This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0405
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS 2011 Annual Report on the Instrument for Stability
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar l-Istrument għall-Istabbiltà
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar l-Istrument għall-Istabbiltà
/* COM/2012/0405 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar l-Istrument għall-Istabbiltà /* COM/2012/0405 final */
WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3 2........... L-Istruttura tal-Istrument
għall-Istabbiltà (IfS).................................................................. 3 3........... L-Implimentazzjoni tal-Istrument
għall-Istabbiltà.............................................................. 5 4........... Ħarsa Ġenerali lejn l-IfS
għall-perjodu 2007-2011.......................................................... 5 5........... Il-Qagħda tal-IfS fl-2011................................................................................................ 6 6........... Ir-reazzjoni għal
sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti
(l-Artikolu 3 tal-IfS)........... 8 6.1........ Kif irreaġixxa l-IfS
għall-kriżijiet tal-2011?...................................................................... 8 6.2........ Min huwa involut fl-azzjonijiet ta’
reazzjoni għall-kriżi tal-IfS?.......................................... 9 7........... L-assistenza fil-kuntest ta'
kundizzjonijiet stabbli għall-kooperazzjoni (L-Artikolu 4 tal-IfS) 10 7.1........ It-theddid għas-sigurtà u
s-sikurezza (l-Artikolu 4.1 tal-IfS)........................................... 11 7.2........ Il-mitigazzjoni tar-riskji marbuta
ma' materjal Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (CBRN)
(l-Artikolu 4.2 tal-IfS)......................................................................................................................... 12 7.3........ Il-bini tal-kapaċità ta' qabel
il-kriżi u ta' wara l-kriżi (l-Artikolu 4.3 tal-IfS)..................... 14 8........... Konklużjoni.................................................................................................................. 17 RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport Annwali
tal-2011 dwar l-Istrument għall-Istabbiltà 1. Introduzzjoni Dan il-ħames Rapport Annwali huwa
ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali, u lill-Kumitat tar-Reġjuni, skont l-obbligu ta' rappurtar
stabbilit fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li
jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà[1]. L-Istrument għall-Istabbiltà (Instrument
for Stability, IfS) huwa għodda importanti taħt l-awtorità
tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, li jippermettilha
timmira r-riżorsi biex tappoġġa l-approċċi komprensivi
tal-UE li huma mmirati għall-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u t-trattament
f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u theddid serju madwar id-dinja. Ir-rapport
jagħti ħarsa ġenerali dwar kif l-IfS ġie mmobilizzat
fl-2011. Dan ir-rapport huwa kkumplimentat minn
żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li
jipprovdu aġġornamenti komprensivi u dettaljati tal-implimentazzjoni
fuq livell dinji dwar: (i) miżuri urġenti ta' reazzjoni
għall-kriżijiet tal-IfS li ġew imnedija u/jew li kienu
għaddejjin fl-2011; u (ii) programmi tal-IfS għal perjodu ta'
żmien itwal. L-azzjonijiet IfS deskritti f'dan ir-rapport
qed jitwettqu minn firxa kbira ta’ korpi ta’ implimentazzjoni, li jinkludu
lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, lil korpi oħra internazzjonali
u reġjonali, lill-korpi tal-Istati Membri tal-UE, lil NGOs u lil
organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili. 2. L-Istruttura
tal-Istrument għall-Istabbiltà (IfS) L-IfS huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin
ta’ assistenza esterna li jippermettu lill-UE tkun mexxej fl-għajnuna
għall-prevenzjoni u r-reazzjoni għall-kriżijiet attwali jew
emerġenti madwar id-dinja. Kif ġie mqassar hawn taħt,
l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament dwar l-IfS jistabbilixxu t-tipi ta'
attivitajiet li għalihom dan l-istrument jista' jiġi mobilizzat. L-Artikolu 3
jipprevedi “miżuri b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi
jew ta' kriżi emerġenti”. Din tista' tinkludi reazzjoni għal
sitwazzjonijiet politiċi serji u sitwazzjonijiet ta' kunflitt,
diżastri naturali kbar u xi kultant taħlita kumplessa
taż-żewġ xenarji. Hekk kif jinfetħu twieqi ta' opportunità
għall-prevenzjoni, il-mitigazzjoni jew ir-riżoluzzjoni
tal-każijiet, tali assistenza tal-IfS, li hija limitata għal mumenti
meta l-istrumenti ewlenin għall-assistenza esterna[2] ma jkunux jistgħu
jiġu mobilizzati biżżejjed malajr jew b'mod xieraq,
tingħata f'forma ta' Miżuri ta' Assistenza Eċċezzjonali
immedjati[3].
F'ċerti każijiet, dawn il-miżuri ta’ reazzjoni jiġu segwiti
minn Programmi Interim ta' Reazzjoni sussegwenti[4]. Il-miżuri tal-IfS ta' spiss
jikkumplimentaw l-assistenza umanitarja tal-UE, filwaqt li l-istrument
jipprovdi wkoll kontributi ta' importanza kritika għall-approċċ
ta' "Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u
l-Iżvilupp"[5].
Barra minn hekk, l-azzjonijiet tal-IfS jistgħu jikkumplementaw
l-operazzjonijiet u l-azzjonijiet l-oħra tal-PSDK[6] tal-UE, u jagħtu wkoll
kontribut ulterjuri ta' importanza kritika lill-approċċ komprensiv
tal-UE għar-reazzjoni għall-kriżi. L-azzjonijiet ta' reazzjoni skont l-IfS
jikkumplimentaw l-istrumenti ewlenin għall-assistenza li, minħabba
l-kamp ta' applikazzjoni, l-ippjanar strateġiku u ċ-ċikli
tal-ipprogrammar tagħhom, ta' spiss ma jkunux adattati biex
jirreaġixxu f'każijiet ta' kriżi jew ta' kriżi
emerġenti. Il-fatt li l-kaxxa tal-għodod tal-UE għall-azzjoni
esterna tinkludi firxa tant wiesgħa ta' strumenti li jippermettu
lill-Unjoni tipprovdi reazzjonijiet adattati skont xi tkun is-sitwazzjoni, huwa
tabilħaqq kwalità ta' valur importanti. Diversi miżuri ta' reazzjoni għal
kriżijiet fuq skala iżgħar tal-IfS, huma ffinanzjati fl-ambitu
ta' faċilità li tkun ġiet stabbilita permezz ta' deċiżjoni
ta' finanzjament, li tippermetti lill-UE tipprovdi appoġġ rapidu u
flessibbli skont l-IfS, għal diversi tipi ta' azzjonijiet, fejn kull
waħda minnhom tkun tammonta għal massimu ta' EUR 2 miljun. Din
hija magħrufa bħala l-Faċilità tal-IfS għall-Konsulenza
Politika, l-Assistenza Teknika, il-Medjazzjoni, ir-Rikonċiljazzjoni u
għal oqsma oħra ta' assistenza li minnha jibbenefikaw il-pajjiżi
terzi milquta minn sitwazzjonijiet ta' kriżi (PAMF). L-Artikolu 4
tar-Regolament dwar l-IfS jipprevedi komponent programmabbli tal-Istrument li
jinkludi programmi tal-IfS aktar fit-tul li jindirizzaw tliet oqsma
partikolari: ·
Theddid għas-sigurtà u s-sikurezza f’kuntest
transreġjonali (l-Artikolu 4.1); ·
Il-mitigazzjoni tar-riskji marbuta ma' materjal
Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (CBRN)
(l-Artikolu 4.2) kif ukoll ·
Bini tal-kapaċità ta' qabel il-kriżi u
ta' wara l-kriżi (l-Artikolu 4.3).[7] 3. L-Implimentazzjoni
tal-Istrument għall-Istabbiltà Id-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ħabbar il-ħolqien,
fl-2011, tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (Foreign Policy
Instruments, FPI), servizz ġdid tal-Kummissjoni li jaħdem flimkien
mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li huwa wkoll ġdid,
fejn dan tal-aħħar jikkostitwixxi korp tal-Unjoni li jiffunzjona
b'mod awtonomu.[8]
Iż-żewġ servizzi huma mmexxija mir-Rappreżentant
Għoli/Viċi President Ashton, li fil-kariga tagħha bħala
Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, hija responsabbli mill-FPI. L-Artikolu 9
tad-Deċiżjoni li toħloq is-SEAE, jispeċifika li
l-ġestjoni tal-kooperazzjoni esterna tal-Unjoni għadha taqa'
taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, billi r-Rappreżentant
Għoli jiżgura l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-istrumenti
għall-assistenza esterna, li jinkludu wkoll l-IfS. Għaldaqstant,
is-SEAE jipprovdi d-direzzjoni politika għall-Artikolu 3
tal-Istrument għall-Istabbiltà u jaħdem fuq it-tħejjija
tal-miżuri flimkien mal-FPI li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni ta'
azzjonijiet miftiehma. Is-SEAE jipprovdi wkoll l-ipprogrammar strateġiku
għall-Artikolu 4 permezz tad-Dokumenti ta' Strateġija u
tal-Programmi Indikattivi Multiannwali. Il-Pjanijiet ta' Azzjoni Annwali (PAA)
korrispondenti huma definiti u eżegwiti mid-DĠ DEVCO[9] (għall-Artikoli 4.1
u 4.2) u mill-FPI (għall-Artikolu 4.3). Is-SEAE u d-DĠ
DEVCO, li jaħdmu id f'id fuq l-Artikoli 4.1 u 4.2, jiftiehmu dwar
miżuri li jindirizzaw numru ta' theddid għas-sigurtà u sfidi globali
oħra, u dawn jikkumplimentaw miżuri oħra implimentati taħt
strumenti ġeografiċi tal-UE. 4. Ħarsa
Ġenerali lejn l-IfS għall-perjodu 2007-2011 Wara ħames snin minn meta beda, l-IfS
issa huwa rikonoxxut bħala strument tal-UE li jirreaġixxi
għall-kunflitti u l-kriżijiet madwar id-dinja, li jindirizza theddid
għas-sigurtà fil-livelli nazzjonali u reġjonali, kif ukoll li jibni
l-kapaċitajiet biex jirreaġixxi għall-kriżijiet u
jipprevjeni l-kunflitti. Matul il-perjodu 2007 – 2011, it-taqsima
tal-IfS li tirrigwarda r-reazzjoni għall-kriżijiet għal perjodu
ta' żmien qasir, poġġiet EUR 670 miljun
għad-dispożizzjoni ta' xi 203 azzjoni madwar id-dinja.
Il-kopertura ġeografika għall-perjodu 2007-2011 hija stabbilita
fil-Grafika 1 Il-Grafika 2 turi kif il-finanzjament
ġie distribwit fost il-miżuri ta’ reazzjoni għall-kriżijiet
(l-Artikolu 3) u l-programmi ta’ terminu twil (l-Artikolu 4) f’dan il-perjodu. 5. Il-Qagħda
tal-IfS fl-2011 Ir-rendikont
tal-allokazzjonijiet mill-baġit ta’ EUR 282 miljun li
kien disponibbli u li ġie impenjat bis-sħiħ għall-IfS
fl-2011[10]
(żieda ta’ kważi 15 % fuq is-sena ta’ qabel): ·
EUR 188 miljun għal sitwazzjonijiet
ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti, li jammontaw għal
43 % żieda fuq is-sena preċedenti. ·
EUR 30 miljun għal reazzjonijiet
għal theddid transreġjonali; ·
EUR 49 miljun għall-mitigazzjoni
tar-riskju marbut mas-CBRN; kif ukoll ·
EUR 15-il miljun[11] għall-bini tal-kapaċità
ta’ qabel il-kriżi u ta’ wara l-kriżi Permezz
ta' noti regolari ppreżentati lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà,
il-Kunsill inżamm infurmat dwar l-ippjanar tal-miżuri l-ġodda
ta' reazzjoni għall-kriżijiet tal-Artikolu 3 u nżamm ukoll
aġġornat dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li għaddejjin
bħalissa. Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kunflitti, is-Sigurtà u
l-Iżvilupp tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament
Ewropew, li kien twaqqaf fil-qafas tal-iskrutinju demokratiku tal-IfS,
sejjaħ ħames laqgħat mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u
tas-SEAE. F’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika,
il-Grafika 3 hawn fuq turi li diversi kriżijiet fl-2011 fl-Afrika
sub-Saħarjana kienu jirrikjedu livell għoli ta’ finanzjament mill-IfS
biex jappoġġa l-isforzi importanti ta’ stabbilizzazzjoni. Barra minn
hekk, kien hemm żieda sinifikanti fil-persentaġġ
tal-finanzjament globali mill-IfS li ġie allokat fl-2011
għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, minħabba
l-avvenimenti marbuta mar-“Rebbiegħa Għarbija”. L-impenn qawwi tal-UE
għall-appoġġ tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran,
f’konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta
tat-8 ta’ Marzu 2011 mir-Rappreżentat Għoli u
l-Kummissjoni dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni
fin-Nofsinhar tal-Mediterran, jidher ukoll permezz tat-trasferimenti ta’
finanzjamenti ppjanati mill-baġit ġenerali tal-IfS
għall-baġit tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (,
ENPI), li jammontaw għal EUR 60 miljun għall-2012 u
EUR 70 miljun għall-2013. Għalkemm fl-2011 kien hemm anqas
azzjonijiet ġodda mill-IfS li ngħataw bidu f’numru ta’ reġjuni
oħra, ħafna azzjonijiet li kienu diġà ngħataw bidu f’dawn
ir-reġjuni fl-2010 baqgħu għaddejjin matul l-2011. Fir-rigward
tal-programmi tal-IfS aktar fit-tul, is-sena 2011 ġabet magħha
t-tmiem tal-perjodu kopert mid-Dokument ta' Strateġija tal-IfS
għall-perjodu 2007-2011 u miż-żewġ Programmi Indikattivi
Multiannwali li jakkumpanjawh u li jkopru l-perjodi 2007-2008 u 2009-2011
rispettivament. Fiż-żewġ taqsimiet li jmiss
ġew ippreżentati eżempji speċifiċi ta’ proġetti
tal-IfS fl-2011. 6. Ir-reazzjoni
għal sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti
(l-Artikolu 3 tal-IfS) 6.1. Kif
irreaġixxa l-IfS għall-kriżijiet tal-2011? Id-dettalji sħaħ dwar il-miżuri
kollha tal-IfS li ġew implimentati fl-2011 huma stabbiliti fid-Dokument
ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni I, li qed jakkumpanja dan
ir-Rapport Annwali. L-azzjonijiet li ġejjin, li huma rappreżentattivi
tal-attivitajiet li saru fl-2011, jixhdu l-firxa wiesgħa tal-IfS u kif diversi
postijiet madwar id-dinja rrikorrew għall-użu tiegħu biex
irreaġixxew għal diversi tipi ta' kriżijiet: ·
“Ir-Rebbiegħa Għarbija” – Minbarra l-appoġġ dirett għall-elezzjonijiet
paċifiċi, saret enfażi fuq il-parteċipazzjoni
msaħħa tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta'
tranżizzjoni (it-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja),
inkluż iffukar partikolari fuq l-appoġġ għar-rwol tan-nisa.
Is-sitwazzjoni ta' taqlib fil-Jemen wasslet biex l-azzjonijiet kurrenti li
jinvolvu l-aġenziji tal-infurzar tal-Gvern kellhom jiġu kkanċellati,
filwaqt li setgħu jitkomplew azzjonijiet oħrajn li jimmiraw għal
vuċi msaħħa tas-soċjetà ċivili; ·
Ingħata appoġġ sostanzjali
lill-poplu Palestinjan, inkluż permezz tal-għoti ta' sussidji
essenzjali għall-kiri bil-għan li jevitaw li jfaqqa' kunflitt ġdid
fil-kampijiet tar-refuġjati Palestinjani fil-Lebanon, u
għaldaqstant li jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti ta'
eskalazzjoni jew ta' reperkussjonijiet f'kuntest diġà fraġli
fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun Mediterranju aktar wiesa'. Ġie varat
pakkett ta' appoġġ ta' emerġenza għall-istabilizzazzjoni
soċjoekonomika f'Gaża, bil-għan li jingħata sostenn
għall-ħolqien tal-impjiegi u li tittejjeb id-disponibbiltà
tal-provvista tal-ilma. Ittieħdet deċiżjoni ulterjuri
għall-modernizzazzjoni tal-punt ta' qsim tal-fruntiera ta' Kerem Shalom
biex jiġi ffaċilitat il-fluss ta' oġġetti bejn
l-Iżrael u l-Medda ta' Gaża; ·
F'dak li jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni u
l-ġustizzja tranżizzjonali, ingħata finanzjament lit-Tribunal
Speċjali fil-Libanu li qed jinvestiga ċ-ċirkustanzi
relatati mal-qtil ta’ dak li kien Prim Ministru Hariri; ·
Il-kriżi tan-nixfa tal-2011 fil-Qarn
tal-Afrika kienet teħtieġ azzjoni ta' sokkors massiv. Sabiex
jikkumplimenta l-isforzi ta' sokkors umanitarju pprovduti mill-UE, fost
l-oħrajn, l-IfS nieda miżura ta' rkupru biex jgħin lis-settur
agrikolu jerġa' jistabbilixxi s-swieq u l-kapaċitajiet
tal-produzzjoni fl-Etjopja. Billi n-nixfa influwenzat ukoll
il-bilanċ bejn is-sigurtà u l-politika fis-Somalja, ġew
iffinanzjati t-tneħħija tal-minjieri u miżuri oħra
relatati, biex titwitta t-triq għal sforzi ta' rkupru u ta' rikostruzzjoni
f’Mogadishu u f'partijiet oħrajn tal-pajjiż li qabel kienu
inaċċessibbli; ·
L-approċċ komprensiv tal-UE ngħata
appoġġ ulterjuri biex jiġi indirizzat ix-xkiel ikkawżat
mill-piraterija 'l barra mill-Qarn tal-Afrika, permezz ta' finanzjament
tal-programmi UE-UNODC li jappoġġaw proċessi marbuta
mal-piraterija. Tali għoti ta' appoġġ saħħaħ
ukoll il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE dwar il-ftehimiet ta' trasferiment
ma' pajjiżi fir-reġjun, li kienu essenzjali
għas-suċċess tal-operazzjoni navali tal-PSDK tal-UE
"Atalanta", li tiġġieled kontra l-piraterija; ·
Il-pajjiż il-ġdid tas-Sudan t'Isfel ingħata l-għajnuna biex jindirizza t-theddid lokali u
t-theddid ta' bejn il-pajjiżi li jolqot l-istabbiltà bejn is-Sudan u
s-Sudan t'Isfel, primarjament fiż-żona viċin tal-fruntiera
komuni ta' bejniethom; ·
L-Istrument kien ukoll mobilizzat wara li
seħħew żviluppi politiċi u spostamenti fil-bilanċi ta'
qawwa fil-qasam tal-politika/tas-sigurtà. Eżempji ta' dan jinkludu
programmi fil-Côte d’Ivoire li jagħtu sostenn lill-Gvern
tal-Ouattara l-ġdid u lill-elezzjonijiet reċenti kif ukoll
l-appoġġ għar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà fir-Repubblika
Demokratika tal-Kongo; ·
Ġie varat programm fir-reġjun tad-Delta
tan-Niġer fin-Niġerja li jagħti sostenn lir-riintegrazzjoni
ta’ dawk li kienu militanti u li b'hekk jippromwovi l-istabbiltà; ·
Sar kontribut sinifikanti għall-azzjonijiet li
jappoġġaw l-istrateġija tal-UE għas-Saħel,
inkluż appoġġ biex jinħolqu attivitajiet li
jiġġeneraw introjtu u impjiegi; ·
Tnedew diversi azzjonijiet biex jitnaqqsu
t-tensjonijiet li dejjem jiżdiedu bejn il-gruppi tal-popolazzjoni, li
kienu suxxettibbli li jikbru f'kunflitti bejn il-pajjiżi. Programm minn
dawn ipprovda miżuri li jxerrdu t-tensjonijiet bejn il-Kirgiżi u
l-Uzbeki fil-Wied ta' Fergana fl-Asja Ċentrali, filwaqt li programm
ieħor fittex li jtejjeb ir-relazzjonijiet ta' bejn il-Ħaitjani u
l-komunitajiet Dominikani ospitanti fir-Repubblika Dominikana; ·
Ittieħdu għadd ta' miżuri biex
jingħata sostenn elettorali ta' importanza kritika f'Ħaiti,
fil-Kazakistan u fil-Bjelorussja, filwaqt li l-IfS ta s-sostenn
tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti fl-Afganistan
għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tal-kapaċità
għall-elezzjonijiet futuri; kif ukoll ·
Fil-Kolombja, twaqqaf proġett li
jappoġġa l-ħolqien ta' proċess għall-verità,
għall-ġustizzja u għar-rikonċiljazzjoni li
jittratta l-kwistjoni ta' ħtif tal-persuni u ta' għajbien furzat. 6.2. Min
huwa involut fl-azzjonijiet ta’ reazzjoni għall-kriżi tal-IfS? Il-miżuri ta’ reazzjoni
għall-kriżi tal-IfS jitħejjew f’kooperazzjoni mill-qrib ma’
diversi sħab: is-soċjetà ċivili; l-amministraturi pubbliċi;
l-Istati Membri tal-UE; l-istituzzjonijiet tal-UE; il-partijiet terzi; u
oħrajn. Id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni, billi
jagħtu twissija bikrija u jiżviluppaw kunċetti u possibbiltajiet
ta' reazzjonijiet. Fl-2011, il-maġġoranza tal-miżuri
l-ġodda kienu “subdelegati”[12]
għal implimentazzjoni lokali lid-Delegazzjonijiet tal-UE, li għandhom
għarfien partikolari tal-ħtiġijiet u r-rekwiżiti lokali li
huwa essenzjali għas-suċċess tal-attivitajiet. Dan jippermetti
li l-kuntratti jiġu negozjati mal-korpi tal-implimentazzjoni fil-ħin
u li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti, li ħafna drabi jkunu
ta' natura sensittiva, tiġi ssorveljata mill-qrib. B’riżultat ta’
dan, id-Delegazzjonijiet tal-UE kienu responsabbli għal 85 %
tal-impenji u għal 82 % tal-pagamenti taħt l-IfS fl-2011. Dawk id-Delegazzjonijiet tal-UE li huma
mgħobbija b'ħafna xogħol relatat mal-programmi tal-IfS komplew
jiġu megħjuna min-naħa tal-persunal iddedikat, iffinanzjat
mill-baġit għall-appoġġ amministrattiv tal-IfS.
L-għadd ta' ħaddiema tal-IfS ta’ fuq il-post fid-Delegazzjonijiet
tal-UE baqa' pjuttost statiku (b'21 persuna), u dawn huma mqassma kif ġej:
seba’ Uffiċjali tal-Ippjanar għar-Reazzjoni għall-Kriżijiet
Reġjonali li jappoġġaw lill-Kwartieri Ġenerali
bl-identifikazzjoni ta’ interventi effettivi u erbatax-il Maniġer ta’
Proġetti tal-IfS li jaħdmu fid-Delegazzjonjiet u li għandhom
portafoll tal-IfS sostanzjali u/jew kumpless x'jiġġestixxu. Il-Grafika 4
turi l-varjetà ta' sħab ta' implimentazzjoni tal-IfS
għall-miżuri ta' reazzjoni għall-kriżi tal-Artikolu 3.
Atturi mhux statali kienu qed jimplimentaw 44 % tal-baġit tal-IfS, u
l-familja tan-NU kienet qed timplimenta 42 %. Ir-rwol sinifikanti tan-NU
huwa spjegat mill-ambjenti volatili fejn jopera l-IfS, fejn il-korpi tan-NU
ħafna drabi jkunu fost il-ftit li jkollhom preżenza qawwija
fil-pajjiż u li jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr, bl-użu
tan-netwerks lokali solidi tagħhom. Fl-2011, l-implimentazzjoni
min-naħa tal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi żdiedet għal
5 % (meta mqabbla mat-3 % tas-sena ta' qabel). Madankollu, f'dak li
jirrigwarda l-għadd ta' azzjonijiet, l-NGOs internazzjonali u lokali huma
dawk li jiġġestixxu l-akbar għadd ta' proġetti tal-IfS. 7. L-assistenza
fil-kuntest ta' kundizzjonijiet stabbli għall-kooperazzjoni
(L-Artikolu 4 tal-IfS) Il-Kummissjoni tiżgura t-tħejjija
tal-ipprogrammar annwali u l-ġestjoni tal-assistenza skont
l-Artikolu 4 fil-kuntest ta' kundizzjonijiet stabbli
għall-kooperazzjoni. Il-Programmi ta' Azzjoni Annwali tal-IfS
għall-2011 ġew adottati kif ġej: il-programmi koperti
mill-Artikolu 4.1 (sigurtà u theddid ieħor relatat mal-liġi u
mal-ordni pubblika) f'Settembru 2011; dawk koperti mill-Artikolu 4.2
(mitigazzjoni tar-riskji marbuta ma' materjal Kimiku, Bijoloġiku,
Radjoloġiku u Nukleari) f'Ottubru 2011; u dawk koperti
mill-Artikolu 4.3 (bini tal-kapaċità ta' qabel il-kriżi u ta'
wara l-kriżi) f'Ġunju 2011. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni II li qed jakkumpanja dan ir-Rapport Annwali, jipprovdi
aġġornament iddettaljat tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet koperti
mill-Artikoli 4.1, 4.2 u 4.3. 7.1. It-theddid
għas-sigurtà u s-sikurezza (l-Artikolu 4.1 tal-IfS) Il-programmi mfassla fil-kuntest ta’ theddid
transreġjonali jiffukaw fuq il-bini tal-kapaċità, f’konsultazzjoni
mill-qrib mal-pajjiżi benefiċjarji. Ġeneralment,
il-kapaċitajiet tas-sigurtà huma msaħħa fil-livell nazzjonali,
fil-livell reġjonali u fl-aħħar nett f'dak transreġjonali.
F'konformità ma' approċċ imfassal apposta, jiġu identifikati
l-pajjiżi ewlenin ta' reġjun partikolari u jiġu msaħħa
l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi lokali u tal-unitajiet
tas-sigurtà permezz tat-twaqqif jew tat-tisħiħ ta’ unitajiet
speċjalizzati bejn l-aġenziji. Imbagħad jiġu stabbiliti
funzjonijiet ta’ koordinazzjoni reġjonali, li kull fejn ikun possibbli
jagħmlu użu minn strutturi eżistenti, sabiex irawmu
l-kooperazzjoni reġjonali u transreġjonali. L-iskambju ta'
informazzjoni jitħeġġeġ permezz ta’ sistemi ta’
informazzjoni reġjonali. Dan l-iskambju jkopri oqsma differenti:
l-indirizzar tat-traffikar u l-kriminalità organizzata fuq ir-rotot tal-kokaina
u tal-eroina; it-traffikar illeċitu ta’ armamenti u ta' materjali
splussivi; it-titjib fis-sigurtà u fis-sikurezza marittimi fuq ir-rotot
marittimi kritiċi; u l-bini ta’ kapaċità f’reġjuni milquta
mit-terroriżmu. Fl-2011 ġew impenjati
EUR 30 miljun għall-azzjonijiet fl-oqsma msemmija hawn fuq,
b'pagamenti li t-total tagħhom jammonta għal madwar
EUR 9,2 miljun. Sal-aħħar tas-sena 2011, u permezz tal-ESF[13], ġew irreklutati aktar
minn 100 espert minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew semipubbliċi
ta' speċjalizzazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, li ngħaqdu flimkien
biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni l-għarfien u l-kompetenzi
speċifiċi tagħhom, u biex jipprovdu kontributi tekniċi
għall-identifikazzjoni u l-ippjanar dettaljat tal-azzjonijiet tal-IfS.
Fost l-oħrajn, huma kkontribwixxew għall-Programm ta' Azzjoni Annwali
tal-2012, kif ukoll biex wittew it-triq għall-implimentazzjoni
sħiħa tal-azzjonijiet deċiżi fil-Programmi ta' Azzjoni
Annwali preċedenti. L-oqsma koperti jinkludu: ·
Fl-2011, ġew inawgurati l-ewwel żewġ
Task Forces Konġunti inkarigati minn missjonijiet ta' interdizzjoni
ġewwa l-ajruport, fil-Kap Verde u fis-Senegal biex jappoġġaw il-ġlieda
kontra l-kriminalità organizzata fuq ir-rotta tal-kokaina (40 pajjiż,
EUR 6 miljun fl-2011 minn EUR 19-il miljun). Sar eżerċizzju
ta' ġimgħa bl-isem ta' COCAIR, fi 22 ajruport, li rriżulta
f'konfiski konsiderevoli ta' drogi; ·
Sabiex jingħata sostenn lill-ġlieda
kontra l-kriminalità organizzata fuq ir-rotta tal-eroina, kompliet
għaddejja l-ħidma f'għaxar pajjiżi, fosthom l-Iran,
il-Pakistan u l-Afganistan; ·
Il-programm tar-Rotot Marittimi Kritiċi
b'valur ta' EUR 14,5 miljun (EUR 4,5 miljun fl-2011) ikopri 17-il
pajjiż kostali fil-Punent tal-Oċean Indjan, fix-Xlokk tal-Asja u
fil-Golf tal-Ginea. Huwa jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta'
skambju ta' informazzjoni u l-funzjonijiet ta' infurzar tal-istati kostali
sabiex jgħin fil-kisba ta' traffiku marittimu iktar sikur, billi
jiġġieled kontra l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq
il-baħar; ·
Diversi proġetti għandhom l-għan li jipprevjenu
u jissieltu t-terroriżmu, biex jikkontribwixxu għall-isforzi
tal-ġlieda ta' kontra t-terroriżmu fuq livell globali, inkluża
l-implimentazzjoni tal-istrateġija tan-NU. Ġie ffirmat kuntratt ta'
EUR 6,7 miljun għal kontra t-terroriżmu fis-Saħel sabiex
jittejbu l-kapaċitajiet tal-iskambju ta' informazzjoni, biex jiġu
antiċipati l-atti terroristiċi u biex ikun hemm reazzjoni
għall-atti terroristiċi kemm fuq livell operattiv kif ukoll fuq dak
ġuridiku. Il-kollaborazzjoni mal-Pakistani għandha l-għan li
ttejjeb is-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-Punjab. Fix-Xlokk tal-Asja,
l-IfS ġie involut f'inizjattiva konġunta bejn l-UE u l-UNODC
għal kontra t-terroriżmu; ·
Iċ-ċiberkriminalità hi
manifestazzjoni relattivament ġdida ta’ theddid eżistenti globali u
transreġjonali, li ma jistax ikompli jiġi ttrattata b’mod effettiv
jekk ma tkunx indirizzata d-dimensjoni ċibernetika tagħhom
(EUR 3 miljun huma assenjati għat-tisħiħ
tal-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet
ġudizzjarji u ċivili u għas-sostenn tal-adeżjoni mal-hekk
imsejħa Konvenzjoni BUDAPEST kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħha.
Meta jitqies li l-biċċa l-kbira tas-sistemi operattivi
infrastrutturali kritiċi huma konnessi ma’ netwerk, l-effetti ta’
distabbilizzazzjoni potenzjali, minħabba attakk ċibernetiku jew
falliment aċċidentali kbir tan-netwerks ewlenin tal-informazzjoni u
t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, jistgħu jkunu devastanti. Is-sigurtà
ċibernetika se tkun indirizzata taħt l-IfS f’dan il-kuntest
(EUR 1,5 miljun huma assenjati għall-koperazzjoni
transreġjonali kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-istandards
internazzjonali fl-oqsma tal-għarfien tar-riskji, l-analiżi
tal-vulnerabbiltà, it-tħejjija għall-emerġenzi, it-twissija u
l-ġestjoni tal-konsegwenzi). ·
Il-mediċini ffalsifikati huma theddida kbira għas-saħħa pubblika u s-sigurtà billi
normalment dawn jinkludu ingredjenti ta’ kwalità ħażina jew ta’
doża ħażina jew sempliċiment ma jkunux effettivi – u f’xi
każijiet anki tossiċi. Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni
tat-theddida hu globali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma b’mod
partikolari esposti għal din it-theddida (EUR 5 miljun huma
assenjati għat-tisħiħ tal-qafas legali – primarjament permezz
tal-Konvenzjoni MEDICRIME – kif ukoll għall-kapaċitajiet ta’ sejbien
u analiżi tal-mediċini suspettużi u għall-kapaċità ta’
investigazzjoni tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali biex iwaqqfu u
jeliminaw in-netwerks kriminali globali); ·
Sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet
għall-prevenzjoni, il-ġlieda u l-kontroll tal-kummerċ
illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW),
l-UE kompliet tappoġġja l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni
tal-protokolli u tal-konvenzjonijiet internazzjonali fl-Afrika
sub-Saħarjana, fl-Amerika t'Isfel u fl-Amerika Ċentrali (2011:
EUR 7,3 miljun f'41 pajjiż); kif ukoll ·
Fl-2011, l-aġenziji tal-Istati Membri tal-UE
komplew joffru l-kompetenzi tagħhom filwaqt li baqgħu jibbenefikaw
minn sinerġiji permezz tal-Faċilità ta' Appoġġ
mill-Esperti (ESF) għall-ipprogrammar fit-tul u
għall-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti (ta'
Prijoritajiet 1 u 2) tal-IfS (EUR 2,5 miljun skont l-AAP tal-2011), li
bis-saħħa tagħha twettqu aktar minn 100 missjoni mill-2008 'l
hawn. 7.2. Il-mitigazzjoni
tar-riskji marbuta ma' materjal Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u
Nukleari (CBRN) (l-Artikolu 4.2 tal-IfS) Storikament, l-attivitajiet f’ħafna
mill-oqsma kienu jikkonċentraw fuq dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika.
Fl-2010, saru sforzi sabiex tiġi mkabbra l-kopertura ġeografika
tal-attivitajiet tal-programm. Il-kopertura ġiet estiża
għall-Baċir tal-Mediterran, għal-Lvant Nofsani, għax-Xlokk tal-Asja,
għall-Asja Ċentrali, għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u
għall-Afrika. B'kollox hemm madwar 40 pajjiż li għadhom kemm
ġew involuti, apparti l-pajjiżi ta' dik li qabel kienet l-Unjoni
Sovjetika. Il-Programm CBRN ikopri r-riskji relatati ma'
kwistjonijiet aċċidentali, naturali jew malevolenti marbuta
mal-materjal CBRN u għandu l-għan li jtejjeb il-kultura ta' sikurezza
u sigurtà billi jxerred l-aħjar prattiki u billi jgħolli l-livell
ġenerali tas-sensibilizzazzjoni dwar is-sigurtà u s-sikurezza. Qabel l-2010,
l-oqsma differenti kienu koperti separatament[14].
Mill-2010 'l hemm, iċ-'Ċentri ta' Eċċellenza' CBRN
mwaqqfa madwar id-dinja skont l-Istrument, qed jipprovdu gradwalment
pjattaforma unika u integrata għall-azzjonijiet li jaqgħu taħt
l-oqsma kollha koperti, bħall-monitoraġġ
tal-fruntieri/it-traffikar illeċitu, il-kontroll tal-esportazzjoni,
il-bijosikurezza u l-bijosigurtà eċċ. Dawn ir-Ċentri ta'
Eċċellenza (CoE) jaħdmu biex jissaħħu l-politiki dwar
il-mitigazzjoni tar-riskji CBRN billi jiżviluppaw pakketti ta' assistenza
mfassla apposta (19-il azzjoni f'ħames reġjuni, EUR 21,5 miljun
fl-2011). Dawn se jikkostitwixxu għodda ewlenija għall-bini
tal-kapaċità, għall-iżvilupp ta' politiki reġjonali
koerenti u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-kapaċitajiet
nazzjonali u reġjonali f'dan il-qasam. Fl-2011, l-UE waqqfet Ċentri
ta' Eċċellenza fix-Xlokk tal-Asja (il-Filippini), fix-Xlokk
tal-Ewropa/il-Kawkasu tan-Nofsinhar/l-Ukraina (il-Ġeorġja), fl-Afrika
ta' Fuq (l-Alġerija), fil-"Façade tal-Atlantiku" (il-Marokk) u
fil-Lvant Nofsani (il-Ġordan). L-ewwel ħames Segretarjati
Reġjonali lokali taċ-Ċentri ta' Eċċellenza bdew
joperaw lejn l-aħħar tal-2011. Barra minn hekk, ġew stabbiliti
xi kuntatti mal-Asja Ċentrali, mal-pajjiżi tal-Kunsill ta'
Kooperazzjoni tal-Golf u mal-Afrika sub-Saħarjana. L-oqsma l-oħrajn li huma
appoġġati jinkludu: ·
L-assistenza u l-kooperazzjoni fl-attivitajiet
relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju li ppermettew li l-programmi jiġu implimentati
b'suċċess f'aktar minn 28 stat madwar id-dinja. Ġiet
imsaħħa l-kooperazzjoni mas-sistema ta' Kontroll tal-Esportazzjoni US
EXBS; ·
Sabiex jissaħħu s-sikurezza u
s-sigurtà fil-konfront ta' theddid bijoloġiku, ittieħdu diversi
miżuri mmirati lejn is-sigurtà tal-faċilitajiet f'diversi pajjiżi
tal-Asja Ċentrali, tal-Kawkasu u tal-Afrika (EUR 3,5 miljun fl-2011).
F'kollaborazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u
l-Kontroll tal-Mard, inbeda programm dwar is-saħħa tal-bniedem li
jkopri 17-il pajjiż mhux tal-UE (EUR 3 miljun lejn l-aħħar
tal-2010); ·
Ġie ffirmat kuntratt mal-IAEA li
jappoġġja inizjattivi għall-Assigurazzjonijiet Nukleari
Multilaterali (ANM) biex jingħata kontribut lill-Bank tal-Uranju
b'Konċentrazzjoni Baxxa għall-Użu tal-Enerġija Nukleari
(EUR 10 miljun fl-2011). Il-Bank tal-Uranju b'Konċentrazzjoni Baxxa,
li jappartjeni lill-IAEA u li huwa ġestit minnha, se jipprovdi
lill-pajjiżi li jintroduċu programmi nukleari ċivili bi fjuwil
nukleari sikur, u għaldaqstant se jillimita r-riskji ta' proliferazzjoni
assoċjati miegħu; ·
Permezz taċ-Ċentri għax-Xjenza u
t-Teknoloġija (STCU) u taċ-Ċentri Internazzjonali
għax-Xjenza u t-Teknoloġija (ISTC) fi Kiev u f'Moska, kompla
jingħata sostenn għat-taħriġ mill-ġdid u
għall-offerta ta' impjieg alternattiv lil dawk li kienu xjentisti u
inġiniera speċjalizzati fl-armi, ġejjin mill-pajjiżi li
kienu jiffurmaw parti minn dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. Fl-Iraq,
komplew għaddejjin azzjonijiet bil-ħsieb li jinvolvu dawk li kienu
xjentisti speċjalizzati fl-armi f'attivitajiet komprensivi għad-dekummissjonar,
l-iżmantellar u d-dekontaminazzjoni ta' faċilitajiet nukleari; kif
ukoll ·
Bħalissa għaddejja l-ġlieda
kontra t-traffikar illeċitu ta' materjal CBRN u kontra l-prattiki
finanzjarji qarrieqa, fejn qed jittieħdu azzjonijiet fl-Asja
Ċentrali, fix-Xlokk tal-Asja u fl-Afrika ta' Fuq f'dan ir-rigward.
Ġie ffirmat kuntratt mal-IAEA biex jingħata kontribut għal
Laboratorju ġdid għall-Materjal Nukleari li għandu jintuża
mis-Servizzi Analitiċi ta' Salvagwardja tal-IAEA f'Seibersdorf,
l-Awstrija (EUR 5 miljun fl-2011). 7.3. Il-bini
tal-kapaċità ta' qabel il-kriżi u ta' wara l-kriżi
(l-Artikolu 4.3 tal-IfS) Il-Programm ta' Azzjoni Annwali tal-2011[15] kien jinkludi tmien
azzjonijiet miġbura fi gruppi b'mod tematiku, skont dik li hija
magħrufa bħala s-Sħubija għall-bini tal-Paċi (PbP)
tal-IfS, li tinvolvi sħab minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili, minn organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u minn
Stati Membri tal-UE fil-bini tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni ta' qabel
il-kriżi u ta' wara l-kriżi (ara l-Grafika 5). Matul is-sena, ħafna mill-azzjonijiet li
kienu għaddejjin kienu jappoġġaw kemm il-ġestjoni
tal-kriżi/ir-reazzjoni għall-kriżi kif ukoll l-isforzi tas-SEAE
relatati mal-prevenzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari l-prijoritajiet
tal-Bord għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet u tal-Grupp
għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti li twaqqaf reċentement. Dan
l-appoġġ kien jinkludi l-kontribut tal-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili f'dak li jirrigwarda l-analiżi tal-kunflitti
u l-informazzjoni u l-kompetenzi ta' livell għoli fuq il-post dwar
it-twissija bikrija u l-prevenzjoni tal-kunflitti, f'konformità
mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2011[16]. L-eżempji segwenti
jenfasizzaw uħud mill-kisbiet ewlenin tal-2011: ·
Id-djalogu mas-soċjetà ċivili u
l-bini tal-kapaċità ta' atturi mhux
Statali fil-pajjiż: In-Netwerk iddedikat
għad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili[17],
forum għad-djalogu bejn l-UE u l-atturi mhux Statali dwar kwistjonijiet
ta' bini ta' paċi, organizza tlettax-il laqgħa dwar
suġġetti tematiċi (eż. il-prevenzjoni tal-kunflitti u
t-twissija bikrija, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u n-nisa, il-paċi u
s-sigurtà) u dwar suġġetti speċifiċi għal xi
pajjiżi jew għal xi kunflitti (eż. laqgħat dwar ir-reġjun
MENA[18],
il-Côte d’Ivoire, il-"Lord’s Resistance Army") bil-ħsieb li
jingħata kontribut għall-proċessi tat-tfassil tal-politiki
tal-UE; ·
Sabiex tiġi mibnija l-kapaċità
fil-livell lokali, ingħata bidu għal tnax-il proġett
ibbażati fis-soċjetà ċivili f'sitt pajjiżi fl-oqsma
tal-medjazzjoni u d-djalogu, is-sigurtà tal-bnedmin u r-rwol tan-nisa. Azzjoni oħra dwar it-twissija bikrija ffokat
fuq il-bini tal-għarfien komuni dwar il-fatturi tar-riskju li jistgħu
jwasslu biex sitwazzjonijiet fraġli jispiċċaw f’kunflitt u fuq
il-miżuri li jistgħu jittieħdu bħala prevenzjoni għal
dan; ·
Il-Medjazzjoni u d-Djalogu: L-UE
appoġġat lit-Tim Standby ta' Esperti fil-Medjazzjoni, li jaqa'
taħt l-Unità ta' Appoġġ għall-Medjazzjoni (il-MSU)
tad-Dipartiment tan-NU għall-Affarijiet Politiċi (id-DPA), biex
jipprovdi malajr il-kompetenzi fil-qasam tal-medjazzjoni lin-NU, lill-Istati
Membri u lil organizzazzjonijiet oħra internazzjonali, reġjonali u
sub-reġjonali. Żewġ esperti tal-MSU, iffinanzjati mill-UE,
wettqu sittax-il missjoni separata għal tmien pajjiżi[19]. Azzjoni oħra tal-IfS
fil-Kenja kellha l-għan li timmira lejn il-kawżi profondi
tal-vjolenza li kien hemm wara l-elezzjoni tal-2007[20] u kkontribwiet
għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi mhux Statali biex
jimmitigaw il-kunflitti interkomunitarji. ·
Ir-Riżorsi Naturali u l-Valutazzjonijiet
tal-Ħtiġijiet ta' wara l-Kunflitti u ta' wara d-Diżastri: L-esperti tal-MSU tan-NU fl-oqsma
tar-riżorsi naturali u tal-kunflitti kkooperaw biex ipproduċew
riċerki estensivi dwar il-Baċir tax-Xmara Nil u dwar il-kunflitti
tal-art li jinvolvu popolazzjonijiet indiġini fiċ-Ċilì u
fil-Panama, u barra minn hekk taw l-assistenza tagħhom fl-attivitajiet
preparatorji għad-djalogi nazzjonali fir-reġjun MENA. Fil-qafas
tas-Sħubija ta' bejn l-UE u n-NU għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti u
għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Art u tar-Riżorsi Naturali,
tħejjew noti ta' gwida prattika dwar l-art, l-industriji estrattivi,
l-iskarsezza ambjentali u l-iżvilupp tal-kapaċità. Abbażi
tas-sħubija ta' bejn l-UE, in-NU u l-Bank Dinji fir-rigward tal-Valutazzjonijiet
tal-Ħtiġijiet ta' wara l-Kunflitti u ta' wara d-Diżastri, UNDOCO[21] żviluppa għodod
ibbażati fuq l-internet maħsuba għall-esperti tal-missjonijiet
ta' valutazzjoni. Il-programm żviluppa wkoll programmi konġunti ta'
taħriġ/informazzjoni - 170 membru tal-persunal minn organizzazzjonijiet
imsieħba u minn organizzazzjonijiet multilaterali oħra rċevew
taħriġ introduttorju, filwaqt li 73 espert segwew il-programm
fil-fond; ·
Il-Bini tal-Paċi u d-Drittijiet
tal-Bniedem, b'iffukar partikolari fuq
iż-Żgħażagħ u n-Nisa: Ġew organizzati varjetà kbira ta' attivitajiet fi tliet
reġjuni tal-Bosnja-Ħerzegovina taħt il-proġett “Youth for
Peace” (iż-Żgħażagħ għall-Paċi)[22], li jinkludu l-għoti ta'
setgħa lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u
jiem ta' taħriġ fir-rigward tal-bini tal-paċi u tal-iżvilupp
tal-komunità; ·
Fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
l-attivisti nisa ġew megħjuna biex jinvolvu rwieħhom
fl-investigazzjonijiet relatati mal-każijiet tal-istupri tal-massa f'Fizi
mwettqa mis-suldati tal-armata regolari (FARDC). Dan wassal biex, għall-ewwel
darba, kmandant tal-FARDC ġie ġġudikat fuq każijiet ta'
stupru, minn qorti speċjali mobbli li tiddefendi d-drittijiet tan-nisa.
Inqatgħu sentenzi oħra simili fil-qrib ta' Kalehe u Maniema. Aktar
minn 1 000 mara ġew sensibilizzati dwar ir-Riżoluzzjoni 1325
tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz tas-sessjonijiet
pubbliċi ta' informazzjoni li rriżultaw f'żieda reġistrata
fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kamp politiku u fl-influwenza politika
tan-nisa fl-oqsma kkonċernati;[23] ·
Il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet
reġjonali: Fis-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, twaqqaf
ċentru operattiv għar-reazzjoni għall-kriżijiet u
attwalment qed jiġi implimentat programm ta' taħriġ intensiv li
minnu qed jibbenefikaw uffiċjali tal-Lega tal-Istati Għarab involuti
fit-twissija bikrija, fl-analiżi tal-kriżijiet u fil-ġestjoni
tar-reazzjonijiet għall-kriżi. Dan il-proġett ippermetta li
tiġi ffaċilitata interazzjoni regolari u msaħħa bejn
is-SEAE u l-Lega tal-Istati Għarab fir-rigward ta' diversi kriżijiet
u ta' suġġetti oħra elenkati fl-aġenda komuni ta' bejn l-UE
u l-Lega Għarbija; ·
Id-djalogu Internazzjonali dwar il-Bini
tal-Paċi u dwar il-Bini tal-Istat: L-UE ilha tappoġġa d-djalogu mmexxi mill-OECD[24] sa mill-2009 u, proprju
fl-2011, bdiet tappoġġa l-ħidma tas-Segretarjat u tal-erba'
gruppi ta' ħidma dwar id-Djalogu, kif ukoll lill-organizzazzjoni
tal-laqgħat internazzjonali. Matul il-laqgħa li saret f'Monrovja
f'Ġunju 2011, intlaħaq ftehim bejn il-Partijiet ikkonċernati
dwar il-prodotti finali ta' għarfien u saret diskussjoni dwar abbozz ta'
Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali li ġie ppreżentat
f'Diċembru 2011 fir-raba' Forum ta' Livell Għoli dwar
l-Effettività tal-Għajnuna li sar f'Busan; ·
Proġett ta' bejn l-aġenziji fin-Nepal,
fl-Uganda u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo enfasizza fuq it-tfassil,
il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri għall-bini
tal-paċi. Il-proġett
ġab flimkien 21 organizzazzjoni inkluż NGOs internazzjonali,
s-soċjetà civili lokali u l-aġenziji governattivi biex jaqsmu
l-aħjar prattiki bejniethom; kif ukoll ·
Il-Kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE: Programm ta' sentejn, kofinanzjat mill-IfS,
"l-Inizjattiva l-Ġdida tal-Ewropa ta' Taħriġ
għall-Ġestjoni Ċivili tal-Kriżijiet" (ENTRi)
għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet
tal-membri tal-persunal li jiżvolġu missjonijiet internazzjonali ta'
ġestjoni ċivili tal-kriżijiet, filwaqt li fl-istess ħin
iħeġġeġ l-interoperabbiltà u l-armonizzazzjoni
tal-approċċi ta' sħab differenti fir-rigward
tat-taħriġ. Fl-ewwel sena tiegħu, il-konsorzju tal-ENTRi,
magħmul minn 13-il fornitur tat-taħriġ ġejjin minn Stati
Membri tal-UE, organizza 17-il kors (kemm ta' qabel l-istazzjonar kif ukoll ta'
speċjalizzazzjoni), bil-parteċipazzjoni ta' 340 espert ta' 49 nazzjonalità
differenti. 8. Konklużjoni Il-miżuri tal-IfS li ġew
implimentati fl-2011, u li jikkumplementaw azzjonijiet oħrajn tal-UE skont
l-istrumenti tal-iżvilupp reġjonali u tematiċi, l-assistenza
umanitarja u l-missjonijiet tal-PSDK, ikkontribwixxew b’mod sinifikanti
għall-isforzi tal-UE fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-preservazzjoni
tal-paċi, fir-rispons għall-kriżijiet u fit-tisħiħ
tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea. Fil-ħames sena tal-operat tiegħu, u b'baġit li
żdied b'aktar mid-doppju, fejn minn EUR 139 miljun fl-2007 tela'
għal EUR 282 miljun fl-2011, l-Istrument
għall-Istabbiltà wera r-robustezza u l-kapaċità tiegħu li
jipprovdi reazzjoni tal-UE f'waqtha u dinamika għall-varjetà wiesgħa
ta' sfidi fid-dinja kollha. Fl-2011, dawn l-isfidi inkludew dawk marbuta
mal-impatt tar-Rebbiegħa Għarbija fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u
l-Afrika ta' Fuq kif ukoll is-sitwazzjoni dejjem aktar kumplessa li hemm
mifruxa mar-reġjun kollu tal-Qarn tal-Afrika. Il-maturità tal-IfS kienet riflessa
fis-sejbiet tar-rapport ta' evalwazzjoni ġenerali tal-livell tal-programmi
dwar l-Istrument għall-Istabbiltà, li kien imħejji minn konsulent
indipendenti u ppubblikat f’Lulju 2011. Ir-rapport, li jkopri l-perjodu kollu
sa mill-ħolqien tal-Istrument, jiġbor fil-qosor is-sitwazzjoni kif
ġej: "l-IfS ikkontribwixxa b’mod sinifikanti biex jittejbu
r-rilevanza, l-effettività u l-effiċjenza globali tal-azzjoni tal-UE f'dak
li jirrigwarda r-reazzjoni u t-tħejjija għall-kriżi".
Huwa kkonkluda li "l-IfS jikkontribwixxi b'mod sinifikanti
għall-koerenza tal-paċi, tas-sigurtà u tal-arkitettura ta'
żvilupp tal-UE – kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà globali.
Il-kapaċità li wera l-IfS li jirreaġixxi b'mod rapidu, f'waqtu u
katalitiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, għandha rwol kritiku
ħafna għall-kontributi tiegħu f'dan ir-rigward"[25]. [1] ĠU
L 327/1 24.11.2006 [2] L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA); l-Istrument
Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI); l-Istrument tal-Kooperazzjoni
għall-Iżvilupp (DCI); il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
(FEŻ); u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet
tal-Bniedem (EIDHR); eċċ. [3] Tul massimu ta’ 18-il xahar bi proċeduri mgħaġġla
ta’ adozzjoni u implimentazzjoni għal programmi ta’ anqas minn
EUR 20 miljun, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom)
Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward
ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali
tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat, li ssir referenza għalih bħala
r-Regolament Finanzjarju, u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom)
Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002, li
jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament
Finanzjarju, li ssir referenza għalih bħala r-Regoli ta' Implimentazzjoni. [4] Programmi li jibnu fuq il-“Miżuri ta’ Assistenza
Eċċezzjonali”, biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet
għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-kooperazzjoni tal-UE. Dawn
jistgħu jieħdu iktar fit-tul iżda jeħtieġu wkoll aktar
żmien biex ikunu adottati, minħabba proċess
deċiżjonali itwal, li jinkludi l-komitoloġija. [5] LRRD [6] Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (tal-UE) [7] Magħruf ukoll bħala s-“Sħubija għall-Bini
tal-Paċi” tal-IfS [8] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi
l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni
Esterna (2010/427/UE), ĠU L 201 [9] Id-Direttorat
Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid,
(il-Kummissjoni Ewropea) [10] Irreferi għal “L-Istrument ta’ Stabbiltà: Deskrizzjoni
ġenerali tal-impenji u l-pagamenti tal-2011” fid-Dokument ta’ Ħidma
II tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil dan ir-rapport [11] Inkluż l-allokazzjoni ta' EUR 1 miljun mill-Parlament
Ewropew għal proġett bi prova “Programm għal attivitajiet ta'
bini tal-paċi mmexxija mill-NGOs” [12] Ir-responsabbiltà legali u finanzjarja għall-użu tal-fondi
tal-UE, inkluż il-poter sabiex jiġu ffirmati u emendati l-kuntratti
kif jixraq, hija ttrasferita mill-Uffiċċju Ċentrali
tal-Kummissjoni Ewropea lid-Delegazzjoni tal-UE kkonċernata. [13] Il-Faċilità ta' Appoġġ mill-Esperti (ESF - Expert
Support Facility) hija magħmula minn speċjalisti minn
organizzazzjonijiet pubbliċi jew semipubbliċi mal-UE kollha. Mill-2008 'l hawn, esperti minn madwar 60
organizzazzjoni fi 17-il Stat Membru wettqu aktar minn 100 missjoni. [14] Eż. il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu
doppju, it-traffikar illeċitu, ir-ridirezzjoni ta' dawk li kienu xjentisti
speċjalizzati fl-armi, u l-kultura ta' sigurtà u sikurezza. [15] Il-Programm ta’ Azzjoni Annwali tal-2011 kien adottat mill-Kummissjoni
Ewropea fit-30 ta’ Ġunju 2011
(http://www.eeas.europa.eu/ifs/docs/c_2011_4451_en.pdf). [16] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Prevenzjoni ta' Kunflitti,
it-3101 Kunsill għall-Affarijiet Barranin, il-Lussemburgu,
l-20 ta' Ġunju 2011. [17] In-Netwerk iddedikat għad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili
huwa ġestit mill-Uffiċċju ta' Kollegament Ewropew
għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi (EPLO). [18] Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq. [19] Inklużi l-Ġordan (l-appoġġ għall-UNAMI); il-Kazakistan (l-appoġġ
għall-UNRCCA fir-rigward tar-reġjun tal-baċir tal-Baħar
Aral); il-Kenja (l-indirizzar ta'
kwistjonijiet relatati mas-Somalja min-Najrobi); il-Kirġiżistan (l-appoġġ mogħti lill-Gvern
tal-Kirġiżistan permezz tal-iżvilupp ta' programm nazzjonali
għall-prevenzjoni tal-kunflitti); u l-Qatar (l-appoġġ għat-taħdidiet
għall-paċi fid-Darfur). [20] L-azzjoni 'It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi mhux
Statali għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' kunflitti fiż-żoni
milquta mill-vjolenza ta' wara l-elezzjoni fil-Kenja' kienet ġestita minn
Konrad Adenauer Stiftung e.V. [21] L-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Operazzjonijiet ta'
Żvilupp (DOCO) tan-NU [22] Din l-azzjoni kienet ġestita minn Care International. [23] "Il-Parteċipazzjoni Politika tan-Nisa mill-Afganistan,
mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u mil-Liberja fil-Politika dwar
il-Paċi u s-Sigurtà" [24] In-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kunflitti u l-Fraġilità (INCAF)
taħt l-OECD. [25] International
Conflict and Security Consulting: "Evaluation of the Crisis Response and
Preparedness Components of the European Union’s Instrument for Stability",
Lulju 2011.