Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0262

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta' sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

    /* COM/2012/0262 final - 2012/0135 (NLE) */

    52012PC0262

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta' sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet /* COM/2012/0262 final - 2012/0135 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Abbażi tal-mandat li ngħatalha mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll għall-ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fl-10 ta' Frar 2012. Il-Protokoll ġdid ikopri perjodu ta' 3 snin li jibda mid-data tal-iffirmar tiegħu.

    Il-protokoll jipprovdi għal opportunitajiet ta' sajd fil-kategoriji tas-sajd li ġejjin:

    – 3 700 tunnellaġġ gross reġistrat (TGR) għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-gambli

    – 3 500 TGR għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-ħut u ċ-ċefalopodi

    – 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun/bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

    – 12-il bastiment tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief

    Għandu jiġi ddefinit il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta' sajd fost l-Istati Membri.

    Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Saret konsultazzjoni mal-partijiet interessati qabel ma saru n-negozjati fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għal Flotot għal Distanzi Twal, biex b'hekk ingħaqdu flimkien il-qasam tas-sajd u l-NGOs ambjentali u dwar l-iżvilupp. Ġew ukoll ikkonsultati l-esperti tal-Istati Membri f'laqgħat tekniċi. Dawn il-konsultazzjonijiet ikkonkludew li ż-żamma ta' protokoll tas-sajd mal-Ginea Bissaw għandha tkun ta' benefiċċju.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-protokoll il-ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija ntbagħat lill-Kunsill sabiex dan japprova l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu. Intbagħat ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament għall-finijiet tal-konklużjoni tiegħu.

    2012/0135 (NLE)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta' sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 241/2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw[2] (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-ftehim ta’ sħubija”).

    (2)       Fl-10 ta’ Frar 2012 ġie inizjalat protokoll ġdid għall-ftehim ta’ sħubija (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-protokoll il-ġdid”). Dan il-protokoll jagħti opportunitajiet ta' sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet li fuqhom il-Ginea Bissaw għandha s-sovranità jew li fihom tapplika l-ġuriżdizzjoni tagħha fir-rigward tas-sajd.

    (3)       Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru .../2012/UE[3][4]dwar l-iffirmar tal-protokoll il-ġdid u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

    (4)       Il-mod li bih jiġu allokati l-opportunitajiet ta' sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-protokoll il-ġdid.

    (5)       Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[5], f’każ li l-opportunitajiet ta' sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll il-ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ li ma tintbagħatx risposta, fi żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jużaw għalkollox l-opportunitajiet ta' sajd tagħhom matul il-perjodu kkonċernat. Jeħtieġ li din l-iskadenza tiġi stabbilita.

    (6)       Minħabba li l-protokoll fis-seħħ jiskadi fil-15 ta’ Ġunju 2012, dan ir-Regolament għandu jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll il-ġdid,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-opportunitajiet ta' sajd stabbiliti mill-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

    a) bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-gambli:

    Spanja ||     2 500 GRT

    Il-Greċja ||        140 GRT

    Il-Portugall ||      1060 GRT

    b) bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-ħut u ċ-ċefalopodi:

    Spanja ||     2 900 GRT

    L-Italja ||        375 GRT

    Il-Greċja ||        225 GRT

    c) bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

    Spanja || 14-il bastiment

    Franza || 12-il bastiment

    Il-Portugall ||     2 bastimenti

    (d) bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief:

    Spanja ||     9 bastimenti

    Franza ||     3 bastimenti

    2.           Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr ħsara għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw.

    3.           Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni tqis it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

    4.           L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw kompletament l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lilhom skont il-Ftehim, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta’ għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet ta' sajd mhumiex qed jintużaw kollha.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa applikabbli mid-data tal-iffirmar tal-protokoll il-ġdid.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Adottat fl-20 ta’ Ottubru 2011 mill-Kunsill għall-Agrikoltura u s-Sajd.

    [2]               ĠU L 75, 18.3.2008, p. 49.

    [3]               ĠU C …*

    [4]               ĠU: referenzi tad-dokument numru 9791/11.

    [5]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

    Top