This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0354
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS On the functioning of the notification procedure under the WTO Agreement on Technical Barriers to Trade (TBT Agreement)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-funzjonament tal-proċedura ta’ notifika skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (il-Ftehim dwar l-OTK)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-funzjonament tal-proċedura ta’ notifika skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (il-Ftehim dwar l-OTK)
/* COM/2012/0354 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-funzjonament tal-proċedura ta’ notifika skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (il-Ftehim dwar l-OTK) /* COM/2012/0354 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar il-funzjonament tal-proċedura ta’
notifika skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi
għall-Kummerċ (il-Ftehim dwar l-OTK) 1. Introduzzjoni Il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi
għall-Kummerċ (il-Ftehim dwar l-OTK[1]) huwa wieħed mit-13-il Ftehim Multilaterali dwar il-kummerċ
tal-oġġetti nnegozjat matul ir-Rawnd tal-Urugwaj. Dan daħal
fis-seħħ fl-1995 bit-twaqqif tal-Organizzazzjoni Dinjija
tal-Kummerċ (WTO). Jobbliga l-Membri kollha tad-WTO jinnotifikaw
ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità
b’rabta mal-oġġetti, fl-istadju ta’ abbozzar,
lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jagħti lill-membri
l-oħra tad-WTO l-possibbiltà li jikkummentaw fuqhom. · Il-proċedura hija mod konkret kif tingħata għajnuna lin-negozji tal-UE, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (l-SMEs), biex ikollhom aċċess aħjar għas-swieq ta’ pajjiżi terzi minħabba li: · Tagħmilha possibbli biex jiġu identifikati ostakli tekniċi bla bżonn fil-kummerċ internazzjonali u biex dawn jiġu eliminati minn għeruqhom. · Tgħin lil-leġiżlaturi tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi tal-UE jsiru aktar midħla tar-regolamenti tekniċi u tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità ġodda ta' Membri oħra tad-WTO. · Tippermetti lill-UE tippromwovi l-istrateġija regolatorja tagħha u tikkontribwixxi f’regolamenti ta' Membri oħra tad-WTO waqt id-djalogu, xi ħaġa li sseħħ qabel ma jiġu adottati regolamenti ġodda. · Tikkontribwixxi għall-konverġenza tar-regoli u l-istandards fil-livell internazzjonali. Il-proċedura ta’ notifika dwar l-OTK hija
għalhekk element importanti tal-politika industrijali u kummerċjali
tal-UE[2]
u tikkontribwixxi għall-objettivi li jridu jinkisbu permezz
tal-istrateġija Ewropa 2020[3],
b’mod partikulari għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv. L-ewwel objettiv
ta’ dan ir-rapport huwa li jiġbed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet u
l-korpi konsultattivi Ewropej u tal-operaturi ekonomiċi tal-UE,
inklużi l-SMEs, dwar l-opportunitajiet li toffri l-proċedura ta’
notifika dwar l-OTK. It-tieni objettiv tiegħu huwa li
jippreżenta l-aħħar tendenzi ta’ dan l-istrument billi jipprovdi
rendikont ġenerali tal-iżvilupp tal-proċedura fis-snin
riċenti. It-tielet, il-Kummissjoni taħtaf l-opportunità
mogħtija bis-saħħa ta’ dan ir-rapport biex tirrakkomanda azzjoni
konkreta biex ikun hemm iktar titjib. Biex tibbenefika mill-proċedura ta’
notifika għal regolamenti ta' membri oħra tad-WTO, hu kruċjali
li l-UE nnifisha mhux biss tirrispetta l-obbligi stabbiliti fil-Ftehim dwar
l-OTK, iżda wkoll tikkontribwixxi b'mod attiv biex tittejjeb l-effettività
tal-proċedura. Huwa importanti li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Istati Membri jkunu konxji minn kif taħdem il-proċedura ta’
notifika dwar l-OTK u jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jintlaħqu
l-objettivi ta’ konformità u ta’ aktar trasparenza. 2. Il-Preżentazzjoni
tal-proċedura ta’ notifika dwar l-otk 2.1. L-obbligi taħt il-Ftehim
dwar l-OTK Il-Ftehim dwar l-OTK huwa intiż li
jagħmel il-kummerċ internazzjonali aktar faċli, filwaqt li
jirrikonoxxi d-dritt tal-Membri tad-WTO li jadottaw regolamenti tekniċi
nazzjonali u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jistgħu
jirriżultaw f'ostakli tekniċi għall-kummerċ (minħabba
l-ispejjeż ta’ aġġustament bħala riżultat ta’ regoli
diverġenti, ta’ spejjeż marbut mal-informazzjoni, eċċ.).
Biex jiżgura li dawn il-miżuri ma joħolqux ostakli
diskriminatorji jew bla bżonn lill-kummerċ, il-Ftehim dwar l-OTK fih
numru ta’ kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li l-Membri tad-WTO
iridu josservaw waqt it-tfassil ta' regolamenti tekniċi u ta’
proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Dawn il-kundizzjonijiet sostantivi u
proċedurali japplikaw għar-regolamenti tekniċi u
għall-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità relatati
mal-kummerċ tal-oġġetti, sew dawk industrijali u dawk agrikoli.
Għall-kuntrarju tal-istandards, li huma volontarji, ir-regolamenti
tekniċi jistabbilixxu karatteristiċi tal-prodott u proċessi u
metodi ta' produzzjoni marbuta magħhom li huma lkoll mandatorji[4]. Il-proċeduri ta’
valutazzjoni tal-konformità jintużaw biex jiddeterminaw jekk il-prodotti
jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti mandatorji jew le. 2.1.1. Il-kundizzjonijiet sustantivi:
in-nondiskriminazzjoni, l-evitar ta’ ostakli bla bżonn fil-kummerċ,
l-użu ta’ standards internazzjonali relevanti Miżura li taqa’ fl-ambitu tal-Ftehim dwar
l-OTK trid tosserva l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.
Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-pedament tal-liġi tad-WTO,
huwa mnaqqax fil-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ
(il-GATT). Dan jipprojbixxi diskriminazzjoni bejn oġġetti importati u
dawk prodotti lokalment (il-prinċipju ta’ trattament nazzjonali, l-Artikolu III
tal-GATT) u fost l-oġġetti importati (il-prinċipju tal-iktar
nazzjon iffavorit, l-Artikolu I tal-GATT). Fl-istess vena,
l-Artikolu 2.1 tal-Ftehim dwar l-OTK jitlob li l-Membri tad-WTO,
lill-prodotti li joriġinaw minn kull Membru ieħor jagħtuhom
trattament li mhuwiex inqas favorevoli minn dak mogħti lil prodotti simili
ta' oriġini nazzjonali u lil prodotti simili ġejjin minn pajjiż
ieħor. Barra minn hekk, ir-regolamenti tekniċi
huma awtorizzati biss meta jkunu meħtieġa biex jintlaħaq
objettiv leġittimu. Bl-istess mod, il-proċeduri ta’ valutazzjoni
tal-konformità ma għandhomx ikunu aktar stretti, jew ikunu applikati b'mod
aktar strett, minn kemm hu neċessarju biex il-Membru importatur tad-WTO
jkollu fiduċja biżżejjed li l-prodotti huma konformi mar-rekwiżiti
rilevanti. Lista mhux eżawrjenti tal-objettivi leġittimi tinsab
fl-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-OTK, u tinkludi l-prevenzjoni ta’
prattiki qarrieqa, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew
is-sikurezza, u l-ambjent. Bejn l-2008 u l-2011, il-protezzjoni
tas-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza kienet indikata bħala
l-objettiv leġittimu mixtieq għal madwar nofs in-notifiki dwar l-OTK[5]. Barra minn hekk, dan
ir-rekwiżit ta’ "neċessità" ifisser li għandu
jintlaħaq bilanċ bejn l-objettiv leġittimu mixtieq u r-riskju li
ma jiġix sodisfatt, hekk li tingħażel l-istrateġija li
tinvolvi l-inqas restrizzjoni fuq il-kummerċ iżda li hi effettiva
bl-istess mod. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur nazzjonali
jista’ jieħu mill-Ftehim dwar l-OTK, li jissuġġerixxi għadd
ta’ strateġiji li jiffaċilitaw il-kummerċ, bħall-użu
ta’ regolamenti tekniċi bbażati fuq il-prestazzjoni, u
r-rikonoxximent tal-ekwivalenza tar-regolamenti tekniċi ta' Membri
oħra tad-WTO u r-riżultati ta’ valutazzjonijiet tal-konformità
barranin[6]. L-istandards internazzjonali rilevanti għandhom jintużaw ukoll meta jitfasslu regolamenti
tekniċi jew proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Diversi
dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-OTK jippromwovu l-użu ta’
standards internazzjonali bħala mod ta’ kif trawwem l-armonizzazzjoni
tar-regoli tekniċi. B’mod partikulari, l-Artikolu 2.4 jiddikjara li,
fejn jeżistu standards internazzjonali rilevanti, il-Membri tad-WTO
“għandhom jużawhom … bħala bażi għar-regolamenti
tekniċi tagħhom”, ħlief meta dawn l-istandards internazzjonali
ma jkunux effettivi jew xierqa għat-twettiq tal-objettivi leġittimi
mixtieqa. Regolament tekniku domestiku jista’, pereżempju, imur lil hinn
minn dak meħtieġ skont l-istandard internazzjonali rilevanti biex
jintlaħqu l-objettivi regolatorji ta' Membru tad-WTO relatati mal-bidla
fil-klima jew biex jiġu indirizzati l-aspettattivi leġittimi
taċ-ċittadini tiegħu f’dak li hu livell adegwat ta’ protezzjoni.
Prinċipji simili huma stabbiliti fl-Artikolu 5.4
għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. 2.1.2. Il-kundizzjoni formali:
notifika ta’ abbozz ta’ leġiżlazzjoni Skont l-Artikoli 2.9 u 5.6 tal-Ftehim
dwar l-OTK, il-Membri tad-WTO huma mitluba jinnotifikaw ir-regolamenti
tekniċi u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità meta jkunu
sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel, ma
hemm l-ebda standard internazzjonali rilevanti jew l-abbozz tal-miżura
mhux “konformi” mal-istandard internazzjonali rilevanti eżistenti, u
t-tieni, il-miżura proposta jista’ jkollha effett sinifikanti fuq
il-kummerċ tal-Membri l-oħra. Il-kunċett ta’ effett sinifikanti
fuq il-kummerċ tal-Membri l-oħra jinkludi kemm effetti li jippromwovu
l-importazzjoni u kemm li jnaqqsu l-importazzjoni fuq il-kummerċ
tal-Membri l-oħra, sakemm dawn huma sinifikanti[7]. In-notifiki għandhom isiru fi stadju
bikri xieraq, meta jkunu għad jistgħu jiddaħħlu l-emendi u
jitqiesu l-kummenti[8]. Il-Membru li jkun ressaq in-notifika għandu
jħalli biżżejjed żmien għal Membri oħra biex
jagħmlu kummenti bil-miktub. Fil-Kumitat
dwar l-OTK il-Membri tad-WTO ftiehmu li l-perjodu ta’ bejn 60 u 90 jum
huwa meqjus żmien raġonevoli. Il-pajjiżi
żviluppati huma mħeġġa jippermettu aktar minn 60 jum
għall-kummenti[9]. Meta ssir talba, il-kummenti għandhom
jiġu diskussi u jitteħed kont tagħhom.
Dan ifisser li Membri oħra tad-WTO jistgħu jinżammu
infurmati dwar l-iżvilupp ta’ rekwiżiti tal-prodott ġodda jew
modifikati. In-notifiki li jaslu
lis-Segretarjat tad-WTO huma disponibbli pubblikament[10], sabiex l-operaturi
ekonomiċi jkollhom ukoll il-possibbiltà li jiġu avżati u li
jiffamiljarizzaw irwieħhom mar-rekwiżiti l-ġodda. Il-membri tad-WTO għandhom id-dritt li
jikkummentaw bil-kitba fuq ir-regolamenti tekniċi jew
il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew proposti . Fil-prinċipju, il-kummenti għandhom
jirreferu għall-fatt li r-regolamenti proposti ma jħarsux il-Ftehim
dwar l-OTK. Il-kummenti għandhom iwasslu
għal djalogu mal-Membru tad-WTO li jkun innotifika. Id-dritt li jikkummentaw formalment skont din il-proċedura
huwa limitat għall-Membri tad-WTO u ma jingħatax lill-partijiet interessati,
bħalma huma l-operaturi ekonomiċi. Il-kwistjonijiet
imqajma mill-operaturi ekonomiċi għalhekk jeħtieġ ikunu
trażmessi minn Membru tad-WTO. Sta għal
kull Membru tad-WTO li jorganizza mod kif jinstemgħu u jitqiesu l-kwistjonijiet
imqajma mill-operaturi ekonomiċi tiegħu. 2.2. L-organizzazzjoni interna
tal-UE fir-rigward tal-proċedura ta’ notifika Iridu jkunu bosta l-partijiet li
jipparteċipaw u jikkooperaw ma' xulxin biex il-proċedura ta’ notifika
tiffunzjona korrettement u tkun utli u effiċjenti. Fl-UE,
il-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u
l-operaturi ekonomiċi hija importanti ferm. Is-sit elettroniku dwar l-OTK,
stabbilit mill-UE, jgħin biex jikkoordina l-parteċipazzjoni ta' dawk
kollha involuti. 2.2.1. Il-Kummissjoni Ewropea Il-Ftehim dwar l-OTK jitlob li kull Membru
tad-WTO jwaqqaf awtorità ta’ notifika biex jiżgura l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ notifika, u biex
jiżgura li jeżisti punt fejn jidħlu l-mistoqsijiet[11]. Dan il-punt irid iwieġeb
il-mistoqsijiet ġustifikati kollha minn Membri oħra u minn partijiet
interessati dwar ir-regolamenti tekniċi adottati jew proposti jew dwar
il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u jkun ukoll responsabbli
mill-immaniġġar ta' kummenti li jidħlu minn Membri oħra
tal-WTO dwar in-notifiki[12].
Fl-UE, dawn l-obbligi jiġu sodisfatti minn unità waħda
tal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża
u l-Industrija,[13]
li nħatret bħala l-Punt tal-UE għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK. Ir-rwol tal-Punt tal-UE għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK huwa doppju. Jiżgura li
l-leġiżlazzjoni tal-UE, li tkun se tiġi adottata mill-Parlament
Ewropew u l-Kunsill jew mill-Kummissjoni Ewropea bħala miżura ta’
implimentazzjoni, tkun notifikata lid-WTO fi stadju ta’ abbozzar. Huwa wkoll
responsabbli għat-tqassim ta’ notifiki ta' Membri oħra tad-WTO
lill-partijiet interessati kollha u jiżgura li l-kummenti jintbagħtu
lill-Membru tad-WTO li jkun ressaq in-notifika f’isem l-UE meta jidher li
l-miżura inkwistjoni tista’ toħloq problemi
għall-aċċess għas-suq għall-esportaturi tal-UE. Biex
ikunu jistgħu joħorġu l-kummenti dwar notifika ta’ membru
ieħor tad-WTO, il-Punt tal-UE għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar
l-OTK jara li jkollu kontribuzzjonijiet mill-partijiet interessati kollha, i.e.
l-unitajiet settorjali tal-Kummissjoni Ewropea, l-unitajiet tad-Direttorat
Ġenerali għall-Kummerċ, id-delegazzjonijiet tal-UE
f'pajjiżi terzi, l-Istati Membri, u n-negozji fl-UE. Waqt l-editjar tal-kummenti
mill-UE dwar in-notifiki ta’ Membri oħra tad-WTO, il-Punt tal-UE
għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar l-OTK jiżgura li dawn ikunu
konsistenti mal-politiki kollha tal-UE. 2.2.2. Il-koleġiżlaturi
tal-UE: Il-Parlament u l-Kunsill Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom
rwol importanti wkoll minħabba li dawn jadottaw il-leġiżlazzjoni
li fiha regolamenti tekniċi u proċeduri ta' valutazzjoni
tal-konformità u li trid tkun tikkonforma mal-Ftehim dwar l-OTK. Minħabba
li l-Ftehim jitlob notifika fi stadju ta’ abbozzar, il-Punt tal-UE
għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar l-OTK jinnotifika l-Membri
l-oħra tad-WTO bil-leġiżlazzjoni tal-UE li tistipula
rekwiżiti tal-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-Ftehim dwar l-OTK,
ladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-proposta tagħha għal Regolament,
Direttiva jew Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Il-Kummissjoni tanalizza kummenti minn Membri oħra tad-WTO u
tikkunsidrahom fil-proċedura leġiżlattiva. Kemm il-Kunsill u l-Parlament, meta jkunu qed
jabbozzaw u jadottaw emendi għal proposta tal-Kummissjoni, għandhom
iqisu l-impatt tal-proposta fuq il-kummerċ internazzjonali. Membri
oħra tad-WTO jsegwu bir-reqqa d-diskussjonijiet leġiżlattivi u
spiss jikkummentaw bil-miktub jew f’laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK (li
jsiru tliet darbiet fis-sena fid-WTO f’Ġinevra) dwar il-kompatibbiltà
tal-emendi proposti mal-Ftehim dwar l-OTK. 2.2.3. L-Istati Membri Minbarra l-Punt tal-UE għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK, is-27 Stat Membru, kollha kemm huma,
għandhom l-awtoritajiet ta’ notifika u l-punt għall-mistoqsijiet dwar
l-OTK tagħhom. L-Istati Membri huma responsabbli biex jevalwaw jekk
ir-regolamenti tekniċi nazzjonali u l-proċeduri ta' valutazzjoni
tal-konformità proposti tagħhom ikollhomx impatt sinifikanti fuq il-kummerċ
u, jekk inhu hekk, biex jinnotifikawhom direttament lid-WTO. It-tweġibiet
għall-kummenti minn Membri oħra tad-WTO huma, madankollu,
mogħtija mill-Punt tal-UE għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar l-OTK
(wara koordinazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat) f’isem l-UE,
minħabba li dawn ir-risposti huma kkunsidrati bħala parti
mill-politika kummerċjali komuni, li hija kompetenza esklużiva tal-UE[14]. Il-koordinazzjoni bejn
l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea hija aċċertata permezz
tal-proċedura ta’ notifika interna tal-UE stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE[15], u s-servizzi tal-Kummissjoni
jiltaqgħu kull sena mar-rappreżentanti kkonċernati mill-Istati
Membri biex tissaħħaħ din il-koordinazzjoni. L-Istati Membri jridu wkoll jinfurmaw
lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-operaturi ekonomiċi nazzjonali
bl-obbligi u l-opportunitajiet relatati mal-proċedura ta’ notifika dwar
l-OTK. Il-Kummissjoni regolarment tirċievi kummenti mill-Istati Membri
dwar notifiki minn Membri oħra tad-WTO. Xi Stati Membri stabbilew
mekkaniżmi nazzjonali effiċjenti biex jirċievu reazzjonijiet
direttament mill-industrija nazzjonali, inkluż minn federazzjonijiet
tan-negozji iżgħar jew minn kumpaniji individwali. Il-Kummissjoni
tuża din ir-reazzjoni biex tiġġieled kontra l-ostakli tekniċi
potenzjali għall-kummerċ. 2.2.4. L-operaturi ekonomiċi Il-kummenti mill-industrija tal-UE dwar in-notifiki minn Membri oħra tad-WTO huma ta’ importanza
kbira biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli bla bżonn
għall-kummerċ internazzjonali. Diversi federazzjonijiet Ewropej
tal-industrija fi Brussell huma konxji sewwa minn x’joffri l-Ftehim dwar l-OTK
u jibagħtu l-kummenti lid-dipartimenti tal-Kummissjoni regolarment[16]. Xi wħud jikkontribwixxu
wkoll permezz tal-Kumitat Konsultattiv għall-Aċċess
għas-Swieq li ġie stabbilit fil-kuntest tal-Istrateġija
għall-Aċċess għas-Suq[17]
tal-Kummissjoni Ewropea. Operaturi ekonomiċi Ewropej oħra tal-UE
jibagħtu l-kummenti tagħhom lid-delegazzjoni tal-UE tal-Membru
tad-WTO li jkun ressaq in-notifika. Il-Kummissjoni tikkoordina l-kwistjonijiet
internament biex tiżgura li l-kummenti kollha jaslu fil-Punt
għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar l-OTK, li jabbozza l-kummenti
uffiċjali tal-UE. Minħabba li l-perjodu għall-kummenti spiss
ikun relattivament qasir, bejn 60 u 90 jum, huwa importanti li l-operaturi
ekonomiċi tal-UE jikkomunikaw il-ħsibijiet tagħhom mill-aktar
fis possibbli u qabel l-iskadenza finali taż-żmien stabbilit
mill-Membru tad-WTO li jkun ressaq in-notifika[18]. 2.2.5. Il-websajt tal-UE ddedikata
lill-OTK Sabiex jipprovdi aċċess dirett
għan-notifiki u jiffaċilita l-koordinazzjoni fost dawk kollha
involuti, fl-2004 l-Punt tal-UE għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar l-OTK
ħoloq websajt pubblika ddedikata lill-OTK[19]. Din il-websajt tagħti
aċċess pubbliku għad-database dwar l-OTK, li fiha
l-formoli kollha ta’ notifika, l-abbozzi tat-testi u l-kummenti li tkun
bagħtet u rċeviet il-Kummissjoni Ewropea. Il-websajt tipprovdi ħarsa ġenerali
lejn kull notifika dwar l-OTK: id-dokumenti notifikati, xi traduzzjonijiet li
jistgħu jkunu disponibbli, u l-kummenti li l-Kummissjoni Ewropea tkun
bagħtet u rċeviet jintwerew f’paġna tal-websajt għal kull
notifika. Il-wiri tad-dokumenti kollha jiggarantixxi t-trasparenza
sħiħa tal-azzjoni tal-UE skont il-Ftehim dwar l-OTK. Barra minn hekk,
l-operaturi ekonomiċi u l-partijiet interessati l-oħra jistgħu
jabbonaw għal sistema ta’ twissija ta' notifiki ġodda u
jikkonsultaw reviżjoni kull xahar tal-attivitajiet tal-Punt tal-UE
għan-Notifiki u l-Informazzjoni dwar l-OTK. L-għadd ta’ abbonati fis-sistema ta’
twissija jixhed li mill-2004 l-użu tal-websajt tal-UE ddedikata lill-OTK
ilu jiżdied. Fl-2011, fis-sistema ta’ twissija kienu reġistrati 529 entità
privata jew pubblika (meta mqabbel ma’ 182 fl-2005), u fid-database saret 15 000 tiftixa.
Terz tal-abbonati huma minn pajjiżi terzi. Il-Punt tal-UE
għall-Informazzjoni dwar l-OTK ressaq id-database tiegħu f’bosta
okkażjonijiet lill-Kumitat dwar l-OTK u ġie avviċinat minn
Membri oħra tad-WTO li jixtiequ jiżviluppaw il-websajts tagħhom. 3. Ir-reazzjoni tal-UE
għall-aħħar żviluppi 3.1. L-adattament għal numru
dejjem jikber ta’ notifiki dwar l-OTK L-UE dejjem kienet proattiva
fil-monitoraġġ tal-miżuri meħuda fil-pajjiżi terzi u
qed tlaħħaq tajjeb mal-għadd dejjem jiżdied ta' notifiki
dwar l-OTK. In-numru ta’ notifiki dwar l-OTK qed jikber bil-kbir. Filwaqt li
kien hemm inqas minn 400 test abbozzat li ġie nnotifikat fl-1995,
is-sena li fiha daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar l-OTK, dan
in-numru kiber aktar minn bit-tripplu minn dak iż-żmien, hekk li fl-2011
laħaq l-1216[20].
B’kollox, matul l-aħħar 16-il sena, il-Membri tad-WTO nnotifikaw
kważi 15 000 test. Kien hemm żieda kbira fl-għadd ta’
notifiki bejn l-2004 u l-2009: żdied biss bi ftit matul l-ewwel
għaxar snin tal-proċedura ta’ notifika dwar l-OTK (minn inqas minn 400
fl-1995 għal 638 fl-2004) qabel ma mexa, fi żmien sitt snin, minn 638
għal kważi 1500 (ara l-grafika taħt il-punt 1 tad-dokument
ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2012) 189). L-ewwel raġuni għal din
iż-żieda hija l-bidla fin-numru tal-Membri tad-WTO, minn 128 fil-bidu
sa 153 fl-2011. Hemm xi atturi ewlenin fost il-ġodda,
bħaċ-Ċina, li ngħaqdet fl-2001, l-Arabja Sawdija (2005),
il-Vjetnam (2007) u l-Ukraina (2008). Kellhom impatt ukoll il-kampanji ta’
kuxjenza organizzati mis-Segretarjat tad-WTO u mill-Punti nazzjonali
għall-Informazzjoni dwar l-OTK. Barra minn hekk, kemm is-Segretarjat
tal-WTO u kemm il-Membri tad-WTO iffinanzjaw u pparteċipaw fi
proġetti ta' assistenza teknika fil-qasam dwar l-OTK, fil-livell
reġjonali u dak nazzjonali. L-attività regolatorja intensifikata tal-Membri
tad-WTO matul l-aħħar ħames snin fis-setturi emerġenti,
bħal dak tal-effiċjenza fl-enerġija jew tat-tagħrif
għall-konsumatur, hija raġuni importanti oħra.
Fl-aħħar nett, il-kriżi finanzjarja, li heddet l-ekonomiji
nazzjonali, setgħet wasslet għal attività regolatorja akbar. L-UE ilha tosserva u tissorvelja mill-qrib dan
il-qafas regolatorju li kulma jmur qiegħed jikber. Dan huwa rifless
fl-għadd ta’ kummenti mill-UE dwar notifiki mill-pajjiżi terzi, li
huwa proporzjonali maż-żieda fin-notifiki dwar l-OTK. Għalhekk,
bejn l-2004 u l-2009, l-għadd ta' kummenti mill-UE kważi rduppjaw,
minn 47 sa 91 fis-sena. Fl-2011, l-UE bagħtet 102 kummenti,
l-ogħla numru li qatt intbagħat (ara l-grafika taħt
il-punt 1 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2012)
189). Qiegħda wkoll tuża attivament il-laqgħat tal-Kumitat dwar
l-OTK biex tissupplimenta l-kummenti tagħha bil-miktub b’dikjarazzjonijiet
orali u titlob segwitu għall-kummenti tagħha. L-UE hija waħda
mill-membri l-aktar attivi fil-Kumitat dwar l-OTK, tikkummenta dwar notifiki
tal-Membri l-oħra tad-WTO li jidhrilha li aktarx ikunu se joħolqu
ostakli għall-kummerċ. Skont l-abbozz notifikat, l-UE tista' titlob
l-irtirar, il-modifika, il-posponiment, jew inkella titlob kjarifika. Hemm
għadd ta’ eżempji ta’ kooperazzjoni b’suċċess ma’
pajjiżi terzi li wasslet għal riżultat favorevoli għall-UE
u għall-kummerċ internazzjonali. Eżempji ta' x'inkiseb mill-proċedura dwar l-OTK: Irtirar: L-abbozz tar-Regolament Kolombjan dwar ix-xorb alkoħoliku[21] impona rekwiżiti għall-ittikkettjar li kienu stretti żżejjed u setgħu jinvolvu spejjeż sinifikanti għall-operaturi ekonomiċi. Wara l-interventi tal-UE fil-laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK u l-kummenti bil-miktub tagħha, l-awtoritajiet Kolombjani rtiraw ir-Regolament. Modifika: In-notifika Brażiljana dwar il-valutazzjoni tal-konformità tas-sikurezza tal-ġugarelli[22] pproponiet proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ piż kif ukoll diskriminatorja. B’talba tal-UE u ta’ diversi sieħba kummerċjali oħra, il-Brażil immodifika r-Regolament fl-2010 billi beda jġib fix-xejn il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu fil-każ tal-ġugarelli impurtati. Il-posponiment: In-notifika Indjana dwar it-tajers għall-vetturi awtomotivi kienet innotifikata l-ewwel darba fl-2006[23]. B’konsegwenza tal-kummenti bil-miktub mill-UE u l-bosta interventi tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK, l-adozzjoni tal-abbozz kienet posposta. Verżjoni emendata ġiet notifikata fl-2010[24]. Kjarifika: Fir-rigward tan-notifika Ċiniża dwar is-superviżjoni u l-amministrazzjoni tal-ispezzjoni u l-kwarantina tal-importazzjonijient ta’ skart solidu, iċ-Ċina ċċarat li l-importaturi li kienu akkreditati skont ċerti standards Ewropej ukoll jikkwalifikaw għar-reġistrazzjoni meħtieġa[25]. 3.2. Ir-rispons
għall-parteċipazzjoni attiva ta’ aktar Membri tad-WTO L-UE kienet qed tadatta wkoll
għall-preżenza ġdida ta’ atturi ġodda fil-proċedura
dwar l-OTK u l-fehmiet kritiċi tagħhom fuq l-għażliet
regolatorji tagħha. Iż-żieda sinifikanti fl-għadd ta’
notifiki matul l-aħħar snin mhix attribwita biss lil pajjiżi
kbar iżda wkoll lil atturi iżgħar globali bħall-Arabja
Sawdija. il-Qatar u l-Baħrejn. Il-parteċipazzjoni attiva
tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bħall-Uganda, li
nnotifikat l-ogħla numru ta' testi fl-2010, ikkonfermat din it-tendenza. Kien hemm aktar Membri tad-WTO li
pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura, jinnotifikaw dejjem iżjed
u jikkummentaw dwar in-notifiki. Membri oħra tad-WTO spiss jikkummentaw
dwar testi notifikati mill-UE. Fl-2011, il-Punt tal-UE għall-Informazzjoni
dwar l-OTK daħlulu 25 kumment minn pajjiżi terzi, partikolarment
miċ-Ċina, New Zealand, il-Ġappun u l-Istati Uniti. (ara
l-grafika taħt il-punt 2 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal
tal-Kummissjoni SWD(2012) 189). Fil-Kumitat tat-OTK, fost il-Membri tad-WTO,
l-UE rċeviet l-akbar għadd ta’ kummenti fis-snin riċenti.
Tabilħaqq, l-UE, minħabba li hi suq enormi tal-esportazzjoni, b'500 miljun
konsumatur potenzjali, u bosta drabi fuq quddiem fl-iżviluppi regolatorji,
hekk li trawwem livell għoli ta’ ħarsien lill-konsumatur u ssegwi
politika ambjentali ambizzjuża, hija sorveljata mill-qrib minn bosta
msieħba kummerċjali. L-UE twieġeb għall-kummenti kollha
li jaslu billi tispjega l-leġiżlazzjoni tagħha, tiddefendiha jew
temendaha meta meħtieġ. It-tweġibiet jingħataw bil-miktub
għall-kummenti bil-miktub li jaslu fil-Punt tal-UE għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK skont il-proċedura ta’ notifika, inkella
oralment waqt il-laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK bi tweġiba għal dikjarazzjonijiet
magħmula minn Membri oħra tad-WTO. Il-Kummissjoni Ewropea
twieġeb il-kummenti bil-miktub ta’ kull Membru tad-WTO individwalment u
f’isem l-UE. Ħafna mill-kwistjonijiet imqajma fir-rigward
tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-1995 ’l hawn kienu relatati mas-settur
agrikolu, ir-reġistrazzjoni tal-kimiki, it-trattament xieraq tal-annimali
u l-ekodisinn/it-tikkettar. Eżempji ta’rispons mill-UE: Modifika: Regolament tal-Kummissjoni tal-2002 fuq prodotti fis-settur tal-inbid[26] ġie modifikat bosta drabi wara n-notifika tiegħu u l-kummenti minn pajjiżi terzi. Meta Regolament ġdid tal-Kummissjoni dwar prodotti tal-inbid kien ġie nnotifikat fl-2008[27], kienu ġew emendati 11-il dispożizzjoni tal-abbozz sabiex jittieħed kont tal-kummenti bil-miktub minn erba' Membri differenti tad-WTO. Biex jittieħed kont tal-kwistjonijiet imqajma mill-partijiet l-oħra: Barra l-kummenti bil-miktub, l-UE wieġbet għall-kwistjonijiet ta’ tħassib imwassla bil-fomm fil-laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK. It-tħassib tal-pajjiżi terzi dwar ir-REACH[28] għalhekk ittieħed kont tiegħu fid-dokumenti ta' gwida li jimmiraw li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Kjarifika: Fl-2010, diversi membri tad-WTO esprimew it-tħassib tagħhom fil-Kumitat dwar l-OTK li l-qafas Ewropew ta’ akkreditament stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 765/2008[29] seta’ jikkomprometti l-kapaċità tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità minn barra l-UE fil-ħidma tagħhom fil-qasam regolat. L-UE ċċarat li r-regoli l-ġodda kienu żviluppati għall-finijiet tas-suq intern biss u li l-possibbiltajiet li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità esterni jiġu aċċettati jew rikonoxxuti ma ġewx affettwati mir-Regolament il-ġdid. 3.3. L-isfida tat-trasparenza Skont ix-xejra globali, l-UE wkoll żiedet
b’mod sinifikanti l-għadd ta’ notifiki tagħha fis-sena. Matul
l-aħħar għaxar snin, in-numru żdied b’aktar mit-tripplu u
minn 17 tela’ għal 63. Fl-2008, l-għadd ta’ notifiki tal-UE rdoppja
meta mqabbel mas-sena preċedenti (ara l-grafika taħt il-punt 2
tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2012) 189).
L-għadd ta’ notifiki tal-Istati Membri varja mill-1995, iżda
stabbilizza ruħu matul l-aħħar tliet snin b’54 notifika
fis-sena (ara l-grafika taħt il-punt 3 tad-dokument ta’ ħidma
tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2012) 189). Madankollu, meta mqabbel man-numru
ta’ notifiki tal-Istati Membri skont il-proċedura ta’ notifika interna[30], in-numru għadu
wieħed baxx. Fir-rigward tal-perjodu ta’ bejn 60 u 90 jum
mogħti lill-Membri l-oħra tad-WTO biex jikkummentaw qabel tiġi
adottata l-leġiżlazzjoni notifikata, l-istatistiċi juru li,
fil-prattika, iż-żmien allokat varja bejn 58 u 61 jum matul
l-aħħar ħames snin, meta mqabbel ma' 46jum fl-1997[31]. Rigward
in-notifiki tal-UE, l-għadd medju ta’ ġranet mogħti
għall-kummenti fl-2011 kien 65 (ara l-grafika taħt il-punt 4
tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2012) 189). Dan il-progress ta lill-Membri tad-WTO aktar
opportunitajiet biex janalizzaw ir-regolamenti tekniċi ta’ pajjiżi
terzi u għen biex titjieb il-proċedura dwar l-OTK. Madankollu, kif enfasizzat fl-aħħar
Reviżjoni mid-WTO tal-Politika Kummerċjali tal-UE, it-tul tal-perjodu
għall-kummenti relatat man-notifiki tal-Istati Membri tal-UE jista’
jkompli jiżdied[32]. Il-progress magħmul fuq it-trasparenza
huwa proporzjonat għall-passi meħuda mill-Membri tad-WTO biex iqajmu
kuxjenza dwar il-proċedura dwar l-OTK. Il-koordinazzjoni interna, li
tiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha li taqa’ fl-ambitu tal-Ftehim
dwra l-OTK tkun notifikata fi stadju adattat, trid tiġi mmonitorjata
bir-reqqa minn jum għal jum u l-korpi amministrattivi nazzjonali
għandhom jiġu mgħarrfa b’din il-leġiżlazzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet partikolarment attiva f’dan il-qasam, u kienet
torganizza seminars b’mod regolari għad-dipartimenti tagħha u
għall-Istati Membri tal-UE. Il-Punt tal-UE għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK organizza tliet seminars għad-dipartimenti
tal-Kummissjoni bejn l-2008 u l-2011. 4. Diskussjonijet Multilaterali
Dwar It-Trasparenza Fil-Proċedura Ta’ Notifika Dwar L-Otk 4.1. Id-diffikultajiet li
għad hemm Il-Kumitat dwar l-OTK ħareġ u raqam
rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar it-trasparenza[33] li tejbu l-implimentazzjoni
tal-proċedura ta’ notifika meta l-Membri tad-WTO jkunu mxew magħha[34]. Madankollu, xi Membri
tad-WTO għadhom ma jirrispettawx l-obbligi bażiċi
tal-proċedura ta’ notifika dwar l-OTK, bħal dik ta’ sempliċi
notifika jew notifika fl-istadju tal-abbozzar. Dan spiss jiġri
minħabba n-nuqqas ta’ koordinament fi ħdan il-korpi amministrattivi
nazzjonali biex jiżguraw li l-awtorità tan-notifika hija konxja
mill-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni li trid tiġi notifikata,
jew minħabba l-inkapaċità tal-awtorità tan-notifika li timponi
l-obbligu tan-notifika fuq il-korp amministrattiv inkarigat
mill-leġiżlazzjoni proposta. Xi membri tad-WTO ma jinnotifikawx
leġiżlazzjoni adottata mis-setgħat leġiżlattivi
(bħalma hu l-parlament), minħabba li l-koordinazzjoni bejn l-awtorità
tan-notifika u s-setgħa leġiżlattiva huwa aktar diffiċli
tinnegozjaha. Barra minn hekk, mhux il-membri kollha tad-WTO
jieħdu l-opportunità li jikkummentaw fuq ir-regolamenti tekniċi u
l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità proposti. Bosta Membri
jkollhom diffikultà jsegwu n-notifiki jew iġibu flimkien l-għarfien
tekniku meħtieġ sabiex ikunu analizzati ċerti notifiki.
Bl-istess mod, mhux il-punti kollha għall-mistoqsijiet dwar l-OTK
tal-Membri tad-WTO joperaw b’mod sħiħ. Uħud rari jwieġbu,
oħrajn sempliċiment jirrapportaw li jkunu infurmaw l-awtoritajiet
kompetenti bil-mistoqsija, u bosta drabi ma tasal ebda tweġiba minkejja
tfakkira wara l-oħra. Dan ifixkel b’mod sinifikanti r-riżultat
tal-proċedura u jagħmilha inqas effiċjenti. Għad hemm xi ħwejjeġ mhux tant
ċari dwar l-ambitu tal-Ftehim dwar l-OTK u l-obbligu tan-notifika. Filwaqt
li żewġ deċiżjonijiet riċenti tal-bord tad-WTO[35] għandhom jgħinu biex
jiġi definit iktar l-ambitu tal-Ftehim, għad hemm l-inċertezzi,
speċjalment fir-rigward tar-rekwiżiti għall-metodi ta’
produzzjoni mhux b’rabta mal-prodott (li ma jkollhom ebda influwenza fuq
il-karatteristiċi tekniċi tal-prodott finali) u fir-rigward
tat-tikkettar volontarju marbut ma’ ċerti rekwiżiti mingħajr ma
jkun impost it-tikkettar esklużiv. L-analiżi tat-testi notifikati
fil-perjodu għall-kummenti relattivament qasir ta’ 60 jum,
speċjalment meta l-abbozz tat-test irid jiġi tradott, għadha sfida
maġġuri għall-membri tad-WTO u għall-operaturi
ekonomiċi. Il-baġit għat-traduzzjoni għadu limitat
wisq. Huwa estremament importanti li titqajjem kuxjenza fost l-operaturi
ekonomiċi dwar il-proċedura u l-possibbiltà li jintbagħtu
kummenti lill-awtoritajiet tal-Membri tal-WTO. Dan huwa partikolarment minnu
għal federazzjonijiet jew kumpaniji nazzjonali, speċjalment l-SMEs,
li r-riżorsi interni tagħhom ikunu limitati meta jiġu biex
janalizzaw ir-regolamenti proposti u jirreaġixxu saż-żmien
stipulat. Fl-aħħar nett, il-Kumitat dwar l-OTK
ma għandux isir forum li sempliċiment jirrapporta t-tħassib
tal-industrija. Għandu jipprovdi opportunità lill-awtoritajiet
pubbliċi biex jiskambjaw opinjonijiet dwar ir-regolamenti tekniċi u
l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ġew proposti
abbażi tal-aspetti politiċi kollha relatati. 4.2. Diskussjonijiet regolari
fil-laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK u fir-Reviżjonijiet ta’ Kull Tliet
Snin Il-laqgħat regolari tal-Kumitat
tat-OTK u, b 'mod partikolari, ir-reviżjoni dwar it-tħaddim u
l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-OTK, li jsiru skont l-Artikolu 15.4
tal-Ftehim dwar l-OTK kull tliet snin, huma okkażjonijiet biex jiġu
diskussi u ċċarati xi diffikultajiet u sfidi relatati
mal-proċedura ta’ notifika. Il-Kummissjoni regolarment tuża dawn
ir-Reviżjonijiet ta’ Kull Tliet Snin biex ittejjeb it-trasparenza
fil-proċedura ta’ notifika. L-UE tipparteċipa b’mod attiv
fid-diskussjonijiet kollha dwar ir-Reviżjoni ta’ Kull Tliet Snin u
kkontribwiet kitba dwar it-trasparenza[36]
għall-ħames Reviżjoni ta’ Kull Tliet Snin[37] li ġiet fi tmiemha
f'Novembru 2009. Ir-Reviżjonijiet ta’ Kull Tliet Snin
mhumiex biss importanti fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati
mal-proċedura ta’ notifika, imma wkoll rigward kwistjonijiet
sistemiċi oħra relatati mal-Ftehim dwar l-OTK: prassi regolatorja
tajba, proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, standards, assistenza
teknika u l-ħidma tal-Kumitat dwar l-OTK. Il-Kumitat dwar l-OTK
għalhekk sar forum importanti li fih il-Membri tad-WTO jistgħu
jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali
tal-merkanzija u mal-istrateġiji f’dak li hu tfassil ta’ politiki.
Il-Kummissjoni regolarment tirrikorri għal dan il-Kumitat biex
tippreżenta strateġiji politiċi tal-UE lil Membri oħra
tad-WTO u biex tippromwovi l-konverġenza regolatorja permezz
tat-tħaddim ta’ prassi regolatorja tajba fl-iżvilupp ta’ regolamenti
tekniċi u ta’ proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll dehra
ġenerali tal-programmi ta’ assistenza teknikata tal-Istati Membri u tal-UE
għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jkunu jinkludu
għajnuna dwar kwistjonijiet marbuta mal-OTK[38]. Fil-laqgħa tal-Kumitat
dwar l-OTK ta’ Ġunju 2011, l-Isvezja ppreżentat il-programm ta’
mentoring tagħha, implimentat mill-2008 sal-2011, sabiex
tappoġġja t-twaqqif u t-tħaddim ta' Punti għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK ta’ seba’ pajjiżi tal-Afrika tas-Subsaħara[39]. Minbarra tal-programmi ta’
assistenza teknika tagħha, il-Punt tal-UE għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK, b’talba ta' ċerti Membri tad-WTO, laqa’
żjarat minn Membri oħra tad-WTO li xtaqu jkunu jafu aktar dwar kif
inhu organizzat u kif jaħdem[40].
L-esperti dwar l-OTK mill-Kummissjoni Ewropea ipparteċipaw ukoll
f’seminars dwar l-assistenza teknika organizzati mid-WTO f’reġjuni
differenti tad-dinja. 5. Konklużjonijiet u
l-pass li jmiss Il-proċedura ta’ notifika dwar l-OTK hija
mezz b’saħħtu biex inkunu konxji mill-iżviluppi regolatorji
relatati mal-merkanzija fil-pajjiżi terzi. Meta l-Membri tad-WTO
jikkonformaw mal-obbligu tan-notifika, dan jippermetti lil Membri oħra
tad-WTO jiffamiljarizzaw ruħhom mar-regolamenti tekniċi u
mal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità ġodda u jipprovdi mod
konkret ta’ kif wieħed għandu jirreaġixxi għall-ostakli
tekniċi għall-kummerċ. Fl-istess ħin, il-proċedura
tagħmilha possibbli biex isiru magħrufa t-tendenzi ġenerali li
jokkorru f’Membri oħra tad-WTO jew f’Membru tad-WTO partikulari, hekk li
titwassal informazzjoni importanti għall-politika industrijali u
kummerċjali tal-UE. Sabiex jittieħed kull
benefiċċju possibbli minnha, naturalment huwa kruċjali li l-UE
stess tirrispetta l-prinċipji u tikkonforma mal-obbligi stabbiliti
fil-Ftehim dwar l-OTK. Jekk l-UE ma tosservax ir-regoli, ma tistax tistenna
li ħaddieħor jimxi magħhom. Il-leġiżlazzjoni
tal-UE u tal-Istati Membri għaldaqstant trid timxi mal-prinċipji
tal-Ftehim dwar l-OTK u tiġi nnotifikata skont ir-regoli, bl-aktar mod
trasparenti possibbli. It-tressiq tal-leġiżlazzjoni
proposta biex tingħarbel mill-Membri l-oħra tad-WTO tista' tkun utli
ħafna wkoll. Kummenti minn Membri oħra jistgħu jgħinu biex
ikunu identifikati problemi li ma jkunux ġew innutati jew aspetti li ma
jkunux tqiesu waqt l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni[41]. Il-proċedura tagħti wkoll
lir-regolaturi madwar id-dinja l-opportunità li jqabblu l-istrateġiji
tal-politika u biex jirriflettu dwar ir-raġunijiet għaliex
leġiżlazzjoni ssir mod u mhux ieħor. Il-proċedura ta’
notifika dwar l-OTK għalhekk isservi bħala strument ta’
valutazzjoni komparattiva u tista’ tikkontribwixxi għal ċertu
grad ta’ konverġenza fil-livell internazzjonali, fejn ikun il-każ.
Tgħin ukoll lill-UE tagħmel id-deċiżjonijiet regolatorji
tagħha magħrufa u tippromwovihom. Dawn id-deċiżjonijiet huma
bbażati fuq analiżi soda msejsa fuq l-evidenza, fuq konsultazzjoni
estensiva mal-partijiet interessati u fuq stima tal-impatt komprensiva. Barra
minn hekk, tagħti lill-UE opportunità biex tispjega r-raġunijiet
għad-deċiżjonijiet tagħha lill-pajjiżi oħra. Fil-preżent, il-Kummissjoni, l-Istati
Membri u l-operaturi ekonomiċi qegħdin iħaddmu l-proċedura
b’mod effiċjenti. Madankollu, il-Kummissjoni tara lok għal titjib u
beħsiebha għalhekk tagħmel dan li ġej: Azzjoni 1: Tagħti
lill-proċedura aktar pubbliċità biex tipprovoka t-twassil ta’
kummenti mingħand l-operaturi ekonomiċi tal-UE, inklużi l-SMEs Il-Kummissjoni se tkompli tinforma
lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri
bil-vantaġġi tal-proċedura, inkluża l-possibbiltà li
l-kummenti jintbagħtu direttament lill-Kummissjoni. B’mod partikolari,
il-Kummissjoni se tkompli torganizza seminars u konferenzi mal-Istati Membri u
mal-operaturi ekonomiċi, inklużi l-SMEs, u se tkompli wkoll
tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iqajmu iktar kuxjenza fost
l-operaturi ekonomiċi nazzjonali. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni
tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ssostni l-attivitajiet ekonomiċi
tal-SMEs barra l-UE[42],
il-Kummissjoni se tkompli tesplora x’jista’ jsir aktar biex tgħin
lill-SMEs jieħdu sehem b’mod aktar attiv fil-proċedura ta’ notifika.
Il-Kummissjoni se tiżgura li l-portal multilingwi onlajn tal-ġejjieni[43], li jipprovdi informazzjoni
dwar is-swieq barranin li hija rilevanti għan-negozji kif ukoll dehra
ġenerali tal-attivitajiet ta’ sostenn disponibbli b’rabta mas-swieq ta’
barra l-UE, se jkun jinkludi link għad-database dwar l-OTK[44]. Il-Kummissjoni għandha
l-ħsieb ukoll li ttejjeb il-websajt tagħha dwar l-OTK fl-2012 biex
tagħmilha aktar faċli biex tintuża mill-operaturi
ekonomiċi, inklużi l-SMEs. Azzjoni 2: Tappoġġja d-dritt
tal-operaturi ekonomiċi biex mill-Punti għall-Informazzjoni dwar
l-OTK jiksbu tagħrif dwar rekwiżiti li jkun hemm fis-seħħ
għall-aċċess fis-suq. Il-Ftehim dwar l-OTK jobbliga lill-membri
tad-WTO iwaqqfu Punt għall-Informazzjoni dwar l-OTK biex iwieġeb
il-mistoqsijiet kollha raġonevoli minn Membri oħra u minn partijiet
interessati dwar ir-regolamenti tekniċi adottati jew proposti, dwar
il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u dwar l-istandards[45]. Dan iwessa’ t-triq
tal-komunikazzjoni diretta għall-operaturi ekonomiċi mal-awtoritajiet
tal-Membri l-oħra tad-WTO, li mingħandhom jistgħu jiksbu
t-tagħrif dwar l-aċċess għas-suq u dwar ir-rekwiżiti
marbuta mar-regolamenti tekniċi, il-proċeduri ta' valutazzjoni
tal-konformità u l-istandards. Triq ta’ komunikazzjoni diretta bħal din
tista’ tkun ta’ interess fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi meta
sorsi oħra ta’ informazzjoni, bħad-database tal-aċċess
għas-suq tal-UE[46]
jew il-websajts ta' pajjiżi terzi, ma jkunx fihom biżżejjed
informazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk beħsiebha tagħti
pubbliċità lill-websajt tal-Punti għall-Informazzjoni dwar l-OTK.
Skont ir-riżorsi umani disponibbli, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li
ssostni lill-operaturi ekonomiċi Ewropej li jkunu jeħtieġu
l-informazzjoni, pereżempju jekk il-mistoqsijiet li jibagħtu
lill-punti għall-mistoqsijiet ta’ Membri oħra tad-WTO jibqgħu ma
jitweġbux. Azzjoni 3: Iktar koordinazzjoni ma’
strumenti oħrajn importanti tal-politika tal-UE dwar il-kummerċ u
l-industrija. Il-Kummissjoni se tkompli tħaddem
il-proċedura ta’ notifika dwar l-OTK bħala parti mill-politika
tagħha dwar il-kummerċ u l-industrija u se tipprova toħloq aktar
sinerġiji bejn l-aspetti differenti tal-politika. It-Timijiet
tal-Aċċess għas-Suq fid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi
terzi jistgħu, pereżempju, jipprovdu appoġġ siewi jekk
ikollhom ir-riżorsi biex jimmonitorjaw in-notifiki dwar l-OTK, b’mod li
jinħoloq netwerk fejn jinġabru l-kummenti minn negozji tal-UE
f’pajjiżi terzi, ikunu stabbiliti rabtiet mad-dipartimenti tal-Kummissjoni
ibbażati fi Brussell u biex ikun hemm aġġornament
mal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi. Fejn possibbli,
il-Kummissjoni se tkompli tuża d-djalogi regolatorji eżistenti jew
ġodda u n-negozjati dwar il-ftehim kummerċjali biex tindirizza
l-ostakli speċifiċi jew sistemiċi għall-kummerċ li
ġew identifikati permezz ta’ proċedura ta’ notifika dwar l-OTK.
Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi konformità sħiħa mal-obbligu
ta' notifika, u b’rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kumitat dwar l-OTK, permezz
ta’ negozjati dwar il-kapitli dwar l-OTK tal-ftehimiet dwar il-kummerċ
ħieles, inklużi dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza. Azzjoni 4: Tkompli ssostni
l-funzjonament ta’ proċedura ta’ notifika dwar l-OTK fil-livelli
multilaterali u bilaterali Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa u
ttejjeb il-funzjonament tal-proċedura billi tieħu sehem attiv
fil-laqgħat tal-Kumitat dwar l-OTK. Beħsiebha tressaq ktiba oħra
dwar it-trasparenza fil-proċedura ta’ notifika fil-kuntest tas-Sitt
Reviżjoni ta’ kull Tliet Snin, mistennija f’Novembru 2012. Il-Kummissjoni
se tikkunsidra wkoll kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu
jkomplu jiġu sostnuti hekk li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod
akatar effettiv fil-proċedura ta’ notifika. Dan ikun jista’ jinvolvi
assistenza aktar b’saħħitha lill-Punti għan-Notifiki u
l-Informazzjoni dwar l-OTK, speċjalment lil dawk tal-pajjiżi
ġirien tal-UE. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li
tinkoraġġixxi lis-Segretarjat tad-WTO biex ikompli jiżviluppa
s-Sistema tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni dwar l-OTK tad-WTO[47] hekk li tkun għodda
effiċjenti għall-Membri kollha tad-WTO, li twassal biex in-notifiki
jiġu ppubblikati aktar kmieni u li tippermetti lill-Membri biex jiksbu
b’mod eħfef l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar in-notifiki u
biex jipparteċipaw aħjar fil-proċedura. Azzjoni 5: L-ikbar rispett lejn
ir-regoli tan-notifika Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura
li l-proposti tal-Kummissjoni, kif ukoll il-leġiżlazzjoni ta’
implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni, jikkonformaw mal-Ftehim dwar l-OTK
u li jkunu nnotifikati fi stadju ta’ abbozzar, b’perjodu għall-kummenti
ta’ bejn 60 u 90 jum għall-Membri l-oħra tad-WTO. Se
tiżgura wkoll li l-kummenti minn Membri oħra tad-WTO jiġu
diskussi u jittieħed kont tagħhom qabel tkun iffinalizzata
l-leġiżlazzjoni. Huwa importanti li ħin biżżejjed ikun
previst fil-proċess tal-adozzjoni sabiex jippermetti l-konformità
mal-obbligu ta' notifika. Azzjoni 6: Sforzi akbar biex tittejjeb
it-trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja Fir-rigward tal-proposti lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill li jinkludu regolamenti tekniċi u proċeduri
ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-Kummissjoni bdiet tinforma l-Membri tad-WTO
b’bidliet sinifikanti introdotti fil-proċedura leġiżlattiva, u
dan meta dawn il-proposti qanqlu l-interess ta’ Membri oħra tad-WTO u meta
l-proċedura ordinarja ppermettiet dan[48].
Sabiex ikun hemm iktar trasparenza, jista’ jerġa’ jinfetaħ perjodu
għall-kummenti li jippermetti lill-Membri l-oħra tad-WTO jikkummentaw
dwar il-bidliet introdotti fil-proċedura ordinarja u biex il-kummenti li
jidħlu jintbagħtu lill-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni
tinvestiga din il-possibilità każ b' każ. Azzjoni 7: Aktar koordinazzjoni
mal-Istati Membri Għal politika kummerċjali koerenti u
effiċjenti, u biex tieħu li tista’ mill-proċedura, l-UE trid
taġixxi b’mod koordinat. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw
bis-sħiħ mal-obbligi tal-Ftehim dwar l-OTK u jridu
jappoġġaw il-politika tal-UE dwar it-trasparenza fil-proċedura
ta’ notifika billi l-azzjoni tagħhom tkun waħda kkoordinata b’mod
effettiv. Il-Kummissjoni se tkompli tinforma lill-Istati Membri dwar aspetti
importanti tal-proċedura u dwar l-aħħar żviluppi. Tappella
lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni min-naħa
tagħhom ukoll. [1] http://ec.europa.eu/enterprise/tbt/index.cfm?fuseaction=library.viewLibrary§ion_id=1&dspLang=en [2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Kummerċ,
Tkabbir u Affarijiet Dinjija Il-Politika tal-Kummerċ bħala element
prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020— COM (2010) 612 finali;
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Politika Industrijali Integrata
għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità
fix-Xena Prinċipali — COM(2010) 614 finali. [3] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Ewropa 2020:
Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv — COM(2010) 2020 finali. [4] Ir-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar l-OTK
għall-istandards mhumiex se jiġu diskussi f’dan ir-rapport. [5] L-awtoritajiet ta’ notifika jridu jindikaw l-objettiv u
r-raġuni wara l-miżura taħt il-punt 7 tal-formola
tan-notifika li takkumpanja l-abbozz tar-regolament tekniku jew
il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità. [6] Ara l-Artikoli 2.8, 2.7 u 6.3 tal-Ftehim dwar
l-OTK. [7] Rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar l-OTK: Id-dokument
tad-WTO G/TBT/1/Rev.10, pt.7. [8] L-Artikoli 2.9.2 u 5.6.2 tal-Ftehim dwar l-OTK. [9] Rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar l-OTK: Id-dokument
tad-WTO G/TBT/1/Rev.10, pt.7. [10] Ara d-database tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-OTK: http://ec.europa.eu/enterprise/tbt/ jew it-TBT Information Management System tad-WTO: http://tbtims.wto.org. [11] L-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar l-OTK. [12] Rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar l-OTK: Id-dokument
tad-WTO G/TBT/1/Rev.10, pt.7. [13] Unità ENTR/C/3 “Notifika ta' regolamenti tekniċi”. [14] L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea. [15] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998
li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni
fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, ĠU L 204,
tal-21.7.1998, p. 37. [16] Biex tqajjem kuxjenza fost l-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni
organizzat konferenza fuq skala kbira fid-29 ta’ Marzu 2007 fi
Brussell. Il-konferenza attendewha 150 ruħ. Għal aktar informazzjoni ara: http://ec.europa.eu/enterprise/tbt/index.cfm?fuseaction=library.viewLibrary§ion_id=175&dspLang=en. [17] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Ewropa Globali: Partenarjat aktar b'saħħtu biex
itejjeb l-aċċess għas-swieq għall-esportaturi Ewropej (COM(2007) 183 finali. [18] Idealment, il-Kummissjoni tirċievi l-kummenti tliet
ġimgħat qabel l-iskadenza finali stabbilita fil-formola tan-notifika
mill-Membru tad-WTO li jkun ressaq in-notifika. . [19] http://ec.europa.eu/enterprise/tbt/. [20] In-numri ppreżentati f’dan ir-rapport ma jinkludux
l-addenda/il-corrigenda. [21] G/TBT/N/COL/120. [22] G/TBT/N/BRA/259, 313 and 339. [23] G/TBT/N/IND/20. [24] G/TBT/N/IND/40. [25] G/TBT/N/CHN/649. [26] G/TBT/N/EEC/15. [27] G/TBT/N/EEC/264. [28] G/TBT/N/EEC/52. [29] G/TBT/N/EEC/152. [30] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura
għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u
tar-regolamenti tekniċi, ĠU L 24, tal-21.7.1998, p. 37. [31] Sixteenth annual review of the implementation and
operation of the TBT Agreement: Id-dokument tad-WTO G/TBT/29, p. 6. [32] ‘Trade Policy Review: European Union’, Rapport
mis-Segretarjat tad-WTO, 2011, p. 46: “Għal madwar 17 % tan-notifiki
tal-Istati Membri individwali, il-perjodu għall-kummenti, jew il-perjodu
bejn id-data meta tkun ġiet ippubblikata n-notifika u d-data meta
tiġi adottata, kien inqas minn 60 jum” (il-perjodu kopert: Ott. 2008–Jan.
2011). [33] Id-dokument tad-WTO G/TBT/1/Rev.10. [34] Eż. perjodu għall-kummenti bejn 60 u 90 jum;
it-tweġibiet jingħataw f’waħda mit-tliet lingwi uffiċjali
tad-WTO; aċċess dirett għat-test notifikat permezz tal-format
ta’ notifika; l-iskambju ta’ traduzzjonijiet mhux uffiċjali;
il-komunikazzjoni ta’ testi adottati u ppubblikati, eċċ. [35] L-Istati Uniti – Miżuri dwar l-Importazzjoni,
il-Kummerċjalizzazzjoni u l-Bejgħ ta’ Tonn u Prodotti tat-Tonn (DS381)
u l-Istati Uniti — Ċerti Rekwiżiti tat-Tikkettar tal-Pajjiż
tal-Oriġini (DS 384, DS 386). [36] Id-dokument tad-WTO G/TBT/W/309. [37] Id-dokument tad-WTO G/TBT/26. [38] Id-dokument tad-WTO G/TBT/W/303. [39] Il-Burundi, l-Etjopja, il-Kenja,
ir-Rwanda, it-Tanzanija, l-Uganda u ż-Żambja. [40] Żjarat minn delegazzjoni Indjana fl-2007, minn
uffiċjal minn Punt għall-Informazzjoni dwar l-OTK fiċ-Ċina
fl-2009 u minn delegazzjoni Tuneżina fl-2011. [41] Minkejja l-analiżi u l-istima tal-impatt,
inkluża l-valutazzjoni tal-konsegwenzi fuq il-kummerċ
internazzjonali, li l-Kummissjoni twettaq regolarment qabel ma tipproponi
leġiżlazzjoni. [42] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Negozji
Żgħar, Dinja Kbira - sħubija ġdida biex tgħin
lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali COM(2011) 702 finali. [43] Ara l-punt 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Negozji
Żgħar, Dinja Kbira - sħubija ġdida biex tgħin
lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali. [44] http://ec.europa.eu/enterprise/tbt/. [45] Ara l-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar l-OTK. [46] http://madb.europa.eu/. [47] http://tbtims.wto.org/web/pages/search/notification/Search.aspx. [48] F’dawn il-każijiet, il-Punt tal-UE għan-Notifiki
u l-Informazzjoni dwar l-OTK informa lill-Membri l-oħra tad-WTO permezz
ta’ addendum għan-notifiki oriġinali dwar il-pożizzjonijiet
meħuda mill-Kunsill jew mill-Parlament Ewropew mingħajr, madankollu,
ma nfetaħ perjodu ieħor għall-kummenti dwar il-bidliet
introdotti.