This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0511
Proposal for a COUNCIL REGULATION conferring specific tasks on the European Central Bank concerning policies relating to the prudential supervision of credit institutions
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu
/* COM/2012/0511 final - 2012/0242 (CNS) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu /* COM/2012/0511 final - 2012/0242 (CNS) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Bħalissa, is-solidità tas-settur bankarju
ħafna drabi għadha marbuta mill-qrib mal-Istat Membru li fih ikunu
stabbiliti l-banek. Dubji dwar is-sostenibbiltà ta’ dejn pubbliku, prospetti
ta’ tkabbir ekonomiku, u l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ilhom
joħolqu tendenzi tas-suq negattivi u li jirrinforzaw lil xulxin. Dan
jista’ jwassal għal riskji għall-vijabbiltà ta’ wħud
mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll għall-istabbiltà tas-sistema
finanzjarja, u jistgħu jimponu piż tqil fuq il-finanzi pubbliċi
diġà batuti tal-Istati Membri kkonċernati. Is-sitwazzjoni timponi riskji
speċifiċi fiż-Żona tal-euro, fejn il-munita unika
żżid il-probabbiltà li żviluppi fi Stat Membru wieħed ikunu
jistgħu joħolqu riskji għall-iżvilupp ekonomiku u
l-istabbiltà taż-Żona tal-euro kollha. Barra minn hekk, ir-riskju
attwali tad-diżintegrazzjoni finanzjarja mal-fruntieri nazzjonali
jdgħajjef b’mod sinifikanti s-Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji u
ma jħallihx jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku. Il-ħolqien tal-Awtorità Bankarja Ewropea
(ABE) bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità
Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u tas-Sistema Ewropea
tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) diġà kkontribwew għal
kooperazzjoni mtejba bejn is-superviżuri nazzjonali u
għall-iżvilupp ta’ ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi
finanzjarji fl-UE. Madankollu, is-superviżjoni tal-banek tibqa’
fil-biċċa l-kbira fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u b’hekk
tonqos milli tlaħħaq mas-swieq bankarji integrati. In-nuqqasijiet
superviżorji, minn meta bdiet il-kriżi finanzjarja, għawwru
b’mod sinifikanti l-fiduċja fis-settur bankarju tal-UE u kkontribwew għal
aggravament tat-tensjonijiet fis-swieq tad-dejn sovran fiż-żona
tal-euro. Għalhekk, il-Kummissjoni,
f’Mejju 2012, talbet, bħala parti minn viżjoni fuq terminu itwal
għall-integrazzjoni ekonomika u fiskali, li jkun hemm unjoni bankarja li
tirrestawra l-fiduċja fil-banek u fl-euro. Wieħed mill-elementi
ewlenin tal-unjoni bankarja għandu jkun Mekkaniżmu Superviżorju
Uniku (MSU) b’sorveljanza diretta tal-banek, biex jiġu infurzati r-regoli
prudenzjali b’mod strett u imparzjali u titwettaq sorveljanza effikaċi
tas-swieq bankarji transfruntieri. Jekk jiġi żgurat li
s-superviżjoni bankarja fiż-Żona tal-euro kollha tirrispetta
standards għoljin komuni, dan se jikkontribwixxi biex tissawwar
il-fiduċja meħtieġa bejn l-Istati Membri, xi ħaġa li
hija prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’ kwalunkwe garanzija ta’
kontinġenza (backstop) aħħarija komuni. Fis-summit taż-Żona tal-euro,
fid-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern talbu
lill-Kummissjoni “tippreżenta fi żmien qasir proposti
għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu superviżorju uniku. Meta
mekkaniżmu bħal dan jiġi implimentat għall-banek
fiż-żona tal-euro, il-MES jista’, wara li tittieħed
deċiżjoni regolari, ikollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza
lill-banek direttament.” Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
tal-laqgħa li saret fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju 2012
jiddikjaraw li din id-dikjarazzjoni taż-Żona tal-euro u l-proposti li
l-Kummisjoni se tippreżenta skontha għandhom iqisu l-iżvilupp
ta’ “pjan direzzjonali speċifiku u marbut biż-żmien
għall-kisba ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Il-Kummissjoni qieset l-analiżi li saret
fil-kuntest tal-adozzjoni tal-"pakkett superviżorju” li joħloq
l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, li vvalutat l-aspetti operazzjonali,
ta’ governanza, finanzjarji u legali kollha rilevanti għall-istabbiliment
ta’ MSU. It-tħejjija ta’ valutazzjoni tal-impatt formali ma kinitx
possibbli fi żmien l-iskeda stabbilita mis-Summit taż-Żona
tal-euro tad-29 ta’ Ġunju. 3. ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA Il-proposta hija bbażata fuq
l-Artikolu 127(6) tat-TFUE, li jipprovdi bażi ġuridika
għall-konferiment ta’ kompiti speċifiċi lill-BĊE li
jirrigwardaw is-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu
u ta' istituzzjonijiet oħrajn bl-eċċezzjoni tal-impriżi ta'
assigurazzjoni. Il-proposta tikkonferixxi lill-BĊE
ċerti kompiti superviżorji ewlenin għas-superviżjoni ta’
istituzzjonijiet ta’ kreditu, filwaqt li l-kompiti l-oħra mhux imsemmija
fir-Regolament se jibqgħu kompetenza tas-superviżuri nazzjonali.
Il-proposta tagħti s-setgħa lill-BĊE jwettaq superviżjoni
fuq konglomerati finanzjarji. Madankollu, biex tiġi żgurata
l-konformità mal-Artikolu 127(6) tat-TFUE, il-BĊE se jkun responsabbli
biss għat-twettiq tal-kompiti tiegħu għas-superviżjoni
supplementari ta’ konglomerati finanzjarji abbażi tal-grupp
sħiħ, filwaqt li s-superviżjoni prudenzjali tal-impriża
individwali tal-assigurazzjoni stess se titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti. L-għanijiet tal-azzjoni proposta ma
jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u
għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar mill-UE. L-avvenimenti
reċenti wrew b’mod ċar li s-superviżjoni fil-livell Ewropew biss
tista’ tiżgura sorveljanza xierqa ta’ settur bankarju integrat u livell
għoli ta’ stabbiltà finanzjarja fl-UE u fiż-Żona tal-euro b’mod
partikolari. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta ma jmorrux lil hinn
minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet
mixtieqa. Il-BĊE huwa fdat bil-kompiti superviżorji li
jeħtieġ li jiġu eżerċitati fil-livell tal-UE biex
tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u effettiva tar-regoli
prudenzjali, tal-kontroll tar-riskji u tal-prevenzjoni tal-kriżijiet.
L-awtoritajiet nazzjonali se jkomplu jwettqu ċerti kompiti li jistgħu
jitwettqu aħjar fil-livell nazzjonali. Skont l-Artikolu 127(6) tat-TFUE,
il-Kunsill jaġixxi permezz ta' regolamenti. Għalhekk, regolament huwa
l-uniku strument ġuridiku li jippermetti l-konferiment tal-kompiti
superviżorji lill-BĊE. 4. SPJEGAZZJONI DETTALJATA TAL-PROPOSTA 4.1. Il-konferiment ta’ ċerti
kompiti superviżorji lill-BĊE 4.1.1. Struttura Il-BĊE se jkun responsabbli għal
kompiti speċifiċi li jikkonċernaw is-superviżjoni
prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma stabbiliti fl-Istati
Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (Stati Membri parteċipanti)
bl-għan li jippromwovi s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’
kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-BĊE se jwettaq
il-kompiti tiegħu fil-qafas tal-SESF u se jikkoopera mill-qrib
mas-superviżuri nazzjonali u l-ABE. 4.1.2. L-ambitu tal-attivitajiet
superviżorji Wara perjodu tranżizzjonali, il-BĊE
se jkun responsabbli għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji ewlenin
għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri
parteċipanti, ikun x’ikun il-mudell jew id-daqs tal-operat tagħhom.
Il-BĊE għandu jkun is-superviżur ospitanti
għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri li mhumiex
parteċipanti, li jistabbilixxu fergħa jew jipprovdu servizzi
transfruntieri fi Stat Membru parteċipanti. 4.1.3. Kooperazzjoni mal-Awtoritajiet
Superviżorji Ewropej Il-BĊE se jwettaq il-kompiti tiegħu
fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja u se jikkoopera
mill-qrib mat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. L-ABE se
żżomm is-setgħat u l-kompiti tagħha biex tiżviluppa
aktar il-ġabra unika ta’ regoli u tiżgura konverġenza u
konsistenza tal-prattika superviżorja. Il-BĊE mhu se jieħu
responsabbiltà għall-ebda kompitu tal-ABE u l-eżerċitar tas-setgħat
regolatorji tiegħu skont l-Artikolu 132 tat-TFUE se jkunu limitati
għall-oqsma li huma meħtieġa għall-eżerċitar
xieraq tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament. Il-kompożizzjoni tal-bord
tas-superviżuri tal-ABE se tibqa’ l-istess u r-rappreżentanti
mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti se jkomplu jinfluwenzaw it-teħid
tad-deċiżjonijiet fl-ABE. Madankollu, sabiex jirriflettu
r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE, ir-rappreżentanti
mill-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri parteċipanti għandhom
jikkoordinaw u jesprimu pożizzjoni komuni, fi kwistjonijiet li jaqgħu
taħt il-kompetenzi tal-BĊE. 4.2. Kompiti tal-BĊE 4.2.1. Kompiti tal-BĊE Il-BĊE se jkun esklussivament kompetenti
għall-kompiti superviżorji ewlenin li huma indispensabbli biex
jiġu individwati r-riskji għall-vijabbiltà tal-banek u biex jitlobhom
jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Il-BĊE, fost affarijiet
oħra, se jkun l-awtorità kompetenti għal-liċenzjar u
l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-valutazzjoni ta’
parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikattivi, għall-iżgurar
tal-konformità mar-rekwiżiti kapitali minimi, għall-iżgurar
tal-adegwatezza tal-kapital intern b’rabta mal-profil tar-riskji ta’
istituzzjoni ta’ kreditu (miżuri tal-Pilastru Nru 2), għat-twettiq
ta’ superviżjoni fuq bażi kkonsolidata u ta’ kompiti
superviżorji b’rabta ma’ konglomerati finanzjarji. Barra minn hekk,
il-BĊE se jiżgura wkoll konformità mad-dispożizzjonijiet dwar
l-ingranaġġ u l-likwidità, se japplika bafers kapitali u se jwettaq,
b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, miżuri ta’
intervent bikri meta bank jikser, jew ikun se jikser, rekwiżiti
regolatorji ta’ kapital. Il-BĊE se jikkoordina u jesprimi wkoll
pożizzjoni komuni ta’ rappreżentanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri parteċipanti fil-Bord tas-Superviżuri u l-Bord
Maniġerjali tal-ABE, għal suġġetti marbuta mal-kompiti
msemmija hawn fuq. 4.2.2. Rwol tas-superviżuri
nazzjonali Is-superviżuri nazzjonali se jibqa’
jkollhom rwol importanti bil-ħolqien ta’ Mekkaniżmu Superviżorju
Uniku. L-ewwel nett, il-kompiti kollha mhux
ikkonferiti lill-BĊE se jibqgħu f’idejn is-superviżuri
nazzjonali. Pereżempju, is-superviżuri nazzjonali se jibqgħu
responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra
l-ħasil tal-flus, u għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’
kreditu ta’ pajjiżi terzi li jistabbilixxu fergħat jew jipprovdu
servizzi transfruntieri fi Stat Membru. It-tieni nett, anke għall-kompiti
kkonferiti lill-BĊE, il-biċċa l-kbira tal-verifiki u tal-attivitajiet
superviżorji l-oħra ta' kuljum meħtieġa biex jitħejjew
u jiġu implimentati l-atti tal-BĊE jistgħu jiġu
eżerċitati mis-superviżuri nazzjonali li joperaw bħala
parti integrali mill-MSU. MSU li jkopri l-banek kollha fl-Istati Membri
parteċipanti jista’ jopera biss abbażi ta’ mudell li jintegra rwol
b’saħħtu għal għarfien espert superviżorju fil-livell
nazzjonali. Il-proposta tirrikonoxxi li fil-MSU, is-superviżuri nazzjonali
jkunu f’bosta każijiet fl-aqwa pożizzjoni biex iwettqu dan it-tip ta’
attivitajiet, minħabba l-għarfien tagħhom dwar swieq bankarji
nazzjonali, reġjonali u lokali, ir-riżorsi eżistenti sinifikanti
tagħhom u minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-post u l-lingwa, u
b’hekk tippermetti li l-BĊE jiddependi fuq l-awtoritajiet nazzjonali sa
punt sinifikanti. L-attivitajiet ta’ tħejjija u ta’ implimentazzzjoni li
l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwettqu fil-MSU jinkludu pereżempju
dawn li ġejjin: ·
F’każ ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’
bank ġdid, is-superviżur nazzjonali jista’ jkun responsabbli
għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni għal
awtorizzazzjoni stabbilita fil-liġi nazzjonali, u jista’ jipproponi
deċiżjoni lill-BĊE li jista’ jawtorizza lill-bank jekk ikun
sodisfatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi tal-UE jkunu
ntlaħqu. Proċedura simili tapplika għall-irtirar ta’
awtorizzazzjoni. ·
Is-superviżuri nazzjonali jistgħu jwettqu
valutazzjoni kontinwa ġurnata b’ġurnata tas-sitwazzjoni ta' bank u
verifiki fuq il-post, filwaqt li jimplimentaw gwida ġenerali jew regoli
maħruġa mill-BĊE. Għal dawn il-finijiet is-superviżuri
nazzjonali jistgħu jużaw is-setgħat eżistenti tagħhom,
pereżempju biex iwettqu eżamijiet fuq il-post. Jekk abbażi
tal-valutazzjoni kontinwa jidher li bank ikun f’diffikultajiet serji
s-superviżur nazzjonali jista' javża lill-BĊE. ·
F’każ ta’ talba ta’ bank biex juża mudell
intern tar-riskju, is-superviżur nazzjonali jkun jista’ jivvaluta t-talba
u l-konformità tagħha mal-liġi tal-UE u kwalunkwe gwida
maħruġa mill-BĊE u jista’ jipproponi lill-BĊE jekk
jivvalidax il-mudell u taħt liema kundizzjonijiet. Wara validazzjoni,
is-superviżur nazzjonali jista’ jissorvelja l-applikazzjoni tal-mudell u
jimmonitorja l-użu kontinwu tiegħu. ·
Is-setgħat ta’ sanzjonar jistgħu jkunu
maqsumin bejn il-BĊE u l-livell nazzjonali. 4.3. Setgħat tal-BĊE 4.3.1. Setgħat superviżorji
u investigatorji Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti
tiegħu, il-BĊE se jitqies bħala l-awtorità kompetenti tal-Istati
Membri parteċipanti u se jkollu s-setgħat superviżorji li dawk
l-awtoritajiet għandu jkollhom skont l-leġiżlazzjoni bankarja
tal-UE. Dawk jinkludu setgħat superviżorji bħall-awtorizzazzjoni
ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u
t-tneħħija ta’ membru ta’ bord maniġerjali ta’ istituzzjoni ta’
kreditu. Barra minn hekk, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti
superviżorji kkonferiti lilu, il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet
pekunarji u ħlasijiet ta’ penalitajiet perjodiċi. L-approċċ
fir-rigward tas-sanzjonijiet stipulat f’dan ir-Regolament huwa mingħajr
preġudizzju għal dak f’oqsma oħra fejn l-istituzzjonijiet tal-UE
għandhom is-setgħa jimponu sanzjonijiet, inkluż, f’ċerti
każijiet, fuq impriżi prinċipali. Sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti
tiegħu l-BĊE se jkollu s-setgħat investigatorji kollha
meħtieġa. B’mod partikolari, il-BĊE se jkun jista’ jitlob
l-informazzjoni kollha rilevanti mingħand l-entitaijiet li jkunu
soġġetti għal superviżjoni u l-persuni involuti
fl-attivitajiet tagħhom, marbuta jew konnessi ma’ dawk l-attivitajiet jew
li jkunu qed iwettqu l-funzjonijiet operazzjonali f’isimhom. Se jingħata
wkoll is-setgħa li jwettaq l-investigazzjonijiet kollha
meħtieġa, inklużi l-ispezzjonijiet fuq il-post.
L-eżerċitar tas-setgħat investigatorji se jkun soġġett
għal salvagwardji xierqa. 4.3.2. Dispożizzjoni
speċifika dwar awtorizzazzjoni u kwistjonijiet bejn pajjiż ospitanti
u pajjiż tad-domiċilju L-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’
kreditu mill-BĊE se tqis il-kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu
jkunu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari,
il-BĊE se jagħti l-awtorizzazzjoni wara proposta magħmula
mill-awtorità kompetenti nazzjonali fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu ssodisfati. Meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu
jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-provvediment liberu
tas-servizzi fi Stati Membri oħra, il-liġi tal-Unjoni tipprovdi
għal attribuzzjoni ċara ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri
tad-domiċilju u dawk ospitanti u għal notifika speċifika. Għall-kompiti
kkonferit lilu, il-BĊE se jassumi r-rwol kemm ta’ superviżur
tad-domiċilju kif ukoll ta’ superviżur ospitanti għal
istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment
u l-provvediment liberu ta’ servizzi fi Stati Membri oħra parteċipanti.
B’rabta mal-kwistjonijiet koperti b’dawk il-kompiti, għalhekk m’hemm
l-ebda ħtieġa għal attribuzzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Istati
Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti u għal proċeduri ta’
notifika speċifiċi u d-dispożizzjonijiet rilevanti mhux se
jibqgħu japplikaw bejn l-Istati Membri parteċipanti. Skont il-liġi tal-Unjoni,
is-superviżuri ta’ gruppi bankarji transfruntieri jipparteċipaw
f’superviżjoni konsolidata tal-grupp u jikkoordinaw l-attivitajiet
superviżorji tagħhom fil-qafas tal-kulleġġi tas-superviżuri.
Madankollu, għall-gruppi bankarji stabbiliti biss fl-Istati Membri
parteċipanti, il-BĊE se jassumi l-kompiti superviżorji kollha
rilevanti. Għal dawn il-gruppi d-dispożizzjonijiet dwar
il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri u dwar il-kulleġġi mhux se
jibqgħu japplikaw. 4.4. Relazzjoni mal-Istati Membri
li l-munita tagħhom mhijiex l-euro Il-proposta tqis is-sitwazzjoni tal-Istati
Membri li ma adottawx l-euro fi tliet modi. L-ewwel nett, skont il-proposta relatata li
temenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi l-Awtorità
Bankarja Ewropea, qed jiġi propost li l-arranġamenti tal-votazzjoni
fl-ABE għandhom jiġu adattati biex jiġi żgurat li
l-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ABE jibqgħu
bbilanċjati u effikaċi u jħarsu l-integrità sħiħa
tas-Suq Uniku (ara t-taqsima 4.1.3). It-tieni nett, fir-rigward
tas-superviżjoni ta’ banek transfruntieri attivi kemm fiż-żona
tal-euro kif ukoll barra minnha, il-proposta ma taffettwa bl-ebda mod
il-pożizzjoni fil-Kulleġġi tas-Superviżuri, tal-Istati Membri
mhux parteċipanti, stabbiliti skont id-Direttiva 2006/48/KE.
Id-dispożizzjonijiet dwar dawk il-kulleġġi u l-obbligu li
jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni f’superviżjoni konsolidata u bejn
is-superviżuri tad-domiċilju u dawk ospitanti se japplikaw b’mod
sħiħ għall-BĊE – bħala l-awtorità kompetenti
għall-Istati Membri parteċipanti. Dawk id-dispożizzjonijiet se
jipprovdu qafas effikaċi għall-kooperazzjoni bejn il-BĊE u
s-superviżuri nazzjonali fl-Istati Membri li ma adottawx l-euro. It-tielet nett, l-Istati Membri li ma adottawx
l-euro iżda li jixtiequ jipparteċipaw fl-unjoni bankarja se jkunu
jistgħu jidħlu f’kooperazzjoni superviżorja mill-qrib
mal-BĊE bil-kundizzjoni li jissodisfaw kundizzjonijiet
speċifiċi. Dawn jinkludu b’mod partikolari li dawk l-Istati Membri
jirrispettaw u jimplimentaw atti rilevanti tal-BĊE. Għal Stat Membru
li jkun daħal f’arranġament ta’ kooperazzjoni mill-qrib, il-BĊE
se jwettaq il-kompiti superviżorji kkonferiti lilu f’dan ir-Regolament
fir-rigward tal-istituzzjonijet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istat Membru
kkonċernat. Rappreżentant tal-Istat Membru jista’ jipparteċipa
fl-attivitajiet tal-bord superviżorju stabbilit bir-Regolament biex
iwettaq l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-BĊE fil-qasam
tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu,
soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni
li tistabbilixxi l-kooperazzjoni mill-qrib f’konformità mal-Istatut
tas-SEBĊ u tal-BĊE. 4.5. Prinċipji
organizzazzjonali 4.5.1. Indipendenza u Responsabbiltà Il-BĊE se jkun indipendenti meta jwettaq
superviżjoni bankarja u se jkun soġġett għal
dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà qawwija biex jiġi żgurat li
juża s-setgħat superviżorji tiegħu bil-mod l-iktar
effikaċi u proporzjonat, fil-limiti stabbiliti bit-Trattat b’mod parallel
mal-arranġamenti pprovduti għall-Awtoritajiet Superviżorji
Ewropej. Il-BĊE għandu għalhekk jagħti kont tal-kompiti
tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill/il-Grupp tal-euro.
Il-BĊE se jkun soġġett għal rekwiżiti ta’ rapportar
regolari u se jwieġeb għall-mistoqsijiet. Il-President tal-bord
superviżorju se jippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet
superviżorji tal-BĊE lill-PE u lill-Grupp tal-euro u jista’ jinstema’
mill-kumitati kompetenti tal-PE fi kwalunkwe okkażjoni oħra. Il-BĊE
se jkun obbligat ukoll iwieġeb kwalunkwe mistoqsija li ssir mill-PE u
mill-membri tiegħu dwar l-attivitajiet superviżorji tiegħu.
Barra minn hekk, skont it-Trattat, il-President u l-Viċi President
tal-Kunsill Governattiv bħala l-korp bir-responsabbiltà aħħarija
għall-azzjoni tal-BĊE, kif ukoll il-membri l-oħra tal-Bord
Eżekuttiv, jinħatru mill-Kunsill Ewropew wara konsultazzjoni
mal-Parlament Ewropew. Peress li l-President tal-bord superviżorju se
jintgħażel mill-Membri tal-Bord Eżekuttiv, dan se jiżgura
wkoll rwol sinifikanti tal-PE għall-għażla tal-President.
Fir-rigward tal-baġit, skont l-Artikolu 314(1) tat-TFUE l-baġit
tal-BĊE ma jagħmilx parti mill-baġit tal-Unjoni. Madankollu,
bl-għan li tiġi żgurata r-responsabbiltà f’dan il-qafas,
il-BĊE se jkun meħtieġ jiżviluppa linja tal-baġit
separata għall-kompiti superviżorji mill-baġit ġenerali
tiegħu. Nefqiet relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE se
jkunu ffinanzjati billi jintalbu tariffi mingħand l-istituzzjonijiet li
jkunu soġġetti għal superviżjoni. 4.5.2. Governanza Kompiti ta’ politika monetarja se jiġu
strettament separati minn kompiti superviżorji biex jiġi eliminat
il-potenzjal ta’ kunflitti ta’ interess bejn l-għanijiet tal-politika
monetarja u dawk tas-superviżjoni prudenzjali. Biex tiġi implimentata
l-firda meħtieġa bejn iż-żewġ kompiti u jiġi
żgurat li l-kompiti superviżorji jingħataw attenzjoni xierqa,
il-BĊE se jiżgura li l-attivitajiet ta’ tħejjija u
eżekuzzjoni kollha fil-BĊE jitwettqu minn korpi u diviżjonijiet
amministrattivi separati minn dawk responsabbli għall-politika monetarja.
Għal dan il-għan se jiġi stabbilit bord superviżorju li se
jħejji d-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet superviżorji.
Il-Kunsill Governattiv se jkun finalment responsabbli biex jieħu d-deċiżjonijiet
iżda jista’ jiddeċiedi li jiddelega ċerti kompiti jew
setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijet lill-bord
superviżorju. Il-bord superviżorju se jkun immexxi minn President u
Viċi President eletti mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u magħmul
minnhom kif ukoll minn erba’ rappreżentanti tal-BĊE u rappreżentant
wieħed ta’ kull bank ċentrali nazzjonali jew awtorità kompetenti
nazzjonali oħra. 4.5.3. Skambju ta’ informazzjoni Għall-eżerċitar tal-kompiti
superviżorji tiegħu, il-BĊE se jkun soġġett
għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali previsti fil-leġiżlazzjoni
bankarja tal-UE u se jkun jista' jwettaq skambju tal-informazzjoni
mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dik
il-leġiżlazzjoni. 4.6. Dħul fis-seħħ
u rieżami Minħabba l-urġenza tal-istabbiliment
ta’ MSU effikaċi, ir-Regolament se jidħol fis-seħħ
fl-1 ta’ Jannar 2013. Biex jiġi żgurat bidu
mingħajr xkiel tal-mekkaniżmu huwa previst approċċ ta’
introduzzjoni gradwali, li jipprovdi għall-possibbiltà għall-BĊE
mill-1 ta’ Jannar 2013 biex japplika l-kompiti superviżorji
tiegħu fuq kwalunkwe bank, b’mod partikoalri banek li rċevew jew
talbu assistenza finanzjarja pubblika, filwaqt li l-istituzzjonijiet ta’
kreditu l-aktar sinifikanti ta’ importanza sistemika Ewropea għandhom
jiġu soġġetti għas-superviżjoni tal-BĊE mill-1 ta’ Lulju 2013.
Il-BĊE se jieħu l-kariga sħiħa tal-kompiti tiegħu
b’rabta mal-banek l-oħra kollha mhux aktar tard
mill-1 ta’ Jannar 2014. Huwa mistenni li d-Direttiva dwar
l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u
s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti
tal-investiment u r-Regolament dwar ir-rekwiżiti prudenzjali
għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment proposti
mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Lulju 2011 (il-pakkett DRK IV)[1] se jidħlu fis-seħħ
fl-1 ta’ Jannar 2013 u l-BĊE għalhekk se jkun jista’
jeżerċita l-kompiti superviżorji tiegħu abbażi ta’
dawk l-atti. Madankollu jekk dan ma jkunx il-każ, dispożizzjoni
tranżizzjonali speċifika tippermetti li l-BĊE jwettaq il-kompiti
tiegħu abbażi tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE
(DRK III) biss. Sal-1 ta’ Jannar 2016,
il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-esperjenzi miksuba bl-operat
tal-MSU u l-proċeduri stipulati f'dan ir-Regolament. 5. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Din il-proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni għall-baġit tal-Unjon, peress li skont it-Trattat
il-baġit tal-BĊE ma jagħmilx parti mill-baġit tal-Unjoni. 2012/0242 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jikkonferixxi kompiti speċifiċi
lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati
mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l Artikolu 127(6)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv
intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament
Ewropew[2]
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank
Ċentrali Ewropew[3]
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura
leġiżlattiva speċjali Billi: (1) Tul l-aħħar
deċennji, l-Unjoni għamlet progress konsiderevoli fil-ħolqien
ta’ suq intern għas-servizzi bankarji. Konsegwentement, f’bosta Stati
Membri, il-gruppi bankarji li għandhom il-kwartieri ġenerali
tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra għandhom sehem
sinifikanti tas-suq, u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ddiversifikaw l-operat
tagħhom b'mod ġeografiku, speċjalment fiż-Żona
tal-euro. (2) Sabiex fl-Unjoni jitrawwem
irkupru ekonomiku, huwa essenzjali li s-suq intern għas-servizzi bankarji
jinżamm u jikber iżjed. Madankollu dan huwa dejjem aktar ta’ sfida.
L-evidenza turi li l-integrazzjoni tas-swieq bankarji fl-Unjoni qed tieqaf. (3) Fl-istess ħin
is-superviżuri jridu jżidu l-iskrutinju superviżorju
tagħhom biex iqisu l-esperjenza mill-kriżi finanzjarja matul dawn
l-aħħar snin, u jkunu jistgħu jissorveljaw istituzzjonijiet u
swieq kumplessi u interkonnessi ħafna. (4) Il-kompetenza
għas-superviżjoni ta’ banek individwali fl-Unjoni għadha
fil-biċċa l-kbira fil-livell nazzjonali. Dan jillimita
l-effikaċja tas-superviżjoni u l-ħila tas-superviżuri biex
jilħqu fehim komuni dwar is-solidità tas-settur bankarju fl-Unjoni kollha.
Biex jitħarsu u jiżdiedu l-effetti pożittivi tal-integrazzjoni
tas-suq fuq it-tkabbir u l-benessri, l-integrazzjoni tar-responsabbiltajiet
superviżorji għandhom għalhekk jissaħħu. (5) Is-solidità
tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ħafna drabi għadha marbuta mill-qrib
mal-Istat Membru li fiha tkun stabbilita. Dubji dwar is-sostenibbiltà ta’ dejn
pubbliku, prospetti ta’ tkabbir ekonomiku, u l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet
ta’ kreditu ilhom joħolqu tendenzi tas-suq negattivi u li jirrinforzaw lil
xulxin. Dan jista’ jwassal għal riskji għall-vijabbiltà ta’ wħud
mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll għall-istabbiltà tas-sistema
finanzjarja, u jistgħu jimponu piż tqil fuq il-finanzi pubbliċi
diġà batuti tal-Istati Membri kkonċernati. Il-problema timponi riskji
speċifiċi fiż-Żona tal-euro, fejn il-munita unika żżid
il-probabbiltà li żviluppi negattivi fi Stat Membru wieħed ikunu
jistgħu joħolqu riskji għall-iżvilupp ekonomiku u
l-istabbiltà taż-Żona tal-euro kollha. (6) L-Awtorità Bankarja Ewropea
(ABE), stabbilita fl-2011 bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi
Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea),[4] u s-Sistema Ewropea
tas-Superviżjoni Finanzjarja stabbiliti bl-Artikolu 2 ta’ dak
ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010
tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità
Superviżorja Ewropea (AEAPX)[5],
u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-24 ta’ Novembru 2010
li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (AETS)[6] tejbu b’mod sinifikanti
l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri bankarji fl-Unjoni. L-ABE qed
tagħti kontributi importanti għall-ħolqien ta’ ġabra unika
ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji fl-Unjoni, u kienet kruċjali
fl-implimentazzjoni b’mod konsistenti tar-rikapitalizzazzjoni ta’
istituzzjonijiet ta’ kreditu maġġuri fl-Unjoni maqbula mill-Kunsill
Ewropew f’Ottubru 2011. (7) Il-Parlament Ewropew talab
f’diversi okkażjonijiet biex korp Ewropew ikun direttament responsabbli
għal ċerti kompiti superviżorji fuq istituzzjonijiet
finanzjarji, inizjalment fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' April 2000
dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas
għas-swieq finanzjarji: Pjan ta’ Azzjoni,[7]
u tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar regoli ta’ superviżjoni
prudenzjali fl-Unjoni Ewropea[8]. (8) Il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju 2012 stiednu
lill-President tal-Kunsill Ewropew jiżviluppa pjan direzzjonali
għall-kisba ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina. Fl-istess jum,
is-Summit tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-Żona tal-euro
indika li meta jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku
effikaċi li jinvolvi l-BĊE għall-banek fiż-żona
tal-euro, il-MES jista’, b’segwitu għal deċiżjoni regolari,
ikollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza l-banek direttament, abbażi ta'
kundizzjonalità xierqa, inkluża konformità mar-regoli ta’ għajnuna
mill-Istat. (9) Unjoni bankarja Ewropea
għandha għalhekk tiġi stabbilita, sostnuta b’ġabra unika
ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji għas-Suq Uniku kollu u
magħmula minn mekkaniżmu superviżorju uniku, u qafas komuni ta’
assigurazzjoni tad-depożiti u ta’ riżoluzzjoni. . Fid-dawl
tal-konnessjonijiet mill-qrib u l-interazzjonijiet bejn l-Istati Membri li qed
jipparteċipaw fil-munita komuni, l-unjoni bankarja għandha tkun
tapplika tal-anqas għall-Istati Membri kollha taż-Żona tal-euro.
Bl-għan li s-suq intern jinżamm u jitwessa’, u sal-estent li dan huwa
possibbli istituzzjonalment, l-unjoni bankarja għandha wkoll tkun
miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri oħra. (10) Bħala l-ewwel pass lejn
unjoni bankarja, mekkaniżmu superviżorju uniku għandu jiżgura
li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali
tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u
effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji
tiġi applikata b’mod ugwali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu
fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’
kreditu jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla
kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux
prudenzjali. Mekkaniżmu superviżorju uniku huwa l-bażi
għall-passi li jmiss lejn l-unjoni bankarja. Dan jirrifletti
l-prinċipju li kwalunkwe introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ intervent
komuni f’każ ta’ kriżijiet għandu jiġi ppreċedut minn
kontrolli komuni li jnaqqsu l-probabbiltà li jkollhom jintużaw
mekkaniżmi ta’ intervent. (11) Bħala l-bank
ċentrali taż-Żona tal-euro b’għarfien espert estensiv fi
kwistjonijiet makroekonomiċi u ta’ stabbiltà finanzjarja, il-BĊE
jinsab f'pożizzjoni tajba biex iwettaq kompiti superviżorji li
jiffukaw fuq il-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ewropea.
Fil-fatt f’bosta Stati Membri, il-Banek Ċentrali diġà huma
responsabbli għas-superviżjoni bankarja. Il-BĊE għandu
għalhekk jiġi kkonferit kompiti speċifiċi fir-rigward tal-politiki
relatati mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
fiż-Żona tal-euro. (12) Il-BĊE għandu
jiġi kkonferit dawk il-kompiti superviżorji speċifiċi li
huma kruċjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti u
effikaċi tal-politika tal-Unjoni li tirrigwarda s-superviżjoni prudenzjali
ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, filwaqt li kompiti oħrajn għandhom
jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-kompiti tal-BĊE
għandhom jinkludu miżuri meħuda biex tintlaħaq stabbiltà
makroprudenzjali. (13) Is-sikurezza u s-solidità
tal-banek il-kbar huma essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà
tas-sistema finanzjarja. Madankollu, esperjenza reċenti turi li l-banek
iż-żgħar jistgħu wkoll ikunu ta’ riskju
għall-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-BĊE għandu jkun
jista’ jeżerċita kompiti superviżorji fir-rigward tal-banek
kollha tal-Istati Membri parteċipanti. (14) Awtorizzazzjoni preliminari
għall-operat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu hija teknika prudenzjali
essenzjali biex jiġi żgurat li dawk l-attivitajiet jitwettqu biss
minn operaturi b’bażi ekonomika soda, b’organizzazzjoni kapaċi
tittratta r-riskji speċifiċi inerenti għat-teħid ta’
depożiti u l-provvediment ta’ krediti, u b’diretturi xierqa. Il-BĊE
għandu għalhekk ikollu l-kompitu li jawtorizza lill-istituzzjonijiet
ta’ kreditu u għandu jkun responsabbli għall-irtirar
tal-awtorizzazzjonijiet. (15) Minbarra l-kundizzjonijiet
stabbiliti fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni
tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-każijiet għall-irtirar ta’ dawn
l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu attwalment jipprovdu
għal kundizzjonijiet ulterjuri għall-awtorizzazzjoni u għal
każijiet ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni. Il-BĊE għandu
għalhekk iwettaq il-kompitu tiegħu li jawtorizza
lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jirtira l-awtorizzazzjoni f’każ ta’
nonkonformità ma’ liġi nazzjonali fuq proposta mill-awtorità kompetenti
nazzjonali rilevanti, li tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti
stabbiliti bil-liġi nazzjonali. (16) Valutazzjoni tal-adegwatezza
ta' kwalunkwe sid ġdid qabel ix-xiri ta' interess sinifikanti
f’istituzzjoni ta’ kreditu hija għodda indispensabbli biex tiġi
żgurata l-adegwatezza kontinwa u s-solidità finanzjarja tas-sidien ta’
istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-BĊE bħala istituzzjoni tal-Unjoni
jinsab f’pożizzjoni tajba biex iwettaq valutazzjoni bħal din
mingħajr ma jimponi restrizzjonijiet żejda fuq is-suq intern.
Il-BĊE għandu jkollu l-kompitu li jivvaluta l-akwiżizzjoni u
d-disponiment ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji sinifikanti f’istituzzjonijiet
ta’ kreditu. (17) Konformità mar-regoli
tal-Unjoni li jeżiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom
ċerti livelli ta’ kapital kontra riskji inerenti għall-operat
tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jillimitaw id-daqs tal-iskoperturi
għal kontropartijiet individwali, li jiddivulgaw pubblikament
informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu,
li jiddisponu minn biżżejjed assi likwidi biex jifilħu għal
sitwazzjonijiet ta’ stress tas-suq, u li jillimitaw l-ingranaġġ hija
prerekwiżit għas-solidità prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’
kreditu. Il-BĊE għandu jkollu l-kompitu li jiżgura konformità
ma’ dawk ir-regoli u biex jistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali ogħla u
japplika miżuri addizzjonali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu
fil-każijiet speċifikament stabbiliti fl-atti tal-Unjoni. (18) Bafers kapitali addizzjonali,
inkluż bafer ta’ konservazzjoni tal-kapital u bafer kapitali
kontroċikliku biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu
jakkumulaw matul perjodi ta’ tkabbir ekonomiku bażi kapitali suffiċjenti
biex jassorbu t-telf f’perjodi ta’ stress, humu għodod prudenzjali
essenzjali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ assorbenza ta’ telf
adegwata. Il-BĊE għandu jkollu l-kompitu jimponi dawn il-bafers u
jiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkonformaw magħhom. (19) Is-sikurezza u s-solidità ta’
istituzzjoni ta’ kreditu jiddependu wkoll mill-allokazzjoni ta’ kapital intern
adegwat, fejn jitqiesu r-riskji li tista’ tkun esposta għalihom, u
mid-disponibbiltà ta’ strutturi xierqa ta’ organizzazzjoni interna u
arranġamenti ta’ governanza korporattiva. Il-BĊE għandu
għalhekk ikollu l-kompitu li japplika rekwiżiti li jiżguraw li
l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom implimentat arranġamenti,
proċessi u mekkaniżmi ta’ governanza sodi, inklużi strateġiji
u proċessi għall-valutazzjoni u ż-żamma tal-adegwatezza
tal-kapital intern tagħhom. F’każ ta’ nuqqasijiet għandu jkollu
wkoll il-kompitu li jimponi miżuri xierqa inklużi rekwiżiti
speċifiċi ta’ fondi proprji addizzjonali, rekwiżiti
speċifiċi ta’ pubblikazzjoni, u rekwiżiti speċifiċi
ta’ likwidità. (20) Riskji għas-sikurezza u
s-solidità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu jokkorru kemm fil-livell
ta’ istituzzjoni ta’ kreditu individwali kif ukoll fil-livell ta’ grupp
bankarju jew ta’ konglomerat finanzjarju. Arranġamenti superviżorji
speċifiċi biex jimmitigaw dawn ir-riskji huma importanti biex
jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’
kreditu. Minbarra s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu
individwali, il-kompiti tal-BĊE għandhom jinkludu superviżjoni
fil-livell konsolidat, superviżjoni supplementari, superviżjoni ta’
kumpaniji holding finanzjarji u superviżjoni ta’ kumpaniji holding
finanzjarji mħallta. (21) Sabiex tiġi
ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja, id-deterjorament tas-sitwazzjoni
finanzjarja u ekonomika ta’ istituzzjoni għandha titranġa qabel ma
dik l-istituzzjoni tilħaq punt li fih l-awtoritajiet ma jkollhom l-ebda
alternattiva oħra għajr li tiġi riżolta. Il-BĊE għandu
jkollu l-kompitu jwettaq azzjonijiet ta’ intervent bikri kif iddefiniti
fil-liġi rilevanti tal-Unjoni. Madankollu għandu jikkoordina
l-azzjoni tiegħu ta’ intervent bikri mal-awtoritajiet ta'
riżoluzzjoni rilevanti. Sa ma jseħħ il-konferiment
tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni fuq korp Ewropew, il-BĊE
għandu barra minn hekk jikkoordina b’mod xieraq mal-awtoritajiet
nazzjonali kkonċernati biex jiżgura fehim komuni dwar
ir-responsabbiltajiet rispettivi f’każ ta’ kriżijiet, b’mod
partikolari fil-kuntest tal-gruppi ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet
transfruntieri u l-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni futuri stabbiliti
għal dawn l-għanijiet. (22) Kompiti superviżorji mhux
ikkonferiti lill-BĊE għandhom jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet
nazzjonali. Dawk il-kompiti għandhom jinkludu s-setgħa li
jirċievu notifiki mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’rabta mad-dritt ta’
stabbiliment u l-provvediment ħieles ta’ servizzi, is-superviżjoni
tal-korpi li mhumiex koperti bid-definizzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu
skont il-liġi tal-Unjoni iżda li huma taħt superviżjoni
bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu skont il-liġi nazzjonali, li
jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu minn pajjiżi
terzi li jistabbilixxu fergħa jew li jipprovdu servizzi transfruntieri
fl-Unjoni, li jwettqu superviżjoni ta’ servizzi ta’ pagamenti, li jwettqu
l-verifiki tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġurnata b’ġurnata, li
jwettqu l-funzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti fuq istituzzjonijiet ta' kreditu
b’rabta mas-swieq fl-istrumenti finanzjarji u l-prevenzjoni tal-użu
tas-sistema finanzjarja għall-fini ta’ ħasil tal-flus u ta’
finanzjament tat-terroriżmu. (23) Il-BĊE għandu
jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu bl-għan li jiżgura s-sikurezza u
s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema
finanzjarja tal-Unjoni u l-unità u l-integrità tas-Suq Intern, biex b’hekk
jiżgura wkoll il-protezzjoni tad-depożituri u jtejjeb il-funzjonament
tas-Suq Intern, skont il-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi
finanzjarji fl-Unjoni. (24) Il-konferiment ta’ kompiti
superviżorji lill-BĊE għal uħud mill-Istati Membri
għandu jkun konsistenti mal-qafas tas-Sistema Ewropea
tas-Superviżjoni Finanzjarja (SESF) stabbilita fl-2010 u l-għan
sottostanti tagħha li tiżviluppa l-ġabra unika ta’ regoli u
ssaħħaħ il-konverġenza ta’ prattiki superviżorji
fl-Unjoni kollha. Il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri bankarji u
s-superviżuri tal-assigurazzjoni u s-swieq tat-titoli hija importanti biex
tittratta kwistjonijiet ta’ interess komuni u biex tiġi żgurata
superviżjoni xierqa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw ukoll
fis-setturi tal-assigurazzjoni u t-titoli. Il-BĊE għandu
għalhekk ikun meħtieġ jikkoopera mill-qrib mal-ABE, l-Awtorità
Ewropea tat-Titotli u s-Swieq u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u
l-Pensjonijiet tax-Xogħol, fil-qafas tal-EFSF. (25) Sabiex tiġi żgurata
konsistenza bejn ir-responsabbiltajiet superviżorji kkonferiti lil
BĊE u t-teħid tad-deċiżjonijiet fl-ABE, il-BĊE
għandu jikkoordina pożizzjoni komuni bejn ir-rappreżentanti
tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti b’rabta ma’
kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu. (26) Il-BĊE għandu
jwettaq il-kompiti tiegħu soġġett għal kwalunkwe regola
tal-liġi tal-Unjoni u f’konformità magħha inklużi l-liġi
tal-Unjoni primarja u sekondarja kollha, id-deċiżjonijet tal-Kummissjoni
fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u
l-kontroll tal-fużjonijiet u l-ġabra unika ta’ regoli li tapplika
għall-Istati Membri kollha. L-ABE hija fdata bil-kompitu li
tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi u linji gwida u rakkomandazzjonijiet
li jiżguraw konverġenza superviżorja u konsistenza ta’
eżiti superviżorji fl-Unjoni. Il-BĊE ma għandux
jissostitwixxi l-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti mill-ABE, u
għandu għalhekk jeżerċita setgħat biex jadotta
r-regolamenti skont l-Artikolu 132 tat-TFUE biss fejn atti tal-Unjoni
adottati mill-Kummissjoni Ewropea fuq abbozzi żviluppati mill-ABE jew
linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-ABE ma jittrattawx
ċerti aspetti meħtieġa għall-eżerċitar xieraq
tal-kompiti tal-BĊE jew ma jittrattawhomx fid-dettall biżżejjed.
(27) Sabiex jiġi żgurat
li r-regoli u d-deċiżjonijiet superviżorji jiġu applikati
mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, mill-kumpaniji holding finanzjarji u
mill-kumpaniji holding finanzjarji mħallta, sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati
u dissważivi għandhom jiġu imposti f’każ ta’ ksur. Skont
l-Artikolu 132(3) tat-TFUE u r-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri
tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet[9], il-BĊE huwa intitolat jimponi
multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali fuq l-impriżi meta
jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi skont ir-regolamenti u
d-deċiżjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, sabiex il-BĊE jkun
jista’ jwettaq b’mod effikaċi l-kompiti tiegħu relatati mal-infurzar tar-regoli
superviżorji stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni direttament applikabbli,
il-BĊE għandu jingħata s-setgħa li jimponi sanzjonijiet
pekunarji fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji u
kumpaniji holding finanzjarji mħallta għal ksur ta’ tali regoli.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibqgħu jistgħu japplikaw
sanzjonijiet f'każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi li joriġinaw
mil-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi tal-Unjoni. Meta l-BĊE
jqis li jkun xieraq biex iwettaq il-kompiti tiegħu li tiġi applikata
sanzjoni għal tali ksur, għandu jkun jista’ jirreferi l-kwistjoni
lill-awtoritajiet nazzjonali għal dawk l-għanijiet. (28) Is-superviżuri nazzjonali
għandhom għarfien espert importanti u li ilu stabbilit
fis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fit-territorju
tagħhom u l-ispeċifiċitajiet ekonomiċi, organizzazzjonali u
kulturali tagħhom. Stabbilixxew korp kbir ta’ persunal iddedikat u bi
kwalifiki għoljin għal dawn l-għanijiet. Għalhekk, sabiex
tiġi żgurata superviżjoni Ewropea ta’ kwalità għolja,
is-superviżuri nazzjonali għandhom jassistu lill-BĊE
fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat
mal-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dan għandu
jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni kontinwa ġurnata b’ġurnata
tas-sitwazzjoni tal-bank u relatata ma’ verifiki fuq il-post. (29) Fir-rigward
tas-superviżjoni ta’ banek transfruntieri attivi kemm fiż-Żona
tal-euro u barra minnha, l-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib
mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti.
Bħala awtorità kompetenti l-BĊE għandu jkun soġġett
għall-obbligi relatati biex jikkoopera u jiskambja informazzjoni skont
il-liġi tal-Unjoni u għandu jipparteċipa bis-sħiħ
fil-kulleġġi tas-superviżuri. Barra minn hekk, peress li
l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji minn istituzzjoni Ewropea
jġib benefiċċji ċari f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja u
integrazzjoni sostenibbli tas-suq, l-Istati Membri mhux parteċipanti
fil-munita komuni għandu għalhekk ikollhom ukoll il-possibbiltà li
jipparteċipaw fil-mekkaniżmu l-ġdid. Madankollu, prekundizzjoni
meħtieġa għall-eżerċitar effikaċi tal-kompiti
superviżorji hija li d-deċiżjonijiet superviżorji jiġu
implimentati bis-sħiħ u mingħajr dewmien. L-Istati Membri li
jixtiequ jipparteċipaw fil-mekkaniżmu l-ġdid għandhom
għalhekk jintrabtu li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti
nazzjonali tagħhom se jirrispettaw u jadottaw kwalunkwe miżura
b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mitluba mill-BĊE. Il-BĊE
għandu jkun jista’ jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet
kompetenti ta’ Stat Membri mhux parteċipanti fil-munita komuni.
Għandu jkun obbligat jistabbilixxi l-kooperazzjoni meta l-kundizzjonijiet
stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu ssodisfati. Il-kundizzjonijiet li
skonthom ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib jipparteċipaw fl-attivitajiet
tal-Bord Superviżorju għandhom jippermettu l-akbar involviment
possibbli ta’ dawk ir-rappreżentanti filwaqt li jitqiesu l-limiti skont
l-Istatut tal-SEBĊ u tal-BĊE, b’mod partikolari fir-rigward
tal-integrità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet
tiegħu. (30) Sabiex iwettaq il-kompiti
tiegħu, il-BĊE għandu jkollu setgħat superviżorji
xierqa. Il-liġi tal-Unjoni dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’
istituzzjonijiet ta’ kreditu tipprovdi għal ċerti setgħat li
għandhom jiġu kkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti maħtura
mill-Istati Membri għal dawk l-għanijiet. Safejn dawk is-setgħat
jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE,
għall-Istati Membri parteċipanti l-BĊE għandu jitqies
l-awtorità kompetenti u għandu jkollu s-setgħat ikkonferiti
lill-awtoritajiet kompetenti bil-liġi tal-Unjoni. Dan jinkludi
setgħat ikkonferiti b’dawk l-atti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti u s-setgħat ikkonferiti
lill-awtoritajiet maħtura. (31) Sabiex iwettaq il-kompiti
tiegħu b'mod effikaċi, il-BĊE għandu jkun jista’
jeżiġi l-informazzjoni kollha meħtieġa, u jkun jista’
jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post. Dawn is-setgħat
għandhom japplikaw għall-entitajiet li ssirilhom superviżjoni,
għall-persuni involuti fl-attivitajiet ta’ dawk l-entitajiet u l-partijiet
terzi relatati, partijiet terzi li dawk l-entitajiet ikunu esternalizzawlhom
funzjonijiet operazzjonali jew attivitajiet u persuni li b’xi mod ieħor
ikunu relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-attivitajiet ta’
dawk l-entitajiet, inkluż il-persunal ta’ entità li ssirilha
superviżjoni li ma jkunx direttament involut fl-attivitajiet tagħha
iżda li, minħabba l-funzjoni tiegħu fl-entità, jista’ jkollu
informazzjoni importanti dwar kwistjoni speċifika u ditti li pprovdew
servizzi lil dawk l-entitajiet. Il-BĊE għandu jkun jista’
jeżiġi informazzjoni permezz ta' talba sempliċi li skontha
d-destinatarju mhuwiex obbligat li jipprovdi l-informazzjoni, iżda,
fil-każ li jagħmel dan b'mod volontarju, l-informazzjoni pprovduta ma
għandhiex tkun inkorretta jew qarrieqa u għandha tingħata
mingħajr dewmien. Il-BĊE għandu jkun jista’ wkoll
jeżiġi informazzjoni permezz ta’ deċiżjoni. (32) Meta l-istituzzjonijiet ta’
kreditu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ stabbiliment jew li
jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor, jew fejn bosta entitajiet fi
grupp ikunu stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-liġi tal-Unjoni
tipprovdi għal proċeduri speċifiċi u
għall-attribuzzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri kkonċernati.
Sal-punt li l-BĊE jassumi ċerti kompiti superviżorji
għall-Istati Membri parteċipanti kollha, dawk il-proċeduri u
attribuzzjonijiet ma għandhomx japplikaw għall-eżerċitar
tad-dritt tal-istabbiliment jew li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru
parteċipanti ieħor. (33) Fil-proċeduri tiegħu
tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-BĊE għandu jkun marbut
bir-regoli u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni dwar proċess
ġust u trasparenza. Id-dritt li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet
tal-BĊE jinstemgħu għandu jiġi rrispettat b’mod
sħiħ. (34) Il-konferiment tal-kompiti
superviżorji jimplika responsabbiltà sinifikanti għall-BĊE biex
jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, u biex juża
s-setgħat superviżorji tiegħu b’mod mill-aktar effikaċi u
proporzjonat. Il-BĊE għandu għalhekk jagħti kont
tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill tal-Ministri rispettivament, bħala istituzzjonijiet
demokratikament leġitimizzati li jirrappreżentaw lill-poplu Ewropew u
lill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll lill-Grupp tal-euro. Dak għandu
jinkludi rapportar regolari u t-tweġibiet ta’ mistoqsijiet. Meta s-superviżuri
nazzjonali jieħdu azzjoni skont dan ir-Regolament, għandhom
jibqgħu japplikaw l-arranġamenti ta’ responsabbiltà pprovduti skont
il-liġi nazzjonali. (35) Il-BĊE huwa responsabbli
għat-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ politika monetarja bl-għan li
tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) tat-TFUE.
L-eżerċitar ta’ kompiti superviżorji għandu l-għan li
jipproteġi s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u
l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’
interess u biex jiġi żgurat li kull funzjoni tiġi
eżerċitata skont l-għanijiet applikabbli, il-BĊE
għandu jiżgura li jitwettqu b’mod totalment separat. (36) B’mod partikolari, bord
superviżorju responsabbli mit-tħejjija tad-deċiżjonijiet
dwar kwistjonijiet superviżorji għandu jiġi stabbilit
mal-BĊE u jinkludi l-għarfien espert speċifiku
tas-superviżuri nazzjonali. Il-bord għandu għalhekk ikun
ippresedut minn President u Viċi President eletti mill-Kunsill Governattiv
tal-BĊE u magħmul, barra minnhom, minn rappreżentanti
mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali. Biex ikun hemm rotazzjoni xierqa
filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-President
u tal-Viċi President, it-terminu tagħhom ma għandux jaqbeż
ħames snin u ma għandux ikun rinnovabbli. Biex tiġi żgurata
koordinazzjoni sħiħa mal-attivitajiet tal-ABE u mal-politiki
prudenzjali tal-Unjoni, l-ABE u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu
osservaturi fil-bord superviżorju. Il-prestazzjoni tal-kompiti
superviżorji kkonferiti lill-BĊE teżiġi l-adozzjoni ta’
għadd kbir ta’ atti u deċiżjonijiet teknikament kumplessi,
inklużi deċiżjonijiet dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu
individwali. Sabiex iwettaq dawk il-kompiti b’mod effikaċi skont
il-prinċipju tas-separazzjoni minn kompiti relatati mal-politika
monetarja, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jkun jista’
jiddelega ċerti kompiti superviżorji ddefiniti b’mod ċar u
deċiżjonijiet relatati lill-bord superviżorju, soġġett
għas-sorveljanza u responsabbiltà tal-Kunsill Governattiv, li jista’
jagħti struzzjonijiet u direzzjonijiet lil dak il-korp. Il-bord
superviżorju jista’ jkun appoġġat minn kumitat ta’ tmexxija
b’kompożizzjoni aktar limitata. (37) Il-bord superviżorju u
l-persunal tal-BĊE li jwettqu d-dmirijiet superviżorji għandhom
ikunu soġġetti għal rekwiżiti xierqa ta’ segretezza
professjonali. Rekwiżiti simili għandhom japplikaw
għall-iskambju tal-informazzjoni mal-persunal tal-BĊE mhux involut
f’attivitajiet superviżorji. Dan ma għandux jipprevjeni lill-BĊE
milli jiskambja informazzjoni fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti
fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż mal-Kummissjoni
Ewropea għall-finijiet tal-kompiti tagħha skont l-Artikoli 107 u
108 tat-TFUE u skont il-liġi tal-Unjoni dwar sorveljanza ekonomika u
baġitarja msaħħa. (38) Sabiex iwettaq il-kompiti superviżorji
tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jeżerċita
l-kompiti superviżorji kkonferiti lilu b’indipendenza sħiħa,
b’mod partikolari minn influwenza politika żejda u minn interferenza
min-naħa tal-industrija li jaffettwaw l-indipendenza operazzjonali
tiegħu. (39) Sabiex iwettaq il-kompiti
superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu
jiddisponi minn riżorsi adegwati. Dawk ir-riżorsi għandhom
jinkisbu b’mod li jiżgura l-indipendenza tal-BĊE minn influwenzi żejda
min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-parteċipanti
fis-suq, u l-firda bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji.
Il-kostijiet tas-superviżjoni għandhom jiġġarrbu
primarjament mill-entitajiet soġġetti għaliha. Għalhekk,
l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji mill-BĊE għandu
jiġi ffinanzjat tal-anqas parzjalment mit-tariffi li jintalbu
lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fid-dawl tat-trasferiment ta' kompiti
superviżorji sinifikanti mingħand l-awtoritajiet nazzjonali
lill-BĊE huwa mistenni li kwalunkwe tariffa dovuta għas-superviżjoni
fil-livell nazzjonali tista' titnaqqas kif xieraq. (40) Persunal li jkun immotivat
ħafna, imħarreġ sew u imparzjali huwa indispensabbli għal
superviżjoni effikaċi. Sabiex jinħoloq mekkaniżmu
superviżorju realment integrat, għandu jkun previst skambju xieraq u
sekondar ta’ persunal mas-superviżuri nazzjonali u l-BĊE kif ukoll
bejniethom. Fejn meħtieġ biex jiġu evitati kunflitti ta’
interess, b’mod partikolari fis-superviżjoni ta’ banek kbar, il-BĊE
għandu jkun jista’ jitlob li t-timijiet superviżorji nazzjonali
jinvolvu wkoll persunal minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri
parteċipanti oħra. (41) Meta jitqiesu
l-globalizzazzjoni tas-servizzi bankarji u l-importanza dejjem ikbar
tal-istandards internazzjonali, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti
tiegħu skont l-istandards internazzjonali u bi djalogu u b’kooperazzjoni
mill-qrib mas-superviżuri barra l-Unjoni, mingħar ma jiġi
dduplikat ir-rwol internazzjonali tal-ABE. Għandu jingħata
s-setgħa li jiżviluppa kuntatti u jidħol f’arranġamenti
amministrattivi mal-awtoritajiet superviżorji u l-amministrazzjonijiet ta’
pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, soġġett
għal koordinazzjoni mal-ABE u filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ
ir-rwoli eżistenti u l-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u
tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. (42) Id-Direttiva 95/46/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar
il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta
personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[10] u r-Regolament (KE)
Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi
fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u
l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[11] huma applikabbli b’mod
sħiħ għall-ipproċessar ta’ dejta personali
għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. (43) Ir-Regolament (KE)
Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija
mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)[12] japplika għall-BĊE.
Il-BĊE aderixxa wkoll mal-Ftehim Interistituzzjonali
tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill
tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward
l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. (44) Sabiex jiġi żgurat
li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu soġġetti għal
superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn
kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali u li l-impatti negattivi tas-suq
li jirrinforzaw lil xulxin u li jikkonċernaw il-banek u l-Istati Membri
jiġu indirizzati fil-ħin u b'mod effikaċi, il-BĊE
għandu mill-aktar fis jibda jwettaq kompiti superviżorji
speċifiċi. Madankollu, it-trasferiment tal-kompiti superviżorji
mis-superviżuri nazzjonali lill-BĊE jeżiġi ċertu
ammont ta’ tħejjija. Għalhekk, għandu jkun previst perjodu
xieraq ta’ introduzzjoni gradwali. L-għadd ta’ banek soġġetti
għas-superviżjoni tal-BĊE għandu jiżdied b’mod
progressiv, filwaqt li titqies ir-rilevanza tas-superviżjoni ta’ dawk
il-banek biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Bħala
l-ewwel pass il-BĊE għandu jkun jista’ japplika l-kompiti
superviżorji tiegħu għal kwalunkwe bank, b’mod partikolari
għal banek li rċevew jew talbu assistenza finanzjarja pubblika. Bħala
t-tieni pass, il-banek ta’ importanza sistemika Ewropea kif rifless
fl-iskoperturi totali tagħhom u l-attivitajiet transġurisdizzjonali
tagħhom għandhom ikunu koperti. L-iskoperturi totali għandhom
jiġu kkalkulati fid-dawl tal-metodoloġiji ddefiniti fil-ftehim
Basel III tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Supeviżuri Bankarji dwar
il-kalkolu tal-proporzjoni ta’ ingranaġġ u dwar id-definizzjoni ta’
kapital tal-grad 1 ta’ ekwità komuni. Il-proċess ta’ introduzzjoni
gradwali għandu jitlesta mhux aktar tard minn sena mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. (45) Il-qafas attwali ta’
rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u
s-superviżjoni supplementari ta’ konglomerati finanzjarji huwa
magħmul minn Direttivi li jipprovdu għadd sinifikanti ta’ għażliet
u diskrezzjonijiet għall-Istati Membri meta jiċċirkonskrivu
s-setgħat ta’ awtoritajiet kompetenti. Sa ma jiġu adottati l-atti
leġiżlattivi l-ġodda tal-Unjoni li jiddefinixxu s-setgħat
li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom direttament u mingħajr
referenza għall-għażliet jew id-diskrezzjonijiet tal-Istati
Membri, il-BĊE għalhekk ma jista jieħu l-ebda
deċiżjoni direttament applikabbli għal istituzzjonijiet ta’
kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji
mħallta. F'din il-fażi tranżizzjonali, il-BĊE għandu
għalhekk jeżerċita l-kompiti tiegħu biss billi jagħti
struzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jaġixxu. (46) Dan ir-Regolament jirrispetta
d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta
tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment id-dritt
għall-protezzjoni ta’ dejta personali, il-libertà ta’ impriża,
id-dritt għal rimedju effikaċi u għal smigħ ġust, u
għandu jiġi implimentat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji. (47) Peress li l-għanijiet ta’
dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas effiċjenti u
effikaċi għall-eżerċitar ta’ kompiti superviżorji
speċifiċi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu minn istituzzjoni
tal-Unjoni, u li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti
tal-ġabra unika ta’ regoli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ma
jistgħux jintlaħqu fil-livell tal-Istati Membri u jistgħu
għalhekk, minħabba l-istruttura pan-Unjonista tas-suq bankarju u
l-impatt fuq l-Istati Membri l-oħra tal-fallimenti bankarji, jintlaħqu
aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont
il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità,
kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn dak li huwa
meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Kapitolu I Suġġett u definizzjonijiet Artikolu 1 Suġġett Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE
kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni
prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bl-għan li jiġu
promossi s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u
l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fejn jitqiesu b’mod xieraq l-unità u
l-integrità tas-suq intern. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament,
għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (1)
“Stat Membru parteċipanti" tfisser Stat
Membru li l-munita tiegħu hija l-euro; (2)
“awtorità kompetenti nazzjonali” tfisser l-awtorità
kompetenti nazzjonali maħtura minn Stati Membri parteċipanti skont
id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u
l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil
mill-ġdid)[13]
u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’
kumpaniji tal-investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil
mil-ġdid)[14]; (3)
“istituzzjonijiet ta’ kreditu” tfisser
istituzzjonijiet ta’ kreditu kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)
tad-Direttiva 2006/48/KE; (4)
“kumpanija holding finanzjarja” tfisser kumpanija
holding finanzjarja kif iddefinita fl-Artikolu 4(19)
tad-Direttiva 2006/48/KE; (5)
“kumpanija holding finanzjarja mħallta”
tfisser kumpanija holding finanzjarja mħallta kif iddefinit
fl-Artikolu 2(15) tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar
is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar
impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju[15]; (6)
“konglomerat finanzjarju” tfisser konglomerat
finanzjarju kif iddefinit fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2002/87/KE. Kapitolu II Kooperazzjoni u kompiti Artikolu 3 Kooperazzjoni Il-BĊE għandu jikkoopera mill-qrib
mal-Awtorità Bankarja Ewropea, mal-Awtorita Ewropea tat-Titotli u s-Swieq u
mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u
mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, li jiffurmaw parti mis-Sistema
Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja stabbiliti bl-Artikolu 2 tar-Regolamenti
(UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010. Artikolu 4 Kompiti kkonferiti lill-BĊE 1. Il-BĊE għandu,
skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, ikun
esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali,
il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha
stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti: (a)
Biex jawtorizza l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u
jirtira l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu; (b)
Biex jivvaluta l-akkwiżizzjonijiet u
d-disponimenti tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji fl-istituzzjonijiet ta’
kreditu; (c)
Biex jiżgura l-konformità ma’ kwalunkwe att
tal-Unjoni li jimponi rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’
kreditu fl-oqsma ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji, limiti ta’ skoperturi
kbar, likwidità, ingranaġġ, u rapportar u divulgazzjoni pubblika ta’
informazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet; (d)
fil-każijiet speċifikament stabbiliti
fl-atti tal-Unjoni biss, biex jistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali
ogħla u japplika miżuri addizzjonali għall-istituzzjonijiet ta’
kreditu; (e)
Biex jimponi bafers kapitali li jridu jinżammu
mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu minbarra r-rekwiżiti ta’ fondi proprji
msemmija f’(c), inkluż l-iffissar ta’ rati ta’ bafers
kontroċikliċi u kwalunkwe miżura oħra li jkollha
l-għan li tindirizza riskji sistemiċi jew makroprudenzjali
fil-każijiet stabbiliti speċifikament f’atti tal-Unjoni; (f)
Biex japplika rekwiżiti
għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jimplimentaw arranġamenti,
proċessi u mekkaniżmi sodi ta’ governanza u proċessi
effikaċi ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern. (g)
Biex jiddetermina jekk l-arranġamenti,
l-istratepiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati
mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fondi proprji miżmuma minn dawn
l-istituzzjonijiet jiżguraw ġestjoni soda u kopertura tar-riskji
tagħhom, u abbażi ta’ dik l-analiżi superviżorja biex
jimpni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rekwiżiti speċifiċi
addizzjonali ta’ fondi proprji, rekwiżiti speċifiċi ta’
pubblikazzjoni, rekwiżiti speċifiċi ta’ likwidità u miżuri
oħra fil-każijiet stabbiliti speċifikament fl-atti tal-Unjoni; (h)
Biex iwettaq testijiet ta’ stress superviżorji
fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jappoġġa l-analiżi
superviżorja; (i)
Biex iwettaq superviżjoni fuq bażi
kkonsolidata tal-kumpaniji prinċipali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
f’wieħd mill-Istati Membri parteċipanti, inkluż ta’ kumpaniji
holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta, u biex
jipparteċipa fis-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata, inkluż
f’kulleġġi ta’ superviżuri, b’rabta mal-kumpaniji
prinċipali f’wieħed mill-Istati Membri prinċipali; (j)
Biex jipparteċipa f’superviżjoni
supplementari ta’ konglomerat finanzjarju b’rabta ma’ istituzzjonijiet ta’
kreditu inklużi fih u jassumi l-kompiti ta’ koordinatur meta l-BĊE
jinħatar bħala l-koordinatur għal konglomerat finanzjarju skont
il-kriterji stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni rilevanti; (k)
Biex iwettaq kompiti superviżorji b’rabta ma’
intervent bikri meta istituzzjoni ta’ kreditu ma tissodisfax jew x’aktarx se
tikser ir-rekwiżiti prudenzjali applikabbli, inklużi il-pjanijiet ta’
rkupru u l-arranġamenti ta’ appoġġ finanzjarju bejn il-gruppi,
b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti; (l)
Li jikkoordina u jesprimi pożizzjoni komuni
tar-rappreżentanti minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
parteċipanti fil-Bord tas-Superviżuri u l-Bord Maniġerjali
tal-Awtorità Bankarja Ewropea, għal kwistjonijiet relatati mal-kompiti
kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament. 2. Għall-istituzzjonijiet
ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti, li jistabbilixxu
fergħa jew jipprovdu servizzi transfruntieri fi Stat Membru
parteċipanti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti msemmija
fil-paragrafu 1 li għalih ikunu kompetenti l-awtoritajiet kompetenti
nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti. 3. Soġġett għal u
f’konformità ma’ kwalunkwe regola rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u b’mod
partikolari kwalunkwe att leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv,
il-BĊE jista’ jadotta regolamenti u rakkomandazzjonijiet u jieħu
deċiżjonijiet biex jimplimenta jew japplika liġi tal-Unjoni,
sal-punt meħtieġ biex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan
ir-Regolament. 4. Dan ir-Regolament huwa
mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u s-setgħat
relatati tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti biex
iwettqu kompiti superviżorji li mhumiex imsemmija f’dan ir-Regolament. Artikolu 5 Awtoritajiet nazzjonali 1. Il-BĊE għandu
jwettaq il-kompiti tiegħu f’mekkaniżmu superviżorju uniku li
huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. 2. L-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti għandhom jassistu lill-BĊE fuq talba tiegħu
bit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-kompiti
msemmija fl-Artikolu 4. 3. Il-BĊE għandu
jorganizza l-modalitajiet prattiċi ta’ implimentazzjoni
tal-paragrafu 2 mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali meta
jwettqu l-kompiti tiegħu. Għandu jiddefinixxi b’mod ċar il-qafas
u l-kundizzjonijiet li skonthom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali
għandhom iwettqu dawk l-attivitajiet. 4. L-awtoritajiet kompetenti
nazzjonali għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-BĊE. Artikolu 6 Kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet
kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti 1. Fi ħdan il-limiti
stabbiliti b’dan l-Artikolu, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti
fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’
kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro, fejn
ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-awtorità kompetenti
nazzjonali tat-tali Stat Membru skont dan l-Artikolu. Għal dak il-għan, il-BĊE jista’
jindirizza linji gwida jew talbiet lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’
Stat Membru mhux parteċipanti. 2. Il-kooperazzjoni mill-qrib
bejn il-BĊE u l-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru mhux
parteċipanti għandha tiġi stabbilita, b’deċiżjoni
adottata mill-BĊE, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li
ġejjin: (m)
L-Istat Membru kkonċernat jinnotifika
lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-ABE
bit-talba li jidħlu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE b’rabta
mal-eżerċitar tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 fir-rigward
tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat; (n)
Fin-notifika, l-Istat Membru kkonċernat jintrabat: –
li jiżgura li l-awtorità kompetenti nazzjonali
tiegħu se tirrispetta kwalunkwe linja gwida jew talba maħruġa
mill-BĊE; –
li jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar
l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti f’dak l-Istat Membru li l-BĊE
jista’ jeħtieġ għall-fini tat-twettiq ta’ valutazzjoni
komprensiva ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. (o)
L-Istat Membru kkonċernat adotta atti legali
nazzjonali biex jiżgura li l-awtorità kompetenti nazzjonali se tkun
obbligata tadotta kwalunkwe miżura b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’
kreditu mitluba mill-BĊE, skont il-paragrafu 5. 3. Id-deċiżjoni
msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiddetermina, f'konformità
mal-Istatut tal-BĊE u tas-SEBĊ, il-kundizzjonijiet li skonthom
ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li
stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib skont dan l-Artikolu għandhom
jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Bord Superviżorju. 4. Id-Deċiżjoni
msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-Deċiżjoni għandha
tapplika 14-il jum wara t-tali pubblikazzjoni. 5. Meta l-BĊE jqis li
miżura relatata mal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 għandha
tiġi adottata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru kkonċernat
b’rabta ma’ istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew
kumpanija holding finanzjarja mħallta, għandu jagħmel talba lil
dik l-awtorità, fejn jispeċifika skeda taż-żmien rilevanti. Dik
l-iskeda ma għandhiex tkun inqas minn 48 siegħa sakemm adozzjoni
aktar bikrija ma tkunx indispensabbli biex tiġi evitata ħsara
irreparabbli. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat
għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa skont l-obbligu
msemmi fil-paragrafu (2)(c). 5. Meta l-kundizzjonijiet
stabbiliti fil-paragrafu 2(a) sa (c) ma jibgħux jiġu ssodisfati
mill-Istat Membru kkonċernat, jew meta l-awtorità kompetenti tiegħu
ma taġixxix skont l-obbligu msemmi fil-paragrafu 2(c), il-BĊE
jista’ jiddeċiedi li jtemm il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak l-Istat
Membru. Id-deċiżjoni għandha tiġi
nnotifikata lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tiġi
ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Id-deċiżjoni għandha tindika d-data minn meta tibda tapplika,
filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq l-effikaċja superviżorja u
l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Artikolu 7 Relazzjonijiet internazzjonali Mingħajr preġudizzju
għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet
l-oħra tal-Unjoni, b’rabta mal-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan
ir-Regolament, il-BĊE jista’ jiżviluppa kuntatti u jidħol
f’arranġamenti amministrattivi ma' awtoritajiet superviżorji,
organizzazzjonijiet internazzjonali u amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi
terzi, soġġett għal koordinazzjoni xierqa mal-ABE. Dawk
l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward
tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Kapitolu III Setgħat superviżorji u
investigatorji Artikolu 8 Setgħat superviżorji u
investigatorji 1 Għall-finijiet
tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikolu 4(1) u (2),
il-BĊE għandu jitqies bħala l-awtorità kompetenti fl-Istati
Membri parteċipanti skont l-atti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u
jkollu s-setgħat u l-obbligi li l-awtoritajiet kompetenti għandu
jkollhom skont dawk l-atti. Għall-fini tat-twettiq tal-kompitu msemmi
fl-Artikolu 4(1) u (2), il-BĊE għandu jitqies bħala
l-awtorità maħtura skont l-atti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u
jkollu s-setgħat u l-obbligi li l-awtoritajiet maħtura għandu
jkollhom skont dawk l-atti. 2 Għall-finijiet
tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikolu 4(1) u (2),
il-BĊE għandu jkollu s-setgħat investigatorji stabbiliti
fit-Taqsima I. TAQSIMA 1 Setgħat investigatorji Artikolu 9 Talbiet għal informazzjoni 1. Il-BĊE jista’ b’talba
sempliċi jew b’deċiżjoni jeżiġi li l-persuni
ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin jipprovdu
l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa biex iwettaq il-kompiti
kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni li għandha
tiġi pprovduta f’intervalli rikorrenti u f’formati speċifikati
għall-finijiet superviżorji u statistiċi relatati: (a)
istituzzjonijiet ta’ kreditu; (b)
kumpaniji holding finanzjarji; (c)
kumpaniji holding finanzjarji mħallta; (d)
kumpaniji holding b’attività mħallta; (e)
persuni involuti fl-attivitajiet tal-entitajiet
imsemmija f'(a) sa (d), u partijiet terzi relatati; (f)
partijiet terzi li l-entitajiet msemmija f’(a) sa
(d) ikunu esternalizzawlhom funzjonijiet operazzjonali jew attivitajiet; (g)
persuni li b’xi mod ieħor huma relatati
mill-qrib u b’mod sostanzjali jew konnessi mal-attivitajiet tal-entitajiet
imsemmija f'(a) sa (d); (h)
awtoritajiet kompetenti nazzjonali. 2. Il-persuni msemmija
fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Artikolu 10 Investigazzjonijiet ġenerali 1. Sabiex iwettaq il-kompiti
kkonferiti lilu b'dan ir-Regolament, il-BĊE jista’ jwettaq
l-investigazzjonijiet kollha neċessarji tal-persuni msemmija
fl-Artikolu 9(1) (a) sa (g). Għal dak il-għan, il-BĊE
għandu jkollu d-dritt li: (a)
jeżiġi s-sottomissjoni ta’ dokumenti; (b)
jeżamina l-kotba u r-reġistri tal-persuni
msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) sa (g) u jieħu kopji jew estrazzjonijiet
mit-tali kotba u reġistri; (c)
jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn
kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 9(1) (a) sa (g) jew
ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħhom; (d)
jintervista kwalunkwe persuna fiżika jew
ġuridika oħra li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata
bil-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett
tal-investigazzjoni; 2. Il-persuni msemmija
fl-Artikolu 9(1) (a) sa (g) għandhom jissottomettu ruħhom
għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta' deċiżjoni
tal-BĊE. Meta persuna tostakola t-twettiq ta'
investigazzjoni, l-Istat Membru parteċipanti fejn ikun jinsab il-bini
rilevanti għandu jipprovdi l-assistenza meħtieġa, inkluż
aċċess lill-BĊE għall-bini fejn joperaw il-persuni
ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 9(1) (a) sa (g), sabiex ikunu
jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet imsemmijin qabel. Artikolu 11 Spezzjonijiet fuq il-post 1. Sabiex iwettaq il-kompiti
kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’ jwettaq
l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha neċessarji fil-bini fejn joperaw
il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 9(1) (a) sa (g), skont
l-Artikolu 12. Meta t-twettiq u l-effiċjenza xierqa
tal-ispezzjonijiet ikunu jeħtieġu hekk, il-BĊE jista' jwettaq
spezzjonijiet fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. 2. L-uffiċjali tal-BĊE
u persuni oħra awtorizzati minnu biex iwettqu spezzjoni fuq il-post
jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art fejn joperaw il-persuni
ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta’
investigazzjoni adottata mill-BĊE u għandu jkollhom is-setgħat
kollha stipulati fl-Artikolu 10(1). Huma għandu jkollhom ukoll
is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini fejn joperaw il-persuni
ġuridiċi u kotba jew reġistri għall-perjodu tal-ispezzjoni
u sal-limitu meħtieġ għaliha. 3. Il-persuni msemmija
fl-Artikolu 9(1) (a) sa (g) għandhom jissottomettu ruħhom
għal spezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-BĊE.
4. L-uffiċjali tal-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun se titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll
dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom fuq talba tal-BĊE,
jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-BĊE u lil persuni oħra
awtorizzati minnu. Għal dak il-għan, huma għandhom igawdu
s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali tal-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat jistgħu
wkoll jattendu l-ispezzjonijiet fuq il-post jekk jitolbu li jagħmlu dan. 5. Meta l-uffiċjali
tal-BĊE u persuni oħra awtorizzati mill-BĊE li jakkumpanjawhom
isibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti għandha tipprovdilhom
l-assistenza meħtieġa. Artikolu 12 Awtorizzazzjoni minn awtorità
ġudizzjarja 1. Jekk spezzjoni fuq il-post
prevista fl-Artikolu 11(1) jew l-assistenza prevista
fl-Artikolu 11(5) teżiġi awtorizzazzjoni minn awtorità
ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni
għat-tali awtorizzazzjoni. 2. Meta awtorizzazzjoni kif
imsemmija fil-paragrafu 1 tkun saret applikazzjoni għaliha,
l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tikkontrolla li
d-deċiżjoni tal-BĊE tkun awtentika u li l-miżuri koersivi
previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi filwaqt li jitqies
is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità
tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob
lill-BĊE għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari
fir-rigward tar-raġunijiet li l-BĊE jkollu biex jissuspetta li jkun
sar ksur tal-atti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u l-gravità tal-ksur
issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta
għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja
nazzjonali ma għandhiex tanalizza n-neċessità tal-ispezzjoni u lanqas
ma għandha titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl
tal-BĊE. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-BĊE għandha
tkun soġġetta għal analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea. TAQSIMA 2 setgħat superviżorji speċifiċi Artikolu 13 Awtorizzazzjoni 1. Kwalunkwe applikazzjoni
għal awtorizzazzjoni biex jingħata bidu għall-operat ta’
istituzzjoni ta’ kreditu li tkun se tiġi stabbilita fi Stat Membru
parteċipanti għandha tiġi introdotta mal-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta' kreditu tkun se tiġi
stabbilita skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni
nazzjonali rilevanti. Jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tikkonforma
mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat
membru, l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tieħu
deċiżjoni biex tipproponi lill-BĊE biex jagħti
l-awtorizzazzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata
lill-BĊE u lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Meta l-BĊE jirċievi l-proposta
mill-awtorità kompetenti nazzjonali msemmija fit-tieni subparagrafu,
għandu jagħti awtorizzazzjoni fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti
fil-liġi tal-Unjoni jiġu ssodisfati. Id-deċiżjoni
għandha tiġi nnotifikata lill-istituzzjoni ta’ kreditu
kkonċernata. 2. Il-BĊE jista’ jirtira
l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fl-atti tal-Unjoni fuq
l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq proposta mill-awtorità kompetenti
nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu hija stabbilita. Meta l-awtorità kompetenti nazzjonali li tkun
ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li
l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali,
għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan.
F’dak il-każ, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni. Artikolu 14 Setgħat tal-awtoritajiet ospitanti u
kooperazzjoni dwar superviżjoni konsolidata 1. Bejn l-Istati Membri
parteċipanti l-proċeduri stabbiliti fl-atti tal-Unjoni
għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jixtiequ jistabbilixxu fergħa
jew jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi billi jwettqu
l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u
l-kompetenzi relatati tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti
għandhom japplikaw biss għall-finijiet ta' kompiti mhux ikkonferiti
lill-BĊE bl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. 2. Id-dispożizzjonijiet
stabbiliti fl-atti tal-Unjoni b’rabta mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet
kompetenti mill-Istati Membri differenti għat-twettiq
tas-superviżjoni fuq bażi kkonsolidata ma għandhomx japplikaw
sal-punt li l-awtoritajiet kompetenti involuti jkunu awtoritajiet kompetenti
ta’ Stati Membri parteċipanti. Artikolu 15 Sanzjonijiet 1. Għall-fini tat-twettiq
tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, meta istituzzjonijiet ta’
kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, jew kumpaniji holding finanzjarji
mħallta, b’mod intenzjonali jew negliġenti, jiksru rekwiżit
skont atti tal-Unjoni direttament applikabbli li fir-rigward tagħhom
għandu jkun hemm disponibbli sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi
għall-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi tal-Unjoni, il-BĊE
jista’ jimponi sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji sa darbtejn l-ammont
tal-profitt miksub jew it-telf evitat minħabba ksur meta dawn jistgħu
jiġu ddeterminati, jew sa 10 % tal-fatturat annwali totali ta’
persuna ġuridika fis-sena ta’ ħidma preċedenti. 2. Meta l-persuna ġuridika
tkun sussidjarja ta’ impriża prinċipali, il-fatturat annwali totali
rilevanti msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-fatturat annwali
totali li jirriżulta mill-kont ikkonsolidat tal-impriża
prinċipali aħħarija fis-sena ta’ ħidma preċedenti. 3. Is-sanzjonijiet applikati
għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Meta jiġi
biex jiddetermina jekk jimponix sanzjoni u biex jiddetermina s-sanzjoni
x-xierqa, il-BĊE għandu jqis iċ-ċirkostanzi kollha
rilevanti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni. 4. Il-BĊE għandu
japplika dan l-Artikolu skont l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2532/98. 5. F’każijiet mhux koperti
bil-paragrafu 1, fejn meħtieġ għall-fini tat-twettiq
tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE jista’
jeżiġi li awtoritajiet kompetenti nazzjonali jieħdu azzjoni
sabiex jiżguraw li jiġu imposti sanzjonijiet xierqa. Is-sanzjonijiet
applikati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu
effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-ewwel subparagrafu għandu jkun applikabbli
b’mod partikolari għal sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu
imposti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew
kumpaniji holding mħallta għal ksur ta’ liġi nazzjonali li
tittrasponi Direttivi tal-UE rilevanti, u għal kwalunkwe sanzjoni jew
miżura amministrattiva li tkun se tiġi imposta fuq membri tal-bord
maniġerjali jew kwalunkwe individwu ieħor li skont il-liġi
nazzjonali jkun responsabbli għal ksur minn istituzzjoni ta’ kreditu,
kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta. 6. Il-BĊE għandu
jippubblika kwalunkwe sanzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr
dewmien żejjed inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur
u l-identità tal-persuni responsabbli għalih, sakemm it-tali
pubblikazzjoni ma theddix serjament l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Meta
pubblikazzjoni tkun tikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet
involuti, il-BĊE għandu jippubblika s-sanzjoni fuq bażi anonima. 7. Mingħajr
preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 6, għall-finijiet tat-twettiq
tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, f’każ ta’ ksur ta’
regolamenti jew deċiżjonijiet tiegħu, il-BĊE jista’ jimponi
sanzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98. Kapitolu IV Prinċipji organizzazzjonali Artikolu 16 Indipendenza 8. Meta jwettaq il-kompiti
kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jaġixxi b’mod
indipendenti. 9. L-istituzzjonijiet, il-korpi,
l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-gvernijiet tal-Istati
Membri għandhom jirrispettaw dik l-indipendenza. Artikolu 17 Responsabbiltà Il-BĊE għandu jagħti kont
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-implimentazzjoni ta’ dan
ir-Regolament, skont dan il-Kapitolu. Artikolu 18 Separazzjoni mill-funzjoni politika
monetarja 1. Meta jwettaq il-kompiti
kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jfittex li
jilħaq biss l-għanijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament. 2. Il-BĊE għandu
jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament b’mod separat
mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u minn kwalunkwe
kompitu ieħor. Il-kompiti kkonferiti lill-BĊE b’dan ir-Regolament ma
għandhomx jinterferixxu mal-kompiti tal-BĊE relatati mal-politika
monetarja u ma’ kwalunkwe kompitu ieħor. 3. Għall-finijiet
tal-paragrafi 1 u 2, il-BĊE għandu jadotta kwalunkwe regola
interna meħtieġa, inklużi regoli rigward is-segretezza
professjonali. Artikolu 19 Bord superviżorju 1. L-ippjanar u
l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE, għandhom
jitwettqu minn korp intern magħmul minn erba’ rappreżentanti
tal-BĊE maħtura mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u
rappreżentant wieħed tal-awtorità kompetenti nazzjonali għas-superviżjoni
tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’kull Stat Membru parteċipanti (minn
hawn 'il quddiem "bord supeviżorju"). 2. Barra minn hekk, il-bord
superviżorju għandu jinkludi President elett mill-membri tal-Kunsill
Governattiv minn fost il-membri, bl-eċċezzjoni tal-President tal-Bord
Eżekuttiv, u Viċi President elett mill-membri tal-Kunsill governattiv
tal-BĊE u minn fosthom. 3. Il-Kunsill Governattiv
tal-BĊE jista’ jiddelega kompiti superviżorji ddefiniti b’mod
ċar u deċiżjonijiet relatati rigward istituzzjonijiet ta’
kreditu, kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji
mħallta individwali jew sett identifikabbli minnhom, lill-bord
superviżorju, soġġett għas-sorveljanza u r-responsabbiltà
tal-Kunsill Governattiv. 4. Il-bord superviżorju
jista’ jaħtar minn fost il-membri tiegħu kumitat ta’ tmexxija
b’kompożizzjoni iktar limitata biex jappoġġa l-attivitajiet
tiegħu, inkluż it-tħejjija tal-laqgħat. 5. Ir-rappreżentanti
tal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri li stabbilixxew kooperazzjoni
mill-qrib skont l-Artikolu 6 għandhom jieħdu sehem
fl-attivitajiet tal-bord superviżorju skont il-kundizzjonijiet stabbiliti
fid-deċiżjoni adottata skont il-paragrafi 2 u 3
tal-Artikolu 6, f’konformità mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. 6. Il-President tal-Awtorità
Bankarja Ewropea u membru tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu
jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-bord
superviżorju. 7. Il-Kunsill Governattiv
għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-bord supeviżorju
inklużi r-regoli dwar iż-żmien tal-kariga tal-President u
l-Viċi President. Iż-żmien tal-kariga ma għandux
jaqbeż ħames snin u ma għandux ikun rinnovabbli. Artikolu 20 Segretezza professjonali u skambju ta’
informazzjoni 1. Membri tal-Bord
Superviżorju u persunal tal-BĊE li jwettqu dmirijiet
superviżorji, anke meta jintemmu dmirijiethom, għandhom ikunu
soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali
stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-Protokoll Nru 4 u fl-atti rilevanti
tal-liġi tal-Unjoni. 2. Għall-fini tat-twettiq
tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE għandu jkun
awtorizzat, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti rilevanti
tal-liġi tal-Unjoni, li jiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet u korpi
nazzjonali jew Ewropej fil-każijiet fejn il-liġi tal-Unjoni
tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddivulgaw informazzjoni
lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu
għat-tali divulgazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni. Artikolu 21 Rapportar 1. Il-BĊE għandu kull
sena jissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u
lill-Grupp tal-euro, rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferit lilu
b’dan ir-Regolament. 2. Il-President tal-bord
superviżorju tal-BĊE għandu jippreżenta dan ir-rapport
lill-Parlament Ewropew u lill-Grupp tal-euro fil-preżenza ta’
rappreżentanti minn kwalunkwe Stat Membru mhux parteċipanti li
miegħu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 6. 3. Il-President tal-bord
superviżorju jista’, fuq talba tal-Parlament Ewropew, jinstema’
mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-eżekuzzjoni
tal-kompiti superviżorji tiegħu. 4. Il-BĊE għandu
jwieġeb oralment jew bil-miktub għall-mistoqsijiet li jsirulu
mill-Parlament Ewropew jew mill-Grupp tal-euro. Artikolu 22 Riżorsi Il-BĊE għandu jiddedika
r-riżorsi meħtieġa biex jeżerċita l-kompiti kkonferiti
lilu b’dan ir-Regolament. Artikolu 23 Baġit 1. In-nefqa tal-BĊE biex
iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament għandhom
jiddaħħlu f’taqsima separata tal-baġit tal-BĊE. 2. Il-BĊE għandu,
bħala parti mir-rapport imsemmi fl-Artikolu 22, jirrapporta
fid-dettall dwar it-taqsima superviżorja tal-baġit tiegħu.
Għandu jippubblika l-kontijiet annwali dettaljati b’rabta mat-taqsima
superviżorja tal-baġit tiegħu skont l-Artikolu 26.2
tal-Istatut tal-BĊE u tas-SEBĊ. Artikolu 24 Tariffi għas-superviżjoni 1. Il-BĊE għandu
jiċċarġja tariffi mingħand l-istituzzjonijiet ta’ kreditu
li għandhom ikopru nefqiet relatati mal-kompiti tiegħu, u li ma
jaqbżux dawk in-nefqiet. 2. L-ammont ta’ tariffa
ċċarġjata lil istituzzjoni ta’ kreditu għandha tkun
proporzjonata mal-importanza u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni ta’ kreditu
kkonċernata. Artikolu 25 Skambju tal-persunal 1. Il-BĊE għandu
jiżgura skambju xieraq u sekondar ta’ persunal mal-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti kif ukoll bejniethom. 2. Il-BĊE għandu
jeżiġi fejn xieraq li timijiet superviżorji tal-awtoritajiet
kompetenti nazzjonali li jkunu qed jieħdu azzjonijiet superviżorji
fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew
kumpanija holding finanzjarja mħallta li tkun tinsab fi Stat Membru
parteċipanti wieħed skont dan ir-Regolament jinvolvu wkoll persunal
minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri oħra parteċipanti. Kapitolu V Dispożizzjonijiet ġenerali u
finali Artikolu 26 Rieżami Sal-31 ta’ Diċembru 2015,
il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan
ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħra: (a) il-funzjonament tal-BĊE fis-Sistema
Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja; (b) l-effikaċja tal-arranġamenti ta’
indipendenza u responsabbiltà; (c) l-interazzjoni bejn il-BĊE u
l-Awtorità Bankarja Ewropea (d) l-adegwatezza tal-arranġamenti ta’
governanza, inkluża l-kompożizzjoni tal-bord superviżorju. Ir-rapport għandu jintbagħat
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħmel
proposti ta’ akkumpanjament, skont kif ikun xieraq. Artikolu 27 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali 1. Mill-1 ta’ Lulju 2013,
il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti superviżorji kkonferiti lilu
anke b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti, kumpaniji
holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta ta’ importanza
sistemika Ewropea fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni, abbażi tad-daqs
tagħhom kif rifless, fis-somma tal-valuri tal-iskoperturi tal-assi u
l-obbligazzjonijiet barra l-karta bilanċjali mhux imnaqqsa kollha meta
jiġi ddeterminat il-kapital ta’ grad 1 ta’ ekwità komuni għal
finijiet regolatorji, u l-attività transfruntiera tagħhom kif riflessa
f’pretensjonijiet transġurisdizzjonali bħal depożiti u assi
oħra fir-rigward ta’ konsumaturi jew operaturi finanzjarji oħra li
jinsabu f’pajjiż ieħor u obbligazzjonijiet transġurisdizzjonali
bħal self u noti fir-rigward ta’ konsumaturi jew operaturi finanzjarji
oħra li jinsabu f’pajjiż ieħor, li flimkien ikopru tal-anqas
nofs is-settur bankarju fiż-żona tal-euro kollha,
fl-1 ta’ Jannar 2013. Il-BĊE għandu jadotta u
jippubblika l-lista ta’ dawk l-istituzzjonijiet qabel
l-1 ta’ Marzu 2013. 2. Il-BĊE għandu
jieħu l-kariga sħiħa tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan
ir-Regolament fl-1 ta’ Jannar 2014. 3. Qabel
l-1 ta’ Jannar 2014, il-BĊE jista’ b’deċiżjoni
indirizzata lil istituzzjoni ta’ kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew
kumpanija holding finanzjarja mħallta u l-awtorità kompetenti nazzjonali
tal-Istati Membri parteċipanti kkonċernati, jibda jwettaq il-kompiti
kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta istituzzjoni ta’
kreditu, kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja
mħallta tkun irċeviet jew talbet assistenza finanzjarja pubblika. 4. Mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bl-għan li jassumi l-karigi
tiegħu skont il-paragrafi 1 sa 3, il-BĊE jista’ jeżiġi li
l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru parteċipanti u l-persuni
msemmija fl-Artikolu 9 jipprovdu l-informazzjoni kollha rilevanti
għall-BĊE biex iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet
ta’ kreditu tal-Istat Membru parteċipanti. L-istituzzjoni ta’ kreditu u
l-awtorità kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. 5. B’deroga
mill-Artikolu 4(3), mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament
u sat-tħassir tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE u s-sostituzzjoni
tagħhom b’atti ġodda tal-Unjoni, il-BĊE għandu
jeżerċita l-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament billi
jindirzza struzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar
l-eżerċitar ta’ kwalunkwe setgħa rilevanti kkonferita lilhom. B’deroga mill-Artikolu 4(3), mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u sad-dħul fis-seħħ ta’
atti leġiżlattvi dwar superviżjoni supplementari fuq
istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti
tal-investiment f’konglomerat finanzjarju li tippermetti li l-BĊE
jeżerċita s-setgħat ta’ awtoritajiet kompetenti, il-BĊE
għandu jeżerċita l-kompiti kkonferiti lilu
bl-Artikolu 4(2)(j) billi jindirizza struzzjonijiet lill-awtoritajiet
kompetenti nazzjonali dwar l-eżerċitar ta’ kwalunkwe setgħa
rilevanti kkonferita lilhom. 6. Istituzzjonijiet ta’ kreditu
awtorizzati minn Stati membri parteċipanti fid-data msemmija
fl-Artikolu 28 jew fejn rilevanti fid-dati msemmija fil-paragrafi 2 u
3, għandhom jitqiesu li huma awtorizzati skont l-Artikolu 13 u
jistgħu jkomplu bl-operat tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali
kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-BĊE qabel id-data
tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jew fejn rilevanti qabel id-dati
msemmija fil-paragrafi 2 u 3 l-identità ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’
kreditu flimkien ma’ rapport li jindika l-istorja superviżorja u l-profil
ta’ riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, u kwalunkwe informazzjoni
oħra mitluba mill-BĊE. l-informazzjoni għandha tiġi
sottomessa fil-format mitlub mill-BĊE. Artikolu 28 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. Dan
ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament
fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] COM(2011)452 u COM(2011)453
tal-20 ta’ Lulju 2011. [2] ĠU C , , p. . [3] ĠU C , , p. . [4] ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12. [5] ĠU L 331, 15.12.2010, p. 37. [6] ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84. [7] ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453. [8] ĠU C 25 E, 29.1.2004, p.
394. [9] ĠU L 318, 27.11.98, p. 4. [10] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. [11] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1. [12] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1. [13] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1. [14] ĠU L 177, 30.6.2006, p.
277. [15] ĠU L 35, 11.2.2003, p.
1-27.