This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0705
Proposal for a COUNCIL DECISION on the signature of the Agreement between the European Union and the Republic of Armenia on the facilitation of the issuance of visas
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
/* COM/2012/0705 final - 2012/0333 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi /* COM/2012/0705 final - 2012/0333 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI I. IL-QAFAS POLITIKU U LEGALI Fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni tas-Summit
tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta’ Mejju 2009, l-UE u
l-pajjiżi sħab iddikjaraw l-appoġġ politiku tagħhom
lejn il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża f’ambjent sikur u
jaffermaw mill-ġdid l-intenzjoni tagħhom li jieħdu passi
gradwali lejn reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini
tagħhom fiż-żmien opportun. Fuq dik il-bażi u bħala l-ewwel pass
konkret ‘il quddiem, fis-16 ta’ Settembru 2011 il-Kummissjoni
ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill sabiex jawtorizza
lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Armenja dwar Ftehim
għall-Faċilitazzjoni tal-Viża. Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija
mill-Kunsill fid-19 ta’ Diċembru 2011, in-negozjati
mar-Repubblika tal-Armenja dwar Ftehim għall-Faċilitazzjoni
tal-Viża nfetħu f’Yerevan fis-27 ta’ Frar 2012. Fl-24 ta’ April 2012 fi Brussell u
fit-28 ta’ Ġunju 2012 f’Yerevan saru żewġ
sessjonijiet oħrajn ta’ negozjati. Fit-18 ta’ Ottubru 2012
it-test finali tal-Ftehim ġie inizjalat min-negozjaturi ewlenin fi
Brussell. Bid-deċiżjoni tal-gvern adottata
fl-4 ta’ Ottubru 2012, l-Armenja ddeċidiet li teżenta
liċ-ċittadini kollha tal-UE, kif ukoll dawk minn pajjiżi
assoċjati ma’ Schengen, mill-obbligu tal-viża, mill-10 ta’ Jannar 2013.
L-Istati Membri ġew mgħarrfa u
kkonsultati b’mod regolari fl-istadji kollha tan-negozjati waqt il-Gruppi ta’
Ħidma tal-Kunsill rilevanti. Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali
għall-Ftehim huwa l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218
tat-TFUE. Il-proposti mehmużin jikkostitwixxu
l-istrumenti legali għall-iffirmar tal-Ftehim. Il-Kunsill
se jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. II. IR-RIŻULTAT
TAN-NEGOZJATI Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu
l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati
tiegħu u li l-abbozz tal-Ftehim hu aċċettabbli
għall-Unjoni. Il-kontenut finali tiegħu jista’
jitqassar kif ġej: –
bħala prinċipju, għall-applikanti
kollha għal viża, ikollha tittieħed deċiżjoni jekk
tinħariġx viża jew le fi żmien għaxart (10) ijiem
tal-kalendarju. Meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju, dan il-perjodu
jista’ jiġi estiż sa 30 jum tal-kalendarju. F’każijiet
urġenti, il-perjodu għat-teħid ta’ deċiżjoni jista’
jitnaqqas għal jumejn ta’ xogħol jew inqas. Bħala regola,
l-applikanti għall-viża jistgħu jkollhom appuntament biex
jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fi żmien
ġimagħtejn mid-data tat-talba u f’każijiet ta’ urġenza
minnufih jew mingħajr appuntament. –
it-tariffa tal-viża
għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ ċittadini mill-Armenja
tammonta għal EUR 35. Din it-tariffa se tiġi applikata
għall-applikanti għall-viża kollha mill-Armenja u tirrigwarda
kemm viżi għal dħul ta’ darba kif ukoll viżi għal
dħul multiplu. Barra minn hekk, ċerti kategoriji ta’ persuni
jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa tat-tariffa tal-viża:
pensjonanti, qraba mill-viċin, membri ta’ gvernijiet nazzjonali u
reġjonali, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li
jipparteċipaw f’attivitajiet tal-gvern, tfal tal-iskola u studenti, persuni
b’diżabilità, ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li
jakkumpanjawhom, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u persuni
mistiedna minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ
tal-Komunità Armena, tfal taħt l-età ta’ 12-il sena, każijiet
umanitarji u persuni li jipparteċipaw fi programmi xjentifiċi,
kulturali, attivitajiet artistiċi u avvenimenti sportivi; –
id-dokumenti dwar l-għan tal-vjaġġ
li għandhom jiġu ppreżentati ġew simplifikati għal xi
kategoriji ta' persuni: qraba mill-viċin, persuni fin-negozju, membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali, tfal tal-iskola u studenti, parteċipanti
f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u sportivi, ġurnalisti, persuni
li jkunu ser jattendu difniet militari u ċivili, rappreżentanti
tas-soċjetà ċivili u parteċipanti f'organizzazzjonijiet
mingħajr skop ta' qligħ fil-komunità Pan-Armena, membri
tal-professjonijiet, sewwieqa li jwettqu servizzi tat-trasport internazzjonali
tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u persuni fuq żjara għal
raġunijiet mediċi. Għal dawn il-kategoriji ta’ persuni,
jistgħu jintalbu biss id-dokumenti elenkati fil-ftehim biex jiġi
ġġustifikat l-għan tal-vjaġġ. Ma tinħtieġ
l-ebda ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra prevista
mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; –
hemm ukoll kriterji simplifikati
għall-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu għal
dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin: (a)
għal membri ta’ gvernijiet nazzjonali u
reġjonali, tal-Qorti Kostituzzjonali u ta' dik Suprema, membri permanenti
ta’ delegazzjonijiet uffiċjali u konjuġi u tfal li jżuru
liċ-ċittadini tal-Armenja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri
jew ċittadini tal-UE li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri li
tagħhom ikunu ċittadini: viżi validi għal ħames snin
(jew inqas, bil-perjodu ta’ validità limitat skont il-mandat tagħhom jew l-awtorizzazzjoni
għal residenza legali); (b)
parteċipanti fi programmi xjentifiċi,
kulturali, programmi uffiċjali ta’ skambju u avvenimenti sportivi,
ġurnalisti, studenti, nies tan-negozju, rappreżentanti
tas-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta'
qligħ tad-dijaspora Pan-Armena, membri tal-professjonijiet u xufiera,
kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu wżaw tajjeb il-viżi ta’
sena (1) għal dħul multiplu u r-raġunijiet għat-talba
għal dħul multiplu jkunu għadhom validi: jinħarġu
viżi validi għal minimu ta' sentejn (2) u massimu ta' ħames (5)
snin; –
ċittadini tal-Armenja li jkunu detenturi ta’
passaporti diplomatiċi validi huma eżenti mill-ħtieġa
tal-viżi għal żjajjar qosra. –
is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri li
għadhom ma japplikawx kompletament l-acquis ta’ Schengen u
l-għarfien unilaterali tagħhom tal-viżi u tal-permessi ta'
residenza ta' Schengen maħruġa lil ċittadini tal-Armenja
għall-għan ta’ transitu fit-territorju tagħhom skont
id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 582/2008/KE, hija indirizzata minn
protokoll. –
Mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni
Konġunta dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 dwar il-passaporti
diplomatiċi. –
Mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni tal-UE
dwar dokumenti li għandhom jitressqu meta ssir l-applikazzjoni għal
viżi għal żjajjar qosra. –
Mal-Ftehim hemm mehmuża Dikjarazzjoni
Konġunta dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu dokumenti
tal-ivvjaġġar u l-iskambju regolari ta' informazzjoni dwar is-sigurtà
ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. –
is-sitwazzjonijiet speċifiċi
tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu.
L-assoċjazzjoni mill-qrib tal-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u
l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen hi ugwalment riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim. III. KONKLUŻJONIJIET Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq,
il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill –
jiddeċiedi li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u
r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ
tal-viżi jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-Kummissjoni
biex taħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem
l-Unjoni. 2012/0333 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni
Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni
tal-ħruġ ta’ viżi IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2a),
flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Id-Dikjarazzjoni Konġunta
tas-Summit ta’ Praga tas-Sħubija tal-Lvant
tas-7 ta’ Mejju 2009 li tiddikjara appoġġ politiku
lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża u l-intenzjoni li jittieħdu passi
gradwali lejn l-ivvjaġġar mingħajr viża
għaċ-ċittadini tagħhom fiż-żmien dovut. (2) Fid-19 ta’ Diċembru 2011
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati
mar-Repubblika tal-Armenja dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika
tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi.
In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim
fit-18 ta’ Ottubru 2012. (3) Il-Ftehim għandu
jiġi ffirmat min-negozjatur f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett
għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. (4) F’konformità mal-Protokoll
dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’
Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u
filwaqt li jikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma
japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda; (5) F’konformità mal-Protokoll
dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jikkonferma li
d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għad-Danimarka, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Kummissjoni hija awtorizzata tiffirma,
f’isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika
tal-Armenja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal viżi, u
tinnomina lill-persuni bis-setgħa li jipproċedu għall-iffirmar. It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM
bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja
dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi L-UNJONI EWROPEA,
minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni"; U IR-REPUBBLIKA
TAL-ARMENJA, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Armenja, minn issa ‘l
quddiem imsejħa "il-Partijiet", FILWAQT LI
JIXTIEQU jiffaċilitaw il-kuntatti bejn in-nies bħala kundizzjoni
importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji,
kulturali, xjentifiċi u oħrajn, permezz tal-faċilitazzjoni
tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Armenja, FILWAQT LI JQISU
l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn
l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u
l-Armenja, min-naħa l-oħra, kif ukoll l-intenzjoni tal-Partijiet li
jkun konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja, WARA LI
KKUNSIDRAW id-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits ta’ Praga u ta’
Varsavja dwar is-Sħubija tal-Lvant li saru
fis-7 ta’ Mejju 2009 u fit-30 ta’ Settembru 2011
rispettivament, li fiha ġie ddikjarat l-appoġġ politiku lejn
il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża f’ambjent sikur, FILWAQT LI
JAFFERMAW MILL-ĠDID l-intenzjoni li jieħdu passi gradwali lejn
reġim ħieles mill-viża għaċ-ċittadini
tagħhom fi żmien dovut, sakemm ikun hemm il-kundizzjonijiet għal
mobilità ġestita tajjeb u sikura, FILWAQT LI JQISU
li, mill-10 ta’ Jannar 2013, iċ-ċittadini kollha
tal-Unjoni huma eżenti mir-rekwiżit tal-viża meta
jivvjaġġaw lejn l-Armenja għal perjodu ta’ żmien li ma
jaqbiżx id-90 jum jew meta jkunu fi transitu mit-territorju tal-Armenja, FILWAQT LI
JAGĦRFU li jekk l-Armenja ddaħħal mill-ġdid
ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew
għal xi kategoriji minnhom, l-istess faċilitazzjonijiet mogħtija
taħt dan il-Ftehim liċ-ċittadini tal-Armenja jkunu awtomatikament,
fuq bażi ta’ reċiproċità, japplikaw
għaċ-ċittadini konċernati tal-Unjoni, FILWAQT LI JQISU
li dawn ir-rekwiżiti tal-viża jistgħu jerġgħu
jiddaħħlu biss għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jew
għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Unjoni, FILWAQT LI
JAGĦRFU li l-faċilitazzjoni tal-viża m’għandhiex twassal
għal migrazzjoni illegali u filwaqt li jagħtu attenzjoni
speċjali lis-sigurtà u r-rijammissjoni, FILWAQT LI JQISU
l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward
tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis
ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u
jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx
għar-Renju Unit u l-Irlanda, FILWAQT LI JQISU
l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u
jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx
għar-Renju tad-Danimarka, QABLU KIF
ĠEJ: Artikolu 1 Għan u kamp ta’ applikazzjoni 1. L-għan
ta’ dan il-Ftehim hu li jiffaċilita l-ħruġ ta’ viżi
għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta’
180 jum għaċ-ċittadini tal-Armenja. 2. F’każ li
l-Armenja ddaħħal mill-ġdid ir-rekwiżiti tal-viża
għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew għal xi kategoriji minnhom,
l-istess faċilitazzjonijiet mogħtija taħt dan il-Ftehim
liċ-ċittadini tal-Armenja jkunu awtomatikament, fuq bażi ta’
reċiproċità, japplikaw għaċ-ċittadini konċernati
tal-Unjoni, Artikolu 2 Klawżola Ġenerali 1. Il-faċilitazzjonijiet
tal-viża provduti f’dan il-Ftehim japplikaw għaċ-ċittadini
tal-Armenja biss safejn ma jkunux eżenti mir-rekwiżit tal-viża
bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, b’dan
il-Ftehim jew bi ftehimiet internazzjonali oħra. 2. Il-liġi
nazzjonali tal-Armenja jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni
japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’
dan il-Ftehim, bħar-rifjut li tinħareġ viża,
ir-rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, evidenza ta’ mezzi ta’
għajxien suffiċjenti u l-miżuri dwar rifjut tad-dħul u ta’
espulsjoni. Artikolu 3 Definizzjonijiet Għall-fini
ta’ dan il-Ftehim: (a) “Stat Membru”
tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni
tar-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Irlanda, u r-Renju Unit; (b)
“ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif iddefinit
fil-punt (a); (c)
“ċittadin tal-Armenja” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha
ċ-ċittadinanza tal-Armenja skont il-leġiżlazzjoni
tar-Repubblika tal-Armenja; (d) “viża”
tfisser: awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru fil-konfront ta’
intenzjoni ta’ transitu mit-territorju tal-Istati Membru, jew ta’ żjara
intiża fihom ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum; (e) “persuna
legalment residenti” tfisser: ċittadin tal-Armenja awtorizzat jew
intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat
Membru, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-leġiżlazzjoni
nazzjonali. Artikolu 4 Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ 1.
Għall-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini tal-Armenja,
id-dokumenti li ġejjin huma biżżejjed sabiex
jiġġustifikaw l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti
l-oħra: (a) għal
qraba mill-viċin – konjuġi, ulied (inklużi dawk adottati),
ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet li jżuru
ċittadini tal-Armenja li huma legalment residenti fit-territorju
tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti
fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini: - talba
bil-miktub mill-persuna ospitanti; (b) għal
membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali inklużi membri permanenti ta’
tali delegazzjonijiet li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Armenja,
jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi
ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed
mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi: - ittra
maħruġa minn awtorità kompetenti tal-Armenja li tikkonferma li
l-applikant ikun membru ta’ delegazzjoni tagħha, rispettivament membru
permanenti tad-delegazzjoni tagħha, li qed jivvjaġġa lejn
it-territorju tal-Parti l-oħra biex jipparteċipa f’dawn l-avvenimenti
imsemmija, flimkien ma’ kopja tal-istedina uffiċjali; (c) għal
tfal tal-iskola, studenti, persuni gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom
li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ
edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll
attivitajiet oħra marbuta mal-iskola: - talba
bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università,
kulleġġ jew skola ospitanti, jew karti tal-istudenti jew
ċertifikati tal-korsijiet li ser jattendu għalihom; (d) għal
persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi
u l-persuni li jkun jeħtieġ li jakkumpanjawhom: - dokument
uffiċjali tal-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’
kura medika f’din l-istituzzjoni, in-neċessità tal-akkompanjament, u
evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas
it-trattament mediku. (e)
għall-ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali: - ċertifikat
jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew
minn min iħaddem lill-applikant, li jixhed li l-persuna konċernata hi
ġurnalist kwalifikat u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu
li jwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru
tal-ekwipaġġ tekniku li qed jakkumpanja l-ġurnalist
f’kapaċità professjonali; (f) għal
parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li
jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali: - talba
bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti, mill-awtoritajiet kompetenti,
mill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali jew mill-Kumitati Olimpiċi
nazzjonali tal-Istat Membru; (g)
għan-nies tan-negozju jew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju: - talba
bil-miktub mill-persuna ġuridika jew kumpanija ospitanti, organizzazzjoni
jew uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika, jew
kumpanija jew awtoritajiet statali jew lokali tal-Istati Membri jew kumitati
organizzattivi jew wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u
simpożji li jsiru fit-territorji ta’ xi wieħed mill-Istati Membri,
approvata mill-awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni
nazzjonali; (h) għal
membri tal-professjonijiet li jkunu qed jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali,
konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti simili: - talba
bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti li tikkonferma li l-persuna
kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment; (i) għal
rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u
persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ
tal-komunità Armena reġistrati fl-Istati Membri meta jagħmlu
vjaġġi għall-iskopijiet ta’ taħriġ edukazzjonali,
seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju jew
programmi ta’ sostenn Pan-Armeni u tal-komunità: - talba
mill-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni ospitanti, konferma li
l-persuna tkun qiegħda tirrappreżenta lill-organizzazzjoni
tas-soċjetà ċivili jew tipparteċipa f’attivitajiet ta’ sostenn
Pan-Armeni jew tal-komunità u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’
tali organizzazzjoni mir-reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità
statali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; (j) għal
persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi,
akkademiċi, kulturali jew artistiċi, inklużi programmi
universitarji u programmi oħra ta’ skambju: - talba
bil-miktub mill-organizzazzjoni ospitanti biex jieħdu sehem f’dawk
l-attivitajiet; (k) għal
xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’
passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi
reġistrati fl-Armenja: - talba
bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali (il-union) ta’ kumpaniji
tat-trasport tal-Armenja li jipprovdu għal trasport internazzjonali
bit-triq, li tiddikjara l-għan, l-itinerarju, it-tul u l-frekwenza
tal-vjaġġi; (i) għal
parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn
bliet ġemellati u entitajiet muniċipali oħrajn: - talba
bil-miktub mill-Kap tal-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew
awtoritajiet muniċipali; (m) għal
żjarat f'ċimiterji militari u ċivili: - dokument
uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif
ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna
midfuna; 2.
Għall-finijiet tal-Artikolu preżenti t-talba bil-miktub tinkludi
l-punti li ġejjin: (a) għall-persuna
mistiedna: isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru
tal-passaport, ħin u għan tal-vjaġġ, numru ta’ daħliet
u fejn rilevanti l-isem tal-konjuġi u tat-tfal li qed jakkumpanjaw lill-persuna
mistiedna; (b) għall-persuna
li tistieden: isem, kunjom u indirizz; (c)
għall-persuna ġuridika, kumpanija jew organizzazzjoni li tistieden:
l-isem u l-indirizz sħaħ u: – jekk
it-talba ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, l-isem u l-pożizzjoni
tal-persuna li tiffirma t-talba; – jekk
il-persuna li tistieden hija persuna ġuridika jew kumpannija jew
uffiċċju jew fergħa ta’ tali persuna ġuridika jew kumpanija
stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, in-numru tar-reġistrazzjoni kif
mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. 3. Għall-kategoriji
ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kategoriji
kollha tal-viżi jinħarġu skont il-proċedura simplifikata
mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda ġustifikazzjoni, invit jew
validazzjoni ulterjuri dwar l-għan tal-vjaġġ, previst
mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet. Artikolu 5 Il-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu 1. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri
joħorġu viżi għal dħul multiplu b’terminu ta’ validità
ta’ ħames (5) snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni: (a) konjuġi,
tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 sena jew
ikunu dipendenti, u ġenituri (inklużi kustodji), li jkunu qed
iżuru ċittadini tal-Armenja li jkunu legalment residenti fl-Istati
Membri, jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju
tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini; (b) membri ta’
gvernijiet nazzjonali u reġjonali u tal-Qorti Kostituzzjonali u dik
Suprema, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża
bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirjiethom; (c) membri
permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali
indirizzata lill-Armenja, għandhom jipparteċipaw regolarment
f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif
ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn
organizzazzjonijiet intergovernattivi; B’deroga, meta
l-ħtieġa jew l-intenzjoni ta’ vjaġġar sikwit jew regolari
tkun manifestament limitata għal perjodu iqsar, il-perjodu tal-validità
tal-viża ta’ dħul multplu jkun limitat għal dak il-perjodu,
partikolarment meta: - fil-każ
tal-persuni msemmija fil-punt a, il-perjodu ta’ validità
tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta’ ċittadini tal-Armenja
legalment residenti fl-Unjoni Ewropea, - fil-każ
tal-persuni msemmija fil-punt b, it-tul ta’ żmien tal-kariga, - fil-każ
tal-persuni msemmija fil-punt c, il-perjodu tal-validità tal-istatus
bħala membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali, ikun inqas minn
ħames snin. 2. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri
joħorġu viżi għal dħul multiplu b’perjodu ta’ validità
ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba
matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu
użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju
tal-Istat li żaru: (a) membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata
lill-Armenja, jipparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat,
konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll
f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn
organizzazzjonijiet intergovernattivi; (b)
rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u persuni
mistiedna minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ
tal-komunità Armena reġistrati fl-Istati Membri meta jagħmlu
vjaġġi lejn l-Istati Membri għall-iskopijiet ta’
taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’
programmi ta’ skambju jew programmi ta’ sostenn Pan-Armeni u tal-komunità; (c) membri
tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali,
konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti simili oħra li
jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri; (d) persuni li
jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali jew artistiċi,
inklużi programmi tal-università u programmi oħrajn ta’ skambju li
jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri; (e) studenti u
persuni gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-iskop ta’
studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’
skambju; (f)
parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn
bliet ġemellati u entitajiet muniċipali oħrajn; (g) persuni li
jeħtieġu li jagħmlu żjarat regolari għal
raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom; (h)
ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali; (i) nies
fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li
jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri; (j) parteċipanti
f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali; (k) xufiera li
jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’
passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi
reġistrati fl-Armenja. B’deroga
mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li
jivvjaġġaw sikwit jew regolarment hija manifestament limitata
għal perjodu iqsar, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-viża
għal dħul multiplu ikun limitat għal dak il-perjodu. 3. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri
joħorġu viżi għal dħul multiplu b’perjodu ta’ validità
minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ ħames (5) snin għall-kategoriji
ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il
darba fis-sentejn (2) ta’ qabel ikunu wżaw il-viżi għal
dħul multiplu għal sena skont il-liġijiet dwar id-dħul u
r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa
jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment ma tkunx
manifestament limitata għal perjodu iqsar, li f’dan il-każ il-perjodu
tal-validità tal-viża għal dħul multiplu jkun limitat għal
dak il-perjodu. 4. Il-perjodu
totali taż-żjara tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’
dan l-Artikolu m’għandux ikun itwal minn 90 jum ghal kull perjodu ta’ 180
jum fit-territorju tal-Istati Membri. Artikolu 6 Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal
viża 1. Il-ħlas
għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-viża jammonta
għal EUR 35. Dan l-ammont
jista’ jiġi rivedut skont il-proċedura prevista
fl-Artikolu 14(4). 2. Mingħajr
ħsara għall-paragrafu 3 il-ħlasijiet
għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża
jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni: (a) pensjonanti; (b) tfal
taħt l-età ta’ 12-il sena; (c) membri ta’
gvernijiet nazzjonali u reġjonali, u tal-Qorti Kostituzzjonali u Qorti
Suprema, jekk ma jkunux eżentati mir-rekwiżit tal-viża b’dan
il-Ftehim; (d) persuni
b’diżabbiltà u l-persuni li jakkumpanjawhom, jekk meħtieġ; (e) qraba
mill-viċin – konjuġi, ulied (inklużi dawk adottati),
ġenituri (inklużi kustodji), nanniet jew neputijiet – ta’
ċittadini tal-Armenja legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri
jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru
li tiegħu huma ċittadini; (f) membri ta’
delegazzjonijiet uffiċjali inklużi membri permanenti ta’
delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata
lill-Armenja, jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati
jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’
wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi; (g) tfal
tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li
jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ
edukattiv, inklużi programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra
marbuta mal-iskola; (h)
ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom
f’kapaċità professjonali; (i)
parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li
jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali; (j) rappreżentanti
ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u persuni mistiedna minn
organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tal-komunità Armena
reġistrati fl-Istati Membri meta jagħmlu vjaġġi
għall-iskopijiet ta’ taħriġ edukazzjonali, seminars, konferenzi,
inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju jew programmi ta’ sostenn
Pan-Armeni u tal-komunità: (k) persuni li
jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, akkademiċi,
kulturali jew artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi
oħra ta’ skambju; (l) persuni li
jkunu ppreżentaw dokumenti li jippruvaw il-ħtieġa li
jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex
jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew
li jattendu funeral ta’ qarib mill-viċin, jew biex iżuru qarib
mill-viċin li għandu mard serju. 3. Jekk Stat
Membru jikkoopera ma’ fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ
ta’ viża, il-fornitur tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas
għas-servizz. Dan il-ħlas għandu jkun proporzjonat ma’ kemm ikun
nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet
tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. L-Istati Membri
jżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw
l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom. Għall-Unjoni,
il-fornitur estern tas-servizzi għandu jwettaq l-operazzjonijiet
tiegħu skont il-Kodiċi tal-Viżi u fir-rispett sħiħ
tal-leġiżlazzjoni Armena. Artikolu 7 Tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’
applikazzjonijiet għall-viża 1. Missjonijiet
diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jieħdu
deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien
għaxart (10) ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti
meħtieġa għall-ħruġ tal-viża. 2. Il-perjodu
ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni
għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet
individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju
tal-applikazzjoni. 3. Il-perjodu
biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża
jista’ jitnaqqas għal jumejn (2) ta' xogħol jew inqas f’każijiet
urġenti. 4. Jekk
l-applikanti jkunu obbligati jiksbu appuntament għall-preżentazzjoni
ta’ applikazzjoni, l-appuntament iseħħ, bħala regola, fi
żmien ġimagħtejn mid-data ta’ meta jkun intalab l-appuntament.
F’każijiet ta’ urġenza ġġustifikati, l-applikanti
għandhom jitħallew mill-konsulat jippreżentaw l-applikazzjoni
tagħhom mingħajr appuntament, jew jingħata appuntament minnufih. Artikolu 8 Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew mistruqa Iċ-ċittadini
tal-Unjoni u tal-Armenja li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom,
jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom
fit-territorju tal-Armenja jew tal-Istati Membri, jistgħu jħallu
t-territorju tal-Armenja u tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’
identità validi li jippermettulhom il-qsim tal-konfini, maħruġa minn
missjonijiet diplomatiċi jew postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri
jew tal-Armenja mingħajr xi viża jew awtorizzazzjoni oħra. Artikolu 9 Estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni Iċ-ċittadini
tal-Armenja li ma jkollhomx il-possibblità li jħallu t-territorju
tal-Istati Membri fiż-żmien stabbilit fil-viżi tagħhom
minħabba raġunijiet ta’ force majeure jew umanitarji jkollhom
il-perjodu ta’ validità tal-viżi tagħhom estiż mingħajr
ħlas skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat Membru li jkun
qed jilqa’, għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom
lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom. Artikolu 10 Passaporti diplomatiċi 1. Iċ-ċittadini
tal-Armenja detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu
fit-territorji tal-Istati Membri, joħorġu minnhom jew
jivvjaġġaw minn ġo fihom mingħajr viżi. 2. Persuni
msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu joqogħdu mingħajr
viża fit-territorji tal-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx
id-90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum. Artikolu 11 Il-validità territorjali tal-viżi Soġġetti
għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Istati
Membri u soġġetti għar-regoli tal-UE dwar viżi b’validità
territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Armenja jkunu intitolati
sabiex jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri fuq bażi
ugwali maċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 12 Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim Il-Partijiet
iwaqqfu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ
“il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Armenja.
L-Unjoni tkun rappreżentata mill-Kummissjoni, assistita minn esperti
mill-Istati Membri. 2. Il-Kumitat,
b’mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin: (a) jissorvelja
l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim attwali; (b)
jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim attwali; (c) isolvi
t-tilwim li jirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet f’dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat
jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda
mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena. 4. Il-Kumitat
għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. Artikolu 13 Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn Stati
Membri u l-Armenja Mid-dħul
fis-seħħtiegħu, dan il-Ftehim jieħu preċedenza fuq
id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali
jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u
l-Armenja, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti
jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti. Artikolu 14 Klawżoli finali 1. Dan
il-Ftehim jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont
il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ
fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil
xulxin li l-proċeduri msemmija hawn taħt ikunu tlestew. 2. B’deroga
mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jidħol
fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja dwar rijammissjoni jekk din id-data tkun wara
d-data stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. Dan
il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm
ma jkunx terminat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. 4. Dan
il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi
jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin
dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma
meħtieġa għal dan l-għan. 5. Kull
Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew kollu kemm hu għal
raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u
protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar
is-sospensjoni tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard
minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun
issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tgħarraf minnufih
lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux
għadhom japplikaw. 6. Kull
Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra
bil-miktub. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara d-data ta’
tali notifika. Magħmul
f'XXX f'XXX, f'żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek,
id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż,
il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż,
it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż,
ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, u l-Armen, b’kull
wieħed minn dawn it-testi ikun awtentiku bl-istess mod. ANNESS PROTOKOLL għall-Ftehim dwar l-Istati Membri li ma japplikawx
bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen Dawk l-Istati
Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom
ma joħorġux il-viżi ta’ Schengen, filwaqt li jistennew
id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f’dan is-sens, joħorġu
viżi nazzjonali li l-validità tagħhom hija limitata għat-territorju
tagħhom stess. Skont
id-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tintroduċi reġim
simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun
ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u
mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti
għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’
tranżitu mit-territorji tagħhom[1]
ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-transitu
ta’ detenturi ta’ viżi ta’ Schengen u ta’ permessi ta’ residenza ta’
Schengen madwar it-territorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx
bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar
passaporti diplomatiċi Kemm l-Unjoni kif
ukoll l-Armenja tista’ tinvoka sospensjoni parzjali tal-ftehim u partikolarment
tal-Artikolu 10, skont il-proċedura stabbilita
bl-Artikolu 14(5), jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tkun
abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida
għas-sigurtà pubblika. Fil-każ ta’
sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10, iż-żewġ
Partijiet jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat Konġunt
stabbilit bil-ftehim bil-ħsieb li jsolvi problemi li jwasslu għal
sospensjoni. Bħala
prijorità, iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw l-impenn tagħhom
sabiex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà għall-passaporti
diplomatiċi, partikolarment billi jintegraw identifikanti
bijometriċi. Għall-Unjoni, dan ikun żgurat f’konformità
mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2252/2004
tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards
għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi
f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati
Membri[2]. Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar dokumenti li għandhom
jitressqu meta ssir l-applikazzjoni għal viżi għal żjajjar
qosra L-Unjoni Ewropea
se tintensifika l-isforzi u tirsisti biex tfassal qabel id-dħul
fis-seħħ tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża bejn
l-UE u l-Armenja lista ta’ rekwiżiti minimi sabiex tiżgura li
l-applikanti Armeni jingħataw informazzjoni bażika koerenti u
uniformi, skont l-Artikolu 47(1)(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, u
huma meħtieġa jissottomettu, bħala prinċipju, l-istess
dokumenti ta’ appoġġ. L-informazzjoni
msemmija hawn fuq għandha tiġi disseminata b’mod wiesgħa (fuq
it-tabelli ta' informazzjoni ta' konsulati, f’fuljetti, fuq websajts,
eċċ.). Dikjarazzjoni Konġunta dwar id-Danimarka Il-Partijiet
jieħdu nota li dan il-Ftehim mhux applikabbli għall-proċeduri
tal-ħruġ ta' viżi mill-missjonijiet diplomatiċi u
s-servizzi konsulari tad-Danimarka. F’ċirkustanzi
bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u tal-Armenja
jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar il-faċilitazzjoni
tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili
għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja. Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda Il-Partijiet
jinnotaw li dan il-Ftehim preżenti mhux applikabbli fit-territorju
tar-Renju Unit u fl-Irlanda. F'dawn
iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit,
l-Irlanda u l-Armenja jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar
il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi. Dikjarazzjoni Konġunta li tikkonċerna l-Islanda,
in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein Il-Partijiet
jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera,
l-Islanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja, b’mod partikolari
bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u
tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn
il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen. F’dawn
iċ-ċirkostanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tal-Isvizzera,
l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, u l-Armenja, jikkonkludu,
mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni
tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili
bħall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja. Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kooperazzjoni fejn jidħlu
dokumenti tal-ivvjaġġar Il-Partijiet
jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim,
meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa
l-impatt tal-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar
rispettivi dwar il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan,
il-Partijiet jaqblu li jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar il-miżuri
li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta' dokumenti
tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi
tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar
il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti
tal-ivvjaġġar. *** [1] ĠU L 161, 20.6.2008, p. 30. [2] ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 375.