Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IR1664

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Migrazzjoni u mobilità — approċċ globali”

    ĠU C 277, 13.9.2012, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/6


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Migrazzjoni u mobilità — approċċ globali”

    2012/C 277/02

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jenfasizza r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u s-solidarjetà mal-pajjiżi minn fejn tkun ġejja l-biċċa l-kbira tal-flussi migratorji għandhom ikunu preżenti fil-fażijiet kollha tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni, anke fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi bir-rispett sħiħ tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tat-TFUE;

    jinnota li hemm bżonn analiżi bir-reqqa tal-kawżi kollha tal-migrazzjoni, fosthom it-tibdil fil-klima, b’mod li jkunu jistgħu jiġu definiti f’qafas ġuridiku xieraq dawk kollha li jaħarbu mill-pajjiż tagħhom ta’ oriġini minħabba diżastri naturali jew kundizzjonijiet klimatiċi li jipperikolawlhom ħajjithom u l-integrità fiżika tagħhom;

    jemmen li l-approċċ globali għall-migrazzjoni jeħtieġ governanza f’diversi livelli biex jiġi żgurat li din tiġi ġestita fil-livell li jinsab fl-aħjar pożizzjoni skont iċ-ċirkostanzi u fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jiġi ggarantit l-ikbar benesseri possibbli għall-persuni kemm mill-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll mill-pajjiż destinatarju;

    jitlob, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jitqiesu b’mod sħiħ fit-tmexxija tal-Approċċ Globali, u tingħata importanza kemm lill-proġetti ta’ kooperazzjoni ċentralizzata li diġà jeżistu, kif ukoll id-djalogi diġà strutturati bħall-ARLEM u l-CORLEAP;

    Relatur:

    is-Sur Nichi VENDOLA (IT/PSE), President tar-Reġjun tal-Puglia

    Dokument ta’ referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità

    COM(2011) 743 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti Ġenerali

    1.

    jenfasizza r-rilevanza tal-Approċċ Globali bħala qafas ta’ riferiment tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-governanza dinjija tal-migrazzjoni tal-mobilità u bħala strument li joffri viżjoni sħiħa tal-politiki ta’ migrazzjoni, sabiex l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni u l-politiki tal-iżvilupp issir koerenti mal-politiki tal-immigrazzjoni;

    2.

    iqis bħala pożittiva l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tressaq verżjoni aġġornata tal-approċċ globali, iktar artikolata u ċċentrata fuq il-migranti u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi ta’ oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni;

    3.

    itenni d-dritt tal-bniedem li wieħed iħalli kwalunkwe Pajjiż, inkluż pajjiżu, u jirritorna f’pajjiżu (1), bħala bażi ġuridika fundamentali ta’ kwalunkwe diskors dwar il-migrazzjoni u l-bżonn li tiġi promossa migrazzjoni fuq għażla minħabba r-raġunijiet li ddeterminaw din l-għażla u r-rekwżiti speċifiċi tal-Pajjiż destinatarju (2);

    4.

    jenfasizza r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u s-solidarjetà mal-pajjiżi minn fejn tkun ġejja l-biċċa l-kbira tal-flussi migratorji għandhom ikunu preżenti fil-fażijiet kollha tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni, anke fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi bir-rispett sħiħ tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tat-TFUE;

    5.

    jemmen li għandha tiġi garantita protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem fid-definizzjoni tal-opportunitajiet ta’ dħul taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, fil-politiki ta’ akkoljenza u ta’ integrazzjoni tal-migranti;

    6.

    jenfasizza li l-ftehimiet ta’ riamissjoni u l-ftehimiet tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-viżas, kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri, flimkien mal-azzjonijiet kollha għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari għandhom jirrispettaw b’mod effettiv id-drittijiet tal-bniedem, skont dak stipulat b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali, bħal ma jiġi affermat f’diversi okkażjonijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

    7.

    jenfasizza li l-bżonn li jiġu kkontrollati l-flussi migratorji qatt m’għandu jieħu preċedenza fuq id-dritt ta’ kull persuna li tfittex protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, li għandha tibqa’ art ta’ kenn għal dawk li jaħarbu minn persekuzzjonijiet jew li b’xi mod jeħtieġu protezzjoni;

    8.

    josserva li l-kriżi ekonomika li qed tinfluwenza parti kbira mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed thedded li żżid it-tensjoni inerenti bejn il-politiki dwar il-kontroll tal-fruntieri u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;

    9.

    jinnota li hemm bżonn analiżi bir-reqqa tal-kawżi kollha tal-migrazzjoni, fosthom it-tibdil fil-klima (3), b’mod li jkunu jistgħu jiġu definiti f’qafas ġuridiku xieraq dawk kollha li jaħarbu mill-pajjiż tagħhom ta’ oriġini minħabba diżastri naturali jew kundizzjonijiet klimatiċi li jipperikolawlhom ħajjithom u l-integrità fiżika tagħhom (4);

    10.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tippubblika d-dokument ta’ ħidma dwar il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima, kif inizjalment previst fil-komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2011 (5);

    11.

    jaħseb li l-effikaċja tal-approċċ globali hija neċessarja sabiex issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u mal-pajjiżi terzi;

    12.

    itenni dak li diġà ntqal mill-Kumitat tar-Reġjuni li “huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li ser ikunu milquta l-ewwel minn politika komuni tal-immigrazzjoni. Minn banda, id-diffikultajiet marbuta mal-immigrazzjoni illegali jolqtuhom b’mod partikolari. Mill-banda l-oħra huwa l-kompitu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu lill-immigranti b’firxa sħiħa ta’ servizzi li jagħmlu parti mill-proċess ta’ integrazzjoni. Għalhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom sehem sħiħ fl-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għall-immigrazzjoni legali, fl-iżvilupp ta’ miżuri kontra l-immigrazzjoni illegali u fil-ħidma ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi ta’ oriġini” (6);

    13.

    jilqa’ bi pjaċir il-progress notevoli li sar sabiex it-trasferiment tal-flus lejn il-pajjiż ta’ oriġini tal-migrant ikun iktar trasparenti, sikur u b’inqas spejjeż u jappoġġa l-inizjattivi promossi mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-allokazzjoni tar-ritorn tal-fondi tal-migranti lejn investiment produttiv;

    14.

    jaqbel li l-approċċ globali jenfasizza r-rwol li d-dijaspora jista’ jkollha kemm fil-politika tal-iżvilupp kif ukoll fir-regolazzjoni tal-flussi migratorji, billi tiffavurixxi l-miżuri ta’ appoġġ tat-tluq u tal-integrazzjoni fil-pajjiżi destinatarji;

    Dwar ir-rwol tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali fit-twettiq tal-approċċ globali

    15.

    jemmen li l-approċċ globali għall-migrazzjoni jeħtieġ governanza f’diversi livelli biex jiġi żgurat li din tiġi ġestita fil-livell li jinsab fl-aħjar pożizzjoni skont iċ-ċirkostanzi u fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jiġi ggarantit l-ikbar benesseri possibbli għall-persuni kemm mill-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll mill-pajjiż destinatarju;

    16.

    iqis ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali bħala atturi fundamentali tal-Approċċ Globali: huma dawk stess li jippromovu u fl-istess ħin jimplimentaw il-politiki soċjali u tax-xogħol, ta’ akkoljenza, ta’ integrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-immigrazzjoni irregolari, iżda wkoll iniedu djalogi profondi u forom differenti ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u tat-tranżitu tal-movimenti migratorji (7);

    17.

    josserva li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali diġà huma promoturi ta’ inizjattivi ta’ djalogu mar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali ta’ pajjiżi terzi, li fosthom hemm ħafna pajjiżi tal-oriġini jew tat-tranżitu tal-flussi migratorji u tal-proġetti ta’ kooperazzjoni ċentralizzata;

    18.

    jemmen li l-ARLEM - l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja, u l-CORLEAP, il-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant, għandhom jitqiesu bħala l-forum ideali biex jiġi żviluppat id-djalogu bejn l-awtoritajiet reġjonali tal-Mediterran u tal-Lvant tal-Ewropa dwar il-politiki ta’ immigrazzjoni u ta’ żvilupp;

    19.

    jemmen li jeħtieġ li jkun hemm l-ikbar koerenza possibbli bejn l-inizjattivi bilaterali tal-Istati Membri u d-djalogi reġjonali u bilaterali li diġà jeżistu, meqjusa bħala strument tal-politika esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u li tali koerenza tiġi garantita anke permezz tar-rikonoxximent sħiħ tal-inizjattivi ta’ djalogu promossi mir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali;

    20.

    jistieden lill-istituzzjonijiet sabiex iqisu r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali bħala protagonisti li jħaddnu l-Approċċ Globali, b’konformità mal-kompetenzi tagħhom fil-kuntest nazzjonali, permezz ta’ strumenti li jqisuhom bħala entitajiet destinatarji tal-finanzjament tal-Unjoni, anke mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet ċentrali tal-gvern u kumpatibbli mad-differenzi eżistenti bejn bosta Stati Membri;

    21.

    jappella lill-Kummisjoni sabiex tippromovi proġetti innovattivi sabiex jintlaħaq l-għan tal-iffaċilitar biex jintlaħqu d-domanda u l-offerta tal-impjiegi, permezz tal-intermedjazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, meta jitqiesu l-ħiliet li għandhom f’dan is-settur f’bosta Stati Membri, sabiex jiġi individwat strument effikaċi għall-ġlieda kontra l-problema tan-nuqqas ta’ ħiliet f’xi setturi tas-suq tax-xogħol;

    22.

    jemmen li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu involuti fl-aġġornament tal-portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni, sabiex b’dan il-mod isaħħuħ b’informazzjoni rilevanti għall-migranti fir-rigward tar-reġjun, il-belt u r-raħal destinatarju;

    Dwar ir-rabta bejn il-politiki tal-immigrazzjoni u l-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp

    23.

    iqis li hi importanti ħafna li tiġi dejjem garantita koerenza bejn il-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u l-politika esterna tal-immigrazzjoni u l-asil. B’mod partikolari l-interventi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-Pajjiżi Terzi għandhom dejjem ikunu ibbażati prinċipalment fuq prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ kożvilupp biex jiġu miġġielda l-kawżi profondi tal-migrazzjoni u biex jingħeleb il-faqar, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni ta’ dawn il-pajjiżi, kif ukoll għall-appoġġ tal-bini tal-istituzzjonijiet u tat-titjib tal-governanza u l-istat tad-dritt, bħala fatturi ewlenin biex titħeġġeġ bidla ekonomika u soċjali;

    24.

    jappella lill-Kummisjoni twettaq id-distribuzzjoni tar-riżorsi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw abbażi ta’ prinċipji, prijoritajiet u strateġiji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li jitqies ukoll il-prinċipju ta’ “iktar b’iktar”;

    25.

    jemmen li l-prinċipju tar-reċiproċità għandu jkun marbut mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, speċjalment fis-sħubiji għall-mobbiltà u l-aġenda komuni dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà (8);

    26.

    jemmen li l-implimentazzjoni tal-approċċ globali għandha titħares b’mod adegwat għall-kategoriji vulnerabbli kollha, in primis il-minuri mhux akkumpanjati, kemm biex jiġu orjentati b’mod adegwat l-interventi fil-pajjiżi terzi, kemm biex jiġu offruti forom xierqa ta’ akkoljenza u ta’ integrazzjoni soċjali fil-pajjiżi membru, kif ukoll li jiffavurixxi ċ-ċirkolazzjoni ta’ prassi xierqa mwettqa minn bosta awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri; jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex timplimenta b’mod effettiv il-miżuri li jinsabu fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-minorenni mhux akkumpanjati;

    27.

    jitlob għall-iżvilupp ta’ approċċ xieraq ibbażat fuq il-ġeneru sabiex jingħata valur lir-rwol speċifiku li n-nisa għandhom fil-migrazzjoni u l-integrazzjoni soċjali tan-nukleu tal-familja fil-pajjiżi ospitanti;

    28.

    jinnota li l-politika tal-immigrazzjoni tal-Unjoni tista’ tkun kontra l-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, fejn tipprova tiġbor bosta talenti li ġejjin mill-pajjiżi terzi, fl-ambitu tal-għanijiet għal żvilupp demografiku u ekonomiku, kif stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020;

    29.

    jiddubita li l-effett ta’ brain drain minħabba l-politika ta’ migrazzjoni selettiva jista’ jiġi miġġieled bl-istrument tal-migrazzjoni ċirkolari peress li mhux assolutament ċar kemm dan l-istrument se jkun effikaċi u x’impatt konkret jista’ jkollu;

    30.

    iqis ukoll li l-istrument tal-migrazzjoni ċirkolari jista’ jkun antagonist fir-rigward tal-għan tal-integrazzjoni tal-migranti u li għaldaqstant għandhom jiġu individwati strateġiji ta’ integrazzjoni mmirati apposta għal dawn il-ħaddiema b’tali mod li jistgħu jiġu integrati b’mod effettiv anke jekk il-perjodu ta’ residenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea mhux wieħed fit-tul (9);

    31.

    jemmen li r-rikonoxximent tat-titoli ta’ studju u l-kwalifiki f’kundizzjonijiet armonizzati huwa strument fundamentali sabiex ma jinħlewx it-talenti (brain waste), sabiex tiġi garantita integrazzjoni effettiva tal-migranti u tiġi garantita l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini fil-kuntest tal-migrazzjoni ċirkolari;

    32.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġa l-miżuri li jakkumpanjaw l-Istati fil-proċess ta’ semplifikazzjoni tar-rikonoxximent tat-titoli ta’ studju u l-kwalifiki u sabiex jiġi promoss ir-rikonoxximent informali tal-ħiliet, anke bil-għan li tiġi favorita ċ-ċirkolazzjoni tal-ħaddiema ċittadini mill-pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol Ewropew;

    33.

    jemmen li t-talba għall-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-kontroll tal-flussi migratorji ma jwassal qatt għat-telfien tad-dritt tal-bniedem ta’ kull persuna li tħalli pajjiżha speċjalment meta l-pajjiżi terzi jintalbu janalizzaw l-emigrazzjoni abbażi tal-liġijiet tal-pajjiżi destinatarji;

    34.

    jemmen li hu neċessarju li jkun hemm iktar investiment fil-proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp immirati għas-settur tal-edukazzjoni u tas-saħħa, u jiġu involuti direttament l-istrutturi universitarji u tiġi favorita l-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-persunal akkademiku kollu;

    35.

    jappoġġa t-talba għal petizzjoni mressqa lill-Parlament Ewropew għall-adozzjoni ta’ Programm Erasmus u Leonardo da Vinci Ewro Mediterranju, bħala strument konkret ta’ mobbiltà waħdanija bejn l-istudenti miż-żewġ naħat tal-Mediterran;

    36.

    jemmen li għandhom isiru sforzi effettivi sabiex ikun hemm mobbiltà taż-żgħażagħ, speċjalment tal-istudenti, permezz tas-semplifikazzjoni tal-għotja tal-viża, it-tnaqqis tal-proċeduri burokratiċi u l-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi finanzjarji;

    37.

    jemmen li l-programm Erasmus for all għandu jiġi vvalorizzat u appoġġat, flimkien mal-prassi xierqa diġà eżistenti tal-iskambju bejn iż-żgħażagħ, bħall-programm Eurodissey promoss min-netwerk AER, Assemblea tar-Reġjuni Ewropej;

    38.

    iqis neċessarju li tissaħħaħ l-analiżi tal-pressjonijiet migratorji minħabba l-iżbilanċi ekonomiċi, b’tali mod li jiġu individwati strumenti għal tweġiba effikaċi, fosthom skemi li jiggarantixxu l-mobbiltà anke għal dawk li l-kwalifiki tagħhom huma pjuttost skarsi, li għadhom mixtieqa ħafna f’xi Stati Membri u li ma jistgħux jiġu missielta biss bil-mekkaniżmu tal-migrazzjoni ċirkolari;

    39.

    jemmen li l-involviment tad-dijaspora għandu jirrigwarda wkoll il-miżuri ta’ tħejjija għat-tluq, filwaqt li tingħata importanza lis-siti ġa preżenti, li jieħdu ħsiebhom b’mod dirett l-assoċjazzjonijiet ta’ immigranti li jipprovdu informazzjoni f’waqtha u b’lingwaġġ li jinftiehem minn dawk li huma potenzjalment interessati;

    40.

    japprezza l-importanza mogħtija lill-miżuri ta’ tħejjija għat-tluq li għandu jsir iktar investiment fihom, bl-involviment tal-ONG li diġà joperaw fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-migrati u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u li huma involuti fil-proċeduri ta’ akkoljenza u ta’ integrazzjoni tal-migranti u l-familji tagħhom;

    Dwar il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari

    41.

    japprezza l-impenn konsiderevoli tal-Unjoni sabiex tiġi missielta l-immigrazzjoni irregolari, b’mod partikolari kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll kontra dawk li jħaddmu persuni li m’għandhomx permess ta’ residenza regolari;

    42.

    jenfasizza l-importanza ta’ approċċ għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari li jqis li l-migranti jistgħu jkunu vittmi possibbli tat-traffikar illegali tal-bnedmin u għaldaqstant iridu jiġu mħarsin u protetti;

    43.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli bl-inizjattivi ta’ analiżi u ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li huwa pjaga għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u inċentiv għad-dħul ta’ barranin irregolari, li probabbilment jiġu sfruttati kemm fis-settur tax-xogħol kif ukoll fil-qasam operattiv ta’ netwerks kriminali;

    44.

    jinnota li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari ngħataw ukoll għajnuna finanzjarja sinifikanti, b’mod speċjali l-operazzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri li twettqu mill-aġenzija FRONTEX;

    45.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, f’kull fażi tal-kontroll fil-fruntieri u l-obbligu relatat li l-attività tal-FRONTEX tgħaddi minn verifiki stretti min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE u, b’mod partikolari, tal-Parlament Ewropew;

    46.

    jemmen li kontrolli simili jiġu estiżi anke għall-kooperazzjoni internazzjonali direttament mmexxija mill-Frontex u li għandha l-kapaċità biex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ta’ natura teknika mal-pajjiżi terzi, li l-kontenut tagħhom għandu jsir iktar trasparenti u għandu l-kamp tal-applikazzjoni għandu jitnaqqas bi preċiżjoni;

    47.

    jemmen li hu neċessarju li jsiru valutazzjonijiet preċiżi tar-rabta bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-istrumenti kollha esistenti b’tali mod li jsir tqabbil tal-effikaċja tagħhom, inklużi l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ ritorn (żamma u tbegħid sfurzat) u l-entità effettiva tar-riżorsi allokati mill-Istati kemm għar-ritorn volontarju kif ukoll dak sfurzat;

    48.

    jemmen li jrid jiġi evitat li l-barranin residenti b’mod regolari jistgħu jsiru irregolari minħabba nuqas ta’ flessibbiltà tal-leġislazzjoni nazzjonali u b’hekk jiżdied in-numru ta’ nies fil-lista tal-overstayers;

    49.

    jemmen li l-possibbiltà ta’ dħul fl-Unjoni Ewropea għat-tfittxija ta’ xogħol tiġi serjament eżaminata mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri, bħall-każ msemmi fl-Artikolu 79(5) tat-TFUE;

    50.

    jemmen li d-disponibbiltà ta’ possibilitajiet ta’ dħul regolari għandha titqies bħala wieħed mill-istrumenti prinċipali għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u l-fenomenu tal-overstayers, minbarra li hu mod kif jiġi garantit ċertu livell ta’ soldarjtà fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-flussi migratorji;

    51.

    jappella lill-istituzzjonijiet sabiex iħaddnu l-istrateġija tad-dħul mill-ġdid fi ħdan l-Approċċ Globali, b’tali mod li dan jinkludi l-prinċipji ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u ma jsirx settur maqtugħ għalih u mhux koerenti;

    52.

    jemmen li l-ftehimiet ta’ dħul mill-ġdid għandhom jiġu eżaminati perjodikament, b’mod partikolari b’riferiment għall-obbligu tal-pajjiż transitorju sabiex idaħħal mill-ġdid mhux biss iċ-ċittadini tiegħu iżda wkoll il-barranin li ħarġu minnu u marru fl-Unjoni, li jistgħu jispiċċaw bejn sema u baħar, u s-sitwazzjoni fil-pajjiżi transitorji ssir iktar gravi filwaqt li jiġu esposti għal riskji serji ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    Dwar id-dimensjoni esterna tal-asil

    53.

    iqis li t-tisħiħ tas-sistemi tal-asil tal-pajjiżi terzi m’għandux jitqies bħala mod kif jiġi evitat ir-rikonoxximent tad-dritt għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE;

    54.

    japprezza li fil-programmi ta’ protezzjoni reġjonali l-Unjoni ħadmet flimkien mal-UNHCR, anke jekk il-protezzjoni offruta mill-Unjoni hi ikbar minn dik rikonoxxuta mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar ir-rifuġjati, sabiex tkopri wkoll il-protezzjoni sussidjarja u l-ħarsien fir-rigward tat-trattamenti li jmorru kontra l-Konvenzjoni Ewropea għas-Salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

    55.

    jemmen li l-azzjoni tal-Unjoni qatt ma trid tipprojbixxi lil dawk li jkunu qed jitolbu asil li jitilqu minn pajjiż fejn ikunu jinsabu biex jitolbu protezzjoni f’pajjiż membri tal-UE;

    56.

    jemmen li hi meħtieġa, speċjalment wara ċ-ċensura ċara min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, reviżjoni tar-regolament c.d. Dublin II, b’tali mod li tiġi garantita b’mod effettiv solidarjetà bejn l-Istati Membri fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt tal-unità tal-familja;

    57.

    jappella lill-Kummissjoni sabiex tinkludi, fil-qasam tas-sħubijiet għall-mobbiltà, klawżoli adegwati għall-protezzjoni ta’ dawk li jitolbu l-asil u r-refuġjati;

    58.

    jistieden lill-istituzzjonijiet, flimkien mal-Istati Membri, sabiex itejbu l-effikaċja tas-sistema ta’ riċerka u salvataġġ (search and rescue) fl-ibħra, b’mod partikolari permezz ta’ koordinament aħjar u d-definizzjoni tal-kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ post sikur l-iktar adattat sabiex jaslu l-migranti li ġew salvati;

    Kunsiderazzjonijiet tal-aħħar

    59.

    jitlob lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew li jżommu miftuħa diskussjoni dwar l-erba’ pilastri tal-Approċċ Globali, b’tali mod li f’din is-sitwazzjoni jiġu involuti b’mod sħiħ il-partijiet kollha li huma potenzjalment interessati;

    60.

    jitlob, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jitqiesu b’mod sħiħ fit-tmexxija tal-Approċċ Globali, u tingħata importanza kemm lill-proġetti ta’ kooperazzjoni ċentralizzata li diġà jeżistu, kif ukoll id-djalogi diġà strutturati bħall-ARLEM u l-CORLEAP;

    61.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tkompli bl-analiżi tal-kawżi u l-karatteristiċi tal-fenomenu tal-migrazzjoni fil-livell globali b’tali mod li jiġu individwati strateġiji effikaċi sabiex jiġi missielet il-fenomenu importanti tas-solidarjetà mal-Pajjiżi Terzi;

    62.

    jiddispjaċih bil-politiki ta’ kriminalizzazzjoni tal-migrati u japprezza l-miżuri għall-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li l-migranti huma vittmi tagħhom;

    63.

    jitlob għal politika li tiġġieled l-immigrazzjoni irregolari li ma tkunx ibbażata biss fuq il-kontroll fil-fruntieri u l-interċettazzjoni tal-migranti mit-tluq iżada tkun ibbażata wkol fuq il-possibbilitajiet effettivi għal dħul regolari li huma miftuħa għall-ħaddiema li mhumiex kwalifikati ħafna, skont il-partikolaritajiet tal-Istati Membri individwali.

    Brussell, 18 ta’ Lulju 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  Artikolu 13(2) tal-Istqarrija universali dwar il-jeddijiet tal-bniedem; Artikolu 2(2) tal-Protokoll Nru 4 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; Artikolu12(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew P6_TA(2006)0319 dwar l-iżvilupp u l-migrazzjoni (mhux disponibbli bil-Malti) adottata fis-6 ta’ Lulju 2006.

    (3)  Opinjoni CdR ENVE-V-008 dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma”, 30 ta’ Ġunju-1 ta’ Lulju 2011, punt 14; Opinjoni tal-Arlem u s-SUDEV “Rapport dwar ir-rabta bejn id-deżertifikazzjoni u t-tibdil fil-klima fil-Mediterran”, 31 ta’ Jannar 2012.

    (4)  http://www.unhcr.org/pages/49e4a5096.html,

    (5)  Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni, COM(2011) 248, p. 21.

    (6)  Opinjoni CONST-IV-017 dwar “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa”, adottata fis-Sessjoni Plenarja tas26-27 ta’ Novembru 2008, relatur: is-Sur Jostmeier

    (7)  Opinjoni CdR CONST-IV-017 dwar “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa”, 26-27 Novembru 2008, punt 5.

    (8)  Hija bbażata totalment fuq dan il-prinċipju l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini huma eżentati minn dik il-ħtieġa, COM(2011) 290 final.

    (9)  Abbozz ta’ opinjoni tal-KtR dwar “L-Aġenda Ewropea rinnovata għall-integrazzjoni”, Punt 60; Abbozz ta’ opinjoni tas-CIVEX dwar “Id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja”, relatur: is-Sur Soave, Punt 11.


    Top