This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0628
Proposal for a DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL amending Directive 2011/92/EU on the assessment of the effects of certain public and private projects on the environment
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent
/* COM/2012/0628 final - 2012/0297 (COD) */
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent /* COM/2012/0628 final - 2012/0297 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Kuntest ġenerali - Raġunijiet
għall-proposta u l-objettivi tagħha Id-Direttiva 2011/92/UE[1] fiha rekwiżit legali biex
titwettaq stima tal-impatt fuq l-ambjent (EIA) ta' proġetti pubbliċi
u privati li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, qabel dawn ma
jiġu awtorizzati. Hemm kunsens li l-objettiv ewlieni tad-Direttiva
ntlaħaq; il-prinċipji tal-istima ambjentali ġew armonizzati
madwar l-UE bl-introduzzjoni ta' rekwiżiti minimi rigward it-tip ta'
proġetti soġġetti għall-istima, l-obbligi ewlenin
tal-iżviluppatur, il-kontenut tal-istima u l-parteċipazzjoni
tal-awtoritajiet kompetenti u l-pubbliku. B’mod parallel, bħala parti
mill-proċess tal-kunsens għall-iżvilupp, l-EIA hija għodda
biex tivvaluta l-kostijiet u l-vantaġġi ambjentali ta' proġetti
speċifiċi bil-għan li tiżgura s-sostenibbiltà tagħhom.
Għalhekk, id-Direttiva saret strument ewlieni tal-integrazzjoni ambjentali
u ġabet magħha vantaġġi ambjentali u
soċjoekonomiċi. Wara 25 sena ta’ applikazzjoni, id-Direttiva dwar
l-EIA ma nbidlitx b'mod sinifikanti, filwaqt li l-kuntest ta' politika, kif
ukoll dak legali u tekniku evolva konsiderevolment. L-esperjenza
fl-implimentazzjoni, kif riflessa fir-rapporti tal-Kummissjoni dwar
l-applikazzjoni u l-effettività tad-Direttiva dwar l-EIA, inkluż
l-aħħar wieħed ippubblikat f'Lulju 2009[2], identifikat għadd ta’
nuqqasijiet. Fl-analiżi ta' nofs it-terminu tas-Sitt (6) Programm ta'
Azzjoni Ambjentali[3],
il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li titjieb l-istima tal-impatti
ambjentali fuq livell nazzjonali u ħabbret reviżjoni tad-Direttiva
dwar l-EIA. Fil-kuntest tar-Regolamentazzjoni Aħjar, id-Direttiva
ġiet identifikata wkoll bħala għodda potenzjali
għas-simplifikazzjoni[4].
L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa li taġġusta
d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kodifikata dwar l-EIA, sabiex jiġu
kkoreġuti n-nuqqasijiet, jirreflettu bidliet u sfidi ambjentali u
soċjoekonomiċi li għaddejjin bħalissa, u jikkonformaw
mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Konsistenza ma' politiki u objettivi
oħrajn tal-Unjoni Billi d-Direttiva dwar l-EIA jista’ jkollha rwol
kruċjali fil-ksib tal-effiċjenza fir-riżorsi (eż. billi
jiġu introdotti rekwiżiti ġodda għall-istima ta'
kwistjonijiet bħall-bijodiversità u t-tibdil fil-klima li huma relatati
mal-użu tar-riżorsi naturali), il-proposta hija parti
mill-inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jimplimentaw il-Pjan
Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[5]. Barra minn hekk,
ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-EIA tappoġġa
l-istrateġija Ewropa 2020[6],
partikolarment il-prijorità ta' tkabbir sostenibbli. Id-Direttiva riveduta
tista' tikkontribwixxi ukoll b'mod sinifikanti lejn l-obbligu tal-Unjoni li
tqis l-aspetti kulturali fil-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMI TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-konsultazzjoni saret fl-2010, skont
l-istandards tal-Kummissjoni. Minn Ġunju sa Settembru 2010, tnediet
konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar
l-EIA, bl-użu ta’ kwestjonarju onlajn disponibbli fil-lingwi
uffiċjali kollha tal-UE. Waslu 1365 tweġiba (684 minn ċittadini,
479 minn organizzazzjonijiet, kumpaniji u NGOs, 202 minn awtoritajiet u
amministrazzjonijiet pubbliċi). Minbarra dan, l-Istitut ta' Ġestjoni
u Stima Ambjentali (IEMA)[7]
bagħat kontribut (1815 tweġiba) fl-għamla ta' stħarriġ
li jinkorpora għadd ta' mistoqsijiet tal-Kummissjoni. Il-fażi ta'
konsultazzjoni ġiet konkluża permezz ta' Konferenza
(fit-18-19/11/2010, f'Leuven, il-Belġju), li kkomplementat
il-konsultazzjoni pubblika wiesgħa billi laqgħet il-kontribut ta'
partijiet involuti speċjalizzati. 200 rappreżentant mill-UE u
istituzzjonijiet internazzjonali, awtoritajiet pubbliċi – fil-livelli
nazzjonali, reġjonali u lokali – l-industrija, l-organizzazzjonijiet
ambjentali, u l-komunità akkademika kienu preżenti għal din
il-konferenza. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika[8] u l-konklużjonijiet
tal-Konferenza[9]
pprovdew kontribut utli għall-iżvilupp tal-proposta tal-Kummissjoni. Ir-riżultat tal-istima tal-impatt L-istima tal-impatt, li qed tiġi
ppreżentata ma’ din il-proposta, identifikat nuqqasijiet attwali
tal-leġiżlazzjoni tal-EIA li jwasslu għal implimentazzjoni mhux
sodisfaċenti (ebda dispożizzjoni li tiżgura l-kwalità
tal-informazzjoni u standards ta' kwalità fil-proċess tal-EIA u
d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni) u l-kostijiet soċjoekonomiċi
fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Jekk dawn il-problemi ma jiġux
indirizzati adegwatament, id-Direttiva se ssir inqas effettiva u
effiċjenti u ma tkunx tista' tiżgura l-integrazzjoni
tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Barra minn hekk, il-kostijiet soċjoekonomiċi x'aktarx jaffettwaw
negattivament l-armonizzazzjoni tas-suq intern. In-nuqqasijiet tad-Direttiva
jistgħu jinġabru fi tliet oqsma problematiċi
speċifiċi: (1) il-proċedura ta' skrinjar, (2) il-kwalità u
l-analiżi tal-EIA u (3) ir-riskji ta' inkonsistenzi fi ħdan
il-proċess tal-EIA innifsu u fir-rigward ta' leġiżlazzjoni
oħra. L-istima tal-impatt ivvalutat għadd ta’
alternattivi ta’ politika bil-għan li tidentifika miżuri
kosteffettivi biex tindirizza dawn il-problemi. L-eżitu wassal
lill-Kummissjoni biex tipproponi għadd ta’ emendi li, fosthom, dawn huma
l-ewlenin: Huwa propost li tiġi ċċarata
il-proċedura ta' skrinjar, billi jiġu mmodifikati l-kriterji
tal-Anness III u jiġu speċifikati l-kontenut u
l-ġustifikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta' skrinjar. Dawn l-emendi
għandhom jiżguraw li l-EIAs jitwettqu biss għal proġetti li
jista’ jkollhom effetti ambjentali sinifikanti, biex jiġi evitat piż
amministrattiv żejjed għal proġetti fuq skala żgħira. Fir-rigward tal-kwalità u analiżi tal-EIA,
qed tiġi proposta l-introduzzjoni ta' emendi li jsaħħu l-kwalità
tal-proċess (jiġifieri definizzjoni obbligatorja tal-ambitu u
kontroll tal-kwalità tal-informazzjoni tal-EIA), l-ispeċifikazzjoni
tal-kontenut tar-rapport tal-EIA (stima obbligatorja ta' alternattivi
raġonevoli, ġustifikazzjoni tad-deċiżjonijiet finali,
monitoraġġ post-EIA obbligatorju ta' effetti negattivi sinifikanti) u
l-adattament tal-EIA għall-isfidi (jiġifieri il-bijodiversità,
it-tibdil fil-klima, ir-riskju ta' diżastri, id-disponibbiltà
tar-riżorsi naturali). Fir-rigward tar-riskji ta’ inkonsistenzi,
huwa propost li jiġu speċifikati t-termini ta' żmien
meħtieġa mid-Direttiva (konsultazzjoni pubblika, deċiżjoni
ta' skrinjar, deċiżjoni finali tal-EIA) u jiġi introdott
mekkaniżmu, speċi ta' punt uniku ta' servizz tal-EIA biex
jiżgura koordinazzjoni jew operazzjoni konġunta tal-EIA mal-istimi
ambjentali meħtieġa taħt leġiżlazzjoni rilevanti
oħra tal-UE, eż. id-Direttivi 2010/75/UE, 92/43/KEE, 2001/42/KE. Disgħa mit-tnax-il emenda analizzati huma
mistennija li jipprovdu vantaġġi ambjentali u
soċjoekonomiċi sinifikanti mingħajr spejjeż amministrattivi
addizzjonali; huwa mistenni wkoll iffrankar moderat. Żewġ emendi
(stima ta' alternattivi u monitoraġġ) huma mistennija li jipprovdu
vantaġġi ambjentali u soċjoekonomiċi għolja bi
spejjeż moderati għall-iżviluppaturi u spejjeż limitati jew
negliġibbli għall-awtoritajiet pubbliċi; emenda waħda
(adattament tal-EIA għall-isfidi ġodda) hija mistennija tipprovdi
vantaġġi kbar bi spejjeż moderati sa dawk għoljin
għall-iżviluppaturi u l-awtoritajiet pubbliċi. Fuq perjodu ta'
żmien twil, il-vantaġġi ambjentali u soċjoekonomiċi
sinifikanti u l-iffrankar moderat assoċjati mal-emendi proposti huma
mistennija jissuperaw l-ispejjeż amministrattivi. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta se ssaħħaħ
id-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tal-EIA bil-għan li jinkiseb
livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. Tabilħaqq, il-ħila li
jittieħdu deċiżjonijiet validi dwar l-impatt ta' proġett
fuq l-ambjent jiddependi – sa ċertu punt – fuq il-kwalità
tal-informazzjoni użata fid-dokumentazzjoni tal-EIA u l-kwalità
tal-proċess tal-EIA. Barra minn hekk, il-proposta se ttejjeb il-koerenza
tal-politika u s-sinerġiji ma' strumenti oħra tal-liġi tal-UE u
tissimplifika l-proċeduri, bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet
amministrattivi żejda. Informazzjoni speċifika dwar l-Artikoli u
l-Annessi emendati tad-Direttiva tal-EIA qed tingħata hawn taħt. It-tibdiliet għall-Artikoli 1(2), 1(3) u
1(4) għandhom l-għan li jiċċaraw it-termini
tad-Direttiva, abbażi tal-esperjenza fl-implimentazzjoni u
l-ġurisprudenza tal-Qorti. Id-definizzjoni ta’ “proġett” qed
tiġi emendata biex tagħmilha ċara li x-xogħlijiet ta'
twaqqigħ huma inklużi, f’konformità mas-sentenza tal-Qorti
fil-każ C-50/09; iddaħħlu wkoll definizzjonijiet rilevanti.
Il-possibbiltà li ma tiġix applikata d-Direttiva hija limitata għal
proġetti li għandhom id-difiża nazzjonali bħala l-uniku
għan tagħhom u hija estiża biex tkopri emerġenzi
ċivili, kif inhu diġà l-każ skont id-Direttiva 2001/42/KE. L-Artikolu 2(3) huwa emendat biex
jintroduċi punt uniku ta' servizz tal-EIA, li jippermetti l-integrazzjoni
jew il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ stima skont id-Direttiva dwar
l-EIA u leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Il-modifiki għall-Artikolu 3
għandhom l-għan li jiżguraw konsistenza mal-Artikolu 2(1),
jiġifieri billi jirreferu għal effetti “sinifikanti ”, u jadattaw
l-EIA għal kwistjonijiet ambjentali (il-bijodiversità, it-tibdil
fil-klima, ir-riskju ta' diżastri, l-użu tar-riżorsi naturali). It-tibdiliet introdotti fl-Artikolu 4
jirrazzjonalizzaw il-proċedura ta’ skrinjar u jsaħħu
l-konsistenza tal-approċċi tal-Istati Membri biex jiżguraw li
l-EIAs huma meħtieġa biss fejn huwa ċar li hemm impatti
ambjentali sinifikanti. Għall-proġetti elenkati fl-Anness II,
qed jiddaħħal paragrafu ġdid rigward l-obbligu li tingħata
informazzjoni speċifika mill-iżviluppatur lill-awtorità kompetenti
(dettalji fl-Anness II.A). Dan l-Artikolu jipprevedi wkoll
speċifikazzjoni tal-kriterji tal-għażla elenkati
fl-Anness III permezz ta’ atti delegati. Il-kontenut
tad-deċiżjoni dwar l-iskrinjar huwa speċifikat biex jirrikonoxxi
l-prattika ta' suċċess tal-adattament ta’ proġetti taħt
ċerti prekundizzjonijiet (abbażi ta' konsiderazzjoni tal-impatti
l-aktar rilevanti u informazzjoni ġġenerata taħt
leġiżlazzjoni ambjentali oħra tal-Unjoni), li jistgħu
jevitaw li titwettaq stima sħiħa, billi l-impatti ambjentali l-aktar
rilevanti jkunu indirizzati b'mod sodisfaċenti permezz tal-proġett
adattat. Il-probabbiltà ta’ effetti sinifikanti u l-ħtieġa
sussegwenti ta' EIA iqisu n-natura, il-kumplessità, il-lok u d-daqs tal-proġett
propost u jkunu bbażati fuq fatturi oġġettivi, bħall-iskala
tal-proġett, l-użu ta' riżorsi prezzjużi, is-sensittività
ambjentali tal-lok, u d-daqs jew l-irriversibbiltà tal-impatt potenzjali. Barra
minn hekk, qed jiġu kkunsidrati t-tagħlimiet ipprovduti
mill-ġurisprudenza, fejn il-Qorti enfasizzat il-ħtieġa ta'
deċiżjonijiet dwar l-iskrinjar "raġunati
biżżejjed" (C-75/08), li jinkludu jew huma akkumpanjati
mill-informazzjoni kollha li tagħmilha possibbli li jiġi vverifikat
li d-deċiżjoni hija bbażata fuq skrinjar adegwat (C-87/02).
Fl-aħħarnett, huwa stabbilit terminu ta' żmien
għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-iskrinjar. L-Artikolu 5 huwa mmodifikat b'mod
komprensiv, bil-għan li jsaħħaħ il-kwalità
tal-informazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċess tal-EIA. Qed
jinżamm ir-rekwiżit prinċipali għall-iżviluppatur li
jissottometti l-informazzjoni ambjentali, iżda l-għamla u l-kontenut
tagħha huma razzjonalizzati u speċifikati fl-Anness IV.
Il-proċess dwar id-definizzjoni tal-ambitu sar obbligatorju u l-kontenut
tal-opinjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti hija speċifikata.
Jiġu introdotti mekkaniżmi li jiggarantixxu l-kompletezza u l-kwalità
suffiċjenti tar-rapporti ambjentali. L-Artikolu 6(6), li jirreferi
għat-termini ta' żmien għal konsultazzjoni pubblika, huwa
mmodifikat bil-ħsieb li jsaħħaħ ir-rwol ta' awtoritajiet
ambjentali u jiddefinixxi termini ta' żmien konkreti għall-fażi
ta' konsultazzjoni dwar ir-rapport ambjentali. L-Artikolu 7(5) huwa emendat sabiex jinkludi
l-istabbiliment ta' termini ta' żmien għall-konsultazzjonijiet dwar
il-kwistjonijiet li għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri meta
jiddefinixxu l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' proġetti
li x'aktarx ikollhom effetti ambjentali transfruntieri sinifikanti. L-Artikolu 8 huwa sostanzjalment emendat
u jinkludi bosta dispożizzjonijiet ġodda. L-ewwel nett, huwa
stabbilit terminu ta' żmien għall-konklużjoni tal-proċedura
tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent. It-tieni, jeħtieġ li l-awtorità
kompetenti tinkludi fid-deċiżjoni nnifisha tal-kunsens għall-iżvilupp
xi elementi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni; dan jirrifletti
l-ġurisprudenza (eż. C-50/09). It-tielet, huwa introdott
monitoraġġ ex-post għal dawk il-proġetti biss li se
jkollhom effetti ambjentali negattivi sinifikanti, skont il-konsultazzjonijiet
imwettqa u l-informazzjoni miġbura (inkluż ir-rapport ambjentali),
bl-għan li tiġi vvalutata l-implimentazzjoni u l-effettività
tal-miżuri ta' mitigazzjoni u kumpens. Xi
Stati Membri diġà jesiġu monitoraġġ bħal dan, li ma
għandux jirrepeti dak li jista' jkun meħtieġ minn
leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni (eż. dwar l-emissjonijiet
industrijali jew il-kwalità tal-ilma), u huwa xieraq għalhekk li jiġu
stabbiliti rekwiżiti minimi komuni. Dan
l-obbligu l-ġdid huwa kosteffettiv, peress li jista' jgħin biex
jiġu evitati impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika
u l-ispejjeż tar-riparazzjoni, u huwa rilevanti għall-indirizzar
tal-impatti relatati ma’ sfidi ġodda bħat-tibdil fil-klima u r-riskju
ta' diżastri. Ir-raba’, jeħtieġ li l-awtorità kompetenti
tivverifika li l-informazzjoni tar-rapport ambjentali tkun aġġornata,
qabel ma tiddeċiedi li tagħti jew tirrifjuta l-kunsens
għall-iżvilupp. Il-modifika ewlenija għall-Artikolu 9
hija l-inklużjoni ta' deskrizzjoni tal-arranġamenti ta'
monitoraġġ fl-informazzjoni pprovduta lill-pubbliku meta
jingħata l-kunsens għall-iżvilupp. L-Artikolu 12 huwa emendat sabiex
jispeċifika l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi monitorjata
l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Qed jiddaħħlu żewġ artikoli
ġodda (12a u 12b) li jikkonċernaw l-adattament
tal-Annessi II.A, III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku
permezz ta' atti delegati. L-Anness II.A, li huwa Anness
ġdid, jistipula l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa
mill-iżviluppatur għall-proġetti elenkati fl-Anness II, li
għalihom jitwettaq skrinjar sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex
meħtieġa EIA. Din l-emenda hija maħsuba biex tarmonizza
l-proċess ta' skrinjar. L-Anness III, li jistipula l-kriterji
użati għall-iskrinjar ta' proġetti tal-Anness II, huwa
emendat biex jiċċara l-kriterji eżistenti (eż. effetti
kumulattivi jew rabtiet ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE) u biex
jinkludi oħrajn addizzjonali (l-aktar dawk relatati ma’ kwistjonijiet
ambjentali ġodda). L-Anness IV jinkludi l-elementi li
għandhom jitqiesu fir-rapport ambjentali meħtieġ
mill-Artikolu 5. It-tibdiliet ewlenin huma rekwiżiti addizzjonali ta'
informazzjoni dwar l-istima ta' alternattivi raġonevoli, id-deskrizzjoni
tal-miżuri ta’ monitoraġġ u d-deskrizzjoni ta’ aspetti relatati
ma’ kwistjonijiet ambjentali ġodda (eż it-tibdil fil-klima,
il-bijodiversità, ir-riskju ta' diżastri, l-użu tar-riżorsi
naturali). Id-Direttiva emendata fiha dispożizzjonijiet
tranżitorji, li huma bbażati fuq il-ġurisprudenza (eż.
każ C-81/96). L-EIA għandha tapplika għall-proġetti li,
għalihom, it-talba għal kunsens għall-iżvilupp ġiet
introdotta qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni u li, għalihom,
ma ġietx konkluża l-istima tal-impatt fuq l-ambjent qabel dik
id-data. Dokumenti ta’ spjegazzjoni Il-Kummissjoni tqis id-dokumenti ta’ spjegazzjoni
bħala meħtieġa sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni
dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva għar-raġunijiet li
ġejjin. It-traspożizzjoni sħiħa u korretta
tad-Direttiva hija essenzjali biex tiżgura li jintlaħqu l-objettivi
tagħha (jiġifieri il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u
l-ambjent u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet indaqs). L-EIA hija parti
mill-proċess għall-istima u l-għoti ta' kunsens
għall-iżvilupp għal firxa wiesgħa ta’ proġetti privati
u pubbliċi fl-Istati Membri, bħala parti separata jew bħala parti
integrata ta' proċeduri ta' stima. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni
tad-Direttiva ta' spiss hija deċentralizzata ħafna, billi
l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma responsabbli mill-applikazzjoni
tagħha u, f'xi Stati Membri, anke mit-traspożizzjoni tagħha.
Fl-aħħar nett, il-kodifikazzjoni tad-Direttiva dwar l-EIA x'aktarx se
tirriżulta f'tibdliet għall-miżuri nazzjonali li jittrasponu
progressivament id-direttiva inizjali u t-tliet emendi sussegwenti tagħha.
Sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva riveduta,
li temenda l-verżjoni kodifikata, l-Istati Membri jistgħu jkollhom
bżonn jaġixxu f'oqsma differenti ta' politika u jemendaw varjetà
wiesgħa ta' atti leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali
u lokali. Il-fatturi msemmija hawn fuq huma mistennija li
jżidu r-riskji ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni ħażina
tad-Direttiva, u jikkumplikaw il-kompitu tal-Kummissjoni li timmonitorja
l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Informazzjoni ċara fir-rigward tat-traspożizzjoni
tad-Direttiva riveduta dwar l-EIA hija strumentali fl-iżgurar
tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali
mad-dispożizzjonijiet tagħha. Ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dokumenti
ta’ spjegazzjoni jista' joħloq piż amministrattiv addizzjonali fuq
dawk l-Istati Membri li ma jaħdmux fuq din il-bażi fl-ebda każ.
Madankollu, dokumenti ta’ spjegazzjoni huma neċessarji biex jippermettu
verifika effettiva tat-traspożizzjoni sħiħa u korretta, li hija
essenzjali għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u mhemm ebda
miżuri ta’ inqas piż li jippermettu verifika effiċjenti. Barra
minn hekk, dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jikkontribwixxu b'mod
sinifikanti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-monitoraġġ
tal-konformità min-naħa tal-Kummissjoni; mingħajrhom, ikunu
meħtieġa riżorsi konsiderevoli u bosta kuntatti mal-awtoritajiet
nazzjonali biex jiġu sorveljati l-metodi ta' traspożizzjoni fl-Istati
Membri kollha. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ piż amministrattiv
addizzjonali minħabba l-forniment ta' dokumenti ta' spjegazzjoni huwa
proporzjonat mal-mira segwita, jiġifieri li tiġi żgurata
traspożizzjoni effettiva tal-objettivi tad-Direttiva u li dawn
jintlaħqu bis-sħiħ.. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq huwa xieraq li
l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta'
traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw
ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u l-partijiet
korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali . Bażi legali Billi l-objettiv ewlieni tad-Direttiva huwa
l-protezzjoni tal-ambjent, b'konformità mal-Artikolu 191 tat-TFUE,
il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-TFUE. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u
tal-proporzjonalità u l-għażla ta’ strument Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika
sakemm il-proposta ma tkunx taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva
tal-Unjoni Ewropea. L-objettivi tal-proposta ma jistgħux
jintlaħqu għalkollox mill-Istati Membri. Il-leġiżlazzjoni
eżistenti tiffissa rekwiżiti minimi għall-istima ambjentali ta'
proġetti madwar l-UE u għandha l-għan li tikkonforma mal-konvenzjonijiet
internazzjonali (eż. Espoo, Aarhus, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità
Bijoloġika). Dan il-prinċipju qed jinżamm fil-proposta, li
tarmonizza aktar il-prinċipji tal-istima ambjentali u li tindirizza
l-inkonsistenzi. L-Istati Membri kollha jridu jieħdu miżuri sabiex
jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi; azzjonijiet nazzjonali individwali
jistgħu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, billi differenzi
fir-regolamentazzjoni nazzjonali jistgħu jostakolaw l-attivitajiet ekonomiċi
transfruntieri. Azzjoni mill-UE tilħaq aħjar l-objettivi
tal-proposta. Mill-adozzjoni tad-Direttiva fl-1985, l-UE kibret, filwaqt li
żdiedu wkoll l-ambitu u s-serjetà ta' kwistjonijiet ambjentali li jridu
jiġu indirizzati u l-għadd ta' proġetti ta' infrastruttura
ewlenin fuq skala tal-UE (pereżempju proġetti transfruntieri
fil-qasam tal-enerġija jew tat-trasport). Minħabba n-natura
transfruntiera tal-kwistjonijiet ambjentali (eż. it-tibdil fil-klima,
ir-riskju ta' diżastri) u ta' xi proġetti, azzjoni fuq il-livell
tal-UE hija meħtieġa u ġġib magħha valur miżjud
meta mqabbla ma' azzjonijiet nazzjonali individwali. L-azzjoni min-naħa
tal-UE se tindirizza wkoll kwistjonijiet li huma importanti għall-UE
kollha kemm hi, bħall-adattament għat-tibdil fil-klima u
l-prevenzjoni tad-diżastri, u għandha rwol fil-kisba tal-objettivi
tal-Ewropa għall-2020 għat-tkabbir sostenibbli. Għaldaqstant, il-proposta hija konformi
mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-istrument legali magħżul huwa
direttiva, billi l-proposta għandha l-għan li timmodifika direttiva
eżistenti. Il-proposta tistabbilixxi l-obbligi u l-objettivi
ġenerali, filwaqt li tħalli biżżejjed flessibbiltà
lill-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-miżuri
għall-konformità u l-implimentazzjoni dettaljata tagħhom. Il-proposta
għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. 4. IMPLIKAZZJONIJIET
BAĠITARJI Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni
għall-baġit tal-UE. 5. ELEMENTI FAKULTATTIVI Il-proposta tikkonċerna kwistjoni rilevanti
għaż-Żona Ekonomika Ewropea u għalhekk għandha tkun
applikabbli għaliha. 2012/0297 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/92/UE
dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati
fuq l-ambjent (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1)
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta li saret
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[11], Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġislattiva ordinarja, Billi: (1) Id-Direttiva 2011/92/UE
armonizzat il-prinċipji għall-istima ambjentali ta' proġetti
billi introduċiet rekwiżiti minimi (fir-rigward tat-tip ta’
proġetti soġġetti għal stima, l-obbligi ewlenin
tal-iżviluppaturi, il-kontenut tal-istima u l-parteċipazzjoni
tal-awtoritajiet kompetenti u tal-pubbliku), u tikkontribwixxi għal livell
għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. (2) L-analiżi ta' nofs
it-terminu tas-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali[12] u l-aħħar Rapport
mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni u
l-effettività tad-Direttiva dwar l-EIA (Id-Direttiva 85/337/KEE)[13], il-predeċessur
tad-Direttiva 2011/92/UE, enfasizzat il-ħtieġa li jitjiebu
l-prinċipji tal-istima ambjentali ta' proġetti u ta' adattament
tad-Direttiva għall-kuntest politiku, legali u tekniku li, min-naħa
tiegħu, evolva b'mod konsiderevoli. (3) Jinħtieġ li tkun
emendata d-Direttiva 2011/92/UE biex tissaħħaħ il-kwalità
tal-proċedura ta' stima ambjentali, jiġu razzjonalizzati d-diversi
stadji tal-proċedura u jiżdiedu l-koerenza u s-sinerġiji ma’
leġiżlazzjoni u politiki oħra tal-Unjoni, kif ukoll ma'
strateġiji u politiki żviluppati mill-Istati Membri f’oqsma ta’
kompetenza nazzjonali. (4) Matul l-aħħar
għaxar snin, il-kwistjonijiet ambjentali, bħall-effiċjenza
fir-riżorsi, il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, u r-riskju ta'
diżastri, saru aktar importanti fit-tfassil tal-politika u għalhekk għandhom
ikunu wkoll elementi kritiċi fi proċessi ta' stima u tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, speċjalment għal proġetti ta’
infrastruttura. (5) Fil-Komunikazzjoni
tagħha intitolata ‘Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu
Effiċjenti tar-Riżorsi'[14],
il-Kummissjoni impenjat ruħha favur l-inklużjoni ta'
kunsiderazzjonijiet usa' dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi
fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 2011/92/UE. (6) L-Istrateġija Tematika
dwar il-Ħamrija[15]
u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu
tar-Riżorsi jisħqu fuq l-importanza tal-użu sostenibbli
tal-ħamrija u l-ħtieġa li tiġi indirizatta żieda
insostenibbli taż-żoni abitati maż-żmien (it-teħid
tal-art). Barra minn hekk, id-dokument finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f'Rio de Janeiro bejn l-20 u
t-22 ta' Ġunju 2012 jirrikonoxxi s-sinifikat ekonomiku u
soċjali ta' ġestjoni tajba tal-art, inkluża l-ħamrija, u
l-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex tiġi invertita
d-degradazzjoni tal-art. Proġetti pubbliċi u privati għandhom
għalhekk iqisu u jillimitaw l-impatt tagħhom fuq l-art,
partikolarment it-teħid tal-art, u l-ħamrija, inkluż fuq
il-materja organika, l-erożjoni, il-kompattazzjoni u l-impermeabilità,
anke permezz ta' pjanijiet għall-użu tal-art u politiki fil-livelli
nazzjonali, reġjonali u lokali xierqa . (7) Il-Konvenzjoni
tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika
("il-Konvenzjoni"), li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħha,
tesiġi, sa fejn huwa possibbli u xieraq, stima ta' effetti negattivi
sinifikanti ta' proġetti fuq id-diversità bijoloġika, li hija
ddefinita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni, bil-għan li jiġu
evitati jew minimizzati effetti bħal dawn. Din l-istima minn qabel
tal-impatti għandha tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira ewlenija
tal-Unjoni, adottata fl-2010[16],
li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi
tal-ekosistemi sal-2020 u fejn vijabbli tirrestawrahom . (8) Il-miżuri meħuda
sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati
l-effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent għandhom jikkontribwixxu
sabiex ikun evitat kwalunkwe deterjorament fil-kwalità tal-ambjent u kwalunkwe
telf nett tal-bijodiversità, skont l-impenji tal-Unjoni fil-kuntest
tal-Konvenzjoni u l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Istrateġija tal-Unjoni
dwar il-Bijodiversità sal-2020[17]. (9) It-tibdil fil-klima se
jkompli jikkawża ħsara lill-ambjent u jxekkel l-iżvilupp
ekonomiku. Għaldaqstant, ir-reżiljenza ambjentali, soċjali u
ekonomika tal-Unjoni għandha tiġi promossa sabiex tittratta t-tibdil
fil-klima madwar it-territorju kollu tal-Unjoni b'mod effiċjenti.
Miżuri ta' adattament għat-tibidil fil-klima u dawk ta' mitigazzjoni
tiegħu għandhom jiġu indirizzati f'ħafna setturi
tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. (10) Wara l-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar approċċ
Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk
ikkawżati mill-bniedem[18],
fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta' Novembru 2009,
il-Kunsill tal-UE stieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-analiżi
tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ inizjattivi tal-UE iqisu
t-tħassib dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta'
diżastri u l-Qafas ta' Hyogo tan-Nazzjonijiet Uniti għal Programm ta'
Azzjoni (2005-2015), li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti
proċeduri għall-istima tal-implikazzjonijiet tar-riskju ta'
diżastri ta' proġetti ewlenin ta' infrastruttura. (11) Il-protezzjoni u l-promozzjoni
tal-wirt kulturali u l-pajsaġġi, li huma parti integrali
mid-diversità kulturali li l-Unjoni hija impenjata li tirrispetta u tippromwovi
skont l-Artikolu 167(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea, jistgħu jibnu b'mod utli fuq definizzjonijiet u prinċipji
żviluppati f'Konvenzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, b’mod
partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku
tal-Ewropa, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġi u l-Konvenzjoni
Qafas dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà. (12) Fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE,
jinħtieġ li jiġi żgurat ambjent kummerċjali
kompetittiv, speċjalment għall-impriżi żgħar u medji,
sabiex jiġġeneraw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv, skont l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
bit-titolu 'Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti,
sostenibbli u inklużiv'[19]. (13) L-esperjenza wriet li
f'każijiet ta' emerġenza ċivili, konformità
mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE jista' jkollha effetti
negattivi, u għalhekk għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri
jkunu awtorizzati li ma japplikawx din id-Direttiva f’każijiet xierqa. (14) L-informazzjoni li
l-iżviluppatur huwa meħtieġ jipprovdi sabiex l-awtorità
kompetenti tkun tista' tiddetermina jekk il-proġetti elenkati
fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92/UE għandhom ikunu
soġġetti għal stima ambjentali (proċedura ta' skrinjar),
għandha tiġi speċifikata. (15) Il-kriterji
tal-għażla stabbiliti fl-Anness III
tad-Direttiva 2011/92/UE, li jitqiesu mill-Istati Membri sabiex
jiddeterminaw liema proġetti għandhom ikunu soġġetti
għal stima abbażi tal-effetti ambjentali sinifikanti tagħhom,
għandhom jiġu adattati u ċċarati sabiex ikun żgurat li
l-istima ambjentali hija meħtieġa biss għal proġetti li
x'aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti, bħal proġetti li
jużaw jew li jaffettwaw riżorsi prezzjużi, proġetti
proposti għal postijiet sensittivi mil-lat ambjentali, jew
għall-proġetti b'effetti potenzjalment perikolużi jew
irriversibbli. (16) Meta jiġi determinat jekk
hemmx probabbiltà li jiġu kkawżati effetti ambjentali sinifikanti,
l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw l-aktar kriterji rilevanti
li għandhom jitqiesu u jużaw l-informazzjoni addizzjonali li tista’
tkun disponibbli wara stimi oħrajn meħtieġa
mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tapplika proċedura ta'
skrinjar b'mod effettiv. F'dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi
speċifikat il-kontenut tad-deċiżjoni dwar l-iskrinjar, b'mod
partikolari fejn ma tkun meħtieġa l-ebda stima ambjentali. (17) L-awtoritajiet kompetenti
għandhom ikunu meħtieġa li jiddeterminaw l-ambitu u l-livell ta'
dettall tal-informazzjoni ambjentali li għandha tiġi sottomessa
fl-għamla ta’ rapport ambjentali (definizzjoni tal-ambitu). Sabiex titjieb
il-kwalità tal-istima u jiġi razzjonalizzat il-proċess tat-teħid
tad-deċiżjonijiet, huwa importanti li jiġu speċifikati
fil-livell tal-Unjoni l-kategoriji ta’ informazzjoni li l-awtoritajiet
kompetenti għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni. (18) Ir-rapport ambjentali ta'
proġett li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur
għandu jinkludi stima ta' alternattivi raġonevoli rilevanti
għall-proġett propost, inkluża l-evoluzzjoni probabbli tal-istat
eżistenti tal-ambjent mingħajr l-implimentazzjoni tal-proġett
(xenarju bażi), bħala mezz biex tittejjeb il-kwalità tal-proċess
ta' stima u biex jippermetti l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali
fi stadju bikri tat-tfassil tal-proġett. (19) Għandhom jittieħdu
miżuri li jiżguraw li d-dejta u l-informazzjoni inkluża
f'rapporti ambjentali, b'konformità mal-Anness IV tad-Direttiva 2011/92/UE,
huma kompleti u ta' kwalità għolja biżżejjed. Bil-għan li
tkun evitata ripetizzjoni tal-istima, l-Istati Membri għandhom iqisu
l-fatt li l-istimi ambjentali jistgħu jitwettqu f'livelli differenti jew
minn strumenti differenti. (20) Bl-għan li tiġi
żgurata t-trasparenza u r-responsabbiltà, l-awtorità kompetenti tinħtieġ
li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tagħti
l-kunsens għall-iżvilupp fir-rigward ta' proġett, billi tindika
li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet imwettqa u l-informazzjoni
rilevanti miġbura. (21) Huwa xieraq li jiġu
stabbiliti rekwiżiti minimi komuni għall-monitoraġġ ta’
effetti negattivi sinifikanti tal-kostruzzjoni u tat-tħaddim ta'
proġetti biex jiġi żgurat approċċ komuni fl-Istati
Membri kollha u biex jiġi żgurat li, wara l-implimentazzjoni ta’
miżuri ta’ mitigazzjoni u kumpens, l-ebda impatt ma jissupera dawk
previsti fil-bidu. Monitoraġġ bħal dan ma għandux jirrepeti
l-monitoraġġ meħtieġ skont leġiżlazzjoni
oħra tal-Unjoni jew iżid miegħu. (22) Għandhom jiġu
introdotti termini ta' żmien għad-diversi stadji tal-istimi
ambjentali ta' proġetti, sabiex jiġi stimulat teħid
tad-deċiżjonijiet aktar effiċjenti u tiżdied
iċ-ċertezza legali, billi jitqiesu wkoll in-natura, il-kumplessità,
il-lokalizzazzjoni u d-daqs tal-proġett propost. Tali termini ta'
żmien ma għandhomx jikkompromettu, taħt l-ebda ċirkustanza,
l-istandards għoljin għall-protezzjoni tal-ambjent, partikolarment
dawk li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni ambjentali oħra
tal-Unjoni, u il-parteċipazzjoni pubblika effettiva u l-aċċess
għall-ġustizzja. (23) Sabiex tiġi evitata
ripetizzjoni tal-istimi, titnaqqas il-kumplessità amministrattiva u
tiżdied l-effiċjenza ekonomika, meta l-obbligu li jitwettqu stimi
tal-impatt fuq l-ambjent joriġina simultanjament minn din id-Direttiva u
minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, bħalma huma
d-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet
u programmi fuq l-ambjent[20],
id-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar
selvaġġi[21],
id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni
Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[22],
id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali[23] u d-Direttiva
tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u
tal-fawna u l-flora selvaġġa[24],
l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri koordinati jew
konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġislazzjoni rilevanti
tal-Unjoni. (24) Id-dispożizzjonijiet
il-ġodda għandhom japplikaw ukoll għal proġetti li,
għalihom, it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp tkun
introdotta qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni iżda li,
għalihom, ma tkunx ġiet konkluża l-istima tal-impatt fuq
l-ambjent qabel dik id-data. (25) Skont id-Dikjarazzjoni
Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011
dwar dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li,
f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika
tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew
aktar li jispjegaw r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet
korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward
ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta'
dokumenti bħal dawn hija ġustifikata. (26) Sabiex jiġu
aġġustati l-kriterji tal-għażla u l-informazzjoni li
għandha tingħata fir-rapport ambjentali bl-aħħar
żviluppi fit-teknoloġija u prattiki rilevanti, is-setgħa li jiġu
adottati atti, b'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun iddelegata
lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Annessi II.A, III u IV
tad-Direttiva 2011/92/UE. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni
twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija
tagħha, anke fil-livell ta’ esperti. (27) Il-Kummissjoni, meta tkun qed
tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura
t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. (28) Billi l-objettiv ta' din
id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta'
protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, permezz
tal-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi għall-istima ambjentali ta’
proġetti, ma jistax jintlaħaq għalkollox mill-Istati Membri u
għalhekk, fid-dawl tal-ambitu, is-serjetà u n-natura transfruntiera
tal-kwistjonijiet ambjentali li għandhom jiġu indirizzati, jista'
jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta
miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat
fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju
tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma
tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv. (29) Id-Direttiva 2011/92/UE
għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 2011/92/EU għandha
tiġi emendata kif ġej: (1)
L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif
ġej: (a)
l-ewwel inċiż fil-punt (a)
tal-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "— l-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet ta'
kostruzzjoni jew twaqqigħ, jew ta' stallazjonijiet jew skemi oħra, (b)
fil-paragrafu 2, għandha tiżdied
id-definizzjoni li ġejja: "(g)"stima tal-impatt fuq l-ambjent
"għandha tfisser il-proċess ta' tħejjija ta' rapport
ambjentali, it-twettiq ta' konsultazzjonijiet (inkluż mal-pubbliku
kkonċernat u l-awtoritajiet ambjentali), l-istima mill-awtorità
kompetenti, billi jitqiesu r-rapport ambjentali u r-riżultati
tal-konsultazzjonijiet fil-proċedura ta' kunsens għall-iżvilupp
kif ukoll li tingħata informazzjoni dwar id-deċiżjoni skont
l-Artikoli 5 sa 10." (c)
il-paragrafi 3 u 4 għandhom
jiġu sostitwiti b’dan li ġej: "3. L-Istati Membri jistgħu
jiddeċiedu, fuq bażi ta’ każ każ u jekk previst mil-liġi
nazzjonali, li ma japplikawx din id-Direttiva għall-proġetti li
l-għan ewlieni tagħhom huwa d-difiża nazzjonali jew ir-reazzjoni
għal emerġenzi ċivili, jekk jidhrilhom li tali applikazzjoni
jkollha effett negattiv fuq dawk l-għanijiet." 4. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika
għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b'att
leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, bil-kundizzjoni li jinkisbu
l-objettivi ta’ din id-Direttiva, inkluż dak li tiġi pprovduta
l-informazzjoni, permezz tal-proċess leġiżlattiv. Kull sentejn
mid-data speċifikata fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva XXX [OPOCE jekk jogħġbok daħħal
in-numru ta' din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinfurmaw
lill-Kummissjoni dwar kull applikazzjoni li huma jkunu għamlu ta' din
id-dispożizzjoni." (2)
Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 għandu
jiġi sostitwit b'dan li ġej: "3. Proġetti li għalihom l-obbligu
li jitwettqu stimi tal-effetti fuq l-ambjent jirriżulta simultanjament
minn din id-Direttiva u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni
għandhom ikunu soġġetti għal proċeduri koordinati jew
konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni
rilevanti tal-Unjoni. Taħt proċedura koordinata, l-awtorità
kompetenti għandha tikkoordina l-istimi individwali differenti
meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata u maħruġa
minn diversi awtoritajiet, mingħajr ħsara għal kwalunkwe
dispożizzjoni kuntrarja li tinsab f'leġiżlazzjoni rilevanti
oħra tal-Unjoni. Taħt il-proċedura konġunta,
l-awtorità kompetenti għandha toħroġ stima waħda tal-impatt
fuq l-ambjent, li tintegra l-istimi ta' awtorità waħda jew aktar,
mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja li
tinsab leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità
waħda, li tkun responsabbli biex tiffaċilita l-proċedura
tal-kunsens għall-iżvilupp għal kull proġett. (3)
L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit
b'dan li ġej: “Artikolu 3 L-istima tal-impatt fuq l-ambjent għandha
tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ
individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u
indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin: (a) il-popolazzjoni, is-saħħa
tal-bniedem, u l-bijodiversità, b'attenzjoni partikolari għal
speċijiet u ħabitats protetti skont id-Direttiva
tal-Kunsill 92/43/KEE(*) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill(* *); (b) l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u
t-tibdil fil-klima; (c) l-assi materjali, il-wirt kulturali u
l-pajsaġġ; (d) l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil
punti (a), (b) u (c). (e) l-esponiment, il-vulnerabbiltà u
r-reżiljenza tal-fatturi msemmija fil-punti (a), (b) u (c), fir-rigward
ta' riskji ta' diżastri naturali u dawk kawżati mill-bniedem. " _________________ (*) ĠU L 206, 22.7.1992, p.7. (**) ĠU L 20, 26.1.2010, p.7." (4)
L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif
ġej: (a)
il-paragrafi 3 u 4 għandhom
jiġu sostwiti b’dan li ġej: "3. Għall-proġetti elenkati
fl-Anness II, l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni dwar
il-karatteristiċi tal-proġett, l-impatt potenzjali tiegħu fuq
l-ambjent u l-miżuri previsti sabiex jevitaw u jnaqqsu effetti
sinifikanti. Il-lista dettaljata tal-informazzjoni li għandha tiġi
pprovduta hija speċifikata fl-Anness II.A." 4. Meta titwettaq evalwazzjoni każ każ
jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini
tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tqis kriterji
tal-għażla relatati mal-karatteristiċi u l-lokalizzazzjoni
tal-proġett u l-impatt potenzjali tiegħu fuq l-ambjent. Il-lista
dettaljata tal-kriterji tal-għażla li għandhom jintużaw
hija speċifikata fl-Anness III." (b)
Għandhom jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6
li ġejjin: "5. L-awtorità kompetenti għandha
tagħmel id-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 2,
abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-iżviluppatur filwaqt li tqis,
meta jkun rilevanti, ir-riżultati tal-istudji, il-verifiki preliminari jew
l-istimi tal-effetti fuq l-ambjent li jirriżultaw minn
leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Id-deċiżjoni skont
il-paragrafu 2 għandha: (a) tiddikjara kif tqiesu l-kriterji
fl-Anness III; (b) tinkludi r-raġunijiet għaliex kienet
meħtieġa jew ma kinitx meħtieġa stima tal-impatt fuq
l-ambjent b'konformità mal-Artikoli 5 sa 10; (c) tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri previsti
sabiex jevitaw, jipprevjenu u jnaqqsu kwalunkwe effett sinifikanti fuq
l-ambjent, fejn jiġi deċiż li ma għandha titwettaq l-ebda
stima tal-impatt fuq l-ambjent b'konformità mal-Artikoli 5 sa 10. (d) tkun disponibbli għall-pubbliku 6. L-awtorità kompetenti għandha tagħmel
id-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 2 fi żmien
tliet xhur mit-talba għal kunsens għall-iżvilupp u
bil-kundizzjoni li l-iżviluppatur ikun ssottometta l-informazzjoni kollha
meħtieġa. Skont in-natura, il-kumplessità, il-lokalizzazzjoni u
d-daqs tal-proġett propost, l-awtorità kompetenti tista’ testendi dik
l-iskadenza bi 3 xhur oħra; f’dak il-każ, l-awtorità kompetenti
għandha tinforma l-iżviluppatur bir-raġunijiet li
jiġġustifikaw l-estensjoni u d-data sa meta hija mistennija
d-determinazzjoni tagħha. Fejn il-proġett ikun soġġett
għal stima tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10,
id-deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu
għandha tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2)." (5)
Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1, 2 u 3
għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej: "1. Meta għandha titwettaq stima
tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10, l-iżviluppatur
għandu jħejji rapport ambjentali. Ir-rapport ambjentali għandu
jkun ibbażat fuq determinazzjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan
l-Artikolu u jinkludi informazzjoni li tista' tkun raġonevolment
meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar
l-impatti ambjentali tal-proġett propost, filwaqt li jitqiesu
l-għarfien u l-metodi attwali tal-istima, il-karatteristiċi,
il-kapaċità teknika u l-lok tal-proġett, il-karatteristiċi
tal-impatt potenzjali, alternattivi għall-proġett propost u sa fejn
huma vvalutati b'mod aktar xieraq ċerti kwistjonijiet (inkluża
l-evalwazzjoni ta' alternattivi) f’livelli differenti inkluż il-livell ta'
ppjanar, jew abbażi ta' rekwiżiti oħra ta' stima. Il-lista
dettaljata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport
ambjentali hija speċifikata fl-Anness IV. 2. L-awtorità kompetenti, wara li tkun kkonsultat
l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-iżviluppatur,
għandha tiddetermina l-ambitu u l-livell ta' dettall tal-informazzjoni li
għandha tkun inkluża mill-iżviluppatur fir-rapport ambjentali,
skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. B'mod partikolari għandha
tiddetermina: (a) id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li
għandhom jinkisbu; (b) l-awtoritajiet u l-pubbliku li x’aktarx ikunu
kkonċernati; (c) l-istadji individwali tal-proċedura u
t-tul taż-żmien tagħha; (d) alternattivi raġonevoli
għall-proġett propost u l-karatteristiċi speċifiċi
tiegħu; (e) il-karatteristiċi ambjentali msemmija
fl-Artikolu 3 li x'aktarx ikunu affettwati b'mod sinifkanti; (f) l-informazzjoni li għanda tiġi
sottomessa skont il-karatteristiċi speċifiċi ta' proġett
partikolari jew tip ta' proġett; (g) l-informazzjoni u l-għarfien disponibbli
u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet
jew permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, u l-metodi ta'
stima li għandhom jintużaw. L-awtorità kompetenti tista’ wkoll tfittex
assistenza minn esperti akkreditati u teknikament kompetenti msemmija
fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Talbiet sussegwenti
lill-iżviluppatur għal informazzjoni addizzjonali jistgħu jsiru
jekk ikunu ġustifikati minn ċirkostanzi ġodda u spjegati kif
dovut mill-awtorità kompetenti. 3. Biex jiġu garantiti l-kompletezza u
kwalità suffiċjenti tar-rapporti ambjentali msemmija
fl-Artikolu 5(1): (a) l-iżviluppatur għandu jiżgura
li r-rapport ambjentali huwa mħejji minn esperti akkreditati jew
teknikament kompetenti jew (b) l-awtorità kompetenti għandha
tiżgura li r-rapport ambjentali huwa verifikat minn esperti akkreditati u
teknikament kompetenti u/jew kumitati ta' esperti nazzjonali. Meta esperti akkreditati u teknikament kompetenti
jkunu assistew l-awtorità kompetenti biex tħejji d-determinazzjoni
msemmija fl-Artikolu 5(2), l-istess esperti ma għandhomx
jintużaw mill-iżviluppatur għat-tħejjija tar-rapport
ambjentali. L-arranġamenti dettaljati għall-użu
u l-għażla ta' esperti akkreditati u teknikament kompetenti
(pereżempju l-kwalifiki meħtieġa, l-assenjazzjoni ta'
evalwazzjoni, il-liċenzjar u l-iskwalifika), għandhom jiġu
ddeterminati mill-Istati Membri." (6)
L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif
ġej: (a)
Il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit
b’dan li ġej: "6. Għandhom jiġu pprovduti termini
ta’ żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, li
jippermettu żmien biżżejjed: (a) biex jiġu infurmati l-awtoritajiet
imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-pubbliku u (b) biex l-awtoritajiet imsemmija
fl-Artikolu 6(1) u l-pubbliku kkonċernat iħejju u
jipparteċipaw b’mod effettiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet
ambjentali, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu." (b)
għandu jiżdied il-paragrafu 7 li
ġej: "7. "It-termini ta' żmien sabiex
il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat dwar ir-rapport ambjentali
msemmi fl-Artikolu 5(1) ma għandhomx ikunu iqsar minn 30 jum jew
aktar minn 60 jum. F'każijiet eċċezzjonali, fejn in-natura,
il-kumplessità, il-lok jew id-daqs tal-proġett propost jesiġu hekk,
l-awtorità kompetenti tista’ testendi dan it-terminu ta’ żmien bi
30 jum oħra; f’dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha
tinforma l-iżviluppatur bir-raġunijiet li jiġġustifikaw
l-estensjoni." (7)
Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 għandu
jiġi sostitwit b'dan li ġej: "5. L-arranġamenti dettaljati
għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu,
inkluż l-istabbiliment ta' terminu ta' żmien
għall-konsultazzjonijiet, għandhom ikunu determinati mill-Istati
Membri kkonċernati, abbażi tal-arranġamenti u termini ta'
żmien imsemmija fl-Artikolu 6(5) u (6), u għandhom ikunu tali li
jippermettu lill-pubbliku kkonċernat fit-territorju tal-Istat Membru
affettwat li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċeduri tat-teħid
tad-deċiżjonijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 2(2)
għall-proġett. " (8)
L-Artikolu 8 għandu jiġi sostitwit
b'dan li ġej: “Artikolu 8 1. Għandhom jitqiesu r-riżultati
tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont
l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp.
Għal dan il-għan, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens
għall-iżvilupp għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja: (a) l-istima tal-impatt fuq l-ambjent tal-awtorità
kompetenti msemmija fl-Artikolu 3 u l-kundizzjonijiet ambjentali marbuta
mad-deċiżjoni, inkluża deskrizzjoni tal-miżuri ewlenin
sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati
l-effetti negattivi sinifikanti; (b) ir-raġunijiet ewlenin
għall-għażla l-proġett kif adottat, fid-dawl
tal-alternattivi l-oħra meqjusa, inkluża l-evoluzzjoni probabbli
tal-istat eżistenti tal-ambjent mingħajr l-implimentazzjoni
tal-proġett (xenarju ta' referenza); (c) sommarju tal-kummenti li waslu skont
l-Artikoli 6 u 7; (d) dikjarazzjoni li tiġbor fil-qosor il-mod
kif kunsiderazzjonijiet ambjentali ġew integrati fil-kunsens
għall-iżvilupp u kif ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet u
l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 ikunu ġew
inkorporati jew inkella indirizzati. Għal proġetti li x'aktarx ikollhom
effetti transfruntieri negattivi sinifikanti, l-awtorità kompetenti
għandha tipprovdi informazzjoni dwar għalfejn ma qisitx il-kummenti
li waslu għand l-Istat Membru affettwat matul il-konsultazzjonijiet
imwettqa skont l-Artikolu 7. 2. Jekk il-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni
miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 jikkonkludu li proġett se
jkollu effetti ambjentali negattivi sinifikanti, l-awtorità kompetenti
għandha tqis, kemm jista' jkun malajr u b'kooperazzjoni mill-qrib
mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u l-iżviluppatur, jekk ir-rapport
ambjentali msemmi fl-Artikolu 5(1) għandux jiġi rivedut u
l-proġett ikun immodifikat biex jiġu evitati jew imnaqqsa dawn
l-effetti negattivi u jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali
ta' mitigazzjoni jew kumpens. Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li
tagħti kunsens għall-iżvilupp, għandha tiżgura li
l-kunsens għall-iżvilupp jinkludi miżuri biex jiġu
mmonitorjati effetti ambjentali negattivi sinifikanti, sabiex tiġi
vvalutata l-implimentazzjoni u l-effettività mistennija ta' miżuri ta'
mitigazzjoni u kumpens, u sabiex jiġu identifikati kwalunkwe effetti
negattivi mhux mistennija. It-tip ta' parametri li għandhom jiġu
mmonitorjati u t-tul ta' żmien tal-monitoraġġ għandhom
ikunu proporzjonati man-natura, il-lokalizzazzjoni u d-daqs tal-proġett propost
u s-sinifikat tal-effetti ambjentali tiegħu. L-arranġamenti eżistenti ta'
monitoraġġ li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni oħra
tal-Unjoni jistgħu jintużaw fejn dan ikun xieraq. 3. Meta l-informazzjoni kollha neċessarja
miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 tkun ġiet ipprovduta
lill-awtorità kompetenti, inkluż, fejn rilevanti, stimi
speċifiċi meħtieġa taħt leġiżlazzjoni
oħra tal-Unjoni, u l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 7
ikunu ġew ikkompletati, l-awtorità kompetenti għandha tikkonkludi
l-istima tal-impatt tal-proġett fuq l-ambjent fi żmien tliet xhur. Skont in-natura, il-kumplessità, il-lok u d-daqs
tal-proġett propost, l-awtorità kompetenti tista’ testendi dik l-iskadenza
b'3 xhur oħra. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha
tinforma l-iżviluppatur bir-raġunijiet li jiġġustifikaw
l-estensjoni u d-data meta hija mistennija d-deċiżjoni tagħha. 4. Qabel ma tittieħed deċiżjoni li
tagħti jew tirrifjuta kunsens għall-iżvilupp, l-awtorità
kompetenti għandha tivverifika jekk l-informazzjoni fir-rapport ambjentali
msemmi fl-Artikolu 5(1) hijiex aġġornata, b’mod partikolari
fir-rigward tal-miżuri previsti biex jipprevjenu, inaqqsu u, jekk
possibbli, jikkontrobilanċjaw kull effett negattiv sinifikanti." (9)
L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif
ġej: (a)
il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit
b’dan li ġej: "1. Meta tkun ittieħdet
deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta kunsens
għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti
għandhom jinfurmaw lill-pubbliku u l-awtoritajiet imsemmija
fl-Artikolu 6(1) biha, skont il-proċeduri xierqa, u għandha tkun
disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni li ġejja: (a) il-kontenut tad-deċiżjoni u kull
kundizzjoni mehmuża magħha; (a) wara li jkunu ġew eżaminati
r-rapport ambjentali u t-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-pubbliku
kkonċernat, ir-raġunijiet u l-konsiderazzjonijiet ewlenin li fuqhom
hija msejsa d-deċiżjoni, inkluża informazzjoni dwar
il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku; (c) deskrizzjoni tal-miżuri ewlenin sabiex
jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, kontrobilanċjati l-effetti
negattivi sinifikanti. (d) deskrizzjoni, fejn xieraq, tal-miżuri ta'
monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8(2)." (b)
għandu iżdied il-paragrafu 3 li
ġej: "3. L-Istati Membri jistgħu wkoll
jiddeċiedu li tkun disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni
msemmija fil-paragrafu 1, meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi l-istima
tagħha tal-impatt fuq l-ambjent tal-proġett." (10)
Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 għandu
jiġi sostitwit b'dan li ġej: "2. B'mod partikolari, kull sitt snin
mid-data speċifikata fl-Artikolu 2 (1) tad-Direttiva XXX [OPOCE jekk jogħġbok daħħal
in-numru ta' din id-Direttiva] l-Istati Membri għandhom jinfurmaw
lill-Kummissjoni dwar: (a) l-għadd ta' proġetti msemmija
fl-Annessi I u II soġġetti għal stima skont
l-Artikoli 5 sa 10. (b) it-tqassim tal-istimi skont il-kategoriji
tal-proġetti stipulati fl-Annessi I u II; (c) it-tqassim tal-istimi mwettqa skont it-tip ta'
żviluppatur; (d) l-għadd ta' proġetti msemmija
fl-Anness II soġġetti għal determinazzjoni skont
l-Artikolu 4 (2); (e) it-tul ta' żmien medju għal
proċess ta' stima tal-impatt fuq l-ambjent; (f) l-ispiża medja tal-istimi tal-impatt fuq
l-ambjent." (11)
Għandhom jiddaħħlu
l-Artikoli 12a u 12b li ġejjin: “Artikolu 12a Il-Kummissjoni għandha tingħata
s-setgħa li tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 12b, dwar
il-kriterji tal-għażla elenkati fl-Anness III u l-informazzjoni
msemmija fl-Annessi II.A u IV, sabiex tadattahom għall-progress
xjentifiku u tekniku. Artikolu 12b 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati
hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta
għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. 2. Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikolu 12a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal
perjodu ta’ żmien indefinit minn [OPOCE
jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul
fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija
fl-Artikolu 12a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument
mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka
għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni.
Għandha tkun effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni
tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew
f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma taffettwa l-validità tal-ebda att
delegat diġà fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni
għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat addottat skont l-Artikolu 12a
għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa
l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi
żmien xahrejn minn mindu tkun saret in-notifika ta’ dak l-att
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak
il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu nfurmaw
lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu
għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament
Ewropew jew tal-Kunsill." (12)
L-Annessi tad-Direttiva 2011/92/UE huma
emendati kif jidher fl-Anness ta’ din id-Direttiva. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom
idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u
d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’
din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [DATA]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih
lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u dokument li
jispjega r-relazzjoni bejnhom u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk
id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din
id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni
uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif
għandha ssir tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom
jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin
tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Proġetti li għalihom it-talba
għall-kunsens għall-iżvilupp ġiet introdotta qabel id-data
msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u li għalihom
l-istima tal-impatt fuq l-ambjent ma ġietx konkluż aqabel dik id-data
għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi msemmija fl-Artikoli 3
sa 11 tad-Direttiva 2011/92/UE kif emendata b'din id-Direttiva. Artikolu 4 Din id-Direttiva għandha tidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 5 Din
id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS (1)
Għandu jiddaħħal l-Anness II.A
li ġej: "Anness II.A
- informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3) 1. Deskrizzjoni tal-proġett, inklużi
b'mod partikolari: (a) deskrizzjoni tal-karatteristiċi
fiżiċi tal-proġett kollu, inkluż, fejn rilevanti,
is-sottosuperfiċje tiegħu, matul il-fażijiet ta' kostruzzjoni u
operazzjonali; (b) deskrizzjoni tal-lok tal-proġett,
partikolarment fir-rigward tas-sensisittività taż-żoni
ġeografiċi li x'aktarx ikunu affettwati. 2. Deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali li x'aktarx
jiġu affettwati b'mod sinifikanti mill-proġett propost. 3. Deskrizzjoni tal-effetti sinifikanti probabbli
tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw: (a) mir-residwi u l-emissjonijiet mistennija u l-produzzjoni
tal-iskart; (b) mill-użu ta' riżorsi naturali,
partikolarment il-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità inklużi
bidliet idromorfoloġiċi. 4. Deskrizzjoni tal-miżuri previsti biex
jevitaw, jipprevjenu jew inaqqsu u kwalunkwe effett negattiv sinifikanti fuq
l-ambjent." (2)
L-Annessi III u IV għandhom jiġu
sostwiti b’dan li ġej: "ANNESS III - IL-KRITERJI
TAL-GĦAŻLA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(4) 1. KARATTERISTIĊI TAL-PROĠETTI Il-karatteristiċi tal-proġetti
għandhom jitqiesu b’mod partikolari fir-rigward ta': (a) id-daqs tal-proġett inkluż, fejn
rilevanti, is-sottosuperfiċje tiegħu; (b) kumulazzjoni ma' proġetti u attivitajiet
oħra; (b) l-użu ta' riżorsi naturali,
partikolarment il-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità inklużi
bidliet idromorfoloġiċi. (d) il-produzzjoni tal-iskart; (e) it-tniġġis u l-elementi ta'
fastidju; (f) ir-riskji ta' diżastri naturali u dawk
ikkawżati mill-bniedem u r-riskju ta' aċċidenti, b'mod
partikolari fir-rigward ta' bidliet idromorfoloġiċi, sustanzi, jew
teknoloġiji jew organiżmi ħajjin użati, ta' kundizzjonijiet
speċifiċi tas-superfiċje u tas-sottosuperfiċje u
kundizzjonijiet jew użu alternattiv, u tal-probabbiltà ta'
aċċidenti jew diżastri u l-vulnerabbiltà tal-proġett
għal dawn ir-riskji; (g) l-impatti tal-proġett fuq it-tibdil
fil-klima (f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra inklużi dawk
l-impatti mill-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art u l-forestrija),
il-kontribut tal-proġett lejn reżiljenza aħjar, u l-impatti
tat-tibdil fil-klima fuq il-proġett (eż. jekk il-proġett huwiex
koerenti ma’ klima li qed tinbidel); (h) l-impatti tal-proġett fuq l-ambjent,
b'mod partikolari fuq l-art (żieda ta' żoni abitati tul
iż-żmien – it-teħid tal-art), il-ħamrija (il-materja
organika, l-erożjoni, il-kompattazzjoni, l-impermeabilità), l-ilma
(kwantità u kwalità), l-arja u l-bijodiversità (il-kwalità u kwantità
tal-popolazzjoni u d-degradazzjoni u frammentazzjoni tal-ekosistemi); (i) ir-riskji għas-saħħa
tal-bniedem (eż. dawk minn kontaminazzjoni tal-ilma jew tniġġis
tal-arja); (k) l-impatt tal-proġett fuq il-wirt
kulturali u l-pajsaġġ. 2. IL-LOK TAL-PROĠETTI Għandha titqies is-sensittività ambjentali
ta' żoni ġeografiċi li x'aktarx jiġu affettwati
mill-proġetti, b'mod partikolari fir-rigward ta': (a) l-użu eżistenti jew ippjanat tal-art,
inklużi t-teħid u l-frammentazzjoni tal-art; (b) l-abbundanza relattiva, id-disponibbiltà,
il-kwalità u l-kapaċità ta' riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali
(inkluża l-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità)
fiż-żona; (c) il-kapaċità ta’ assorbiment tal-ambjent
naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni li
ġejjin: (i) artijiet mistagħdra, żoni max-xatt
tal-ixmajjar, bokok ta' xmajjar; (ii) żoni kostali, (iii) żoni muntanjużi u dawk
bil-foresti, (iv) riservi u parkijiet naturali; bjur
permanenti, żoni agrikoli b'valur naturali għoli; (v) żoni kklassifikati jew protetti skont
il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; Żoni Natura 2000
deżinjati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/147/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew tad-Direttiva
tal-Kunsill 92/43/KEE , żoni protetti minn konvenzjonijiet
internazzjonali; (vi) żoni fejn diġà kienu ma
ntlaħqux l-istandards ta' kwalità ambjentali, stabbiliti
fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u rilevanti għall-proġett, jew
fejn x'aktarx ma jintlaħqux; (vii) żoni b’densità għolja ta’
popolazzjoni, (viii) pajsaġġi u siti ta' sinifikat
storiku, kulturali u arkeoloġiku. 3. KARATTERISTIĊI TAL-IMPATT POTENZJALI L-effetti sinifikanti potenzjali tal-proġetti
għandhom jitqiesu f'relazzjoni mal-kriterji stabbiliti taħt l-1 u t-2
hawn fuq, partikolarment fir-rigward ta': (a) id-daqs u l-ambitu spazjali tal-impatt
(żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni li x'aktarx tkun
affettwata), (b) in-natura tal-impatt; (b) in-natura transfruntiera tal-impatt; (d) l-intensità u kumplessità tal-impatt; (e) il-probabbiltà tal-impatt; (f) it-tul taż-żmien, il-frekwenza u
r-riversibbilità tal-impatt; (g) ir-rapidità li biha jfeġġ l-impatt; (h) il-kumulazzjoni tal-impatti mal-impatti ta'
proġetti oħra (partikolarment dawk eżistenti u/jew approvati)
mill-istess żviluppaturi jew dawk differenti; (i) l-aspetti ambjentali li x'aktarx ikunu
affettwati b'mod sinifikanti; (k) l-informazzjoni u s-sejbiet dwar l-effetti
ambjentali miksuba minn stimi meħtieġa taħt
leġiżlazzjoni oħra tal-UE. (l) il-possibbiltà li jitnaqqsu l-impatti b'mod
effettiv. ANNESS IV – INFORMAZZJONI MSEMMIJA
FL-ARTIKOLU 5(1) 1. Id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi
b'mod partikolari: (a) deskrizzjoni tal-karatteristiċi
fiżiċi tal-proġett kollu inkluż, fejn rilevanti, fis-sottosuperfiċje
tiegħu, u l-użu tal-ilma u r-rekwiżiti tal-użu tal-art
matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet; (b) deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin
tal-proċessi tal-produzzjoni, pereżempju, in-natura u l-kwantità
tal-materjali, l-enerġija u r-riżorsi naturali (inkluż l-ilma,
l-art, il-ħamrija u l-bijodiversità) użati; (c) stima, skont it-tip u l-kwantità, tar-residwi
u emissjonijiet mistennija (l-ilma, l-arja, it-tniġġis
tal-ħamrija u tas-sottoswol, l-istorbju, il-vibrazzjoni, id-dawl,
is-sħana, ir-radjazzjoni, eċċ.) li jirriżultaw
mit-tħaddim tal-proġett propost. 2. Deskrizzjoni tal-aspetti tekniċi,
lokazzjonali jew oħrajn (eż. f’termini ta’ disinn tal-proġett,
kapaċità teknika, daqs u skala) tal-alternattivi meqjusa, inkluża
l-identifikazzjoni ta' dik bl-inqas impatt ambjentali, u indikazzjoni
tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla, filwaqt li
jitqiesu l-effetti ambjentali. 3. Deskrizzjoni tal-aspetti rilevanti tal-istat
eżistenti tal-ambjent u l-evoluzzjoni li x'aktarx tirriżulta mingħajr
l-implimentazzjoni tal-proġett (xenarju bażi). Din id-deskrizzjoni
għandha tkopri kwalunkwe problema ambjentali eżistenti rilevanti
għall-proġett, inkluż, b'mod partikolari, dawk li
jikkonċernaw xi żoni ta' importanza ambjentali partikolari u
l-użu tar-riżorsi naturali. 4. Deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali li x'aktarx
jiġu affettwati b'mod sinifikanti mill-proġett propost inklużi,
b'mod partikolari, il-popolazzjoni, is-saħħa tal-bniedem, il-fawna,
il-flora, il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi, l-art
(it-teħid tal-art), il-ħamrija (il-materja organika, l-erożjoni,
il-kompattazzjoni, l-impermeabilità), l-ilma (kwantità u kwalità), l-arja,
il-fatturi klimatiċi, it-tibdil fil-klima (l-emissjonijiet ta' gassijiet
serra, inkluż mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u
l-forestrija, il-potenzjal ta' mitigazzjoni, l-impatti rilevanti
għall-adattament, jekk il-proġett iqis ir-riskji assoċjati
mat-tibdil fil-klima), l-assi materjali, il-wirt kulturali, inkluż dak
arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ; deskrizzjoni bħal
din għandha tinkludi l-interrelazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn
fuq, kif ukoll l-esponiment, il-vulnerabbiltà u r-reżiljenza tal-fatturi
msemmija hawn fuq fir-rigward tar-riskji ta' diżastri naturali u dawk magħmula
mill-bniedem. 5. Deskrizzjoni tal-effetti sinifikanti probabbli
tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn: (a) l-eżistenza tal-proġett; (b) l-użu tar-riżorsi naturali, b'mod
partikolari l-art, il-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità u s-servizzi
tal-ekosistema li tipprovdi meta titqies, sa fejn huwa possibbli,
id-disponibbiltà ta' dawn ir-riżorsi anke fid-dawl ta' kundizzjonijiet
klimatiċi li qed jinbidlu; (c) l-emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu,
l-istorbju, il-vibrazzjoni, id-dawl, is-sħana, ir-radjazzjoni,
il-ħolqien ta' elementi ta' fastidju u l-eliminazzjoni tal-iskart; (d) ir-riskji għas-saħħa
tal-bniedem, il-wirt kulturali jew l-ambjenti (eż. minħabba
aċċidenti jew diżastri); (e) il-kumulazzjoni tal-effetti ma' proġetti
u attivitajiet oħra; (f) l-emissjonijiet ta' gassijiet serra,
inkluż mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija; (g) it-teknoloġiji u s-sustanzi użati; (h) tibdiliet idromorfoloġiċi. Id-deskrizzjoni tal-effetti sinifikanti probabbli
għandha tkopri l-effetti diretti u kwalunkwe effett indirett, sekondarju,
kumulattiv, transfruntier, għal żmien qasir, medju jew twil,
permanenti u temporanju, pożittiv u negattiv tal-proġett. Din
id-deskrizzjoni għandha tqis l-objettivi tal-protezzjoni tal-ambjent
stabbiliti fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri li huma rilevanti
għall-proġett. 6. Id-deskrizzjoni tal-metodi tat-tbassir
użati biex jiġu stmati l-effetti fuq l-ambjent imsemmija
fil-punt 5, kif ukoll rendikont tal-inċertezzi ewlenin involuti u
l-influwenza tagħhom fuq l-estimi tal-effetti u l-għażla
tal-alternattiva preferuta. 7. Deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex
jipprevjenu, inaqqsu u, fejn huwa possibbli, jikkontrobilanċjaw kull
effett negattiv sinifikanti fuq l-ambjent imsemmija fil-punt 5 u, fejn
xieraq, ta' kwalunkwe arranġament ta' monitoraġġ propost, li
jinkludi t-tħeħħija ta' analiżi ta' wara li jitlesta
l-proġett tal-effetti negattivi fuq l-ambjent. Din id-deskrizzjoni
għandha tispjega sa fejn l-effetti negattivi sinifikanti huma mnaqqsa jew
kontrobilanċjati u għandha tkopri kemm il-fażijiet
tal-kostruzzjoni kif ukoll dawk operazzjonali. 8. Stima tar-riskji ta' diżastri naturali u
dawk kawżati mill-bniedem u r-riskju ta' aċċidenti li
l-proġett jista' jkun vulnerabbli għalihom u, fejn xieraq,
deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jipprevjenu dawn ir-riskji, kif
ukoll miżuri dwar il-livell ta' tħejjija u reazzjoni
għall-emerġenzi (eż. miżuri meħtieġa taħt
id-Direttiva 96/82/KE kif emendata). 9. Sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni
pprovvduta skont l-intestaturi ta' hawn fuq. 10. Indikazzjoni ta' kull diffikultà (nuqqasijiet
tekniċi jew nuqqas ta' għarfien) li jiltaqa' magħhom
l-iżviluppatur fil-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa u
tas-sorsi użati għal deskrizzjonijiet u stimi mwettqa, kif ukoll
rendikont tal-inċertezzi ewlenin involuti u l-influwenza tagħhom fuq
l-estimi tal-effetti u l-għażla tal-alternattiva preferuta. " [1] Id-Direttiva 2011/92/UE (ĠU L 26,
28.1.2012, p.1) tikkodifika d-Direttiva 85/337/KEE u t-tliet emendi sussegwenti
tagħha (Id-Direttivi 97/11/KE, 2003/35/KE u 2009/31/KE). [2] COM(2009) 378. Ir-rapporti kollha huma disponibbli fuq
is-sit http://ec.europa.eu/environment/eia/eia-support.htm. [3] COM(2007) 225. [4] COM(2009) 15. [5] COM(2011) 571. [6] COM(2010) 2020. [7] L-ikbar korp bi sħubija professjonali
għall-ambjent b'aktar minn 15,000 membru li jaħdmu fis-setturi kollha
tal-industrija. [8] http://ec.europa.eu/environment/consultations/eia.htm [9] http://ec.europa.eu/environment/eia/conference.htm [10] ĠU C , , p. . [11] ĠU C , , p. . [12] COM(2007) 225. [13] COM(2009) 378. [14] COM(2011) 571. [15] COM(2006) 231. [16] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2010. [17] COM(2011) 244. [18] COM(2009) 82. [19] COM(2010) 2020. [20] ĠU L 197, 21.7.2001, p.30. [21] ĠU L 20, 26.1.2010, p.7. [22] ĠU L 327, 22.12.2000, p.1. [23] ĠU L 334, 17.12.2010, p.17. [24] ĠU L 206, 22.7.1992, p.7.