This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012IP0469
European Parliament resolution of 11 December 2012 on financing EU SMEs’ trade and investment: facilitated access to credit in support of internationalisation (2012/2114(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament tal-kummerċ u tal-investimenti tal-SMEs tal-UE: aċċess iffaċilitat għall-kreditu b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni (2012/2114(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament tal-kummerċ u tal-investimenti tal-SMEs tal-UE: aċċess iffaċilitat għall-kreditu b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni (2012/2114(INI))
ĠU C 434, 23.12.2015, p. 17–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 434/17 |
P7_TA(2012)0469
Finanzjament tal-kummerċ u tal-investimenti tal-SMEs tal-UE: aċċess iffaċilitat għall-kreditu b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament tal-kummerċ u tal-investimenti tal-SMEs tal-UE: aċċess iffaċilitat għall-kreditu b'appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni (2012/2114(INI))
(2015/C 434/02)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem“L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni dinjija – Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew” (COM(2010)0343), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (COM(2010)0612), |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (Ftehim TBT) adottat fl-1994 bħala parti mir-Rawnd ta' Uruguay tan-Negozjati Multilaterali dwar il-Kummerċ taħt il-GATT (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 3286/94 tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (2), (Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ, TBR), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-UNCTAD tal-2011 dwar l-Investimenti Dinjija, |
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tal-OECD/WTO/UNCTAD dwar il-miżuri tal-G20 dwar il-kummerċ u l-investiment (minn nofs Ottubru 2010 sa April 2011), |
— |
wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Politika għall-Investiment (PFI) tal-OECD, |
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta' esportazzjoni b'sussidju uffiċjali (3), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tat-13 ta’ Ottubru 2005 dwar prospetti għar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina (4), ir-riżoluzzjoni tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi trans-Atlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika (5), ir-riżoluzzjoni tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Indja (6), ir-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur bil-għan li jiġi konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interreġjonali (7), ir-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2007 dwar “Ewropa Globali – aspetti esterni tal-kompetittività” (8), ir-riżoluzzjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE mar-Russja (9), ir-riżoluzzjoni tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-UE għat-twettiq ta’ aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej (10), ir-riżoluzzjoni tal-24 ta’ April 2008 dwar “Lejn riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ” (11), ir-riżoluzzjoni tal-5 ta’ Frar 2009 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali maċ-Ċina (12), ir-riżoluzzjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar ftehim dwar il-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja (13), ir-riżoluzzjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Amerika Latina (14), ir-riżoluzzjoni tas-17 ta’ Frar 2011 dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea (15), ir-riżoluzzjoni tas-6 ta’ April 2011 dwar politika Ewropea tal-investiment internazzjonali (16), il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (17), ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-istat attwali tan-negozjati tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja (18), ir-riżoluzzjoni tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummċerjali bejn l-UE u l-Ġappun (19), ir-riżoluzzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada (20) u r-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar politika kummerċjali ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 (21), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bl-isem “Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2011 – Nimpenjaw lill-imsieħba ekonomiċi strateġiċi tagħna fuq l-aċċess imtejjeb għas-suq: Prijoritajiet għall-azzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ” (COM(2011)0114), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-kummerċ u l-investiment (22), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (COM(2011)0702), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar pjan ta’ azzjoni għal titjib fl-aċċess għall-finanzi għall-SMEs (COM(2011)0870), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bl-isem “Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment” (COM(2012)0070), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-IFC/Bank Dinji “Doing Business 2012: Doing Business in a More Transparent World” (minn hawn ‘il quddiem “l-indiċi Doing Business 2012”), |
— |
wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-attrattiva tal-investimenti fl-Ewropa (23), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0367/2012), |
A. |
billi, mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, il-politika komuni tal-kummerċ (PKK), skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, tinkludi l-investiment dirett barrani (FDI), u hija kompetenza esklussiva tal-UE; billi l-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ investiment biss meta l-Unjoni tagħtihom din is-setgħa; billi l-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ għal kull ftehim ta’ kummerċ u investiment innegozjat mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni; |
B. |
billi, skont ir-rapport tal-UNCTAD għall-2011, l-UE għadha destinazzjoni ewlenija li tattira l-FDI; billi, b’kuntrast ma’ dan, iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-flussi totali ta’ FDI ‘il barra mill-UE 27 niżlu bi 30 % fl-2008, bi 28 % oħra fl-2009 u b’62 % addizzjonali fl-2010; |
C. |
billi, skont l-indiċi Doing Business 2012, l-Istati Membri jirrappreżentaw biss 40 % (u l-membri taż-żona tal-euroa biss 26 %) tal-aqwa 35 pajjiż f’dak li jirrigwarda l-intraprenditorija fil-livell dinji; |
D. |
billi skont stima tal-Kummissjoni 99 % tal-impriżi kollha tal-UE huma impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u billi 92 % ta’ dawn l-SMEs kollha huma mikroimpriżi li jimpjegaw minn impjegat wieħed sa disa' impjegati, 6,7 % huma impriżi żgħar li jimpjegaw minn 10 impjegati sa 49 impjegat u 1,1 % huma impriżi ta' daqs medju li jimpjegaw minn 50 sa 249 impjegat; billi hemm 23 miljun SME, li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni, filwaqt li jipprovdu żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat; |
E. |
billi l-mikroimpriżi u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (flimkien MSMEs), huma ta’ natura varja u għandhom ħtiġijiet differenti minħabba n-natura speċifika tas-settur industrijali jew tas-servizzi li joperaw fih, l-Istat Membru jew saħansitra r-reġjun li joperaw minnu, id-daqs tagħhom, il-mudell kummerċjali, il-kultura imprenditorjali u l-ambjent kummerċjali tagħhom, sew dak internazzjonali kif ukoll fi ħdan is-suq uniku; billi jiffaċċaw sfidi differenti tul iċ-ċikli ta’ negozju rispettiv tagħhom; |
F. |
billi n-nuqqas ta’ finanzi, flimkien ma’ spirtu intraprenditorijali idgħjef meta mqabbel ma’ dak f’ekonomiji industrijalizzati oħra, jibqgħu sfidi ewlenin għall-kompetittività u l-intarprenditorija tal-impriżi tal-UE, u billi l-frammentazzjoni regolatorja persistenti u l-burokrazija żejda jkomplu jillimitaw il-kapaċità tal-SMEs, speċjalment tal-impriżi żgħar u tal-mikroipriżi, li jadattaw għal ekonomija b’użu effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi u jespandu fi swieq lil hinn minn pajjiżhom, sew fi ħdan is-suq intern kif ukoll fuq livell dinji; |
G. |
billi 44 % tal-SMEs irrappurtaw li n-nuqqas ta' informazzjoni xierqa hu ostakolu importanti għall-internazzjonalizzazzjoni; |
H. |
billi r-riluttanza tal-SMEs Ewropew li jiżviluppaw l-attivitajiet internazzjonali tagħhom tirriżulta prinċipalment min-nuqqas ta' analiżi jew ta' preanaliżi tal-opportunitajiet ta' esportazzjoni tagħhom; |
I. |
billi għadd konsiderevoli ta’ SMEs Ewropej huma attivi fl-esportazzjoni internazzjonali (25 % tat-total), u billi biss 13 % tal-SMEs Ewropej iwettqu attivitajiet fi swieq lil hinn mill-UE u biss 4 % tal-SMEs li m’għandhomx attività internazzjonali għandhom pjanijiet speċifiċi biex jibdew attivitajiet internazzjonali fil-ġejjieni prevedibbli; billi ċerti SMEs huma mhumiex kapaċi jieħdu dimensjoni internazzjonali minħabba l-profili kummerċjali jew id-daqs tagħhom; |
J. |
billi 10 % biss tal-mikroimpriżi jutilizzaw l-aktar minn 300 programm ta' appoġġ pubbliku li huma diġà disponibbli, u billi, minħabba l-għadd kbir ta' programmi ta' appoġġ disponibbli, l-SMEs isibuha diffiċli li jidentifikaw u jisfruttaw l-assistenza li hija effettivament disponibbli; |
K. |
billi l-SMEs Ewropej sfaw milquta b’mod partikolari mill-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija, u billi l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom lil hinn mis-suq uniku għandha tkun promossa wkoll; |
L. |
billi b'mod konsistenti, f'dawn l-aħħar sentejn, kważi terz mill-SMEs li applikaw għal self bankarju ma ngħataw l-ebda kreditu, jew ħadu anqas kreditu milli applikaw għalih; u billi l-ogħla rata ta' rifjut kienet fost il-mikroimpriżi; |
M. |
billi l-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) ppermetta li l-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu EUR 30 biljun ta' finanzi ġodda għal aktar minn 3 15 000 SMEs fil-perjodu 2007-2013; u billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ipprovda madwar EUR 40 biljun ta' self għall-SMEs, li minnu bbenefikaw aktar minn 2 10 000 SMEs fil-perjodu 2008-2011; |
N. |
billi l-Programm ġdid għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME) propost mill-Kummissjoni se jipprovdi lill-impriżi u lill-SMEs b'Faċilità għall-Garanzija tas-Self, li toffri garanziji għall-finanzjament tad-dejn permezz ta' self ordinarju, self subordinat u parteċipattiv, jew kirjiet, biex itaffi d-diffikultajiet partikulari li jaffaċċjaw l-SMEs fl-aċċess għall-finanzi li jeħtieġu biex jikbru, u se joffri titolizzazzjoni tal-portafolli għall-finanzjament tad-dejn tal-SMEs, immirata lejn l-attivazzjoni ta' finanzjament addizzjonali tad-dejn għall-SMEs, u se jiddekorri mill-2014 sal-2020 b’baġit ippjanat ta’ EUR 2,5 biljun; |
O. |
billi l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri minn politiki li jirfdu l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u tal-mikroimpriżi, u magħhom dik tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili (kmamr tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, eċċ.), tikkostitwixxi ġabra enormi ta’ tagħlimiet siewja għat-tfassil ta’ politiki effiċjenti u ta’ suċċess f’dan il-qasam; |
P. |
billi kwalunkwe politika ta’ appoġġ għall-SMEs adottata fil-livell Ewropew għandha tkun sussidjarja, supplimentari u komplementari għall-politika eżistenti, tagħti valur miżjud Ewropew, tevita d-dupplikazzjoni u ma titrikkibx fuq programmi nazzjonali, reġjonali u lokali eżistenti, u tottimizza l-pjanifikazzjoni u l-koordinament operazzjonali; |
Q. |
billi r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment għall-2011 jelenka eżempji ta’ kif l-aċċess tal-UE għas-swieq ta’ pajjiżi differenti madwar id-dinja, inklużi ekonomiji industrijalizzati u ekonomiji emerġenti ewlenin fid-WTO, qed jisfa mxekkel aktar permezz ta' diversi ostakoli mhux tariffarji (NTBs) milli permezz ta’ tariffi kummerċjali, ladarba x-xejra hija li dawn tal-aħħar ma jibqgħux applikati sostanzjalment pass pass mal-avvanz tal-globalizzazzjoni; billi r-regoli tad-WTO jipprojbixxu NTBs mhux ġustifikati; |
R. |
billi l-UE, kull meta jkun hemm bżonn, jeħtiġilha tappoġġja u tiddefendi attivament l-industriji tagħha, inklużi l-SMEs, kontra l-ksur ta' regoli maqbula, standards u prinċipji tad-WTO, min-naħa tas-sħab kummerċjali tagħha, u dan bl-użu tal-mezzi kollha adatti u proporzjonati; billi l-użu ta' mekkaniżmi bilaterali u multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim u, b'mod partikulari, ta' strumenti ta' difiża kummerċjali (TDIs) kompatibbli mad-WTO, għandu jsir biss wara li kull miżura oħra tkun falliet; |
S. |
billi n-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika tal-investimenti hija diżinċentiv ewlieni għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u billi huwa assolutament neċessarju li mas-sħab kummerjali tagħna jkollna qafas legali li jiggarantixxi s-sigurtà ġuridika; billi jeħtieġ li l-UE tiddefendi l-interessi tal-kumpaniji Ewropej, speċjalment dawk tal-SMEs, kontra vjolazzjonijiet tas-sigurtà ġuridika tal-investimenti f’pajjiżi li mhumiex fl-UE; |
1. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, u fejn xieraq, lill-Istati Membri, biex irawmu l-parteċipazzjoni tal-SMEs, u tal-mikroimpriżi fejn dan ikun relevanti, fi swieq dinjija billi jimplimentaw miżuri adegwati li jippermettu l-internazzjonalizzazzjoni ta’ dawn l-impriżi, u b'mod partikulari l-integrazzjoni ulterjuri tagħhom fis-suq uniku tal-UE, inkluż aċċess eħfef għall-kapital u informazzjoni aġġornata b'mod regolari dwar l-opportunitajiet kummerċjali esterni, kif ukoll TDIs effiċjenti maħsuba biex jagħtuhom l-protezzjoni li ħaqqhom kontra dumping u sussidji inġusti biex jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni ġusta ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li jiżguraw li fil-pajjiżi terzi jkunu protetti d-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali flimkien mal-ambjent; |
2. |
Jinnota li l-SMEs qed iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ diffikultajiet minħabba t-tnaqqis tad-domanda interna minħabba l-kriżi ekonomika; |
I. Aċċess għall-informazzjoni
3. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir tad-data fil-livell tal-impriża ħalli jitkattar l-għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-MSMEs, isir qsim tal-aqwa prattiki, u ħalli l-MSMes jingħataw sostenn aktar immirat sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE; jitlob ukoll li jsiru analiżi regolari tal-kost/benefiċċju biex l-effikaċja ta’ dan is-sostenn tiġi vvalutata, b’attenzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċità innovattiva u l-kompetittività globali tal-MSMEs, sew fis-suq uniku kif ukoll madwar id-dinja; |
4. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa, qabel kollox, li jsir eżerċizzju ta' mmappjar għall-identifikazzjoni tal-programmi ta' appoġġ eżistenti u neqsin fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE sabiex jiġu evitati elementi doppji jew nuqqasijiet, waqt li jiġu inkorporati l-fornituri ta' servizzi u l-istrateġiji ta' appoġġ eżistenti f'koperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex joħolqu bażijiet tad-data uniċi simili fuq l-internet tas-sorsi nazzjonali u reġjonali ta' finanzjament; |
5. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li s-suq disponibbli jiġi evalwat għal internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber u li ssir promozzjoni ulterjuri tal-iżvilupp tal-SMEs fis-suq intern, u jikkunsidra li l-iżvilupp tal-SMEs fis-suq intern hu importanti daqs kemm hu l-iżvilupp tal-SMEs barra; |
6. |
Iqis li, għall-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE, huwa essenzjali li jinħoloq netwerk, bħala parti minn pjattaforma diġitali, li jgħaqqad uffiċċji nazzjonali ta’ assistenza għall-SMEs, kmamar tal-kummerċ, Aġenziji ta’ Kreditu tal-Esportazzjoni (ECAs), assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-Kummissjoni, biex l-impriżi tal-UE, speċjalment l-esportaturi u l-importaturi, jingħataw informazzjoni preċiża, f’waqtha u li tinftiehem fuq bażi ta’ one-stop-shop, b’tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-politika kummerċjali l-ġdida tal-Unjoni; |
II. Aċċess għall-kapital
7. |
Jenfasizza li diffikultajiet rikorrenti ta’ aċċess għall-kapital huma kaġun ewlieni li jżomm lill-SMEs milli jinternazzjonalizzaw ruħhom; jistieden lill-gvernijiet nazzjonali biex jappoġġaw l-SMEs permezz ta’ krediti għall-esportazzjoni sostnuti uffiċjalment, bla ma jikkawżaw tagħwiġ tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE, u wkoll biex jallokaw biżżejjed finanzjament għall-SMEs (eż. self speċjali, kofinanzjament u kapital ta’ riskju) biex jingħelbu l-effetti tad-diżinivstiment u t-tnaqqis tas-self mill-banek; jissottolinja li dan il-finanzjament għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ SMEs li diġà qed jesportaw u li jistgħu jippreżentaw pjan tan-negozju vijabbli biex itejbu jew jikkonsolidaw sehemhom fis-suq u joħolqu l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ; |
8. |
Iqis li, biex titqawwa l-ekonomija tal-UE, m’għandux jiġi ttraskurat is-sostenn għal negozji li jkunu qed jinbdew u li joffru prodotti u servizzi innovattivi, kif ukoll għal SMEs li jkolhom bżonn investiment inizjali jew addizzjonali, sew meta jkunu qed joperaw fi ħdan is-suq uniku kif ukoll meta jkunu jixtiequ jikbru billi jieħdu xejra internazzjonali; |
9. |
Jitlob li l-gvernijiet nazzjonali, għalhekk, jgħini lill-SMEs billi jesploraw il-possibbiltà li, fost l-oħrajn, jinħolqu fondi ta’ investimentli għall-SMEs fejn iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jinvestu t-tfaddil tagħhom; |
10. |
Jitlob li l-krediti tal-esportazzjoni li jkollhom sostenn uffiċjali jikkonformaw mal-linji gwida tal-OECD u jrawmu proġetti li jkunu konformi ma’ standards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent; |
11. |
Jitlob li s-sostenn li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-SMEs biex jaċċedu għall-kapital ikun modulat skont id-domanda rispettiva u speċifika mill-SMEs sabiex jiġi evitat approċċ li jqiegħed lil kulħadd fl-istess keffa; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-industrija fl-UE għandha firxa wiesgħa ta’ profili ta’ negozju u ta’ ħtiġijiet li jirriflettu d-daqs, l-istruttura, is-settur ta’ attività u l-lok ġeografiku tal-SMEs; |
12. |
Iqis li strateġija olistika għall-finanzjament tal-kummerċ, maħsuba biex trawwem l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, hija meħtieġa b’urġenza; jemmen li l-UE għandha tippromwovi u ssostni inċentivi biex b’mod proattiv tiżviluppa l-SMEs f’setturi strateġiċi, speċjalment fejn jidħlu attivitajiet tal-manifattura b’valur miżjud għoli li joffru vantaġġ kompetittiv fuq l-ekonomiji emerġenti kif ukoll impjiegi ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġu identifikati swieq speċjalizzati promettenti u li jitrawwem l-iżvilupp tagħhom; |
13. |
Jitlob lill-Kummissjoni tistudja s-suq Ewropew tal-investituri informali u s-swieq dinjija simili biex tislet tagħlimiet mill-maniġers ta’ netwerks ta’ investituri informali fl-UE u ssaħħilhom il-kapaċità tagħhom; iħeġġeġ lill-banek u ‘l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra biex jagħtu lill-SMEs klijenti tagħhom informazzjoni aġġornata regolarment dwar strumenti finanzjarji disponibbli, inklużi netwerks ta’ sostenn għall-SMEs u investituri informali; jitlob ukoll li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni relevanti f’dan ir-rigward; |
14. |
Jirrikonoxxi l-eżistenza ta' sistemi stabbiliti sew u ta' esperjenza għas-sostenn tal-SMEs fil-livell nazzjonali li joffru aċċess għall-krediti għall-esportazzjoni permezz ta’ ECAs, u jqis li huwa raġonevoli li dan is-sostenn jitkompla; jieħu l-pożizzjoni, madankollu, li fuq żmien medju, l-istabbiliment ta' sostenn sistematiku għall-krediti tal-esportazzjoni fil-livell tal-UE, bl-istabbiliment ta’ faċilità ta’ esportazzjoni/imprtazzjoni għall-SMEs biex tħallas sostenn addizzjonali lill-SMEs permezz ta’ ECAs abbażi tal-aqwa prattiki nazzjonali, jirrikjedi aktar diskussjoni; huwa tal-fehma li jkun possibbli li dan is-sostenn addizzjonali jinvolvi self b’rati ta’ mgħax baxxi u fissi, kapital ta’ ħidma fuq żmien qasir u rifinanzjament, finanzjament tal-ekwità, u soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni tan-negozju; |
15. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-passi regolatroji u legali li jeħtiġilhom jittieħdu biex itejbu l-aċċess tal-SMEs għall-garanziji, jiġifieri:
|
16. |
Jissottolinja l-ħtieġa li l-SMEs jingħataw assistenza finanzjarja u teknika ffukata fuq ir-riċerka tas-suq, pariri dwar proġetti u dwar il-finanzi għall-esportazzjoni, konsulenza legali (eż. dwar klawsoli liberatorji u penalitajiet għal pagament tard jew inadempjenza), obbligi doganali u tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u preżentazzjonijiet tal-kumpaniji f’fieri kummerċjali u f’avvenimenti ta’ kuntatti tan-negozju (eż. biex jinstabu distributuri f’pajjiż terz); |
17. |
Jinsisti li jeħtieġ ukoll li jkun hemm attenzjoni għall-kwistjoni ta’ kif jingħelbu d-diffikultajiet li l-mikroimpriżi jiffaċċjaw biex jiksbu l-kreditu; jenfasizza s-siwi ta’ self żgħir li jħalli lil dawn l-impriżi jistabbilixxu ruħhom; itenni li, anki fil-każ ta’ suq speċjalizzat, ammonti żgħar ta’ FDI ukoll jistgħu jaqdu biex jixprunaw inizjattivi tan-negozju mill-qiegħ f’dak li jirrigwarda l-ġenerazzjoni tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli fil-livell lokali (eż. l-iżvilupp ta’ ħiliet artiġjanali); |
18. |
Jappella għal aktar sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat fil-forniment ta’ finanzjament inizjali u kapital ta’ riskju għall-MSMEs fl-UE, bi qsim tar-riskju intraprenditorjali: jirrimarka, f’dan ir-rigward, li sew l-istituzzjonijiet tal-mikrofinanza kif ukoll il-fondi tal-intraprenditorija soċjali jista’ jkollhom rwol pożittiv biex jiżviluppaw relazzjonijet tan-negozju li jkollhom ukoll objettivi soċjali, etiċi u ambjentali qawwija; |
III. Rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet konkreti
19. |
Jitlob li, fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, issir ħidma biex tissimplifika l-ambjent tan-negozju tal-SMEs, f’konsultazzjoni stretta mal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, il-kmamar tal-kummerċ u l-industrija tal-UE, kif ukoll ma’ persuni interessati relevanti oħra, biex jinġiebu ‘l quddiem it-tnaqqis tal-burokrazija żejda u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; |
20. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw helpdesks uniċi għall-impriżi fil-livell lokali, immexxija f’kooperazzjoni man-negozji tal-UE, sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jirċievu, bil-lingwa tagħhom stess u għall-użu immedjat, informazzjoni marbuta ma’ opportunitajiet, ostakoli eżistenti għan-negozju (kemm tariffarji kif ukoll NTBs), protezzjoni tal-investiment u dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim u kompetituri fi swieq terzi; |
21. |
Jitlob li jiġi stabbilit netwerk bejn SMEs u impriżi Ewropej kbar biex l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien espert ta’ dawn il-kumpaniji u mill-kapaċità ta’ esportazzjoni u ta’ innovazzjoni tagħhom; |
22. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi skambji bejn il-kapijiet ta’ SMEs tal-UE u ta’ pajjiżiż terzi fuq il-linji tal-programm “Earsmus għlal-Intraprendituri Żgħażagħ” kurrenti fil-livell Ewropew; |
23. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-SMEs Ewropej u l-impriżi ta' pajjiżi terzi sabiex tiffaċilita d-dħul fis-suq kif ukoll l-integrazzjoni fi swieq terzi; |
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lil-Istati Membri biex jagħmlu l-SMEs Ewropej aktar konxji tal-ftehimiet kummerċjali li qed jiġu nnegozjati u tal-opportunitajiet ta’ investiment internazzjonali miftuħa għall-SMEs; |
25. |
Iħeġġeġ lin-negozji u lill-esportaturi tal-UE biex jagħmlu użu attiv mit-TDIs, bħlama huma l-ilmenti dwar TBR jew ir-reġistru ta’ lmenti fil-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq, ħalli jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar danni materjali li jkunu ġarrbu minħabba ostakoli għall-kummerċ, u biex, fejn ikun f’loku, il-Kummissjoni tkun tista’ ex officio tagħti bidu għal investigazzjonijiet tal-anti dumping (AD) u tad-dazji kompensatorji (CVD), f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija, b’tali mod li r-riskju ta’ ritaljazzjoni;; |
26. |
Iqis li l-protezzjoni effikaċi tal-SMEs minn prattiki kummerċjali inġusti ta' stati sħab tal-UE hija importanti daqskemm hija importanti l-għajnuna għall-SMEs li jixtiequ jinternazzjonalizzaw; huwa tal-fehma li l-internazzjonalizzazzjoni u l-protezzjoni huma żewġ uċuħ tal-istess munita fil-proċess ta’ globalizzazzjoni; |
27. |
Jitlob li l-Kummissjoni, meta tkun qed tirriforma l-Istrumenti tal-UE għad-Difiża tal-Kummerċ, tqis debitament it-titjib tal-aċċċess tal-SMEs għall-proċeduri tal-anti dumping u ta’ kontra s-sussidji; |
28. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-SMEs fl-istabbiliment ta’ standards internazzjonali (eż. ISO), minħabba li t-tibdiliet fl-iskemi regolatorji jkollhom effett dirett fuq kemm l-SMEs ikunu kapaċi jiġġeneraw profitti; jinsisti li t-trattament ta’ NTBs mhux ġustifikati jeħtieġ li jitqies fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tal-armonizzazzjoni ta' regoli tekniċi abbażi tal-istandards dinjija relevanti; |
29. |
Jitlob li l-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet komuni u persistenti fil-ftehimiet multilaterali u bilaterali kollha, u speċjalment fil-ftehimiet tal-kummerċ ħieles sew ma’ ekonomiji industrijalizzati kif ukoll ma’ dawk emerġenti, u jitlobha tiżgura li, fid-WTO, l-NTBs jingħataw attenzjoni tal-anqas daqs kemm attwalment tingħata għall-eliminazzjoni tat-tariffi; |
30. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ mezzi speċifiċi disponibbli għan-negozji Ewropej, u b’mod partikoalri għall-SMEs, biex jeħduha b’mod effikaċi kontra vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR); jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tad-direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-IPR; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu d-diża tal-IPR fl-organizzazzjonijiet multilaterali relevanti kollha (id-WTO, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali); |
31. |
Jirrimarka li l-SMEs huma vulnerabbli għal fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet; jitlob għaldaqstant li l-Kummissjoni taħdem attivament fil-livell tal-UE u f’fora internazzjonali bħall-G20 biex tindirizza l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq l-ikel u l-materja prima; |
32. |
Jitlob li l-Unjoni tisfrutta bis-sħiħ l-opportunitajiet ta’ investiment għall-MSMEs tal-UE li jidderivaw mill-Politika tal-Viċinat Ewropew, b’attenzjoni speċjali għall-investiment transfruntiera fil-pajjiżi tas-sħubijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jirrimarka li opportunitajiet ta’ investiment f’dawk iż-żoni għandhom jagħtu kontribut sostanzjali għall-qadi tal-ħtiġijiet soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi kkonċernati, għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u għal approfondiment tal-kooperazzjoni reġjonali u tal-istabbiltà reġjonali; |
33. |
Iqis li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna għandhom jiżviluppaw sinerġiji bil-għan li jtejbu aktar id-diplomazija kummerċjali tal-Unjoni madwar id-dinja; |
34. |
Jitlob li l-UE tiżviluppa politika industrijali komuni ambizzjuża bbażata fuq trawwim tar-riċerka u l-innovazzjoni li jibbenefika minn arranġamenti innovattivi ta’ finanzjament, bħalma huma l-project bonds, u tappoġġa l-iżvilupp tal-SMEs, permezz tal-aċċess għall-akkwist pubbliku, bil-għan li żżomm il-kompetittività tagħha fil-konfront ta’ atturi ewlenin kbar fl-industrija u fir-riċerka; |
o
o o
35. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) http://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/17-tbt.pdf
(2) ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0363.
(4) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.
(5) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.
(6) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 400.
(7) ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.
(8) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
(9) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 95.
(10) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 16.
(11) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.
(12) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 132.
(13) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 166.
(14) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.
(15) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 113.
(16) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 34.
(17) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 203.
(18) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 13
(19) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 19.
(20) Testi adottati, P7_TA(2011)0257.
(21) Testi adottati, P7_TA(2011)0412.
(22) Testi adottati, P7_TA(2011)0565.
(23) Testi adottati, P7_TA(2012)0275.