Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0121(02)

Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – COMP/39.692 – IBM Servizzi ta' Manutenzjoni

ĠU C 18, 21.1.2012, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/5


Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

COMP/39.692 – IBM Servizzi ta' Manutenzjoni

2012/C 18/05

(1)

Fit-23 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti kontra International Business Machines Corporation (“IBM”) dwar allegazzjoni ta' abbuż ta' dominanza fis-suq għall-inputs meħtieġa sabiex jipprovdu servizzi ta’ manutenzjoni tal-ħardwer u tas-softwer għal sistemi operattivi għall-mejnfrejm tal-IBM.

(2)

Ġiet adottata valutazzjoni preliminari mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Awwissu 2011 skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) u ġiet innotifikata lil IBM fit-2 ta' Awwissu 2011. Dan ikkonkluda fuq bażi preliminari li IBM setgħet ċaħdet li tagħti aċċess lil mantenituri terzi għal ċerti inputs meħtieġa biex jipprovdu servizzi ta' manutenzjoni lill-ħardwer u s-softwer għal sistemi operattivi għall-mejnfrejm tal-IBM, bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-paragrafu (b) tiegħu, u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(3)

Fl-14 ta’ Settembru 2011, IBM issottomettiet l-ewwel proposta għall-impenji biex tindirizza t-tħassib li tqajjem mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha. Fl-20 ta' Settembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’konformità mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn għamlet sommarju tal-każ, il-kontenut prinċipali tal-impenji, il-kors ta' azzjoni propost u stiednet lill-partijiet terzi biex jibagħtu l-kummenti dwar l-impenji proposti minn IBM (3). Bi tweġiba għall-avviż, il-Kummissjoni rċeviet 7 osservazzjonijiet minn partijiet terzi interessati u infurmat lil IBM b’dawn il-kummenti. IBM issottomettiet sett rivedut ta' impenji fl-24 ta' Ottubru 2011.

(4)

Fid-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tagħmel l-impenji offruti minn IBM vinkolanti għal perjodu totali ta’ 5 snin u tikkonkludi li fid-dawl tar-rimedji offruti, m'għadx hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha, u għalhekk il-proċeduri f'dan il-każ għandhom jintemmu.

(5)

Jien ma rċevejt l-ebda talba jew ilment mingħand l-ebda parti għall-proċedimenti fil-każ preżenti (4). Fid-dawl ta' dan, inqis li l-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-parteċipanti kollha f’dan il-każ ġie rrispettat.

Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2011.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29 (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(3)  Avviż ippubblikat skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ COMP/39.692 – IBM Servizzi ta' manutenzjoni, ĠU C 275, 20.9.2011, p. 8.

(4)  Skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet għall-proċedimenti li joffru impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom.


Top