
il-politika u Bonds ta’ Investiment Soċjali[17] li għandhom jagħmlu
l-almu tagħhom biex isir iffrankar ta’ baġit. Il-ħtieġa
ta’ investiment fil-kapital uman tul il-ħajja kollha u ta’ żgurar ta’
għajxien adegwat Biex il-miri ta’ Ewropa 2020 jimmaterjalizzaw,
jeħtieġ li tittieħed azzjoni ta’ rimedju fuq skala wiesgħa,
u biex ikunu koperti l-isfidi ffaċċjati fi stadji differenti ta’
ħajjet in-nies. Tfal li jikbru fil-faqar spiss jibqgħu
fil-faqar għal ħajjithom kollha. Pereżempju,
żvantaġġi sinifikanti ffaċċjati fit-tfulija fl-edukazzjoni[18] u fis-saħħa huma
spiss aggravati matul il-ħajja. Għalhekk huwa importanti li jiġu
indirizzati fatturi li jiddeterminaw is-saħħa matul il-ħajja
tan-nies. Ir-rendiment batut fl-iskola jissarraf direttament fi tnaqqis ta’
opportunitajiet fil-ġejjieni ta' impjiegi u dħul. Pereżempju,
it-tfal Rom huma partikolarment fir-riskju li jkunu soċjalment u
ekonomikament emarġinati u diskriminati. Nofshom biss ikollhom
aċċess għall-indukrar u l-edukazzjoni bikrija fit-tfulija
(IEBT), madwar nofs il-medja tal-UE, u f'diversi Stati Membri anqas minn 10%
jispiċċaw sal-aħħar l-iskola sekondarja, u dan iwassal
għal rati baxxi ta’ impjieg. Fir-Repubblika Ċeka, tnejn
(2) biss minn kull għaxar (10) Rom li jgħixu f’lokalitajiet
emarġinati għandhom xi taħriġ formali jew edukazzjoni
sekondarja li tqiegħdhom fi triq il-karriera[19]. Il-ħtieġa għall-investiment fil-kapital
uman tibda minn età bikrija ħafna u tissokta matul il-ħajja kollha.
Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ bħalissa
hija ta’ 23,7% u qed tiżdied. Fl-istess ħin, hemm nuqqas ta’
progress fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u n-nuqqas li titlesta l-edukazzjoni
tat-tielet livell. Barra minn hekk, proporzjoni kbira ta’
żgħażagħ b'mod inkwetanti mhumiex f’impjieg, fl-edukazzjoni
jew fit-taħriġ (Not in Employment, Education or Training - NEET), u
dawn jirrappreżentaw 12.9% tal-Ewropej żgħażagħ
(15-24) jew 7,5 miljun b’kollox fl-2011. Ir-riżultat huwa li f’xi Stati
Membri, iż-żgħażagħ qed isiru relattivament aktar
f’riskju ta’ faqar mill-anzjani. Dawn ir-riskji u n-nuqqas ta’ xogħol huma
wkoll ta’ tħassib serju f’ħafna żoni rurali fl-UE fejn
iż-żgħażagħ qed isibuha iktar diffiċli li
jidħlu fis-suq tax-xogħol jew isibu impjieg meta mqabbla man-nies
tal-età tagħhom li jgħixu f'żoni urbani u bliet kbar[20]. Ħaddiema fl-aqwa età u dawk aktar anzjani
huma affettwati minn ż-żieda mgħaġġla ta’ qgħad
fit-tul. Dan ipoġġihom fir-riskju tal-faqar u jippreżenta
perikolu għall-impjegabilità tagħhom, l-istabbiltà tal-familji
tagħhom, u s-saħħa mentali u fiżika tagħhom. Barra miż-żgħażagħ
jiffaċċjaw tbatija n-nisa (aktar anzjani), il-persuni qiegħda,
nies b’diżabbiltà, kif ukoll il-migranti li jgħixu fl-Ewropa. Dawn
iġarrbu livelli għoljin ħafna ta’ qgħad (19,6% fl-2011,
meta mqabbla ma' 9,7% bħala medja). Ir-rata tal-impjieg tal-persuni
b’diżabbiltà hija madwar 25% inqas minn dik għal persuni
mingħajr diżabbiltà. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ faqar u
esklużjoni soċjali ta' nies imwielda barra ta' bejn il-25 u l-54 sena
jaqbeż bħala medja dak tal-oħrajn b’aktar minn 10 punti
perċentwali madwar l-UE bħala entità sħiħa[21]. Id-distakk fir-riskju ta’
faqar wara t-trasferiment soċjali bejn il-migranti u ċ-ċittadini
tal-UE huwa sinifikanti wkoll, bi tmien (8) punti perċentwali[22]. U aktar minn hekk, tfal
ġejjin minn familji migranti għandhom riskju ogħla li jitilqu
mill-iskola kmieni. Barra minn hekk, is-swieq tax-xogħol
għadhom mhumiex inklużivi. F’xi pajjiżi,
iż-żieda fir-rata li biha qed jidħlu fis-suq tax-xogħol
in-nisa u dawk li ġejjin minn familji migranti hija bil-mod ħafna u
s-sigħat maħduma bħala medja għadhom baxxi. Is-segmentazzjoni
tas-suq tax-xogħol u l-polarizzazzjoni jwasslu għal inugwaljanzi
sinifikanti tas-suq f'għadd ta' pajjiżi u s-sistemi tat-taxxa u
tal-benefiċċji jistgħu joħolqu diżinċentivi
għax-xogħol, speċjalment għal dawk bi dħul baxx jew
tat-tieni sors ta’ dħul. Prattiki ta’ rtirar bikri u lakuni bejn l-età
statutorja tal-irtirar u dik effettiva jkomplu jnaqqsu l-attività ekonomika. Għal ħafna nies, l-impjieg attwali
tagħhom mhuwiex biżżejjed biex joħorġu l-familji
tagħhom mill-faqar. Il-ħaddiema foqra jirrappreżentaw terz
tal-adulti ta’ età tax-xogħol f’riskju ta’ faqar[23] Minkejja l-isforzi biex jiġu
mmodernizzati s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, il-progress huwa
irregolari mal-UE fis-sħiħ tagħha, u f’għadd ta’ Stati
Membri l-politiki soċjali ħafna drabi ma jirnexxilhomx iżommu
partijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom mill-possibbiltà li jaqgħu
fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, u/jew li jiġu qiegħda
għal żmien twil. Fin-nuqqas ta’ protezzjoni soċjali, il-livelli
tal-faqar jistgħu jkunu sad-doppju ta' li huma; minkejja dan, aktar u
aktar nies jew jirċievu benefiċċji inadegwati jew ma huma
koperti xejn. Aktar u aktar familji qed jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji[24]. L-inugwaljanzi fid-dħul disponibbli
żdiedu f'xi pajjiżi, filwaqt li fl-istess ħin il-livelli ta’
għixien assoluti għal ħafna li jinsabu diġà
f’pożizzjonijiet vulnerabbli naqsu b’mod sproporzjonat. Dan imur kontra
d-drittijiet soċjali ta’ ħajja dinjituża taċ-ċittadini[25]. Pereżempju, skont stima
għall-2009[26],
fl-lejl wieħed kwalunkwe jista’ jkun hemm sa 410 000 persuna bla dar
fl-UE. Din iċ-ċifra qed tiżdied f'ħafna Stati Membri u
ħafna aktar nies jinsabu f'riskju mminenti ta’ żgumbrament[27]. Nindirizzaw id-dimensjoni tas-sessi L-isfidi partikolari li jiġu
mill-iżvantaġġ issoktat bejn is-sessi jridu jiġu
indirizzati b’mod aktar koerenti[28].
B’kollox in-nisa li qed jgħixu fil-faqar fl-UE jaqbżu
lill-irġiel bi 12-il miljun. Mhux talli n-nisa jaqilgħu pagi inqas,
talli għandhom rata ta’ sehem iktar baxxa fil-forza tax-xogħol u
jaħdmu anqas sigħat, u dan f’parti minnu ġej mix-xogħol
fid-dar, xogħol ta’ indukrar tat-tfal u ta’ kura fit-tul mingħajr
ħlas, b’mod speċifiku: ·
Ir-rata ta’ attività tan-nisa għadha 16,4%
inqas minn dik tal-irġiel, li jirrifletti diviżjonijiet persistenti
bejn is-sessi għal dawk li huma responsabbiltajiet fid-dar (64,9%
għal 77,6% għall-kategorija ta’ età 15-64 fl-2011); ·
Proporzjon akbar ta’ nisa li jaħdmu part-time
u dan ifisser medja ta’ sigħat fil-ġimgħa inqas bi 17,0%
maħduma min-nisa (33,7 siegħat għal 40,6 fl-2011); ·
Diskrepanza bejn is-sessi fil-pagi ta’ 16,2% (2010,
f’medja ta’ dħul fis-siegħa), li hija parzjalment minħabba li
n-nisa jaqilgħu inqas paga għal xogħol ta’ valur ugwali, u
parzjalment minħabba li n-nisa jinsabu iktar numerużi f’impjiegi li
jħallsu inqas. Meta jitqies dan kollu, id-diskrepanza
fil-pagi totali tan-nisa jistgħu jiġu stmati li huma iktar minn 40%
taħt dawk tal-irġiel bħala medja[29]. Billi l-inugwaljanza
tas-sessi tolqot il-ħajja kollha ta’ persuna u l-effetti negattivi
tagħha jinħassu biż-żmien, dan iwassal pereżempju
għal PDG iktar baxx, anqas kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u
aktar faqar fost in-nisa aktar anzjani, bi 18% tan-nisa ta’ 65 sena u aktar li
jinsabu fir-riskju tal-faqar, bi tqabbil ma’ 13% tal-irġiel. Bi sfond ta’
żvantaġġ jew li tkun ġej minn minoranza etnika jikkomplika
dawn l-inugwaljanzi tas-sess.
2.
X’jeħtieġ li jsir? Attenzjoni fuq investiment soċjali
sempliċi, immirat u marbut bil-kondizzjonijiet
Minkejja
differenzi kbar bejn l-Istati Membri, kollha għandhom quddiemhom sfidi
strutturali, soċjali u demografiċi. [30]
L-immodernizzar tal-politika soċjali huwa ta’ tħassib komuni
fil-livell tal-UE, peress li l-politiki soċjali ineffettivi f’pajjiż
jistgħu jkollhom konsegwenzi għall-oħrajn, b’mod partikolari fi
ħdan iż-żona tal-Euro. In-nuqqas ta’ investiment fil-politika
soċjali li ssaħħaħ l-iżvilupp tal-kapital uman,
pereżempju fl-edukazzjoni u l-indukrar kmieni fit-tfulija, f’xi Stati
Membri jimmanifesta ruħu f’livelli edukattivi aktar baxxi u żvilupp
iktar baxx b’mod ġenerali tal-ħiliet[31].
Dan jista’ jikkontribwixxi biex jiġu spjegati d-differenzi fil-kompetittività
ekonomika bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta’ ekwilibriji osservati fl-EMU
peress li edukazzjoni u ħiliet ta’ kwalità baxxa jwasslu għal forza
tax-xogħol ta’ kwalità iktar baxxa u inqas produttiva. Fl-Istati Membri
b’kompetittività ekonomika mnaqqsa, dan jista’ wkoll iwassal għal tendenza
biex dawk li huma kkwalifikati ħafna jitilqu mill-pajjiż ta’
oriġini tagħhom biex ifittxu x-xogħol bnadi oħra, li
jwassal għal aktar tnaqqis fil-potenzjal ta' produzzjoni. Bl-isfidi strutturali fit-tul quddiemhom,
l-Istati Membri jeħtieġ li jadattaw biex jiżguraw l-adegwatezza
u s-sostenibbiltà tas-sistemi soċjali tagħhom u l-kontribut
għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija. Jekk persuna ma tistax issib
xogħol temporanjament, l-attenzjoni għandha tkun fuq it-titjib
tal-kapaċitajiet tagħha bil-ħsieb li tirritorna lejn is-suq
tax-xogħol. Dan jeħtieġ li jsir permezz ta’ approċċ
immirat iffokat fuq il-ħtiġijiet individwali u jitwassal bl-aktar mod
kost-effettiv. Li tgħin lill-individwi jgħixu
l-potenzjal sħiħ tagħhom biex jipparteċipaw fil-ħajja
soċjali u ekonomika fis-soċjetà jinvolvi appoġġ
għall-persuni fi stadji kruċjali tul il-medda ta’ ħajjithom. Dan
jibda mill-investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ, u
jkompli minn dan il-punt. L-innovazzjoni soċjali trid tkun parti integrali
tal-aġġustamenti meħtieġa bl-ittestjar ta’
approċċi ta' politika ġodda u l-għażla tal-aktar
effettivi.
2.1.
Is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi
soċjali jiżdiedu permezz ta’ politiki soċjali ssimplifikati u
mmirati aħjar
Biex jintlaħqu l-miri ta’
Ewropa 2020 jeħtieġ approċċ ġdid mingħajr ma
jintesew il-limitazzjonijiet baġitarji u l-isfidi demografiċi li
għandhom quddiemhom l-Istati Membri. Il-politiki soċjali
jeħtieġ ikunu kemm adegwati kif ukoll sostenibbli mil-lat fiskali,
peress li dawn huma żewġ naħat tal-istess munita. Dan ifisser
l-ewwel nett li jridu jintużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod aktar
effiċjenti u effettiv permezz tas-simplifikazzjoni, immirar aħjar u
li titqies il-kondizzjonalità meta jitfasslu l-politiki. Kemm l-universaliżmu
kif ukoll is-selettività jeħtieġ li jintużaw b’mod
intelliġenti. Pereżempju, il-fażi preskolastika, li hija
aċċessibbli fil-wisgħa għat-tfal, bħal ma jiġri
fi Franza, wriet li għandha effett pożittiv sinifikanti u persistenti
fuq il-kapaċità tat-tfal biex jirnexxu fl-iskola u, fuq perjodu ta’
żmien twil, jiksbu pagi ogħla fis-suq tax-xogħol. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar
l-Investiment fis-Saħħa[32]
juri kif l-investimenti għaqlin fis-saħħa jistgħu jwasslu
għal riżultati aħjar ta' saħħa, għall-produttività,
il-kapaċità għall-impjieg, l-inklużjoni soċjali u
l-użu kost-effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi, permezz
tal-kontribut tagħhom għas-sostenibbiltà tas-sistemi
tas-saħħa[33],
l-investiment fil-kapital uman u fl-ekwità fis-saħħa[34]. L-impatt tal-infiq għandu jiġi
massimizzat aktar permezz ta' sforzi akbar biex jonqsu l-frodi u
l-piżijiet amministrattivi għall-utenti u l-fornituri. L-istruttura
tal-iffinanzjar tista’ tissaħħaħ permezz ta' titjib
fil-ġbir tat-taxxi, it-tkabbir tal-bażi tat-taxxa, filwaqt li
jiġu eżaminati mill-ġdid l-elementi tal-infiq fiskali u
l-istruttura tat-taxxi ssir aktar favur it-tkabbir, pereżempju permezz ta’
taxxi ambjentali. Fl-aħħar nett, il-politiki soċjali
għandhom ikunu mmirati aħjar lejn dawk li għandhom l-aktar
bżonn, bl-iżgurar li jiġu użati minn aktar nies biex
titjieb l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fl-istess ħin. Il-Kummissjoni
tħeġġeġ lill-Istati Membri biex: ·
L-investiment soċjali jkollu rifless
aħjar fl-allokazzjoni tar-riżorsi u l-arkitettura ġenerali
tal-politika soċjali. Dan ifisser it-tqegħid ta’ aktar enfasi fuq
politiki bħall-indukrar (tat-tfal), l-edukazzjoni, it-taħriġ,
politiki attivi tas-suq tax-xogħol, appoġġ
għall-akkomodazzjoni, riabilitazzjoni u servizzi tas-saħħa.
Itejbu s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa[35]. L-istrutturi tal-iffinanzjar
għandhom jitjiebu, pereżempju, permezz ta’ ġbir ta’ taxxi b’mod
aktar effiċjenti, tkabbir tal-bażijiet fiskali u bl-istruttura
tat-taxxi ssir aktar favur it-tkabbir, u li jiġu evitati l-impatti
negattivi fuq id-domanda tax-xogħol. Għandu jiġi rrappurtat
il-progress fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (NRPs); ·
Jissimplifikaw is-sistemi ta’ benefiċċji
u l-amministrazzjoni tagħhom għall-utenti u l-fornituri, inaqqsu
l-piżijiet amministrattivi kif ukoll il-frodi u jżidu l-assimilazzjoni.
Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jitwaqqfu punti uniċi ta’ servizz
u li tiġi evitata proliferazzjoni ta’ tipi differenti ta'
benefiċċji għal proċedura unika ta’ kontinġenza.
Itejbu il-mira tal-politiki soċjali tagħhom biex jiżguraw li
dawk li l-aktar għandhom bżonn jirċievu appoġġ xieraq
filwaqt li jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni
se tappoġġja lill-Istati Membri billi: ·
Tissorvelja, fil-qafas tas-Semestru Ewropew,
l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi soċjali u l-enfasi
tagħhom fuq l-investiment soċjali, bil-ħsieb li jittejbu
l-adegwatezza u s-sostenibbiltà. Wara l-mandat mogħti mill-Kunsill[36] u kif imħabbar
fil-Programm ta’ Ħidma tiegħu tal-2013, il-Kumitat tal-Protezzjoni
Soċjali (KPS) se jaħdem fuq il-finanzjament tas-sistemi
tal-protezzjoni soċjali u l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq
fil-protezzjoni soċjali. Dan se jinkludi l-iżvilupp ta’
metodoloġija ta’ appoġġ biex dan iseħħ sa tmiem
l-2013. Dan ix-xogħol se jkun ibbażat fuq l-analiżi u
l-kondiviżjoni tal-aqwa prassi fil-kuntest tal-Metodu Miftuħ ta’
Koordinazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni
soċjali (MMK Soċjali); ·
Twaqqaf, matul l-2013, bord ta’ esperti biex
jipprovdi pariri indipendenti dwar modi effettivi ta' investiment
fis-saħħa[37].
2.2.
Politiki ta’ attivazzjoni u abilitazzjoni
permezz ta’ appoġġ immirat, kondizzjonali u aktar effettiv
Jeħtieġ li jkun hemm azzjoni kemm
mill-gvernijiet kif ukoll minn min iħaddem fl-Istati Membri biex aktar
tiżdied il-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol b’mod speċifiku
billi jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-parteċipazzjoni
sħiħa u biex jiżdiedu l-ħolqien tal-impjieg u d-domanda
għax-xogħol. Minbarra l-linji tal-politika stabbiliti
fil-Pakkett dwar l-Impjiegi u fil-Pakkett “Infasslu mill-ġdid
l-Edukazzjoni”[38]
li jiffokaw fuq id-domanda u l-provvista tas-suq tax-xogħol, dan ifisser
investiment f'politiki soċjali, f'servizzi u f'benefiċċji fi
flus li jattivaw u jabilitaw. L-investiment soċjali għandu jiffoka
fuq l-eżitu għall-individwu u għas-soċjetà inġenerali.
L-appoġġ irid joffri strateġija ta’ ħruġ
lill-individwi, u bħala żmien, irid jingħata għal kemm hemm
bżonn, u għalhekk min-natura tiegħu fil-prinċipju
għandu jkun temporanju. F'ċerti każijiet, is-servizzi
soċjali huma iktar ta’ appoġġ minn benefiċċji fi flus.
Barra minn hekk, ċerti tipi ta’ appoġġ għandhom ikunu
reċiproċi: bil-kondizzjoni li l-individwu jikseb għan xieraq u
speċifiku skont l-aqwa abilitajiet tiegħu, kif pereżempju
jiġri fir-rigward tal-benefiċċji għall-qgħad. L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar
l-Inklużjoni Attiv[39]
u l-gwida pprovduta f’dan il-Pakkett[40]
huma f’dan ir-rigward ewlenin. Il-miżuri jridu jaqblu mal-ħtieġa
tal-individwu aktar milli jkunu marbuta man-natura tal-benefiċċju jew
mal-“grupp ta’ mira” li fih tinzerta persuna. Il-punti uniċi ta’ servizz u
l-kuntratti individwali huma eżempji ta’ approċċ issemplifikat
li jaqbel mal-ħtiġijiet tan-nies. It-twaqqif ta’ baġits ta’
referenza jista' jagħti appoġġ fl-implimentazzjoni ta' din
ir-Rakkomandazzjoni[41].
Is-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji
għandhom iġiegħlu x-xogħol irendi u l-politiki soċjali
għandhom ukoll jiżguraw biżżejjed l-għajxien.
L-ostakli għad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol u
l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema oħrajn mhux rappreżentati
biżżejjed għandhom jiġu indirizzati. Hemm bżonn li
jkun hemm intervent bikri, ikkomplementat bl-abilitazzjoni tal-aċċess
għas-servizzi bażiċi, bħal kontijiet ta’ pagament
bażiċi, l-internet, it-trasport[42],
l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa. L-istimolu ta’
għażliet tal-“aħjar offerta ta’ prezzijiet” [43]għal prodotti u servizzi
tal-konsumatur u t-titjib tal-inklużjoni finanzjarja huma parti oħra
minn dan l-isforz. L-implimentazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv
fuq “Il-Kont tal-Bank” inklużi miżuri biex jiġi pprovdut kont
ta’ pagament b’funzjonijiet bażiċi għall-konsumaturi kollha
fl-UE, li ssegwi r-Rakkomandazzjoni tal-2011 dwar l-aċċess għal
kont ta’ pagament bażiku[44],
se tkun fundamentali, . L-investiment soċjali għandu rwol
partikolari għal dawk in-nies li huma affettwati b’mod sproporzjonat
mill-qgħad, mill-faqar, akkomodazzjoni mhux xierqa u kondizzjonijiet ta'
saħħa ħżiena u mid-diskriminazzjoni. Pereżempju,
ħafna Rom jgħixu f’emarġinazzjoni estrema u f'ċirkustanzi
soċjo-ekonomiċi foqra ħafna. Dan jeħtieġ
strateġiji politiċi li għandhom fil-mira l-ħtiġijiet
tagħhom u li joffru appoġġ integrat. L-indirizzar tal-problema
tal-persuni mingħajr dar b’attenzjoni fuq il-prevenzjoni u l-intervent
bikri jista’ jġib iffrankar konsiderevoli fuq il-provvista ta’ akkomodazzjoni
ta’ emerġenza, fuq il-kura tas-saħħa u fuq il-prevenzjoni
tal-kriminalità. Dan jinvolvi wkoll reviżjoni tar-regolamenti u l-prassi
dwar tal-iżgumbrament. L-innovazzjoni hija element essenzjali
tal-politika tal-investiment soċjali peress li l-politiki soċjali
jeħtieġu adattament kostanti għal sfidi ġodda. Dan ifisser
l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ prodotti ġodda, servizzi u
mudelli, l-ittestjar tagħhom, u li jiġu ffavoriti dawk li jkunu
l-aktar effiċjenti u effettivi. L-innovaturi tal-politika soċjali
jeħtieġu qafas li jippermetti l-ittestjar u l-promozzjoni ta’
mekkaniżmi finanzjarji ġodda, pereżempju, u l-kejl u
l-evalwazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet tagħhom. L-innovazzjoni tal-politika soċjali
teħtieġ li tkun amplifikata, inkorporata fit-tfassil tal-politika, u
marbuta mal-prijoritajiet bħall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet
Speċifiċi għall-Pajjiż, inkluż permezz tal-użu
tal-FSE. L-intrapriżi soċjali flimkien
mat-tielet settur jistgħu jikkomplementaw l-isforzi tas-settur pubbliku, u
jkunu pijunieri fl-iżvilupp ta’ servizzi u swieq ġodda
għaċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iżda
jeħtieġu kwalifiki u appoġġ. Huwa importanti li l-Istati
Membri jipprovdu lill-imprendituri soċjali bi skemi ta’ appoġġ,
inċentivi għat-twaqqif ta’ negozji ġodda u jistabbilixxu ambjent
regolatorju abilitanti[45].
Eżempji ta’ proġetti ta’ suċċess u orjentazzjonijiet
għal aktar użu tal-fondi tal-UE, l-aktar l-FSE, jinsabu inklużi
f’dan il-Pakkett[46]. Il-Kummissjoni
tħeġġeġ lill-Istati Membri biex: ·
Jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva (2008) mingħajr aktar
dewmien, inkluż permezz tal-użu tal-FSE u l-FEŻR,
bl-integrazzjoni tat-tliet pilastri tagħha: appoġġ għal
dħul xieraq, swieq tax-xogħol inklużivi u servizzi abilitanti.
Jistabbilixxu oqfsa legali effiċjenti li jiżguraw aċċess
għal servizzi soċjali ta’ kwalità għolja u bi prezz
raġonevoli li jirrispettaw ir-regoli tal-UE. Abbażi
tal-metodoloġija li l-Kummissjoni se tiżviluppa f’kooperazzjoni
mal-SPC, jistabbilixxu baġits ta’ referenza li jgħinu fit-tfassil ta’
appoġġ għal dħul effiċjenti u xieraq li jqis
il-ħtiġijiet soċjali identifikati fil-livell lokali,
reġjonali u nazzjonali[47].
Il-progress dwar dawn kollha għandu jkun rifless fl-NRPs; ·
Inaqqsu d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u
jindirizzaw l-ostakli għad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol u
l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema oħrajn li mhux rappreżentati
biżżejjed, inkluż billi jinkoraġġixxu lil min
iħaddem biex jindirizza d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u
joffri miżuri ta’ rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja
tad-dar (bħal servizzi ta’ indukrar tat-tfal), postijiet tax-xogħol
adattati, inklużi soluzzjonijiet aċċessibbli bbażati fuq
l-ICT, eAċċessibbiltà, l-immaniġġjar tad-diversità,
programmi għal titjib fil-ħiliet u t-taħriġ, għar-rikonoxximent
tal-ħiliet u l-kwalifiki kif ukoll il-mobilità u l-iżvilupp ta’
karrieri konsekuttivi. Dan għandu jintlaħaq permezz ta’ mezzi
bħar-regolamenti tas-suq tax-xogħol, regolamenti dwar il-liv
tal-ġenituri u inċentivi fiskali. Għandha tittieħed azzjoni
li tiżgura li t-tassazzjoni u s-sistemi ta’ benefiċċju jkunu
allinjati biex ix-xogħol irendi (limiti minimi ta’ benefiċċji li
jitnaqqsu għal xejn għal xejn jew inċentivi fiskali mmirati
bħala parti mill-impjieg - (in-work fiscal incentives). L-FSE (Fond
Soċjali Ewropew), l-FEŻR (Fond Ewropew ta’ Żvilupp
Reġjonali), il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni (FEI), u l-Fond
Ewropew għall-Migrazzjoni u l-Asil għandhom jiġu utilizzati biex
dan jinkiseb; ·
Jindirizzaw il-problema tal-persuni mingħajr
dar permezz ta’ strateġiji komprensivi bbażati fuq il-prevenzjoni,
approċċi li jagħtu prijorità lid-dar u jirrevedu r-regolamenti u
l-prassi dwar l-iżgumbrament, filwaqt li jqisu s-sejbiet ewlenin dwar
il-gwida dwar l-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar ipprovduta
f’dan il-Pakkett; ·
Jagħmlu użu kif xieraq mill-Fond
għall-Assistenza Ewropea għal dawk l-Aktar fil-Bżonn (FAEB) biex
jindirizzaw id-deprivazzjoni materjali u l-problema tal-persuni mingħajr
dar, inkluż permezz tal-appoġġ ta’ miżuri ta' akkumpanjament
li jippromwovu l-inklużjoni soċjali; ·
Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament bażiku[48]. Jinkoraġġixxu
l-għażliet tal-prezzijiet tal-aħjar offerta għal prodotti u
servizzi tal-konsumatur u jtejbu l-inklużjoni finanzjarja; ·
Jiżviluppaw strateġiji konkreti
għall-innovazzjoni soċjali, bħal sħubiji
pubbliċi-privati-tielet settur, jiżguraw appoġġ finanzjarju
xieraq u prevedibbli, inkluża l-mikrofinanza, u jipprovdu għat-taħriġ,
in-netwerking u l-mentoraġġ biex jappoġġaw politiki
abbażi tal-evidenza. Jieħdu vantaġġ sħiħ
mill-opportunitajiet ta’ finanzjar tal-FSE, FŻRE, FEAŻR, FIE u PSSI
biex iwettqu dan u biex iżidu proporzjonalment il-proġetti ta' suċċess.
Jagħtu prijorità lill-innovazzjoni tal-politika soċjali fl-implimentazzjoni
tas-CSR rilevanti u jirrappurtaw dwar dan permezz tal-NRPs; ·
Jappoġġaw l-imprendituri soċjali[49] billi jipprovdu inċentivi
għal negozji ġodda, u l-iżvilupp supplementari tagħhom,
billi jespandu l-għarfien u n-netwerks tagħhom u jipprovduhom b’ambjent
regolatorju abilitanti skont l-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali[50] u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar
l-Intraprenditorija 2020[51]; ·
Jesploraw u jiżviluppaw modi innovattivi ta’
żgurar ta’ ffinanzjar addizzjonali privati għall-investiment
soċjali, pereżempju permezz ta’ sħubiji pubbliċi privati. Il-Kummissjoni
se tappoġġja lill-Istati Membri billi: ·
Tissorvelja r-riformi lejn l-inklużjoni attiva[52] fil-qafas tas-Semestru
Ewropew, bl-iżvilupp ta’ metodoloġija għal baġits ta’
referenza fl-2013 u tissorvelja kemm huwa xieraq l-appoġġ
għad-dħul, bl-użu tal-baġits ta’ referenza msemmija hawn
fuq malli dawn jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri; ·
Tiċċara għall-awtoritajiet
pubbliċi u għall-fornituri tas-servizzi kif ir-regoli tal-UE dwar
l-Għajnuna mill-Istat, is-suq intern u x-xiri pubbliku[53] japplikaw għas-servizzi
soċjali, permezz ta’ Gwida aġġornat[54] u skambji regolari ta’
informazzjoni mal-partijiet interessati; ·
Tipprepara Rakkomandazzjoni dwar l-aħjar
prassi għall-inklużjoni tar-Rom, billi tibni fuq l-esperjenzi tal-Istati
Membri u tirrapporta kull sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni
tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fis-Semestru
Ewropew. Tiffaċilita l-inklużjoni tar-Rom permezz tal-iskambju ta’
prassi tajba, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni transnazzjonali,
permezz ta’ Netwerk ta' Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom; ·
Tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva
biex ittejjeb l-aċċess għal kontijiet ta’ pagament
bażiċi, ittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi
tal-banek u tiffaċilita l-qlib tal-kontijiet tal-bank; ·
Tinforma aktar lin-nies dwar id-drittijiet
soċjali tagħhom permezz ta’ Gwidi ta' Protezzjoni Soċjali aktar
faċli għall-utent, u tgħin fit-twaqqif ta’ servizzi
għan-nies biex iżommu rekord tad-drittijiet ta’ pensjoni tagħhom.
Barra minn hekk il-Kummissjoni se tgħin biex tipprevjeni
d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, tnaqqas l-ostakoli li
l-ħaddiema mobbli jiffaċċjaw permezz ta’ Direttiva li timmira li
jkun hemm applikazzjoni aħjar u infurzar tad-drittijiet ta' moviment
liberu; ·
Tipprovdi gwida fl-2013 lill-Istati Membri dwar kif
jużaw l-innovazzjoni tal-politika soċjali fl-implimentazzjoni
tas-CSRs. Din il-gwida se tinkludi eżempji ta’ kif jintużaw il-Fondi
Strutturali u ta’ Investiment Ewropew (SIE); ·
Tressaq rapport fl-2013 dwar l-implimentazzjoni
tal-Komunikazzjoni “Is-Solidarjetà fis-Saħħa: It-Tnaqqis
tal-Inugwaljanzi tas-Saħħa fl-UE"[55].
2.3.
Investiment soċjali tul il-ħajja
tal-individwu
L-appoġġ għandu jkollu fil-mira
l-ħtiġijiet speċifiċi li jirriżultaw fil-ħajja:
mit-tfulija, iż-żgħożija u t-tranżizzjoni mill-iskola
għax-xogħol, il-ħajja bħala ġenituri, mill-bidu
sat-tmiem tal-karriera, sax-xjuħija. Dan ifisser l-adattament tas-servizzi
integrati, benefiċċji fi flus u assistenza fil-mumenti kritiċi
tul il-ħajja ta’ persuna, u l-prevenzjoni biex it-tbatija ma sseħħx
aktar ’il quddiem. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar
"L-Investiment fit-Tfal: jinkiser iċ-ċiklu
tal-iżvantaġġ"[56],
li hija parti minn dan il-Pakkett, hija eżempju ċar ta’ kif
l-investiment soċjali mmirat jista’ jkun parti minn politika bbażata
fuq id-drittijiet imsejsa fuq l-universalità u jżid l-ugwaljanza
tal-opportunità. L-attenzjoni fuq it-tfal hija vitali għal
ekonomija tal-għarfien sostenibbli, effiċjenti u kompetittiva u
soċjetà ġusta interġenerazzjonali. L-adegwatezza
tal-pensjonijiet fil-ġejjieni tiddependi fuq il-kapital uman ta’ dawk li
llum huma tfal. Iż-żieda fl-istennija tal-ħajja u t-tnaqqis
tal-popolazzjoni attiva, jekk ma jkunx hemm bilanċ bejniethom,
jistgħu jwasslu għal struttura ta’ infiq żbilanċjata lejn
benefiċċji tax-xjuħija, lejn baġits tal-gvern
ġeneralment ogħla u anqas riżorsi għat-tfal u
ż-żgħażagħ. Hemm qbil ġenerali li l-indukrar u
l-edukazzjoni ta’ kwalità tajba bikrija fit-tfulija (IEBT) hija mezz
effiċjenti ta’ prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u tat-titjib
tal-prestazzjoni akkademika futura, tas-saħħa, ta’ eżiti tajba
ta’ impjieg futur u ta’ mobilità soċjali. Il-ksur taċ-ċiklu
tal-iżvantaġġ tul il-ġenerazzjonijiet jimplika
l-mobilizzazzjoni ta’ firxa ta' politiki, li jappoġġjaw lit-tfal
infushom, iżda wkoll lill-familji tagħhom u l-komunitajiet.
L-indirizzar ta’ dan jinvolvi amalgamazzjoni ta’ flus u benefiċċji
mhux fi flus, aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità, it-tnaqqis
tat-tluq bikri mill-iskola, l-eliminazzjoni tas-segregazzjoni fl-iskejjel u
l-użu ħażin tal-edukazzjoni mfassla għall-bżonnijiet
speċjali. Investiment fis-saħħa, li jibda minn
età bikrija, jippermetti lin-nies jibqgħu attivi aktar fit-tul u aktar
b’saħħithom, iżid il-produttività tal-forza tax-xogħol u
jbaxxi l-pressjoni finanzjarja fuq is-sistemi tas-saħħa.
Il-promozzjoni tas-saħħa u l-kura preventiva tas-saħħa huma
partikolarment importanti tul il-ħajja. F'dan il-kuntest, huwa importanti
wkoll li jiġu enfasizzati l-vantaġġi li jirriżultaw minn
investiment fis-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol[57]. Il-Pakkett dwar l-Impjieg
taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea[58] jwieġeb
għas-sitwazzjoni attwali ta’ qgħad għoli fost
iż-żgħażagħ. Jipproponi skemi li jiżguraw li kull
persuna żagħżugħa tirċievi offerta ta’ kwalità tajba
ta’ impjieg, edukazzjoni u taħriġ issoktat, apprendistat jew
taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta titlef ix-xogħol jew
tħalli l-edukazzjoni formali. Din il-“Garanzija
għaż-Żgħażagħ” ittejjeb is-sigurtà tal-impjieg
f’età żgħira permezz tat-trawwim tat-tranżizzjoni bejn l-iskola
u l-impjieg. Għandha tiġi kkomplementata b’opportunitajiet ta’ titjib
ta’ ħiliet permezz ta’ politiki ta’ tagħlim tul il-ħajja.
Il-programm propost Erasmus għal Kulħadd[59] se jgħin ukoll
liż-żgħażagħ jakkwistaw taħriġ u ħiliet
li jistgħu jżidu l-iżvilupp personali tagħhom, jiksbu
ħiliet ġodda u kapaċitajiet lingwistiċi u jtejbu
l-prospetti ġenerali ta’ impjieg tagħhom. Aktar ’il quddiem fil-ħajja, il-politiki
dwar is-saħħa u t-tixjiħ attiv jippermettu lin-nies jisfruttaw
bl-aħjar mod il-potenzjal tagħhom. Il-kontribut tal-anzjani
lis-soċjetà meta jieħdu ħsieb ta' nies oħra jew bħala
voluntiera spiss jintesa, u huma għandhom jingħataw appoġġ
xieraq biex iwettqu dan. Is-Sena Ewropea dwar it-Tixjiħ Attiv u
s-Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet 2012 żiedet
l-għarfien tal-kontribut li l-anzjani jagħtu lis-soċjetà u tat
spinta politika lill-inizjattivi ta’ politika, pereżempju l-Pjan Federali
għaċ-Ċittadini Anzjani l-ġdid fl-Awstrija. Dan il-Pakkett jinkludi eżempji ta' kif il-ħtieġa
għal kura fit-tul tista’ tkun indirizzata permezz tal-prevenzjoni,
ir-riabilitazzjoni u l-ħolqien ta’ ambjenti aktar faċli biex
jintużaw mill-anzjani, u bl-iżvilupp ta’ modi aktar effiċjenti
ta' kif tingħata l-kura[60].
In-nuqqas mifrux ta’ forza tax-xogħol għas-saħħa u l-kura
fit-tul għandu jiġi indirizzat ukoll permezz ta’ inċentivi
għat-tkabbir tal-impjieg f’xogħol ta' kura u indukrar u t-titjib
tal-kondizzjonijiet tax-xogħol f’dan il-qasam. Trasport
aċċessibbli u għal but ta’ kulħadd u opportunitajiet
adattati ta’ akkomodazzjoni jippermettu wkoll lill-anzjani u lid-diżabbli
jibqgħu jgħixu ħajjithom kif jixtiequ għal kemm jista' jkun
possibbli u jnaqqsu l-ħtieġa ta’ kura fit-tul. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex: ·
Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar
“L-Investiment fit-Tfal: jinkiser iċ-ċiklu
tal-iżvantaġġ” b'mod integrat permezz ta’ taħlita ta' flus
u benefiċċji mhux fi flus, u aċċess għal edukazzjoni
bikrija ta’ kwalità, servizzi tas-saħħa u dawk soċjali.
Jindirizzaw l-inugwaljanzi fit-tfulija permezz tat-tneħħija
tas-segregazzjoni fl-iskejjel u l-użu ħażin ta’ edukazzjoni
mfassla għall-bżonnijiet speċjali. Jagħmlu aktar
viżibbli u aċċessibbli l-indukrar u l-edukazzjoni bikrija
fit-tfulija (IEBT), skont il-mira ta’ Barċellona[61] dwar l-indukrar tat-tfal u
l-miri tal-UE dwar il-IEBT[62].
Jirrappurtaw dwar il-progress fl-NRP. Jużaw il-FSE, il-FEŻR u
l-FAEŻR biex jippromwovu l-aċċess għas-servizzi
soċjali u tas-saħħa u għall-IEBT; ·
Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar “Il-politiki
għat-Tnaqqis tat-Tluq Bikri mill-Iskola” u jiżviluppaw politiki
bbażati fuq l-evidenza u komprensivi kontra t-tluq bikri mill-iskejjel li
jinkludu miżuri ta’ prevenzjoni, ta' intervent u kompensatorji[63]; ·
Jużaw il-Prinċipji ta’ Gwida għat-Tixjiħ
Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet[64] l-indiċi tat-tixjiħ
attiv[65],
li jżomm kont tal-anzjani fl-impjieg, il-parteċipazzjoni soċjali
tagħhom, u l-għajxien indipendenti tagħhom u l-opportunitajiet
li ngħataw mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar
it-Tixjiħ Attiv u San[66]
biex jiġi stmat sa fejn jistgħu jwettqu l-potenzjal tagħhom
l-anzjani. Il-Kummissjoni
se tappoġġja lill-Istati Membri billi: ·
Ittejjeb il-ġbir tad-dejta lonġitudinali,
b’enfasi speċjali fuq it-tfal, biex tinforma aħjar l-iżvilupp u
l-monitoraġġ tal-politiki soċjali b’approċċ ta’ tul
il-ħajja kollha. Tirrapporta dwar il-progress fir-rapport dwar
l-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa. ·
Tittestja l-effettività ta’ trasferimenti ta' flus
kondizzjonali għall-appoġġ tal-IEBT, permezz ta’ proġett
ta' riċerka ffinanzjat minn PROGRESS; ·
Taħdem flimkien mal-SPC fl-2013 fuq rapport
dwar il-politiki dwar l-indukrar fit-tul li jappoġġjaw it-tixjiħ
san u attiv u jkabbru l-kapaċità għal ħajja indipendenti ta'
persuni ta’ kull età, billi tuża l-potenzjal kollu ta’ teknoloġiji
ġodda, inkluża l-e-saħħa, u tissorvelja l-progress lejn
protezzjoni soċjali sostenibbli u xierqa kontra r-riskji tal-kura fit-tul.
Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll “ktejjeb għal dawk li jfasslu
l-politika” għall-Istati Membri biex jgħin fit-tfassil ta’
strateġiji tal-kura fit-tul, ibbażat fuq ix-xogħol li se
jitwettaq fl-2013-2014 mill-Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi
Prospettivi (IITP) taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka
tal-Kummissjoni Ewropea (ĊKR).
3.
Gwida għall-użu tal-fondi tal-UE 2014-2020
Il-baġit tal-UE għandu jkun “katalist
għat-tkabbir u l-impjiegi mal-Ewropa kollha, l-aktar billi jamplifika
l-investimenti fil-produzzjoni u l-kapital uman”[67]. Madankollu, is-sehem
tar-riżorsi tal-UE allokati mill-Istati Membri għall-impjieg,
l-iżvilupp tal-kapital uman, il-politiki tas-saħħa u dawk
soċjali - l-aktar permezz tal-FSE - naqas mill-1989. Din hija
r-raġuni għala l-Kummissjoni pproponiet għall-perjodu 2014-2020
li mill-inqas 25% tal-iffinanzjar tal-politika ta’ koeżjoni għandhom
jiġu allokati għall-kapital uman u l-investiment soċjali,
jiġifieri investiment fin-nies mill-FSE. Barra minn hekk, hija pproponiet
li mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f’kull Stat Membru
għandhom jiġu allokati għall-għan tematiku “il-promozzjoni
tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar”. Tul il-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013,
il-Fond Soċjali Ewropew s’issa laħaq aktar minn 50 miljun
persuna, inklużi aktar minn 4,5 miljuni qiegħda u ħames (5)
miljun persuna mhux attiva fl-2011 biss. Dan għamlu billi pprovda
EUR 75 biljun biex jgħin lin-nies jilħqu l-potenzjal
tagħhom billi jipprovdihom b’ħiliet aħjar u prospetti ta’
impjieg aħjar. Il-programmi li joffri għenu biex itaffu l-impatti
negattivi tal-kriżi, isalvaw l-impjiegi u jħejju għal
żminijiet aħjar. EUR 18-il biljun tpoġġew
għad-dispożizzjoni ta’ miżuri għall-inklużjoni
soċjali mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali,
prinċipalment billi jappoġjaw l-edukazzjoni, is-saħħa u
l-investimenti fl-infrastruttura soċjali. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
(SIE)[68],
b’mod partikolari l-FSE, kif ukoll PROGRESS 2007-2013, il-Programm
għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (PBSI) 2014-2020 u l-Fond
għall-Assistenza Ewropea għal dawk li huma l-Aktar fil-Bżonn
(FAEB) huma strumenti importanti għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni
tal-istrateġija stabbilita fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali.
L-appoġġ finanzjarju mill-politika ta’ koeżjoni, li għandha
bħala għan it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika,
soċjali u territorjali mal-Unjoni kollha, se jkompli jkun għodda
importanti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 biex jintlaħqu
l-għanijiet ta’ Ewropa 2020, flimkien mar-riformi meħtieġa
u l-immodernizzar identifikati f’din il-Komunikazzjoni. Biex tappoġġja t-tkabbir
inklużiv, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri
jiżguraw li l-politiki tagħhom ta’ impjieg, żvilupp ta’ kapital
uman, modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, investiment territorjali u
l-inklużjoni soċjali jirriflettu s-CSRs u l-analiżi sottostanti
tal-isfidi ewlenin identifikati fl-SWDs li jevalwaw il-programmi ta’ riforma
nazzjonali u ta’ stabbiltà[69].
L-iffinanzjar permezz tal-Fond Soċjali Ewropew[70] jista’ jiġi kkomplementat
minn aktar iffinanzar mill-FEŻR, l-aktar għall-investiment
fl-infrastruttura tas-saħħa, dik soċjali, l-indukrar tat-tfal,
id-djar u l-edukazzjoni, kif ukoll appoġġ
għar-riġenerazzjoni fiżika u ekonomika tal-komunitajiet
ipprivati minn kumditajiet essenzjali urbani u rurali.
Dawn l-investimenti jista’ jkollhom impatt fuq ir-riforma ta’ politika,
bħat-tneħħija tas-segregazzjoni tal-faċilitajiet
edukattivi, tendenza qawwija lejn politiki ta’ kura bbażata fil-komunità u
ta’ akkomodazzjoni integrata. Ir-Regolament ta’ Dispożizzjonijiet
Komuni [71](RDK)
jistabbilixxi l-prijoritajiet li għandhom ikunu ffinanzjati mill-Fondi
tal-SIE. Il-Fondi SIE se jappoġġjaw l-implimentazzjoni tas-CSRs
rilevanti u ta’ programmi nazzjonali ta' riforma. Il-progress fil-ksib
tal-għanijiet politiċi se jkollu segwitu fil-qafas tas-Semestru
Ewropew. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi
tal-FSE biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-orjentamenti ta’
politika stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, inkluż permezz
tal-innovazzjoni soċjali, l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali[72]. Attenzjoni speċifika
mill-FSE - akkompanjata mill-appoġġ tal-FEŻR - fuq
l-innovazzjoni soċjali[73]
għall-appoġġ tal-ittestjar tal-approċċi nnovattivi u
l-amplifikazzjoni tagħhom se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’
politiki soċjali aktar effettivi. Il-Kummissjoni se tippreżenta
orjentamenti aktar fid-dettall fil-kuntest tal-gwida operattiva li se tiġi
ppubblikata sa nofs l-2013 dwar kif l-Istati Membri jistgħu jużaw
bl-aħjar mod il-fondi tal-SIE biex jiksbu l-għanijiet tematiċi
li dwarhom intlaħaq ftehim. Din il-gwida se tikkontribwixxi
għat-twettiq tar-riforma politika u servizzi pubbliċi sostenibbli u
effiċjenti. Pereżempju, fil-qasam tal-faqar tat-tfal, se tenfasizza
liema tip ta’ interventi jkunu meħtieġa f’pajjiż b’popolazzjoni
kbira ta’ Rom, provvista baxxa ta’ indukrar tat-tfal u inugwaljanzi kbar fl-eżiti
edukattivi. Temi oħra, pereżempju, se jkunu l-innovazzjoni,
l-indukrar tat-tfal, it-tneħħija tal-istituzzjonalizzazzjoni, u
l-inklużjoni attiva. Apparti l-Fondi tal-FSE, il-PBSI,
Orizzont 2020, COSME[74]
u l-Programm dwar is-Saħħa wkoll fihom dispożizzjonijiet
speċifiċi biex jappoġġjaw finanzjarjament l-innovazzjoni
fil-politika soċjali. L-FSE jista’ jamplifika l-politiċi soċjali
ta’ suċċess kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat biex
jissemplifika l-politiki. L-FAEB se jgħin lill-Istati Membri jiżguraw
li l-għajxien xieraq jinkiseb billi jiġu indirizzati l-privazzjoni
mill-ikel, il-kondizzjoni ta' nies li ma għandhomx dar fejn joqogħdu
u l-privazzjoni materjali tat-tfal. Fl-aħħar nett, ir-riżorsi
tal-UE jistgħu jiġu kkomplementati minn riżorsi tal-Bank Dinji,
pereżempju, il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u l-grupp
tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex: ·
Jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta’
koeżjoni u l-iżvilupp rurali għall-iżvilupp tal-kapital uman,
inkluż l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis
tal-inugwaljanzi territorjali, it-tixjiħ attiv u san,
l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali, edukattivi u
tas-saħħa, u t-tagħlim tul il-ħajja. Ir-riżorsi
għandhom ikunu xierqa biex jiġu implimentati t-tibdiliet strutturali
kif propost mis-CSR, filwaqt li jitqiesu l-miri ta’ Ewropa 2020.
Jiżguraw li l-interventi appoġġjati bil-fondi jirriflettu b’mod
xieraq is-CSR rilevanti u jsegwu approċċ ta’ investiment
soċjali; ·
Jindirizzaw il-ħtiġijiet multipli tan-nies
żvantaġġati, inkużi dawk li jgħixu f’żoni ta’
faqar u iżolati, b’azzjoni kkoordinata mill-fondi tal-SIE; ·
Ifittxu modi biex jikkomplementaw ir-riżorsi
tal-UE b’fondi mill-Bank Dinji, il-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa
u l-grupp tal-Bank Ewropew ta’ Investiment; ·
Jippruvaw approċċi ġodda
(bħall-innovazzjoni abilitata mill-ICT) għall-politiki soċjali
inkluż permezz tal-PBSI, u wara jamplifikaw l-iktar innovazzjonijiet
effettivi bl-użu tal-Fondi tal-SIE; ·
Jinvolvu l-partijiet interessati, partikolarment
l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qrib il-gruppi ta’ mira
għall-interventi soċjali, fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni u
jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-fondi. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri
billi: ·
Tiżviluppa gwida ta’ politika operattiva
għall-Fondi tal-SIE li jirriflettu bis-sħiħ approċċ
ta’ Investiment Soċjali sa nofs l-2013. Abbażi tal-informazzjoni
mibgħuta mill-Istati Membri skont l-arranġamenti stabbiliti
fir-Regolamenti dwar il-fondi strutturali, il-Kummissjoni se tissorvelja
l-eżiti u r-riżultati fl-implimentazzjoni tal-Programmi. F’każ
li l-implimentazzjoni tqajjem tħassib, il-Kummissjoni tikkunsidra
l-kwistjoni flimkien mal-Istati Membri, fi ħdan il-qafas proċedurali
stabbilit mis-CPR; ·
Trawwem il-qsim tal-għarfien. B’mod
partikolari, il-Kummissjoni se tiżviluppa bank ta’ għarfien
mal-Istati Membri u l-Eurofound biex tgħin fil-qsim tat-tagħlimiet
meħuda, inklużi kemm tagħlimijiet ta’ politika kif ukoll ta’
prassi tajba mill-Fondi tal-SIE. Hija se tappoġġja permezz tal-FSE
l-iżvilupp ta’ “mapep tal-faqar", billi tidentifika ż-żoni
ta' żvantaġġ multiplu u gravi biex tiżgura li l-interventi
jkollhom impatt fuq il-popolazzjoni fil-mira; ·
Tappoġġja l-bini tal-kapaċità,
permezz tal-FSE, tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali
għall-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi inkluża l-promozzjoni
tal-intraprenditorija soċjali.
4.
Inizjattivi Mmirati tal-UE
F’din it-taqsima l-Kummissjoni
tippreżenta sett ta’ inizjattivi li hemm referenza għalihom f’din
il-Komunikazzjoni u li huma ewlenin biex jiġi żgurat
approċċ immirat u integrat tal-investimenti soċjali.
4.1.
Miżuri biex jitħeġġeġ
l-iffinanzjar fl-investiment soċjali
Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi
appoġġ mill-fondi strutturali, l-aktar mill-FSE, iżda
jistgħu jintużaw strumenti ġodda ta’ ffinanzjar u għandhom
jiġu sfruttati bil-ħsieb li tkun iffaċilitata l-konsolidazzjoni
baġitarja b'involviment akbar tal-fondi privati: ·
Bl-appoġġ tal-aċċess
tal-intrapriżi soċjali għall-finanzji: Fondi ta’
Intraprenditorija Soċjali Ewropej Kif stabbilit fl-Inizjattiva tan-Negozji
Soċjali, l-intraprendituri soċjali għandhom rwol kruċjali
fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-investiment fil-kapital
uman. In-negozji soċjali jeħtieġu madankollu aċċess
aktar faċli għall-finanzjament privat, biex dan jgħin bħala
appoġġ għall-attivitajiet tagħhom u biex ikunu jistgħu
jespandu. Barra milli tipproponi fond ta’ appoġġ
għall-intrapriżi soċjali bħala parti mill-Programm
għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni li jibda fl-2014, il-Kummissjoni
pproponiet ukoll regolament[75]
li jistabbilixxi tikketta tal-Fond għall-Intraprenditorija Soċjali
Ewropew biex tgħin lill-investituri jidentifikaw faċilment il-fondi
li jappoġġjaw in-negozji soċjali Ewropej u jaċċessaw
informazzjoni kruċjali dwar il-fondi għall-intraprenditorija
soċjali. Ir-regolament propost se jelimina l-ostakli għall-ġbir
tal-fondi mal-Ewropa kollha u jagħmel l-investimenti aktar sempliċi u
effiċjenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa
metodoloġija biex tkejjel il-benefiċċji
soċjo-ekonomiċi maħluqa mill-intrapriżi soċjali u
torganizza konferenza ta’ livell għoli kmieni fl-2014 biex ixxerred prassi
tajba fl-appoġġ tal-intraprenditorija soċjali. ·
Bl-esplorazzjoni dwar l-użu ta’strumenti
finanzjarji ġodda L-iffinanzjament innovattiv tal-investiment
soċjali minn riżorsi privati u tat-tielet settur huwa kruċjali
biex jikkomplementa l-isforzi tas-settur pubbliku. Il-mikroffinanzjar
jista’ jkollu rwol importanti f’dan ir-rigward. It-twaqqif
ta’ negozji żgħar ġodda huwa kruċjali għall-ksib
tal-miri ta’ impjieg u inklużjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, wieħed mill-akbar ostakoli
għall-ħolqien tan-negozji huwa n-nuqqas ta’ aċċess
għall-finanzi, speċjalment il-mikrokreditu.
Il-Kummissjoni pproponiet kontinwazzjoni tal-faċilità
mikrofinanzjarja Progress bis-saħħa tal-Programm għall-Bidla
Soċjali u l-Innovazzjoni b’baġit ta' madwar EUR 92 miljun,
mill-2014 ’il quddiem. Din se tiffinanzja
l-bini tal-kapaċitajiet għall-fornituri tal-mikrokreditu u
tiffaċilita appoġġ finanzjarju għal persuni li jixtiequ
jibdew negozju żgħir, iżda li jkollhom diffikultajiet biex
jiksbu self tradizzjonali. ·
Bonds tal-Impatt Soċjali Il-Bonds tal-Impatt Soċjali, li
jinċentivaw lill-investituri privati biex jiffinanzjaw programmi
soċjali billi joffru l-qligħ mis-settur pubbliku jekk il-programmi
jiksbu riżultati soċjali pożittivi, huma fost mezzi oħra li
jistgħu jiġu esplorati. Il-Kummissjoni
se tappoġġja lill-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju
tal-esperjenzi.
4.2.
Appoġġ għall-għajxien
xieraq /Jittejjeb l-għarfien tad-drittijiet soċjali
Il-Kummissjoni se tiżgura li
d-dispożizzjonijiet biex tipproteġi lil dawk li l-aktar għandhom
bżonn jiġu implimentati u se ttejjeb l-informazzjoni
għall-konsumaturi vulnerabbli u tipprovdi għajnuna mmirata għall-persuni
f’sitwazzjonijiet żvantaġġati biex jagħmlu
għażliet infurmati: ·
Bl-iżgurar ta’ għajxien xieraq Il-maġġoranza tal-Istati Membri
għandhom xi tip ta’ skema ta’ dħul minimu. L-adegwatezza ta’ dawn
l-iskemi madankollu, spiss tista' titjieb. Il-livell għandu jkun
għoli biżżejjed biex jagħti lok għal ħajja
deċenti u fl-istess ħin jgħin lin-nies biex ikunu motivati u
attivati biex jaħdmu. Il-Kummissjoni se tissorvelja, bħala parti
mis-Semestru Ewropew, l-adegwatezza tal-appoġġ għad-dħul u
se tuża għal dan l-għan il-baġits ta’ referenza
ġaladarba dawn jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri. ·
Bini tal-kapaċità amministrattiva u
t-titjib fl-effiċjenza biex jiġu pprovduti punti uniċi ta’
servizz Il-mudell ta’ punt uniku ta’ servizz
jikkontribbwixxi għall-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’
protezzjoni soċjali. “Il-punti uniċi ta’ servizz” jissimplifikaw
l-organizzazzjoni, itejbu r-rendiment u jżidu l-aċċess
għas-servizzi. Dan l-approċċ itejjeb l-aċċessibilità
ta’ tagħrif faċli għall-użu, il-koordinazzjoni bejn
il-livelli differenti ta’ gvern u tal-kapaċità u dan jista’ jnaqqas
il-piż amministrattiv kemm fuq il-klijent kif ukoll fuq il-fornitur.
Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi tiffaċilita
l-iskambju ta’ prassi tajba fost affarijiet oħra permezz tal-“bank tal-għarfien”
żviluppat flimkien mal-Eurofound. Il-finanzjament mill-FSE se jkun
disponibbli bis-saħħa tal-Għan Tematiku “It-Titjib
tal-kapaċità istituzzjonali u amministrazzjoni pubblika effiċjenti”.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lil dawn l-approċċi
hija u twettaq il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta'
inklużjoni attiva mill-Istati Membri. ·
It-titjib tal-inklużjoni finanzjarja Il-kontijiet
tal-pagamenti huma għodda vitali biex in-nies jipparteċipaw
fl-ekonomija u s-soċjetà. Is-salarji, il-benefiċċji u
l-kontijiet tal-konsum aktar u aktar spiss qed jitħallsu permezz ta’
kontijiet bankarji. Kont bankarju huwa wkoll essenzjali
għall-aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi
oħra, bħal self għal konsumaturi, ipoteki, assikurazzjoni
tal-ħajja, ħlasijiet elettroniċi u investiment. Għal dan
il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi Direttiva dwar l-aċċess
għal kontijiet ta’ pagament b’funzjonijiet bażiċi. ·
Protezzjoni tan-nies f’diffikultà finanzjarja Il-kriżi finanzjarja wriet id-danni li
l-prassi ta’ self irresponsabbli tista’ tikkawża lill-konsumaturi u
lis-selliefa. Il-konsumaturi li jixtru proprjetà jew jieħdu self assigurat
fuq ir-residenza tagħhom jeħtieġ li jkunu infurmati b’mod xieraq
dwar ir-riskji possibbli, u l-istituzzjonijiet li jaħdmu f'dawn
l-attivitajiet għandhom jagħmlu xogħolhom b'mod responsabbli.
Il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ ħidma dwar miżuri nazzjonali u
prassi biex jiġu evitati l-proċeduri ta’ preklużjoni[76]. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni qed tfittex li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi permezz
ta’ direttiva proposta dwar il-ftehim dwar il-krediti marbuta mal-proprjetà ta’
residenza. Hija se tippubblika wkoll fil-bidu tal-2013 studju li jidentifika u
janalizza t-tekniki legali differenti u l-aħjar prassijiet biex ittejjeb
il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn l-inizjattivi huma kollha parti minn
approċċ preventiv biex jittaffew id-diffikultajiet finanzjarji u
tiġi indirizzata l-problema tal-persuni mingħajr dar. ·
Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija Id-direttiva l-ġdida dwar
l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija[77] tħeġġeġ
lill-Istati Membri jinkludu rekwiżiti b’orjentazzjoni soċjali
fl-iskemi nazzjonali tagħhom u tikkunsidra l-ħtiġijiet
speċifiċi ta’ persuni żvantaġġjati u tgħin
fl-indirizzar tal-enerġija li dejjem qed togħla fil-prezz billi
tipprovdi għall-użu ta’ miters intelliġenti u kontijiet
informattivi biex il-konsumaturi vulnerabbli jkollhom informazzjoni ċara,
kredibbli u f’waqtha dwar il-konsum tal-enerġija kif ukoll dwar opportunitajiet
reali ta’ kif jistgħu jikkunsmaw inqas. ·
Titjib tal-aċċess
għall-informazzjoni għaċ-ċittadini L-informazzjoni aċċessibbli, dwar,
pereżempju s-servizzi ta’ tiftix tal-impjieg, il-benefiċċji
tal-qgħad, il-benefiċċji tat-tfal, il-kura tas-saħħa,
jew l-għotjiet tal-istudenti, hija essenzjali għal opportunitajiet
indaqs u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-ekonomija u
fis-soċjetà. Biex l-aċċess taċ-ċittadini għal
informazzjoni bħal din ikun aktar faċli, id-Direttiva proposta dwar
l-aċċessibbiltà tal-websajts tal-korpi tas-settur pubbliku[78] se tiżgura
l-aċċessibilità sħiħa ta’ sett ta' websajts tas-settur
pubbliku għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni
b'diżabbiltà u l-anzjani. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi
lin-nies b'aktar informazzjoni aċċessibbli dwar id-drittijiet soċjali
tagħhom permezz tal-Gwidi ta’ Protezzjoni Soċjali faċli
għall-utent u se tgħin biex jitwaqqfu servizzi biex in-nies ikunu
jistgħu jsegwu d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom. Kif ukoll
il-Kummissjoni se tappoġġja l-applikazzjoni u l-infurzar aħjar
tad-drittijiet tal-moviment liberu permezz ta’ Direttiva proposta li se
tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2013.
4.3.
L-investiment fit-Tfal/fl-Edukazzjoni u
l-Indukrar tat-Tfal f’Età Bikrija
Żvilupp ulterjuri tal-potenzjal
tal-indukrar u l-edukazzjoni tat-tfal f’età bikrija (IEBT), bl-użu
tiegħu bħala investiment soċjali biex jiġu indirizzati
l-inugwaljanza u l-isfidi li jaffaċċjaw it-tfal permezz ta’ intervent
kmieni: ·
Titjib fl-aċċess
għall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal L-aċċess
għall-faċilitajiet ta’ indukrar u edukazzjoni minn kmieni fit-tfulija
(IEBT) għandu effetti pożittivi tul il-ħajja, pereżempju
f’termini ta’ prevenzjoni tat-tluq mill-iskola minn kmieni, it-titjib
fl-eżiti ta’ impjieg, u l-iffaċilitar tal-mobilità soċjali.
L-IEBT hija ewlenija fl-indirizzar tal-isfidi li qed jiffaċċjaw
it-tfal żvantaġġati billi tipprovdi intervent bikri. Barra minn
hekk, huwa essenzjali li jitneħħew l-ostakli
għall-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol.
Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal titlob li l-IEBT issir aktar
aċċessibbli bħala parti minn strateġija integrata biex
ittejjeb l-opportunitajiet tat-tfal, sabiex jintlaħqu l-miri ta’
Barċellona. Barra minn dan, il-Kummissjoni qiegħda tniedi studju ta’
reviżjoni dwar kif skemi kondizzjonali ta’ trasferiment ta' flus kontanti
jistgħu jappoġġjaw l-użu tal-IEBT. Il-Kummissjoni Ewropea u
l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD)
qegħdin isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar inizjattivi ta’
politika biex itejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni u
l-kura bikrija tat-tfal mal-Ewropa kollha permezz tal-identifikazzjoni
tal-aħjar prassi. ·
Jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola. Dawk li jħallu l-iskola kmieni
għandhom ħafna aktar ċans li jispiċċaw bla xogħol
jew fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-istrateġija
Ewropa 2020 tistabbilixxi mira għat-tnaqqis tat-tluq bikri
mill-iskola sa inqas minn 10%. Madankollu, 13,5%
taż-żgħażagħ għadhom iħallu l-iskola qabel
il-waqt. It-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola huwa fost il-prijoritajiet ta’
investiment tal-Fond Soċjali Ewropew, li l-Istati Membri jistgħu
jużaw biex jiżviluppaw politiki konformi mal-istrateġija
integrata stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill[79] tal-2011, inkluż permezz
ta’ miżuri ta' prevenzjoni, miżuri ta’ intervent u miżuri
mmirati lejn l-ingaġġ mill-ġdid ta’ dawk li ma
spiċċawx l-edukazzjoni. Il-Programm il-ġdid "Erasmus
għal Kulħadd"[80]
għall-edukazzjoni, it-taħriġ,
iż-żgħażagħ u l-isport li jirrifletti
l-ħtieġa għal aktar investiment tal-UE fl-edukazzjoni u
fit-taħriġ u l-implimentazzjoni ulterjuri tiegħu jista'
jappoġġja inizjattivi ta’ edukazzjoni inklużiva.
5.
Konklużjoni – It-triq’ il quddiem
Il-kriżi enfasizzat kemm
l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-UE kif ukoll id-diverġenza kbira
fil-kapaċità tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’
protezzjoni soċjali li jirreaġixxu għall-ħasdiet. Dan
ikkonferma wkoll ir-rwol tal-politika soċjali u l-baġits
għall-istabbiltà ġenerali tal-UE. Għalkemm il-politiki
soċjali huma primarjament il-kompetenza tal-Istati Membri, l-UE
tappoġġja u tikkomplementa l-inizjattivi tal-Istati Membri. Issa fl-Istati Membri hemm fis-seħħ
governanza ekonomika aktar b'saħħitha u sorveljanza fiskali
msaħħa. Din trid tkun akkumpanjata minn sorveljanza politika mtejba
fl-oqsma soċjali li maż-żmien tikkontribwixxi
għal-ġestjoni tal-kriżi, l-assorbiment tal-ħasdiet u
standard xieraq ta’ investiment soċjali mal-Ewropa kollha. Dan irid
jiġi indirizzat ukoll fid-diskussjonijiet għaddejjin bħalissa
dwar id-dimensjoni soċjali tal-EMU. Il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali
għandu l-għan li jorjenta mill-ġdid il-politiki tal-Istati
Membri lejn l-investiment soċjali fejn meħtieġ, bil-ħsieb
li jiżgura l-adegwatezza u s-sostenibbiltà ta’ baġits għal
politiki soċjali filwaqt li jgħaqqad dawn l-isforzi biex isir
l-aħjar użu tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari tal-FSE.
Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex isegwu l-azzjonijiet u
d-direzzjonijiet stabbiliti f’dan il-pakkett skont dawn it-tliet linji
prinċipali: 1.
It-tisħiħ tal-investiment soċjali bħala parti mis-Semestru
Ewropew ·
L-Istati Membri qed jiġu mħeġġa
jsaħħu l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti fil-livelli
kollha, b'mod speċjali tal-imsieħba soċjali u
tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-immodernizzar tal-politika
soċjali bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020. ·
L-Istati Membri huma mħeġġa biex
jirriflettu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom il-gwida
pprovduta f'dan il-Pakkett ta’ Investiment Soċjali b’attenzjoni
partikolari lejn: ·
Il-progress dwar li tingħata aktar attenzjoni
fuq l-investiment soċjali fil-politiki soċjali tagħhom,
partikolarment dwar politiki bħall-indukrar tat-tfal, il-kura,
l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol,
l-appoġġ għall-akkomodazzjoni, ir-riabilitazzjoni u s-servizzi
tas-saħħa. ·
L-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta'
inklużjoni attiva integrata, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’
baġits ta’ referenza, kopertura ikbar ta’ benefiċċji u servizzi,
u s-simplifikazzjoni tas-sistemi soċjali, pereżempju permezz ta'
approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz u li tiġi evitata
l-proliferazzjoni ta’ benefiċċji differenti. ·
Il-Kummissjoni se tindirizza r-riforma
tal-protezzjoni soċjali u l-attenzjoni intensifikata
għall-investiment soċjali u l-inklużjoni attiva fir-Rakkomandazzjonijiet
Speċifiċi għall-Pajjiż u Semestri Ewropej sussegwenti.
Barra minn hekk il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri permezz
ta’ titjib tas-sorveljanza tar-riżultati, u se tirfed dan flimkien
mas-Sistema Statistika Ewropea permezz ta' titjib u ta’ statistika aktar
f’waqtha[81]
dwar il-faqar u l-eżiti tal-politiki soċjali u tas-saħħa[82]. 2. Isir
l-aħjar użu tal-fondi tal-UE għall-appoġġ
tal-investiment soċjali ·
L-Istati Membri huma mħeġġa biex
iqisu b'mod xieraq id-dimensjoni tal-investiment soċjali fl-ipprogrammar
tal-fondi tal-UE u tal-FSE b’mod partikolari għall-perjodu 2014-2020. Dan
jinkludi l-istħarriġ ta’ approċċi innovattivi
għall-iffinanzjar u l-inġinerija finanzjarja, filwaqt li wieħed
jitgħallem mill-esperjenzi bħal dawk dwar il-Bonds ta’ Investiment
Soċjali, il-mikrofinanzjament u l-appoġġ
għall-intrapriżi soċjali. ·
Il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv
lill-Istati Membri fil-programmazzjoni tagħhom ibbażata fuq il-gwida
li tinsab f'dan il-Pakkett u b'aktar gwida tematika operattiva pereżempju
dwar l-innovazzjoni soċjali, it-tnaqqis tal-istituzzjonalizzazzjoni, u
s-saħħa. 3. Titjib fl-effiċjenza tat-tmexxija u
r-rappurtar ·
L-Istati Membri, permezz tal-Kumitati rilevanti,
huma mħeġġa biex jagħmlu proposti
għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija
Ewropa 2020, b'konnessjoni aħjar mal-proċessi eżistenti
bħall-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u rappurtaġġ
imtejjeb dwar ir-rendiment tas-sistemi soċjali tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-gwida u l-istrumenti ta’
monitoraġġ, b' kunsiderazzjoni tal-istrumenti makroekonomiċi
eżistenti ta’ governanza fiskali u tal-impjiegi, bil-ħsieb li
tillimita u tindirizza l-iżbilanċi marbuta mal-politiki soċjali.
Il-kriterji ta’ paragun u l-monitoraġġ tar-rendiment se jkunu parti
minn dan l-eżerċizzju, abbażi tal-Monitoraġġ
tal-Prestazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali[83].
·
Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati
Membri fil-kuntest tal-formazzjonijiet tal-Kunsill rilevanti, l-SPC u kumitati
rilevanti oħra biex tappoġġja dawn ir-riflessjonijiet u se
tkompli d-djalogu mal-partijiet interessati rilevanti kollha, speċjalment
fil-kuntest tal-Konvenzjoni Annwali tal-Pjattaforma kontra l-Faqar u
l-Esklużjoni. [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Ewropa 2020 –
Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv COM (2010) 2020 tat-3 ta’ Marzu 2010;
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
tad-17 ta’ Ġunju 2010 [2] Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. [3] L-għadd ta’ nies f’riskju
tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdied mill-2008 fi 13 minn 23 Stat
Membru li għalihom hemm dejta disponibbli fl-2011(Eurostat). [4] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi
Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali
għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38 [5] Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni,
Industrija Ewropea iktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru
Ekonomiku, COM (2012) 582 tal-10 ta’ Ottubru 2012. [6] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar il-Patt ta’ Investiment
Soċjali – b’reazzjoni għall-kriżi [7] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi
Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali
għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38. [8] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Lejn irkupru li jwassal
għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, COM (2012) 173,
18 ta’ April 2012 [9] White Paper mill-Kummissjoni, Aġenda għal
Pensjonijiet Adegwati, Sostenibbli u Sikuri, COM (2012) 55,
16 ta’ Frar 2012 [10] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Inressqu
ż-Żgħażagħ lejn l-Impjieg, COM (2012) 727,
5 ta’ Diċembru 2012 [11] Għal evalwazzjoni dettaljata tal-implikazzjonijiet
baġitarji tat-tixjiħ tal-popolazzjoni jekk jogħġbok
irreferi għal 2012 rapport dwar it-tixjiħ – fuq http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/pdf/ee-2012-2_en.pdf
[12] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut
tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija
SWD(2013)38 [13] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
Ewropea – Rapport dwar is-Segwitu tal-Implimentazzjoni mill-Istati Membri
Ewropew tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva ta'
Nies Esklużi mis-Suq tax-Xogħol 2008 – Lejn approċċ ta’
investiment soċjali SWD(2013)39 [14] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut
tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija
SWD(2013)38 [15] L-ekonomija soċjali, li tissejjaħ ukoll
“it-tielet settur", tirreferi għall-atturi mhux governattivi
bħal l-organizzazzjonijiet tal-komunità, l-organizzazzjonijiet volontarji,
u l-intrapriżi soċjali li jorganizzaw attivitajiet
għall-benefiċċju soċjali. L-intrapriżi soċjali
huma negozji primarjament b’għanijiet soċjali, u fejn il-bilanċi
favorevoli jiġu normalment investiti mill-ġdid fin-negozju jew
fil-komunità, minflok mal-profitt jiġi massimizzat għas-sidien u
l-azzjonisti. [16] Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar
l-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali, Inizjattiva tan-Negozju Soċjali,
Biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali,
il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni
COM(2011)682 tal-25 ta’ Ottubru 2011 [17] B’bond b’impatt soċjali tipiku, investitur privat
jiffinanzja fornitur tas-servizzi soċjali biex jiġi implimentat
programm soċjali bi tpattija għal wegħda (“bond”) mis-settur
pubbliku li l-investiment inizjali jiġi rimburżat u titħallas
rata ta' qligħ jekk il-programm jikseb ir-riżultati soċjali
ddefiniti minn qabel. [18] Pereżempju aċċess limitat għal edukazzjoni
ta’ kwalità għolja, aċċess limitat għall-appoġġ
għal tagħlim addizzjonali, nuqqas ta' appoġġ min-naħa
tal-ġenituri jew aċċess għal opportunitajiet ta’
tagħlim addizzjonali (mhux formali) eċċ. [19] Il-Bank Dinji, Unità tas-Settur għall-Iżvilupp
Uman, l-Ewropa u r-Reġjun tal-Asja Ċentrali: L-Inklużjoni
tar-Rom fl-Ewropa u l-Ażja Ċentrali: Opportunità Ekonomika
għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u n-Nota ta’
Politika Serba, (it-30 ta’ Settembru 2010) [20] Ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2012)44 finali tas-7.3.2012 [21] Sors: Eurostat, EU-SILC 2008 [22] Sors: Eurostat, EU-SILC 2008 [23] Rivista Trimestrali dwar l-Impjieg u
s-Sitwazzjoni Soċjali tal-UE, Diċembru 2012 [24] Diffikultjiet finanzjarji huma
ddefiniti bħala diffikultajiet fi djar li jridu jieklu minn ġewwa jew
jidħlu f'dejn biex ikopru l-infiq ta’ kuljum [25] Ara wkoll il-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li fil-kapitolu III tagħha dwar
l-Ugwaljanza tistabbilixxi d-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24) u tal-anzjani
(Art. 25) u tirreferi wkoll għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
(l-Artikolu 23) u għall-integrazzjoni ta’ persuni b'diżabbiltà
(Artikolu 26) [26] Skont id-definizzjoni ETHOS:
http://www.feantsa.org/files/freshstart/Toolkits/Ethos/Leaflet/EN.pdf [27] “Pjan direzzjonali
għall-inklużjoni soċjali għal Ewropa 2020”, H. Frazer, E.
marlier, I. Nicaise, 2010 [28] Ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u
t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali
għall-Inklużjoni, l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38 [29] Ibbażati fuq il-kalkoli
tal-Kummissjoni [30] Ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Evidenza dwar id-Demografija u
t-Tendenzi Soċjali – Il-Kontribut tal-Politiki Soċjali għall-Inklużjoni,
l-Impjieg u l-Ekonomija SWD(2013)38 [31] Ara l-OECD (2012) Bidu Qawwi III: Għodod ta’ kwalità għal Edukazzjoni u
Indukrar Bikri tat-tfal", OECD, Pariġi – għal evidenza dwar kif
il-politiki ta’ edukazzjoni qabel il-primarja affettwaw ir-riżultati PISA
(2009), u d-diverġenza bejn l-Istati Membri li jinvestu f 'dawn
il-politiki [32] Ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Investing in
Health SWD(2013) 43 [33] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, it-3054 laqgħa
tal-Kunsill Ekonomiku u l-Affarijiet Finanzjarji Brussell,
is-7 ta’ Diċembru 2010 [34] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar
Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni
Ewropea (2006/C 146/01) [35] Dan għandu jkun ibbażat fuq
ir-Rapport Konġunt dwar is-Sistemi tas-Saħħa mill-Kumitat
tal-Politika Ekonomika u l-Kummissjoni u fuq il-kooperazzjoni tal-Istati Membri
fil-Proċessi ta’ Riflessjoni tal-Kunsill dwar is-sistemi
tas-saħħa u dwar il-mard kroniku [36] Kunsill tal-EPSCO tas-17-02-2012: "immexxu x-xogħol dwar il-finanzjament
tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, nistiednu lil kumitati oħra
rilevanti biex jieħdu sehem f 'dan ix-xogħol importanti". [37] Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni 2012/C 198/06 tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar
il-ħolqien ta’ bord ta’ esperti indipendenti u multisettorjali biex jipprovdi
pariri dwar modi effettivi ta' investiment fis-saħħa. [38] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni –
“Infasslu mill-ġdid l-edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi
aħjar". COM(2012)669,
20 ta’ Novembru 2012. [39] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni
tat-3.10.2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq
tax-xogħol (2008/867/KE ppubblikata fil-ĠU L 307, ta’ 18.11.2008 [40] Ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea – Rapport dwar is-Segwitu
tal-Implimentazzjoni mill-Istati Membri Ewropew tar-Rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva ta' Nies Esklużi mis-Suq
tax-Xogħol 2008 – Lejn approċċ ta’ investiment soċjali
SWD(2013)39. [41] Il-baġits ta’ referenza fihom
lista ta’ oġġetti u servizzi li familja ta' daqs u kompożizzjoni
speċifika teħtieġ biex tista’ tgħix f’livell tali ta’
benesseri, flimkien mal-istima tal-ispejjeż ta’ kull xahar jew ta’ kull
sena tagħha. Sors: European
Consumer Debt Network (2009). Handbook of reference budgets, pp. 5. [42] Ara wkoll il-qafas regolatorju tal-UE dwar id-drittijiet
tal-passiġġieri u servizzi ta’ trasport pubbliku, ir-Regolament (UE)
Nru 1177/2010 [43] L-inqas prezz li konsumatur jista’ jħallas għal
oġġett jew servizz speċifiku, inkluż, fejn xieraq, billi
jixtri prodotti jew servizzi fi kwantità. [44] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE dwar
l-aċċess għal kont bażiku ta’ pagament, 18.7.2011, [45] Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE
jeħtieġ jiġu rispettati (u jistgħu jintużaw
il-possibbiltajiet offruti pereżempju mir-Regolament 800/2008
għal Eżenzjoni ġenerali sħiħa jew
mir-Regolament 1998/2006 dwar għajnuna de minimis) [46] Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
– L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew SWD(2013)44 [47] Kif hemm stipulat fil-prinċipji komuni dwar
l-inklużjoni attiva adottati mill-Kunsill
fit-12 ta’ Diċembru 2008. [48] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE dwar
l-aċċess għal kont bażiku ta’ pagament, 18.7.2011,
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:190:0087:01:MT:HTML. [49] "L-Assi ta’ Intraprenditorija Soċjali"
tal-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (li jiswa
EUR 90m) jappoġġja l-iżvilupp tas-suq tal-investiment
soċjali u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament
għal intrapriżi soċjali billi jagħmel disponibbli
ekwitajiet, kważi-ekwitajiet, strumenti ta’self u għotjiet. [50] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni,
Inizjattiva tan-Negozju Soċjali, sabiex jinħoloq ambjent favorevoli
għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin
fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni COM (2011) 682
tal-25 ta’ Ottubru 2011 [51] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Pjan ta’ Azzjoni
għall-Intraprenditorija 2020, COM(2012) 795,
9 ta’ Jannar 2013. [52] Ara n-noti tal-qiegħ 38 u 39. [53] Il-proposti tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-akkwist
pubbliku (COM(2011) 896 finali) u għal direttiva dwar l-akkwist minn
entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u
s-servizzi postali (COM(2011) 895 finali) bħalissa qed jiġu
nnegozjati. [54] Gwida għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni
Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern
għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b’mod partikolari
s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali [55] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "Is-solidarjetà
fis-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi tas-Saħħa
fl-UE"; COM(2009) 567 finali. [56] Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni – L-Investiment
fit-tfal – Jinkiser iċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ C(2013) 778 [57] KOM(2007) 62 finali tal-21 ta' Frar
2007 [58] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Inressqu
ż-Żgħażagħ lejn l-Impjieg, COM (2012), 727,
5 ta’ Diċembru 2012 [59] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni -
"Erasmus għal Kulħadd: Il-programm tal-UE għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ,
iż-Żgħażagħ u l-Isport "COM(2011) 787,
fit-23 ta’ Novembru 2011 [60] Ara d-Dokument ta’ Ħidma
tal-Persunal tal-Kummissjoni – Il-Kura fit-Tul f’Soċjetajiet li qed
jixjieħu - Sfidi u Għażliet ta' Politika SWD(2013)41 [61] Fl-2002, fis-Samit ta’
Barċellona, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-miri li jiġi pprovdut
l-indukrar tat-tfal sal-2010 lil (1) mill-inqas 90% tat-tfal bejn it-3 snin u
l-età tal-iskola obbligatorja u (2) mill-inqas 33% tat-tfal taħt l-età ta’
tliet snin [62] Sal-2020, mill-inqas 95 %
tat-tfal bejn l-erba’ snin u l-età obbligatorja biex wieħed jibda
l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw
f'edukazzjoni bikrija. Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar il-qafas strateġiku
għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020),
Anness 1 għall-konklużjonijiet (ĠU C 119, 28.5.2009, p. 7) [63] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar il-politiki għat-tnaqqis
tat-tluq bikri mill-iskola, ĠU 2011/C 191/01 [64] Konklużjonijiet tal-Kunsill
tal-6 ta’ Diċembru 2012. [65] Il-Kummissjoni Ewropea u l-UNECE
(2013 imminenti) Policy brief - Active Ageing Index, disponibbli fuq: http://europa.eu/ey2012 [66] Il-mira tal-Partenarjat Ewropew
għall-Innovazzjoni dwar Ħajja Attiva u Sana għall-Anzjani hija
li żżid il-medja tat-tul ta' ħajja sana taċ-ċittadini
tal-UE b'sentejn sal-2020. Hija parti
mill-inizjattiva ewlenija Unjoni ta’ Innovazzjoni tal-Istrateġija Ewropa
2020. [67] Konklużjonijiet tal-Kunsill
Ewropew (7-8 ta’ Frar 2013) [68] Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE),
il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond ta’
Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali
(FAEŻR), Il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd. [69] http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm [70] Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
– L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew SWD(2013)44 [71] Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet komuni fil-Fond
Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew,
il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Agrikolu u
Rurali u l-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu u s-Sajd koperti mill-Qafas
Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali
dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali
Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1083/2006. [72] Ara d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
– L-investiment soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew SWD(2013)44.
[73] Il-Kummissjoni pproponiet investiment ta’ prijorità ddedikat
lill-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali fir-Regolament
dwar il-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020. [74] Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi
u l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju [75] Proposta Leġiżlattiva tal-Kummissjoni –
"Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar
il-Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali”. COM(2011) 862, tat-7 ta'
Diċembru 2011 [76] Dokument ta’Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni –
'Miżuri nazzjonali u prassijiet biex jiġu evitati proċeduri ta’
esklużjoni għal self b'ipoteka residenzjali'. SEC(2011) 357, 31 Marzu 2011. [77] Art. 7(7a) u Art. 10 fid-Direttiva 2012/27/UE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-użu
tal-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li
tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE. [78] Proposta Leġiżlattiva
tal-Kummissjoni - "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tal-websajts tal-korpi tas-settur
pubbliku". Com (2012) 721 final,
it-3 ta’ Diċembru 2012. [79] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2011/C 191/01) dwar il-politiki
għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola [80] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - "Erasmus għal Kulħadd: Il-programm tal-UE għall-Edukazzjoni,
it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport"
COM(2011) 787, 23 ta’ Novembru 2011. [81] Jittejjeb l-istandard tal-provvista
tad-dejta SILC, il-provvista tal-varjabbli dwar il-privazzjoni u l-valutazzjoni
tas-sitwazzjoni finanzjarja fi tmiem is-sena ta’ referenza, il-ġbir ta’
dejta dwar id-dħul tal-familji ta’ kull xahar b’rata aktar
mgħaġġla u possibbilment fuq bażi intra-annwali, u
tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġi żviluppat modulu annwali
dwar strateġiji ta’ soluzzjoni. [82] Bl-użu tal-Indikaturi
tas-Saħħa tal-Komunità Ewropea (ECHI) [83] Dokument tal-Kunsill 13723/12: Il-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni
tal-Protezzjoni Soċjali juri devjazzjonijiet annwali statistikament
sinifikanti (“ix-xejriet soċjali li jeħtieġu attenzjoni”)
fl-indikaturi ewlenin miftiehma bħala parti ta’ sett ta’ indikaturi ta’
protezzjoni soċjali u jagħti lok għal sorveljanza tematika dwar
ix-xejriet soċjali li jeħtieġu attenzjoni