Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0420

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-miżuri ta' promozzjoni u ta' informazzjoni għall-prodotti agrikoli: liema strateġija għall-promozzjoni tal-palat tal-Ewropa (2012/2077(INI))

    ĠU C 419, 16.12.2015, p. 10–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 419/10


    P7_TA(2012)0420

    Miżuri ta' promozzjoni u għoti ta' informazzjoni għal prodotti agrikoli

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-miżuri ta' promozzjoni u ta' informazzjoni għall-prodotti agrikoli: liema strateġija għall-promozzjoni tal-palat tal-Ewropa (2012/2077(INI))

    (2015/C 419/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar 'id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar' (1),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar 'il-miżuri ta' promozzjoni u ta' informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa' (COM(2012)0148),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar 'il-miżuri ta' promozzjoni u ta' informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa' (COM(2011)0436),

    wara li kkunsidra l-iskema ta' promozzjoni orizzontali, kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta' Diċembru 2007 (2) u r-Regolament ta' implimentazzjoni tagħha, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal-5 ta' Ġunju 2008 (3),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika) (4),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-2011 intitolat “Evaluation of Promotion and Information Actions for Agricultural Products” (“Evalwazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Promozzjoni u Informazzjoni għal Prodotti Agrikoli”) (5), imwettaq f'isem il-Kummissjoni,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (SEC(2010)1434),

    wara li kkunsidra l-konklużjoniet tal-Kunsill tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2011 dwar il-futur tal-politika promozzjonali agrikola,

    wara li kkunsidra l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-PAK ippreżentati fit-12 ta' Ottubru 2011 (COM(2011)0625/3, COM(2011)0627/3, COM(2011)0628/3, COM(2011)0629, COM(2011)0630/3, COM(2011)0631/3) u l-proposta għal Regolament dwar l-OKS Unika,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa (NAT/560),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar 'il-Green Paper dwar il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa' (NAT/525) (6),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0286/2012),

    A.

    billi f'Marzu 2012, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar l-informazzjoni u l-promozzjoni li mistennija tkun segwita minn proposti leġiżlattivi fl-aħħar tas-sena;

    B.

    billi s-settur agroalimentari għandu l-potenzjal li jkun settur b'saħħtu u vibranti għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u fil-livell reġjonali, settur li jżid id-dħul agrikolu, filwaqt li joħloq l-impjiegi u jiġġenera t-tkabbir;

    C.

    billi l-miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni kienu introdotti fis-snin 80 bil-għan li jassorbu l-eċċessi agrikoli u aktar tard intużaw bħala strument biex jittrattaw il-kriżijiet fl-industrija tal-ikel, bħat-tfaqqigħ tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (ESB) fl-1996 – magħrufa aħjar bħala l-'mad cow disease' – u l-iskandlu tad-diossini fil-bajd fl-1999;

    D.

    billi l-miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni issa jeħtieġ li jwettqu rwol usa' u aktar kostanti u għandhom jgħinu biex il-prodotti jsiru aktar ta' profitt, iġibu ekwità kompetittiva akbar fis-swieq esterni u jipprovdu tagħrif aktar u aħjar għall-konsumaturi;

    E.

    billi dawn it-tipi ta' appoġġ illum huma ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008, magħruf bħala l-'iskema ta' promozzjoni orizzontali'; billi studju ta' evalwazzjoni dwar il-politiki promozzjonali li sar fl-2011 fuq talba tal-Kummissjoni kkonkluda li hemm nuqqas ta' strateġija konsistenti u komprensiva tal-Unjoni dwar l-informazzjoni u l-promozzjoni;

    F.

    billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq unika (OKS unika), li bħalissa qed jiġi ristrutturat bħala parti mill-proċess ta' riforma tal-PAK, jipprovdi appoġġ għal miżuri promozzjonali speċifiċi għas-setturi tal-inbid, tal-frott u tal-ħaxix bħala parti minn programmi usa'; billi l-miżuri promozzjonali għall-prodotti inklużi fi skemi tal-kwalità tal-ikel bħalissa huma ffinanzjati fil-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali;

    G.

    billi l-konsum tal-inbid fl-Unjoni Ewropea qed jonqos b'mod kostanti u ma teżisti l-ebda miżura Ewropea għall-promozzjoni interna ta' dan il-prodott;

    H.

    billi l-infiq fuq l-iskema ta' promozzjoni orizzontali fil-baġit tal-2012 jammonta għal madwar EUR 56 miljun, somma li tikkorrispondi għal madwar 0,1 % tat-total tal-infiq tal-PAK;

    I.

    billi l-aktar objettivi riċenti tal-politika ta' informazzjoni u promozzjoni tal-UE għandhom jitqiesu wkoll għal finijiet baġitarji, u billi dawn l-objettivi mhumiex ristretti għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja tal-konsumatur wara l-kriżijiet imma jestendu biex jagħmlu l-prodotti aktar ta' profitt, filwaqt li jġibu ekwità kompetittiva akbar fis-swieq esterni u jipprovdu informazzjoni aktar u aħjar għall-konsumaturi;

    J.

    billi l-infiq fuq il-miżuri kollha l-oħra ta' promozzjoni u informazzjoni tal-PAK, l-aktar fil-qafas tal-OKS unika u l-politika għall-iżvilupp rurali, huwa kkalkolat li hu ta' bejn EUR 400 u EUR 500 miljun fis-sena, ammont li xorta huwa anqas minn 1 % tal-infiq kollu tal-PAK u li jidher ċar li mhuwiex biżżejjed, b'mod partikolari biex jagħti spinta lill-kompetittività tal-prodotti Ewropej fis-suq dinji;

    K.

    billi wieħed mill-aspetti tal-produzzjoni tal-ikel fejn l-Unjoni hi b'saħħitha huwa d-diversità u l-ispeċifiċità tal-prodotti tagħha, li huma marbuta ma' żoni ġeografiċi differenti u metodi tradizzjonali differenti u li jipprovdu togħmiet uniċi bil-varjetà u l-awtentiċità li l-konsumaturi qed ifittxu dejjem aktar, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

    L.

    billi l-politika ta' promozzjoni tal-UE hija għodda importanti tal-PAK li tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-vijabilità fit-tul tas-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel;

    M.

    billi l-UE reċentement ippubblikat lista ta' pretensjonijiet approvati fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-saħħa – lista li tidħol fis-seħħ f'Diċembru 2012 – u b'hekk temmet snin ta' inċertezza għall-industrija tal-ikel, filwaqt li tipprovdi għodod ta' kummerċjalizzazzjoni li huma essenzjali biex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi u biex jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar infurmati;

    N.

    billi s-settur tal-biedja u tal-ikel tal-UE jista' jsir aktar kompetittiv fil-livell globali jekk ikun kapaċi jippromwovi d-diversità tal-ikel tal-UE u l-mudell Ewropew tal-produzzjoni, li huwa soġġett għal standards għoljin fir-rigward tal-kwalità, is-sikurezza, it-trattament xieraq tal-annimali, is-sostenibilità ambjentali, eċċ., u b'hekk jinkoraġġixxi setgħat oħra tal-biedja jadottaw dan il-mudell bil-ħsieb li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta' produzzjoni ekwi u kompetittività kummerċjali ġusta;

    O.

    billi l-globalizzazzjoni dejjem tikber tal-kummerċ bla dubju tippreżenta għadd ta' sfidi u fl-istess ħin tiftaħ swieq ġodda u opportunitajiet ġodda għall-ħolqien tat-tkabbir;

    P.

    billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2011 dwar il-politika ta' promozzjoni agrikola, jgħid li 'għandhom jitwettqu wkoll azzjonijiet ta' (…) promozzjoni għall-promozzjoni tal-potenzjal tal-agrikoltura lokali u tal-ktajjen qosra ta' distribuzzjoni' u li dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta' żvilupp rurali, kif diġà ġie propost mill-Kummissjoni;

    Q.

    billi huwa meħtieġ u importanti li jiġu pprovduti strumenti suffiċjenti għal politika li se tinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-biedja u l-ikel Ewropej u tikkontribwixxi għall-kompetittività tas-settur tal-biedja u l-ikel, filwaqt li jinkisbu benefiċċji mid-diversità, mill-valur miżjud u mill-kwalità tal-prodotti tiegħu;

    R.

    billi hemm rabta indissolubbli bejn il-biedja Ewropea u l-industrija tal-ikel, li tipproċessa 70 % tal-materja prima agrikola u tbigħ il-prodotti tal-ikel, li fiha 99 % tan-negozji Ewropej tal-ikel u tax-xorb huma SMEs u fejn aktar minn 52 % minnhom jinsabu f'żoni rurali, sitwazzjoni li tagħmilhom xpruni ekonomiċi u soċjali tal-ambjent rurali tal-Ewropa;

    S.

    billi l-appoġġ mill-PAK għall-iżvilupp ta' katini tal-provvista qosra u swieq lokali huwa ffinanzjat mill-politika tal-iżviluppp rurali u billi dan huwa tabilħaqq l-aħjar approċċ, peress li inizjattivi bħal dawn huma fuq skala żgħira, lokalizzati ferm u joħolqu l-impjieg fil-livell lokali;

    T.

    billi l-prodotti tradizzjonali Ewropej uniċi għandhom potenzjal sinifikanti ta' tkabbir u jappellaw b'mod sinifikanti għall-konsumaturi fi swieq terzi akbar u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skemi promozzjonali b'miri speċifiċi u msaħħa, filwaqt li jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni reġjonali;

    U.

    billi wieħed mill-objettivi tal-proposti leġiżlattivi li qed jiġu nnegozjati bħalissa fir-rigward tar-riforma tal-PAK għall-perjodu ta' wara l-2013 huwa li jiġi żgurat li din il-politika tkun tista' tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-Istrateġija Ewropa 2020;

    V.

    billi r-Regomalent (KE) Nru 1234/2007 dwar l-OKS unika fih regoli għall-finanzjament tal-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel u l-Ħalib għall-Iskejjel; billi l-proposta preżenti li tiġi riveduta l-organizzazzjoni tas-suq komuni (COM(2011)0626) tissuġġerixxi li r-rati ta' kofinanzjament tal-UE għall-Iskema tal-Frott tal-Iskejjel jiġu mgħollija minn 50 % għal 75 % tal-ispejjeż (u minn 75 % għal 90 % fir-reġjuni ta' konverġenza);

    W.

    billi l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel u l-Ħalib għall-Iskejjel għandha wkoll objettivi edukattivi, li għandhom jinkludu li t-tfal tal-iskola jingħataw idea aħjar dwar kif jiġi prodott l-ikel u dwar il-ħajja f'razzett;

    X.

    billi d-diversi skemi promozzjonali, meta jiġu implimentati b'mod effikaċi, jgħinu biex jiġi żgurat li l-prodotti agrikoli Ewropej huma rikonoxxuti fl-Ewropa u fid-dinja kollha u biex il-konsumaturi jiġu sensibilizzati dwar l-istandards għoljin fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, tat-trattament xieraq tal-annimali u tal-ħarsien tal-ambjent li huma appoġġjati mill-bdiewa Ewropej u mmonitorjati u mtejba l-ħin kollu;

    Y.

    billi r-Regolament (KE) Nru 814/2000 għandu l-għan li jgħin liċ-ċittadini jifhmu l-mudell Ewropew tal-agrikoltura u jżid l-għarfien pubbliku dwar il-kwistjoni; billi l-injoranza u n-nuqqas ta' ftehim dwar il-biedja u l-ħajja rurali probabbilment huma aktar b'saħħithom illum milli fi kwalunkwe perjodu ieħor fl-istorja tal-Ewropa, u wieħed mill-fatturi rilevanti li l-opinjoni pubblika hija l-inqas konxja minnu huwa ż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola li tirriżulta mill-obbligi imposti mill-UE f'dawk li huma sikurezza u iġjene tal-ikel, il-benefiċċji soċjali għall-ħaddiema, il-konservazzjoni tal-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali, li spiss mhumiex ipprattikati mill-kompetituri agrikoli diretti tal-UE; billi wieħed mill-fatturi rilevanti li l-inqas li huwa mifhum mill-opinjoni pubblika jikkonċerna n-nuqqas ta' għarfien dwar il-kontribut sinifikanti li l-agrikoltura tagħmel biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u l-lista twila ta' assi pubbliċi li tipprovdi;

    Approċċ ġenerali

    1.

    Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar 'il-miżuri ta' promozzjoni u provvista tal-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa', li trid tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn it-tisħiħ tal-valur tal-produzzjoni Ewropea kemm fost l-Ewropej u kemm fost oħrajn u biex tiżdied il-profitabilità tagħha;

    2.

    Jappoġġja l-erba' objettivi prinċipali definiti fil-Komunikazzjoni, jiġifieri l-ħolqien ta' valur miżjud Ewropew ogħla fis-settur tal-ikel, strateġija politika aktar attraenti u assertiva, immaniġjar aktar sempliċi u sinerġija akbar bejn strumenti promozzjonali differenti;

    3.

    Iqis li għandha tingħata attenzjoni indaqs kemm lill-politika tal-promozzjoni tas-suq intern u kemm lil dik tas-suq estern, peress li t-tnejn huma ta' benefiċċju għall-produtturi u għall-konsumaturi;

    4.

    Jenfasizza li l-politika ta' promozzjoni tal-UE tibqa' leġittima u importanti internament, fil-livell lokali u dak reġjonali u fis-swieq dinjija li qed jespandu;

    5.

    Jemmen, madanakollu, li l-objettivi tal-politika tal-UE dwar il-promozzjoni jridu jkunu aktar ċari u definiti adegwatament; jenfasizza li l-attivitajiet ta' promozzjoni għandhom ikopru l-prodotti agroalimentari kollha li jissodisfaw l-istandards tal-kwalità Ewropej, peress li dan se jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-attivitajiet ta' promozzjoni u jwieġeb għad-domandi tal-konsumaturi; jenfasizza wkoll li l-appoġġ għall-agrikoltura li jiggarantixxi s-sikurezza tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u d-dinamiżmu taż-żoni rurali jagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

    6.

    Jenfasizza l-fatt li, fis-suq intern, hemm bżonn promozzjoni ġenerali u sostnuta biex jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej ikunu infurmati dwar il-karatteristiċi u l-valur miżjud tal-prodotti agrikoli Ewropej li jsibu fis-suq;

    7.

    Jenfasizza li, fis-suq estern, hemm bżonn li l-ishma tas-suq għall-prodotti agrikoli Ewropej jinżammu u jingħataw spinta u li jiġu speċifikati swieq emerġenti ġodda biex isiru punti ġodda ta' kummerċ għal dawn il-prodotti, b'aktar koerenza bejn il-promozzjoni u l-politika tal-kummerċ tal-UE;

    8.

    Iqis li definizzjoni ċara mill-Kummissjoni tal-objettivi tal-politika ta' promozzjoni tal-UE, flimkien mal-istabbiliment ta' linji ġwida oġġettivi għall-Istati Membri, jikkostitwixxu l-ewwel pass meħtieġ lejn iż-żieda tal-koerenza u s-sinerġiji politiċi bejn strumenti differenti ta' promozzjoni u hija assolutament essenzjali sabiex tiġi żgurata trasparenza ikbar fl-għażla ta' programmi fil-livell nazzjonali; jindika li l-attivitajiet tal-Unjoni f'dan il-qasam iridu jikkumplementaw kemm l-inizjattivi tas-settur nazzjonali kif ukoll dawk tas-settur privat;

    9.

    Iqis li l-baġit għal miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni mtejba għandu jiżdied b'mod sinifikattiv, filwaqt li jitqiesu l-objettivi l-aktar riċenti tal-politika ta' informazzjoni u ta' promozzjoni, l-aktar għall-iskema ta' promozzjoni orizzontali; iqis ukoll li din l-iskema għandha tingħata intestatura separata fil-baġit ġenerali;

    10.

    Jenfasizza li s-suċċess tal-bdiewa Ewropej se jiddependi minn kemm huma kapaċi jkabbru s-sehem tagħhom mis-suq u minn kemm jippermettu lis-settur ferm kompetittiv tal-industrija alimentari jżomm il-pożizzjoni prominenti tiegħu fl-UE mil-lat ekonomiku u kummerċjali;

    11.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji komprensivi ta' informazzjoni għall-konsumatur fl-UE u fis-swieq esterni rigward l-istandards tal-kwalità tal-produzzjoni u sistemi ta' ċertifikazzjoni;

    12.

    Jenfasizza li l-miżuri għall-promozzjoni orizzontali skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 għandhom jikkontribwixxu biex jiġu żviluppati s-swieq lokali u katini tal-provvista qosra, biex tingħata spinta lis-suq intern u biex tiġi intensifikata l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti Ewropej fis-swieq esterni;

    13.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi introdott ir-raba' tip ta' miżura ta' promozzjoni li tipprovdi appoġġ tekniku; iqis li dan huwa essenzjali biex ikun hemm politika ta' promozzjoni effikaċi, speċjalment esternament;

    14.

    Jagħraf il-potenzjal tas-sistema ta' 'emblema' unika għall-miżuri ta' informazzjoni u ta' promozzjoni;

    15.

    Jirrakkomanda li tiġi ppreservata n-natura ġenerika tal-attivitajiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni;

    Swieq lokali, reġjonali, interni u esterni

    16.

    Jinnota li l-politika ta' informazzjoni u ta' promozzjoni tal-UE għandu jkollha tliet objettivi prinċipali: fis-swieq lokali u reġjonali għandha tenfasizza d-diversità u l-freskezza tal-prodotti u l-qrubija ta' bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bil-ħsieb li jkun hemm tisħiħ ekonomiku u titjib soċjali tal-ħajja rurali; fis-suq intern għandha taħsad il-benefiċċji sħaħ taż-żona Ewropea mingħajr fruntieri u li fiha 500 miljun konsumatur, bil-ħsieb li tagħti spinta lill-produzzjoni u tistimola l-konsum ta' prodotti Ewropej; fis-swieq esterni għandha tisfrutta l-istandards għoljin segwiti mill-mudell ta' produzzjoni Ewropew bil-għan li tikseb valur miżjud akbar għas-settur agroalimentari;

    17.

    Jipproponi li l-Kummissjoni tiżviluppa ktajjen ta' provvista qosra fis-swieq lokali u reġjonali, u b'hekk toħloq opportunitajiet ġodda għall-bdiewa u produtturi oħra fiż-żoni rurali u għall-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u/jew għall-bdiewa u operaturi oħra fiż-żoni rurali, u li tfassal ġabra wiesgħa ta' strumenti biex tippromwovi l-iżvilupp taż-żoni rurali; iqis ukoll li tkun ħaġa tajba li l-Kummissjoni tipproduċi gwidi li jgħinu lill-bdiewa jagħmlu investimenti aktar u aħjar fil-kwalità u fil-valur speċifiku tal-prodotti tagħhom; huwa tal-fehma li għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll lill-investiment fix-xandir permezz tal-midja (b'mod partikolari l-Internet);

    18.

    Jipproponi li l-Kummissjoni tagħmel aktar fis-suq intern sabiex tappoġġja l-isforzi li qed isiru mill-produtturi Ewropej biex jakkwistaw il-kapaċità meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda ogħla tal-konsumaturi f'dawk li huma l-kwalità u l-iġjene tal-ikel, kif ukoll l-għarfien dwar l-oriġini tal-prodotti friski u dwar meta l-aħjar li jiġu kkunsmati, filwaqt li tiġi promossa d-diversità tal-prodotti u tal-ikel u tingħata l-opportunità li dak li jkun isir jaf bi prodotti ġodda jew modi ġodda ta' kif jiġu ppreżentati jew użati l-prodotti tradizzjonali;

    19.

    Jappella, għalhekk, għall-espansjoni tal-programmi li huma mmirati jew lejn is-swieq jew lejn prodotti speċifiċi, fejn l-għodod tal-promozzjoni għandhom jiffukaw fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-istandards tal-produzzjoni, filwaqt li dejjem jiġi enfasizzat il-mudell ta' produzzjoni Ewropew u s-sistemi ta' kwalità Ewropej b'mod partikolari; iqis ukoll li huwa importanti li jiġu inkoraġġiti programmi mifruxa fuq diversi pajjiżi li jkopru prodotti varji, li minn naħa jġibu dimensjoni Ewropea ġenwina lill-programm u min-naħa l-oħra għandhom aktar bżonn appoġġ Ewropew; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata prijorità lill-pajjiżi li jimplimentaw programmi ta' produzzjoni li jqisu l-kundizzjonijiet u l-potenzjal tas-swieq u li fl-istess ħin jippermettu lill-Kummissjoni taġġusta l-appoġġ skont iż-żona indikata;

    20.

    Jirrakkomanda li l-miżuri ta' informazzjoni u promozzjoni għandhom isiru aktar u aktar attraenti għall-organizzazzjonijiet professjonali permezz ta' kooperazzjoni akbar bejn l-attivitajiet nazzjonali u settorjali li għaddejjin u permezz ta' koordinazzjoni aħjar mal-attivitajiet politiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

    21.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi jsiru aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu aġġustati skont il-varjazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tas-suq waqt il-fażi ta' implimentazzjoni; jemmen li għaldaqstant il-livell tad-dettall meħtieġ meta jkunu qed jiġu ppreżentati l-programmi għandu jitnaqqas ukoll;

    22.

    Jappella sabiex issir valutazzjoni mtejba tal-programmi permezz ta' sistema ta' valutazzjoni rigoruża b'indikaturi speċifiċi bħalma huma ż-żieda fis-sehem mis-suq u l-ħolqien tal-impjiegi; huwa tal-fehma li l-proċess tal-għażla għandu jkun iqsar u li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-possibilità li jkun hemm ħlasijiet bil-quddiem għall-organizzazzjonijiet;

    23.

    Jifraħ lill-Kummissjoni għar-riżultati tajba miksuba bil-politika attwali ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli imma jappella sabiex din il-politika tiġi ssemplifikata u mtejba, filwaqt li jinnota li huwa partikolarment importanti li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, fuq kollox billi jitnaqqas l-għadd ta' rapporti mitluba mill-Kummissjoni; iqis li tkun ħaġa tajba li l-Kummissjoni tipproduċi manwal sempliċi u komprensiv li jgħin lil dawk li jistgħu jkunu benefiċjarji jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri marbuta ma' din il-politika;

    24.

    Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, fir-rigward tas-swieq esterni, il-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità per se mhijiex biżżejjed biex tiggarantixxi pożizzjoni tajba fis-suq, u għalhekk huwa vitali li jsir investiment fi programmi ta' promozzjoni; iqis li dawn il-programmi għandhom isiru wara li jkunu saru studji tas-swieq f'pajjiżi terzi, li għalihom għandu jkun disponibbli kofinanzjament; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll lill-possibilità li jiġu appoġġjati proġetti pilota f'pajjiżi terzi li jkunu ġew identifikati bħala swieq ġodda potenzjali;

    25.

    Jappella għal azzjoni maħsuba biex tagħti spinta lill-iżvilupp tal-assoċjazzjonijiet u n-negozji Ewropej u biex tħeġġiġhom jieħdu sehem f'forums dinjija, filwaqt li jikkompetu mil-lat ta' kwalità u jagħtu prijorità lill-ispeċjalizzazzjoni u d-diversità, li se jirrikjedu għajnuna għall-bdiewa u għall-kooperattivi fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-kapaċità ta' esportazzjoni tagħhom stess, inkluża l-għajnuna teknika għall-produtturi;

    26.

    Jappella sabiex ikun possibbli li tiġi promossa l-oriġini tal-prodotti li ma jkunux koperti minn denominazzjonijiet tal-kwalità, filwaqt li jiġu enfasizzati l-karatteristiċi u l-kwalitajiet tagħhom;

    27.

    Jemmen li l-politika ta' informazzjoni u ta' promozzjoni tal-UE għall-prodotti Ewropej għandha tingħata t-tikketta tagħha stess li tkun tidentifika tali prodotti kemm ġewwa u kemm barra mill-UE;

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tissensibilizza lill-konsumaturi dwar il-fatt li l-istandards agrikoli Ewropej huma l-aktar standards eżiġenti fid-dinja f'dawk li huma kwalità, sikurezza, trattament xieraq tal-annimali, sostenibilità ambjentali, eċċ., fatt li jaffettwa l-prezz finali tal-prodott; jemmen li l-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni trasparenti fuq kif il-prodotti Ewropej u l-karatteristiċi tagħhom jistgħu jiġu identifikati, bil-għan li jiġi evitat ir-riskju li jixtru prodotti foloz u li jkunu jistgħu jiddeċiedu x'jixtiequ jixtru;

    Oriġini u kwalità

    29.

    Jemmen li l-prodotti ta' kwalità huma dawk marbutin ma' metodi ta' produzzjoni, oriġini ġeografiċi, tradizzjonijiet jew kuntesti kulturali speċifiċi, u jinnota li l-iskemi biex jipproteġuhom jeżistu diġa' fil-forma ta' skemi ta' denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO), indikazzjoni ġeografika protetta (IGP), tikkettar organiku u speċjalità tradizzjonali garantita (STG); jappella għal skema ġdida ta' 'biedja lokali u bejgħ dirett' li tkopri prodotti ta' kwalità lokali intiżi għall-konsum fir-reġjun fejn jiġu prodotti;

    30.

    Huwa tal-fehma li l-indikazzjoni ta' oriġini Ewropea għandha tkun prevalenti bħala l-identità prinċipali fl-attivitajiet kollha ta' promozzjoni u informazzjoni, kemm fis-suq intern u kemm fil-pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li tista' tiġi kkunsidrata indikazzjoni addizzjonali ta' oriġini nazzjonali fil-pajjiżi terzi fejn dik l-identità hija qawwija u fejn tgħin biex tiġi enfasizzata d-diversità fil-provvista tal-prodotti tal-ikel;

    31.

    Jenfasizza li, fir-rigward tal-marki privati, huwa vitali li wieħed ifittex bilanċ bejn il-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni tal-marki li se jgħin biex il-kampanji promozzjonali fil-pajjiżi terzi jsiru aktar effikaċi; jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-ismijiet tal-marki jista' jkollhom effett ta' lieva fuq dan it-tip ta' attività, fejn hija ħaġa naturali li l-promozzjoni ġenerika tiġi kkumplementata billi jinġiebu flimkien l-atturi ekonomiċi permezz tal-promozzjoni ta' prodotti u marki, u b'hekk ikollhom impatt aktar qawwi fuq l-importaturi u konsegwentement fuq il-konsumaturi; iqis ukoll li l-inklużjoni tal-marki privati fl-attivitajiet ta' promozzjoni se tirriżulta f'sitwazzjoni fejn in-negozji jsiru aktar interessati li jipparteċipaw, u jinnota li, fl-aħħar mill-aħħar, huma dawn in-negozji li jikkofinanzjaw tali miżuri;

    32.

    Jindika li, skont kemm il-bdiewa jkunu organizzati, l-iskemi ta' kwalità jippermettu lill-bdiewa japplikaw miżuri ta' ġestjoni tal-provvista u ta' stabilizzazzjoni tal-prezzijiet, u b'hekk iżidu l-possibilitajiet tagħhom li jiksbu għajxien deċenti mill-biedja, u li għalhekk tali skemi jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex iżidu 'l-valur miżjud Ewropew', f'konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni;

    33.

    Iqis li huwa meħtieġ li jiġi żgurat ħarsien aktar effikaċi għall-prodotti soġġetti għall-istandards tal-kwalità vis-à-vis is-sħab kummerċjali tal-UE; jappella għall-inklużjoni sħiħa tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u għal ħarsien aktar wiesa' għalihom skont il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u interreġjonali u fil-livell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

    34.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-qafas tal-finanzjament għall-promozzjoni tal-prodotti li jkunu soġġetti għall-istandards tal-kwalità bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-UE;

    35.

    Jinnota li d-dħul fis-seħħ ta' informazzjoni approvata dwar ir-relazzjoni bejn sustanzi speċifiċi li jinsabu fl-ikel u saħħa aħjar se jġib aktar trasparanza lill-promozzjoni ta' prodotti għal raġunijiet relatati mas-saħħa;

    36.

    Jilqa' d-domanda dejjem tikber għall-prodotti organiċi u jappella għal stimolazzjoni aktar attiva tal-produzzjoni u l-promozzjoni tagħhom;

    37.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-prodotti lokali fiż-żoni muntanjużi u f'dawk insulari u li jiżdied l-finanzjament tal-UE għal dan il-għan;

    38.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fl-attivitajiet ta' promozzjoni esterna tagħha, tpoġġi aktar enfasi fuq l-impenn agrikolu tal-UE favur metodi agrikoli, varjetà u kwalità aktar sostenibbli, u fuq l-ispiża akbar li dan jinvolvi, u tiżviluppa u ssaħħaħ l-għarfien dwar l-iskemi u l-logos promozzjonali tal-UE;

    39.

    Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-provvista ta' għajnuna teknika lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-istrateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom stess u biex ikunu jistgħu janalizzaw is-swieq li qed jimmiraw għalihom;

    40.

    Jirrakkomanda li tinħoloq pjattaforma tal-Internet għall-iskambju ta' proġetti potenzjali u tal-aħjar prattiki bħala mezz biex jiġu inkoraġġiti kampanji ta' pubbliċità minn perspettiva Ewropea;

    41.

    Jenfasizza li r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni għandha l-għan li ttejjeb l-organizzazzjoni tal-produzzjoni, tas-sostenibilità u tal-kwalità tal-prodotti agrikoli; iqis li, għalhekk, il-politika ta' promozzjoni tal-UE għandha tagħmilha possibbli li jintuża l-potenzjal kollu kemm hu tas-settur tal-ikel bil-għan li jiġu stimolati t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa;

    42.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika, fejn xieraq, arranġamenti differenti ta' ġestjoni għas-suq intern u dak estern u għall-programmi multinazzjonali jew ta' kriżi fil-proposti leġiżlattivi futuri tagħha għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa;

    43.

    Iqis li jeħtieġ li tiġi definita strateġija Ewropea ta' informazzjoni u promozzjoni li tkun immirata lejn is-swieq b'mod aktar preċiż u li tkun toffri prodotti jew messaġġi li għandhom jiġu enfasizzati, filwaqt li tqis in-negozjati tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u l-aktar swieq vantaġġużi bil-għan li jiġu evitati l-frammentazzjoni u t-tixrid tal-finanzjament;

    Skemi tal-Frott għall-Iskejjel u l-Ħalib għall-Iskejjel

    44.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tgħolli r-rati ta' kofinanzjament tal-UE għall-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel fl-isfond tal-kriżi ekonomika li għaddejja għaddejja;

    45.

    Jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi biex tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jpoġġu aktar enfasi fuq il-karattru edukattiv tal-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel u l-Ħalib għall-Iskejjel u jintegraw bis-sħiħ l-Iskemi tal-Frott għall-Iskejjel u tal-Ħalib għall-Iskejjel fit-tieni pilastru tal-appoġġ agrikolu;

    Azzjonijiet relatati mal-kampanji ta' informazzjoni dwar l-inbejjed ta' kwalità

    46.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni fis-suq tal-UE tal-kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn il-popolazzjoni adulta dwar il-konsum responsabbli tal-inbejjed ta' kwalità Ewropej; jinnota li, minbarra l-konsum moderat ta' dawn l-inbejjed, tali kampanji għandhom jenfasizzaw l-għeruq kulturali, il-proprjetajiet kwalitattivi tiegħu u l-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed Ewropej;

    o

    o o

    47.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.

    (2)  ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3.

    (4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (5)  http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/promotion/fulltext_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

    (6)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 59.


    Top