Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0673

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-EwropaKOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, ILKUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa

    /* COM/2012/0673 final */

    52012DC0673

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-EwropaKOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, ILKUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa /* COM/2012/0673 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa

    1.           Raġunament wara dan il-Blueprint: L-Istatus tal-Ilmijiet tal-UE mhux sejjer tajjeb biżżejjed!

    L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja tal-bniedem, in-natura u l-ekonomija. Jiġġedded b’mod permanenti iżda huwa wkoll finit u ma jistax isir jew ikun issostitwit minn riżorsi oħra. L-ilma ħelu jikkostitwixxi madwar 2 % biss tal-ilma fuq il-pjaneta u l-kompetizzjoni fid-domanda għalih tista’ twassal għal nuqqas globali stmat għal 40 % fil-provvista tal-ilma sal-2030[1].

    Il-politika dwar l-ilma tal-UE rnexxielha tgħin il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma tagħna. Dan il-Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa għandu l-għan li jittratta l-ostakli li jfixklu azzjoni għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa u huwa bbażat fuq evalwazzjoni estensiva tal-politika eżistenti. Il-Blueprint huwa bbażat fuq minjiera ta’ informazzjoni u analiżi, inkluż ir-rapport taż-ŻEE dwar l-Istat tal-Ilma[2], il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar (RBMPs – River Basin Management Plans) tal-Istati Membri u r-Reviżjoni tal-Politika dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfa[3], u Kontroll tal-Kundizzjoni (Fitness Check) tal-Politika tal-UE dwar l-Ilma Ħelu[4]. Barra dan huwa akkumpanjat minn Valutazzjoni tal-Impatt[5]. Il-Blueprint huwa bbażat fuq konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi kemm fil-qafas tal-iżvilupp tiegħu, kif ukoll skont il-Kontroll tal-Kundizzjoni li involva lill-pubbliku ġenerali, il-partijiet interessati, l-Istati Membri, kif ukoll istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-UE[6]. Il-Blueprint jirrikonoxxi li l-ambjenti akkwatiċi ivarjaw ħafna madwar l-UE u, għalhekk, ma jipproponix soluzzjoni waħda għalihom ilkoll, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jisħaq fuq temi ewlenin li jinkludu: it-titjib fl-użu tal-art, l-indirizzar tat-tniġġis tal-ilma, iż-żieda fl-effiċjenza u r-reżiljenza tal-ilma, u t-titjib fil-governanza minn dawk involuti fl-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma.

    1.1.        Kuntest tal-politika

    Il-politika tal-UE dwar l-ilma rnexxielha tikkontribwixxi b’suċċess għall-ħarsien tal-ilma tul dawn l-aħħar tletin sena. L-Ewropej jistgħu jixorbu l-ilma tal-vit mingħajr periklu u jgħumu f’għeluf ta’ żoni kostali, xmajjar u lagi madwar l-UE. It-tniġġis minn sorsi urbani, industrijali u agrikoli huwa rregolat u dan ġab titjib sinifikanti fil-kwalità tal-ilmijiet Ewropej, b’mod partikolari billi naqqas l-eċċess ta’ nutrijenti. B’riżultat ta’ dan, speċijiet ikoniċi ta’ ħut bħas-salamun u l-istorjun, f’xi postijiet, reġgħu lura fix-xmajjar Ewropej.

    Fl-2000, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD – Water Framework Directive)[7] tal-UE indirizzat għall-ewwel darba b’mod komprensiv l-isfidi kollha affaċċati mill-ilmijiet tal-UE, billi għamlitha ċara li l-immaniġġjar tal-ilma huwa ħafna aktar minn sempliċiment id-distribuzzjoni u t-trattament tal-ilma. Jinvolvi l-użu tal-art u l-immaniġġjar li jolqtu kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tal-ilma; jirrikjedi koordinazzjoni b’ippjanar spazjali mill-Istati Membri u integrazzjoni fi prijoritajiet ta’ finanzjament. Id-WFD stabbilixxiet l-għan li sal-2015 jinkiseb status tajjeb. Din id-data ta’ skadenza qed toqrob. Ir-rapport taż-ŻEE dwar l-Istat tal-Ilma u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-RBMPs tal-Istati Membri żviluppati skont id-WFD jaqblu li dan l-għan aktarx jinkiseb fi ftit aktar min-nofs (53 %) tal-ilmijiet tal-UE. Għalhekk hija meħtieġa azzjoni maġġuri addizzjonali biex l-ilmijiet tal-UE jkunu ppreservati u mtejba.

    Il-kawżi prinċipali tal-impatti negattivi fuq l-istatus tal-ilma huma marbutin flimkien. Dawn jinkludu t-tibdil fil-klima; l-użu tal-art; l-attivitajiet ekonomiċi bħall-produzzjoni tal-enerġija, l-industrija, l-agrikoltura u t-turiżmu; l-iżvilupp urban u l-bidla demografika. Il-pressjoni minn dawn il-kawżi tieħu l-għamla ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, użu żejjed tal-ilma (stress tal-ilma), tibdiliet fiżiċi f’korpi tal-ilma u avvenimenti estremi bħall-għargħar u n-nixfa, li probabbilment ser jiżdiedu jekk ma tittiħidx azzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-istatus ekoloġiku u kimiku tal-ilmijiet tal-UE huwa mhedded, aktar partijiet tal-UE jinsabu f'riskju ta’ skarsezza tal-ilma, u l-ekosistemi tal-ilma — li s-soċjetà tagħna tiddependi mis-servizzi tagħhom — jistgħu jisfaw aktar vulnerabbli għal avvenimenti estremi bħall-għargħar u n-nixfa. Huwa essenzjali li dawn l-isfidi jkunu indirizzati biex tkun ippreservata l-bażi tar-riżorsi tagħna għall-ħajja, in-natura u l-ekonomija u biex titħares is-saħħa tal-bniedem.

    L-UE jeħtiġilha tiffoka fuq tkabbir ekoloġiku u ssir aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (inkluż l-ilma) biex tirkupra b’mod sostenibbli mill-kriżi ekonomika u ambjentali preżenti, tadatta għat-tibdil fil-klima u tibni reżiljenza għad-diżastri. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi għandu potenzjal sinifikanti biex jgħati spinta lill-kompetittività u t-tkabbir tas-settur Ewropew tal-ilma, li jinkludi 9000 SMEs attivi u jipprovdi 600 000 post tax-xogħol dirett fl-utilitajiet tal-ilma waħidhom. Hemm ukoll potenzjal għal tkabbir ekoloġiku f’setturi oħra relatati mal-ilma (industriji li jużaw ilma, l-iżvilupp ta’ teknoloġija tal-ilma, eċċ.) fejn l-innovazzjoni tista’ żżid l-effiċjenza operattiva.

    Sittin fil-mija tat-territorju tal-UE jinsab f’baċini tax-xmajjar transkonfinali. Iċ-ċikli idroloġiċi huma tant konnessi ma’ xulxin li l-użu tal-art f’pajjiż wieħed jista’ jaffettwa l-preċipitazzjoni lil hinn mill-konfini tiegħu. Barra dan, is-Suq Ewropew, il-politiki komuni tal-UE u l-politiki tal-Istati Membri lkoll għandhom impatti sinifikanti fuq l-istatus tal-ilma. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi dan il-Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa. L-għan tiegħu fit-tul huwa li tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-attivitajiet kollha li jħallu impatt fuq l-ilma, biex b’hekk tkun aċċertata d-disponibbiltà tal-ilma ta’ kwalità tajba għall-użu tal-ilma b’mod sostenibbli u ekwu. Din il-mira hija wkoll minquxa fid-WFD f’diversi modi. Il-Blueprint għandu jgħina nilħqu din il-mira billi jidentifika ostakli u modi biex ngħelbuhom.

    2.           ‘status tajjeb tal-ilma’ u kif jinkiseb: xi ħaġa aħjar, xi ħaġa aktar u xi ħaġa ġdida

    Għalkemm l-għan tal-Blueprint mhuwiex ġdid, din hija l-ewwel darba li kien hemm daqshekk informazzjoni disponibbli dwar l-istatus tal-ilma madwar il-kontinent, partikolarment bis-saħħa tal-iżvilupp tar-RBMPs taħt id-WFD u tal-valutazzjonijiet imsemmijin hawn fuq. Dawn u l-fehmiet espressi minn partijiet interessati jingħaqdu biex juru li l-qafas legali preżenti tal-UE dwar l-ilma huwa estensiv, flessibbli u essenzjalment tajjeb biex jindirizza l-isfidi li qed jaffaċċa l-ambjent akwatiku. Iżda, hemm bżonn ta’ implimentazzjoni aħjar u aktar integrazzjoni tal-għanijiet tal-politika dwar l-ilma f’oqsma oħrajn tal-politika, bħall-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali u l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli, it-trasport u l-immaniġġjar integrat tad-diżastri. Ir-raġunijiet għal-livelli attwalment insuffiċjenti ta’ implimentazzjoni u integrazzjoni huma kumplessi u kienu analizzati fil-valutazzjoni tal-impatt mehmuża. Jikkonsistu minn sensiela ta’ problemi ta’ mmaniġġjar tal-ilma relatati mal-użu insuffiċjenti ta’ strumenti ekonomiċi, nuqqas ta’ appoġġ għal miżuri speċifiċi, governanza batuta u differenzi fl-għarfien. Kien biss fi ftit każijiet li kienu identifikati lakuni li kien jeħtiġilhom li jitlesta l-qafas preżenti b’azzjoni ġdida ta’ natura leġiżlattiva/legali.

    Jidher b’mod ċar li s-suċċess tal-approċċ propost mill-Blueprint se jiddependi mir-rieda u mill-azzjoni tal-Istati Membri li jinvolvu partijiet interessati u jsegwu l-proposti tal-Kummissjoni biex itejbu l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti. F’dan ir-rigward, l-Istrateġija Komuni ta’ Implimentazzjoni (CIS - Common Implementation Strategy) tad-WFD, li tinvolvi lill-Istati Membri kollha u lil partijiet interessati rilevanti, għandha tissokta taqdi rwol pożittiv fl-implimentazzjoni tad-WFD. Il-Blueprint jipprova jibni fuq is-CIS, fejn possibbli, biex joħloq sjieda u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni. Madankollu, id-dipendenza fuq is-CIS ma timplikax li l-Kummissjoni ma jibqax ikollha r-rwol ta’ infurzar tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma. Jistgħu jkunu meħtieġa każijiet ta’ ksur, skont kemm isir progress mill-Istati Membri biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom ta’ implimentazzjoni. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jitqiesu inizjattivi leġiżlattivi.

    It-taqsimiet li ġejjin jindirizzaw l-oqsma problemtatiċi u jissuġġerixxu modi biex isir avvanz b’rabta mal-użu tal-art/l-istatus ekoloġiku, l-istatus kimiku u t-tniġġis tal-ilma, l-effiċjenza tal-ilma, il-vulnerabbiltà u kwistjonijiet trażversali. Iżda m’għandux jintesa li dawn huma kollha aspetti interkonnessi tal-immaniġġjar tal-ilma u l-miżuri proposti għandhom jikkontribwixxu għall-miri multipli. Pereżempju, l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u l-miżuri ta’ vulnerabbiltà huma mistennija li jkollhom impatti pożittivi fuq l-istatus ekoloġiku u kimiku u viċiversa.

    2.1.        Użu tal-art u l-istatus ekoloġiku tal-ilmijiet tal-UE: problemi u soluzzjonijiet

    Ir-rapport taż-ŻEE dwar l-Istat tal-Ilma u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-RBMPs juru li l-istatus ekoloġiku tajjeb huwa preżentament miksub fi 43 % tal-korpi tal-ilma ħelu rrappurtati u li l-miżuri addizzjonali inklużi fl-pjanijiet huma mistennija li jżidu dan għal 53 % sal-2015.

    Filwaqt li valutazzjonijiet ta’ status ekoloġiku għad jonqoshom jitjiebu, jidher li l-pressjoni l-aktar mifruxa dwar l-istatus ekoloġiku fl-UE (19-il Stat Membru) toriġina minn tibdiliet fil-korpi tal-ilma[8] minħabba, pereżempju, digi għall-idroelettriku u n-navigazzjoni jew it-tisfija tal-art għall-agrikoltura; imbankmenti għall-ħarsien mill-għargħar.

    Hemm modi magħrufin biex ikunu indirizzati dawn il-pressjonijiet u dawn għandhom ikunu applikati. Fejn strutturi eżistenti mibnijin għall-idroelettriku, navigazzjoni u skopijiet oħrajn ifixklu l-kontinwità tax-xmara u, sikwit, il-migrazzjoni tal-ħut, għandhom ikunu l-prattika standard miżuri ta’ mitigazzjoni bħal passaġġi għall-ħut u liftijiet għall-ħut. Dan issa qed isir, l-aktar għal żviluppi ġodda, b’konsegwenza tar-rekwiżiti tad-WFD (l-Artikolu 4.7), iżda huwa importanti li strutturi eżistenti jerġgħu jiġu adattati mill-ġdid progressivament biex jitjieb l-istatus tal-ilma. Meta jkun hemm pjanijiet biex isiru tibdiliet sinifikanti ġodda fil-korpi tal-ilma, għandhom isiru Valutazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi (VAS)[9] minbarra Valutazzjonijiet tal-Impatti Ambjentali (EIA – Enviromental Impact Assessments)[10] għal proġetti strateġiċi. Pereżempju, pjanijiet nazzjonali u reġjonali għall-iżvilupp tal-idroelettriku għandhom ikunu soġġetti għal VAS biex ikun identifikat fejn ikunu jistgħu jitqiegħdu d-digi sabiex ikunu mminimizzati effetti ambjentali negattivi u l-vulnerabbiltà għal riskji ta’ diżastri, jew biex jitqabblu l-pjanijiet ma’ żvilupp ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija rinnovabbli[11]. B’mod simili, VAS ta’ pjanijiet għall-iżvilupp tan-navigazzjoni interna għandhom jaraw liema passaġġi fuq l-ilma jkunu jistgħu jifilħu l-aktar traffiku bl-anqas spiża ambjentali u f’taħlita l-aktar sostenibbli ma’ modi oħra ta’ trasport[12]. Il-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti dwar l-infurzar tal-Artikolu 4.7. Għandhom ikunu indirizzati wkoll il-kwistjonijiet transkonfinali b’rabta mar-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, inkluż fil-qafas tal-politiki Ewropej dwar il-viċinat u t-tkabbir.

    Il-pressjoni mill-agrikoltura u l-ħarsien mill-għargħar jistgħu jkunu mmitigati jew evitati. Il-metodi jinkludu l-iżvilupp ta’ strippi ta’ lqugħ, li jipprovdu kontinwità bijoloġika bejn ix-xmajjar u x-xtut tagħhom u billi tintuża, kull meta jkun possibbli, infrastruttura ekoloġika bħar-restawr ta’ żoni riparji, artijiet mistagħdra u pjanuri tal-għargħar għar-ritenzjoni tal-ilma, appoġġ għall-bijodiversità u l-fertilità tal-ħamrija, u prevenzjoni kontra l-għargħar u n-nixfa. Din hija alternattiva siewja għall-infrastruttura griża klassika (eż. imbankmenti, dykes u digi). Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tkun evitata d-degradazzjoni tal-ilmijiet minn fejn tibda xmara. Dawn huma korpi żgħar tal-ilma (fejn jitrabbew ħafna speċijiet ta’ ħut) li ta’ sikwit ikunu mhedda, skont iż-ŻEE, minn xogħlijiet agrikoli (dranaġġ, mili) u minn tnixxif. Għadajjar tal-ħut jaqdu wkoll rwol importanti għar-ritenzjoni u l-ħażna tal-ilma fil-pajsaġġ, il-prevenzjoni kontra l-għargħar u l-erożjoni.

    Biex dawn ikunu indirizzati, fil-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)[13] 2014-2020 hemm minquxa għodod b’saħħithom ta’ integrazzjoni tal-politika li jistgħu jsaħħu ħafna t-tnedija ta’ infrastruttura ekoloġika. L-impenn propost ta’ 20 % tal-baġit tal-UE għar-rikonoxximent formali tal-klima fl-QFP għandu jżid l-appoġġ għall-miżuri kollha tal-ilma relatati mal-adattament għall-klima. Elementi ta’ oqsma ta’ fokus ekoloġiku prospettati mill-proposta tal-Kummissjoni sabiex il-pilastru I tal-PAK isir ekoloġiku, bħall-istrippi ta’ lqugħ, jistgħu jservu ta’ Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma (NWRM - Natural Water Retention Measures), tip ta’ Infrastruttura Ekoloġika. In-NWRMs jistgħu wkoll jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali bħala alternattiva għall-infrastruttura griża. Il-proposta għall-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) ġdid tinkludi miżuri biex jitrawwem l-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli li tipprovdi appoġġ għall-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent, il-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-pajsaġġ u ta’ karatteristiċi tradizzjonali taż-żoni tal-akkwakultura.

    Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-QFP jeħtieġ li jkollhom appoġġ u jitlaħħmu aktar f’regoli ta’ implimentazzjoni. L-Istati Membri jeħtiġilhom jagħtu prijorità suffiċjenti lil għanijiet ta’ politika dwar l-ilma meta jinnegozjaw Ftehimiet ta’ Sħubija mal-Kummissjoni għall-ipprogrammar ta’ nfiq ta’ Fondi tal-UE.

    Biex jespandu l-infrastrutturi ekoloġiċi, l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom għal integrazzjoni ta’ politika fil-livell nazzjonali. Għandhom jużaw b’mod sħiħ ir-RBMPs li jirrikjedu approċċ integrat għall-immaniġġjar ta’ riżorsi tal-ilma fl-oqsma kollha tal-politika bħall-agrikoltura, l-akkwakultura, l-enerġija, it-trasport u l-immaniġġjar integrat tad-diżastri. Il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa Gwida tas-CIS għal miżuri naturali għar-ritenzjoni tal-ilma biex tiffaċilita dan l-approċċ integrat u tqis ukoll li tiżviluppa gwida sabiex tiżgura livell xieraq ta’ ħarsien tal-ilmijiet li fihom il-frott tal-baħar bil-qoxra.

    It-tieni pressjoni l-aktar komuni fuq l-istatus ekoloġiku tal-UE (f’16-il Stat Membru) toriġina mill-astrazzjoni eċċessiva tal-ilma. L-allokazzjoni eċċessiva tal-ilma lill-utenti f’baċin tax-xmara minħabba stima eċċessiva tal-ammonti disponibbli, jew minħabba pressjoni ekonomika jew politika, għandu jkun rikonoxxut li hija differenti mill-astrazzjoni tal-ilma, li hija illegali għaliex issir mingħajr permess jew bi ksur ta’ permess mogħti.

    Biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-allokazzjoni eċċessiva, hemm ħtieġa f’ħafna baċini ta’ xmajjar tal-UE li l-immaniġġjar kwantitattiv tal-ilma jitqiegħed fuq bażi aktar solida: jiġifieri l-identifikazzjoni tal-fluss ekoloġiku, jiġifieri l-ammont tal-ilma meħtieġ għall-ekosistema akwatika biex tkompli tikber u titqawwa u tipprovdi s-servizzi li niddependu fuqhom. Fundamentali għal dan huwa r-rikonoxximent li l-kwalità u l-kwantità tal-ilma huma relatati mill-qrib ħafna fil-ħdan il-kunċett ta’ ‘status tajjeb’. Madankollu, ma hemmx definizzjoni tal-UE dwar il-fluss ekoloġiku, lanqas fehim komuni ta’ kif għandu jkun ikkalkulat, minkejja li dawn huma kundizzjonijiet minn qabel għal applikazzjoni konsistenti tagħha. Biex tkun indirizzata din il-lakuna, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa dokument ta’ gwida fil-qafas tas-CIS tad-WFD, billi tuża l-proċess miftuħ u parteċipattiv tagħha. Malli jkun hemm qbil dwar definizzjoni komuni u metodoloġija għal kalkolu, dawn għandhom ikunu implimentati fiċ-ċiklu li jmiss tar-RBMPs li għandhom jiġu adottati sal-aħħar tal-2015.

    Dwar il-kwistjoni tal-astrazzjoni illegali[14], filwaqt li huwa responsabbiltà tal-Istati Membri biex jużaw il-mezzi kollha biex jinfurzaw il-liġi tal-UE u dik nazzjonali, id-dipendenza fuq l-imaġni tas-satellita u l-informazzjoni derivata, bħal dik provduta permezz tal-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES - Global Monitoring for Environment and Security), tista’ tgħinhom konsiderevolment jidentifikaw żoni li jissaqqu lil hinn sew mill-ammont possibbli permezz tal-permessi nazzjonali jew ukoll mingħajr permessi. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li taħdem flimkien mal-Istati Membri li jiltaqgħu mal-problema ta’ astrazzjoni illegali bil-għan li tipproponi servizzi ta’ GMES li jużaw b’mod sħiħ l-informazzjoni miżmuma fil-livell ta’ Stat Membru għad-detezzjoni ta’ astrazzjoni illegali.

    Tabella 1

    Azzjoni proposta mill-Blueprint || Min ser jeħodha? || Sa meta?

    Żvilupp ta’ Gwida tas-CIS dwar Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma (Infrastruttura ekoloġika). || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2014

    Il-pilastru I ekoloġiku tal-PAK għandu jappoġġa Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma (permezz ta’ żoni ta’ fokus ekoloġiku). || Il-Kummissjoni u l-Istati Membri || Sa mill-2014

    Użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u self mill-BEI biex jappoġġaw Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma. || Il-Kummissjoni, il-BEI u l-Istati Membri || 2014-2021

    Żvilupp ta’ Gwida tas-CIS dwar il-fluss ekoloġiku (u l-kontijiet tal-ilma). || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2014

    Applikazzjoni tas-servizzi ta’ GMES għad-detezzjoni tal-astrazzjoni illegali. || Il-Kummissjoni u l-Istati Membri || Sa mill-2013

    2.2.        Status kimiku u tniġġis tal-ilmijiet tal-UE: problemi u soluzzjonijiet

    L-informazzjoni pprovduta fir-RBMPs dwar l-istatus kimiku mhix ċara biżżejjed biex tistabbilixxi bażi ta’ referenza għall-2009, is-sena tal-adozzjoni tal-pjanijiet. Filwaqt li kien hemm titjib fil-kwalità kimika tal-korpi tal-ilma matul dawn l-aħħar 30 sena, is-sitwazzjoni fir-rigward tas-sustanzi ta’ prijorità — li huma l-bażi għall-valutazzjoni tal-istatus kimiku kif introdott mid-WFD — hija inqas mill-aspetattivi.

    Il-valutazzjoni tal-istatus kimiku tindika li proporzjon kbir (madwar 40 %) tal-korpi tal-ilma għandu status mhux magħruf. Il-monitoraġġ huwa b’mod ċar insuffiċjenti u inadegwat f’ħafna Stati Membri, partikolarment fejn mhux is-sustanzi kollha ta’ prijorità jkunu mmonitorjati; fejn l-għadd ta’ korpi tal-ilma mmonitorjati huwa limitat ħafna, u/jew fejn l-għażla tal-kompartiment tal-ambjent akwatiku fejn is-sustanzi jkunu mmonitorjati mhix adatta.

    Huwa fundamentali li jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ monitoraġġ skont id-WFD biex jappoġġaw t-teħid ta’ deċiżjonijiet robusti, l-aktar għaliex l-ispiża tal-monitoraġġ hija bil-bosta anqas mill-ispiża għal teħid ta’ deċiżjonijiet mhux adattati.

    Qabel id-WFD, l-UE indirizzat b’mod sinifikanti t-tniġġiż tas-sors ta’ punt u sustanzi kimiċi difużi u tniġġis ieħor fl-ambjent akwatiku billi għaddiet diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni, inkluż id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD – Urban Waste Water Treatment Directive)[15], id-Direttiva dwar in-Nitrati (ND – Nitrates Directive)[16], id-Direttiva dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (PPPD – Plant Protection Products Directive)[17] u d-Direttivi dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IPPC-IED - Integrated Pollution Prevention and Control, Industrial Emissions Directive)[18]. Dawn id-Direttivi jipproteġu r-riżorsi tal-ilma minn tniġġis minn nutrijenti u/jew minn sustanzi kimiċi oħra mill-agrikoltura, mid-djar u mill-industrija.

    Għalkemm l-implimentazzjoni ta’ dawn id-Direttivi għamlet progress sinifikanti, għadha ma ntlaħqitx konformità sħiħa, u dan ifixkel l-ilħiq tal-għanijiet ambjentali tagħhom. Tniġġis diffuż u tas-sors ta’ punt għadhom pressjonijiet sinifikanti fuq l-ambjent tal-ilma f’madwar, rispettivament, 38 % u 22 % tal-korpi tal-ilma tal-UE. L-ewtrofikazzjoni minħabba kwantità eċċessiva ta’ nutrijenti tibqa’ theddida kbira għall-istatus tajjeb tal-ilmijiet minħabba l-arrikiment tan-nutrijenti jinsab f’madwar 30 % tal-korpi tal-ilma fi 17-il Stat Membru. Jeħtieġ li jiġu estiżi ż-żoni vulnerabbli għan-nitrati u jiżdiedu l-programmi ta’ azzjoni sabiex jingħeleb dan it-theddid. Huwa importanti wkoll li jitjiebu r-rati ta’ konformità għat-trattament tal-ilma mormi permezz ta’ ppjanar ta’ investimenti fit-tul u pjanijiet ta’ implimentazzjoni (inklużi fondi tal-UE u self mill-BEI). L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-permessi għall-emissjonijiet industrijali li huma joħorġu jkunu jipprovdu għall-Valuri ta’ Limitu tal-Emissjonijiet (VLEs) li jkunu konformi mal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT- Best Available Techniques) u jqisu għanijiet rilevanti dwar l-ilma.

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar sustanzi kimiċi (REACH)[19] u dwar il-prodotti u l-bijoċidi għall-protezzjoni tal-pjanti[20] rrikonoxxiet il-ħtieġa li tivvaluta r-riskji tagħhom għall-ambjent akwatiku u, fejn ikun meħtieġ, timponi restrizzjonijiet dwar kif jistgħu jintużaw jew tiċħad l-awtorizzazzjoni biex lanqas biss jintużaw. Hu x’inhu, il-miżuri upstream għandhom jitqiesu bħala preferibbli minn soluzzjonijiet downstream (tindif).

    Id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi[21] ġiet identifikata fil-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-PAK biex possibbilment tiġi inkluża fil-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità. L-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva jista’ jikkumplimenta l-miżuri meħudin taħt il-leġiżlazzjoni dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u jgħin biex ikompli jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma mill-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Sabiex tikkontribwixxi għal dan, huwa importanti li tiġi appoġġata l-proposta tal-Kummissjoni li din id-Direttiva tkun inkluża fil-kundizzjonalità.

    Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar il-farmaċewtiċi, hemm differenza bejn il-ħarsien ambjentali mogħti mil-leġiżlazzjoni dwar prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem[22] u minn dik dwar il-prodotti mediċinali veterinarji[23]. It-tnejn jeħtiġu valutazzjoni tar-riskju ambjentali, u li l-ħtieġa ta’ miżuri protettivi titqies każ każ[24], iżda huwa biss għal mediċini veterinarji li l-awtorizzazzjoni tista’ tqis it-tħassib ambjentali. It-tniġġis ambjentali b’residwi farmaċewtiċi huwa problema li qed tibda tidher. Il-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta rapport dwar l-iskala ta’ din il-problema, flimkien ma’ valutazzjoni dwar jekk humiex meħtieġa emendi għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti mediċinali jew għal leġiżlazzjoni oħra tal-UE[25]. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, fil-31 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni pproponiet emenda għad-Direttiva dwar l-Istandards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[26] biex, inter alia, iżżid 15-il sustanza fil-lista ta’ sustanzi ta’ prijorità skont dik il-leġiżlazzjoni, inklużi tliet farmaċewtiċi. Meta tkun adottata, din l-emenda se ssaħħaħ ir-rwol tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex tidentifika r-riskji għall-ambjent akwatiku jew li jirriżultaw minnu. Se tipprovdi wkoll dejta ta’ monitoraġġ, li se tkun utli meta jkunu żviluppati aktar miżuri.

    Tabella 2

    Azzjoni proposta mill-Blueprint || Min ser jeħodha? || Sa meta?

    Direttiva Qafas dwar l-Ilma: Infurzar tar-rekwiżiti ta’ rapportar. || Il-Kummissjoni || Kontinwa

    Id-Direttiva dwar in-Nitrati: Estensjoni taż-żoni vulnerabbli għan-nitrati u rinfurzar tal-programmi ta’ azzjoni. || L-Istati Membri || Kontinwa

    Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi: Titjib tar-rati ta’ konformità fit-trattament tal-ilma mormi permezz ta’ ppjanar ta’ investimenti fit-tul (inklużi fondi tal-UE u self mill-BEI). Tħejjija ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni || L-Istati Membri (il-Kummissjoni wkoll għal fondi tal-UE, il-BEI għal self) L-Istati Membri, il-Kummissjoni || 2018 2014

    Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali: Żgurar li l-permessi għall-emissjonijiet industrijali jipprovdu għall-Valuri ta’ Limitu tal-Emissjonijiet (VLEs) li huma konformi mal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) u jqiesu l-għanijiet rilevanti dwar l-ilma. || L-Istati Membri || Sa mill-2016

    Id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi: tiżdied mal-kundizzjonalità tal-PAK. || Il-Kunsill, il-PE, il-Kummissjoni || Malli l-kundizzjonijiet fil-Proposta tal-Kummissjoni jkunu ġew sodisfatti (jiġifieri l-aktar kmieni fl-2014)

    Farmaċewtiċi: Preżentazzjoni ta’ rapport dwar il-farmaċewtiċi u l-ambjent. || Il-Kummissjoni || 2013

    Id-Direttiva dwar l-Istandards ta’ Kwalità Ambjentali: Adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għall-emendi. || Il-Kunsill, il-PE || 2012-2013

    2.3.        Effiċjenza fl-użu tal-ilma tal-UE: problemi u soluzzjonijiet

    L-użu sostenibbli tal-ilmijiet tal-Ewropa, speċjalment l-aspetti kwantitattivi tiegħu, huwa sfida realigħal maniġers tal-ilma, minħabba fenomeni globali bħat-tibdil fil-klima u l-iżviluppi demografiċi. Ir-rapport taż-ŻEE dwar l-Istat tal-Ilma jagħti prominenza lix-xejriet inkwetanti li juru ż-żieda u l-firxa usa’ tal-iskarsezza u l-istress tal-ilma, li fl-2030 huma mistennija jaffettwaw madwar nofs il-baċini tax-xmajjar tal-UE. Bħala tweġiba għal dan, minbarra li jsir titjib fl-allokazzjoni tal-ilma abbażi tal-fluss ekoloġiku, għandhom jittieħdu miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma biex ikun iffrankat l-ilma u, f’ħafna każijiet, biex tkun iffrankata l-enerġija wkoll.

    L-Artikolu 9 tad-WFD jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-ipprezzar li jagħtu inċentivi biex l-ilma jintuża b’mod effiċjenti. L-ipprezzar huwa għodda b’saħħitha li tagħmel lill-konsumaturi konxji u tgħaqqad il-benefiċċji ambjentali ma’ dawk ekonomiċi, filwaqt li tistimula l-innovazzjoni. Il-metraġġ huwa kundizzjoni minn qabel għal kull politika ta’ pprezzar inċentivat. L-Artikolu 9 jirrikjedi wkoll irkupru tal-ispejjeż (inklużi spejjeż ambjentali u ta’ riżorsi) għal servizzi tal-ilma, filwaqt li jitqies il-prinċipju li min iniġġes iħallas. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u l-Perjodi ta’ Nixfa[27] inkludiet għażliet relatati mat-‘tqegħid tal-prezz it-tajjeb għall-ilma’, l-‘allokazzjoni tal-ilma b’mod aktar effiċjenti’ u t-‘trawwim ta’ teknoloġiji u prattiċi effiċjenti fl-użu tal-ilma’. Dawn il-miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma jaqblu mal-għan globali tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-Ewropa 2020[28].

    Kif tixhed ir-Reviżjoni tal-Kummissjoni tal-Politika dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u l-Perjodi ta’ Nixfa, sar progress limitat fl-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ politika identifikati fil-Komunikazzjoni tal-2007. Ir-Reviżjoni tagħti prominenza lill-potenzjal kbir mhux minsus għall-miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma fis-setturi kollha ewlenin li jużaw l-ilma (l-agrikoltura, l-industrija, in-netwerks ta’ distribuzzjoni, il-bini u l-produzzjoni tal-enerġija). Tgħid li jekk jiddaħħlu l-kontabbiltà u miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma fil-livell settorjali, dawn jipprovdu bażi aktar qawwija għal miżuri effettivi u mmirati għall-ħarsien tal-ilma. Valutazzjoni tar-RBMPs tad-WFD tiżvela li s-sitwazzjoni mhix tant aħjar b’rabta mal-Artikolu 9: l-ipprezzar inċentivat u trasparenti tal-ilma mhux applikat fl-Istati Membri kollha u fis-setturi li jużaw l-ilma, ukoll minħabba n-nuqqas ta’ metraġġ. 49 % biss tar-RBMPs qed jippjanaw li jibdlu s-sistema tal-ipprezzar tal-ilma biex irawmu użu aktar effiċjenti tal-ilma, u 40 % biss jinkludu miżuri biex itejbu l-metraġġ tal-ilma. Li ma jkunx iffissat prezz fuq riżors skars bħall-ilma jista’ jitqies bħala sussidju li jagħmel ħsara lill-ambjent. Barra dan, l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ servizzi tal-ilma minn xi Stati Membri qed tfixkel il-progress fl-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ rkupru ta’ spejjeż lill hinn mill-ilma tax-xorb u s-sanità[29]. Dan jillimita b’mod konsiderevoli l-impatt potenzjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-WFD.

    Filwaqt li tkompli b’azzjoni ta’ infurzar biex tiżgura konformità mal-Artikolu 9, il-Kummissjoni se tipprova tiffaċilita l-implimentazzjoni billi tiżviluppa dokument ta’ gwida, fil-qafas tas-CIS. Id-dokument ta’ gwida se jiffoka fuq il-metodoloġija li tivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ miżuri tal-ilma li jappoġġaw il-kost effettività u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-kunċett ta’ pagament għal servizzi tal-ekosistemi. Dan għandu jgħin biex tkun identifikata l-effiċjenza fl-użu tal-miżuri tal-ilma u wkoll biex jiġi implimentat il-prinċipju li min iniġġes iħallas. Barra minn dan, il-preżenza ta’ politika ta’ pprezzar tal-ilma hija pprospettata bħala kundizzjoni ex ante biex jinkiseb finanzjament għal ċerti proġetti skont il-proposti tal-Kummissjoni għal fondi tal-Iżvilupp Rurali u ta’ Koeżjoni. Jekk dawn il-proposti jiksbu appoġġ, ikunu ta’ inċentiv ulterjuri għall-ipprezzar effiċjenti tal-ilma.

    Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ azzjonijiet addizzjonali li jistgħu jtejbu ħafna l-immaniġġjar kwantitattiv tal-ilma u l-effiċjenza fl-użu tal-ilma fl-Ewropa, biex b’hekk jikkontribwixxu wkoll għal għanijiet tal-kwalità tal-ilma.

    L-ewwel, flimkien maż-ŻEE, il-Kummissjoni żviluppat kontijiet tal-ilma fil-livell tal-baċini ta’ xmajjar u ta’ qbid sekondarju. Dawn il-kontijiet jeħtiġilhom li jiġu rafinati aktar mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fil-kuntest tas-CIS tad-WFD, iżda jipprovdu ‘il-ħolqa nieqsa’ f’ħafna baċini tax-xmajjar għall-immaniġġjar tal-ilma. Jgħidu lill-maniġers tal-ilma kemm ikun hemm fluss tal-ilma ’l ġewwa u ’l barra minn baċin tax-xmara u kemm ilma jista’ realistikament ikun mistenni li jkun disponibbli qabel ma ssir l-allokazzjoni. Il-kontijiet tal-ilma jimlew lakuna billi jiġbru flimkien għarfien li s’issa kien disponibbli biss b’mod imferrex u f’biċċiet. Jekk ikunu implimentati fil-wisa’, jistgħu jagħmlu ħafna biex jgħinu biex jissolvew il-problemi tal-iskarsezza tal-ilma, eż. billi janalizzaw aħjar il-kategoriji strutturali u ta’ episodji tal-istress tal-ilma u jipprovdu ħjiel aħjar għall-indikaturi tar-riżorsi tal-ilma. Il-kontijiet tal-ilma għandhom rabta mill-qrib mal-identifikazzjoni tal-fluss ekoloġiku għaliex għandhom jiżguraw li l-ħtiġijiet tan-natura jiġu rispettati u li l-bilanċi tal-ilma f’baċin tax-xmara jibqgħu fi ħdan il-limiti sostenibbli. Iżda l-kontijiet tal-ilma waħedhom mhumiex biżejjed minħabba li l-informazzjoni li jipprovdu hija biss il-bażi għal azzjoni.

    It-tieni, biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, għandhom ikunu żviluppati miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma mill-awtoritajiet tal-baċin tax-xmara għall-baċini ta’ xmajjar, li jkollhom — jew li huma mistennija li jkollhom — stress tal-ilma, abbażi ta’ indikaturi tal-istress tal-ilma żviluppati fil-proċess tas-CIS u applikati fil-livell tal-baċin tax-xmara. Miri bħal dawn għandhom jindirizzaw is-setturi ewlenin kollha li jużaw l-ilma (l-industrija, il-produzzjoni tal-enerġija, l-agrikoltura, id-djar, eċċ.) u għandu jkollhom rabta mill-qrib mal-għan ta’ status tajjeb. Għandu jkun hemm dipendenza fuqhom flimkien mal-ipprezzar inċentivat tal-ilma msemmi hawn fuq, biex tkun evitata l-possibbiltà ta’ effett bil-kontra (jiġifieri it-titjib fiż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-ilma iżid minflok inaqqas l-użu u l-konsum tal-ilma). Jistgħu jsiru parti mill-proċess ta’ allokazzjoni tal-ilma u jistabbilixxu l-għanijiet fir-RBMPs. Dan jista’ jrendi ffrankar tal-ilma u l-enerġija, li jkun ta’ benefiċċju għall-ekosistemi tal-ilma, jillimita l-ispejjeż u jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra. Sabiex tkun żgurata l-konsistenza u l-komparabbiltà, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa metodoloġija komuni tal-UE biex tissettja miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma, li għandha tkun maqbula taħt il-proċess tas-CIS.

    It-tielet, biex trawwem l-effiċjenza fl-użu tal-ilma fis-settur tal-bini, il-Kummissjoni analizzat l-għażliet disponibbli u ddeċidiet li tiżviluppa kriterji għal Ekotikketta tal-UE u għal Akkwist Pubbliku Ekoloġiku[30] volontarji għal prodotti ewlenin relatati mal-ilma u li tinkludi l-prodotti relatati mal-ilma fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Ekodisinn fl-ambitu speċifikat f'dan il-Pjan[31]. Din l-għażla toffri diversi vantaġġi: hija sempliċi għal konsumaturi li fil-ġejjieni għandhom isibu fis-suq biss tagħmir tal-ilma aktar effiċjenti u prodotti b’tikketti ċari abbażi tal-effiċjenza tagħhom; hija bbażata fuq approċċ progressiv minħabba li ma teħtiġx li bini eżistenti jkun adattat mill-ġdid iżda li jkun hemm bidla gradwali fis-suq minn prodotti antiki għal oħrajn aktar effiċjenti; se trendi ffrankar konsiderevoli tal-enerġija minħabba li parti l-kbira tal-ilma kkunsmat fid-djar ikun jissaħħan. L-iffankar stmat tal-enerġija minn viti u doċoċ huwa ekwivalenti għal 10.75 Mtoe fl-2020 u madwar id-doppju ta’ dan fl-2030. Dan l-iffrankar huwa ekwivalenti għal madwar 3.5 % tal-użu totali tal-enerġija residenzjali fl-UE 27 jew madwar 1 % tal-użu totali tal-enerġija fl-UE 27.

    Ir-raba’, fil-qasam tal-agrikoltura, il-proposti tal-Kummissjoni għal riforma tal-PAK, li qed ikunu diskussi bħalissa, jipprovdu (skont il-pilastru II dwar l-Iżvilupp Rurali) kamp ta’ applikazzjoni għal finanzjament biex ikun hemm titjib fl-effiċjenza fit-tisqija f’modi li huma konsistenti mal-għanijiet tad-WFD u li ma jħallux li jkun hemm effett bil-kontra. Dan jinkludi tnaqqis fl-użu minimu tal-ilma. Huwa ttamat li dawn il-miżuri jkollhom appoġġ fit-testi maqbulin finalment tal-PAK. Dan huwa importanti għaliex 24 % tal-astrazzjoni tal-ilma fl-Ewropa tmur għall-agrikoltura u, għalkemm din ma tidhirx li hija ħafna meta mqabbla ma’ 44 % astratt għal ilma kiesaħ fil-produzzjoni tal-enerġija, l-impatt tagħha fuq ir-riżervi huwa ħafna akbar. Fil-produzzjoni tal-enerġija, kważi l-ilma kiesaħ kollu jmur lura għand korp tal-ilma, iżda għall-agrikoltura ċ-ċifra hija spiss terz biss[32].

    Il-ħames, fir-rigward tal-problema ta’ tnixxija minn netwerks ta’ distribuzzjoni tal-ilma, il-Kummissjoni temmen li din tista’ tkun indirizzata biss abbażi ta’ każ każ biex tivvaluta l-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi tat-tnaqqis fil-livelli ta’ tnixxija. Is-sitwazzjoni hija differenti ħafna bejn l-Istati Membri u ġewwa fihom minħabba li rati ta’ tnixxija jvarjaw minn 7 % sa 50 % jew aktar. Il-Kummissjoni se taħdem mal-industrija tal-ilma tal-UE biex tħaffef l-iżvilupp u l-firxa tal-aħjar prattiki għal Livelli Ekonomiċi Sostenibbli ta’ Tnixxija (SELL - Sustainable Economic Leakage Levels) u, aktar fil-wisa’, ta’ viżjoni strateġika għall-ġejjieni tal-infrastruttura tal-ilma biex tgħinha tadatta għat-tibdil fil-klima f’dinja b’riżorsi dejjem aktar skarsi.

    Fl-aħħar nett, il-kummerċ fl-ilma huwa strument ieħor, użat l-aktar barra mill-UE, li jista’ jgħin biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u jingħeleb l-istress tal-ilma, jekk ikun implimentat limitu globali sostenibbli għall-użu tal-ilma. Il-kummerċ fl-ilma jinvolvi spejjeż amministrattivi relattivament sinifikanti u, fil-prinċipju, jagħmel sens biss għal dawk li jużaw l-ilma f’baċin definit tax-xmara. Għalkemm ma jkunx ta’ għajnuna li tkun stabbilita sistema bħal din fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi li tkun żviluppata gwida tas-CIS biex tgħin l-iżvilupp tal-kummerċ fl-ilma fl-Istati Membri li jagħżlu li jimplimentawha.

    Tabella 3

    Azzjoni proposta mill-Blueprint || Min ser jeħodha? || Sa meta?

    Infurzar tal-obbligi tal-ipprezzar/irkupru ta’ spejjeż tal-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, inkluż il-metraġġ fejn rilevanti L-ipprezzar/irkupru tal-ispejjez tal-ilma isir kundizzjoni ex ante skont il-fondi tal-Politika għall-Iżvilupp Rurali u ta’ Koeżjoni. || Il-Kummissjoni Il-Kunsill, il-PE u l-Kummissjoni || Kontinwa Sa mill-2014

    Żvilupp tal-Gwida tas-CIS dwar skemi kummerċjali u dwar valutazzjoni tal-ispiża/benefiċċju. || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u il-partijiet interessati || 2014

    It-tnaqqis fl-użu tal-ilma isir kundizzjoni minn qabel għal xi proġetti ta’ tisqija skont l-Iżvilupp Rurali. || Il-Kunsill, il-PE u l-Kummissjoni || Sa mill-2014

    Żviluppa tal-Gwida tas-CIS dwar kontijiet tal-ilma (u l-fluss ekoloġiku). || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2014

    Żvilupp tal-Gwida tas-CIS dwar l-iffissar tal-miri. || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2014

    Inklużjoni ta; prodotti relatati mal-ilma fil-pjan ta’ ħidma tal-Ekodisinn. Żvilupp ta’ kriterji volontarji dwar l-Ekotikketta tal-UE u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku. || Il-Kummissjoni || 2012 2013

    Firxa tal-aħjar prattiki/għodod biex jinkiseb livell ekonomiku sostenibbli tat-tnixxija. || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija tal-ilma || 2013

    2.4.        Vulnerabbiltà tal-ilmijiet tal-UE: problemi u soluzzjonijiet

    Dejta mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Blueprint turi xejriet li qed jiżdiedu tan-nixfa fil-fluss tax-xmajjar u t-telf fl-Ewropa relatat mal-għargħar tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Dan jenfasizza l-ħtieġa li titjieb ir-reżiljenza tal-ekosistema akwatika biex tadatta għal klima li qed tinbidel, li x’aktarx ukoll iġġib pressjoni addizzjonali bħal temperatura ogħla tal-ilma u speċijiet eżotiċi invażivi. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jitqiesu miżuri bbażati fuq approċċ ta’ mmaniġġjar integrat tad-diżastri u li jkunu speċifikatament immirati li jegħlbu l-effetti ta’ avvenimenti estremi bħal perjodi ta’ nixfa u għargħar li l-frekwenza, l-intensità u l-ħsara ambjentali u ekonomika tagħhom jidhru li żdiedu matul dawn l-aħħar tletin sena.

    Id-Direttiva tal-UE dwar l-Għargħar tirrikjedi l-iżvilupp ta’ Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju tal-Għagħar (FRMPs – Flood Risk Management Plans) sal-2015, li għandhom ikunu kkoordinati mat-tieni ċiklu tar-RBMPs li wkoll huma mistennija fl-2015. L-FRMPs għandhom ukoll jitqiesu meta jkunu qed jiġu żviluppati pjanijiet transettorjali u ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ perikli multipli. It-tama hija li dan iġib titjib fl-użu tal-art u tal-ippjanar spazjali, li debitament jqisu t-tibdil fil-klima, ir-reżiljenza għad-diżastri u l-ħtiġijiet ta’ adattament. [33]

    Fost il-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex ikunu limitati l-effetti negattivi tal-għargħar u n-nixfa hemm l-infrastruttura ekoloġika, partikularment miżuri naturali għar-ritenzjoni tal-ilma. Dawn jinkludu r-restawr ta’ pjanuri tal-għargħar u ta’ artijiet mistagħdra, li jistgħu jżommu l-ilma matul perjodi ta’ preċipitazzjoni abbundanti — jew eċċessiva — biex jintuża matul perjodi ta’ skarsezza. L-infrastruttura ekoloġika tista’ tgħin tiżgura l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità[34]. It-tnaqqis fl-issiġillar tal-ħamrija huwa miżura oħra li tista’ tnaqqas ir-riskju tal-għargħar[35]. Dawn il-miżuri għandhom ikunu inklużi kemm fir-RBMPs kif ukoll fil-FRMPs u, kif jissemma, għandhom isiru prijorità għal finanzjament skont il-PAK, il-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u l-Perjodi ta’ Nixfa kienet tinkludi, minbarra l-għażliet dwar l-effiċjenza fl-użu tal-ilma msemmija hawn fuq, suġġeriment biex ‘titqies infrastruttura addizzjonali tal-provvista tal-ilma’. Il-Komunikazzjoni pproponiet ukoll ġerarkija tal-ilma fejn l-għażliet addizzjonali tal-provvista tal-ilma (eż. id-desalinizzazzjoni) jitqiesu biss wara li jkun ġie eżawrit it-titjib kollu fl-effiċjenza min-naħa tad-domanda. Dan għandu jkun ibbażat fuq analiżi ta’ kost benefiċċju.

    Fil-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li wasslu għall-Blueprint, irriżultat għażla waħda ta’ provvista alternattiva — użu mill-ġdid tal-ilma għall-finijiet ta’ tisqija jew industrijali — bħala kwistjoni li teħtieġ l-attenzjoni tal-UE. L-użu mill-ġdid tal-ilma (eż. minn trattament tal-ilma mormi jew installazzjonijiet industrijali) jitqies li għandu impatt ambjentali anqas minn ta’ provvisti alternattivi oħra tal-ilma (eż. trasferimenti tal-ilma jew desalinizzazzjoni), iżda jintuża biss sa ċertu limitu fl-UE. Dan jidher li huwa dovut minħabba n-nuqqas ta’ standards ambjentali u tas-saħħa komuni tal-UE għall-użu mill-ġdid tal-ilma u l-ostakli potenzjali għall-moviment ħieles ta’ prodotti agrikoli msoqqija b’ilma li jintuża mill-ġdid. Il-Kummissjoni se teżamina l-aktar strument adatt fil-livell tal-UE biex tħeġġeġ l-użu mill-ġdid tal-ilma, inkluż regolament li jistabbilixxi standards komuni. Fl-2015 din se tagħmel proposta, soġġetta għal valutazzjoni xierqa tal-impatt, biex tiżgura li jinżamm livell għoli ta’ saħħa pubblika u ħarsien ambjentali fl-UE.

    Fir-rigward tan-nixfa, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-Osservatorju Ewropew għal Perjodi ta’ Nixfa biex ikun hemm sistema ta’ twissija bikrija biex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu aktar imħejjija. Din se tinforza wkoll rekwiżiti rilevanti skont id-WFD u – permezz tal-feedback tagħha dwar l-ewwel ċiklu tar-RBMPs — tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jintegraw aħjar aspetti ta’ mmaniġġjar tar-riskju minn perjodi ta’ nixfa u ta’ tibdil fil-klima fir-RBMPs tagħhom għall-ġejjieni u meta jkunu qed jiżviluppaw pjanijiet ta’ mmaniġġjar transettorjali u ta’ perikli multipli tar-riskju.

    Tabella 4

    Azzjoni proposta mill-Blueprint || Min ser jeħodha? || Sa meta?

    Żvilupp ta’ Gwida tas-CIS dwar Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma (Infrastruttura Ekoloġika). || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2014

    Il-pilastru I ekoloġiku tal-PAK għandu jappoġġa Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma (permezz ta’ żoni ta’ fokus ekoloġiku). || Il-Kummissjoni u l-Istati Membri || Sa mill-2014

    Użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u self mill-BEI biex jappoġġaw Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma. || Il-Kummissjoni, il-BEI u l-Istati Membri || 2014-2021

    Infurzar tar-rekwiżiti tad-WFD rilevanti għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ nixfa. || Il-Kummissjoni || Kontinwa

    Żvilupp ta’ Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju tal-Għargħar || L-Istati Membri || 2015

    Proposta għal strument (regolatorju) dwar standards għall-użu mill-ġdid tal-ilma. || Il-Kummissjoni || 2015

    Żvilupp ulterjuri tal-Osservatorju Ewropew għal Perjodi ta’ Nixfa. || Il-Kummissjoni || 2013-2014

    2.5.        Soluzzjonijiet trażversali

    Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ għażliet trażversali biex tmexxi aktar ’il quddiem l-għanijiet tal-politika tal-UE dwar l-ilma.

    Is-Sħubiji għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma u dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli mnedija aktar kmieni din is-sena[36] se jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-ilma fil-kuntesti urbani, industrijali u agrikoli. Dan għandu jirriżulta kemm f’għanijiet ambjentali kif ukoll f’opportunitajiet tas-suq. Hemm suq dinji qed jikber b’mod mgħaġġel għall-ilma, li huwa stmat li se jkun kbir daqs triljun Euro sal-2020. Żieda ta’ 1 % fir-rata ta’ tkabbir tal-industrija tal-ilma fl-Ewropa tista’ toħloq bejn 10,000 u 20,000 impjieg ġdid. Billi taħtaf opportunitajiet ġodda u sinifikanti tas-suq, l-Ewropa tista’ dejjem aktar issir mexxejja fis-swieq globali fl-innovazzjoni u t-teknoloġija relatati mal-ilma. Is-Sħubiji għall-Innovazzjoni se jippruvaw jiffaċilitaw ir-rabtiet bejn il-provvista u d-domanda ta’ soluzzjonijiet innovattivi u jikkondividu soluzzjonijiet ittestjati, eż. permezz tal-ħolqien ta’ ‘post tas-suq’ elettroniku u bl-istabbilment ta’ netwerks speċifiċi.

    L-għażliet l-oħra trażversali jistgħu ġeneralment jinġabru fil-qosor f’żewġ oqsma: it-titjib fil-bażi tal-għarfien u t-titjib tal-governanza.

    Fir-rigward tal-bażi tal-għarfien, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE - Water Information System for Europe) diġà tiġbor ammont impressjonanti ta’ informazzjoni mill-Ewropa kollha dwar l-istatus u l-politika tal-ilma. Madankollu, għad hemm id-differenzi. L-informazzjoni spiss tkun imxerrda u mhux disponibbli mill-ewwel fid-diversi livelli ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tipproponi li din l-għodda tiġi żviluppata biex tkun żgurata, permezz tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni suċċessivi tagħha, l-interoperabbiltà sħiħa tagħha mas-sistemi ta’ informazzjoni użati fil-livell tal-Istat Membru u Ewropew bil-ħsieb li jitjieb il-fehim tagħna tal-ekosistemi akkwatiċi. Partikolarment, il-bażi tal-għarfien se tibbenefika mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ INSPIRE[37], SEIS[38] u GMES u minn xogħlijiet ta’ riċerka attwali dwar l-ilma fis-7 Programm Qafas ta’ Riċerka u f’dawk li għandhom jitwettqu taħt Orizzont 2020[39]. Fir-rigward tal-istatistika dwar l-ilma, il-Kummissjoni se tipproponi li r-regolamenti dwar Kontijiet u Statistika Ambjentali[40] jinkludu r-rekwiżiti tal-informazzjoni li huma l-aktar utli għall-ħtiġijiet tal-politika dwar l-ilma. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tkompli tarmonizza ċ-ċikli ta’ rapportar skont leġiżlazzjoni dwar l-ilma biex tnaqqas il-piż amministrattiv billi tipproponi integrazzjoni ulterjuri u, fejn ikun meħtieġ, emendi mmirati tal-leġiżlazzjoni rilevanti (WFD, ND, UWWD).

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-ħidma biex titjieb l-interfaċċa tax-xjenza-politika u tkompli tiżviluppa l-prototip tal-mudell idroekonomiku mibni miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex ikun il-bażi tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Blueprint. Dan għandu jgħin ukoll fil-valutazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tax-xenarji ta’ referenza u l-programmi ta’ miżuri tal-Istati Membri, f’koordinazzjoni ma’ għodod oħrajn fil-livell nazzjonali u/jew tal-baċin tax-xmara.

    Fir-rigward tal-governanza, il-Kummissjoni tipproponi, fil-qafas tas-CIS, li tistabbilixxi sistema ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, sempliċi u volontarja, li permezz tagħha awtoritajiet distrettwali tal-baċin tax-xmara jkunu jistgħu jissottomettu l-abbozz tagħhom tar-RBMPs biex ikunu eżaminati mill-ġdid minn awtoritajiet distrettwali oħrajn, fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri oħra. Dan huwa mistenni li jiffavorixxi t-tagħlim reċiproku u jtejjeb il-kwalità tal-pjanijiet u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-WFD. Il-Kummissjoni tista’ tgħin l-identifikazzjoni, abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-ewwel ċiklu ta’ RBMPs, l-awtoritajiet distrettwali tal-baċin tax-xmara li jkunu jistgħu jibbenefikaw l-aktar minn skambju bħal dan.

    Bħala parti mir-riforma tal-PAK, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi rekwiżiti speċifiċi mid-WFD fil-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tal-PAK. Id-dettalji ta’ din il-proposta jeħtiġilhom ikunu ddefiniti f’atti delegati, iżda din tista’ tagħti, jekk tinżamm, inċentiv qawwi biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tad-WFD fil-livell tal-impriżi agrikoli, bħal permessi għall-astrazzjoni u sekwestri, biex b’hekk tittratta pressjonijiet agrikoli sinifikanti fuq l-ambjent tal-ilma.

    Bħala parti mis-segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni riċenti dwar l-Implimentazzjoni ta’ miżuri ambjentali tal-UE[41], il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq it-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-ispezzjonijiet u s-sorveljanza applikabbli għallkorp komplut tal-liġi ambjentali tal-UE. Is-settur tal-ilma huwa wieħed mill-oqsma ewlenin li għandu jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif ħidma aktar mill-qrib mal-Istati Membri permezz ta’ ftehimiet li jimplimentaw sħubiji tista’ ttejjeb il-konformità għall-ġejjieni dwar kwistjonijiet bħall-allokazzjoni eċċessiva jew l-astrazzjoni illegali tal-ilma.

    Kif enfasizzat fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni lil Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, l-ilma huwa riżors skars li l-użu effiċjenti tiegħu għandu jġib benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għal għadd ta’ setturi ekonomiċi. Għalhekk il-Kummissjoni se teżamina aspetti relatati mal-ilma fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż, fejn ikun jixraq għal Stati Membri individwali fil-qafas tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Għal pajjiżi terzi, din se taħdem fil-kuntest tal-proċess ta’ adeżjoni u fid-djalogi strutturati miżmumin mal-ġirien tal-UE. 

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tappoġġa l-użu ta’ għodod li jżidu s-sensibilizzazzjoni bħal kampanji ta’ komunikazzjoni[42], skemi ta’ ċertifikazzjonijiet[43] u l-impronta tal-karbonju[44] biex tinċentiva l-utenti tal-ilma biex jagħmlu għażliet sostenibbli.

    Il-Blueprint jħabrek biex jikseb titjib mifrux f’ekosistemi akkwatiċi, li se jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-mira tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, u tirrestawrhom għal li kienu safejn dan ikun possibbli. Għandu jħaffef ix-xogħol biex iżid ir-reżiljenza għal diżastri[45] u jadatta għat-tibdil fil-klima[46] u jikseb ‘stadju importanti (milestone) tal-ilma’ fuq il-Pjan Direzzjonali tal-UE tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi. Minħabba li pressjoni ibbażata fuq l-art ukoll tinfluwenza ħafna l-istatus tal-ambjent marittimu, il-Blueprint se jikkontribwixxi għall-ilħiq ta’ status ambjentali tajjeb skont id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima[47], sakemm ikun hemm koordinazzjoni adegwata ma’ programmi ta’ miżuri skont l-Istrateġiji Marittimi mistennija sal-2015.

    Fir-rigward tal-korpi tal-ilma transkonfinali, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha biex tinkuraġġixxi l-pajjiżi kandidati u ġirien biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis ambjentali tal-UE u tipprovdi lill-pajjiżi b’assistenza teknika.

    Tabella 5

    Azzjoni proposta mill-Blueprint || Min ser jeħodha? || Sa meta?

    Implimentazzjoni tas-Sħubiji għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma u l-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli || Il-Kummissjoni u l-partijiet interessati || Sa mill-2013

    Aġġornament tal- WISE. || Iż-ŻEE, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2015

    Simplifikazzjoni tar-rapportar u r-rekwiżiti ta’ statistika. || Iż-ŻEE, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2014

    Jitlesta l-mudell idroekonomiku. || Iż-ŻEE, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2013

    Titkompla l-ħidma tas-CIS fuq l-interfaċċa tax-xjenza-politika. || Iż-ŻEE, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || Kontinwa

    Stabbiliment u l-użu ta’ sistema ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tas-CIS għar-RBMPs. || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || 2013-2016

    Żieda tar-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma mal-kundizzjonalità skont il-PAK. || Il-Kunsill, il-PE u l-Kummissjoni ||  Malli l-kundizzjonijiet fil-Proposta tal-Kummissjoni jkunu ġew sodisfatti (jiġifieri l-aktar kmieni fl-2014)

    Tisħiħ tar-rekwiżiti dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza. || Il-Kummissjoni || 2013

    Ħarsa lejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż dwar l-ilma fis-Semestru Ewropew. || Il-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew || 2013

    Appoġġ għall-għodod li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-għarfien fuq il-konsum tal-ilma (eż. tikkettar volontarju u skemi ta’ ċertifikazzjoni). || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || Kontinwa

    2.6.        Aspetti globali

    Il-fokus primarju tal-Blueprint huwa fuq l-ilmijiet tal-Ewropa. L-ilma huwa kwistjoni lokali iżda huwa wkoll problema globali li għandha rabta ma’ ħafna kwistjonijiet bħas-sigurtà alimentari, id-deżertifikazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-impatt ta’ diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, eċċ., li lkoll għandhom dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u tas-sigurtà sinifikanti. L-UE hija involuta f’ħafna minn dawn l-oqsma li rriżultaw mill-impenji tagħha skont Agenda 21, it-tliet Konvenzjonijiet ta’ Rio (dwar id-deżertifikazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità), l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs – Millennium Development Goals) relatati mal-ilma, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg u l-aktar reċenti l-konferenza Rio+20. Dan l-involviment se jkompli jkun ta’ prijorità għolja għall-UE.

    Id-dinja laqgħet il-mira tal-MDG għall-2015 li jonqos bin-nofs il-proporzjon tan-nies mingħajr aċċess sostenibbli għall-ilma tajjeb għax-xorb fl-2011, iżda ħafna pajjiżi Afrikani għadhom emarġinati fir-rigward tal-aċċess għall-ilma. Id-dinja għadha ’l bogħod milli tilħaq il-mira tal-MDG għall-aċċess għall-ħarsien tas-sanità minħabba li bħalissa 2.5 biljun persuna ma għandhomx sanità imtejba.

    It-tkabbir tal-popolazzjoni u l-ħtiġijiet kompetittivi tal-utenti tal-ilma se jirriżultaw f’żieda fid-domanda globali għall-ilma ta’ 35-60 % sal-2025. Din tista’ tirdoppja sal-2050[48]. Dawn ix-xejriet għandhom ikomplu jiħraxu minħabba t-tibdil fil-klima, b’implikazzjonijiet serji għas-sigurtà alimentari.

    Permezz tal-ispinta l-ġdida tal-politika ta’ żvilupp tal-UE[49] u l-prijoritajiet u l-istrateġiji ta’ pajjiżi u reġjuni imsieħba li qed jiżviluppaw, il-fokus tal-immaniġġjar tal-ilma f’kooperazzjoni ta’ żvilupp tal-UE għandu jkun fuq l-aspetti li ġejjin:

    · Aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għal servizzi bażiċi ta’ ħarsien tas-sanità, li kien iddikjarat dritt tal-bniedem min-Nazzjonijiet Uniti fl-2010 u affermat mill-ġdid fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio+20 fl-2012[50].

    · Ilma għal tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli. L-UE se tagħti attenzjoni partikolari għall-allokazzjoni u l-użu tal-ilma f’setturi ekonomiċi, l-agrikoltura sostenibbli u fir-relazzjoni ilma-agrikoltura-enerġija-ambjent.

    · Governanza tal-ilma: Sfond istitituzzjonali effettiv li jwassal għal governanza tajba tal-ilma fil-livell tal-baċin tax-xmara huwa bażiku biex jintlaħaq l-impenn tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio+20 biex ‘titjieb b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-Immaniġġjar Integrat tar-Riżorsi tal-Ilma (IWRM - Integrated Water Resources Management) fil-livelli kollha kif jixraq’. Governanza adegwata u mmaniġġjar sostenibbli tal-ilma fil-livelli reġjonali u transkonfinali jikkontribwixxu wkoll biex ikunu żgurati l-paċi u l-istabbiltà politika permezz tar-relazzjoni bejn l-ilma u s-sigurtà.

    Se jkun hemm ukoll ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn imsieħba tal-UE u reġjuni imsieħba li jistgħu jibnu fuq l-Inizjattiva tal-UE dwar l-Ilma (EUWI – EU Water Initiative).

    L-appoġġ tal-UE għal pajjiżi u reġjuni imsieħba għandu jieħu mill-esperjenza u l-għarfien miksub mill-immaniġġjar tal-ilma fl-UE, partikolarment mill-implimentazzjoni tad-WFD. Is-Sħubija tal-UE għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma tista’ tipprovdi wkoll u xxerred soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tal-ilma affaċċati mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    L-ilma kontenut fi prodotti agrikoli u industrijali kummerċjalizzati minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jitqies fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-ilma ta’ pajjiżi imsieħba, u fil-politiki tal-UE. F’dan ir-rigward, l-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp ta’ mmaniġġjar sostenibbli tal-ilma f’pajjiżi li jesportaw, eż. billi tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u billi titjieb l-għażla tal-għelejjel u prodotti oħrajn, skont il-politika tal-UE għall-iżvilupp.

    Tabella 6

    Azzjoni proposta mill-Blueprint || Min ser jeħodha? || Sa meta?

    Appoġġ għall-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u għal servizzi basiċi ta’ sanità. || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || Kontinwa u mill-2014

    Appoġġ għall-immaniġġjar integrat u sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma. || Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati || Kontinwa u mill-2014

    3.           Konklużjonijiet u Prospettiva għall-politika tal-EU dwar l-ilma

    Il-Blueprint stabbilixxa azzjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu minn maniġers tal-ilma u mill-fassala tal-politika biex jindirizzaw l-isfidi affaċċati mill-ambjent akwatiku.

    Huwa possibbli u neċessarju għall-Istati Membri li jtejbu l-implimentazzjoni tad-WFD u jnaqqsu l-pressjoni idromorfoloġika fil-baċini tax-xmajjar tagħna billi jirrestawraw il-kontinwità tax-xmajjar, pereżempju billi jużaw infrastruttura ekoloġika. Din tista’ tnaqqas ukoll il-vulnerabbiltà tal-UE għall-għargħar u n-nixfa. Taħt il-PAK u l-Fondi ta’ Koeżjoni u Strutturali, jeżisti kamp ta’ applikazzjoni għall-finanzjament biex tibda titħaddem l-infrastruttura ekoloġika, partikolarment jekk il-proposti preżenti tal-QFP tal-Kummissjoni jingħatalhom appoġġ. Tista’ tiġi żviluppata wkoll gwida tas-CIS biex issotni dan l-għan.

    L-allokazzjoni eċċessiva tal-ilma trid tiġi kkoreġuta u għandna nirrispettaw il-ħtiġijiet tan-natura: il-fluss ekoloġiku. Il-Kummissjoni se taħdem fi ħdan il-process tas-CIS biex tiżviluppa fehim kondiviż ta’ dan il-kunċett u modi biex ikun ikkalkulat. Matul il-ħidma fuq il-Blueprint, il-Kummissjoni żviluppat ukoll kontijiet tal-ilma maż-ŻEE li bihom il-maniġers tal-ilma jista’ jkollhom stampa aktar realistika tad-disponibbiltà tal-ilma fil-livell tal-baċin tax-xmara jew ta’ qbid sekondarju. Dawn l-għodod, la darba jkunu rfinuti fil-proċess tas-CIS, se jgħinu biex ikun hemm allokazzjoni ħafna aħjar tal-ilma.

    Tniġġis diffuż u f’sors tal-punt għadhom jheddu l-istatus tal-ilmijiet tal-UE, minkejja l-progress miksub permezz tal-leġiżlazzjoni dwar in-nitrati, it-trattament tal-ilma mormi, l-emissjonijiet industrijali, is-sustanzi ta’ prijorità u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Hija meħtieġa implimentazzjoni iktar kompluta ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-Kummissjoni se tkompli bl-azzjoni tagħha ta’ infurzar. Hemm għajnuna finanzjarja tal-EU iżda din tista biss tikkumplimenta, u mhux tissostitwixxi l-pjanijiet ta’ investiment fit-tul tal-Istati Membri u tas-settur privat f’dawn l-oqsma.

    L-effiċjenza fl-użu tal-ilma tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-problemi ta’ skarsezza tal-ilma u stress tal-ilma. L-ipprezzar tal-ilma bbażat fuq il-metraġġ volumetriku huwa għodda qawwija biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma iżda, minkejja r-rekwiżiti legali skont id-WFD, dan ma jintużax kollu hemm hu. Il-Kummissjoni se tkompli tirrinforza r-rekwiżiti filwaqt li taħdem fis-CIS biex ittejjeb il-metodoloġija għal irkupru adegwat tal-ispejjeż li jkun jinkludi l-ispejjeż ambjentali. Barra minn dan, il-Kummissjoni tipproponi li s-CIS tiżviluppa metodoloġija komuni għal miri ta’ effiċjenza fl-użu tal-ilma, li, fejn rilevanti, għandhom ikunu integrati fir-RBMPs. It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-ilma huwa partikularment urġenti f’setturi speċifiċi. Fl-agrikoltura, il-proposta tal-Kummissjoni għall-pilastru II tal-PAK (l-iżvilupp rurali) tipprospetta appoġġ għal titjib fl-effiċjenza fit-tisqija, jekk ikun implimentat tnaqqis fl-użu tal-ilma. Għal bini, il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi l-prodotti relatati mal-ilma fil-Pjan ta' Ħidma tal-Ekodisinn fl-ambitu speċifikat f'dan il-Pjan, soluzzjoni kosteffikaċi li jista’ jkollha benefiċċji reċiproċi kbar għat-tnaqqis fl-enerġija.

    Il-Kummissjoni se tqis l-iżvilupp ta’ strument regolatorju li jistabbilixxi standards mifruxa madwar l-UE għall-użu mill-ġdid tal-ilma, biex b’hekk jitneħħew l-ostakli għall-użu mifrux ta’ din il-provvista alternattiva tal-ilma. Dan għandu jgħin biex tittaffa l-iskarsezza tal-ilma u titnaqqas il-vulnerabbiltà.

    Firxa ta’ strumenti trażversali se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati fil-Blueprint. Is-Sħubiji għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma u dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu se jappoġġaw l-ittestjar u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet innovattivi billi jgħinu biex l-provvista tal-innovazzjoni tkun taqbel mad-domanda. Il-mudell idroekonomiku żviluppat mill-JRC se jgħin lill-maniġers tal-ilma biex jivvalutaw l-effettivita tal-ispejjeż tal-miżuri inklużi fir-RBMPs tagħhom. L-iżvilupp ta’ WISE u li din issir aktar operabbli se jagħmluha aktar faċli għall-fassala tad-deċiżjonijiet biex jaċċessaw l-informazzjoni essenzjali. Se tkun disponibbli sistema ta’ evalwazzjoni bejn il-pari biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fl-iżvilupp tar-RBMPs. Jekk ikun hemm qbil dwar il-proposta preżenti tal-Kummissjoni dwar il-PAK, iż-żieda ta’ rekwiżiti speċifiċi skont id-WFD mal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità se tipprovdi inċentivi qawwija biex jitħarsu dawk ir-rekwiżiti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż lill-Istati Membri bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew, biex tidentifika azzjonijiet għall-ekonomija u għall-ambjent tal-ilma pożittivi għal kulħadd.

    Fi tmiem in-negozjati attwali tal-QFP, il-Kummissjoni se tqis ir-riżultat tagħhom, u, jekk ikun meħtieġ għall-ilħiq tal-għanijiet tal-politika dwar l-ilma, se tagħmel proposti leġiżlattivi addizzjonali, kif jixraq, dwar, pereżempju, il-metraġġ, in-NWRMs u l-miri tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma.

    L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proposti tal-Blueprint se jiddependu, fejn rilevanti, fuq is-CIS tad-WFD li fiha l-Kummissjoni se tippreżentahom u ssegwihom. Il-Kummissjoni se tiżviluppa u b’mod regolari taġġorna tabella ta’ valutazzjoni biex tivverifika l-progress fl-implimentazzjoni. Id-WFD trid tiġi eżaminata mill-ġdid u possibbilment riveduta sal-2019. Waqt it-tħejjija ta’ din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni se tqis l-istat tal-implimentazzjoni tal-aspetti kollha fil-Blueprint u, jekk meħtieġ, tipproponi emendi għad-Direttiva biex tiffaċilita l-kisba tal-għanijiet tagħha. Emendi bħal dawn jistgħu jinbidlu f’rekwiżiti legali vinkolanti ta’ xi wħud mill-proposti mhux vinkolanti li jinsabu fil-Blueprint, jekk l-approċċ volontarju jisfa insuffiċjenti.

    Il-Blueprint stabbilixxa b’mod ċar il-mira u l-modija ta’ żvilupp tal-politika tal-UE dwar l-ilma. Biex naslu hemm jiddependi mir-rieda politika u mill-impenn tal-partijiet interessati fis-snin li ġejjin.

    It-Tabella 7 hawn taħt tipprovdi prospettiva tal-proposti tal-Blueprint għall-azzjoni deskritta f’dan id-dokument u l-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom

    || Kif niksbuhom?

    Għanijiet speċifiċi tal-Blueprint || Volontarji || Regolamentazzjoni || Kondizzjonalità || Prijorità tal-finanzjament

    Ipprezzar tal-ilma b’inċentiv ta’ effiċjenza || Gwida tas-CIS dwar skemi kummerċjali sal-2014 || Infurzar tal-Art. 9 tad-WFD (kontinwu) || Kundizzjonijiet ex ante permezz tal-fondi tal-Politika għall-Iżvilupp Rurali u ta’ Koeżjoni mill-2014 ||

    Użu ta’ metraġġ || || Infurzar tal-Art. 9 tad-WFD (kontinwu) || ||

    Tnaqqis fl-użu tal-ilma fl-agrikoltura || || || Kundizzjoni minn qabel għal xi proġetti ta’ tisqija taħt l-Iżvilupp Rurali mill-2014 ||

    Tnaqqis ta’ astrazzjoni illegali/sekwestri || Applikazzjoni tal-GMES mill-2013 || Possibbiltà ta’ inizjattiva tal-UE dwar spezzjonijiet fl-2013 || Kundizzjonalità skont il-PAK malli l- kundizzjonijiet fil-proposta tal-Kummissjoni jkunu ġew sodisfatti (jiġifieri l-aktar kmieni fl-2014) ||

    Sensibilizzazzjoni dwar il-konsum tal-ilma (eż. kontenut fil-prodotti kummerċjalizzati globalment) || Appoġġ għat-tikkettar volontarju u l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni || || ||

    Massimizzazzjoni tal-użu ta’ Miżuri Naturali għar-Ritenzjoni tal-Ilma (Infrastruttura Ekoloġika) || Gwida tas-CIS sal-2014 || || Ekoloġizzazzjoni tal-pilastru I tal-PAK (żoni ta’ fokus ekoloġiku) mill-2014 || Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u self mill-BEI (2014-2021)

    Apparati effiċjenti fl-użu tal-ilma fil-bini || Kriterji tal-2013 għall-Ekotikketta tal-UE u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku || Pjan ta’ ħidma tal-Ekodisinn fl-2012 || ||

    Tnaqqis ta’ tnixxija || L-aħjar prattiki/għodod fuq SELL fl-2013 || || || Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u self mill-BEI (2014-2021)

    Massimizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma || || Possibbiltà ta’Regolament fl-2015 || || Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u self mill-BEI (2014-2021)

    Titjib tal-governanza || Evalwazzjoni bejn il-pari tar-RBMPs (2013-2016) || || ||

    Implimentazzjoni tal-kontijiet tal-ilma Implimentazzjoni tal-fluss ekoloġiku Applikazzjoni tal-iffissar tal-miri || Gwida tas-CIS għall-kontijiet tal-Ilma/Flussi ekoloġiċi sal-2014  Gwida tas-CIS għall-iffissar tal-miri sal-2014 || || ||

    Tnaqqis ta’ riskju ta’ għargħar || Permezz ta’ Infrastrutturi Ekoloġiċi (ara hawn fuq) Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar || Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju tal-Għagħar sal-2015 || ||

    Tnaqqis tar-riskju ta’ perjodi ta’ nixfa || Permezz ta’ Infrastrutturi Ekoloġiċi (ara hawn fuq) Osservatorju Ewropew dwar in-nixfa fl-2013-2014 || Infurzar ta’ rekwiżiti tad-WFD (kontinwu) || ||

    Kalkolu aħjar tal-ispejjeż u l-benefiċċji || Gwida tas-CIS sal-2014 || || ||

    Bażi aħjar tal-għarfien || Aġġornament ta’ WISE sal-2015 Mudell idroekonomiku tal-JRC sal-2013 Attività tas-CIS dwar l-Interfaċċa bejn ix-Xjenza u l-Politika (kontinwa) || Rekwiżiti ta’ rapportar/statistika sal-2014 || ||

    Appoġġ lil pajjiżi li qed jiżviluppaw || || || || Appoġġ għal aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u servizzi bażiċi ta’ sanità Appoġġ għal immaniġġjar integrat u sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma (Kontinwu u mill-2014-2021)

    Trattament ta’ tniġġis || Rapportar dwar il-farmaċewtiċi u l-ambjent (2013) || Infurzar immirat tad-Direttivi WFD, EQS/PSD, NID, UWWTD, IED iffokati fuq 1. Rekwiżiti ta’ monitoraġġ skont id-WFD- EQS/PSD 2. Estensjoni ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati u rinfurzar ta’ programmi ta’ azzjoni (kontinwi) 3. Titjib tar-rati ta’ konformità dwar it-trattament tal-ilma mormi permezz ta’ ppjanar ta’ investimenti fit-tul (inklużi fondi tal-UE u self mill-BEI) sal-2018, pjanijiet ta’ implimentazzjoni mħejjija sal-2014. 4. Żgurar li l-permessi għal emissjonijiet industrijali jipprovdu għal Valuri ta’ Limitu tal-Emissjonijiet (VLEs) li jkunu konformi mal-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) u jitqiesu l-għanijiet rilevanti dwar l-ilma mill-2016. Adozzjoni tal-emendi proposti għal EQS/PSD || Żieda fl-Użu Sostenibbli tad-Direttiva dwar il-Pestiċidi mal-kundizzjonalità skont il-PAK malli l-kundizzjonijiet fil-proposta tal-Kummissjoni jkunu sodisfatti (jiġifieri l-aktar kmieni fl-2014) ||

    Trażversali || Sħubiji għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma u l-Produttività u s-Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu mill-2013 || Infurzar globali tad-Direttivi: WFD, EQS/PSD, NID, UWWTD, IED,  || Possibblità ta’ Rakkomandazzjonijiet Ewropej f’Simestru fl-2013 || Prijoritizzazzjoni ġenerali tal-għanijiet tal-ilma taħt il-PAK, il-Fondi Struttural u ta’ Koeżjoni u s-self tal-BEI (2014-2021)

    [1]               Charting our water future (Mappa tal-futur tal-ilma tagħna), rapport tal-Grupp tar-Riżorsi tal-Ilma għall-2030, http://www.mckinsey.com/client_service/sustainability/latest_thinking/charting_our_water_future

    [2]               http://www.eea.europa.eu/themes/water/publications-2012.

    [3]           Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) - Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport tar-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfa, adottat flimkien ma’ dan il-Blueprint.

    [4]               Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kundizzjoni tal-Politika tal-UE dwar l-Ilma Ħelu.

    [5]               Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt, li jakkumpanja l-Komunikazzjoni ‘Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa’ li jinkludi lista sħiħa tal-istudji li kkontribwew għall-Blueprint.

    [6]           Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2012 dwar l-Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma, qabel l-adozzjoni ta’ approċċ globali neċessarju għall-isfidi Ewropej rigward l-ilma, http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2012-0273+0+DOC+XML+V0//MT. Ara wkoll l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (30 ta’ Ġunju 2011) “The Role of Regional and Local Authorities in Promoting Sustainable Water Management” (Ir-Rwol tal-Awtoritajiet Reġjonali u lokali fil-Promozzjoni tal-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Ilma); http://www.toad.cor.europa.eu/ViewDoc.aspx?doc=cdr%5cenve-v%5cdossiers%5cenve-v-008%5cEN%5cCDR5-2011_REV2_PAC_EN.doc&docid=2770279; u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (15 ta’ Ġunju 2011) “Integration of Water Policy into Other EU Policies” (L-Integrazzjoni tal-Politika dwar l-Ilma f’Politiki Oħrajn tal-UE) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.nat-opinions.18788

    [7]               Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma. ĠU L 327, 22.12.2000.

    [8]               L-hekk imsejħa pressjonijiet idromorfoloġiċi li jaffettwaw madwar 40 % tal-korpi tal-ilma.

    [9]               Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent. ĠU L 197, 21.7.2001.

    [10]             Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent. ĠU L 175, 5.7.1985 kif sussegwentement emendata. Il-Kummissjoni tistenna li r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva EIA tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-ilma billi tgħin tidentifikat l-impatti tal-ilma b’mod aktar komprensiv.

    [11]          Ara d-Dokument tal-Politika tad-WFD u dwar il-Pressjonijiet Idromorfoloġiċi, Focus on hydropower, navigation and flood defence Activities Recommendations for better policy integration (Fokus fuq l-idroelettriku, in-navigazzjoni u l-attivitajiet ta' difiża kontra l-għargħar - Rakkomandazzjonijiet għal integrazzjoni aħjar tal-politika). http://circa.europa.eu/Public/irc/env/wfd/library?l=/framework_directive/thematic_documents/hydromorphology/hydromorphology/_EN_1.0_&a=d

    [12]             Ara, eż., International Convention for the Protection of the Danube River, Joint Statement on Navigation (il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Danubju, Dikjarazzjoni Konġunta dwar in-Navigazzjoni), http://www.icpdr.org/main/sites/default/files/Joint_Statement_FINAL.pdf.

    [13]             http://ec.europa.eu/budget/reform/commission-proposals-for-the-multiannual-financial-framework-2014-2020/index_en.htm

    [14]             Huwa diffiċli li tinkiseb ċifra affidabbli dwar l-astrazzjoni illegali, iżda, skont il-Ministeru Spanjol għall-Ambjent fl-2006 kien hemm 510,000 bir illegali fi Spanja skont id-WWF, Illegal Water Use in Spain – Causes, Effects and Solutions, May 2006. (Użu illegali tal-ilma fi Spanja - Kawżi, effetti u soluzzjonijiet, Mejju 2006).

    [15]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. ĠU L135, 30.5.91.

    [16]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. ĠU L375, 30.5.91.

    [17]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ĠU L 230, 19.8.1991, mħassra permezz tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L309, 24.11.2009.

    [18]             Id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż. ĠU L 28, 29.1.2008 li għandha tinbidel permezz tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali, ĠU L 334, 17.12.2010.

    [19]             Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, ĠU L 396/1, 30.12.2006.

    [20]             Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, ĠU L 123, 24.04.1998, li għandha tinbidel permezz tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, ĠU L 167, 27.06.2012.

    [21]             Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, ĠU L309, 24.11.2009.

    [22]             Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, ĠU L311, 28.11.2001.

    [23]             Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji, ĠU L311, 28.11.2001.

    [24]             Id-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li temenda d-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, ĠU L136, 30.4.2004.

    [25]             Ara l-Premessa 6 tad-Direttiva 2010/84/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda, fir-rigward tal-farmakoviġilanza, id-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Unjoni relatat mal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, ĠU L348, 31.12.2010; u l-Premessa 3 tar-Regolament (UE) Nru 1235/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda, fir-rigward tal-farmakoviġilanza tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, u r-Regolament (KE) Nru 1394/2007 dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata, ĠU L 348, 31/12/2010.

    [26]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma. COM(2011)876, 31.1.2012.

    [27]             Il-Komunikazzjoni tal-kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea. COM(2007)414, 18.07.07.

    [28]             Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, COM(2011)571, 20.9.2011.

    [29]             Wara lment, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra disa’ Stati Membri għall-interpretazzjoni stretta tagħhom tal-kunċett ta’ servizzi tal-ilma.

    [30]             Ekotikketta tal-UE, http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/; Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-UE, http://ec.europa.eu/environment/gpp/index_en.htm

    [31]             Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, ĠU L 285, 31.10.2009; id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ tikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, ĠU L 153, 18.6.2010.

    [32]             http://www.eea.europa.eu/articles/the-water-we-eat.

    [33]             Il-Kummissjoni żviluppat is-Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar bħala għodda effettiva għal aktar tħejjija għall-għargħar transnazzjonali fl-Ewropa u li ġiet adottata bħala parti mis-servizz ta’ mmaniġġjar ta’ emerġenzi tal-GMES (GIO EMS).

    [34]             Il-Komunikazzjoni tal-kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020. COM(2011)244, 18.07.07.

    [35]             Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 'Linji Gwida għall-aħjar prattika sabiex jiġi limitat, mitigat jew ikkumpensat l-issiġillar tal-ħamrija’ SWD(2012)101 finali/2, 15.05.2012.

    [36]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma, COM(2012)216 finali, 10.05.2012. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni ‘Produttività u Sostenibbiltà fil-Qasam Agrikolu’ COM(2012)79 finali, 29.02.2012.

    [37]             Ara http://inspire.jrc.ec.europa.eu/

    [38]             Ara http://ec.europa.eu/environment/seis/

    [39]             Ara http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

    [40]             Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej, ĠU L 192, 22.07.2011.

    [41]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Tar-Reġjuni - Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar COM(2012)95 finali, 07.03.2012.

    [42]             Ara l-Komunikazzjoni Kampanja 'Generation Awake' (Ġenerazzjoni Nqumu) http://www.generationawake.eu/mt

    [43]             Ara Dispensar Ewropew tal-Ilma. http://www.ewp.eu/activities/water-stewardship/

    [44]             Ara ISO http://www.iso.org/iso/catalogue_detail?csnumber=43263

    [45]             Komunikazzjoni tal-kummissjoni dwar ‘Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem’ COM(2009)82 finali.

    [46]             Il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE għal adattament integrat sal-2013.

    [47]             Id-Direttiva 2008/56/KE li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin; ĠU L164, 25.606.2008.

    [48]             2011/2012 Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp http://ec.europa.eu/europeaid/what/development-policies/research-development/erd-2011-2012_en.htm

    [49]             Aġenda għall-Bidla - COM(2011)637 finali, adottat fit-13 ta’ Ottubru 2011.

    [50]             Ara http://www.uncsd2012.org/index.html

    Top