Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0452

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18) (2012/2722(RSP))

    ĠU C 419, 16.12.2015, p. 103–114 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 419/103


    P7_TA(2012)0452

    Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 18)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18) (2012/2722(RSP))

    (2015/C 419/17)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

    wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Bali fl-2007 kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali (Deċiżjoni 1/COP 13),

    wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 15) u l-5 Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 5), li saret f'Kopenħagen, id-Danimarka, mis-7 sat-18 ta’ Diċembru 2009, u l-Qbil ta' Kopenħagen,

    wara li kkunsidra s-16-il Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC (COP 16) u s-sitt Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 6) li saret f’Cancún, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010, u l-Ftehimiet ta' Cancún,

    wara li kkunsidra s-17-il Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 17) kif ukoll is-7 Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 7), li saru f'Durban, fl-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta’ Diċembru 2011 u, b'mod partikulari, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa.

    wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 18) li jmiss kif ukoll it-tmien Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 8), li se jsiru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta’ Diċembru 2012,

    wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar “l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima” (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15) (3), tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tas-Samit ta' Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima (COP 15) (4), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima li saret f'Cancún (COP 16) (5) u tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP 17) (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (7),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2012 dwar is-segwitu għas-17-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 17) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u s-7 sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 7) (Durban, l-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta' Diċembru 2011),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2012 dwar “finanzjament għall-klima – finanzjament rapidu”,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-18 ta' Lulju 2011 dwar id-Diplomazija tal-UE dwar il-Klima,

    wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi ta’ Novembru 2011 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) bl-isem “Bridging the Emissions Gap”,

    wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tal-20 ta’ Diċembru 2005 tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar “Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: ‘Il-Konsensus Ewropew’” (8), u b'mod partikolari l-punti 22, 38, 75, 76 u 105 tagħha,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li fasslet l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala għanijiet stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali biex jinqered il-faqar,

    wara li kkunsidra l-impenji meħuda mis-summit tal-G20 f’Pittsburgh tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009 biex jitneħħew gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili fuq perjodu medju u jiġi pprovdut appoġġ immirat biex l-ifqar pajjiżi jkunu jistgħu jadattaw għat-tibdil fil-klima,

    wara li kkunsidra l-11-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 11) dwar il-bijodiversità li se ssir f’Hyderabad, l-Indja, mit-8 sad-19 ta’ Ottubru 2012,

    wara li kkunsidra l-mistoqsijiet orali (O-000160/2012 – B7-0364/2012 u O-000161/2012 – B7-0365/2012), imressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    whereas the decisions encompassing the Durban Platform for Enhanced Action (the Durban Package) recognise that climate change represents an urgent and potentially irreversible threat to human societies and the planet and thus has to be addressed at international level by all the Parties;

    B.

    billi l-Pakkett ta' Durban, fil-prinċipju, poġġa l-pedamenti għal ftehim komprensiv, ambizzjuż u li jorbot legalment li jinvolvi l-Partijiet kollha, li jrid jintlaħaq sal-2015 u li jrid jiġi implimentat sal-2020;

    C.

    billi l-Konferenza ta' Doha (COP 18) trid tkompli tibni fuq il-momentum li nkiseb f'Durban sabiex tiżgura li tali ftehim globali li jorbot legalment jibqa' għaddej fit-triq it-tajba u jintlaħaq sal-2015;

    D.

    billi tali ftehim globali li jorbot legalment għandu jkun konsistenti mal-prinċipju ta’ “responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u kapaċitajiet rispettivi”, iżda jrid jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-emittenti ewlenin kollha jadottaw miri ambizzjużi u suffiċjenti u miżuri ta’ politika korrispondenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, li jirriflettu l-evoluzzjoni tal-kapaċitajiet;

    E.

    billi l-Pakkett ta' Durban ma qiesx b’mod suffiċjenti l-ħtieġa li tittieħed azzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima sal-2020, u billi l-impenji u l-wegħdiet eżistenti mhumiex suffiċjenti biex jintlaħaq l-objettiv li ż-żieda globali fit-temperatura medja annwali tal-wiċċ tiġi limitata għal 2o oC apparagun tal-livelli preindustrijali (“l-objettiv ta' 2o oC”), u billi dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati bl-akbar prijorità fil-Konferenza ta' Doha;

    F.

    billi, skont l-evidenza xjentifika ppreżentata mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), l-objettiv ta' 2 oC jirrikjedi li l-emissjonijiet globali jilħqu l-quċċata sal-2015, jitnaqqsu b'tal-anqas 50 % apparagun tal-livelli tal-1990 sal-2050, u wara jkomplu jonqsu; billi l-UE għandha, għaldaqstant, tirsisti sabiex jittieħdu azzjonijiet konkreti mill-emittenti ewlenin kollha u biex dawn jiġu implimentati effettivament qabel l-2020;

    G.

    billi konklużjonijiet xjentifiċi riċenti jissuġġerixxu li l-effetti tat-tibdil fil-klima huma aktar rapidi u aktar qawwija milli kien imbassar qabel, pereżempju fir-reġjun tal-Artiku;

    H.

    billi, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), id-domanda globali għall-enerġija mistennija tiżdied b’terz bejn l-2010 u l-2035; billi l-maġġoranza taż-żieda fid-domanda u fl-emissjonijiet se jseħħu fl-ekonomiji emerġenti; billi jeżistu sussidji b’valur ta’ USD 400 biljun li jappoġġaw il-konsum ħali tal-fjuwils fossili;

    I.

    billi d-dekarbonizzazzjoni fl-industrija u s-settur tal-enerġija bl-applikazzjoni tal-innovazzjonijiet tkun ta' vantaġġ għall-UE bħala waħda minn tal-ewwel li tidħol fis-suq globali li qed jikber tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-enerġija;

    J.

    billi l-innovazzjoni dinjija fis-settur tal-enerġija sostenibbli (kemm fil-livell tal-produzzjoni kif ukoll f’dak tal-utent) toħloq l-impjiegi, tistimola t-tkabbir ekonomiku, iżżid l-indipendenza enerġetika u tgħin biex toħloq dinja aktar nadifa li fiha t-tibdil fil-klima jiġi mmitigat u jiġi żgurat li jkun hemm provvisti suffiċjenti tal-enerġija;

    K.

    billi l-investimenti fis-settur tal-enerġija ta’ sikwit ħafna jkollhom ħajja ta' 30 sena jew aktar u l-ippjanar ta' proġetti u politiki ġodda jieħdu fit-tul, u dan joħloq sitwazzjoni li tintensifika l-urġenza dinjija li jittieħdu passi ġodda fil-qasam tal-enerġija;

    L.

    billi jeħtieġ li jkun hemm aktar riċerka bl-għan li jitrawmu innovazzjonijiet utli fis-sistemi tal-enerġija u tat-trasport;

    M.

    billi, sabiex turi s-serjetà tal-isforzi tagħha, u fid-dawl tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u ekonomiċi tagħha, l-UE għandha tieħu rwol mexxej fil-ħarsien tal-klima;

    N.

    billi mhu se jkun possibbli l-ebda ftehim li jorbot legalment fl-2015 fin-nuqqas ta’ kunsens dwar l-ekwità fl-isforzi ta’ mitigazzjoni globali u fit-tul;

    O.

    billi fil-COP 16 f’Cancún (2010), il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jipprovdu, sal-2020, USD 100 biljun f’finanzjament annwali “ġdid u addizzjonali” sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda billi s’issa ma hemm l-ebda definizzjoni maqbula internazzjonalment ta’ xi tfisser eżatt “ġodda u addizzjonali”;

    P.

    billi wara l-2012, l-aħħar sena ta' finanzjament rapidu (USD 30 biljun fuq tliet snin impenjati f’Kopenħagen), ma hemm l-ebda ċertezza dwar kemm se jingħata finanzjament għall-klima;

    Q.

    billi globalment, madwar 20 % tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra jirriżultaw mid-deforestazzjoni u forom oħra ta’ użu tal-art u tibdil fl-użu tal-art, u billi l-agroforestrija żżid l-effetti ta’ mitigazzjoni tas-CO2 permezz tal-ħżin tal-karbonju u tnaqqas il-faqar permezz tad-diversifikazzjoni tad-dħul tal-komunitajiet lokali;

    R.

    billi t-titjib fil-governanza tal-foresti huwa prerekwiżit fundamentali għat-tnaqqis dejjiemi tad-deforestazzjoni;

    Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa

    1.

    Jilqa' t-twaqqif ta' Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa u jinnota li d-Deċiżjoni 1/CP.17 tirrikjedi li dan il-Grupp, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jibda jaħdem fuq l-iżvilupp ta' protokoll, strument legali jew eżitu miftiehem b'setgħa legali fil-qafas tal-Konvenzjoni, applikabbli għall-Partijiet kollha, u jlesti din il-ħidma mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-2015; jinnota wkoll li l-ħidma tiegħu trid tkun mgħarrfa bil-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC, li għandu jkun lest sal-2014; jilqa' wkoll il-proċess biex il-Partijiet iżidu l-livell ta' ambizzjoni tagħhom għal qabel l-2020;

    2.

    Jenfasizza li jeħtieġ li l-ekwità u r-responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi (CBDRRC) ikunu fil-qofol tal-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa sabiex tkun tista' tagħti riżultati adegwati favur il-klima;

    3.

    Jinnota li, b'mod parallel, il-Pakkett ta' Durban jirrikjedi li l-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar Azzjoni ta' Kooperazzjoni fit-Tul (AWG-LCA) jikseb l-eżiti miftiehma tiegħu qabel il-Konferenza ta' Doha;

    4.

    Jenfasizza li l-istrument legali l-ġdid se jkollu jiżgura azzjoni ta' mitigazzjoni b'konformità ma’ baġit globali tal-karbonju li jkun konsistenti maż-żamma tat-tibdil fil-klima għal anqas minn 2o oC apparagun tal-livelli preindustrijali, flimkein mal-mezzi għall-azzjoni klimatika meħtieġa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll kontabilità, monitoraġġ u rappurtaġġ robusti, u sistema b’saħħitha ta' infurzar u konformità;

    5.

    Jinnota bi tħassib kbiar l-atteġġjament ostruzzjonista ta' ċerti Partijiet fit-taħditiet ta' Bonn li saru f'Mejju 2012, iżda jilqa' l-passi żgħar iżda viżibbli favur il-konverġenza miksuba waqt is-sessjonijiet informali addizzjonali f'Bangkok, it-Tajlandja, mit-30 ta' Awwissu sal-5 ta' Settembru 2012;

    6.

    Jitlob ċarezza u ftehim ulterjuri dwar il-komparabilità tal-isforz u l-kontabilità komuni għall-Partijiet żviluppati li ma jagħmlux parti mill-Protokoll ta' Kjoto qabel ma jiġi konkluż l-AWG-LCA;

    7.

    Jenfasizza li jeħtieġ li l-UE tmexxi bl-eżempju billi timplimenta l-impenji tagħha u billi turi ambizzjoni kemm fir-rigward tal-mitigazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-finanzjament; jemmen, għaldaqstant, li hija r-responsabilità tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, qabel il-Konferenza ta' Doha, li jinvolvu ruħhom f’diplomazija intensiva dwar il-klima u jibnu alleanzi internazzjonali biex jiżguraw li l-impenji meħuda fil-Pakkett ta' Durban jiġu rrispettati u li l-proċess tal-UNFCCC jiġi simplifikat favur sistema multilaterali ġdida li jrid jintlaħaq ftehim dwarha sal-2015; jenfasizza li huwa importanti li jiġi ċċarat kif se jkunu applikati l-prinċipji tal-Konvenzjoni f’qafas post-2020 sabiex il-Partijiet kollha jieħdu impenji; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu l-ġdid ibbażat fuq is-suq, definit fil-COP 17, huwa ta' importanza partikolari f'dan ir-rigward u jittama li l-AWG-LCA jirnexxielu jiżviluppa modalitajiet u proċeduri għal dan il-mekkaniżmu;

    Il-Protokoll ta' Kjoto – it-tieni perjodu ta' impenn

    8.

    Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Partijiet, kif riflessa fil-Pakkett ta’ Durban u li tkopri total ta’ madwar 50 % tal-emissjonijiet globali, u huwa għalhekk li l-UE trid tintensifika l-isforzi tagħha biex issib soluzzjonijiet għal miżuri konġunti sabiex iġġib flimkien lill-atturi ewlenin kollha biex jiftiehmu, bħala pass interim, dwar it-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto biex jibda fl-1 ta’ Jannar 2013, bħala tranżizzjoni għal sistema internazzjonali ġdida, iktar effikaċi u li torbot legalment lill-Partijiet kollha, li tidħol fis-seħħ sal-2020;

    9.

    Jieħu nota li t-tieni perjodu ta' impenn eventwali tal-Protokoll ta' Kjoto mhux se jkun fih il-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun u l-Kanada u li l-Awstralja u n-New Zealand għadhom inċerti jekk jipparteċipawx fih; jinnota, barra minn hekk, in-nuqqas kontinwu ta' objettivi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Indonesia;

    10.

    Jitlob l-adozzjoni tal-emendi neċessarji f’Doha sabiex it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto jkun jista' jibda minnufih fuq bażi proviżorja;

    11.

    Jinnota l-wegħda, fid-Deċiżjoni 1/CMP.7 tal-Pakkett ta' Durban, li l-iskadenza tat-tieni perjodu ta' impenn se tkun deċiża fil-Konferenza ta' Doha, u jappoġġa perjodu ta' impenn ta' tmien snin li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020;

    12.

    Jenfasizza, fl-istruttura operattiva attwali tal-Protokoll ta' Kjoto, il-ħtieġa li l-impenji kwantifikati għal limitazzjoni jew tnaqqis tal-emissjonijiet (QELROs), li kellhom jiġu ppreżentati mill-Partijiet sa Mejju 2012, jiġu adottati bħala emendi għall-Protokoll ta' Kjoto fil-Konferenza ta' Doha, b’konformità mad-Deċiżjoni 1/CMP.7; jistieden lil dawk il-Partijiet għall-Anness B li għandhom m’għamdlux hekk, jippreżentaw il-QELROs tagħhom, u jilqa’ l-preżentazzjoni inizjali tal-UE f'dan ir-rigward; jenfasizza li t-trasferiment ’il quddiem tal-unitajiet ta' ammont assenjat (AAUs) għat-tieni perjodu ta' impenn jipperikola l-integrità tal-Protokoll ta' Kjoto; jinnota li jekk l-Istati Membri jitħallew jittrasferixxu l-AAUs, il-Protokoll ta' Kjoto ma jkollu l-ebda effett reali fuq il-mitigazzjoni tal-klima;

    13.

    Jilqa' l-proposta tal-Grupp tas-77 u ċ-Ċina biex b'mod effettiv jitrażżan u jiġi minimizzat l-użu tal-eċċess; jinnota li l-UE s'issa għadha ma ressqitx proposta biex tindirizza l-eċċess tal-AAUs; ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona jiddikjara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata kemm għal miżuri ġenerali (Artikolu 16 TFUE) kif ukoll matul il-proċedura meta jkunu qed isiru negozjati u meta jkunu qed jiġu stabbiliti ftehimiet internazzjonali ġodda (Artikolu 218 TFUE);

    14.

    Itenni t-talba tiegħu għar-riforma tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM), filwaqt li jiġu stabbiliti regoli stretti dwar il-kwalità li jiggarantixxu li l-proġetti assoċjati jkunu ta’ standard għoli biżżejjed biex jgħinu t-tnaqqis tal-emissjonijiet b’mod affidabbli, verifikabbli, reali u supplementari, filwaqt li jsir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġi evitat l-użu mhux xieraq tal-mekkaniżmu minn proġetti ta’ infrastruttura li l-emissjonijiet ta’ karbonju tagħhom ikunu għoljin; iqis li fil-ġejjieni s-CDM irid ikun limitat għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs);

    Id-differenza fil-mitigazzjoni

    15.

    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-Partijiet kollha, l-ewwel nett, li jimplimentaw l-impenji tagħhom, u t-tieni li jgħollu l-livelli ta' ambizzjoni tagħhom bejn issa u l-2020, sabiex jibqgħu fl-ambitu tal-objettiv ta’ 2o oC; itenni b’mod partikolari l-ħtieġa urġenti ta’ progress biex tingħalaq il-“gigatonne gap” bejn is-sejbiet xjentifiċi u l-wegħdiet attwali tal-Partijiet u joħorġu impenji li jorbtu u azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu iktar ambizzjużi minn dawk li hemm fil-Qbil ta’ Kopenħagen, abbażi tal-prinċipju ta’ “responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi”, li jkun ifisser li l-pajjiżi iktar fqar għandhom – permezz ta’ assistenza finanzjarja u teknoloġika, iżda anke permezz tal-bini tal-kapaċità – ikunu jistgħu jagħmlu tranżizzjoni diretta għal sistema avvanzata u ekonomika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; jistieden, b'mod partikulari, lill-Partijiet jieħdu miżuri urġenti, li jidħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2015, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali, flimkien ma’ setturi oħrajn, u biex jitnaqqsu l-idrofluworokarburi (HFCs), il-faħam l-iswed, il-metan u forzi oħra fuq il-klima li għandhom ħajja qasira, sabiex jingħalaq id-distakk fir-rigward tal-objettiv ta' 2o oC;

    16.

    Jitlob li f'Doha tittieħed deċiżjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-daqs tad-distakk globali u sabiex isir monitoraġġ kontinwu f’dan ir-rigward bl-għan li tittieħed l-azzjoni neċessarja biex jingħalaq dan id-distakk;

    17.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Presidenza Ċiprijotta jsibu alleati biex tingħalaq il-“gigatonne gap”, jiġifieri d-differenza bejn il-livelli ta' ambizzjoni attwali u dawk meħtieġa biex it-tisħin dinji jinżamm taħt 2o oC;

    18.

    Jagħraf li t-tneħħija gradwali effikaċi tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jingħalaq id-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni;

    19.

    Ifakkar li, skont il-konklużjonijiet tar-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC, jeħtieġ li l-pajjiżi industrijalizzati jnaqqsu l-emissjonijiet interni tagħhom b'25-40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2020, filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala grupp, għandhom jiksbu devjazzjoni sostanzjali taħt it-tbassir attwali tar-rata taż-żieda fl-emissjonijiet, fir-reġjun ta' 15-30 % sal-2020; ifakkar, barra minn hekk, li jeħtieġ li l-emissjonijiet globali aggregati jilħqu l-għola livell tagħhom qabel l-2020 u jitlob diskussjoni miftuħa dwar strateġiji ta’ politika aktar effettivi biex jingħalaq id-distakk tal-mitigazzjoni;

    20.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' bażi xjentifika affidabbli kif previst mill-IPCC, li għadda minn riforma fundamentali fl-istruttura u fil-proċeduri tiegħu, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni (IPCC AR5), li huwa mistenni fl-2014;

    21.

    Ifakkar li huwa fl-interess tal-UE nnifisha li timmira għal objettiv tal-ħarsien tal-klima ta' 30 % sal-2020, u b'hekk tiġġenera tkabbir sostenibbli, impjiegi ġodda u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

    22.

    Jilqa' l-proposta li l-Ftehim ta' Cancún jiġi integrat fil-leġiżlazzjoni tal-UE bl-għan li l-Partijiet li huma pajjiżi żviluppati ifasslu strateġiji ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ finanzjarju u tekniku lill-Partijiet li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jadottaw u jimplimentaw pjanijiet ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jinnota li dawn il-pjanijiet u strateġiji għandhom jindikaw politiki u miżuri li jinkludu azzjoni domestika bikrija biex jevitaw l-inerzja favur l-investimenti u l-infrastrutturi intensivi fl-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll tal-objettivi fuq żmien qasir u medju tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

    Finanzjament għall-klima

    23.

    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi evitat li jkun hemm lakuna finanzjarja wara l-2012 (meta l-perjodu ta' finanzjament rapidu jintemm) u li ssir ħidma biex jiġi identifikat il-mod biex jiġi żgurat il-finanzjament għall-klima mill-2013 sal-2020 minn varjetà ta' sorsi differenti; jemmen li l-impenji konkreti ta’ finanzjament matul il-perjodu 2013-2020 huma ta’ importanza vitali biex jitħaffu l-proċessi ta’ trasformazzjoni, filwaqt li jiġu evitati l-inerzji perpetwi favur il-fjuwils fossili f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġu appoġġati l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima; ifakkar li l-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom ma ħadu l-ebda impenji għall-finanzjament tal-klima għal wara l-2013;

    24.

    Jinnota bi tħassib li filwaqt li l-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jipprovdu USD 100 miljun kull sena sal-2020, s’issa ma hemm l-ebda definizzjoni maqbula internazzjonalment ta’ xi tfisser eżatt “ġodda u addizzjonali”;

    25.

    Jenfasizza li l-kejl, il-verifika u l-monitoraġġ tal-fondi għall-klima, flimkien mal-addizzjonalità tagħhom, huma essenzjali u jirrikjedu definizzjoni maqbula internazzjonalment; jistieden lill-UE tiżviluppa approċċ komuni biex jiġi żgurat li l-assistenza għall-iżvilupp (ODA) ma tiġix devjata l-bogħod mill-għanijiet ta’ żvilupp eżistenti, imma tkun verament addizzjonali;

    26.

    Jilqa' l-attivitajiet tal-programm ta' ħidma dwar il-finanzjament fit-tul fir-rigward tas-sorsi ta' finanzjament fit-tul u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistenna li bil-ħerqa li f'Doha jiġi diskuss ir-rapport tal-Kopresidenti;

    27.

    Iqis li l-finanzjament għall-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġ li jindirizza l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima li diġà qed jinħass illum, bħala kontribut biex tiġi żviluppata reżiljenza, b’mod partikolari fil-pajjiżi l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli, u sabiex isir kontribut sabiex jingħalaq id-distakk ta' ambizzjoni tal-mitigazzjoni qabel l-2020, filwaqt li fl-istess ħin jingħata appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli;

    28.

    Jirrimarka, f'dan ir-rigward, li għandu jsir użu minn sorsi addizzjonali innovattivi ta' finanzjament (taxxi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u dazji fuq it-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar);

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tali finanzjament ikun ġdid u addizzjonali, u biex tippromwovi sorsi ta’ finanzjament innovattivi;

    30.

    Jenfasizza il-potenzjal tal-iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jekk jitneħħew is-sussidji fuq il-fjuwils fossili; jitlob li f'Doha jiġu adottati pjanijiet biex jitneħħew gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, filwaqt li tingħata prijorità għall-pajjiżi tal-Anness I;

    31.

    Jilqa' t-twaqqif tal-Bord tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF) u jistenna li f'Doha tittieħed deċiżjoni dwar is-sede tas-segretarjat tal-GCF; jinnota li huma meħtieġa deċiżjonijiet ulterjuri fil-Konferenza ta’ Doha biex il-GCF jibda jopera, kif miftiehem fil-Ftehimiet ta’ Cancún, speċjalment fir-rigward tal-kapitalizzazzjoni inizjali tiegħu, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mmobilizzat appoġġ finanzjarju mill-Partijiet sabiex il-GCF jibda jopera; jirrikonoxxi li l-Fond Ekoloġiku għall-Klima huwa vitali għall-kapaċità tal-LDCs biex jimmitigaw u jadattaw għat-tibdil fil-klima, u li l-impenji finanzjarji konkreti f'dan il-qasam huma ta' importanza assoluta;

    32.

    Jenfasizza li l-Ftehmiet ta’ Cancún jispeċifikaw b’mod ċar li l-fondi pprovduti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-GCF għandhom ikunu “ġodda” u “addizzjonali” għall-għajnuna għall-iżvilupp eżistenti;

    33.

    Ifakkar li, filwaqt li l-pajjiżi fqar ikkontribwew l-inqas għall-konċentrazzjoni dejjem ikbar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera, huma l-ikar vulnerabbli għall-impatt tat-tibdil fil-klima u għandhom l-inqas kapaċità ta’ adattament;

    34.

    Jenfasizza li l-iżgurar ta’ koerenza politika u integrazzjoni tal-ambjent fil-proġetti ta’ żvilupp huwa l-qofol ta’ strateġija effikaċi tal-UE fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u l-adattament għalih;

    35.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw interventi favur il-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jżidu l-istandard ta’ għajxien għall-dawk l-iktar foqra; iħeġġeġ, b’mod partikolari, lill-UE tiżgura li l-finanzi jkunu disponibbli biss għall-appoġġ ta’ mogħdijiet ta' żvilupp favur il-klima, u dan jimplika t-tneħħija gradwali effikaċi ta’ appoġġ dirett hew indirett tal-UE għall-industriji tal-fjuwils fossili (jiġifieri permezz ta’ self ta’ garanzija mill-BEI, aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, eċċ.) b’konformità mal-impenn meħud mill-UE fis-summit tal-G20 f’Pittsburgh;

    36.

    Jenfasizza li l-kriżi ekonomika attwali m'għandhiex tintuża bħala pretest biex ma tittieħed l-ebda azzjoni jew sabiex jiġi miċħud il-finanzjament għall-miżuri ta' adattament fil-pajjizi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li l-iżvilupp ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fil-fatt huwa pass importanti lejn is-soluzzjoni tal-kriżi;

    37.

    Jistieden lill-pajjiżi industrijalizzati jipprovdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw appoġġ finanzjarju u teknoloġiku adegwat fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti;

    38.

    Jemmen li dawn il-miżuri jridu jirrispettaw l-interessi u l-prijoritajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jinkorporaw l-għarfien lokali, u jsaħħu l-kooperazzjoni Nofsinhar -Nofsinhar u r-rwol tal-agrikoltura fuq skala żgħira u fuq skala medja, bir-rispett dovut għall-bilanċ tan-natura u tal-ekoloġija;

    39.

    Jenfasizza li l-finanzjament għall-miżuri għall-ħarsien tal-klima għandu jingħata f'forma ta' finanzjament ġdid u supplementari li jkun apparti l-għajnuna għall-iżvilupp eżistenti;

    40.

    Ifakkar lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li l-ODA tirrappreżenta finanzjament vitali għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp ewlenin – bħas-saħħa u l-edukazzjoni – li m’għandux jiġi devjat mill-ġdid lejn il-finanzjament għall-klima; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu fondi suffiċjenti biex jinkisbu l-MDGs flimkien ma' fondi ġodda u addizzjonali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adatament għalih;

    L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)

    41.

    Jilqa' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2/CMP.7 fil-Konferenza ta' Durban bħala pass importanti ’l quddiem fl-introduzzjoni ta' regoli robusti ta' kontabilità għas-settur tal-LULUCF; jinnota li din id-deċiżjoni tipprevedi programm ta' ħidma ta' sentejn biex tiġi studjata l-ħtieġa ta’ aktar kontabilità komprensiva sabiex tiġi żgurata l-integrità ambjentali tal-kontribut tas-settur għat-tnaqqis fl-emissjonijiet;

    42.

    Ifakkar li kemm it-tibdil fl-użu tal-art kif ukoll l-agrikoltura huma responsabbli għal parti sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE tippromwovi l-agroforestrija jew l-agrikoltura organika, speċjalment fl-LDCs, minħabba li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u biex jittaffa l-faqar, billi jippermettu lill-komunitajiet lokali jiddiversifikaw is-sorsi ta’ dħul tagħhom;

    43.

    Itenni li l-produzzjoni ta’ agrofjuwils minn uċuħ tar-raba għall-ikel (bħalma huma ż-żrieragħ taż-żejt, iż-żejt tal-palm, il-kannamiela, il-pitravi u l-qamħ) potenzjalment jistgħu jwasslu għal domandi enormi għall-art u jpoġġu f’riskju lill-persuni f’pajjiżi fqar li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq l-aċċess għall-art u r-riżorsi naturali;

    44.

    Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-“kriterji ta’ sostenibilità” elenkati fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbbli (RED) u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil fir-rigward tal-bijofjuwils huma limitati fl-ambitu u mhumiex suffiċjenti biex irażżnu l-effetti negattivi tal-espansjoni tal-agrofjuwils, b’mod partikolari permezz ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC); jistieden lill-UE tammeljora l-kriterji ta’ sostenibilità u ċertifikazzjoni tagħha fir-rigward tal-bijofjuwils sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-impenji tagħha kontra t-tibdil fil-klima u mal-obbligu legali tagħha ta’ koerenza politika għall-iżvilupp, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta’ Lisbona;

    45.

    Itenni li żieda fl-użu tal-bijomassa tista’ twassal għal intensifikazzjoni tal-prattiki forestali u għal tnaqqis fl-istokk tal-karbonju tal-foresti, u dan jista’ jipperikola l-objettiv tal-UE li tillimita ż-żieda fit-temperatura klimatika għal 2o oC; jistlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaċċettaw biss agrofjuwils li jnaqqsu b’mod evidenti l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, li ma joħolqu l-ebda kwistjoni sinifikanti ta’ użu tal-art, li ma jkunux ta’ theddida għas-sikurezza tal-ikel u li ma joħolqux riskji ta’ kunflitti ta’ konservazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tiżviluppa kriterji ta’ sostenibilità li jorbtu legalment għall-bijomassa, tinkorpora l-kalkoli ta’ ILUC fil-kriterji ta’ sostenibilità eżitenti għall-agrofjuwils u tinkorpora l-kalkoli ta’ ILUC u ta’ dejn ta’ karbonju fil-kriterji ta’ sostenibilità għall-bijoenerġija;

    It-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+)

    46.

    Jilqa' l-adozzjoni f'Durban tad-deċiżjonijiet marbuta mal-finanzjament, salvagwardji u livelli ta' riferenza; jemmen li jeħtieġ li jsir aktar progress f'Doha, b'mod partikulari dwar il-valutazzjoni teknika tal-livelli ta' riferenza tal-foresti; jinnota wkoll li r-REDD+ għandu rwol importanti biex titnaqqas id-differenza fil-mitigazzjoni sal-2020;

    47.

    Jenfasizza li skont il-qafas tal-UNFCCC, ir-REDD+ se jkun iffinanzjat bi flus pubbliċi, u jistieden lill-Partijiet juru impenn politiku qawwi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi;

    48.

    Jopponi l-iskambju tal-karbonju forestali u l-inklużjoni tar-REDD+ fis-swieq tal-karbonju, li jwasslu għall-allokazzjoni eċċessiva tal-krediti u għal tnaqqis ulterjuri fil-prezz tal-karbonju;

    49.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tar-REDD+ tiddependi fuq it-trasparenza u l-iżvilupp ta' sistemi robusti ta' monitoraġġ;

    50.

    Jirrikonozxxi l-importanza tar-REDD+ fl-indirizzar tal-emissjonijiet mill-forestrija; jinsisti li r-REDD+ m'għandux jipperikola l-progress li twettaq s'issa permezz tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT), speċjalment fir-rigward tal-governanza tal-foresti u l-kjarifika u r-rikonoxximent tal-użanzi tad-drittijiet tal-art; jitlob lill-UE tirsisti favur salvagwardji soċjali, ta’ governanza u ambjentali iktar b'saħħithom għall-proġetti tar-REDD+, inklużi mekkaniżmi ta’ salvagwardja li jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni li jgħixu fil-foresti ma jinkisrux;

    51.

    Huwa tal-fehma li s-sistema ta' pagament għal-ħarsien tal-foresti jeħtieġ li tkun waħda partikolarment stabbli u fit-tul; jenfasizza li l-qerda tal-foresti terġa' tibda jekk il-finanzjament jaqa’ taħt ċertu livell;

    It-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali

    52.

    Itenni t-talba tiegħu għal strumenti internazzjonali b'objettivi globali ta' tnaqqis tal-emissjonijiet biex jitrażżan l-impatt fuq il-klima tat-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali; jibqa' favur l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-iskema Ewropea tal-iskambju ta' emissjonijiet (ETS);

    53.

    Jistieden lill-Istati Membri jużaw id-dħul mill-bejgħ b'irkant tal-kwoti tal-avjazzjoni bħala kontributi għaż-żieda tal-finanzjament favur il-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-2013;

    Il-ħarsien tal-klima, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi ekonomika

    54.

    Jenfasizza li l-kriżi ekonomika attwali turi biċ-ċar il-fatt li ekonomija sostenibbli biss tista' tipprovdi l-prosperità fit-tul u li l-ħarsien tal-klima huwa wieħed mill-pilastri ewlenin ta' tali ekonomija sostenibbli; jenfasizza li qatt ma kien daqshekk importanti li jiġu ċċarati r-raġunijiet għal azzjoni politika fil-qasam tal-ħarsien tal-klima, jiġifieri li aktar nies ikunu jistgħu jgawdu minn standard għoli ta' għajxien filwaqt li jiġu żgurati r-riżorsi u l-ispazju għall-iżvilupp, anki għall-ġenerazzjonijiet futuri;

    55.

    Itenni li l-isfida tat-tibdil fil-klima ma tistax titqies b'mod iżolat, iżda jeħtieġ li dejjem tiġi indirizzata fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, il-politika industrijali u l-politika tar-riżorsi;

    Riforma strutturali

    56.

    Huwa tal-fehma li waħda mir-raġunijiet għas-suċċess tal-Konferenza ta' Durban kienet li din ħolqot il-bażi sabiex jingħelbu d-diviżjonijiet riġidi ta' qabel bejn il-“Partijiet” u l-“osservaturi”, bejn il-“pajjiżi żviluppati” u l-“pajjiżi li qed jiżviluppaw” kif ukoll bejn il-“pajjiżi tal-Anness I” u l-“pajjiżi mhux tal-Anness I”, u għaldaqstant jitlob lill-parteċipanti kollha jirsistu favur il-kisba ta' struttura ġdida, olistika u totalment inklużiva għan-negozjati futuri;

    57.

    Huwa tal-fehma li s-sistema “pledge and review” attwali mhix se ġġib it-tibdiliet fundamentali meħtieġa sabiex jiġi miġġieled it-tibdil tal-klima fit-tul u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Partijiet kollha jqisu wkoll approċċi oħrajn;

    58.

    Jenfasizza li m'hemm l-ebda soluzzjoni mirakoluża għat-tibdil fil-klima u, għaldaqstant, jiġbed l-attenzjoni għall-għadd ta' possibilitajiet biex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet u, aktar importanti, sabiex iseħħu l-bidliet ta' kuxjenza meħtieġa; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li ħafna pajjiżi diġà qed iwettqu azzjonijiet ambizzjużi ta' mitigazzjoni u jistieden lill-UNFCCC tipprovdi pjattaforma sabiex tiżdied it-trasparenza ta' dak li qed iseħħ fir-realtà;

    Trasformazzjoni lejn ekonomija u industrija sostenibbli

    59.

    Huwa mħasseb dwar il-fatt li, skont id-data tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2 mill-ħruq tal-fjuwils fossili laħqu livell rekord fl-2011; ifakkar li ż-żieda globali mistennija fil-konsum tal-enerġija se tkun ibbażata fuq it-tkabbir tas-sorsi kollha tal-enerġija; iqis, għaldaqstant, li m'għandux ikun hemm eżitazzjoni fl-isforzi tal-UE biex tittrasforma l-ekonomija tagħha f'ekonomija sostenibbli, sabiex tkun tista’ tikkonsolida l-vantaġġ kompetittiv tagħha fir-rigward tat-teknoloġiji sostenibbli u l-għarfien espert; jemmen li l-UE għandha tippromwovi t-tixrid ta' teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent fil-livell internazzjonali, inkluż fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, tat-teknoloġiji għall-użu innovattiv u effiċjenti tal-fjuwils fossili u, b'mod partikulari, tat-teknoloġiji effiċjenti mil-lat enerġetiku;

    60.

    Jitlob koordinament aktar mill-qrib bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda u koerenti f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-AIE, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(IPEEC) u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), u b'hekk ikollha rwol aktar attiv u influwenti, partikolarment biex tirsisti favur politiki dwar enerġija sostenibbli u ta' sikurezza enerġetika;

    61.

    Jenfasizza li ħafna pajjiżi qed jieħdu passi biex l-ekonomija tagħhom tkun aktar ekoloġika, minħabba diversi raġunijiet li jinkludu l-ħarsien tal-klima, l-iskarsezza u l-effiċjenza tar-riżors, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota, pereżempju, il-programmi ta' investiment dedikati għat-tranżizzjoni enerġetika f'pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Korea t'Isfel u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza dawn il-programmi u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq il-kompetittività tal-UE fis-setturi kkonċernati;

    62.

    Jilqa' dawn l-inizjattivi u jtenni li azzjoni kkoordinata fil-livell internazzjonali tgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib rigward ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-kompetittività min-naħa tas-setturi rilevanti u, b'mod partikulari, is-setturi li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija; jitlob li jintlaħaq ftehim li jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-industriji li jużaw il-karbonju b'mod intensiv ikunu l-istess għal kulħadd fil-livell internazzjonali;

    63.

    Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-livell tal-hekk imsejħa emissjonijiet importati, b'mod li l-emissjonijiet minn prodotti importati qegħdin jikbru b'rata aktar mgħaġla mir-rata li biha qegħdin jitnaqqsu l-emissjonijiet li ġejjin mill-produzzjoni fil-livell domestiku; jemmen li kieku l-UE tista' twettaq monitoraġġ u sensibilizzazzjoni aħjar tal-iżvilupp tal-emissjonijiet importati, dan jista' jħeġġeġ lill-kompetituri industrijali jaderixxu fi skema aktar rigoruża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju bil-għan li jiksbu aċċettazzjoni akbar tal-prodotti tagħhom fis-suq tal-UE;

    64.

    Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja u baġitarja li qed tolqot l-UE m'għandhiex trażżan il-livell ta' ambizzjoni tagħha jew dak tal-industriji, tal-konsumaturi u tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima f'Doha; jikkunsidra li m'għandux ikun hemm eżitazzjoni fl-isforz tal-UE biex tittrasforma l-ekonomija tagħha, sabiex jiġi evitat li jkun hemm rilokazzjoni tal-impjiegi, speċjalment rilokazzjoni ta' impjiegi ekoloġiċi, u li l-UE trid tikkonvinċi lil sħabha madwar id-dinja, inklużi ċ-Ċina u l-Istati Uniti, dwar il-benefiċċji tal-adeżjoni ma' ftehim internazzjonali u dwar il-fatt li l-emissjonijiet jistgħu jitnaqqsu mingħajr ma jintilfu l-kompetittività u l-impjiegi, b'mod partikulari jekk dan jitwettaq b'mod kollettiv;

    65.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata b'mod urġenti strateġija olistika fir-rigward tal-materja prima u tar-riżorsi, anke f'dak li għandu x'jaqsam mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, fis-setturi kollha tal-ekonomija, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jinkisbu ekonomiji sostenibbli fit-tul, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex f'dan ir-rigward imexxu bl-eżempju tagħhom; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali billi jagħmlu disponibbli għarfien espert dwar minjieri sostenibbli, effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u użu mill-ġdid u riċiklaġġ;

    66.

    Jikkunsidra li l-użu ta' approċċi settorjali flimkien ma' limiti massimi mifruxa mal-ekonomija kollha fil-pajjiżi industrijalizzati jistgħu jikkontribwixxu għall-azzjoni dwar il-klima, għall-kompetittività u għat-tkabbir ekonomiku; jisħaq fuq l-importanza li jiġi adottat approċċ settorjali għall-emissjonijiet industrijali, b'mod partikulari għall-pajjiżi emerġenti, f'dak li għandu x'jaqsam man-negozjati internazzjonali; jittama li tali approċċ jista’ jkun ukoll parti minn qafas internazzjonali għal azzjoni favur il-klima għal wara l-2012;

    67.

    Jinnota li l-prezzijiet ta' sorsi differenti tal-enerġija jiżvolġu rwol ewlieni biex jinfluwenzaw l-imġiba tal-protagonisti fis-suq, inklużi l-industrija u l-konsumatur, u jinnota li l-fatt li l-qafas politiku internazzjonali attwali mhuwiex kapaċi jinternalizza kompletament l-ispejjeż esterni jipperpetwa tendenzi ta' konsum insostenibbli; itenni wkoll li suq globali tal-karbonju jkun bażi solida biex jinkisbu kemm tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet u kemm ambjent fejn il-kundizzjonijiet għall-industrija jkunu ndaqs għal kulħadd. jistieden lill-UE u lil sħabha jsibu, fil-futur immedjat, l-aktar mod effikaċi biex jippromwovu r-rabtiet bejn l-ETS tal-UE u skemi oħra ta' negozjar li jkollhom l-għan li jiġi stabbilit suq globali tal-karbonju, li jiġu żgurati aktar diversità fil-possibilitajiet ta' tnaqqis, titjib fid-daqs tas-suq u fil-likwidità, trasparenza u fl-aħħar mill-aħħar allokazzjoni iktar effiċjenti tar-riżorsi għas-settur u l-industrija tal-enerġija;

    Ir-Riċerka u t-Teknoloġija

    68.

    Jikkunsidra li hu oġġett ta' dispjaċir il-fatt li s-summit Rio+20 li sar f'Rio de Janeiro ma rnexxilux jikseb progress sustanzjali dwar kwistjonijiet kruċjali għall-futur fir-rigward tas-sostenibilità; jiddeplora n-nuqqas ta' objettivi konkreti, ta' attivitajiet li jistgħu jitkejlu u ta' impenji min-naħa tal-mexxejja tad-dinja; jieħu nota tar-riżultat tal-laqgħa ta' Durban, inkluż l-avvanzament tal-Pjattaforma ta' Durban, it-tkomplija tal-Protokoll ta' Kjoto, it-twaqqif tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima b'valur ta' USD 100 biljun u l-iżvilupp ulterjuri tal-Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija biex jibdew jintużaw teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju;

    69.

    Jisħaq fuq il-fatt li, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, hu kruċjali li jiġu żviluppati u jibdew jintużaw teknoloġiji innovattivi u, li, fl-istess ħin, is-sħab tal-UE madwar id-dinja jiġu konvinti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa fattibbli mingħajr telf fil-kompetittività u fl-impjiegi; jitlob li jittieħed impenn internazzjonali favur iż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji innovattivi fis-setturi rilevanti; jikkunsidra li hu essenzjali li l-UE tmexxi bl-eżempju billi żżid b’mod sostanzjali n-nefqa tagħha ddedikata għar-riċerka dwar teknoloġiji industrijali u enerġetiċi li ma jagħmlux ħsara lill-klima u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti, u li l-UE tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib f’dan il-qasam mas-sħab internazzjonali, bħalma huma l-pajjiżi BRIC u l-Istati Uniti;

    70.

    Jikunsidra li l-innovazzjoni hi essenzjali sabiex it-tisħin dinji jinżamm taħt iż-2 oC u jinnota li hemm modi differenti biex titħeġġeġ l-innovazzjoni f'ekonomija bbażata fuq is-suq; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diversi mekkaniżmi biex jiġu ppremjati n-negozji pijunieri li jvarjaw fil-ħila tagħhom biex iqanqlu l-innovazzjoni u biex it-teknoloġiji jiġu ttrasferiti u jibdew jintużaw fil-livell globali; jitlob li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jisfruttaw kompletament il-flessibilità li jippermetti l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS);

    71.

    Jenfasizza l-importanza li tinbena kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi l-anqas żviluppati; jikkunsidra li l-UE għandha tappoġġa l-isforzi biex il-pajjiżi l-anqas żviluppati jkunu jistgħu jsibu sħab u finanzjament għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fit-teknoloġiji ekoloġiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi ideat għal programmi ta' riċerka komuni dwar sorsi alternattivi tal-enerġija u dwar kif l-UE tista' tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw fi ħdan diversi setturi industrijali;

    L-Enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi

    72.

    Jinnota li analiżi riċenti tal-AIE turi li t-tijib fl-effiċjenza joffri t-triq l-aktar evidenti biex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-enerġija fid-deċennji li ġejjin, u joffri introjtu tliet darbiet akbar mill-investiment f'approċċ ekoloġikament kompatibbli sal-2050, iżda jirrikjedi azzjoni politika u inċentivi b'saħħithom min-naħa tal-gvernijiet;

    73.

    Jikkunsidra li hu oġġett ta' dispjaċir li l-potenzjal għal ekonomija fl-użu tal-enerġija mhux qed jiġi affrontat b'mod xieraq, la fil-livell internazzjonali u lanqas fl-UE; jenfasizza li l-ekonomija fl-użu tal-enerġija tiffaċilita l-ħolqien tal-impjiegi, l-iffrankar ekonomiku, is-sigurtà enerġetika, il-kompetittività u t-tnaqqis tal-emissjonijiet; jistieden lill-UE tagħti aktar attenzjoni lill-ekonomija fl-użu tal-enerġija fin-negozjati internazzjonali meta tkun qed tiddiskuti dwar it-trasferiment tat-teknoloġiji, il-pjanijiet ta’ żvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew l-assistenza finanzjarja; jenfasizza li, sabiex ikunu kredibbli, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jilħqu l-objettivi li jkunu stabbilixxew huma stess;

    74.

    Jindika li huwa stmat li mad-dinja kollha għad hemm 2 biljun ruħ li għadhom bla aċċess għal enerġija sostenibbli li jifilħu jħallsu; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku bi qbil mal-objettivi tal-politika dwar il-klima; jinnota li huma disponibbli teknoloġiji fil-qasam tal-enerġija li jindirizzaw kemm il-protezzjoni ambjentali globali u kemm l-eżiġenzi tal-iżvilupp lokali;

    75.

    Jikkunsidra li hu oġġett ta' dispjaċir li l-UNFCCC u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) mhumiex ikkoordinati biżżejjed u dan ifisser li qed jinħlew ir-riżorsi u li qed jintilfu opportunitajiet politiċi prezzjużi u komplementari; jisħaq fuq il-fatt li diversi studji, inkluż l-istudju TEEB (L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità), jagħmluha ċara li ta' spiss hu orħos li jiġu preżervati s-servizzi ekosistemiċi permezz ta' prattiki sostenibbli milli jkun hemm bżonn li l-funzjonijiet mitlufa jiġu sostitwiti b'investiment f'soluzzjonijiet infrastrutturali u teknoloġiċi alternattivi b'impatt kbir; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha għaldaqstant joħolqu konnessjoni stretta bejn l-objettivi tagħhom fil-qasam tat-tibdil fil-klima mal-objettivi tal-protezzjoni tal-biodiversità fil-COP 11 li se ssir f'Hyderabad;

    76.

    Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' promozzjoni ta' aċċess akbar għal u t-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentalment solidi kullimkien, imma b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni teknoloġika, sabiex tiġi prodotta u ssir disponibbli data affidabbli dwar il-privattivi u t-teknoloġiji eżistenti, sabiex jiġu ffaċilitati u jiżdiedu l-kondiviżjoni, l-iskambju u r-raggruppament tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali permezz ta' mekkaniżmi trasparenti u sikuri u biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ġodda ddedikati għall-promozzjoni ta' riċerka li ma timpedixxix l-aċċess għall-innovazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha għaldaqstant jindirizzaw il-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali bil-għan li b'mod effiċjenti u mgħaġġel jiġġeneraw u jferrxu l-innovazzjonijiet li huma essenzjali għall-affrontar u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    Diplomazija klimatika

    77.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid tkompli taġixxi b'mod kostruttiv fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u li, qabel Doha, hemm bżonn li d-diplomazija tal-UE dwar il-klima tiġi żviluppata ulterjorment mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE fil-qafas tas-SEAE, bil-għan li jiġi ppreżentat profil aktar ċar tal-UE dwar il-politika klimatika, li tingħata dinamika ġdida lin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u li tħeġġeġ lis-sħab madwar id-dinja, b'mod partikulari dawk li għandhom l-ogħla emissjonijiet, jintroduċu miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu vinkolanti, komparabbli u effikaċi, kif ukoll miżuri xierqa għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għal adattament għalih;

    78.

    Jikkunsidra li hu oġġett ta' dispjaċir li l-objettiv tal-UE ta' tnaqqis mhuwiex konsistenti mal-objettiv adottat tagħha ta' 2o oC u triq kost effikaċi li twassal għall-għan biex l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra jitnaqqsu sal-2050;

    79.

    Jenfasizza l-importanza ta' alleanzi (subglobali) mal-istati l-aktar progressivi bħala mezz biex jingħata iktar impetus lill-proċess tan-negozjati u biex jiġi żgurat li l-ikbar emittenti jadottaw objettivi ambizzjużi u adegwati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra;

    80.

    Jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-UE, bħala attur ewlieni, titkellem b’“vuċi waħda” fil-Konferenza ta' Doha, fil-kisba ta' progress li jwassal għal ftehim internazzjonali, u li tibqa' magħquda f'dak ir-rigward;

    81.

    Jistieden lill-Partijiet jirrikonoxxu l-fatt li l-involviment tal-leġiżlaturi man-negozjati huwa kritiku biex jinkiseb suċċess fil-proċess intergovernattiv lejn ftehim globali fl-2015, sakemm l-avvanz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Partijiet dwar il-klima joħloq il-kundizzjonijiet politiċi għan-negozjati multilaterali u jkun jista’ jiffaċilita l-livell ġenerali ta’ ambizzjoni tagħhom;

    82.

    Jenfasizza l-pożizzjoni vitali taż-żewġ “stati ospitanti” – il-Qatar, bħala wieħed mill-akbar produtturi taż-żejt u tal-gass fid-dinja, li issa qed jara r-riżorsi tiegħu jonqsu iżda li xorta għad għandu l-ogħla emissjonijiet tal-karbonju per capita globali, u l-Korea t'Isfel, bħala mexxejja fit-“teknoloġiji ekoloġiċi” u l-ewwel pajjiż Ażjatiku li għadda liġijiet dwar it-tibdil fil-klima li jimplimentaw politiki ta’ “cap-and-trade” – u jinkuraġġixxi liż-żewġ pajjiżi (li attwalment mhumiex koperti bl-Anness I) imexxu bl-eżempju u jgħinu l-bini ta’ alleanzi ġodda;

    83.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-prattika informali ta' stennija sakemm jintlaħaq kunsens fost id-delegazzjonijiet kollha tal-Kunsill qed tkun ta' dewmien għall-azzjoni klimatika urġenti u, konsegwentement, iħeġġeġ lill-Kunsill jaġixxi dejjem abbażi tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata skont it-Trattati, b'mod partikulari fir-rigward ta’ atti ġenerali skont l-Artikolu 16(3) TUE u, speċifikament, skont l-Artikolu 218(8) TFUE “fl-istadji kollha tal-proċedura” li twassal għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali;

    84.

    Jinnota li l-Kummissjoni pproponiet pjan direzzjonali għal Ewropa ħielsa mill-karbonju għall-2050, li huwa objettiv ferm ambizzjuż imma li jista' jinkiseb; jafferma mill-ġdid, f’dan ir-rigward, l-impenn tiegħu favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra anki barra mill-kunteset ta' ftehim internazzjonali;

    85.

    Jinnota li t-tisħin globali jenfasizza l-interdipendenza tal-pajjiżi kollha; iqis neċessarju, għaldaqstant, li jintlaħaq ftehim globali sabiex jiġi evitat li jkun hemm bidla katastrofika li taffettwa b’mod drammatiku lill-umanità kollha;

    Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

    86.

    Jemmen li d-delegazzjoni tal-UE għandha rwol importanti ħafna fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, u għaldaqstant ma jistax jaċċetta li l-Membri tal-Parlament Ewropew ma setgħux jattendu l-laqgħat ta' koordinament tal-UE fil-Konferenzi tal-Partijiet preċedenti; jistenna li tal-anqas il-President tad-delegazzjoni tal-Parlament jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Doha;

    87.

    Jinnota li, b’konformità mal-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Parlament f'Novembru 2010, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-inklużjoni ta' Membri tal-Parlament bħala osservaturi f'delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jinnegozjaw ftehimiet multilaterali; ifakkar li, skont it-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 218 TFUE), il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet li jsiru bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    o

    o o

    88.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.


    (1)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

    (2)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.

    (3)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 1.

    (4)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.

    (5)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 77.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0504.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0086.

    (8)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.


    Top