Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0777

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew

/* COM/2012/0777 finali */

52012DC0777

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew /* COM/2012/0777 finali */


PJAN TA’ AZZJONI GĦAL UEM PROFONDA U ĠENWINA:

It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew

1. Raġunament, aspirazzjonijiet, u benefiċċji tal-UEM

Skont it-Trattati, l-għan tal-Unjoni Ewropea hu li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri ta’ niesha. Hi għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Ewropa imsejsa fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittitiva ħafna, bit-tir ta’ xogħol għal kulħadd u progress soċjali, u livell għoli ta’ ħarsein u titjib tal-kwalità tal-ambjent. Hi għandha tippromwovi koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u solidarjetà fost l-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea għandha tistabilixxi Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) li l-munita tagħha hija l-Euro (cf. Art 3 TUE).

Il-ħolqien tal-UEM u l-introduzzjoni tal-euro kienu stadji importanti tal-integrazzjoni Ewropea. Dawn jispikkaw fost il-kisbiet l-aktar ambizzjużi tal-UE u l-euro hija waħda mis-simboli li jiddefinixxu l-Ewropa fil-kontinent kif ukoll madwar id-dinja. Il-fundaturi tal-UEM segwew aspirazzjonijiet kbar bil-munita unika, kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi. Xi wħud minn dawn l-aspirazzjonijiet diġà ġew realizzati, filwaqt li oħrajn għad iridu jinkisbu.

Bħala t-tieni l-akbar munita ta’ riżerva, il-euro hija karatteristika integrali tal-ekonomija globali. Hija minquxa fil-karti tal-bilanċ madwar id-dinja. L-eżistenza tagħha għenet biex tiftaħ is-suq intern għal aktar minn 330 miljun ċittadin li jgħixu fiż-żona tal-euro, billi tippermetti l-paraguni immedjati tal-prezzijiet għal oġġetti u servizzi bejn il-pajjiżi. Bl-eliminazzjoni tar-riskju tar-rati tal-kambju u spejjeż ta' tranżazzjonijiet barranin, il-euro tiffaċilita wkoll id-distribuzzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi, u tagħmel il-prezzijiet għal oġġetti u servizzi kompletament trasparenti madwar il-pajjiżi. Fid-dinja tagħna interkonnessa elettronikament, dan l-isforz biex ikun hemm livell ekwu fis-suq uniku, huwa għodda b’saħħitha għat-tkabbir. Il-euro tiffaċilita apertament il-kummerċ bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u bl-istess mod tippromwovi investiment fiżiċi u finanzjarji bejn l-Istati Membri. L-istabbiltà tal-munita għamlet iż-żona tal-euro destinazzjoni attraenti għall-investiment. Dawn il-kisbiet fil-kummerċ u l-investiment taw spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. Il-forniment ta’ likwidità abbundanti mill-Eurosistema għen biex jiġu ttrattati l-problemi fis-suq interbankarju matul perjodu ta’ taħwid finanzjarju u inċertezza. Iż-żona tal-euro hi kostruzzjoni dinamika u miftuħa. Minkejja l-kriżi, is-sħubija fiż-żona tal-euro, li hi kostitwita minn 17-il Stat Membru u hi mistennija tikber fil-ġejjieni, għadha prospett attraenti: Is-Slovakkja daħlet fil-munita unika f'Jannar tal-2009 u l-Estonja ngħaqdet f'Jannar tal-2011.

Dgħufijiet fit-tfassil tal-bidu tal-UEM u l-aderenza mar-regoli

Sa meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja fl-2008 xi Stati Membri fiż-żona tal-euro kienu akkumulaw djun pubbliċi u privati kbar, telf fil-kompetittività, u żbilanċi makroekonomiċi. Dawn irrendewhom partikolarment vulnerabbli meta faqqgħet il-kriżi, b’effetti kontaġġjużi konsiderevoli madwar iż-żona tal-euro ladarba inbidlet u saret kriżi tad-dejn sovran. L-akkumulazzjoni ta’dawn il-vulnerabbiltajiet kienet parzjalment dovuta għan-nuqqas ta' osservanza u rispett ta' regoli maqbula li jirfdu l-UEM kif stabbilit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST). Fil-parti l-kbira dawn il-vulnerabbiltajiet tnisslu minn karatteristiċi tal-istruttura istituzzjonali oriġinali tal-UEM, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ għodda biex tindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi b'mod sistematiku.

L-UEM hija unika fost l-unjonijiet monetarji moderni fil-fatt li tikkombina politika monetarja ċentralizzata ma’ responsabbiltà deċentralizzata għall-biċċa l-kbira tal-politiki ekonomiċi, għalkemm soġġetta għal restrizzjonijiet fir-rigward tal-politiki baġitarji nazzjonali. Għad-differenza ta’ unjonijiet monetarji oħra, ma hemm l-ebda funzjoni politika fiskali ċentralizzata u l-ebda kapaċità fiskali ċentralizzata (baġit federali) [1]. Deher ċar sa mit-twelid tal-euro li ż-żieda fl-interdipendenza tal-Istati Membri tagħha kienet tfisser li l-politiki ekonomiċi u baġitarji sodi kienu ta' importanza partikolari. Il-PST[2] stabbilixxa r-regoli li jirregolaw il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji. Dan ippreveda wkoll li tittieħed azzjoni kontra Stati Membri li ma jkunux konformi mar-regoli. Ġie maħsub li din il-koordinazzjoni tkun biżżejjed biex tiżgura politiki sodi fil-livell nazzjonali. Diġà fl-2008, ir-rapport tal-Kummissjoni tal-UME@10[3] ippreżenta firxa ta’ bidliet possibbli għal din l-istruttura. Il-kriżi aċċellerat il-ħtieġa għal bidla.

Il-kwistjonijiet li ġejjin kienu fil-qalba tal-isfidi li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom iż-żona tal-euro sa mill-2008:

(a) Il-PST ma kienx osservat biżżejjed mill-Istati Membri u ma kellux mekkaniżmi robusti biex jiżgura finanzi pubbliċi sostenibbli. L-infurzar tal-fergħa preventiva tal-PST, li tirrikjedi li l-Istati Membri iżommu pożizzjoni baġitarja sottostanti f’saħħitha, kien dgħajjef wisq u l-Istati Membri ma użawx perjodi ta’ tkabbir stabbli biex isegwu politiki fiskali ambizzjużi. Fl-istess waqt, il-kriterju tad-dejn fit-Trattat ma sarx operazzjonali fil-prattika fil-fergħa korrettiva tal-PST. Dan wassal għal laxkezza baġitarja matul żminijiet tajbin, u inabbilità li jitbaxxew il-livelli tad-dejn ta' pajjiżi midjuna ħafna.

(b) Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali lil hinn miż-żona baġitarja kienet tistrieħ fuq strumenti bla snien – pressjoni mill-pari u rakkomandazzjonijiet – u kellha impatt limitat fuq l-azzjoni tal-Istati Membri individwali taż-żona tal-euro. Għalhekk l-istrument kien dgħajjef wisq biex jikkoreġi l-ftuħ progressiv ta' diskrepanzi fil-kompetittività u diverġenzi tat-tkabbir bejn l-Istati Membri. Qajla ġew ikkunsidrati l-effetti mifruxa tal-miżuri nazzjonali madwar iż-żona kollha tal-euro. It-tfassil tal-politika ekonomika nazzjonali ma tatx attenzjoni biżżejjed lill-kuntest Ewropew li fih joperaw l-ekonomiji. Għal dan ikkontribwixxa n-nuqqas ġeneralizzat ta’ riskji li jinbet minn eċċess globali ta’ likwidità ekonomika.

(c) Is-swieq finanzjarji għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta’ inċentivi għall-pajjiżi biex imexxu finanzi pubbliċi sostenibbli, billi jipprezzaw ir-riskju ta’ inadempjenza fir-rata li biha s-sovrani jistgħu jissellfu l-flus. Bl-iffaċilitar globali tal-pressjoni inflazzjonarja fl-aħħar tas-snin 90, kien hemm espansjoni mgħaġġla u sostnuta tal-provvista tal-flus mill-banek ċentrali. Flimkien ma’ approċċi ġodda għat-trasferiment tar-riskju fis-sistema finanzjarja dan irriżulta f’eċċess globali ta’ likwidità, tfittxija mifruxa għar-rendiment u fl-aħħar mill-aħħar ipprezzar severament żbaljat tar-riskju kemm tal-assi pubbliċi u kemm ta’ dawk privati. B'mod parallel, mal-introduzzjoni tal-euro il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) straħ fuq il-bonds nazzjonali għall-operazzjonijiet tiegħu tas-suq miftuħ, u b’hekk ikkonferielhom l-istatus tal-ogħla kwalità rikjest għall-kollateral tal-bank ċentrali. Dan wassal għal konverġenza qawwija tar-rendiment, li illimitat konsiderevolment id-dixxiplina tas-suq, minkejja d-differenzi fil-prestazzjonijiet baġitarji nazzjonali. Dan ikkontribwixxa, fost l-oħrajn, għal investimenti sinjifikanti fil-bonds sovrani li saru mill-banek. L-ekonomiji taż-żona tal-euro f'espansjoni ċiklika u b’rati relattivament ogħla ta' inflazzjoni kellhom it-tendenza li jgawdu minn rati ta' imgħax reali baxxi jew saħansitra negattivi. F'xi pajjiżi dan wassal għal espansjoni f’saħħitha tal-kreditu li ħeġġet il-ħolqien ta’ ħafna ‘bżieżaq tas-sapun’ fil-qasam tad-djar.

(d) Il-bidu tal-UEM ra aċċelerazzjoni drastika fil-pass tal-integrazzjoni finanzjarja. Filwaqt li dan fetaħ opportunitajiet għad-diversifikazzjonijiet tal-portafoll, aċċellera wkoll it-trażmissjoni ta’ xokkijiet bejn il-fruntieri nazzjonali. Minkejja ż-żieda fl-integrazzjoni tas-suq, ir-responsabbiltà għas-superviżjoni prudenzjali u l-ġestjoni tal-kriżijiet baqgħet fil-biċċa l-kbira fil-livell nazzjonali. Din l-asimetrija bejn swieq finanzjarji integrati fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra arkitettura ta’ stabilità finanzjarja li għadha ssegmentata fil-livell nazzjonali, wasslet għal koordinazzjoni inadegwata fost l-awtoritajiet rilevanti fl-istadji kollha tal-kriżi attwali. In-nuqqas ta' regoli komuni u nuqqas ta’ istituzzjonijiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni madwar iż-żona kollha tal-euro għas-settur finanzjarju, kienet problema kbira fir-reazzjoni għall-kriżi. In-nuqqas ta' qafas integrat fil-livell tal-UE u mekkaniżmu sabiex tiġi mutwalizzata r-reazzjoni għar-riskji fis-settur bankarju li jaffettwaw lil ħafna Stati Membri jew lil kollha kemm huma, wasslu għal lakuni negattivi qawwija u ta’ ħsara li feġġew bejn is-sistema bankarja u s-sovrani fil-pajjiżi vulnerabbli. Dawn il-lakuni ħeġġew aktar il-kriżi tad-dejn u wasslu biex tinqaleb id-direzzjoni tal-flussi tal-kapital. Bħala riżultat, xi Stati Membri kienu esklużi mill-finanzjament tas-suq u kien hemm riskju ta’ effetti kontaġġjużi li affettwaw iż-żona tal-euro kollha kemm hi. F'dan il-kuntest, in-nuqqas ta' mekkaniżmu effettiv biex tiġi pprovduta likwidità lill-Istati Membri f’diffikultà u b’hekk jiġi mmaniġjat ir-riskju kontaġġjuż u biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, spiċċa bħala inadegwatezza ċara fl-arranġamenti għall-ġestjoni tal-kriżi.

Filwaqt li l-UE ħadet azzjoni deċiżiva biex tindirizza dawn l-isfidi kbar, hemm bżonn li l-UEM tiġi approfondita aktar. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni għal UEM Profonda u Ġenwina jiddeskrivi l-elementi neċessarji u l-passi lejn unjoni bankarja, ekonomika, fiskali u politika kompleta.

2. Il-miżuri meħuda sa issa: reazzjoni għall-kriżi

Fil-konfront tal-kriżi, il-Kummissjoni ħadet rwol ewlieni biex tħares is-suq uniku kontra t-tendenzi protezzjonisti li kienu qed jixirfu u l-frammentazzjoni skont il-fruntieri nazzjonali speċjalment fis-settur bankarju; fir-reviżjoni mill-qiegħ tal-governanza ekonomika tal-UEM biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet tas-sorveljanza ekonomika u biex jiġu ppreżentati proposti leġiżlattivi importanti li jagħtu bidu għar-riforma tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju, sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u superviżjoni tas-salvataġġ tal-banek u fit-tmexxija biex jitwassal l-appoġġ lill-ekonomija reali taħt il-Programm Ewropew tal-Irkurpu Ekonomiku.

L-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew kien strumentali sabiex ikun possibbli li dawn l-inizjattivi jagħmlu progress mgħaġġel, u biex il-proposti leġiżlattivi jiġu malajr fis-seħħ. Fl-2010, it-Task Force stabbilit mill-President tal-Kunsill Ewropew għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika ippermettiet li jintlaħaq malajr kunsens fost l-Istati Membri favur il-proposti tal-Kummissjoni. Laqgħat frekwenti tal-Kunsill Ewropew wasslu għal impenji importanti u passi sinjifikanti mill-Istati Membri biex jirreaġixxu għall-kriżi tal-Ewropa.

L-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro u l-biċċa l-kbira tal-oħrajn impenjaw ruħhom li jinkorporaw ir-regoli u l-prinċipji tal-UE tas-sorveljanza baġitarja fl-oqfsa legali nazzjonali tagħhom skont it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSCG) iffirmat mill-pajjiżi kollha tal-UE minbarra r-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit f'Marzu tal-2012. Il-ħolqien ta’ ħajt protettiv finanzjarju (financial firewall ) għaż-żona tal-euro u deċiżjonijiet suċċessivi biex jiżdiedu d-daqs u l-flessibbiltà tal-operazzjonijiet tagħha u biex jagħmluha permanenti, tat saħħa sinifikanti lill-kapaċità għall-immaniġġar tal-kriżijiet.

2.1       Sorveljanza baġitarja

Il-Kummissjoni ppreżentat strateġija biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika fl-Ewropa fiż-żewġ Komunikazzjonijiet tagħha fit-12 ta' Mejju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2010[4]. Dawn il-Komunikazzjonijiet ġew segwiti minn pakkett ta' proposti leġiżlattivi adottati mill-Kummissjoni fid-29 ta' Settembru 2010.

Bħala riżultat ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali effiċjenti, il-proċess leġiżlattiv mexa 'l quddiem malajr u l-qafas Ewropew ta' sorveljanza ekonomika u baġitarja ġie ristrutturat f'Diċembru tal-2011 bl-adozzjoni ta’ pakkett ta’ sitt proposti leġiżlattivi (magħrufa bħala "six-pack") maħsub biex jindirizza d-dgħufijiet żvelati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Hu jinkludi tliet Regolamenti li jsaħħu l-qafas tas-sorveljanza baġitarja Ewropea (il-PST), żewġ Regolamenti li jintroduċu proċedura ta’ sorveljanza ġdida għall-iżbilanċi makroekonomiċi u Direttiva li timponi standards minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali tal-Istati Membri.

Il-pakkett leġiżlattiv saħħaħ drastikament il-fergħa preventiva tal-PST bl-introduzzjoni ta' regola tan-nefqa li ankrat it-tkabbir tan-nefqa għar-rata ta’ tkabbir tal-PDG potenzjali fuq medda medja ta' żmien. Il-leġiżlazzjoni introduċiet ukoll il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet kmieni fil-proċess. Il-pajjiżi issa se jiffaċċjaw il-fatt li jridu jpoġġu depozitu bl-imgħax ta' 0.2% tal-PDG jekk il-pożizzjoni baġitarja sottostanti tagħhom ma tkunx f’saħħitha biżżejjed. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprovdi wkoll għal azzjoni aktar qawwija biex tikkoreġi żbalji tal-politika fi ħdan il-fergħa korrettiva tal-PST u regola ġdida kwantifikata li tkun titlob lil dawk l-Istati Membri li jeċċedu l-limitu tad-dejn tat-Trattat ta' Maastricht biex inaqqsu l-eċċess malajr. It-tnedija ta' Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) issa tista’ tirriżulta minn żviluppi sfavorevoli tad-dejn tal-gvern kif ukoll minn defiċits għoljin tal-gvern. L-introduzzjoni tar-regola ta’ maġġoranza kwalifikata inversa isaħħaħ b'mod sinifikanti l-kelma tal-Kummissjoni f'deċiżjonijiet relatati ma’ sanzjonijiet fuq l-Istati Membri fiż-żona tal-euro. Fejn fil-passat, dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrikjedu l-appoġġ ta’ maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill, fil-futur, il-maġġoranza kwalifikata tkun meħtieġa biex titwaqqaf sanzjoni proposta mill-Kummissjoni.

Is-"six-pack" kien jinkludi wkoll l-adozzjoni ta' Direttiva li tiddefinixxi rekwiżiti minimi għal oqfsa baġitarji nazzjonali biex jiġi żgurat li l-oqfsa fiskali tal-Istati Membri huma tajbin biex jirrispettaw ir-regoli tal-UE. Dan il-kunċett, li jiġi żgurat li jitwaqqfu l-proċessi nazzjonali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet biex il-politika jġibuha konformi mar-rekwiżiti Ewropej, huwa wkoll fil-qalba tat-Trattat Intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, l-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSCG). L-Istati Membri firmatarji taż-żona tal-euro impenjaw ruħhom li jintegraw il-prinċipji ċentrali tal-PST drettament fil-qafas legali nazzjonali tagħhom permezz ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti u karattru permanenti li se jinkludi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni nazzjonali sorveljat minn korp ta’ monitoraġġ indipendenti biex tiġi żgurata l-konformità mal-miri baġitarji fil-fergħa preventiva tal-Patt. Għalkemm huwa intergovernattiv, it-TSCG jipprevedi li jinkorpora d-dispożizzjonijiet tiegħu fil-liġi tal-Unjoni fi żmien 5 snin. Il-Kummissjoni diġà qed taħdem mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, biex jintegraw xi elementi tat-TSCG fil-liġi tal-UE applikabbli għall-Istati Membri taż-żona tal-euro permezz tal-proposti leġiżlattivi magħrufa bħala l-pakkett ta’ bi tnejn (two-pack), li bħalissa qegħdin fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

Il-pakkett ta’ bi tnejn (“two-pack”) – li jikkonsisti f’żewġ Regolamenti – ġie propost mill-Kummissjoni f'Novembru tal-2011 u għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ kemm il-koordinazzjoni baġitarja kif ukoll s-sorveljanza baġitarja, għal prevenzjoni aktar immirata u azzjoni korrettiva iktar effettiva fil-każ ta’ devjazzjonijiet minn rekwiżiti tal-politika baġitarja li joħorġu mill-PST. L-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro se jippreżentaw qabel l-adozzjoni parlamentari l-abbozz tagħhom tal-pjanijiet baġitarji għas-sena li ġejja lill-Kummissjoni u lill-imsieħba tagħhom taż-żona tal-euro skont kalendarju komuni. It-two-pack isaħħaħ ukoll il-proċeduri ta’ monitoraġġ u sorveljanza għal Stati Membri li jesperjenzaw diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, jew għal dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja.

2.2       Sorveljanza tal-politika ekonomika

Dgħufija ewlenija tal-arranġamenti ta' sorveljanza ta' qabel il-kriżi kienet in-nuqqas ta' sorveljanza sistematika tal-iżbilanċi makroekonomiċi u l-iżviluppi fil-kompetittività. Filwaqt li dawn l-iżviluppi kienu analizzati fil-kuntest tar-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istati Membri, inkluż opinjonijiet dwar Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza, u fir-reviżjonijiet informali tal-kompetittività taż-żona tal-euro ta’ kull sentejn, ma kien hemm l-ebda strument formali għal analiżi u segwitu sistematiku tagħhom permezz ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti ta’ politika. Is-six-pack introduċa Proċedura ġdida ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi (MIP) biex jimla dan il-vojt: mekkaniżmu ġdid ta' monitoraġġ li jimmira biex jipprevjeni l-iżbilanċi makroekonomiċi u biex jidentifika u jippermetti korrezzjoni f'waqtha ta' kwalunkwe diverġenza emerġenti fil-kompetittività. Huwa bbażat fuq sistema ta' twissija bl-użu ta’ tabella ta’ valutazzjoni b’indikaturi u studji profondi tal-pajjiż biex jiġu identifikati żbilanċi u titnieda Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv (PŻE) ġdida fejn ikun meħtieġ. Il-proċedura l-ġdida hija appoġġjata minn dispożizzjonijiet ta' infurzar fil-forma ta’ sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, li ma jikkonformawx mal-PŻE.

Il-komponenti varji tal-monitoraġġ ekonomiku, baġitarju u strutturali kienu wkoll integrati bis-sħiħ bħala riżultat tal-bidliet introdotti mill-bidu tal-kriżi li stabbilixxew is-Semestru Ewropew. Filwaqt li dawn il-komponenti qabel kienu vvalutati separatament, il-monitoraġġ tagħhom issa huwa mwettaq b’mod parallel matul l-ewwel sitt xhur ta' kull sena kalendarja, u jippermetti lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-gwida speċifika għall-pajjiż fil-proċessi nazzjonali baġitarji tagħhom matul is-sitt xhur ta’ wara. Jingħata parir ta’ politika lill-Istati Membri qabel ma jiffinalizzaw l-abbozzi tal-baġits tagħhom għas-sena ta' wara.

2.3       Regolamentazzjoni u superviżjoni finanzjarja

Matul l-aħħar erba' snin, l-Unjoni Ewropea ħadet passi deċiżivi fil-qasam tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja u qed tiġi implimentata aġenda ta’ riforma finanzjarja ambizzjuża u sostanzjali. L-għan huwa li l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, li kienu fil-qalba tal-kriżi, ikunu aktar stabbli, aktar kompetittivi u aktar flessibbli. Il-President tal-Kummissjoni talab lil Jacques de Larosière, l-ex Direttur Maniġerjali tal-FMI u l-Gvernatur tal- Banque de France, biex jippreżenta rapport komprensiv dwar il-miżuri xierqa. Fuq il-bażi tar-Rapport de Larosière, il-Kummissjoni pproponiet programm komprensiv ta' riforma regolatorja finanzjarja.

Ġew proposti rekwiżiti prudenzjali aktar b'saħħithom għall-banek taħt ir-Raba' Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD4/CRR) li qed jiġu diskussi bħalissa. Għall-ewwel darba, ir-rekwiżiti tal-adegwatezza tal-kapital se jkunu stabbiliti f’Regolament u mhux f’Direttiva. L-adozzjoni tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital se tkun pass sinifikanti 'l quddiem sabiex jitlesta l-ktieb uniku tar-regoli għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni Ewropea. L-UE ħadet azzjoni wkoll fil-qasam tal-governanza billi introduċiet regoli vinkolanti dwar il-prattiki ta’ rimunerazzjoni biex jiġi evitat it-teħid ta’ riskju eċċessiv mill-banek.

L-UE ssikkat is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji billi stabbilixxiet is-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) magħmula minn tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) – l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) – u minn sorveljanza makroprudenzjali, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). It-tliet ASE jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri biex jiżguraw regoli armonizzati u l-implimentazzjoni stretta u koerenti tar-rekwiżiti l-ġodda. Il-BERS jimmonitorja theddidiet għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi u jippermetti li xi dgħufijiet jiġu indirizzati fi żmien xieraq.

L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, li kellhom rwol importanti biex jikkawżaw il-kriżi, issa huma kkontrollati mill-qrib mill-AETS. Il-leġiżlazzjoni adottata fl-2012 se tiżgura li d-derivattivi barra l-borża kollha standardizzati, jkunu approvati minn korpi ta’ approvazzjoni ċentrali tal-kontraparti, b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta' inadempjenza tal-kontrapartijiet. Barra minn hekk, id-derivattivi kollha standardizzati u suffiċjentement likwidi se jiġu nnegozjati fuq pjattaformi rregolati ladarba tiġi adotata l-leġiżlazzjoni proposta mill-Kummissjoni. Il-kwistjoni tal-bejgħ bin-nieqes diġà ġiet indirizzata, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li żiedet it-trasparenza.

2.4       Mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tal-kriżijiet

Parti ewlenija ta’ dan l-approċċ tar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet kien l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tal-kriżijiet li jindirizza l-fraġilità tas-suq finanzjarju u jimmansa r-riskju ta’ kontaġju fost l-Istati Membri. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, f'Mejju tal-2010 ġew stabbiliti żewġ mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni temporanja tal-kriżijiet: Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Faċilità Ewropea ta' Stabilità Finanzjarja (EFSF). L-EFSM huwa strument ta' appoġġ finanzjarju appoġġjat mir-riżorsi tal-baġit tal-UE, disponibbli għas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u bbażat fuq il-qafas tat-Trattat eżiżtenti. L-EFSF hija kumpanija proprjetà tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, inkorporata fil-Lussemburgu, li l-funzjonament tagħha huwa rregolat fi ftehim intergovernattiv. Il-kapaċità tas-self tal-EFSF hija appoġġjata biss mill-garanziji tal-Istati Membri parteċipanti, u hija aċċessibbli biss għall-Istati Membri taż-żona tal-euro.

L-Istati Membri taż-żona tal-euro, iffaċċjati bil-profondità ulterjuri tal-kriżi, għamlu l-mekkaniżmi ta’ appoġġ eżistenti aktar robusti u flessibbli; u eventwalment iddeċidew fuq il-ħolqien ta' mekkaniżmu permanenti ta' riżoluzzjoni tal-kriżijiet biex jipproteġu aħjar l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri tagħha. B’hekk, is-salvagwardja finanzjarja permanenti taż-żona tal-euro, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) finalment ġie inawgurat fit-8 ta' Ottubru 2012, u issa qed jaħdem għal kollox wara t-tlestija tar-ratifika tat-Trattat tal-MES mill-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro. Il-MES hu l-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali l-aktar ikkapitalizzata fid-dinja u l-akbar ħajt ta’ protezzjoni reġjonali fid-dinja (€500 bn).  Il-ħolqien tiegħu huwa pass ewlieni biex jiżgura li ż-żona tal-euro jkollha l-kapaċità meħtieġa għas-salvataġġ tal-Istati Membri li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji mill-inadempjenza. Fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat li t-Trattat tal-MES hu konformi mal-liġi tal-UE kif inhuma l-affarijet bħalissa[5].

Il-BĊE kellu rwol kruċjali fir-reazzjoni taż-żona tal-euro għall-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-ewwel, ir-rata ta’ rifinanzjament uffiċjali ġiet imnaqqsa kważi għal żero, hekk kif l-ekonomija battiet. Barra minn hekk, il-BĊE ħa firxa ta' miżuri biex jindirizza l-effetti tal-kriżi fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji meta l-attività fis-suq interbankarju kważi waqfet għal kollox. Waħda mill-effetti l-aktar bikrija kienet in-nixfa ta' fondi bl-ingrossa għall-banek, fost tħassib dwar il-kwalità tal-assi fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom. L-BĊE irreaġixxa għal dan billi espanda l-aċċess tal-banek għal operazzjonijiet tal-politika monetarja permezz ta' llaxkar ta’ regoli kollaterali kemm għall-operazzjonijiet standard ta' finanzjament mill-ġdid kif ukoll għal assistenza ta’ emerġenza ta’ likwidità. F'Mejju tal-2010, il-Eurosistema bdiet il-Programm tas-Suq tat-Titoli (PST) bix-xiri tal-bonds tal-gvern f’interventi limitati u sterilizzati. Hekk kif intensifikaw il-pressjonijiet ta’ finanzjament fit-tieni nofs tal-2011, u heddew l-istabbiltà finanzjarja madwar iż-żona tal-euro, il-BĊE ipprovda lill-banek b'aċċess għal operazzjonijiet ta’ finanzjament eċċezzjonalment fit-tul (LTROs) b’maturitajiet sa tliet snin (meta mqabbel ma' maturità massima ta' tliet xhur skont proċeduri normali). It-tliet assenjazzjonijiet ta’ LTRO kellhom impatt b’saħħtu fuq is-sentiment tal-investituri u taffew sostanzjalment il-pressjoni li kienet qed tinbena fis-swieq ta' finanzjament. Filwaqt li l-aċċess għal fondi bl-ingrossa għadu problematiku għal bosta banek, kien hemm evidenza riċenti ta’ rtubija gradwali f'dawn is-swieq speċjalment għal banek akbar.

Il-firxa tal-kriżi fis-swieq tad-dejn sovran u l-iżvilupp ta' rikorrenzi ta' reazzjoni negattiva bejn il-banek u sovrani irriżultaw fi frammentazzjoni usa’ tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u xiref l-hekk imsejjaħ "riskju ta’ ridenominazzjoni" marbut ma’ beżgħat dwar ir-riversibbiltà tal-euro. Il-BĊE adotta Deċiżjoni bħala bażi biex jintrabtu Transazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMT) fis-swieq sekondarji tal-bonds sovrani suġġett għal kundizzjonalità stretta u effettiva[6]. L-objettiv hu li tiġi ssalvagwardjata t-trażmissjoni korretta tal-pożizzjoni tal-politika tal-BĊE lill-ekonomija reali fiż-żona kollha tal-euro u biex tiġi żgurata l-uniċità tal-politika monetarja. It-tranżazzjonijiet se jiġu mwettqa strettament fi ħdan il-mandat tal-BĊE li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq it-terminu medju. Kundizzjoni meħtieġa għal Transazzjonijiet Monetarji Diretti hi l-kundizzjonalità stretta u effettiva mehmuża mal-programm xieraq tal-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja/Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (l-EFSF/MES). Sakemm il-programm tal-kundizzjonalità jiġi rispettat bis-sħiħ, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE se jikkunsidra t-Transazzjonijiet Monetarji Diretti sal-punt li jkunu ġġustifikati minn perspettiva politika monetarja. Huma se jiġu tterminati ladarba jintlaħqu l-objettivi tagħhom jew meta jkun hemm nonkonformità mal-aġġustament makroekonomiku jew programm prekawzjonarju. Il-likwidità maħluqa permezz tat-Transazzjonijiet Monetarji Diretti se tkun sterilizzata kompletament.  It-tħabbira tal-programm OMT, li jissostitwixxi l-Programm tas-Suq tat-Titoli li hu aktar limitat, reġgħet kellha impatt b’saħħtu fuq is-sentiment tal-investituri, li wassal għal tnaqqis sinifikanti fi prodotti sovrani fl-Istati Membri vulnerabbli.       

L-UEM kienet ristrutturata, iżda l-ħidma għadha mhix kompluta 

It-totalità tal-miżuri meħuda s'issa tammonta għal reazzjoni b’saħħitha għall-kriżi, partikolarment meta mqabbla ma' dak li kien jitqies bħala politikament fattibbli sa ftit tas-snin ilu biss. Kellu jgħaddi ż-żmien biex jiġu fis-seħħ ħafna minn dawn il-miżuri, bħall-istrumenti riformulati ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u baġitarja jew il-ħajt protettiv finanzjarju permanenti. Ukoll, biex xi wħud minn dawn il-miżuri jkollhom impatt pożittiv fuq il-fiduċja, hemm bżonn li jidhru li jkunu qed jaħdmu tajjeb għal xi żmien. Din hija raġuni waħda għaliex – minkejja tweġiba b’saħħitha – ma kienx possibbli li wieħed jipprevjeni li l-kriżijiet ta' dejn sovran jduru fi kriżi ta’ fiduċja li thedded li tiżra’ d-dubju fl-integrità taż-żona tal-Euro nnifisha.

Fattur ieħor wara dan kien id-distakk bejn l-aċċelerazzjoni drastika tal-integrazzjoni finanzjarja skont l-UEM fuq naħa, u l-progress pjuttost kajman tal-integrazzjoni fil-livell tal-UE tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja min-naħa l-oħra.

In-nuqqas ta’ istituzzjonijiet supranazzjonali f’saħħithom fil-livell tal-UE għas-superviżjoni tal-banek għamlu l-ġestjoni tal-kriżi ħafna aktar diffiċli u għolja għal dawk li jħallsu t-taxxi milli kieku kienet tkun kieku l-affarijiet kienu xorta oħra. Aktar importanti minn hekk, fin-nuqqas ta’ istituzzjonijiet bħal dawn, il-kriżi tal-fiduċja flimkien man-nuqqas ta’ governanza xierqa tas-settur finanzjarju (arkitettura għal regolamentazzjoni, superviżjoni u riżoluzzjoni) u r-reazzjoni konsegwenzjali tal-awtoritajiet pubbliċi bbażata fuq l-interess nazzjonali, wasslet għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-swieq finanzjarji, peress li l-ipprezzar tar-riskju bbażat fuq bonds ta' referenza nazzjonali wasslu għal kundizzjonijiet ta' finanzjament differenti b’mod distint għan-negozji u l-familji fi Stati Membri differenti fiż-żona tal-euro, u b'hekk ixxejnu bosta benefiċċji tal-integrazzjoni finanzjarja Ewropea.

Dan ħadem bħala piż addizzjonali fuq it-tkabbir f'xi Stati Membri, hekk kif il-kundizzjonijiet tal-kreditu saru aktar stretti b’mod partikolari fejn l-attività kienet diġà battiet, u aggravaw aktar l-interazzjonijiet eżistenti ta’ segwitu bejn il-banek u s-sovrani fl-Istati Membri kkonċernati u kompliet tiġi llimitata l-kapaċità tagħhom li jissormontaw il-kriżi, b’implikazzjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw mill-ġdid lilhom infushom fis-swieq u l-ħtieġa potenzjali għal assistenza finanzjarja. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tal-kreditu ħfiefu fl-Istati Membri fejn l-attività kienet diġà relattivament qawwija.

In-nuqqas ta' istituzzjonijiet integrati b’mod qawwi fil-livell tal-UE għalhekk wassal għat-treġġigħ lura tal-integrazzjoni u kkawża ħsara għall-kundizzjonijiet ekwi għan-negozj u l-familji sempliċiment minħabba l-post fejn kienu fuq naħa jew oħra tal-fruntiera bejn żewġ Stati Membri taż-żona tal-euro. Negozji kważi identiċi b’distanza ta’ ftit kilometri biss fuq żewġ naħat ta’ fruntiera bħal din jistgħu jaslu f’sitwazzjni fejn ma jkunux kapaċi jiffinanzjaw l-investimenti skont termini kumparabbli. Fuq naħa waħda tal-fruntiera l-investiment jista’ jieqaf u l-qgħad jitla’, peress li l-krediti ma jkunux qed jingħataw b’termini fattibbli. Fuq in-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-investiment u l-qgħad jistgħu jinżlu sa livelli baxxi ħafna fl-istess ħin. L-istess japplika għall-kundizzjonijiet tal-finanzjament mogħtija lil familji privati. Żviluppi diverġenti bħal dawn li huma maqtgħuha minn prinċipji ekonomiċi fundamentali u l-bżonnijiet taċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jfixklu l-proġett kollu tal-integrazzjoni Ewropea.

Fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċirku vizzjuż ta’ segwitu negattiv bejn is-sovrani u l-banek u l-frammentazzjoni mill-ġdid assoċjata tas-swieq finanzjarji tal-UE wasslu biex xiref riskju ta' ridenominazzjoni, dak li kienu qalu l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li dan l-iżvilupp eventwalment kien se jhedded l-eżistenza tal-munita unika.

Anakronistikament, aktar minn 50 sena wara t-twaqqif tal-Unjoni Ewropea l-kriżi ta’ fiduċja tidher li qed treġġa’ lura l-qawwa tal-ilġiem tal-fruntieri nazzjonali, toħloq dubji fuq is-Suq Uniku u thedded il-kisbiet u l-aspirazzjonijiet li s’issa għadhom ma twettqux tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Din hija wkoll theddida għall-mudell tal-Unjoni Ewropea ta’ ekonomija soċjali tas-suq.

Il-lezzjonijiet li ttieħdu fil-kuntest tal-kriżijiet ekonomiċi, finanzjarji, u tad-dejn sovran mill-2008 kienu l-mutur wara reviżjoni maġġuri tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li wasslet diġà għal passi bla preċedent. Din ir-reviżjoni radikali għamlet l-UEM ħafna aktar robusta milli kienet fil-bidu tal-kriżi. Il-kriżi wriet b’mod ċar kemm l-interdipendenza tal-ekonomiji tagħna żdiedet mit-twaqqif tal-UEM sal-lum. Uriet ukoll lil hinn minn kull dubju li s-suċċess jew il-falliment tal-UEM ikun suċċess jew falliment għal dawk kollha involuti.

It-theddida li ġġib magħha l-kriżi ta’ fiduċja madankollu hi ħafna aktar fundamentali. Għalhekk tirrikjedi reazzjoni ħafna aktar fundamentali. Dik ir-reazzjoni trid tkun kapaċi terġa' tikseb il-fiduċja li l-kisbiet tas-Suq Uniku u l-munita unika mhux se jisfaxxaw u li l-kisbiet tagħhom li għad ma ntlaħqux se jiġu realizzati u se jinżammu għaċ-ċittadini u negozji tal-ġejjieni.

Biex tkun effettiva u kredibbli, dik ir-reazzjoni qabel xen trid tittratta d-diffikultajiet prattiċi urġenti li ċ-ċittadini, in-negozji, u l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom magħhom illum. Unjoni bankarja tkun kapaċi ttemm id-diżintegrazzjoni tas-suq finanzjarju tal-UE u tiżgura kundizzjonijiet ta’ finanzjament raġonevolment ekwi għall-familji u n-negozji madwar l-UE, tgħin biex jinqatgħu iċ-ċrieki vizzjużi negattivi bejn l-Istati Membri u l-banek, u tgħin biex tiżgura li d-diverġenza bejn iċ-ċikli tan-negozju madwar iż-żona tal-euro ma jkunux amplifikati artifiċjalment. It-tieni, ir-reazzjoni trid tistabbilixxi l-viżjoni għal integrazzjoni aktar approfondita tal-UEM li għandha tinkiseb fil-ġejjieni. U t-tielet għandha tfassal triq ċara u realistika lejn l-ambizzjoni aħħarija fuq il-bażi ta' impenn sod mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha.

3. It-triq ’l quddiem: l-ambizzjoni sostanzjali msieħba mas-sekwenzar xieraq

L-UEM qed tiffaċċja sfida fundamentali, b’mod partikolari rigward iż-żona tal-ewro, u għandha bżonn tiġi msaħħa sabiex fil-futur ikun żgurat il-benesseri ekonomiku u soċjali. Il-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2012 stieden lill-President tal-Kunsill Ewropew, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-President tal-BĊE, sabiex jippreżentaw pjan direzzjonali speċifiku u bi skadenza sabiex isseħħ UEM ġenwina. Rapport interim ġie ppreżentat lill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, u rapport finali huwa mistenni għal Diċembru 2012.Il-Parlament Ewropew adotta fl-20 ta' Novembru ir-rapport tiegħu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”, li jiddelinea l-preferenzi tal-Parlament għal UEM wisq aktar integrata. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-triq ’l quddiem hija delineata f’dan il-pjan ta’ azzjoni.

Viżjoni komprensiva għal UEM profonda u ġenwina li twassal għal arkitettura b’saħħitha u stabbli fl-oqsma finanzjarji, fiskali, ekonomiċi u politiċi, li twieżen l-istabbiltà u l-prosperità hija neċessarja. F’UEM profonda u ġenwina bħal din, l-għażliet ewlenin ta’ politiki ekonomiċi u fiskali fl-Istati Membri tagħha għandhom ikunu suġġetti għal koordinazzjoni, approvazzjoni u sorveljanza aktar profondi fil-livell Ewropew. Dawn il-politiki għandhom ikopru ukoll it-tassazzjoni u l-impjiegi, kif ukoll oqsma oħra ta’ politiki għall-funzjonament tal-UEM Din l-UEM għandha tkun ukoll mwieżna b’kapaċità fiskali awtonoma u suffiċenti li tippermetti għażliet ta’ politika li jirriżultaw mill-proċess ikkoordinat li jrid ikun mirfud b’mod effettiv. Sehem proporzjonat tad-deċiżjonijiet dwar id-dħul, l-infiq u l-ħruġ tad-dejn għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjonijiet meħuda b’mod konġunt u għal implimentazzjoni fil-livell tal-UEM

Huwa ċar li l-UEM attwali, ma tistax titlesta mil-lum għal għada billi tiġi ttrasformata f'verżjoni profonda u totalment integrata, b’mod partikolari meta jiġi kkunsidrat it-trasferiment addizzjonali sinifikanti tal-poteri politiċi mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew. Sabiex tintlaħaq UEM li tiżgura stabbiltà, sostenibbiltà u benesseri liċ-ċittadini tagħha fuq bażi permanenti, diġà huwa l-waqt biex jitniedu passi deċiżivi fit-terminu qasir (għas-6 xhur u t-12-il xahar li ġejjin). Tali passi għandhom ikunu segwiti b’passi oħrajn fit-terminu medju u twil. Il-passi li għandhom jittieħdu fit-terminu qasir, medju u twil iridu jibnu fuq xulxin u jsegwu lil xulxin.

It-triq ’l quddiem trid tkun ibbilanċjata bir-reqqa. Il-passi lejn aktar responsabbiltà u dixxiplina ekonomika għandhom ikunu integrati ma' aktar solidarjetà u għajnuna finanzjarja. Dan il-bilanċ irid jintlaħaq b’mod parallel u f’kull fażi tal-iżvilupp tal-UEM. L-integrazzjoni aktar profonda tar-regolament finanzjarju, tal-politiki fiskali u ekonomiċi u tal-istrumenti korrispondenti trid tkun akkumpanjata minn integrazzjoni politika proporzjonata li tiżgura leġittimità u responsabbiltà.   

Dan il-kapitolu jidentifika l-passi u l-azzjonijiet li huma meħteġa fit-terminu qasir, medju u twil sabiex isseħħ UEM profonda u ġenwina fuq bażi permanenti, mill-koordinazzjoni aktar b’saħħitha ta’ politiki, għall-kapaċità fiskali, għat-teħid flimkien akbar ta’ deċiżjonijiet dwar id-dħul pubbliku, in-nefqa u l-ħruġ ta’ dejn.

Xi wħud mill-istrumenti jistgħu jiġu adottati skont il-limiti tat-Trattati attwali. Oħrajn ikunu jeħtieġu modifiki fit-Trattati attwali u kompetenzi ġodda għall-Unjoni. Għalhekk tal-ewwel jistgħu jitmexxew ’l quddiem fit-terminu qasir u għandhom ikunu lesti l-aktar tard fit-terminu medju. Tal-aħħar jistgħu jinbdew biss fit-terminu medju u jitlestew fit-terminu twil. Madankollu għandu jkun ċar f’kull waqt, li l-kunċett huwa wieħed olistiku fejn kull stadju jibni fuq dak preċedenti.

Fit-terminu qasir (għal bejn is-6 xhur u t-18-il xahar li ġejjin), filwaqt li għandha tingħata prijorità immedjata sabiex titnieda bi sħiħ l-għodda l-ġdida għall-governanza ekonomika miġjuba mis-“six-pack” kif ukoll jiġu adottati b’mod rapidu l-proposti attwali tal-Kummissjoni bħat-“two-pack” u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, għad hemm x’jista’ jsir permezz ta’ liġi sekondarja, b’mod partikolari fl-oqsma tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u bl-appoġġ għar-riformi strutturali meħtieġa sabiex jiġu megħluba l-iżbilanċi u titjieb il-kompetittività. Ladarba tittieħed deċiżjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-UE, il-ħolqien ta’ strument finanzjarju fi ħdan il-baġit tal-UE li jappoġġja ir-riekwilibriju, l-aġġustament, u allura t-tkabbir tal-ekonomiji tal-UEM, se jservi bħala l-ewwel fażi biex tinħoloq kapaċita’ fiskali aktar b’saħħitha flimkien ma’ mekkaniżmi profondament integrati għall-koordinazzjoni tal-politiki. Il-pass li jmiss għall-koordinazzjoni ta’ politiki fiskali u ekonomiċi u l-fażi inizjali korrispondenti sabiex tissawwar kapaċità fiskali, flimkien, jistgħu jieħdu l-forma ta’ “strument għall-konverġenza u l-kompetittività”. Wara l-adozzjoni ta’ Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, se jiġi propost Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku għall-banek. 

Fit-terminu medju (minn 18-il xahar sa 5 snin) għandhom jiġu stabbiliti, aktar koordinazzjoni baġitarja (inkluża l-possibilità li sseħħ reviżjoni f’baġit nazzjonali f’konformità mal-impenji ewropej), it-twessigħ ta’ koordinazzjoni aktar profonda tal-politiki fil-qasam tat-tassazjoni u tal-impjiegi, u l-ħolqien ta’ kapaċità fiskali proprja għall-UEM li tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ għażliet ta’ politiki li jirriżultaw minn koordinazzjoni aktar profonda. Xi wħud minn dawn l-elementi jeħtieġ li jseħħu għalihom emendi fit-Trattati.

It-tnaqqis, tad-dejn pubbliku li jeċċedi b’mod sinifikanti il-kriterju tat-Trattat, jista’ jkun indirizzat permezz tat-twaqqif ta’ fond ta’ ammortament. Motivatur li possibbilment jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro u b’mod partikolari li jistabbilizza s-swieq tad-dejn volatili tal-gvernijiet, huwa mod komuni kif l-Istati Membri taż-żona tal-euro joħorġu mid-dejn tal-gvern fit-terminu qasir b’maturità minn sena sa sentejn. Dawn iż-żewġ possibilitajiet jeħtieġ li jseħħu għalihom emendi fit-Trattati.

Fl-aħħar mill-aħħar (wara ħames snin), abbażi tal-kondiviżjoni progressiva tas-sovranità u għalhekk tar-responsabbiltà kif ukoll tal-kompetenzi ta' solidarjetà fil-livell Ewropew, għandu jkun possibbli t-twaqqif ta’ baġit awtonomu taż-żona tal-euro li jipprovdi għall-kapaċità fiskali tal-UEM sabiex jgħin lill-Istati Membri jassorbu x-xokkijiet. Barra minn hekk, qafas profondamemnt integrat għall-govenanza ekonomika u fiskali jista’ jippermetti l-ħruġ komuni tad-dejn pubbliku, li għandu jsaħħaħ il-funzjonament tas-swieq u t-twettiq tal-politika monetarja. Kif stipulat fil-Green Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Novembru 2011 dwar il-fattibilità li jiġu introdotti Bonds ta’ Stabbiltà[7], il-ħruġ komuni ta’ bonds jista’ joħloq mezzi ġodda li permezz tagħhom il-gvernijiet jiffinanzjaw id-dejn tagħhom u joffru opportunitajiet għall-investiment likwidu u sikur għal dawk li jfaddlu u għall-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll suq tal-bonds integrat mifrux maż-żona tal-euro li jixbah lill-kontroparti tal-Istati Uniti bid-dollari bħala kobor u likwidità.

Din l-integrazzjoni progressiva ulterjuri taż-żona tal-euro lejn unjoni sħiħa bankarja, fiskali u ekonomika teħtieġ passi paralleli lejn unjoni politika b’leġittimità u responsabbiltà demokratiċi msaħħin.

Il-progress f’termini ta’ integrazzjoni irid ikun ukoll rifless esternament, b’mod speċjali permezz ta’ passi li jieħdu lejn rappreżentazzjoni ekonomika esterna u unita taż-żona tal-euro.

Kaxxa 1 Il-prinċipji legali bażiċi 

Sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-munita komuni, l-UEM irid ikollha l-possibilità li tapprofondixxi ruħha b’mod rapidu u sħiħ aktar mill-UE bħala entità sħiħa, filwaqt li tippreserva l-integrità tal-UE fil-qofol tagħha.

Dan jista’ jintlaħaq billi jiġu sodisfatti dawn il-prinċipji:

L-ewwel, l-approfondiment tal-UEM għandu jibni fuq il-qafas istituzzjonali u legali tat-Tratti, għal raġunijiet ta’ leġittimità, ekwita bejn l-Istati Membri u effiċjenza. Iż-żona tal-euro hija prodott tat-Trattati. L-approfondiment tagħha għandu jseħħ skont it-Trattati, sabiex tkun evitata l-frammentazzjoni tal-qafas legali li ddgħajjef l-Unjoni u tpoġġi f’dubju l-importanza kruċjali tal-liġi tal-UE għad-dinamika tal-integrazzjoni. Huma r-regoli tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu l-effiċjenza sħiħa, abbażi tal-maġġoranza kwalifikata u ta’ qafas demokratiku robust, aktar milli fuq il-ħtiġijiet skomdi tal-unanimità.

Soluzzjonijiet intergovernattivi għandhom għaldaqstant ikunu ikkunsidrati biss fuq bażi eċċezzjonali u ta’ tranżizzjoni fejn soluzzjoni tal-UE tkun teħtieġ bidla fit-Trattat, u sakemm dik il-bidla fit-Trattat tkun fis-seħħ. Għandhom ukoll ikunu ppjanati bir-reqqa sabiex jirrispettaw il-liġi u l-governanza tal-UE, u mhux iqajmu problemi ġodda meta jiġi biex jingħata rendikont.

It-tieni, l-approfondiment tal-UEM għandu primarjament jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-istrumenti wiesgħa tal-UE, mingħajr ħsara għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għaż-żona tal-euro. Is-Semestru Ewropew, l-acquis tas-suq intern kif ukoll l-appoġġ għall-kompetittività u l-koeżjoni permezz tal-baġit tal-UE jipprovdu bażi tajba għall-iżvilupp ta’ qafas legali u finanzjarju komprensiv għall-koordinazzjoni ekonomika, għall-integrazzjoni u għall-konverġenza reali. Sforzi kontinwi sabiex dawn il-politiki jkunu aktar effettivi permezz ta’ pereżempju l-kundizzjonalità makroekonomika tal-fondi strutturali jew l-approċċ il-ġdid ta’ governanza għas-suq uniku ukoll se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-UEM.

Fl-istess waqt, koordinazzjoni finanzjarja, fiskali u strutturali addizzjonali jew strumenti ta’ appoġġ speċifiċi għaż-żona tal-euro għandhom ikunu stabbiliti kull meta hemm bżonn, u għandhom ikunu ppjanati biex jikkumplimentaw is-sisien tal-UE. It-Trattat ta’ Lisbona ipprovda bażi legali utli (l-Artikolu 136 TFUE) sabiex l-integrazzjoni taż-żona tal-euro tapprofondixxi ruħha. Din il-bażi legali diġà intużat sew fis-“six-pack” u fit-“two-pack” suċċessivi.

Kull meta legalment possibbli, il-miżuri taż-żona tal-euro għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri oħra. Fil-fatt, filwaqt li t-Trattati jipprevedu li numru ta’ regoli japplikaw biss għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-konfigurazzjoni attwali taż-żona tal-euro hija biss ta’ natura temporanja, ġaladarba l-Istati Membri kollha ħlief għal tnejn (id-Danimarka u r-Renju Unit), huma ddestinati li jsiru membri tal-UEM skont it-Trattati.

It-tielet, il-mixja lejn UEM ġenwina għandha primarjament tkun mibnija bl-użu tal-possibilitajiet kollha offruti mit-Trattati kif inhuma bħalissa, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. L-emendi fit-Trattati għandhom ikunu maħsubin biss jekk l-azzjoni indispensabbli sabiex  jitjieb il-funzjonament tal-UEM ma’ tkunx tista’ tinbena fi ħdan il-qafas attwali. It-tibdil possibbli għandu jkun ippreparat b’reqqa, sabiex tkun żgurata l-appartenenza politika u demokratika meħtieġa għall-proċess ta’ ratifikazzjoni mingħajr skossi.

3.1 Fit-terminu qasir (għas-6 xhur u t-18-il xahar li ġejjin): miżuri possibbli skont il-liġi sekondarja tal-UE li jwasslu għall-unjoni bankarja, jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-politiki kif ukoll jwasslu għal deċiżjoni dwar il-QFP li jmiss u joħolqu “strument għall-konverġenza u l-kompetittività”

L-approfondimnet tal-UEM irid jindirizza l-konsegwenza ta’ dejn publiku u privat eċċessiv li jakkumula, u għaldaqstant irid inaqqas l-iżbilanċi assoċjati li ġew iġġenerati fl-ekonomija Ewropea. Iżda l-aġġustament qed ikun kompitu diffiċli u li se jieħu fit-tul, li jinvolvi limitazzjonijiet fil-provvista ta’ kreditu, tiġbid fil-finanzi pubbliċi u tkabbir dgħajjef fis-settur privat hekk kif azjendi u familji jnaddfu l-karti tal-bilanċ tagħhom.

L-impenn lejn id-dixxiplina baġitarja huwa salvagwardja essenzjali għall-istabbiltà fiż-żona tal-euro, u pass neċessarju lejn qafas baġitarju integrat, sħiħ u matur. Dan se jiżgura politiki baġitarji sodi fil-livelli nazzjonali u Ewropej, u għalhekk se jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u għall-istabbiltà makroekonomika. L-implimentazzjoni sħiħa tal-għodda l-ġdida għas-sorveljanza baġitarja u ekonomika, u l-adozzjoni mingħajr telf ta’ żmien tal-proposti attwali għandhom ikunu l-ewwel prijorità. B’mod parallel, il-progress lejn unjoni bankarja għandu jibda permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-proposti magħmula dwar ir-regolametazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja, b’mod partikolari il-proposta dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għaż-żona tal-euro u għal dawk l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jixtiequ jissieħbu.

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla skossi tal-UEM, għandu jsir aktar fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi. Il-piż tal-isfida għat-tkabbir u l-aġġustament fiż-żona tal-euro jikkuntrasta man-nuqqas ta’ forom b’saħħithom li jikkoordinaw il-politiki fil-qasam tar-riformi strutturali. L-evidenza ta’ esternalitajiet kbar bejn il-pajjiżi titlob ir-rinforzar tal-mod kif il-politika ekonomika għandha taħdem fiż-żona tal-euro. Il-funzjonament proprju tal-UEM jeħtieġ li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jaħdmu flimkien lejn politika ekonomika fejn filwaqt li jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, jieħdu l-azzjonijiet u l-miżuri neċessarji fl-oqsma kollha li huma essenzjali għall-funzjonament proprju taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, huwa neċessarju t-twaqqif ta’ proċedura għad-diskussjoni ex ante dwar ir-riformi kollha ewlenin fil-politika ekonomika. Din għandha tkun imwieżna mill-fażi inizjali korrispondenti għall-bini gradwali ta’ kapaċità fiskali għall-UEM, u tipprovdi għajnuna finanzjarja mmirata lejn l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ aġġustament.

Filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu l-importanza ta’ finanzi pubbliċi sodi, ir-riforma strutturali u l-investiment immirat lejn tkabbir sostenibbli, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvernijiet iffiramw Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012, fejn urew id-determinazzjoni tagħhom sabiex jistimulaw it-tkabbir li joħloq l-impjiegi b’mod parallel mal-impenn tagħhom għal finanzi pubbliċi sodi. Il-Kummissjoni qed tagħmel wkoll monitoraġġ fuq l-impatt tal-limitazzjonijiet stretti baġitarji fuq in-nefqa pubblika li tgħin lit-tkabbir u fuq l-investiment pubbliku. F’dan il-kuntest, iż-żona tal-euro għandha tiżgura li l-investiment jinżamm f’livell adegwat sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-iżvilupp tal-kompetittività kif ukoll jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi. 

L-inizjattivi kollha ppreżentati f’din it-taqsima jistgħu jiġu adottati f’terminu qasir u skont il-limiti tat-Trattati attwali.

3.1.1 L-implimentazzjoni sħiħa tas-Semestru Ewropew u s-“six-pack”, u l-ftehim bla telf ta’ żmien u l-implimentazzjoni tat-“two-pack”

It-tlestija tal-qafas ta’ governanza ekonomika attwali u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu trid isseħħ l-ewwel ħaġa.

L-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew kif ukoll il-leġiżlazzjoni tas-“six-pack” indirizzaw it-tagħlimiet ewlenin meħuda fil-kuntest tal-kriżi. Inkludew riforma tal-PST, il-ħolqien ta’ Proċedura għall-Iżbilanċi Makroekonomiċi, u l-introduzzjoni ta’ standards minimi għall-oqsfa fiskali nazzjonali. Jirrappreżentaw qabża ’l quddiem f’termini ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan joffri l-implimentazzjoni aktar b’saħħitha tal-politika fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, u bħala konsegwenza il-funzjonament aħjar tal-UEM, b’hekk jikkontribwixxi sabiex terġa’ tinkiseb il-kunfidenza. Dik il-wegħda issa trid isseħħ permezz tal-użu sħiħ u strett tal-implimentazzjoni tal-għodda l-ġdida li diġà qiegħda fis-seħħ.

Sabiex jittieħdu aktar passi lejn il-possibilità ta' UEM profonda u ġenwina, il-leġiżlazzjoni proposta tat-“two-pack” għandhom jaqblu fuqha il-koleġiżlaturi mingħajr aktar dewmien. It-“two-pack” jħaddan strumenti importanti li jsaħħu s-sorveljanza baġitarja u jaffronta b’aktar effiċjenza is-sitwazzjonijiet ta' instabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri. L-adozzjoni bla telf ta’ żmien u wara l-implimentazzjoni tiegħu għandhom jgħollu l-kunfidenza fl-impenn tal-istituzzjonijiet tal-UE biex ilestu r-reviżjoni radikali tal-governanza ekonomika

            3.1.2 Ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja: ġabra unika ta’ regoli u proposti għal Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Is-samit taż-żona tal-euro li sar fid-29 ta’ Ġunju 2012 ħalla l-marka tiegħu fl-approċċ għall-kriżi. Irrikonoxxa l-ħtieġa “assoluta” li “jinkiser iċ-ċirku vizzjuż ta’ bejn il-banek u l-pajjiżi sovrani” li qed idgħajjef il-finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, sal-punt li qed jhedded l-istess eżistenza tal-UEM. B’mod partikolari, il-ftehim li jitwaqqaf Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) kien imsejjes fuq il-konvinzjoni li l-frammentazzjoni finanzjarja għandha tiġi megħluba, u li hija meħtieġa iċ-ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni bankarja sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jista’ jkollhom il-kunfidenza kollha f’superviżjoni bankarja ta’ kwalità u imparzjali.

Unjoni Ekonomika u Monetarja ta’ veru trid fil-fatt tinkludi r-responsabbiltà kondiviża għas-sorveljanza tas-settur bankarju u għall-intervent f’każ ta’ kriżi. Dan huwa l-uniku mod li bih effettivamnet jinkiser iċ-ċirku vizzjuż li jgħaqqad il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u s-saħħa tal-banek tagħhom, u li bih jiġu limitati l-effetti tar-riperkussjonijiet transkonfinali.

Qafas finanzjarju integrat, li jevolvi tul iż-żmien f’unjoni bankarja sħiħa, għandu żgur jgħin billi jipprovdi sett integrat ta’ għodda għall-monitoraġġ aħjar u li jillimita r-riskju fis-sistema finanzjarja. Dan għandu jnaqqas il-frammentazzjoni finanzjarja, jnaqqas konsiderevolment il-ħtieġa għall-intervent pubbliku, jibbilanċja mill-ġdid l-għajnuna u permezz ta’ dan jitjiebu l-prospettivi tat-tkabbir. L-għodda hija integrata għax l-impatt tagħha se jitnaqqas jekk xi komponenti individwali ikunu dgħajfa. Għalkemm xi partijiet meħtieġa tas-sistema se jieħdu ż-żmien biex jiżviluppaw, dan m’għandux jittardja l-implimentazzjoni bla telf ta’ żmien ta’ dawk l-elementi li jistgħu jġibu benefiċċji immedjati.

Il-Kummissjoni fissret viżjoni ta’ unjoni bankarja li tkun qed tiżviluppa gradwalment fil-Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2012[8]. Il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro u l-BĊE qablu fil-prinċipju ma' dik il-viżjoni[9]. Il-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2012 ikkonferma “l-bżonn li nimxu lejn qafas finanzjarju integrat, miftuħ kemm jista’ jkun possibbli għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw.”[10] Fir-rapport “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew isejjaħ għall-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward mill-aktar fis possibbli.

L-ewwel pass kruċjali f’din it-triq se jkun il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, li mbagħad għandu jiġi kkumplimentat b’Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku (ara 3.2.1).

Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għandu jiżgura l-kondiviżjoni sħiħa tal-informazzjoni bejn is-superviżuri dwar il-banek, l-għodda għall-prevenzjoni komuni u azzjoni komuni għall-indirizzar tal-problemi fi stadju l-aktar bikri possibbli. Sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fost il-banek, l-investituri u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, dan għandu wkoll jippermetti li s-supervizjoni titwettaq b’mod strett u objettiv, bl-ebda possibbiltà għal tolleranza regolatorja.

Fit-12 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni għamlet proposti leġiżlattivi biex toħloq Mekkaniżmu Superviżorju Uniku magħmul mill-BĊE u s-superviżuri nazzjonali[11], u biex jiġi emendat ir-Regolament tal-2010 li jistabbilixxi l-Awtorità Bankarja Ewropea sabiex jiġi adattat għall-ħolqien tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u jiġi żgurat bilanċ fl-istrutturi tagħha għat-teħid tad-deċiżjonijiet bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro u dawk li mhumiex qegħdin fiż-żona tal-euro[12].

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, kif propost mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq it-trasferiment għal-livell Ewropew ta’ kompiti speċifiċi, superviżorji ewlenin għall-banek stabbiliti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u għall-banek stabbiliti fl-Istati Membri, li mhux qegħdin fiż-żona tal-euro, li jiddeċiedu li jingħaqdu mal-unjoni bankarja. F’dan il-qafas il-ġdid, il-BĊE se jkun responsabbli għas-superviżjoni tal-banek kollha fi ħdan l-unjoni bankarja, li għaliha huwa se japplika l-ġabra unika tar-regoli li tapplika fis-suq uniku kollu. Il-qafas propost mill-Kummissjoni jiżgura superviżjoni effettiva u konsistenti fl-Istati Membri kollha parteċipanti, filwaqt li jiddependi fuq il-kompetenza speċifika tas-superviżuri nazzjonali. Huwa ta’ importanza kruċjali li n-negozjati dwar l-MSU jitlestew qabel l-aħħar tas-sena, u li l-implimentazzjoni tiegħu tibda kmieni fl-2013. Bħala kumplement, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) se tiġi aġġustata għall-qafas il-ġdid għas-superviżjoni bankarja sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-Suq Uniku.

Dan se jwitti t-triq lejn l-użu tal-MES bħala salvagwardja pubblika sabiex, fejn xieraq, u ladarba jkun intlaħaq ftehim dwar dan l-istrument, jiġu kapitalizzati mill-ġdid il-banek skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2012. Dan se jsaħħaħ aktar iż-żona tal-euro, billi jgħin biex jinkiser iċ-ċirku ta’ reazzjonijiet negattivi bejn il-banek u s-sovrani tagħhom.

Il-fiduċja tad-depożituri u tal-parteċipanti tas-suq hija essenzjali fir-riżoluzzjoni bankarja. Sabiex jinkiseb livell ta’ fiduċja pubblika li tista’ titqabbel mal-aħjar awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni madwar id-dinja, se tkun jeħtieġ li jkunu stabbiliti sistema unika ta’ riżoluzzjoni kredibbli u salvagwardja finanzjarja qawwija. Din ir-responsabbiltà tibqa’ nazzjonali f’terminu qasir. Iżda ladarba l-MSU jiġi stabbilit, u soġġett għal-linji gwida rilevanti, l-MES għandu jitħalla joffri appoġġ mutwalizzat biex jikapitazza mill-ġdid direttament il-banek li ma jirnexxilhomx jibnu l-fondi fis-suq u li ma jistgħux jiġu salvati mill-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom mingħajr ma tkun fil-perikolu s-sostenibbiltà fiskali tiegħu.

Qafas finanzjarju integrat li jinkludi superviżjoni unika u mbagħad Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku għandhom ikunu bbażati fuq ġabra unika tar-regoli. Għalhekk, huwa essenzjali li wieħed jikkonkludi b’mod urġenti n-negozjati dwar il-proposti tal-Kummissjoni li jistabbilixxu oqfsa regolatorji ġodda fl-oqsma tar-regoli prudenzjali bankarji, il-garanziji tad-depożiti, u l-irkupru bankarju u r-riżoluzzjoni bankarja.

3.1.3 Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku

 

Unjoni bankarja effettiva tirrikjedi mhux biss Mekkaniżmu Superviżorju Uniku li jiżgura superviżjoni ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri kollha, iżda wkoll Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku li jieħu ħsieb il-banek li għandhom diffikultajiet. Dan ġie rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew fid-19 ta' Ottubru 2012, li ddikjara li "jinnota l-ħsieb tal-Kummissjoni li tipproponi mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni uniku għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MRU ladarba jkunu ġew adottati l-proposti għal Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni u għal Direttiva dwar l-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti.”

Wara l-adozzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-Kummissjoni għalhekk se tagħmel proposta għal Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku, li jkun responsabbli għar-ristrutturar u r-riżoluzzjoni tal-banek ġewwa l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja. Dan il-mekkaniżmu se jkun artikolat madwar Awtorità Ewropea ta’ Riżoluzzjoni separata, li se tirregola r-riżoluzzjoni tal-banek u tikoordina b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-għodda tar-riżoluzzjoni. Dan il-mekkaniżmu se jkun aktar effiċjenti minn netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-gruppi bankarji transkonfinali li għalihom, fi żminijiet ta' kriżi, il-veloċità u l-koordinazzjoni huma kruċjali biex jiġu minimizzati l-ispejjeż u biex terġa' tinkiseb il-fiduċja. Dan jirrikjedi wkoll ekonomiji ta’ skala sinifikanti, u jevita l-esternalitajiet negattivi li jistgħu jirriżultaw minn deċiżjonijiet purament nazzjonali.

Kwalunkwe intervent mill-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku se jkollu jkun ibbażat fuq il-prinċipji li ġejjin:

- Il-ħtieġa għar-riżoluzzjoni għandha titnaqqas sal-inqas possibbli, permezz ta' regoli prudenzjali komuni stretti, u koordinazzjoni mtejba tas-superviżjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

- Meta jkun meħtieġ l-intervent tal-Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku, l-azzjonisti u l-kredituri għandhom iħallsu l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni qabel ma jingħata kwalunkwe finanzjament estern, skont il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni Bankajra.

- Kwalunkwe riżorsa addizzjonali meħtieġa għall-finanzjament tal-proċess tar-ristrutturar għandha tiġi pprovduta minn mekkaniżmi li huma ffinanzjati mis-settur bankarju, minflok jintużaw il-flus tal-kontribwent.

Il-proposti li ġejjin tal-Kummissjoni għal mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku se jkunu bbażati fuq dawn il-prinċipji.

Il-Kummissjoni tqis li, l-istess bħall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu Superviżorju Uniku effettiv, il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu ta’ Riżoluzzjoni Uniku jista’ jitwettaq permezz tal-liġi sekondarja mingħajr ma jirrikjedi emenda tat-Trattati attwali.

3.1.4    Deċiżjoni rapida dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 tirrappreżenta l-motivatur deċiżiv għall-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi fil-livell tal-UE. Tipprevedi wkoll li torbot il-finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni, l-iżvilupp rurali u l-politika Ewropea dwar l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd b’mod aktar sistematiku mal-proċeduri ta’ governanza ekonomika differenti. Il-Qafas Strateġiku Komuni (li jkopri l-“Fondi QSK" li ġejjin: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) jistabbilixxi rabta soda bejn dawn il-fondi u l-programmi ta’ riforma nazzjonali, il-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza mfassla mill-Istati Membri, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż adottati mill-Kunsill għal kull Stat Membru.

Dan se jiġi implimentat permezz ta’ kuntratti/ftehimiet ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-applikazzjoni għal kundizzjonalità makroekonomika preċiża.  Fil-proposta tal-Kummissjoni, il-kundizzjonalità makroekonomika hija applikata b’żewġ modi:

1. Il-programmar mill-ġdid: dan jikkonċerna emendi għall-kuntratti ta’ sħubija u l-programmi rilevanti b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, jew biex jindirizzaw defiċit eċċessiv, żbilanċi makroekonomiċi jew diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali oħra jew biex jiġi massimizzat l-impatt tat-tkabbir u l-kompetittività tal-Fondi QSK għall-Istati Memrbi li jkun qed jirċievu assitenza finanzjarja mill-UE. Meta Stat Membru ma jweġibx b’mod sodisfaċenti għal tali talba, il-Kummissjoni tista’ tissospendi parti mill-ħlasijiet jew il-ħlasijiet kollha għall-programmi kkonċernati.

2. Sospensjoni: meta Stat Membru ma jiħux azzjoni korrettiva fil-kuntest tal-proċeduri ta’ governanza ekonomika. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tissospendi parti mill-ħlasijiet u l-impenji jew il-ħlasijiet u l-impenji kollha għall-programmi kkonċernati.

Il-kuntratti ta’ sħubija u l-programmi operattivi jiżguraw li l-investimenti ppjanati kofinanzjati mill-fondi QSK jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-indirizzar tal-isfidi strutturali li jiffaċċaw l-Istati Membri. Fil-każ tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-kuntest tal-Artikoli 121 u 148 tat-Trattat u l-għan korrettiv tal-PŻE, se jinbeda programmar mill-ġdid għal dawk ir-rakkomandazzjonijiet li huma rilevanti għall-fondi QSK u relatati mal-isfidi strutturali li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ strateġiji ta’ investiment pluriennali. Tali rakkomandazzjonijiet ikopru, fost oħrajn:

• Ir-riformi tas-suq tax-xogħol li jtejbu l-funzjonament tas-suq tax-xogħol bħal pereżempju l-indirizzar tal-fatt li l-ħiliet ma jaqblux mad-domanda.

• Miżuri għat-tħeġġiġ tal-kompetittività bħal pereżempju t-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni jew il-promozzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-innovazzjoni u l-infrastruttura.

• Miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-gvern bħal pereżempju t-titjib tal-kapaċità amministrattiva u tal-istatistika.

Permezz ta' adozzjoni rapida tal-QFP u l-leġiżlazzjoni rilevanti għas-setturi, b'mod partikolari ir-"Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni” għall-Fondi QSK, l-inċentivi u l-appoġġ tar-riformi strutturali fl-Istati Membri jissaħħu malajr.

3.1.5 Koordinazzjoni ex-ante ta’ riformi ewlenin u l-ħolqien ta’ “Strument għal Konverġenza u Kompetittività”

Il-fatt li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri huma kwistjoni ta’ tħassib komuni ġie enfasizzat bl-esperjenza tal-kriżi, speċjalment fiż-żona tal-euro. L-implimentazzjoni bil-mod jew in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ riformi strutturali importanti fuq perjodi twal ta’ żmien aggravaw il-problemi ta’ kompetittività u fixklu l-kapaċità ta’ aġġustament tal-Istati Membri, f’xi każijiet b’mod sinifikanti. Dan ikkontribwixxa biex tiżdied il-vulnerabbiltà tal-Istati Membri. L-ispejjeż fuq terminu qasir, ta’ natura politika jew ekonomika, ta’ spiss jaġixxu bħala deterrent għall-implimentazzjoni tar-riforma anke meta l-benefiċċji fuq terminu medju jew twil ikunu kbar. L-effetti sekondarji potenzjalment sinifikanti assoċjati mar-riformi strutturali fiż-żona tal-euro jiġġustifikaw l-użu ta’ strumenti speċifiċi, kif diġà sar permezz tal-mekkaniżmi tal-infurzar introdotti bil-leġiżlazzjoni six-pack. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qafas eżistenti għall-governanza ekonomika taż-żona tal-euro għandu jissaħħaħ aktar billi tiġi żgurata koordinazzjoni ex-ante akbar ta' proġetti ewlenin ta' riforma u, wara d-deċiżjoni dwar il-QFP li jmiss, permezz tal-ħolqien ta' "Strument għal Konverġenza u Kompetittività" sabiex jiġi pprovdut appoġġ għall-implimentazzjoni fil-ħin tar-riformi strutturali (ara l-Anness 1 għal deskrizzjoni aktar dettaljata tal-istruttura maħsuba). Dan l-istrument jgħaqqad flimkien l-integrazzjoni dejjem aktar profonda tal-politika ekonomika mal-appoġġ finanzjarju, u b’hekk jirrispetta l-prinċipju li skontu l-passi lejn aktar responsabbiltà u dixxiplina ekonomika jingħaqdu flimkien b'aktar solidarjetà. Fi proposta li ġejja, il-Kummissjoni se tistipula t-termini preċiżi għal dan l-istrument.

Koordinazzjoni ex-ante ta’ riformi ewlenin

Il-qafas ta' sorveljanza ekonomika attwali tal-UE diġà jipprovdi bażi għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Madankollu, dan il-qafas ma jipprevedix koordinazzjoni sistematika ex-ante fost l-Istati Membri tal-pjanijiet nazzjonali għal riformi politiċi ekonomiċi ewlenin. Diskussjoni u koordinazzjoni ex-ante ta’ pjanijiet ewlenin ta’ riforma, kif previst fl-Artikolu 11 tat-TSCG, jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-effetti sekondarji potenzjali tal-azzjoni nazzjonali u jikkumentaw dwar il-pjanijiet qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali f'livell nazzjonali. Fi proposta li jmiss, il-Kummissjoni se tipproponi qafas għall-koordinazzjoni ex-ante ta’ riformi strutturali ewlenin fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.  

Strument għal Konverġenza u Kompetittività: arranġamenti kuntrattwali u appoġġ finanzjarju

L-istrument għal konverġenza u kompetittività (SKK) propost ikopri l-arranġamenti kuntrattwali msaħħa bl-appoġġ finanzjarju.

L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali fl-Istati Membri taż-żona tal-euro jista’ jiġi ffaċilitat permezz tal-istabbiliment ta’ arranġamenti kuntrattwali li għandhom jaqblu magħhom l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Din is-sistema ġdida tibni fuq il-qafas ta’ sorveljanza eżistenti tal-UE, jiġifieri l-proċedura għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv jew PŻE)[13]. Tali arranġamenti jkunu nnegozjati bejn l-Istati Membri individwali u l-Kummissjoni, jiġu diskussi fil-Grupp tal-Euro u jiġu konklużi mill-Kummissjoni mal-Istat Membru. Dawn ikunu obbligatorji għall-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro soġġetti għal Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv u l-Pjan ta’ Azzjoni Korrettiva (PAK) li jkollhom iressqu skont din il-proċedura jkun jikkostitwixxi l-bażi tal-arranġamenti li għandhom jiġu nnegozjati mal-Kummissjoni. Għall-Istati Membri taż-żona tal-euro soġġetti għal azzjoni preventiva fir-rigward tal-iżbilanċi makroekonomiċi tagħhom, il-parteċipazzjoni tkun volontarja u tinvolvi l-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni simili għal dak rikjest skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv.

L-arranġamenti għalhekk dejjem ikunu bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li jirriżultaw mill-PŻE, li tipikament jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ aġġustamenti u tal-kompetittività u jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja, jiġifieri fatturi li huma kritiċi għall-funzjonament tajjeb tal-UEM. Il-PŻE għalhekk tistabbilixxi filtru sensibbli għal riformi ewlenin li huma eliġibbli li jiġu akkumpanjati minn appoġġ finanzjarju fid-dawl tal-esternalitajiet assoċjati preżenti f’unjoni monetarja.

Il-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Istat Membru mbagħad jiġi vvalutat mill-Kummissjoni u grupp finali ta’ riformi u miżuri u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom jiġu adottati bħala arranġament. Dan l-arranġament għalhekk jistipula l-miżuri aktar dettaljati li l-Istat Membru jimpenja ruħu li jimplimenta wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-parlament nazzjonali tiegħu fejn xieraq skont il-proċeduri nazzjonali. Din is-sistema ta’ arranġamenti nnegozjati ssaħħaħ il-kwalità tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kif ukoll l-impenn tal-Istati Membri għaliha u s-sjieda tar-riformi tagħhom.

Ir-riformi msemmija fl-arranġamenti kuntrattwali jkunu appoġġati finanzjarjament, bħala kumplement għar-rekwiżiti dixxiplinarji li diġà jkunu ġew introdotti mis-six-pack. L-għand ta’ tali appoġġ ikun li jmexxi għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riforma fil-ħin billi jegħleb jew mill-inqas inaqqas id-detterenti politiċi u ekonomiċi għar-riforma. Bil-promozzjoni tar-riformi strutturali li jsaħħu l-kapaċità ta’ aġġustament ta’ Stat Membru, l-SKK itejjeb il-kapaċità tal-ekonomija li tassorbi x-xokkijiet assimetriċi permezz tat-tisħiħ tal-funzjonament tas-suq.

L-appoġġ finanzjarju jingħata biss għall-pakketti tar-riforma li jkunu qablu fuqhom u li jkunu importanti kemm għall-Istat Membru kkonċernat kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tal-UEM. L-appoġġ finanzjarju jappoġġa l-isforzi ta’ Stat Membru u b’mod partikolari jagħti appoġġ f’każijiet fejn l-emerġenza ta’ żbilanċi tkun seħħet minkejja l-konformità sħiħa mar-rakomandazzjonijiet preċendenti speċifiċi għal kull pajjiż indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat.  

L-appoġġ finanzjarju jkollu effett ċar ta’ senjalar li jirrikonoxxi kemm il-kost tar-riforma għall-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-benefiċċju tar-riformi nazzjonali li jirriżulta għall-bqija taż-żona tal-euro meta jitqiesu l-esternalitajiet pożittivi transkonfinali (li jistgħu ma jkunux biżżejjed biex iwasslu għal impetu tar-riforma mill-Istati Membri). Meta l-Kummissjoni ssib ex post li Stat Membru ma jkunx ikkonforma bis-sħiħ mal-kuntratt, l-appoġġ finanzjarju jista’ jitwaqqaf.

L-appoġġ finanzjarju għandu jitfassal bħala allokazzjoni globali li għandha tintuża bħala kontribuzzjoni għall-finazjament ta' miżuri ta' sostenn għal riformi diffiċli. Pereżempju, l-impatt fuq terminu qasir tar-riformi li jżidu l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol jista’ jiġi akkumpanjat bi programmi ta’ taħriġ iffinanzjati parzjalment permezz tal-appoġġ ipprovdut taħt l-SKK. L-użu ta’ appoġġ finanzjarju jkun definit bħala parti mill-arranġament kuntrattwali konkluż bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni.

Sabiex jiġi appoġġat il-mekkaniżmu tal-appoġġ finanzjarju, jista' jiġi stabbilit strument finanzjarju speċjali fil-prinċipju bħala parti mill-baġit tal-UE.

L-istrument ikun stabbilit permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Jista’ jiġi interpretat bħala parti essenzjali tal-PŻE rinfurzat bl-arranġamenti kuntrattwali u l-appoġġ finanzjarju kif deskritt hawn fuq u għalhekk ikun ibbażat fuq l-Artikolu 136 TFUE. B’mod alternattiv, wieħed jista’ jipprevedi li jirrikorri għall-Artikolu 325 TFUE, jekk meħtieġ permezz tal-kooperazzjoni msaħħa (flimkien ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 332 TFUE dwar il-fatt li n-nefqa tiġi inkluża fil-baġit tal-UE).

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa għall-istrument jistgħu jkunu bbażati fuq impenn tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro jew obbligu legali għal dan minqux fil-leġiżlazzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu inklużi fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat. Billi huwa ffinanzjat permezz tad-dħul assenjat, l-istrument ma jitqegħidx taħt il-limiti massimi stabbiliti fir-Regolament QFP. L-Istati Membri li qed jikkontribwixxu biss jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jidħlu f’arranġament kuntrattwali mal-Kummissjoni u jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju. Appoġġ permezz tal-SKK ikun koerenti u konsisteni mal-appoġġ mill-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew. Il-volum tal-istrument jista’ jibqa’ limitat fil-fażi inizjali iżda jista’ jsir akbar f’terminu medju sakemm il-mekkaniżmu ta’ appoġġ ikun effettiv fil-promozzjoni tal-ibbilanċjar mill-ġdid, l-aġġustament u b'hekk it-tkabbir sostenibbli fiż-żona tal-euro.

Fil-proposti li ġejjin, il-Kummissjoni se tistabbilixxi t-termini preċiżi għal dan l-“istrument għal konverġenza u kompetittività” ibbażati fuq l-arranġamenti kuntrattwali u l-appoġġ finanzjarju.

3.1.6 Il-promozzjoni tal-investiment fiż-żona tal-euro

Ir-riformi strutturali appoġġati, l-ewwel mill-QFP u, imbagħad, mill-Istrument għal Konverġenza u Kompetittività se jkunu essenzjali għat-titjib tal-potenzjal ta' tkabbir fuq terminu medju tal-membri taż-żona tal-euro u l-aġġustament tagħhom għax-xokkijiet. Il-kosolidament kredibbli u li jiffavorixxi t-tkabbir li jtejjeb l-effiċjenza tal-istruttura tat-taxxi kif ukoll il-kwalità tal-infiq pubbliku se jikkontribwixxi biex jiġi stimolat it-tkabbir. Kif irrakkomandat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 u l-2013, l-Istati Membri għandhom iħabirku b’mod partikolari biex jinżamm pass ta’ konsolidament fiskali xieraq filwaqt li jiġu preservati l-investimenti bil-mira li jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi.

Il-qafas fiskali tal-UE joffri lok għall-bilanċ tar-rikonoxximent tal-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku produttiv mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali.  

L-invesiment pubbliku huwa wieħed mill-fatturi rilevanti li għandu jitqies meta l-pożizzjoni fiskali ta’ Stat Membru tkun qed tiġi vvalutata fir-rapport previst fl-Artikolu 126(3) TFUE li jiġi qabel it-tnedija ta’ PDE[14]. L-importanza ta' fatturi rilevanti, bħal pereżempju l-investiment pubbliku, għall-valutazzjoni żdiedet b'mod konsiderevoli bir-riforma reċenti tal-PST. F’ċerti kundizzjonijiet, il-kunsiderazzjoni ta’ fatturi rilevanti tista’ twassal għall-fatt li Stat Membru ma jitqegħidx f’PDE[15]; u l-fatturi rilevanti għandhom jitqiesu fit-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, inkluż il-pjan għat-tnaqqis tad-defiċit.

Fil-fergħa preventiva tal-PST, l-investiment pubbliku jitqies fil-valur referenzjarju l-ġdid tan-nefqa, li jintuża flimkien mal-bilanċ strutturali biex jiġi vvalutat il-progress lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. B’mod speċifiku, il medja tal-formazzjoni ġenerali grossa tal-kapital fiss tal-gvern titkejjel fuq għadd ta’ snin, sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jiġu ppenalizzati minħabba l-livelli massimi annwali fl-investiment[16].

Il-Kummissjoni se teżamina modi ulterjuri fil-fergħa preventiva biex takkomoda programmi ta’ investiment fil-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza. Speċifikament, taħt ċerti kundizzjonijiet, programmi mhux rikorrenti ta' investiment pubbliku b'impatt ippruvat fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi jistgħu jikkwalifikaw għal devjazzjoni temporanja mill-għan baġitarju fuq terminu ta’ żmien medju jew it-triq ta’ aġġustament għalih[17]. Dan jista’ japplika, pereżempju, fil-każ ta' proġetti ta' investiment tal-gvern  li jkunu kkofinanzjati mal-UE, konsistentement mal-qafas tal-makrokundizzjonalità.

Filwaqt li biex tali kundizzjonijiet jiġu operattivi jrid jinħadem qafas sħiħ (l-aktar f’termini ta’ informazzjoni/rekwiżiti ta’ definizzjonijiet), trattament speċifiku ta’ investiment pubbliku jista’ biss iwassal għal devjazzjoni temporanja mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) jew il-pjan ta’ aġġustament biex jintlaħaq. Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-pjan xieraq biex jinlaħaq l-OTM fir-Rebbiegħa 2013.

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-proġetti ta' investiment ma għandhomx jitqiesu bħala “regola tad-deheb”, li tippermetti eċċezzjoni permanenti għall-investiment pubbliku kollu. Tali approċċ mhux diskriminatorju jista’ faċilment jipperikola l-objettiv ewlieni tal-PST billi jagħmel ħsara lis-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern.

3.1.7 Rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro

Il-bini fuq il-progress miksub fil-governanza ekonomika taż-żona tal-euro, tisħiħ u konsolidament tar-rappreżentanza esterna tagħha għandhom jitkomplew. Dan jista’ jinkiseb b’mod sħiħ fuq il-bażi tat-Trattati attwali (Artikolu 17 TUE u Artikolu 138 TFUE).

Tali tisħiħ huwa neċessarju biex jiġi żgurat li ż-żona tal-euro tiġi rrappreżentata b’mod li huwa proporzjonali mal-piż ekonomiku tagħha, filwaqt li jiġu riflessi l-bidliet li qed isiru fil-governanza ekonomika interna. Iż-żona tal-euro għandu jkollha rwol aktar attiv kemm fl-istituzzjonijiet multilaterali u l-fora kif ukoll fid-djalogi bilaterali mas-sħab strateġiċi. Dan għandu jirriżulta fil-preżentazzjoni ta’ messaġġ uniku dwar il-kwistjonijiet bħal pereżempju l-kwistjonijiet dwar il-politika ekonomika u fiskali taż-żona tal-euro, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki tar-rati tal-kambju u l-istabbiltà finanzjarja.

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi jeħtieġ li jintlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali li għandu l-għan li jtejjeb u, fejn possibbli, junifika r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fl-organizzazzjonijiet u l-fora ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali.

L-attenzjoni għandha tkun fuq l-FMI, li permezz tal-istrumenti ta’ self u is-sorveljanza tiegħu huwa pilastru istituzzjonali ewlieni fil-governanza ekonomika globali. Kif uriet il-kriżi, huwa ta’ importanza kbira għaż-żona tal-euro li jkollha leħen wieħed b’mod partikolari dwar il-programmi, l-arranġamenti ta’ finanzjament u l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-kriżi tal-FMI. Dan se jirrikjedi tisħiħ tal-arranġamenti ta’ koordinazzjoni taż-żona tal-euro fi Brussell u Washington dwar il-kwistjonijiet relatati mal-UEM biex jiġu riflessi l-bidliet fil-governanza interna tal-UEM u biex jiġu żgurati l-konsistenza u l-effettività tal-messaġġi pprovduti.

It-tisħiħ tar-rappreżentanza taż-żona tal-euro fl-FMI għandu jsir permezz ta' proċess b'żewġ stadji: Fl-ewwel stadju, il-kostitwenzi tal-pajjiż għandhom jerġgħu jiġu organizzati sabiex jiġbru mill-ġdid il-pajjiżi f’kostitwenzi taż-żona tal-euro li jistgħu wkoll jinkludu Stati Membri taż-żona tal-euro tal-ġejjieni. B’mod parallel, għandu jintalab l-istatus ta’ osservatur fil-bord eżekuttiv tal-FMI għaż-żona tal-euro[18].

Dawn il-miżuri għandhom iħejju t-triq għaż-żona tal-euro li, fit-tieni stadju, tkun qed tfittex li tikseb siġġu uniku fil-korpi tal-FMI (il-bord eżekuttiv u l-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali). Fi żmien debitu il-Kummissjoni se tressaq proposti formali skont l-Artikolu 138(2) TFUE biex tistabbilixxi pożizzjoni unifikata biex tikseb status ta’ osservatur taż-żona tal-euro fil-bord eżekuttiv tal-FMI, u mbagħad għal siġġu uniku. L-istituzzjoni xierqa biex tirrappreżenta liż-żona tal-euro fl-FMI, skont l-Artikolu 138 TFUE, hija l-Kummissjoni, u l-BĊE jkun assoċjat fil-qasam tal-politika monetarja. Aktar dettalji dwar dan l-aspett tat-tisħiħ tal-UEM jinsabu fl-Anness 2.

3.2 F’terminu medju: Integrazzjoni msaħħa tal-politika baġitarja u ekonomika u passi lejn kapaċità fiskali xierqa

F’terminu medju, għandhom jiġu stabbiliti koordinazzjoni baġitajra ulterjuri (inkluża l-possibbiltà li jiġu rikjesti emendi għall-baġits nazzjonali jew li jintuża l-veto), l-estensjoni ta’ koordinazzjoni tal-politika aktar profonda għall-oqsma tat-tassazzjoni u l-impjiegi, u l-ħolqien ta’ kapaċità fiskali xierqa u awtonoma għall-UEM biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-għażliet politiċi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni aktar profonda. Xi wħud minn dawn l-elementi se jirrikjedu emenda tat-Trattati.

It-tnaqqis tad-dejn pubbliku li jeċċedi b’mod sinifikanti l-kriterji tal-PST jista’ jiġi indirizzat permezz tal-istabbiliment ta’ fond ta’ tifdija. Motivatur possibbli għat-tħeġġiġ tal-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro u b’mod partikolari biex jiġu stabbilizzati s-swieq volatili tad-dejn tal-gvern huwa l-ħruġ komuni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro ta’ dejn tal-gvern ta’ terminu qasir b’maturità ta’ bejn sena u sentjen. Dawn iż-żewġ possibbiltajiet jirrikjedu emenda tat-Trattati[19].

3.2.1 It-tisħiħ tal-integrazzjoni baġitarja u ekonomika li teħtieġ bidliet fit-Trattati

It-tiġdid tal-governanza baġitarja u ekonomika li ż-żona tal-euro setgħet għaddiet minnha bl-adozzjoni tat-two pack u d-disponibbiltà tal-Istrument għal Konverġenza u Kompetittività jirrappreżenta pass kbir ’il quddiem fl-iżgurar tad-dixxiplina baġitarja iżda wkoll tal-kompetittività ekonomika.

Madankollu, il-moviment lejn aktar mutwalizzazzjoni tar-riskju finanzjarju jeħtieġ li l-koordinazzjoni tal-politika baġitarja timxi pass ’il quddiem billi jiġi żgurat li jkun hemm kontroll kollettiv fuq il-politika baġitarja nazzjonali f’sitwazzjonijiet definiti.

B’mod partikolari, l-innovazzjonijiet li rriżultaw mit-two-pack u speċjalment il-possibbiltà ta’ opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, u f'każijiet estremi, il-possibbiltà li jintalab abbozz ġdid tal-pjan baġitarju fil-każ ta' ksur serju tal-obbligi tal-Istati Membri skont il-PST, qegħdin jilħqu l-limitu ta’ dak li huwa possibbli skont it-Trattati attwali f’termini ta’ koordinazzjoni u intervent mil-livell tal-UE fil-proċess baġitarju nazzjonali. Bit-two-pack, ladarba jiġi adottat, l-UE se tkun laħqet sew il-limiti tal-kompetenza leġiżlattiva tagħha f’dan ir-rigward.

Il-progress f’termini ta’ kontroll tal-politika baġitarja nazzjonali, pereżempju billi jiġi stabbilit dritt Ewropew biex tiġi rikjesta reviżjoni tal-baġits nazzjonali b’mod konformi mal-impenji Ewropej, jirrikjedi bidla fit-Trattati.

Jistgħu jitqiesu l-possibbiltajiet li ġejjin (mhux esklużivi):

 •          L-ewwel nett, obbligu għal Stat Membru li jirrevedi l-(abbozz tal-) baġit nazzjonali tiegħu jekk il-livell tal-UE jirrikjedi dan fil-każ ta’ devjazzjoni mill-obbligi tad-dixxiplina baġitarja stabbilita qabel fil-livell tal-UE. Dan jinvolvi bidla fin-natura tal-opinjoni dwar il-baġits nazzjonali prevista fit-two-pack minn natura mhux vinkolanti għal waħda vinkolanti.

•           It-tieni, il-bini fuq il-proċess ta' monitoraġġ u koordinazzjoni aktar strett stabbilit mit-two-pack, f'ċerti sitwazzjonijiet partikolarment serji li għandhom jiġu definiti, id-dritt li tiġi rikjesta reviżjoni ta’ deċiżjonijiet individwali tal-implimentazzjoni tal-baġit b’mod konformi mal-impenji Ewropej li jista’ jirriżulta f'devjazzjoni serja mit-triq tal-konsolidament baġitarju stabbilit fil-livell tal-UE.

•           It-tielet, kompetenza ċara għal-livell tal-UE biex jiġu armonizzati l-liġijiet baġitarji nazzjonali (skont it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja[20]) u biex ikun hemm rikors għall-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta' nuqqas ta' konformità.

 

Fir-rigward tal-politika ekonomika, il-politika tat-taxxi tista’ tappoġġa l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tikkontribwixxi għall-konsolidament fiskali u t-tkabbir. Fuq il-bażi tal-esperjenza li għandha tinkiseb permezz tad-diskussjonijiet strutturati dwar il-kwistjonijiet tal-politika tat-taxxi li jiffokaw fuq oqsma fejn jistgħu jiġu previsti attivitajiet aktar ambizzjużi, fil-ġejjieni wieħed jista’ jikkunsidra, fil-kuntest ta’ bidla fit-Trattat, li jingħata lok għal leġiżlazzjoni dwar koordinazzjoni aktar profonda f’dan il-qasam fiż-żona tal-euro. Qasam ieħor ta’ importanza simili fejn tali progress jista’ jitqies huwa s-swieq tax-xogħol, minħabba l-importanza ta’ swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u b’mod partikolari l-mobbiltà tax-xogħol għall-kapaċità ta’ aġġustament u t-tkabbir fi ħdan iż-żona tal-euro.

Il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-impjiegi u l-politiki soċjali għandhom jissaħħu fil-governanza tal-UEM, u l-konverġenza għandha tiġi promossa f’dawn l-oqsma. Il-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jistgħu jissaħħu billi jingħaqdu flimkien fi strument wieħed.

Dawn il-bidliet jipprovdu l-bażi għall-iżvilupp ta' kapaċità fiskali xierqa għaż-żona tal-euro biex tappoġġa r-riforma strutturali fuq skala kbira kif ukoll biex tippermetti forom ta’ mutwalizzazzjoni tad-dejn biex tiġi ffaċilitata s-soluzzjoni tal-problemi ta’ dejn għoli u segmentazzjoni finanzjarja li huma parti mill-effetti tal-kriżi.

3.2.2 Kapaċità fiskali xierqa għaż-żona tal-euro

Fuq il-bażi tal-esperjenza ta’ koordinazzjoni sistematika ex-ante ta’ riformi strutturali ewlenin u l-SKK, għandha tiġi stabbilita kapaċità fiskali dedikata għaż-żona tal-euro. Din għandha tkun awtonoma fis-sens li d-dħul tagħha jkun jiddependi biss fuq ir-riżorsi proprji, u eventwalment tista’ tirrikorri għas-self. Għandha tkun effettiva u tipprovdi riżorsi suffiċjenti biex tappoġġa riformi strutturali importanti f’ekonomija kbira f’sitwazzjoni ta’ diffikultà.

Il-kapaċità fiskali xierqa għaż-żona tal-euro fil-bidu tista’ tiġi żviluppata taħt il-liġi sekondarja kif spjegat fit-taqsima 3.1.3. Madankollu, it-tisħiħ tagħha jista’ jibbenefika minn bażijiet tat-Trattat ġodda speċifiċi li jkunu meħtieġa jekk il-kapaċità jkollha tkun tista’ tirrikorri għas-self.

3.2.3 Fond ta’ tifdija

Qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika msaħħa b’mod ċar tista’ tippermetti l-indirizzar tat-tnaqqis tad-dejn pubbliku li jeċċedi b’mod sinifikanti l-kriterji tal-PST permezz tal-istabbiliment ta’ fond ta’ tifdija soġġett għal kondizjonalità stretta.

Il-proposta inizjali ta’ Fond Ewropew ta’ Tifdija (FET) bħala għodda immedjata għall-kriżi ġiet żviluppata mill-Kunsill Ġermaniż ta’ Esperti Ekonomiċi (German Council of Economic Experts - GCEE) bħala parti minn strateġija għat-tnaqqis tad-dejn madwar iż-żona tal-euro kollha.

Sabiex jiġi limitat il-periklu morali, u biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-istruttura kif ukoll it-tifdija tal-ħlasijiet, il-GCEE pproponew bosta strumenti ta' superviżjoni u stabbilizzazzjoni, bħal pereżempju: (1) kondizjonalità stretta, simili għar-regoli miftiehma fi ħdan il-programmi EFSF/MES; (2) ħlasijiet immedjati tal-penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli; (3) monitoraġġ strett minn istituzzjoni speċjali (pereżempju l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE); (4) waqfien immedjat tat-trasferiment tad-dejn lill-fond matul il-fażi ta’ bidu fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli; (5) it-twegħid tar-riżervi internazzjonali tal-Istati Membri (riżervi ta’ munita barranija jew tad-deheb) bħala garanzija għar-responsabbiltajiet tagħhom u/jew l-allokazzjoni ta’ taxxi (possibbilment li għadhom kif iddaħħlu) biex jiġi kopert is-servizz tad-dejn (pereżempju id-dħul tal-VAT) biex jiġi limitat ir-riskju tar-responsabbiltà.

Il-Kummissjoni taqbel li qafas baġitarju u ekonomiku b’saħħtu huwa rekwiżit meħtieġ minn qabel għal fond ta’ tifdija li jista’ jaħdem sew. Aktar sorveljanza u setgħa ta’ intervent fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali huwa ġustifikat kif diskuss fit-taqsima preċedenti. Il-kredibbiltà tal-pjanijiet ta’ aġġustament tirrikjedi li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet fiskali xierqa meta Stat Membru jidħol fis-sistema. Rispett sħiħ tad-direzzjoni tal-aġġustament lejn l-objettiv fuq terminu medju kif propost mill-Kummissjoni jirrappreżenta l-minimu f’dan ir-rigward.

Fond Ewropew ta’ Tifdija taħt kundizzjonalità stretta bħal din (ara wkoll l-Anness 3) għalhekk jista’ jipprovdi sigurtà għal tnaqqis kredibbli fid-dejn pubbliku, u b’hekk il-livell tad-dejn tal-gvern jerġa’ jaqa’ taħt il-limitu ta’ 60% kif previst fit-Trattat ta’ Maastricht.

L-introduzzjoni ta’ tali qafas tista' tagħti sinjal ieħor li l-Istati Membri fiż-żona tal-euro lesti, jistgħu u jieħdu l-impenn li jnaqqsu l-livelli tad-dejn tagħhom. Dan imbagħad jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament globali tal-Istati Membri li għandhom dejn eċċessiv. Bl-iżgurar tal-finanzjament tat-tnaqqis tad-“dejn eċċessiv” b’kost sostenibbli, flimkien maż-żewġ inċentivi u monitoraġġ kontinwu tat-tnaqqis tiegħu, dan jista’ jagħti lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro l-possibbiltà biex jagħtu direzzjoni lit-tnaqqis tad-dejn b’mod li jista’ jiffaċilita l-investiment f'miżuri li jappoġġaw it-tkabbir. Barra minn hekk, tali qafas jista’ jikkontribwixxi għall-fatt li t-tnaqqis tad-dejn isir fuq bażi trasparenti u kkoordinata fiż-żona tal-euro kollha, u b’hekk jikkumplimenta l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji.

L-istabbiliment ta’ tali fond ta’ tifdija tad-dejn jista’ biss jiġi previst fil-kuntest ta’ reviżjoni tat-Trattati attwali. Għal raġunijiet ta’ responsabbiltà, l-att li joħloq tali fond ikollu jitfassal bi preċiżjoni legali kbira, fir-rigward tad-dejn massimu li jista’ jiġi ttrasferit, il-ħin massimu tal-operazzjoni u l-karatteristiċi kollha l-oħra tal-fond, biex tiġi garantita ċ-ċertezza legali meħtieġa skont il-liġijiet kostituzzjonali nazzjonali.

Mudell possibbli li jiżgura r-responsabbiltà xierqa għal fond ta’ tifdija tad-dejn hekk imfassal jista’ jkun kif ġej: bażi legali għat-Trattati jippermetti l-istabbiliment tal-fond permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, adottata b’unanimità tal-membri taż-żona tal-euro bil-kunsens tal-Parlament Ewropew u soġġetta għar-ratifika mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom. Dik id-deċiżjoni tistabbilixxi l-volum massimu, it-tul u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-fond. Entità Ewropea għall-ġestjoni tad-dejn fi ħdan il-Kummissjoni, li trid tagħti kont lill-Parlament Ewropew, imbagħad tamministra l-fond skont ir-regoli stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill.

3.2.5 Eurobills

Effett importanti tal-kriżi kien il-valutazzjoni mill-ġdid tar-riskju ta' kreditu sovran fiż-żona tal-euro. Wara aktar minn għaxar snin li matulhom l-Istati Membri setgħu jisselfu b'kundizzjonijiet kważi identiċi, is-swieq reġgħu bdew jiddistingwu il-primjums għar-riskju madwar il-pajjiżi kollha. It-titoli tal-gvern maħruġa mill-aktar Stati Membri dgħajfin fiż-żona tal-euro ġew negozjati b'rendimenti ferm ogħla, b'konsegwenzi negattivi għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għas-sovrani kkonċernati kif ukoll għas-solvenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jżommu dawk it-titoli tal-gvern bħala assi.  Is-segmentazzjoni tar-riskju ta' kreditu flimkien mal-iżbilanċjar li jikkaratterizza l-istituzzjonijiet finanzjarji wriet li hija strument b'saħħtu ta' frammentazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro. Il-banek li huma esposti wisq għas-sovranitajiet aktar dgħajfa jsibuha dejjem aktar diffiċli li jiffinanzjaw mill-ġdid u l-kundizzjonijiet ta' kreditu għas-settur privat saru diversifikati ferm skont il-post ta' min jissellef. Fl-istess waqt, is-segmentazzjoni tas-suq finanzjarju xxekkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja u t-tnaqqis fil-livell ċentrali ma jsarrafx f'titjib xieraq tal-kundizzjonijiet ta' self fejn ikun l-aktar ġustifikat.

Fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, hemm argument sod favur il-ħolqien ta' strument sovran ġdid fiż-żona tal-euro. L-hekk imsejħa eurobills jistgħu jservu ta' xprun biex titrawwem l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro u b'mod partikolari biex jiġu stabbilizzati s-swieq instabbli tad-dejn tal-gvern. Il-ħruġ komuni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro ta' dejn tal-gvern fuq perjodu qasir b'maturità ta' sena sa sentejn, ikun jikkostitwixxi għodda b'saħħitha kontra l-frammentazzjoni attwali, billi jnaqqas iċ-ċirku ta' reazzjonijiet negattivi bejn is-sovrani u l-banek, filwaqt li jillimita l-periklu morali. Barra minn hekk, dan jgħin ukoll biex tinġieb lura t-trażmissjoni xierqa tal-politika monetarja. Il-eurobills jistgħu progressivament jieħdu post id-djun fuq perjodu qasir, u ma jespandux l-ammont globali tad-dejn nazzjonali fuq perjodu qasir fiż-żona tal-euro.

L-hekk imsejħa eurobills jistgħu jikkontribwixxu għat-tlestija tas-swieq finanzjarji Ewropej billi joħolqu suq kbir u integrat tat-titoli fuq perjodu qasir fiż-żona tal-euro.  Minħabba r-rwol importanti tad-dokumenti fuq perjodu qasir għall-immaniġġar ta' flus u ż-żmien qasir tal-kambjali, dawn it-titoli normalment għandhom kwalità ta' kreditu partikolarment għolja. Fl-istess waqt, in-natura riċiklabbli u ta' żmien qasir ta' dawn il-kambjali tagħmilha possibbli li jiġu aġġustati malajr l-iskemi ta' finanzjament skont l-imġiba fiskali nazzjonali, u b'hekk tistabbilixxi l-inċentivi għad-dixxiplina fiskali.

Il-ħruġ komuni jsaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja billi jiżgura provvista fil-pront ta' likwidità fuq perjodu qasir għall-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro. Dan joħloq ukoll ġabra ta' assi sikura madwar iż-żona tal-euro, li tiffaċilita ferm l-immaniġġar tal-likwidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji u b'hekk tnaqqas l-iżbilanċjar ta' spiss qawwi, li kien ta' ħsara kbira f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. Il-eurobills ikunu wkoll ta' għajnuna kbira għat-tmexxija tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro, billi jissaħħu u jiġu armonizzati l-mezzi tat-trażmissjoni. B'hekk, il-eurobills ikunu kompatibbli u komplementari bis-sħiħ mal-kunċett ta' fond ta' tifdija.

Minħabba n-natura tagħhom bħala strumenti finanzjarji li jirrikjedu garanziji diversi u konġunti mill-Istati Membri parteċipanti, ikun meħtieġ tibdil fit-Trattati biex dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu żviluppati. Il-eurobills mhumiex sostitut għal dixxiplina fiskali u governanza ekonomika mtejba. L-implimentazzjoni ta' dan l-istrument ta' dejn komuni tkun tirrikjedi koordinazzjoni mill-qrib u sorveljanza tal-immaniġġar tad-dejn tal-Istati Membri sabiex jiġu żgurati politiki baġitarji nazzjonali sostenibbli u effiċjenti. Il-funzjoni ta' monitoraġġ u mmaniġġar tista' tiġi pprovduta minn teżorerija tal-UEM fi ħdan il-Kummissjoni.

3.3 Viżjoni aktar fit-tul għall-UEM

Fuq medda itwal ta' żmien, l-Unjoni Ewropea għandha tersaq lejn unjoni bankarja sħiħa, unjoni fiskali sħiħa, unjoni ekonomika sħiħa, li kollha jirrikjedu, bħala r-raba' element, il-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika xierqa tat-teħid ta' deċiżjonijiet. F'dan il-proċess se tkun meħtieġa riforma kbira fit-Trattat.

3.3.1 Unjoni bankarja sħiħa

Fuq medda itwal ta' żmien, huwa fundamentali li wieħed jimmira lejn unjoni bankarja sħiħa għall-banek kollha. Is-sorveljanza diretta mill-BĊE billi jiġu applikati l-Ġabra Unika tar-Regoli u l-istandards żviluppati mill-ABE tiżgura kwalità għolja konsistenti tas-sorveljanza madwar iż-żona tal-euro. Flimkien mal-għodod ta' politika makroprudenzjali fil-livell taż-żona tal-euro, se jkun hemm sistema effettiva biex timmonitorja u tillimita r-riskji mikroprudenzjali kif ukoll dawk makroprudenzjali fis-sistema finanzjarja.

Dik is-sistema u sistema komuni għar-riżoluzzjoni bankarja, flimkien ma' skemi ta' garanzija tad-depożiti effettivi u solidi fl-Istati Membri kollha, se jpoġġu b'mod dejjiemi lis-settur bankarju fuq bażi soda u jikkontribwixxu biex tinżamm il-fiduċja fl-istabbiltà sostenibbli taż-żona tal-euro. Sabiex tiġi mmassimizzata l-fiduċja pubblika, se jkun meħtieġ ukoll mekkaniżmu ta' salvagwardja finanzjarja kredibbli u b'saħħitha. Dan fl-aħħar mill-aħħar jista' jiġi ffaċilitat mill-iżvilupp ta' assi sikuri fiż-żona tal-euro.

Filwaqt li tgħaqqad dawn l-elementi kollha, unjoni bankarja sħiħa hija parti ewlenija ta' viżjoni fit-tul għal integrazzjoni ekonomika u fiskali[21].

3.3.2 Unjoni fiskali u ekonomika sħiħa

Il-ksib ta' unjoni fiskali u ekonomika sħiħa jkun l-aħħar stadju fl-UEM. Bħala destinazzjoni finali, din tkun tinvolvi unjoni politika bi ppuljar adegwat ta' sovranità b'baġit ċentrali bħala l-kapaċità fiskali tagħha kif ukoll mezz biex jiġu imposti deċiżjonijiet baġitarji u ekonomiċi fuq il-membri tagħha, f'ċirkustanzi speċifiċi u definiti sewwa. Il-kobor ta' dan il-baġit ċentrali se jiddependi fuq il-livell ta' integrazzjoni mixtieq u fuq ir-rieda li jitwettaq it-tibdil politiku li jakkumpanjaha. Dan il-livell profond ta' integrazzjoni kien joħloq il-kundizzjonijiet għal ħruġ komuni ta' dejn permezz tal-Bonds ta' Stabbiltà kif stabbilit fil-Green Paper tal-Kummissjoni tal-2011.

In-nuqqas ta' baġit ċentrali b'funzjoni ta' stabbilizzazzjoni kien ilu li ġie identifikat bħala dgħufija potenzjali taż-żona tal-euro meta mqabbla ma' unjoni monetarji oħra ta' suċċess.

Il-Baġit Ċentrali li jipprevedi kapaċità fiskali b'funzjoni ta' stabbilizzazzjoni

L-arkitettura attwali tal-UEM tiddependi fuq il-politiki fiskali nazzjonali deċentralizzati f'qafas ibbażat fuq ir-regoli. Hu mistenni li l-funzjoni ta' stabbilizzazzjoni tal-politika fiskali f'dan l-ambjent tkun diġà ġiet applikata fil-livell nazzjonali, fil-limiti tar-regoli tat-Trattat u tal-PST. Tabilħaqq, il-perspettiva tradizzjonali tal-arranġamenti tal-UEM tassenja lill-politiki fiskali nazzjonali l-kompitu li jirreaġixxu għax-xokkijiet speċifiċi għall-pajjiżi, u lill-politika monetarja il-kompitu li tiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet u b'hekk tistabbilizza l-kundizzjonijiet makroekonomiċi mal-UEM kollha. Barra minn hekk, l-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali għandhom potenzjal sinifikanti għall-istabbilizzazzjoni fil-pajjiżi tal-UEM, minħabba d-daqs relattivament kbir tal-istati soċjali.

Filwaqt li tibni fuq il-kapaċità fiskali, l-għodda ta' stabbilizzazzjoni fil-livell tal-UEM biex tappoġġa l-aġġustament għax-xokkijiet asimmetriċi, tiffaċilita l-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomiċi aktar b'saħħithom u tevita t-twaqqif ta' flussi ta' trasferimenti fuq perjodu twil, tista' ssir komponent għal UEM ġenwina. Tali mekkani¿mu jrid jiġi strettament immirat biex jindirizza l-asimmetriji fuq perjodu qasir u l-i¿viluppi ċikliċi sabiex jiġu evitati t-trasferimenti permanenti tul iċ-ċiklu. Dan irid jappoġġa r-riformi strutturali u jkun suġġett għal kondizzjonalità politika stretta sabiex jiġi evitat il-periklu morali.

Strument komuni maħsub għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika jista' jipprovdi sistema ta' assigurazzjoni li permezz tagħha r-riskji għax-xokkijiet ekonomiċi jiġu raggruppati fl-Istati Membri kollha, u b'hekk jitnaqqas iċ-ċaqliq fid-dħul nazzjonali. It-tieni, dan jista' jgħin biex jitjiebu l-politiki fiskali nazzjonali tul iċ-ċiklu kollu. B'mod partikolari, jista' jħeġġeġ it-tnaqqis fiskali matul it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li jipprovdi lok addizzjonali ta' manuvra għal pożizzjoni fiskali ta' sostenn fit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. B'mod ġenerali, strument konġunt jista' jwassal għal kisbiet ċari fil-poter ta' stabbilizzazzjoni, meta mqabbel mal-arranġamenti attwali.

Skont it-tfassil, il-mekkaniżmu jista' jiffoka fuq xokkijiet asimmetriċi jew jinkludi wkoll xokkijiet li huma komuni fiż-żona tal-euro. Madankollu, it-tieni approċċ, filwaqt li huwa aktar komprensiv, ikun jirrikjedi salvagwardji b'saħħithom biex tinżamm il-kredibbiltà fiskali, billi ż-żieda fil-poter ta' stabbilizzazzjoni kontra x-xokkijiet sfavorevoli komuni setgħet tinkiseb biss billi jiżdied b'mod effettiv il-fluss tas-self totali taż-żona tal-euro f'dawn il-perjodi, u għalhekk ikollu jiġi ffinanzjat minn żbilanċi pożittivi ogħla fi żminijiet tajbin. Skont dan l-approċċ, il-baġit ċentrali x'aktarx li għandu jingħata l-kapaċità li jsellef u joħroġ il-bonds. Barra minn hekk, il-politika monetarja xorta tibqa' l-istrument primarju biex jindirizza x-xokkijiet komuni.

Fl-aktar formulazzjoni sempliċi tagħha, l-iskema ta' stabbilizzazzjoni biex tistabbilizza x-xokkijiet asimmetriċi tista' tirrikjedi l-pagamenti netti monetarji li huma negattivi fi żminijiet tajbin u pożittivi fi żminijiet ħżiena. Pereżempju, skema sempliċi tiddetermina l-kontribuzzjonijiet/il-pagamenti netti tal-pajjiżi bħala funzjoni tad-diskrepanza tal-output tagħhom (mqabbla mal-medja). Ma jkunx hemm aktar rekwiżiti fuq l-użu tal-pagameti rċevuti mill-fond.

Minflok, l-iskemi jistgħu jirrikejdu li l-pagamenti mill-fond ikunu mmirati għal skop definit, b'effetti kontroċikliċi (pereżempju fis-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Uniti fejn fond federali jirrimborża 50 % tal-benefiċċji tal-qgħad li jaqbżu t-tul ta' żmien standard sa massimu stabbilit, kondizzjonali fuq il-qgħad li huwa f'ċertu livell u li qed jiżdied). Filwaqt li l-immirar tat-trasferimenti jista' jsaħħaħ il-proprjetajiet ta' stabbilizzazzjoni, ir-riskju li l-gvernijiet ipattu għall-impatt tat-trasferimenti permezz ta' miżuri fiskali b'effetti opposti ma jistax jiġi evitat għal kollox.

L-iskemi għandhom joperaw b'tali mod li jiġu evitati t-"trasferimenti permanenti" madwar il-pajjiżi. Fi kliem ieħor, għandhom jitfasslu b'mod li jiġi evitat li, fuq perjodu ta' żmien twil wisq, xi pajjiż ikun suġġett għal telf jew ksib ċar mill-iskema. Kundizzjoni meħtieġa hija li d-differenzi bejn pajjiż u ieħor fit-trasferimenti netti lejn l-iskema ma jiddependux fuq differenzi assoluti fid-dħul iżda minflok fuq id-differenzi fil-pożizzjonijiet ċikliċi. Id-differenzi fil-livell tad-dħul jistgħu jippersistu għal għexieren ta' snin, filwaqt li l-pożizzjonijiet ċikliċi relattivi x'aktarx li jbiddlu s-sinjal matul għaxar snin. Hemm kompromess bejn il-limitu sa fejn it-trasferimenti huma obbligati li jkunu temporanji u l-livell sa fejn ix-xokkijiet tad-domanda asimmetriċi li jtulu (eż. it-tnaqqis fl-ingranaġġ tal-ħruġ kapitali) jistgħu jiġu indirizzati[22].

Il-kunsiderazzjonijiet istituzzjonali

L-emendi tat-Trattati li jipprovdu l-bażi legali għal tali kapaċità fiskali b'funzjoni ta' stabbilizzazzjoni jistgħu, inter alia:

• joħolqu bażi legali espliċita ġdida li tippermetti t-twaqqif ta' fond li jservi l-objettivi definiti b'mod usa' milli huwa possibbli attwalment skont l-Artikolu 136 tat-TFUE, inkluż għal finijiet ta' stabbilizzazzjoni makroekonomiċi.

• joħolqu proċedura baġitarja apposta u ta' riżorsi proprji, korrispondenti;

• joħolqu poter ta' tassazzjoni ġdid fil-livell tal-UE, jew poter biex iżid id-dħul billi jiddejjen fis-swieq (li bħalissa hu pprojbit mill-Artikoli 310 u 311 tat-TFUE);

• jipprovdu għal Teżorerija tal-UEM fi ħdan il-Kummissjoni;

• u, fl-aħħar nett jekk ikun mixtieq, jippermettu lil Stati Membri oħra li jagħżlu b'mod ħieles tali kapaċità fiskali, bħala pass lejn it-tħejjija tas-sħubija tagħhom maż-żona tal-euro.

Il-kisba ta' UEM profonda u ġenwina tinvolvi miżuri inkrementali, li jibnu fuq dak li kieku nkiseb fuq medda qasira u medja ta' żmien u jintroduċu integrazzjoni ulterjuri fuq bażi ta' pass wara pass u ta' politika b'politika. B'dan il-mod, il-koordinazzjoni politika ekonomika u baġitarja aktar profonda akkumpanjata mill-istrumenti ta' sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' prijoritajiet politiċi miftiehma b'mod konġunt tista' eventwalment tiġi segwita mill-emerġenza ta' baġit ċentrali b'mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni komuni, mill-integrazzjoni tal-MES fil-qafas tat-Trattat tal-UE u mill-passi lejn il-mutwalizzazzjoni tal-ħruġ tad-dejn sovran bejn l-Istati Membri.

Il-progress lejn UEM profonda u ġenwina jkun jirrikjedi, fuq medda medja ta' żmien, struttura relatata ma' Teżor tal-UEM fil-Kummissjoni biex torganizza l-politiki komuni mwettqa bil-kapaċità fiskali komuni sal-punt li dawn jimplikaw riżorsi komuni u/jew self komuni. Tali Teżor ikun jinkorpora l-awtorità baġitarja ġdida u jimmaniġġa r-riżorsi konġunti. Dan ikun irid jitmexxa minn membru superjuri tal-Kummissjoni bħall-Viċi President responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u għall-euro, b'koordinazzjoni xierqa mal-Kummissarju tal-Baġit, u appoġġat minn strutturi kolleġjali.

Filwaqt li ma tkunx eskluża l-integrazzjoni tal-MES fil-qafas tal-UE skont it-Trattati attwali, permezz ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 352 tat-TFUE u emenda tad-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-UE, jidher li, minħabba l-importanza politika u finanzjarja ta' dan il-pass u l-adattamenti legali meħtieġa, dak l-approċċ ma jkunx neċessarjament inqas ikkumplikat mit-twettiq ta' integrazzjoni tal-MES permezz ta' tibdil fit-Trattati tal-UE. Dan tal-aħħar jippermetti wkoll l-istabbiliment ta' proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet imfassla apposta.

Il-passi kollha differenti msemmija hawn fuq jimplikaw livell ogħla ta' trasferiment tas-sovranità, u għalhekk jirrikjedu responsabbiltà fil-livell Ewropew Flimkien ma' dan il-proċess għandhom jittieħdu passi lejn integrazzjoni politika, sabiex jiġi żgurat it-tisħiħ tal-leġittimità, tar-responsabbiltà u tal-iskrutinju demokratiċi.

4. Unjoni Politika: Il-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika kif ukoll il-governanza msaħħa f'UEM profonda u ġenwina

4.1. Prinċipji ġenerali

Kwalunkwe ħidma fuq il-leġittimità demokratika bħala pedament ta' UEM ġenwina trid tkun imsejsa fuq żewġ prinċipji bażiċi. L-ewwel nett, fis-sistemi ta' governanza b'diversi livelli, ir-responsabbiltà għandha tiġi żgurata f'dak il-livell fejn tittieħed id-deċiżjoni eżekuttiva rispettiva, filwaqt li jitqies b'mod debitu l-livell fejn id-deċiżjoni għandha impatt. It-tieni, fl-iżvilupp tal-UEM bħal fl-integrazzjoni Ewropea b'mod ġenerali, il-livell ta' leġittimità demokratika dejjem irid ikun proporzjonat mal-livell ta' trasferiment ta' sovranità mill-Istati Membri għal-livell Ewropew. Dan huwa minnu għal poteri ġodda fuq is-sorveljanza baġitarja u l-politika ekonomika daqskemm huwa għar-regoli ġodda tal-UE dwar is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Fil-qosor: Aktar mutwalizzazzjoni finanzjarja tirrikjedi integrazzjoni politika proporzjonata. Din it-taqsima tistabbilixxi approċċi preliminari u mhux eżawrjenti għal ħidma ulterjuri.

Mill-ewwel prinċipju jirriżulta li huwa l-Parlament Ewropew li jeħtieġ primarjament li jiżgura r-responsabbiltà demokratika għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda fil-livell tal-UE, b'mod partikolari mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, flimkien mar-rwol imsaħħaħ aktar tal-istituzzjonijiet tal-UE jrid ikun hemm l-involviment proporzjonat tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri tal-UE. Fl-istess waqt, ikun xi jkun id-disinn aħħari tal-UEM, ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali se jibqa' dejjem kruċjali, biex tiġi żgurata l-leġittimità tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill iżda speċjalment tat-twettiq tal-politiki ekonomiċi u baġitarji nazzjonali anki jekk ikkoordinati aktar mill-qrib mill-UE. Il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali hija siewja wkoll: din tibni fuq fehim reċiproku u sjieda komuni għall-UEM bħala sistema ta' governanza b'diversi livelli; il-passi konkreti biex tittejjeb aktar, skont il-Protokoll Nru 1 tat-Trattati tal-UE u l-Artikolu 13 tat-TSKG, huma għalhekk apprezzati. Madankollu, il-kooperazzjoni interparlamentari bħala tali ma tiżgurax il-leġittimità demokratika għad-deċiżjonijiet tal-UE. Din tirrikjedi assemblea parlamentari komposta b'mod rappreżentattiv li fiha jistgħu jittieħdu l-voti. Il-Parlament Ewropew, u huwa biss, jikkostitwixxi dik l-assemblea għall-UE u għalhekk għall-euro.

Il-prinċipju li jiġi żgurat il-livell ta' leġittimità proporzjonat mat-trasferimenti ta' sovranità u solidarjetà f'Unjoni politika jwassal għal żewġ kunsiderazzjonijiet ġenerali.

L-ewwel nett, il-kwistjoni tar-responsabbiltà titfaċċa b'modi fundamentalment differenti fir-rigward tal-azzjoni fuq perjodu qasir, li tista' titwettaq permezz tal-liġi sekondarja tal-UE, u l-istadji ulterjuri li jinvolvu t-tibdil tat-Trattat. It-Trattat ta' Lisbona pperfezzjona l-mudell uniku tal-UE ta' demokrazija sovranazzjonali, u bi prinċipju stabbilixxa livell xieraq ta' responsabbiltà demokratika fir-rigward tal-kompetenzi tal-lum tal-UE. Għaldaqstant, sakemm l-UEM tista' tiġi żviluppata aktar fuq il-bażi ta' dan it-Trattat, ma jkunx korrett li jingħad li jeżistu problemi ta' responsabbiltà insormontabbli. Għall-kuntrarju, id-diskussjonijiet dwar l-emendi fit-Trattat fuq medda medja u twila ta' żmien kif imbassra fit-taqsimiet 3.2 u 3.3 se jkollhom jinkludu riflessjonijiet dwar l-adattamenti għall-mudell ta' leġittimità demokratika tal-UE.

It-tieni, jistgħu madankollu jitfaċċaw kwisjonijiet serji ta' responsabbiltà u governanza jekk l-azzjoni intergovernattiva taż-żona tal-euro kellha tiġi estiża lil hinn mill-qagħda attwali. Dan ikun b'mod partikolari l-każ jekk tintuża azzjoni bħal din biex tinfluwenza t-twettiq tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Dan l-approċċ l-ewwel iqajjem problemi ta' kompatibbiltà mal-liġi primarja tal-UE f'dan il-qasam. Kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat jattribwixxi lill-Unjoni l-kompitu ta' koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri; il-MES huwa konformi mat-Trattati preċiżament minħabba li l-għan tiegħu mhuwiex li jikseb tali koordinazzjoni iżda li jipprovdi mekkaniżmu ta' finanzjament u għaliex jinkludi espressament dispożizzjonijiet li permezz tagħhom il-kondizzjonalità prevista mit-Trattat tal-MES – li mhuwiex strument ta' koordinazzjoni politika ekonomika – tiżgura li l-attivitajiet tal-MES huma kompatibbli mal-liġi tal-UE u mal-miżuri ta' koordinazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-azzjoni intergovernattiva setgħet tafda biss kompiti limitati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħall-Kummissjoni u l-BĊE, li jistgħu jkunu kompiti ta' koordinazzjoni ta' azzjoni kollettiva jew immaniġġar ta' għajnuna finanzjarja, li jridu jiġu eżerċitati f'isem l-Istati Membri u li ma għandhomx ibiddlu kompletament il-funzjonijiet attribwiti lil dawk l-istituzzjonijiet skont it-Trattati. [23]Fi kwalunkwe każ, wieħed ma jistax jara kif ir-responsabbiltà parlamentari tista' tiġi organizzata għal livell Ewropew intergovernattiv li jrid jinfluwenza l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri individwali taż-żona tal-euro.

Sa fejn ikun hemm ħtieġa għal strutturi ta' governanza msaħħa f'UEM approfondita, dawn għandhom għalhekk jitfasslu, b'effiċjenza u leġittimità, bħala parti mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni u b'konformità mal-metodu tal-Komunità.

4.2 L-ottimizzazzjoni tar-responsabbiltà u l-governanza fuq perjodu qasir

Jekk wieħed iżomm f'moħħu l-prinċipji msemmija hawn fuq, id-diskussjoni dwar kif jiġu żgurati r-responsabbiltà u l-governanza demokratiċi ottimali mingħajr tibdil fit-Trattat għandha tiffoka fuq miżuri prattiċi, b'mod partikolari dawk imfassla biex irawmu d-dibattitu parlamentari fis-Semestru Ewropew.

Il-punt tat-tluq f'dan ir-rigward għandu jkun id-Djalogu Ekonomiku li dan l-aħħar ġie stabbilit mis-"six-pack" u li jipprevedi diskussjonijiet bejn il-Parlament Ewropew, fuq naħa, u l-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew u l-Grupp tal-euro fuq in-naħa l-oħra. Għaldaqstant, wieħed jista' jipprevedi l-involviment tal-Parlament fid-diskussjonijiet dwar l-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir u li, b'mod partikolari, iż-żewġ dibattiti fil-Parlament isiru f'mumenti kruċjali tas-Semestru Ewropew, jiġifieri qabel ma l-Kunsill Ewropew jiddiskuti l-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir u qabel ma l-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (RSP). Dan jista' jinkiseb permezz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu wkoll ikunu preżenti waqt il-laqgħat interparlamentari li jridu jsiru bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali matul is-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, sabiex jiffaċilitaw il-kompitu tal-parlamenti nazzjonali, il-membri tal-Kummissjoni jistgħu jattendu d-dibattiti li jsiru f'dawn il-parlamenti, fuq talba tagħhom, fuq ir-RSP tal-UE.

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' konformità jew spjegazzjoni, li skontu l-Kunsill huwa responsabbli pubblikament (fil-prattika prinċipalment fil-konfront tal-Parlament Ewropew) għal kull tibdil li jintroduċi fil-proposti ta' sorveljanza ekonomika tal-Kummissjoni, bħalma huma r-RSP, għandha tiġi rinforzata fil-prattika.

F'UEM approfondita, il-Parlament għandu jkun ukoll involut aktar direttament fl-għażla tal-prijoritajiet pluriennali tal-Unjoni, kif espress mill-Linji Gwida Integrati tal-Kunsill (il-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi).

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi regolarment informat dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' aġġustament li jikkonċernaw l-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja, kif previst fit-"two-pack". Għandu jiġi enfasizzat li din il-kondizzjonalità tal-politika ekonomika fil-konfront tal-Istati Membri kkonċernati hija inkwadrata mill-koordinazzjoni tal-politika ekonomika segwita fil-qafas tal-UE.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu l-possibbiltà li jadatta l-organizzazzjoni interna tiegħu għal UEM aktar b'saħħitha. Pereżempju, jista' jwaqqaf kumitat speċjali dwar kwistjonijiet tal-euro, li jkun responsabbli għal kull skrutinju u teħid ta' deċiżjonijiet li jappartjenu speċjalment għaż-żona tal-euro.

B'mod simili, jistgħu xorta waħda jittieħdu miżuri prattiċi ulterjuri mingħajr tibdil fit-Trattat sabiex itejbu l-funzjonament tal-Grupp tal-Euro u l-istanza preparatorja tiegħu, b'konformità mad-dikjarazzjoni tas-summit taż-żona tal-euro tas-26 ta' Ottubru 2011.

Fl-aħħar nett, u dan mingħajr ma jkun punt speċifiku għall-UEM, jistgħu jittieħdu għadd ta' passi ta' importanza sinifikanti sabiex irawmu l-ħolqien ta' sfera politika Ewropea ġenwina. Dan jinkludi, fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, l-aktar importanti, il-ħatra ta' kandidati għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni mill-partijiet politiċi, kif ukoll għadd ta' passi pragmatiċi li huma possibbli skont il-liġi elettorali attwali tal-UE. Barra minn hekk, il-proposta ppreżentata riċentement mill-Kummissjoni għal statut rivedut għall-partijiet politiċi Ewropej, għandha tiġi adottata malajr.

4.3 Il-kwistjonijiet għad-diskussjoni fil-każ ta' emenda tat-Trattat

Fil-kuntest ta' riforma tat-Trattat li jikkonferixxi aktar poteri sovranazzjonali fil-livell tal-UE, għandhom jitqiesu l-passi li ġejjin biex tiġi żgurata responsabbiltà demokratika proporzjonatament aktar b'saħħitha.

L-ewwel nett, għal raġunijiet ta' viżibbiltà, trasparenza u leġittimità, il-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi attwali (li bħalissa huma ppreżentati flimkien bħala "linji gwida integrati" iżda jissejsu fuq żewġ bażijiet legali distinti) għandhom jingħaqdu fi strument uniku wieħed li jesprimi l-prijoritajiet pluriennali tal-Unjoni, u b'mod kruċjali, dan l-istrument għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tipprevedi l-kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

It-tieni, sabiex ikun leġitimizzat kif xieraq, il-poter ġdid li jirrikjedi reviżjoni tal-baġit nazzjonali b'konformità mal-impenji Ewropej, jekk meqjus meħtieġ, għandu jitqies bħala att leġiżlattiv mill-kodeċiżjoni. Din is-soluzzjoni, li tiżgura l-leġittimità demokratika massima, hija ġustifikata billi l-baġits annwali tal-Istati Membri jiġu adottati wkoll mill-parlamenti tagħhom, normalment b'karattru leġiżlattiv. Sabiex jiġi żgurat it-teħid rapidu tad-deċiżjonijiet, l-emenda tat-Trattat għandha toħloq proċedura leġiżlattiva speċjali ġdida li tikkonsisti f'qari wieħed biss.

Permezz tal-integrazzjoni tal-MES fil-qafas tal-UE, kif mitlub f'dan il-pjan ta' azzjoni, din tista' tkun suġġetta għal skrutinju xieraq mill-Parlament Ewropew.

Jistgħu jitqiesu wkoll l-adattamenti istituzzjonali:

"Kumitat tal-euro" stabbilit fil-Parlament Ewropew jista' wkoll jingħata ċerti poteri speċjali ta' teħid ta' deċiżjonijiet lil hinn minn dawk assenjati lil kumitati oħra, eż. importanza akbar fl-istadji parlamentari preparatorji jew anki l-possibbiltà li jwettaq ċerti funzjonijiet jew jieħu ċerti atti minflok is-sessjoni plenarja.

Fil-Kummissjoni, kull pass maħsub biex isaħħaħ, anki aktar mil-lum[24], il-pożizzjoni tal-Viċi President għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u għall-euro, jirrikjedi adattamenti għall-prinċipju ta' kulleġġjalità u, għalhekk, tibdil fit-trattat. Dawn jistgħu jiġu kkontemplati fit-tul sabiex jippermettu d-direzzjoni politika u t-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika ta' struttura relatata mat-Teżor tal-UEM fil-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, tista' tinħoloq relazzjoni speċjali ta' fiduċja u skrutinju bejn il-Viċi President għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u "kumitat tal-euro" tal-Parlament Ewropew. Madankollu, il-format tagħhom għandu jitqies bir-reqqa. Il-prinċipju tal-kulleġjalità japplika għal deċiżjonijiet madwar l-oqsma politiċi kollha li għalihom il-Kummissjoni għandha kompetenza, mill-kompetizzjoni għall-politika ta' koeżjoni. Dan jirrappreżenta sistema ta' bilanċi u kontrolli interni kollettivi li tikkontribwixxi għat-titjib tal-leġittimità tal-azzjoni tal-Kummissjoni. 

Xi drabi, issir ukoll talba biex ikompli jissaħħaħ il-Grupp tal-Euro billi jsir responsabbli għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw iż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha. Dan jirrikjedi tibdil fit-Trattat, billi n-natura purament informali tal-Grupp tal-Euro kif stabbilit fil-Protokoll Nru 14 timplika sempliċiment forum għad-diskussjonijiet mingħajr poteri ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Madankollu, it-Trattati attwali, fl-Artikoli 136 u 138 tat-TFUE, diġà ħolqu l-mudell tal-Kunsill li jadotta deċiżjonijiet fejn jivvutaw biss il-membri tiegħu taż-żona tal-euro. F'dan il-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' aktar bażijiet legali tat-Trattat li jsegwu dan il-mudell. Id-differenza prattika ewlenija bejnu, u Grupp tal-euro mogħni b'poteri ta' teħid ta' deċiżjonijiet, tkun li, fit-tieni każ, id-delegati mill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jiġu esklużi mhux biss mill-votazzjoni iżda wkoll mid-deliberazzjonijiet u mill-ħidma preparatorja mwettqa f'okkażjonijiet wara l-laqgħat tal-ministri. Madankollu, dan ma jkunx mixtieq fil-fehma tal-Kummissjoni, għaliex fir-realtà jwassal għall-iżvilupp ta' "Kunsill taż-żona tal-euro" bħala istituzzjoni separata mingħajr ma titqies b'mod xieraq il-konverġenza bejn il-membri eżistenti u dawk futuri taż-żona tal-euro.

Barra minn hekk, punt speċifiku li jrid jiġi indirizzat mit-tibdil fit-Trattat ikun li tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika fuq il-BĊE sa fejn dan jaġixxi bħala kontrollur bankarju, b'mod partikolari billi jippermetti l-kontroll baġitarju normali mill-Parlament Ewropew fuq dik l-attività. Fl-istess waqt, l-Artikolu 127, il-paragrafu 6 tat-TFUE jista' jiġi emendat biex jagħmel il-proċedura leġiżlattiva ordinarja applikabbli u biex jelimina xi wħud mir-restrizzjonijiet legali li bħalissa jitpoġġew fuq id-disinn tal-MSU (eż. titħaddan inklużjoni fakultattiva diretta u irrevokabbli mill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro għall-MSU, lil hinn mill-mudell ta' "kooperazzjoni mill-qrib", jagħti lill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fil-MSU drittijiet kompletament ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-BĊE, u jmur saħansitra lil hinn fis-separazzjoni interna tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja u dwar is-sorveljanza).  Jista' jitqies ukoll tibdil fit-Trattat li joħloq status speċjali għall-Aġenziji fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja, isaħħaħ il-karattru sovranazzjonali ta' dawn l-Aġenziji, u r-responsabbiltà demokratika tagħhom. Dan mhux biss isaħħaħ b'mod ferm sinfikanti l-effettività tal-ASE, iżda jiffaċilita konsiderevolment it-twaqqif u t-tħaddim tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni li jrid jinħoloq.

Mod ulterjuri biex tissaħħaħ il-leġittimità tal-UE jkun ukoll l-estensjoni tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri billi jitħassar l-Artikolu 126, il-paragrafu 10 tat-TFUE u b'hekk jiġu ammessi l-proċedimenti ta' ksur għall-Istati Membri jew billi jinħolqu proċedimenti, kompetenzi u proċeduri speċjali ġodda, għalkemm wieħed ma għandux jinsa li xi wħud mill-kwistjonijiet ma jwasslux għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ.

Jekk riforma tat-Trattat testendi lil hinn mill-kwistjonijiet tal-UEM, din għandha tinkludi l-objettiv li tiġġeneralizza l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jiġifieri tagħmel applikabbli il-kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, minflok l-okkażjonijiet li fadal bħalissa fejn japplikaw il-proċeduri leġiżlattivi speċjali.

Fl-aħħar nett, l-isfidi speċjali biex tiġi żgurata r-responsabbiltà demokratika xierqa jitfaċċaw f'każ li t-Trattat jitbiddel biex jippermetti l-mutwalizzazzjoni tal-ħruġ tad-dejn sovran mirfud minn garanzija in solidum tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro. Il-problema bażika tar-responsabbiltà hija li tali garanzija in solidum, jekk mitluba mill-kredituri, tista' tirriżulta f'piż finanzjarju konsiderevoli għall-finanzi ta' Stat Membru wieħed individwali, li għalihom huwa responsabbli l-parlament ta' dak l-Istat Membru, għalkemm il-piż huwa r-riżultat tad-deċiżjonijiet ta' politika li ttieħdu matul iż-żmien minn Stat Membru wieħed jew bosta Stati Membri oħra taħt ir-responsabbiltà tal-parlamenti tagħhom. Sakemm il-livell tal-UE ma jingħatax poteri mifruxa ħafna biex jiddetermina l-politika ekonomika fiż-żona tal-euro u l-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għad-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi ta' baġit ċentrali sostanzjali, din il-problema fundamentali tar-responsabbiltà ma tistax tingħeleb sempliċiment billi l-immaniġġar tad-dejn sovran mutwalizzat jiġi fdat lil eżekuttiv tal-UE anki jekk huwa responsabbli għall-Parlament Ewropew.

B'kuntrast, din il-problem ma titfaċċax aktar f'unjoni fiskali u ekonomika sħiħa li hi stess tkun tiddisponi minn baġit ċentrali sostanzjali, li r-riżorsi għalih joriġinaw, parzjalment, minn poter awtonomu u mmirat ta' tassazzjoni u mill-possibbiltà li jinħareġ id-dejn sovran tal-UE nnfisha, flimkien ma ppuljar fuq skala kbira tas-sovranità fuq it-twettiq tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE. Il-Parlament Ewropew imbagħad ikollu poteri rinforzati ta' koleġiżlazzjoni dwar tali tassazzjoni awtonoma u jipprovdi l-iskrutinju demokratiku meħtieġ għad-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-eżekuttiv tal-UE. L-Istati Membri ma jkunux obbligati in solidum għad-dejn sovran ta' xulxin iżda sempliċiment għal dak tal-UE.

Jekk it-Trattat jitbiddel sabiex jippermetti, bħala pass intermedju, il-ħruġ ta' eurobills fuq perjodu qasir, flimkien ma' poteri rinforzati ta' governanza ekonomika, irid jinħoloq mudell ta' responsabbiltà bbażat kemm fuq il-livelli nazzjonali kif ukoll tal-UE. Il-Parlament Ewropew ikun jipprovdi r-responsabbiltà meħtieġa għad-deċiżjonijiet ta' mmaniġġar tal-eurobills li jridu jittieħdu mit-Teżor tal-UEM fil-Kummissjoni. Madankollu, għandu jkun hemm ukoll deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati b'mod unanimu, tal-Istati Membri taż-żona tal-euro bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, dwar l-ewwel stabbiliment u t-tiġdid perjodiku sussegwenti tal-iskema tal-eurobills. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fis-sistemi kostituzzjonali nazzjonali tagħhom, il-livell ta' responsabbiltà permezz tal-parlamenti nazzjonali tagħhom li jqisu meħtieġ biex jagħtu l-kunsens għal dawn id-deċiżjonijiet ta' stabbiliment u tiġdid.

Il-proposta għal fond ta' tifdija tad-dejn tqajjem kwistjonijiet ta' responsabbiltà ta' natura distinta. It-tfassil ta' mudell li jiżgura r-responsabbiltà xierqa għal fond ta' tifdija tad-dejn ikun jippresupponi li l-bażi legali tiegħu jista' jiġi inkwadrat bi preċiżjoni legali kbira, fir-rigward tad-dejn massimu trasferibbli, iż-żmien massimu tal-operazzjoni u l-fatturi l-oħra kollha, sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali meħtieġa skont il-liġijiet kostituzzjonali nazzjonali. Jekk dan jista' jiġi żgurat, allura wieħed jista' jimmaġina bażi legali ġdida għat-Trattat li tippermetti l-ħolqien tal-fond permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, adottata b'unanimità tal-Istati Membri taż-żona tal-euro bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, u suġġetta għal ratifika mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom. Dik id-deċiżjoni tkun tistabbilixxi l-volum massimu, it-tul ta' żmien u l-kundizzjonijiet preċiżi tal-parteċipazzjoni fil-fond. Il-Kummissjoni, responsabbli għall-Parlament Ewropew, imbagħad timmaniġġa l-fond skont ir-regoli preċiżi stabbiliti mid-deċiżjoni tal-Kunsill.

ANNESS 1: L-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività

Il-passi biex tinħoloq EMU ġenwina fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għandhom jissejsu fuq is-sistema attwali filwaqt li jkomplu jsaħħu aktar il-proċess. Is-sjieda nazzjonali tar-riformi f'din l-istruttura tkun kruċjali, u daqstantieħor żieda gradata fl-intrussività tal-livell gwida taż-Żona Euro meta l-Istati Membri ma jiħdux azzjoni xierqa. Effett mifrux akbar fl-unjoni monetarja jsejjaħ għal proċess bħal dan tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali li jkun aktar strett mal-Istati Membri fiż-Żona Ewro. Għalhekk, abbażi tat-Trattati attwali, il-leġiżlatur jista' jistabbilixxi qafas integrat għas-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi li jkun fih żewġ elementi: 1) mekkaniżmu għal koordinazzjoni ex ante sistematika tal-proġetti l-kbar kollha tal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, maħsub fl-Artikolu 11 tat-TSCG. 2) Strument għal konverġenza u kompetittività fil-qafas tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv (PŻE) imsejjes fuq arranġamenti kontrattwali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fiż-Żona Euro flimkien mal-possibbiltà ta' appoġġ finanzjarju.

Dan il-qafas jikkumplimenta l-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv u l-qafas eżistenti għas-sorveljanza tas-sitwazzjoni baġitarja tal-Istati Membri (il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, PST). L-għan tiegħu jkun doppju: l-ewwel li jsaħħaħ mill-ġdid il-proċeduri eżistenti b'mod partikolari billi jsaħħaħ il-koordinazzjoni ex ante tar-riformi ekonomiċi l-kbar; u t-tieni li jsaħħaħ id-djalogu mal-Istati Membri fiż-Żona Euro sabiex tiżdied is-sjieda nazzjonali billi jiddaħħlu arranġamenti kontrattwali li jridu jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Ma' dan tiżdied sistema dedikata għall-appoġġ finanzjarju, li tirrappreżenta l-ewwel fażi tal-proċess biex tissawwar kapaċità fiskali għall-UEM. L-arranġamenti kontrattwali kif ukoll l-appoġġ finanzjarju jingħaqdu fi strument għal konverġenza u l-kompetittività" (SKK) għall-UEM.

Fil-proposti li jmiss il-Kummissjoni se tistabbilixxi t-termini preċiżi kemm għall-mekkaniżmu għall-koordinazzjoni ex ante tar-riforma, kif ukoll għall-Istrument għal Konverġenza u Kompetittività li se jkun imsejjes fuq arranġamenti kuntrattwali b'appoġġ finanzjarju. Il-proposti tal-Kummissjoni se jimmiraw ukoll li jissimplifikaw il-proċeduri eżistenti li nħolqu matul iż-żmien (is-Semestru Ewropew, il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv, eċċ).

Il-proċess maħsub se jiżviluppa hekk:

L-innovazzjonijiet għas-Semestru Ewropew huma li tiddaħħal koordinazzjoni ex ante sistematika tar-riformi ekonomiċi l-kbar; djalogu aktar b'saħħtu mal-Istati Membri; li jiddaħħlu arranġamenti kuntrattwali li jrid jinstab qbil fuqhom mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fiż-Żona Ewro; u jingħata appoġġ finanzjarju magħhom biex jitwettqu l-arranġamenti kuntrattwali.

1. Il-Kummissjoni tippubblika l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (is-SAT) u proposta għal linji gwida integrati: il-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika (BEPGs) u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi (EGs). Dawn jistabbilixxu l-prijoritajiet u l-għanijiet (kwantifikati jew le) għas-sena ta' wara kemm għall-politiki tal-Istati Membri kif ukoll għal-livell tal-UE. Il-miżuri fuq il-livell ta' UE jista' jkun fihom proposti konkreti fejn il-leġiżlatur ikun jeħtieġlu jaġixxu ġaladarba jinstab qbil dwarhom u jitniedu. Il-Parlament Ewropew jiġi konsultat (bħalissa dan huwa obbligatorju biss għall-EGs; ftehim politiku se jiġi konkluż sabiex ikun konsultat il-Parlament Ewropew dwar il-pakkett kollu tal-linji gwida). B'mod parallel, il-Kummissjoni tippreżenta r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija li jidentidika l-Istati Membri li jitqiesu affettwali mill-iżbalanċi u li mbagħad ikunu soġġetti għal reviżjoni profonda (biex ikun valutat jekk jeżistux dawn l-iżbilanċi u jekk ikunux eċċessivi).

2. Abbażi ta' din il-gwida, kull Stat Membru fiż-Żona Euro jressaq Programm Nazzjonali ta' Riforma, dokument waħdieni li jkun fih proposti għal miżuri tal-politika li jkunu ċentrali biex jitjiebu t-tkabbir u l-kompetittività tiegħu, u Programm ta' Stabbiltà li juri l-pjanijiet fiskali għal żmien medju.

3. Il-Kummissjoni tivvaluta l-programmi u tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha f'serje ta' Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jenfasizzaw ukoll l-isfidi li jkun għad baqa'. Dawn id-dokumenti jkunu ppubblikati aktar kmieni minn issa sabiex ikun jista' jsir djalogu dwar l-analiżi. B'mod parallel, il-Kummissjoni tħejji evalwazzjoni orizzontali bil-miktub tar-riformi ekonomiċi l-kbar proposti fil-pajjiżi taż-Żona Ewro Dan id-dokument orizzontali u l-konklużjonijiet tiegħu jkunu diskussi fl-Grupp tal-Euro u fil-Kunsill tal-ECOFIN biex issir koordinazzjoni ex ante sistematika tal-pjanijiet tar-riformi l-kbar. 

4. Wara dan, il-Kummissjoni tressaq proposta għal rakkomandazzjoni speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) li jistabbilixxu l-miżuri speċifiċi ta' politika maqbula kif ukoll l-iskeda maħsuba għat-twettiq tagħhom. B'mod parallel, il-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjoni għall-Istati Membri bi żbilanċ eċċessiv, li tistabbilixxi li jeżisti dan l-iżbilanċ eċċessiv u tirrakkomanda li l-Istat Membru konċernat jieħu azzjoni korrettiva. Bis-saħħa tal-proċess ta' djalogu informali dwar l-analiżi tal-politika, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi se jkunu aktar fid-dettall, speċifiċi għall-politiki u marbuta biż-żmien. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jiffukaw fuq għadd żgħir ta' elementi ewlenin relatati mat-tkabbir u d-dgħufijiet tal-aġġustamenti fl-Istati Membri konċernati. Jekk il-proċess ikun aktar iffukat u speċifiku, dan ikun jista' jagħti aktar impetu lill-isforzi tar-riforma fl-Istati Membri.

5. Wara li jiġu adottati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv (PŻE) mill-Kunsill, l-Istati Membri li jkunu fil-parti preventiva u fil-parti korrettiva tal-PŻE iressqu proposta ta' arranġament kuntrattwali (fuq bażi volontarja għar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar u fuq bażi obbligatorja għar-rakkomandazzjonijiet ta' qabel) li jkun fih azzjoni speċifika ta' politika li jkun beħsiebhom iwettqu u skeda taż-żmien għal dawn l-azzjonijiet, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Għall-Istati Membri li fil-parti korrettiva tal-PŻE, il-Pjan ta' Azzjoni Korrettiva (PAK) ikun jikkorrispondi mal-arranġamenti kuntrattwali li jridu jiġu stabbiliti mal-Kummissjoni. Għall-Istati Membri fil-parti preventiva tal-PŻE, l-arranġamenti kuntrattwali jkunu jikkonsistu minn pjan ta' azzjoni simili għal dak meħtieġ fil-parti korrettiva.

Għall-Istati Membri fil-parti korrettiva, in-negozjati tal-arranġamenti kuntrattwali jikkorrispondu għall-approvazzjoni Pjan ta' Azzjoni Korrettiva u għalhekk japplikaw l-Artikoli 8 sa 12 tar-Regolament Nru 1176/2011.

Għall-Istati Membri fil-parti preventiva, għandhom japplikaw proċedura u skadenzi simili, anke għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tat-twettiq tal-miżuri maħsuba fl-arranġamenti kuntrattwali. Madankollu, mhumiex applikabbli sanzjonijiet.

Kull sena, l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-progress fit-twettiq tal-arranġamenti kuntrattwali tagħhom fil-Programm Nazzjoni ta' Riforma tagħhom.

6. L-arranġamenti kuntrattwali jkollhom magħhom appoġġ finanzjarju. Dawn ikunu relatati mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) li ġejjin mill-PŻE, li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tal-aġġustament u tal-kompetittività tal-Istati Membri, jiġifieri fuq oqsma li fihom ir-riformi jwasslu għal effett mifrux pożittiv fuq Stati Membri oħrajn, u għalhekk huma meħtieġa biex ikun żgurat li l-UEM taħdem mingħajr skossi.

L-appoġġ finanzjarju jkun somma f'daqqa relatata ma' kull arranġament kuntrattwali, u mhux merfugħa għal riformi speċifiċi. Id-definizzjoni u l-użu tal-ammonti involuti u tal-iżborżament (li jista' jkun fih aktar minn porzjon wieħed) se jiddependu fuq il-kundizzjonalità (il-miżuri/riformi li jridu jitwettqu mill-Istati Membri) u għandhom ikunu speċifikati fl-arranġamenti kuntrattwali.

Apparti s-sanzjonijiet u l-proċedura sottostanti applikabbli għall-Istati Membri fil-parti korrettiva (kif maħsuba bir-Regolament Nru 1174/2011), l-arranġamenti kuntrattwali jistgħu mbagħad ikunu inforzabbli b'tali mod li l-Kummissjoni tkun tista' toħroġ twissijiet (permezz ta' 121.4 tat-TFUE) jekk Stat Membru ma' jissodisfax l-arranġamenti kuntrattwali. Dawn it-twissijiet, li l-Kummissjoni għandha l-awtonomija toħroġ, jistgħu jsejħu lill-Istati Membri biex isewwu d-devjazzjoni u jkunu jinkludu skeda taż-żmien. Jekk din ma tintlaħaqx, l-appoġġ finanzjarju ma jingħatax.

L-appoġġ finanzjarju se jitħallas permezz ta' fond/strument finanzjarju speċjali kif jissemma fil-kontenut ewlieni ta' dan id-dokument. L-Istati Membri fiż-Żona Euro jkunu meħtieġa jagħti sehemhom f'dan il-fond, skont koeffiċjent tal-kontribuzzjoni li jiddependi fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG).

Meta l-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha dwar it-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri eżistenti, din se tkun qed tindirizza wkoll ir-riskji ta' konsegwenzi mhux previsti li jista' jinħolqu meta jiddaħħal dan l-appoġġ finanzjarju, bħall-periklu morali (eż: jiġu premjati dawk li ftit li xejn imorru tajjeb) u bħat-telf staġnat (riformi li xorta jkunu jridu jitwettqu anke mingħajr inċentiv addizzjonali).

ANNESS 2: Rappreżentanza barranija taż-Żona Ewro

Il-progress dwar aktar integrazzjoni, li se jintlaħaq ftehim dwaru, irid ikun rifless fuq barra, notevolment billi jsir progress lejn rappreżentazzjoni ekonomika barranija magħquda tal-UE u taż-Żona Euro b'mod partikolari. Parti integral mill-isforzi li qed isiru bħalissa biex titjieb il-governanza ekonomika taż-Żona Euro hija t-tisħiħ tal-vuċi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).

Meta nkunu ħadna xokk globali li għalih ikun hemm bżonn rispons kollettiv, id-daqs taż-Żona Euro jkun jgħodd ħafna biex jiġi influwenzat it-tip ta' risponsi politiċi li jridu jittieħdu f'istituzzjonijiet finanzjarji u fora internazzjonali. U din hija waħda mit-tagħlimiet ewlenin li ħadna mill-kriżi. Matul l-aħħar snin li għaddew, l-Unjoni, l-aktar minħabba l-ewro, saret il-kontroparti naturali tal-forzi ekonomiċi l-kbar meta jiġu diskussi t-tkabbir globali, l-għajnuna finanzjarja jew ir-regolazzjoni finanzjarja. Madankollu, minħabba l-frammentazzjoni attwali tar-rappreżentanza tagħha f'istituzzjonijiet finanzjarji u fora internazzjoni, iż-Żona Euro ma tinfluwenzax u ma tmexxix bl-istess proporzjon tal-piż ekonomiku tagħha.

L-isforzi biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika taż-Żona Euro jeħtieġ li jsiru flimkien ma żvilupp lejn rappreżentanza barranija aktar koerenti u magħquda taż-Żona Euro sabiex din tkun effettiva kollha kemm hi. Pass bħal dan għandu jixhed it-tisħiħ sinifikanti li qed isir fil-governanza ekonomika interna.

Ir-rappreżentanza esterna taż-Żona Ewro[25] għandha tissaħħaħ sabiex din tkun tista' taqdi rwol aktar attiv kemm f'istituzzjonijiet u fora multilaterali kif ukoll fi djalogi bilaterali ma' msieħba strateġiċi. B'hekk jintbagħat messaġġ wieħed fuq kwistjonijiet bħall-politika ekonomika u fiskali, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki dwar ir-rata tal-kambju, u l-istabbiltà finanzjarja.

Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu jekk isiru ftehim dwar pjan direzzjonali li jissimplifika u jgħaqqad r-rappreżentanza esterna taż-Żona Euro f'organizzazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u fora internazzjonali.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) għandu jkun il-fokus u, permezz tal-istrumenti tas-self u s-sorveljanza tiegħu, ikun pilastru istituzzjonali ewlieni fil-governanza ekonomika globali. Bħalissa, is-17-il Stat Membru taż-Żona Euro huma mifruxa fi tmien kostitwenzi u siġġijiet u għandhom sa ħames Diretturi Eżekuttivi. Bħalissa, il-preżenta tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-FMI hija limitata ħafna. Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa osservatur fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI u fil-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC). Il-Kummissjoni Ewropea għandha biss status ta' osservatur fl-IMFC.

L-Artikolu 138(2) tat-TFUE jbassar l-adozzjoni ta' miżuri xierqa li jiżguraw rappreżentanza magħquda f'istituzzjonijiet finanzjarji u konferenzi internazzjonali. L-għan wara dan l-Artikolu tat-Trattat kien li l-Unjoni jkollha rappreżentanza magħquda u aktar b'saħħitha għall-Istati Membri fiż-Żona Euro f'istituzzjonijiet u konferenzi bħal dawn, peress li l-effikaċja tal-arranġamenti informali attwali biex iż-Żona Euro tkun rappreżentata tqieset mhux sodisfaċenti[26].

Huwa meħtieġ li tiżdied l-infrastruttura tal-koordinazzjoni taż-Żona Euro fi Brussell u f'Washington. Għandu jittejjeb il-proċess ta' koordinazzjoni fiż-Żona Ewro, u l-Istati Membri jkunu obbligati jsegwu messaġġi komuni. Għandhom jiġu rranġati mill-ġdid il-kostitwenzi sabiex il-pajjiżi jerġgħu jinqasmu fi gruppi ta' kostitwenzi taż-Żona Euro għall-FMI li jista' jkun fihom ukoll Stati Membri li fil-futur se jidħlu fiż-Żona Ewro. B'mod parallel, iż-Żona Euro għandha tingħata status ta' osservatur fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI. U dan jeħtieġ li jsiru negozjati mal-FMI. Il-membri taż-Żona Ewra għandhom munita komuni, politika unika monetarja u tar-rata tal-kambju, u r-riżervi esterni tal-membri immexxija mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. It-tibdiliet li saru dan l-aħħar fil-govenanza taż-Żona Euro biddlu mill-qiegħ il-mod kif jiġu kkoordinati l-politiki fiskali u ekonomiċi fuq livell Ewropew. Fi kwistjonijiet taż-Żona Ewro, il-Kummissjoni Ewropea saret interlokutur naturali tal-FMI. Barra minn hekk, aktar reċenti, il-Kummissjoni u l-BĊE ħadmu mill-qrib flimkien mal-FMI sabiex jinnegozjaw il-pakketti ta' għajnuna finanzjarja għall-membri fiż-Żona Euro u fl-UE, u kkollaboraw b'mod ġenerali mal-Fond dwar is-sorveljanza. B'dan kollu fl-isfond, huwa importanti li ż-Żona Euro tingħata status ta' osservatur, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea filwaqt li l-BĊE ikun assoċjat fil-qasam tal-politika monetarja, sabiex jiżdiedu s-sinerġiji tal-koperazzjoni bejn il-FMI u l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-qalba tat-tmexxija ta' kuljum taż-Żona Ewro.

Sabiex tintlaħaq il-mira fit-tul ta' siġġu wieħed għaż-Żona Euro fil-FMI, jeħtieġ ikun maħsub approċċ pass pass li bih l-atturi kollha involuti jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti istituzzjonali meħtieġa sabiex ikun jista' jingħata siġġu wieħed għaż-Żona Ewro.

Fir-rigward tal-passi konkreti li jridu jittieħdu, il-Kummissjoni Ewropea:

· se tressaq pjan direzzjonali biex tkun konsolidata r-rappreżentanza taż-Żona Euro fil-FMI matul iż-żmien f'siġġu wieħed.

· fi żmien debitu se tagħmel proposti formali skont l-Artikolu 138(2) tat-TFUE biex tinstab pożizzjoni magħquda ħalli ż-Żona Euro tikseb status ta' osservatur fil-FMI għal status ta' osservatur fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI, u sussegwentement għal siġġu uniku.

· se tressaq proposta biex titjieb il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet tal-FMI relatati mal-UEM.

· se tqis li tuża l-possibbiltajiet skont l-Artikolu 138(1) tat-TFUE biex tipproponi pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet ta' interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja f'istituzzjonijiet finanzjarji u konferenzi internazzjonali kompetenti.

· se tkompli tqawwi r-rappreżentanza taż-Żona Euro fil-kuntest ta' relazzjonijiet bilaterjali mal-imsieħba ekonomiċi l-kbar. Bħala mudell jista' jintuża l-ambitu tad-diskussjonijiet maċ-Ċina dwar kwistjonijiet makroekonomiċi u tar-rata tal-kambju (li jiġu trattati minn delegazzjoni taż-Żona Ewro[27]).

ANNESS 3: Fond Ewropew ta' Ammortament

Il-kunċett ta' Fond ta' Ammortament (FA) ġie ppreżentat għall-ewwel darba fl-2011 mill-Kunsill Ġermaniż ta' Esperti Ekonomiċi. L-idea ewlenija tal-FA huwa li jinħoloq qafas li jreġġa' d-dejn pubbliku tal-Istati Membri fiż-Żona Euro f'livelli sostenibbli billi dawn inaqqsu l-kostijiet ta' finanzjament ġenerali u minflok iżidu l-impenn tagħhom lejn il-governanza fiskali.

Bħala approċċ bażiku, id-dejn pubbliku tal-Istati Membri jinqasam f'żewġ partijiet: (1) parti minnhom hija ekwivalenti għal 60% tal-PDG, li huwa l-limitu stabbilit mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; din il-parti, jibqgħu responsabbli minnha kull Stat Membru; u (2) parti li għandha dejn pubbliku 'il fuq minn 60% tal-limitu tal-PDG li jiġi trasferit u jitqiegħed f'FA, u għalhekk isir tal-FA, iżda l-Istati Membri jkunu obbligati jagħtu lura b'mod awtonomu id-dejn trasferit fuq perjodu speċjali ta' żmien (eż: Il-FA jiffinanzja lilu nnifsu billi joħroġ il-bonds tiegħu stess li jitħaddmu abbażi tas-sehem ta' kull Stat Membru parteċipant. Biex dawn il-bonds tal-FA jkunu attraenti u kummerċjabbli, l-investitur jkunu jeħtieġu assigurazzjonijiet b'saħħithom biżżejjed dwar il-kwalità tagħhom ta' kreditu. Għalhekk idealment il-bonds tal-FA jkunu appoġġati minn garanzija konġunta u separata tal-Istati Membri kollha fiż-Żona Ewro. Il-garanziji konġunti u separati fuq il-bonds tal-FA jwasslu biex il-kostijiet ta' finanzjament ikunu relattivament baxxi għall-Istati Membri parteċipanti u għalhekk jitħeffef il-piż ġenerali tagħhom tas-servizzi tad-dejn L-iskeda ta' rifużjoni għal kull Stat Membru trid tkun speċifikata bi preċiżjoni u ssegwi koeffiċjent ta' kalkolu trasparenti li jispeċifika t-tip ta' pagamenti (ugwali maż-żmien, jew skont is-sitwazzjoni ekonomika, eż: bħala persentaġġ tal-PDG, li jadatta l-pagamenti annwali maċ-ċiklu ekonomiku). L-iskema ta' dan il-qafas qed tintwera fil-Figura 1.

Figura 1: L-iskema tal-Fond Ewropew ta' Ammortament

L-approċċ tal-FA jista' jikkawża problema ta' periklu morali, peress li l-garanzija konġunta u separata u li jkun żgurat kostijiet baxxi ta' finanzjament għall-Istati Membri jistgħu joħolqu inċentivi mhux previsti għal aktar dejn li jsir. Ir-riskju ta' periklu morali jeħtieġlu jiġi indirizzat b'aktar impenji mill-Istati Membri fil-qasam tal-governanza ekonomika. Bħala kundizzjoni minn qabel biex pajjiż jieħu sehem fil-FA, se jiġi stabbilit proċess għal konsolidazzjoni baġitarja u riforma strutturali għal kull Stat Membru, li tobbliga lill-Istati Membri biex jagħtu lura b'mod awtonomu id-dejn trasferit fuq perjodu ta' żmien. Il-ftehimiet dwar il-konsolidazzjoni u r-riforma huma kundizzjoni kruċjali għall-kredibbiltà u jista' jkun fihom: (i) jinżamm id-dħul fiskali b'mod speċifiku għall-obbligi li jitħallas il-fond ta' ammortament, (ii) isir depożitu ta' kollateral, (iii) impenn obbligatorju għar-riformi strutturali u l-miżuri ta' konsolidazzjoni li nqablu qabel. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, jista' jitwaqqaf minnufih it-trasferiment tad-dejn nazzjonali lejn il-fond ta' ammortament.

Minn perspettiva prattika, ir-rifużjonijiet ta' dejn li qed jimmatura u l-ħtiġijiet ġodda ta' finanzjament tal-Istati Membri parteċipanti jitħallas bi flus li jaslu mill-bejgħ tal-bonds tal-FA[28] sakemm ir-responsabbiltajiet finanzjarji trasferiti jilħqu l-ammonti miftiehma. Huwa meħtieġ qafas legali/kuntratt strett u ċar li jidderieġi dan it-trasferiment tad-dejn, u li b'mod partikolari jirregola: (i) l-ammonti massimi li jridu jiġu trasferiti[29], (ii) l-iskema ta' rifużjoni, kif ukoll (iii) is-superjorità li l-bonds maħruġa mill-FA għandhom fuq bonds nazzjonali.

Jekk isir it-trasferiment lejn il-FA, id-dejn totali tal-pajjiż jinqasam f'żewġ partijiet – id-dejn nazzjonali u l-bonds maħruġa mill-FA[30] (ara l-Figura 2).

Figura 2: L-istruttura tad-dejn tal-Istati Membri bl-iskema tal-Fond ta' Ammortament

 

Sors: it-tbassir Ħarifa 2012 tal-Kummissjoni Ewropea, it-tbassir taċ-ċifri tad-dejn għall-2013

L-istabbilment ta' FA joħloq bosta sfidi: L-ewwel nett, minkejja li ż-Żona Euro kollha se tibbenefika minn tnaqqis tas-sovranità u r-riskju sistematiku minħabba li se jonqsu il-livelli tad-dejn ġenerali u b'mod partikolari l-livelli tad-dejn f'pajjiżi aktar dgħajfa, l-Istati Membri bi kwalità ta' kreditu għoli jidhru li se jibbenefikaw relattivament anqas mill-Fond. Għaldaqstant iridu jinħolqu inċentivi biex dawn l-Istati Membri jieħdu sehem. It-tieni, billi d-dejn eċċessiv ikun kopert minn garanziji konġunti u separati, dan jinbidel f'assi b'riskju relattivament baxx. Għalhekk, jiddgħajjef b'mod sostanzjali l-effett ta' dixxipplina għas-suq. Fil-fatt, il-kompitu dixxiplinanti jiġi trasferit kollu kemm hu għand il-kogaranti. It-tielet, l-FA huwa maħsub bħala mod li jnaqqas il-livelli tad-dejn u l-Istati Membri ma għandhomx jingħataw inċentivi biex itawlu bla bżonn il-parteċipazzjoni tagħhom fil-FA bl-iskop biss li jibqgħu jibbenefikaw minn kostijiet baxxi ta' finanzjament. Fl-aħħar nett, minn perspettiva tas-suq, jekk l-iskema jkollha limitu kemm ittul, sa tmiemha tonqos il-likwidità tas-suq. Dan il-fatt joħloq dubju dwar ir-rwol u l-użu tal-bonds maħruġa b'mod komuni bħala punt ta' referiment u dwar il-probabbiltà li jkunu stabbiliti s-swieq derivattivi xierqa. Wara li jiskadi l-ħruġ komuni, is-suq taż-Żona Euro se jkun integrat ftit, bħalma hu bħalissa u l-ebda benefiċċji potenzjali tal-ħruġ komuni mhu se jinkisbu.

[1] L-aġġettiv “fiskali” f’dan it-test huwa użat fis-sens ta’ “baġitarju”.

[2] Il-qafas ta’ politika tal-UEM jinkludi sett ta’ dispożizzjonijiet dettaljati tat-Trattat, li (a) jistabbilixxu l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala awtorità monetarja indipendenti għaż-żona tal-euro; (b) jelaboraw dett ta’ regoli li jirregolaw l-inġiba tal-politiki baġitarji nazzjonali (bħall-proċedura tad-defiċit eċċessiv,il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u aċċess privileġġjat u l-hekk imsejħa "klawsola li tippropjbixxi s-salvtaġġ finanzjarju" ("no bail-out clause"); u (c) tirregola l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi b’mod aktar wiesa’ fl-Istati Membri.

[3] http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication_summary12680_en.htm

[4] Ara l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2010 (COM (2010) 250 final) u t-30 ta’ Ġunju 2010 (COM (2010) 367 final), u l-proposti leġiżlattivi tagħha "ta’ b’sitta” (“six pack”) tad-29 ta’ Settembru 2010 (COM (2010) 522 sa 527 final).

[5] Is-sentenza tas-27 ta’ Novembru tal-2012 fil-kawża C-370/12 Pringle. Il-Qorti kkonfermat ukoll il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE li temenda l-Artikolu 136 TFUE u li l-Istati Membri kienu ħielsa li jikkonkludu u jirratifikaw it-Trattat tal-MES qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Deċiżjoni.

[6] Stqarrija għall-Istampa tal-BĊE tas-6 ta' Settembru 2012 dwar karatteristiċi tekniċi tat-Tranżazzjonijiet Monetarji Definittivi: http://www.ecb.int/press/pr/date/2012/html/pr120906_1.en.html

[7]               COM(2011)818.

[8] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali lejn Unjoni Bankarja" li tiddelinea l-viżjoni ġenerali tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-unjoni bankarja, u tkopri il-ġabra unika ta’ regoli, il-protezzjoni komuni tad-depożiti u mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni bankarja", COM(2012)510, http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/committees/reform/20120912-com-2012-510_mt.pdf

[9] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/132809.pdf

[10] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/132986.pdf

[11] http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/committees/reform/20120912-com-2012-511_mt.pdf

[12] http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/committees/reform/20120912-com-2012-512_mt.pdf

[13] Regolament (UE) Nru 1176/2011

[14] B’mod speċifiku, skont l-Artikolu 126(3) TFUE: "Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis ukoll jekk id-dejn tal-gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-gvern f’investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti (…)".

[15] L-ewwel nett, il-kunsiderazzjoni ta' fatturi rilevanti tista’ twassal għall-fatt li Stat Membru ma jitqegħidx f’PDE minkejja ksur tal-kriterju tad-defiċit meta l-proporzjon tad-dejn ikun aktar baxx mill-valur ta’ referenza. It-tieni nett, ksur tal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn għandu jirriżulta fil-ftuħ ta’ PDE biss wara l-valutazzjoni tal-fatturi rilevanti.

[16] Barra minn hekk, in-nefqa fil-programmi tal-UE, u għalhekk in-nefqa tal-investiment ukoll, sal-punt li titqabbel b’mod sħiħ bid-dħul tal-fondi tal-UE, hija wkoll eskluża min-nefqa meqjusa għall-valutazzjoni tal-konformità mal-valur referenzjarju tan-nefqa. 

[17] Il-PST jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu tali possibbiltà. Ir-Regolament 1466/97 - Artikolu 5(1): “...Meta jiġi definit l-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv fuq terminu medju għall-Istati Membri li għandhom ma laħqux dan l-objettiv, u meta tiġi permessa devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li diġà laħquh, sakemm jiġi preservat marġni xieraq ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza tad-defiċit u li l-pożizzjoni baġitarja hija mistennija li terġa’ lura għall-objettiv baġitarju fuq terminu medju mal-perjodu tal-programm, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iqisu l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti fuq terminu twil, inkluż billi jżidu l-potenzjal għat-tkabbir sostenibbli, u għalhekk impatt li jista’ jiġi vverifikat fuq is-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-finanzi pubbliċi..."

[18] Jiġifieri, l-UE li tirrappreżenta l-Istati Membri taż-żona tal-euro skont it-Trattati.

[19] Ara s-Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża C-370/12 Pringle, il-punti 137 u 138.

[20] Fi kwalunkwe każ, il-qalba ta’ dak it-Trattat għandha tiġi integrata fil-liġi tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 16 tiegħu.

[21] Ara l-Komunikazzjon tal-Kummissjoni msejħa "Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja", li tfisser il-viżjoni ġenerali tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tal-unjoni bankarja, li tkopri l-ġabra unika ta’ regoli, ktieb ta’ regolamenti wieħed, il-protezzjoni komuni tad-depożiti u mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni bankarja, COM(2012)510, http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/committees/reform/20120912-com-2012-510_en.pdf

[22] Ċerti analiżi eżistenti jivvalutaw b'mod ekonometriku l-kontribuzzjoni tal-iskemi ta' trasferiment eżistenti disponibbli fl-istati federali fuq l-assorbiment tax-xokkijiet asimmetriċi. Pereżempju, l-estimi dwar il-kapaċità ta' stabbilizzazzjoni tat-trasferimenti madwar l-Istati tal-Istati Uniti jvarjaw minn 10 % sa 30 % tat-tpattija tax-xokkijiet mit-trasferiment għall-Istati Uniti.

[23]             Ara s-sentenza fil-Kawża C-370/12, Pringle, fil-punti 109 – 111 u 158 - 162

[24] Ta' min ifakkar li, f'Ottubru u f'Novembru 2011, il-pożizzjoni tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji diġà kienet imsaħħa b'mod sinifikanti permezz ta' diversi atti adottati fil-limiti stabbiliti mir-regoli tat-Trattat attwali, sabiex jiggarantixxu l-indipendenza, l-oġġettività u l-effiċjenza fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni ta' koordinazzjoni, sorveljanza u infurzar fil-qasam tal-governanza ekonomika tal-Unjoni u taż-żona tal-euro. B'mod partikolari, wara emenda tar-Regoli ta' proċedura tal-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f'dan il-qasam huma adottati fuq proposta mill-Viċi President responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u għall-euro permezz ta' proċedura speċjali bil-miktub li tippermetti teħid ta' deċiżjonijiet aktar oġġettiv u effettiv. Il-Viċi President għandu wkoll is-setgħa li jadotta, bi ftehim mal-President, deċiżjonijiet f'isem il-Kummissjoni f'diversi oqsma marbuta mas-"six-pack" u b'rabta mal-programmi ta' aġġustament ekonomiku fil-qafas tal-EFSM, l-EFSF u l-MES. Fl-aħħar nett, l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni li għandhom impatt potenzjali fuq it-tkabbir, il-kompetittività jew l-istabbiltà ekonomika jirrikjedu konsultazzjoni minn qabel mas-servizzi tal-Viċi President.

[25] Jiġifieri, l-UE tirrappreżenta l-Istati Membri fiż-Żona Euro skont it-Trattati.

[26] Ara wkoll ir-Rapport Finali tal-Grupp ta' Ħidma VI tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Governanza Ekonomika, WG VI 17, 21.10.2002, p. 8. kif ukoll ir-Rapport Finali tal-Grupp ta' Ħidma VI dwar l-Azzjoni Esterna, WG VII 17, 16.12.2002, pt. 66.

[27] Din id-delegazzjoni hija magħmula mill-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji flimkien mal-President tal-Grupp tal-euro u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.

[28] it-tmexxija tal-FA se tiġi fdata lil istituzzjoni dedikata li trid tiġi stabbilità bit-Trattat, jiġifieri Entità Ewropea ta' Ġestjoni tad-Dejn fi ħdan il-Kummissjoni, li tkun kontabbli għall-Parlament Ewropew.

[29] Il-kuntratt għandu jispeċifika wkoll b'mod ċar li l-ammonti miftiehma biex jiġu trasferiti ma jistgħux jiżdiedu.

[30] Id-daqs ġenerali tal-FA jista' jilħaq it-EUR 3 triljun. Il-kalkolu qed isir skont it-tbassir tal-Ħarifa 2012 tal-Kummisjoni Ewropea.

Top