Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0426

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni)

/* COM/2012/0426 final - 2010/0253 (COD) */

52012PC0426

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni) /* COM/2012/0426 final - 2010/0253 (COD) */


2010/0253 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294(7)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emenda[i] tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni)

1.           Introduzzjoni

L-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew waqt it-tieni qari. Hawn taħt, il-Kummissjoni qed tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-emenda unika komprensiva li favuriha vvota l-Parlament.

2.           Kuntest

Il-proposta tal-Kummissjoni:                                                                                           17.9.2010

Il-proposta trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:                                              21.9.2010

L-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni:                                                                  28.1.2011

L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali:                                                                   16.3.2011

L-approċċ ġenerali tal-Kunsill TTE                                                                                 16.6.2011

Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew waqt l-ewwel qari:                                                16.11.2011

Il-pożizzjoni tal-Kunsill waqt l-ewwel qari:                                                                         8.3.2012

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill waqt l-ewwel qari:        12.3.2012

It-trażmissjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill waqt l-ewwel qari lill-Parlament Ewropew:           12.3.2012

L-approvazzjoni tal-ftehim li sar waqt it-tieni qari mill-Coreper:                                        19.6.2012

L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja:                                             3.7.2012

3.           L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-proċeduri ta' ksur, l-ilmenti li saru mill-partijiet interessati kif ukoll studji u rapporti differenti dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju lkoll urew li, fil-qafas regolatorju attwali, kien hemm lok għal titjib li jrid isir sabiex l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni jkunu jistgħu jintlaħqu b'mod sħiħ.

F'dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni li ssir riformulazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju kellha l-għan li tindirizza (a) il-finanzjament adegwat tal-infrastrutturi ferrovjarji u t-tqegħid ta’ imposti adegwati fuqhom, (b) il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju u (c) ir-riformi organizzattivi meħtieġa biex tkun żgurata superviżjoni xierqa tas-suq:

(a) l-ewwel għan tar-riformulazzjoni proposta jikkonsisti fl-iżgurar ta’ finanzjament xieraq, trasparenti u sostenibbli tal-infrastruttura u, bis-saħħa ta' prevedibbiltà aħjar tal-iżvilupp tal-infrastruttura u tal-kundizzjonijiet tal-aċċess, fl-iffaċilitar tal-investiment min-naħa tal-impriżi ferrovjarji, flimkien ma’ livell u struttura aktar xierqa tal-imposti infrastrutturali, fit-titjib tal-kompetittività tal-operaturi ferrovjarji meta mqabbla ma' dik ta’ mezzi oħra tat-trasport u fil-kontribut għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali;

(b) it-tieni sett ta’ għanijiet jinkludi azzjonijiet bħal li jiġi evitat it-tfixkil fil-kompetizzjoni minħabba l-użu ta' fondi tal-Istat għal attivitajiet kummerċjali, li jiġi evitat il-ġbir ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva minn operaturi li diġà qegħdin fis-suq u l-użu tagħha kontra l-kompetituri potenzjali tagħhom, li jiġu eliminati l-kunflitti tal-interess fl-immaniġġjar ta' servizzi relatati mas-settur ferrovjarju u li tiżdied id-disponibbiltà ta' dawn is-servizzi għall-operaturi l-ġodda kif ukoll li tiżdied it-trasparenza tas-suq biex tkun żgurata kompetizzjoni effettiva;

(c) fir-rigward tas-sorveljanza regolatorja, ir-riformulazzjoni proposta għandha l-għan li tiżgura li l-korpi regolatorji jkunu f'qagħda li jwettqu dmirijiethom b'mod effettiv, bis-saħħa ta' indipendenza msaħħa, kompetenzi usa' u mezzi addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom.

4.           Opinjoni tal-kummissjoni dwar l-emenda tal-Parlament Ewropew

Kien hemm għadd ta' kuntatti informali bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni bil-għan li jintlaħaq qbil dwar dan id-dossier waqt it-tieni qari. Wara dawn il-kuntatti, il-plenarju vvota favur emenda ta' kompromess ġenerali fit-3 ta' Lulju 2012. Il-Kummissjoni tapprova l-kontenut ta’ din l-emenda komprensiva ta' kompromess.

4.1.        L-emendi tal-Parlament Ewropew waqt it-tieni qari

Il-pożizzjoni tal-Kunsill waqt l-ewwel qari diġà kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni (ara l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill[1]). L-aktar tibdiliet importanti li l-emenda komprensiva tal-Parlament Ewropew għamlet fil-pożizzjoni tal-Kunsill li dwarha ttieħed vot fit-3 ta' Lulju 2012 huma deskritti hawn taħt.

– B'rabta mal-finanzjament infrastrutturali, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari (a) jintroduċi obbligu ġdid li wieħed jikkonsulta l-partijiet interessati fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali tal-iżvilupp tal-infrastruttura, (b) jikkjarifika li l-perjodu taż-żmien biex jiġi bbilanċjat il-kont tal-maniġers tal-infrastruttura ma għandux jaqbeż il-ħames (5) snin, (c) jestendi t-tul minimu taż-żmien tal-ftehimiet kuntrattwali minn tliet (3) għal ħames (5) snin u (d) jiżgura li l-ftehimiet kuntrattwali jkunu jistgħu jkopru l-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda.

– B'rabta mal-imposti infrastrutturali, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari (a) jagħmel obbligatorju d-divrenzjar tal-imposti infrastrutturali fuq il-ferroviji li jiċċirkulaw fil-kurituri tal-ERTMS abbażi tat-tagħmir tal-ETCS (sistema tas-sinjalazzjoni) tagħhom, (b) jagħmel l-imposti għar-reżervazzjonijiet obbligatorji f'ċirkustanzi speċifiċi taħt il-kontroll ta' entitajiet regolatorji, (c) jobbliga lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni ta' implimentazzjoni għall-imposti għall-istorbju bil-prinċipju tan-nuqqas ta' tfixkil tal-kompetizzjoni u ta’ inċentiv effettiv għall-immodernizzar tat-tagħmir, (d) jestendi l-metodu għat-tqassim tal-ispejjeż għas-servizzi kollha offruti mill-maniġers tal-infrastruttura u (e) jobbliga lill-maniġers tal-infrastruttura juru lill-impriżi ferrovjarji li l-fatturi huma konformi mar-regoli tal-imposti.

– B'rabta mal-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-suq, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari (a) jagħmel l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni biex wieħed jistabbilixxi l-għan ta' servizz, biex wieħed jivvaluta l-impatt fuq il-kuntratti ta' servizz pubbliku u biex wieħed jintroduċi l-imposti obbligatorja, (b) jestendi l-prinċipju ta' aċċess li mhuwiex diskriminatorju għall-faċilitajiet essenzjali, l-istess bħalma hemm għas-servizzi essenzjali, (c) jestendi l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' separazzjoni għall-faċilitajiet tal-għoti mill-ġdid tal-fjuwil u għall-binarji ż-żgħar għall-ħażna, (d) jiżgura li l-entitajiet regolatorji jistabbilixxu limiti taż-żmien biex iwieġbu għar-rikjesti għall-aċċess għall-faċilitajiet/għas-servizzi essenzjali, (e) jintroduċi definizzjoni restrittiva tal-kunċetti ta' "rotta alternattiva" u "alternattiva vijabbli", (f) jipprovdi għal trattament iddivrenzjat tal-faċilitajiet ta' manutenzjoni ta' veikoli tqal li jkunu apposta għall-vetturi ferrovjarji b'veloċità għolja, (g) inaqqas il-perjodu li warajh tkun tapplika l-klawżola "użah jew ikrih" minn tliet (3) snin għal sentejn (2) u (h) jiżgura li l-prinċipji tal-allokazzjoni tal-kapaċità stabbiliti mill-assoċjazzjonijiet tal-maniġers tal-infrastruttura jiġu ppubblikati fir-rapporti dwar in-netwerk.

– B'rabta mas-separazzjoni bejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari (a) jiżgura li l-kontijiet li għandhom jiġu ppubblikati mill-maniġers tal-infrastruttura u mill-impriżi ferrovjarji jippermettu l-monitoraġġ tal-użu tal-imposti infrastrutturali kif ukoll tal-użu tad-dħul minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u (b) jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport u, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri leġiżlattivi għall-iżvilupp ta' kundizzjonijiet xierqa biex jiġi żgurat aċċess li ma jkunx diskriminatorju għall-infrastruttura, li jkunu bbażati fuq ir-rekwiżiti eżistenti ta' separazzjoni.

– B'rabta mas-sorveljanza regolatorja, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari (a) jistabbilixxi skadenzi mnaqqsa u aktar ċari għad-deċiżjonijiet tal-entitajiet regolatorji, (b) jiżgura li l-mezzi tagħhom ikunu xierqa għall-importanza tas-settur ferrovjarju, (c) jistabbilixxi regoli stretti għall-ħatra tal-persunal tal-entitajiet regolatorji (bla ebda kunflitt ta' interess għall-awtorità responsabbli u bi kriterji ta' għażla trasparenti) u biex jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom (perjodi li fihom ma jistax isir trasferimenti tal-persunal (cooling on/off periods) u li jdumu mill-inqas sena, dikjarazzjoni obbligatorja dwar il-kunflitti ta’ interess), (d) jagħmel il-konsultazzjoni regolari tal-utenti ħaġa obbligatorja, (e) isaħħaħ il-kontroll tal-entitajiet regolatorji fuq l-introduzzjoni tal-awmenti mill-maniġers tal-infrastruttura, (f) jagħti l-possibbiltà lill-entitajiet regolatorji li dawn joħorġu rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet ta' liċenzjar u tas-sikurezza, (g) joħloq netwerk ta' entitajiet regolatorji bi skambju obbligatorju tal-informazzjoni, (h) jiżgura li l-Kummissjoni tkun membru ta' dan in-netwerk u li tikkoordina u tappoġġa x-xogħol tiegħu u tagħmel rakkomandazzjonijiet kif xieraq, (i) jippermetti lill-entitajiet regolatorji jitolbu lill-Kummissjoni teżamina miżuri speċifiċi li jkunu ġew adottati mill-awtoritajiet nazzjonali b'rabta mal-applikazzjoni tad-direttiva u (j) jobbliga lill-Kummissjoni toħroġ rapport dwar il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet regolatorji u, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri komplementari sabiex tkun żgurata sorveljanza regolatorja aktar integrata tas-suq ferrovjarju Ewropew.

– B'rabta mal-iskadenzi tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari jipprovdi (a) għal 30 xahar għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva u għall-adattament tal-ftehim kuntrattwali eżistenti, (b) għal erba' (4) snin mill-adozzjoni tal-att ta' implimentazzjoni biex ikun hemm adattament gradwali għall-modalitajiet komuni għall-kalkolu tal-ispejjeż diretti, (c) għal sentejn (2) biex il-Kummissjoni tadotta rapport dwar il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet regolatorji.

– B'rabta mal-kamp ta' applikazzjoni, il-ftehim li sar waqt it-tieni qari jintroduċi żewġ derogi ġodda dwar (a) ir-rekwiżiti tal-iskedar taż-żmien fil-każ ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-mogħdijiet internazzjonali tal-ferrovija ma' pajjiżi terzi u (b) il-modulazzjoni tal-ECTS b'rabta mal-lokomottivi li jkunu qed jeqdiemu li jintużaw għas-servizzi reġjonali tal-passiġġieri.

4.2.      Il-komitoloġija

Il-ftehim li sar waqt it-tieni qari jagħti lill-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva. Huwa jiżgura li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni.

Il-ftehim jirreferi għal disa' każijiet speċifiċi - skont l-Artikoli 10(4), 11(4), 12(5), 13(9), 17(5), 31(3), 31(5), 32(4) u 57(7) tad-Direttiva - li fihom għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. F'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta att ta' implimentazzjoni jekk il-kumitat ma joħroġ l-ebda opinjoni. Fi tliet każijiet oħrajn - skont l-Artikoli 15(6), 41(3) u 42(8) - għandha tapplika l-proċedura normali mogħtija fil-kuntest tal-Artikolu 5(4).

Il-każijiet fejn se japplika l-Artikolu 5(4), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament Nru 182/2011 għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni ġew iġġustifikati permezz tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi jew fuq il-funzjonament tas-suq ferrovjarju. Madankollu, tali ġustifikazzjoni mhijiex riflessa fi premessa. Minħabba li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita mill-Artikolu 5(4), il-Kummissjoni tqis li r-rikors għat-tieni subparagrafu, il-punt (b), ma jistax jidher sempliċiment bħala "setgħa diskrezzjonali" tal-leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv u għaldaqstant għandu jiġi ġġustifikat.

5.           Konklużjoni

Il-Parlament Ewropew adotta l-emenda komprensiva tiegħu tat-tieni qari fit-3 ta' Lulju 2012 wara kuntatti informali li saru mal-Kunsill u mal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni tikkonferma li hija tapprova l-emenda ta' kompromess ġenerali li dwarha ttieħed vot, għaliex din tirrifletti l-għanijiet ewlenin tal-proposta tagħha, il-ftehim dwar il-proċeduri ta' komitoloġija, madankollu, wassal lill-Kummissjoni biex tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja:

"Il-Kummissjoni ssostni li huwa kontra l-kliem u t-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13) li jiġi invokat b'mod sistematiku l-Artikolu 5(4), it-tieni subparagrafu, il-punt b. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu jsir f’każ ta’ ħtieġa speċifika li wieħed jiddevja mir-regola ta’ prinċipju li hija li l-Kummissjoni tista' tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni. Minħabba li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita mill-Artikolu 5(4), ir-rikors għall-punt (b) tat-tieni subparagrafu ma jistax jidher sempliċiment bħala "setgħa diskrezzjonali" tal-leġiżlatur, iżda għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv u għaldaqstant għandu jiġi ġġustifikat.

Filwaqt li l-Kummissjoni tappoġġa l-ftehim li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill dwar ir-rikors għal din id-dispożizzjoni f'disa' każijiet speċifiċi li huma ġġustifikaw permezz tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq ferrovjarju u fuq il-finanzi pubbliċi, jiddispjaċiha li t-tali ġustifikazzjoni mhi riflessa fl-ebda premessa."

[1]               COM(2012)119 finali.

Top