Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0222

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR IL-PROGRESS TAL-MONTENEGRO FL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIFORMI

/* COM/2012/0222 final */

52012DC0222

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR IL-PROGRESS TAL-MONTENEGRO FL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIFORMI /* COM/2012/0222 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR IL-PROGRESS TAL-MONTENEGRO FL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIFORMI

1.           Introduzzjoni

Fl-Opinjoni[1] tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro għas-sħubija, il-Kummissjoni Ewropea identifikat seba’ prijoritajiet ewlenin[2] li riedu jiġu sodisfatti biex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati għas-sħubija mal-Montenegro. Fid-Dokument ta’ Strateġija għat-Tkabbir[3] tal-2011, imsejjes fuq l-analiżi fir-Rapport dwar il-Progress tal-2011[4], il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Montenegro indirizza b’suċċess il-prijoritajiet ewlenin stipulati fl-2010 mill-UE li kienu rekwiżit minn qabel biex jinfetħu n-negozjati dwar is-sħubija. F’Diċembru 2011 il-Kunsill Ewropew laqa’ bi pjaċir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress tajjeb li sar mill-Montenegro, li globalment kiseb riżultati sodisfaċenti. Bil-għan li f’Ġunju 2012 jinfetħu n-negozjati mal-Montenegro dwar is-sħubija, il-Kunsill Ewropew ta lill-Kunsill il-kompitu li jeżamina l-progress tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi, billi jiffoka b’mod partikolari fuq il-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, speċjalment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fuq il-bażi ta’ rapport li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni fl-ewwel nofs tas-sena 2012.

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni bdiet il-proċess analitiku fil-kapitli dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll f'dawk dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Fid-dawl tal-metodu l-ġdid għaż-żewġ kapitli, dawn se jippermetti li l-kwistjonijiet identifiakti fiż-żewġ kapitli jiġu indirizzat fi stadju avvanzat tan-negozjati għall-adeżjoni.

Dan ir-rapport jivvaluta l-progress addizzjonali li sar mill-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi marbuta mal-prijoritajiet prinċipali, fil-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2011. F’dan il-perjodu, il-Montenegro għamel iktar progress fit-tisħiħ tal-ħidma tal-parlament, tal-professjonalità u tad-depolitizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, tal-libertà tal-midja u tal-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili. Il-proċess tar-reviżjoni kostituzzjonali li għandu l-għan li jipprovdi garanziji sodi li l-ġudikatura tkun indipendenti huwa wieħed kontinwu. Il-Montenegro żviluppa iktar ir-riżultati tiegħu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Inbdiet l-implimentazzjoni ta’ miżuri adottati riċentement kontra d-diskriminazzjoni u l-korruzzjoni u sar iktar progress f’dak li jirrigwarda l-persuni spustjati u r-Roma, l-Ashkali u l-Eġiżżjani. Il-Montenegro kompla jkollu rwol kostruttiv fir-reġjun u kompla jimplimenta mingħajr skossi l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiegħu. Madankollu se jkun jeħtieġ li l-Montenegro jissokkta bl-isforzi tiegħu biex jiżviluppa iktar riżultati tajbin fil-qasam tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-korruzzjoni fil-karigi għoljin u l-każijiet ta' kriminalità organizzata, u jiżgura li jkun hemm ambjent ħieles mill-periklu għall-ġurnaliżmu investigattiv.

Il-valutazzjoni f’dan ir-rapport hija msejsa fuq informazzjoni miġbura u analizzata mill-Kummissjoni, inkluż il-kontribut min-naħa tal-Montenegro, ir-riżultati ta' missjonijiet ta' valutazzjoni fuq livell ugwali kif ukoll informazzjoni kondiviża bejn l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili fil-kuntatti regolari tagħhom mal-Kummissjoni.

2.           L-Implimentazzjoni tar-riformi

Il-Parlament

F’Settembru 2011 ġew adottati emendi fil-liġi dwar l-elezzjonijiet ta’ kunsillieri muniċipali u membri tal-parlament, biex b’hekk ġie armonizzat il-qafas leġiżlattiv tal-elezzjonijiet mal-Kostituzzjoni u ġew indirizzati r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-OSCE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-elezzjonijiet. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni elettorali bdiet. Il-pożizzjonijiet mhux meħuda tal-membri tal-Parlament bdew jimtlew skont l-ordni tal-listi elettorali. Il-president u disa’ membri tal-Kummissjoni Elettorali tal-Istat inħatru mill-Parlament f'Diċembru 2011. Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni riċenti titlesta f’dak li jirrigwarda l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODHIR u tal-Kummissjoni ta’ Venenzja li għandhom pendenti, b’mod partikolari dawk relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, ix-xoljiment ta’ koalizzjonijiet u l-obbligi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-iffinanzjar u l-estensjoni tal-mandat tal-Kummissjoni Elettorali tal-Istat fl-elezzjonijiet muniċipali.

Il-Parlament kompla bl-attività leġiżlattiva intensa tiegħu, inklużi għadd ta' oqsma relatati mal-integrazzjoni Ewropea bħall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u l-awditjar tal-fondi tal-UE. Jeħtieġ li r-rwol u l-kapaċità tal-Parlament fil-valutazzjoni tal-impatt regolatorju u fil-monitoraġġ tal-proċess ta’ allinjament mal-leġiżlazzjoni tal-UE jissaħħu iktar.

Ir-rwol ta’ sorveljanza min-naħa tal-Parlament issaħħaħ iktar, notevolment permezz ta’ żieda kostanti fl-għadd ta’ mistoqsijiet parlamentari, fil-kontroll u fis-sessjonijiet konsultattivi ma’ uffiċjali għolja tal-istat u permezz ta’ diskussjonijiet u rapporti imressqa minn istituzzjonijiet varji. F’dak li jirrigwarda s-sorveljanza parlamentari fil-qasam kontra l-korruzzjoni, fi Frar 2012 il-Parlament iddeċieda għall-ewwel darba li jibda investigazzjoni parlamentari u jwaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jiġbor l-informazzjoni u jħejji rapport dwar l-allegata korruzzjoni fil-privatizzazzjoni tal-kumpanija ‘Telekom Crne Gore’.

Il-kapaċità amministrattiva tal-Parlament issaħħet iktar, notevolment permezz ta’ żieda fil-persunal tiegħu minn 100 ruħ f'Ottubru 2011 għal 129 ruħ f'Marzu 2012. Madankollu, jeħtieġ li jsiru sfrozi kontinwi biex il-kapaċità amministrattiva u esperta tal-Parlament tittejjeb iktar.

Sar iktar progress f’dak li jirrigwarda t-trasparenza fil-ħidma tal-Parlament. F’Diċembru 2011 il-Parlament beda jippubblika r-reġistru tal-votazzjoni ta’ kull MP individwali fuq il-websajt tiegħu. Ittieħdu miżuri ulterjuri biex tittejjeb l-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-pubbliku. Il-liġi l-ġdida dwar il-manuvri biex tiġi influwenzata l-politika (lobbying) li ġiet adottata f'Novembru 2011 tirregola, fost affarijiet oħrajn, ir-relazzjoni tal-Parlament ma' min ikun attiv biex jinfluwenza l-politika (lobbyists).

B’mod ġenerali, f’dan il-qasam sar iktar progress. Bdiet l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni adottata riċentement dwar l-elezzjonijiet. Ir-rwol leġiżlattiv u ta’ sorveljanza tal-Parlament issaħħaħ ulterjorment, anki fil-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istat ta' dritt. It-trasparenza tal-ħidma tal-Parlament u l-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili ttejbu. Il-kapaċità amministrattiva u esperta tal-Parlament issaħħu f'termini ta' persunal u taħriġ. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jkomplu biex jiġi kkonsolidat ir-rwol leġiżlattiv tal-Parlament, notevolment f’dak li jirrigwarda l-verifiki bir-reqqa tal-kompatibilità tal-leġiżlazzjoni l-ġdida mal-acquis tal-UE. Il-kapaċità ta’ sorveljanza u kontroll tal-Parlament fuq l-eżekuttiv għad trid tissaħħaħ iktar.

L-amministrazzjoni pubblika

B’inizjattiva tal-gvern, tnediet riforma komprensiva tas-settur pubbliku biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi organizzata mill-ġdid u razzjonalizzata bl-appoġġ tal-UE u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn. F’Arpil 2012 il-gvern adotta pjan għar-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ din ir-riforma, ġiet adottata leġiżlazzjoni sekondarja addizzjonali bl-għan li jiġu ssimplifikati l-istrutturi tal-amministrazjoni pubblika, tiżdied l-effiċjenza tagħhom, tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u jiġu introdotta s-sistema fejn l-abbozzar tal-liġi jsir fi smigħ pubbliku. Sa minn Jannar 2012, jeħtieġ li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ġdida u għandhom jitressqu lill-gvern flimkien mal-opinjoni tal-Ministeru tal-Finanzi dwar l-impatt fuq il-baġit tal-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida. Minn dakinhar ingħataw total ta’ 90 opinjoni dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat (SAI) ġew estiżi biex jinkludu l-awditjar tal-iffinanjzjar tal-partiti politiċi permezz tal-adozzjoni ta’ emendi fil-Liġi dwar l-Iffinanzjar tal-Partiti Politiċi; f'dan ir-rigward jeħtieġ b’mod partikolari li jissaħħu l-kapaċità u l-indipendenza tal-SAI. F’April 2012 il-gven adotta strateġija għall-iżvilupp ta’ din l-istituzzjoni.

Kollox ma kollox, il-Montenegro għamel ftit iktar progress fl-indirizzar tal-isfidi ffaċjati mir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, jeħtieġ li l-pjan komprensiv dwar ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika jiġi ffinalizzat. Jeħtieġ li l-qafas legali jitjieb iktar, speċjalment fil-qasam tal-proċeduri ta' reklutaġġ ta' impjegati tal-gvern, tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet responsabbli mill-ġestjoni globali tas-servizz ċivili, kif ukoll tal-proċeduri amministrattivi; l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni riċenti jeħtieġ li tittejjeb. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ li tkompli, billi tqis il-ħtieġa li jissaħħu l-oqsma relatatli mal-integrazzjoni Ewropea u s-sostenibilità finanzjarja tar-riforma nnifisha. Jeħtieġ li jitwaqqfu mekkaniżmi għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija ta’ Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika.

Sistema ġudizzjarja

Fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, għaddejjin proċeduri biex jiġu adottati emendi kostituzzjonali li għandhom l-għan li jsaħħu iktar l-indipendenza tal-ġudikatura, b'mod partikolari billi l-membri tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni u l-prosekuturi pubbliċi jinħatru mingħajr indħil politiku u abbażi tal-mertu. Fit-28 ta’ Settembru 2011 il-Parlament adotta abbozz ta’ emendi kostituzzjonali bil-maġġoranza ta' żewġ terzi kif meħtieġ. Wara konsultazzjonijiet bejn il-Gvern u l-partiti fl-oppożizzjoni, f'Marzu 2012 il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Legali u Kostituzzjonali adotta sensiela ta’ emendi kostituzzjonali li għandhom jiġu sottoposti għal votazzjoni plenarja. Ir-riforma kostituzzjonali li nbdiet għandha twassal biex is-sistema ġudizzjarja tkun konformi mal-istandards Ewropej, b'mod partikolari billi tissalvagwardja kontra l-influwenza politika meta jsiru l-ħatriet u ssaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, notevolment billi l-Membri Parlamentari li kienu membri tal-Kunsill Ġudizzjarju jinbidlu b’avukati magħrufa u bi proċedura ġdida ta’ ħatra tal-President tal-Qorti Suprema mill-Kunsill Ġudizzjarju. Għandhom jiġu adottati wkoll emendi kostituzzjonali li jtejbu l-kapaċità u l-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali u jiġu stabbiliti raġunijiet ċari għat-tneħħija tal-imħallfin u l-prosekuturi.

Kompliet l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-qrati, il-Kunsill Ġudizzjarju u l-uffiċċju tal-prosektur tal-Istat, li ġiet emendata f'Lulju li għadda biex tissaħħaħ ir-responsabilità u l-indipendenza tal-ġudikatura. F'Jannar, il-Qorti Suprema stabbiliet il-Kummissjoni għall-ħatra ta’ membri tal-Kunsill Ġudizzjarju minn fost l-imħallfin. Skont il-lista tal-kandidati mħejjija minn din il-Kummissjoni, f'Marzu l-Konferenza tal-Imħallfin ħatret il-membri l-ġodda tal-Kunsill Ġudizzjarju mill-gradi tal-imħallfin. Il-Kunsill Ġudizzjarju u l-Kunsill tal-Prosekuzzjoni adottaw ir-Regoli ta’ Proċedura tagħhom li jiddefinixxu l-istruttura organizzazzjonali, il-funzjonament u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. F'Settembru 2011, il-Kunsill Ġudizzjarju stabbilixxa l-Kummissjoni li torganizza l-eżamijiet bil-miktub għall-ewwel ħatra ta' mħallfin u tal-Kummissjoni għall-kontroll tal-qrati. L-ewwel eżamijiet bil-miktub tal-imħallfin saru fi Frar 2012 u s'issa nħatru erba’ mħallfin, skont il-kriterji l-ġodda. Madankollu, il-postijiet vakanti qed jibqgħu jiġu ppublikati fir-rigward ta’ qrati speċifiċi u għad trid tiġi stabbilita sistema unika għall-pajjiż kollu għar-reklutaġġ ta' imħallfin u prosekutruri fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi. It-tħaddim tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuzzjoni huwa mxekkel minħabba li m'hemmx biżżejjed kapaċità amministrattiva u allokazzjonijiet tal-baġit.

Fil-qrati għadu qed jiġi żgurat li l-allokazzjoni tal-kawżi tkun każwali bl-għajnuna ta' sistema tal-IT, bl-eċċezzjoni tal-qrati iżgħar li għandhom għadd limitat ta' persunal.

F'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġudikatura, issa hemm aċċess pubbliku għad-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti Amministrattiva u tal-Qorti tal-Appell. F’Ottubru 2011 twaqqfu kummissjonijiet biex jissorveljaw il-konformità mal-Kodiċi ta’ Etika min-naħa tal-imħallfin u l-prosekuturi. Il-Kummissjoni għas-sorveljanza tal-konformità mal-Kodiċi ta’ Etika min-naħa tal-imħallfin ħadet azzjoni fuq żewġ ilmenti fil-perjodu referenzjarju, u it-tnejn li huma nċaħdu. Inħatru membri tal-Kummissjoni Dixxipplinari, flimkien ma’ żewġ membri impjegati biex jassistu fil-verifika ta' lmenti dwar il-każijiet ta' allegata korruzzjoni fil-ġudikatura. F’Jannar 2012 inbdiet proċedura dixxiplinari kontra imħallef. S’issa għadha ma ttieħdet l-ebda proċedura dixxiplinari kontra prosekutur. Jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-kompetenza doppja li għandha l-Kummissjoni Dixxiplinari biex tinvestiga u tiddeċiedi fi proċeuri dixxiplinari. Jeħtieġ li l-proċeduri biex titneħħa l-immunità funzjonali jissaħħu biex ikun żgurat li l-imħallfin u l-prosekturi jkun responsabbli kompletament skont il-liġi kriminali. Għad trid tiġi stabbilita sistema affidabbli għall-evalwazzjoni professjonali tal-imħallfin u tal-prosekuturi.

Fir-rigward tal-effiċjenza tal-ġudikatura, il-Montenegro ħa miżuri ulterjuri biex inqaqqas il-kawżi akkumulati. Fl-aħħar tal-2011 il-qrati kollha fil-Montenegro kellhom madwar 11 500 kawża mhux risolta mis-snin ta’ qabel, u dan ifisser li l-akkumular ta’ kawżi kien madwar 4% inqas fl-2011 minn dak li kien fl-2010. F’Jannar 2012 inħatru erba’ nutara oħra mal-34 nutar li nħatru f'Lulju li għadda. Wara li daħlet fis-seħħ il-liġi dwar l-infurzar u ċ-ċertezza tal-pretensjonijiet, li trasferiet il-poteri eżekuttivi ċivili lill-bailiffs, f’Diċembru 2011 il-Parlament ippromulga l-liġi dwar il-bailiffs pubbliċi. Madankollu, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili għadha dgħajfa, għad iridu jiġu impjegati bailiffs u għad trid tiġi vvalutata s-sistema l-ġdida li twaqqfet dwar il-bailiffs.

Bil-għan li jkun hemm iktar effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja kollha, il-Kunsill Ġudizzjarju beda jwaqqaf unitajiet speċjali ta' imħallfin li jitrattaw il-ġustizza tal-minorenni fil-Qrati Superjuri ta’ Podgorica u ta’ Bijelo Polje. F’Diċembru 2011, il-Parlament ippromulga l-Kodiċi dwar il-Ġustizzja tal-Minorenni. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tar-Riforma Ġudizzjarja għall-perjodu 2007-2012 ġie rivedut f’Diċembru 2011. Ittieħdu passi inizjali biex tiġi razzjonalizzata n-netwerk tal-qrati. F’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-ġustizzja, wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-għajnuna legali bla ħlas f'Jannar 2012, ġew adottati tliet atti ta' implimentazzjoni u nfetħu uffiċċji għall-għajnuna legali bla ħlas fil-qrati ordinarji kollha. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-liġi hija mxekkla minn nuqqas fl-allokazzjonijiet baġitarji għal dawn l-uffiċċji. L-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva u l-awtosostenibilità finanzjarja taċ-Ċentru għat-Taħriġ Ġudizzjarju għad trid tissaħħaħ u għad irid jiġi stabbilit it-taħriġ inizjali li jinkludi kurrikuli stabbiliti għall-membri kollha tal-ġudikatura. Jeħtieġ li l-kwalità tal-istatistika ġudizzjarja titjieb skont l-istandards Ewropej u fuq il-bażi ta' indikaturi affidabbli, bħall-produttività u r-rata li biha jinqatgħu l-kawżi. Għad trid tiġi introdotta sistema biex it-tul ta' żmien tal-kawżi jiġi monitorat b'mod ċar. Ir-rimedji legali disponibbli f’każ ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq għandhom effett limitat u hemm bżonn li jiġu riveduti skont id-dritt għal rimedju effikaċji li joħroġ mill-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Kollox ma' kollox sar progress fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja. Bdiet l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni adottata riċentement u l-proċess tar-riforma kostituzzjonali avvanza. Sar progress rigward il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati. L-akkumular tal-kawżi tnaqqas iktar u ġiet introdotta sistema eżekuttiva ġdida biex tittejjeb l-effiċjenza. Madankollu, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili għandha dgħajfa u n-netwerk tal-qrati għad trid tiġi razzjonalizzata. Għad trid tiġi stabbilita sistema unika ta' reklutaġġ għall-pajjiż kollu għall-ħatriet ġudizzjarji li jsiru għall-ewwel darba. Jeħtieġ li l-affidabilità tal-istatistika ġudizzjarja tittejjeb u sistema li tieħu ħsieb it-tul tal-kawżi għad trid titwaqqaf. Jeħtieġ li t-taħriġ ġudizzjarju jiġi ssimplifikat u msaħħaħ.

Politika kontra l-korruzzjoni

Saru iktar avvanzi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-gvern fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tagħha għall-2011-2012. l-Kummissjoni Nazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni adotta it-tielet rapport tagħha f’April 2012, li kkonkluda li nbdiet l-implimentazzjoni tal-parti l-kbira tal-miżuri maħsuba għat-tieni nofs tas-sena 2011. Il-qafas istituzzjonali globali għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni qed jaħdem tajjeb.

Il-Montenegro għamel sforzi ulterjuri biex ikompli jsaħħaħ il-qafas legali tiegħu kontra l-korruzzjoni, bil-għan li jiżgura li jkun hemm allinjament mal-acquis rilevanti tal-UE u mal-istandards internazzjonali. L-emendi fil-Liġi tax-Xogħol li ġew adottati mill-Parlament f’Novembru 2011 jikkompletaw il-qafas legali għall-informaturi (whistleblowers) b’dispożizzjonijiet li jiżguraw li jkunu protetti fis-settur privat. F’April 2012 il-gvern adotta emendi fil-liġi dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni. L-emendi fil-liġi dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi, ippromulgata f’Diċembru 2011, jirregolaw il-qafas istituzzjonali ta’ superviżjoni, il-kontributi in natura u l-limitu massimu tal-miżati li jitħallsu għas-sħubija, li huwa stipulat fil-valur ta’ 10% tad-dħul annwali tal-membru. L-Istituzzjoni tal-Awditjar tal-Istat (SAI) issa għandha r-responsabbiltà li twettaq l-awditjar tal-karti tal-bilanċ annwali tal-partiti politiċi u tar-rapport dwar il-kostijiet tal-kampanja elettorali, filwaqt li l-Kummissjoni Elettorali tal-Istat għandha l-kompitu li tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ aspetti oħrajn tal-liġi. Madankollu, l-kapaċità amministrattiva u professjonali tal-Kummissjoni Elettorali tal-Istat għad trid tissaħħaħ biex ikun żgurat li jkun hemm sorveljanza indipendenti u effikaċi. Il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, u l-infurzar ta' sanzjonijiet jeħtieġ li jissaħħu u jiġu speċifikati iktar fil-qafas legali. Is-sistema ta’ sanzjonijiet għadha ma sservix biżżejjed ta' deterrent u mhix divrenzjata, filwaqt li jeħtieġ li l-obbligi ta’ rappurtar u ta’ kontabilità min-naħa tal-partiti politiċi jissaħħu iktar.

Inbdiet l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li ġiet adottata riċentement fil-qasam tal-kunflitt ta’ interess u l-akkwisti pubbliċi. Wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi emendata dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess, is-36 Membru Parlamentari kollha li kienu anki membri ta' bordijiet ta' tmexxija ta' kumpaniji proprjetà tal-Istat irriżenjaw mill-karigi tagħhom u s-16-il Membru Parlamentari li kienu jokkupaw ukoll karigi eżekuttivi (inklużi żewġ sindki) irriżenjaw minn waħda mill-funzjonijiet tagħhom. Il-Membri tal-Kummissjoni għall-Akkwisti Pubbliċi nħatru fi Frar 2012 u ġie allokat baġit għat-tħaddim tagħha. F'Diċembru 2011, il-Gvern adotta Strateġija u Pjan ta' Azzjoni għall-iżvilupp ta’ Sistema tal-Akkwisti Pubbliċi, u ħa deċiżjoni li jwaqqaf korp koordinattiv biex isegwi l-implimentazjoni tagħhom. Madankollu, s’issa ma ntbagħtet l-ebda notifika mill-Kummissjoni għall-Akkwisti Pubbliċi lill-prosekuzzjoni u s-sistema ta’ kontroll jeħtieġ li tissaħħaħ.

Ittieħdu iktar passi f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-korruzzjoni. F'Diċembru 2011, id-Direttorat għall-Inizjattivi Kontra l-Korruzzjoni (DACI) ġie trasferit taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Ġustizzja biex jiġi żgurat li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet kontra l-korruzzjoni. Fil-perjodu ta’ referenza, id-DACI rċieva 70 ilment dwar allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fl-awtogovernanzi lokali, fl-amministrazzjoni pubblika, fil-ġudikatura, fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, li fir-rigward tagħhom għamel 27 rapport dwar każijiet ta' korruzzjoni lill-Pulizija. Il-kwantità ta' lmenti huwa wkoll riżultat tal-għadd ta' kampanji li wettaq id-DACI maħsuba biex ikun hemm iktar sensibilizzazzjoni fir-rigward tar-rappurtar tal-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-informaturi. Skont il-valutazzjoni tar-riskju ta' oqsma vulnerabbli għall-korruzzjoni, li adotta l-Gvern f'Lulju li għadda, l-awtoritajiet rilevanti ppreżentaw rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fil-valutazzjoni. Ittieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-ġudikatura. Il-Kunsill Ġudizzjarju ddeċieda li jagħti indennità speċjali lil dawk l-imħallfin li jaħdmu f'każijiet ta' kriminalità organizzata, korruzzjoni, terroriżmu u delitti tal-gwerra. L-imħallfin u l-prosekturi li jaħdmu fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni ngħataw taħriġ kontinwu, b'mod partikolari biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali l-ġdid. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed ikomplu jagħtu kontribut attiv biex jittejjeb il-qafas strateġiku u jipprovdu l-provi prinċipali biex jinbdew il-kawżi dwar każijiet ta' korruzzjoni. Madankollu, għadha mhux qed issir kontroverifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-imħallfin u l-prosekuturi ma’ dejta oħra u l-miżuri biex tiġi evitata l-korruzzjoni fil-ġudikatura għandhom jissaħħu ulterjorment. Jeħtieġ li l-kompetenzi tal-DACI jiġu aġġornati u l-kapaċitajiet tiegħu jissaħħu biex jiġu kkordinati l-attivitajiet biex jipprevjenu l-korruzzjoni u tiġi monitorata l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-gvern fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Sar iktar progress fit-trażżin tal-korruzzjoni. Id-dħul fis-seħħ b'mod komplet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (CPC) l-ġdid f’Settembru 2011, wassal għal aċċelerazzjoni sinifikanti fil-proċedura tal-investigazzjoni kriminali u naqqas ir-riskju li tinkixef l-informazzjoni. Il-kapaċità istituzzjonali u operazzjonali tal-prosekuturi, tal-imħallfin u tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ġiet imsaħħa permezz ta’ appoġġ sostanzjali għat-taħriġ u iktar tagħmir. L-użu ta’ miżuri investigattivi speċjali sar iktar sistematiku b’riżultat tat-titjib fil-kapaċità amministrattiva u teknika tal-Unità għall-Verifiki Speċjali. Inħatru disa’ rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-pulizija, tal-Uffiċċju għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u tad-dwana għall-grupp ta' investigazzjoni speċjali, li beda jaħdem f'Ottubru 2011. Il-grupp ingħata riżorsi finanzjarji addizzjonali, madankollu jeħtieġ li l-kapaċitajiet tiegħu jissaħħu iktar, b’mod partikolari permess ta’ aċċess għall-bażijiet ta’ dejta b’informazzjoni rilevanti.

Il-Montenegro żviluppa iktar il-ħidma tiegħu fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjonijiet u fl-għadd ta’ persuni misjuba ħatja f'kawżi dwar każijiet ta' korruzzjoni. Madankollu, il-każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli għadhom preokkupanti. Fil-perjodu ta’ referenza, erba’ impjegati tal-amministrazzjoni tal-proprjetà pubblika ta’ Ulcinj instabu ħatja fl-appell u ngħataw sentenza ta' ħabs minħabba li abbużaw mill-kariga uffiċjali tagħhom, u wieħed minnhom aġent ta’ dwana minħabba misjub ħati ta' tixħim. Il-verdetti fl-ewwel istanza ngħataw f'Diċembru 2011, f'Jannar u Marzu 2012 kontra sittax-il persuna, inklużi żewġ uffiċjali tal-muniċipju li ntbagħtu l-ħabs, il-maniġers ta' kumpanija pubblika u imħallef. Għaddej is-smigħ fil-qorti dwar il-każ ta’ korruzzjoni ta' livelli għoli ‘Zavala’, li jinvolvi l-ex Sindku ta’ Budva, il-viċi tiegħu u Membru tal-Parlament u żewġ każijiet oħrajn kontra 23 persuna akkużati li abbużaw mill-kariga uffiċjali tagħhom u b'tixħim. Waqt il-perjodu kopert mir-rapprot, żewġ uffiċjali tal-pulizija tressqu l-qorti fuq tixħim. Qed jiġu investigati wkoll każijiet li jinvolvu l-ex Sindku ta’ Ulcinj, lill-President u mħallef tal-Qorti Inferjuri, l-ex diretturi u d-diretturi attwali ta’ kumpanija pubblika f’Budva u tliet impjegati tal-Ministeru tal-Intern.

Madankollu, jeħtieġ li l-ħidma fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni tiġi sistematikament żviluppata iktar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-investigazzjonijiet u l-kundanni finali f’kawżi dwar każijiet ta’ korruzzjoni ta' livell għoli. Huwa preokkupanti l-fatt li l-każijiet ta’ korruzzjoni ta' livell għoli nbdew abbażi ta' provi mogħtija minn parti terza. L-għadd ta' każijiet ta' korruzzjoni fejn ġie ordnat mandat ta' qbid għadu baxx. Id-dispożizzjonjiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u tal-Kodiċi Kriminali dwar il-konfiska u l-konfiska estiża fir-rigward ta’ partijiet terzi ta’ assi ġejjin mill-attività kriminali s’issa għadhom ma ntużawx. Il-proċeduri għall-qbid, il-konfiska u l-immaniġġjar tar-rikavat mill-kriminalità għad iridu jiġu regolati. Il-koperazzjoni bejn l-aġenziji tjiebet sa ċertu punt, iżda jeħtieġ li tittejjeb iktar, b’mod partikolari biex ikun żgurat li l-prosekutur ikollu rwol ta’ tmexxija fl-investigazzjonijiet. In-nuqqas ta’ aċċess li għandhom il-prosekturi għall-bażijiet ta’ dejta rilevanti u n-nuqqas ta’ kapaċità, qed ixxekkel l-implimentazzjoni effikaċji tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. B’mod speċjali jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-iffinanzjar tat-terroriżmu u d-delitti tal-gwerra. Minkejja l-kapaċità amministrattiva msaħħa tagħha, il-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess għad m’għandhiex il-kapaċità suffiċjenti biex tikkontrolla l-akkuratezza tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-impegati taċ-ċivil u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess biex tidentifika l-arrikkiment illeċitu u m’għandhiex setgħat investigattivi u aċċess għall-bażijiet ta’ dejta rilevanti. L-indipendenza tal-ġudikatura għadha kwistjoni preokkupanti li tolqot id-determinazzjoni li tiġi miġġielda l-korruzzjoni. Il-korruzzjoni għada kwistjoni li tqajjem tħassib serju.

B’mod ġenerali, sar progress fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni. Inbdiet l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li ġiet adottata riċentement fil-qasam tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess u tal-akkwist pubbliku. Id-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-mekkaniżmi ta' kontroll għad iridu jissaħħu. Ittieħdu iktar passi fl-iżvilupp ta’ riżultati tajbin f’dak li jirrigwarda l-ħidma fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif jidher mill-għadd ta’ investigazzjonijiet ġodda ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta' livell għoli. Madankollu, l-għadd ta’ sentenzi ta’ ħtija f'każijiet ta' korruzzjoni li fihom jinħareġ ordni ta’ qbid jew konfiska ta’ assi għadu baxx. Jeħtieġ li tittejjeb iktar il-koperazzjoni bejn l-aġenziji, b’mod partikolari bejn il-pulizija u l-prosekuturi, u r-rwol ta' tmexxija tal-prosekuzzjoni jrid jissaħħaħ iktar biex ikun konformi mal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali l-ġdid.

Il-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Il-koperazzjoni bejn il-pulizija reġjonali u internazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kriminalità organizzata ttejbet. Għadd ta’ operazzjonijiet tal-pulizija twettqu b'koperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ Stati Membri varji tal-UE, ta’ pajjiżi fir-reġjun, mal-Interpol u mal-Europol, b'żieda fl-għadd ta’ akkużi u arresti. Il-ftehim dwar l-estradizzjoni bejn il-Montenegro u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ġie ffirmat f’Ottubru 2011. L-awtoritajiet tal-Pulizija mill-Montenegro u l-Bosnja-Ħerżegovina ffirmaw memorandum ta' koperazzjoni biex jiġġieldu flimkien il-korruzjoni, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi u t-terroriżmu. Ġew iffirmati wkoll żewġ ftehimiet dwar il-koperazzjoni tal-pulizija bejn il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Ir-ratifika tal-ftehim mal-Kroazja dwar l-eżekuzzjoni reċiproka ta’ deċiżjonijiet tal-qrati fi kwistjonijiet kriminali saret f’Diċembru 2011.

Minn Settembru 2011 inbdiet l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali l-ġdid mill-korpi kollha rilevanti tal-Istat. L-emendi fir-Regoli dwar l-organizzazzjoni interna u d-deskrizzjoni tal-ħidma tal-Amministrazzjoni tal-Pulizija ġew adottati f'Novembru 2011, u jintroduċu unitajiet organizzattivi iktar speċjalizzati fi ħdan il-Pulizija. F’Jannar 2013 ġie adottat Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li jintroduċi miżuri operazzjonali u indikaturi konformi mal-prijoritajiet identifikati fil-valutazzjoni tal-2011 dwar it-theddida mill-kriminalità (OCTA). Sa minn meta beda jaħdem f'Ottubru 2011, il-grupp investigattiv fetaħ investigazzjonijiet finanzjarji fi tliet każijiet kbar ta’ kriminalità organizzata u ngħata iktar riżorsi finanzjarji. Minn Diċembru 2011, korp ta' koordinazzjoni beda l-attivitajiet tiegħu ta' monitoraġġ tar-riżultati fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp u l-Funzjonament tal-Pulizija. Madankollu, ir-relazzjonijiet bejn is-servizz ta’ prosekuzzjoni u l-pulizija fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali l-ġdid għandhom jiġu ċċarati aħjar u mtejba, speċjalment fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet finanzjarji; hu meħtieġ iktar tagħmir u iktar impjegati speċjalizzati biex jimmaniġġaw il-każijiet kumplessi. Għandha ssir reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ miżuri investigattivi speċjali biex ikunu estiżi l-limiti tal-iskadenzi. Il-proġett tal-attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-informazzjoni għandu jiġi estiż fil-pajjiż kollu u l-persunal tal-pulizija għandhom jiġu mħarrġa parallelament. Iktar allokazzjonijiet finanzjarji għandhom ikun disponibbli biex jiżdiedu l-kapaċitajiet investigattivi u r-riżorsi konkreti - inkluża t-Teknolġija Infomatika - fid-dipartimenti tal-pulizija.

Il-Montenegro kompla jiżviluppa r-riżultati tiegħu fil-każijiet li jirrigwardaw il-kriminalità organizzata. Ingħataw żewġ verdetti fit-tieni istanza, f’każijiet ta’ traffikar tad-drogi u traffikar tal-persuni. Ingħataw tliet verdetti fil-prim'istanza f’żewġ każijiet li jirrigwardaw l-iffabbrikar u l-kuntrabandu ta’ drogi f’Settembru 2011 u f’Jannar 2012, rispettivament, u f'każ ta' ħasil ta' flus f'Jannar 2012 Fil-każ Saric, żewġ membri ta’ organizzazzjoni kriminali ngħataw sentenza ta’ 6 u 8 snin priġunerija rispettivament minħabba traffikar ta’ drogi u ħasil ta’ flus b’valur ta’ iktar minn EUR 12-il miljun. Ħareġ att ta' akkuża f'Diċembru 2011 fil-każ Kalic, li jinvolvi tliet individwi akkużati b'ħasil ta' flus; l-assi maqbuda għandhom valur ta' iktar minn EUR 28 miljun. Beda s-smigħ f’sitt kawżi ġodda. Bejn l-aħħar tal-2011 u l-ewwel xhur tal-2012 inbdew investigazzjonijiet dwar tliet każijiet ta’ kuntrabandu ta’ drogi u każ ta’ ffalsifikar ta’ passaport, li fihom hemm involuti għadd totali ta’ 65 individwu.

Il-valur tal-assi derivanti mill-kriminalità li ġew maqbuda temporanjament fil-pajjiż żdied sa ammont ta' iktar inn EUR 40 miljun, skont l-istima tal-Amministrazzjoni tal-Proprjetà Pubblika li għandha l-kompitu li timmaniġja dan il-qbid. F’April 2012 ġew adottati emendi fil-liġi dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà temporanjament u permanentement maqbuda. Madankollu, jeħtieġ li l-aġenzija kompetenti tissaħħaħ iktar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħha li tevalwa u timmaniġġja b'effikaċja l-assi maqbuda u kkonfiskati temporanjament. Għad trid titħejja leġiżlazzjoni sekondarja biex tiżgura l-esekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti kif ukoll jitħejjew proċeduri għall-ġestjoni ta' proprjetà maqbuda u kkonfiskata. L-għadd globali tal-investigazzjonijiet finanzjarji u tal-assi maqbuda għadu baxx, minħabba l-kapaċitajiet amministrattivi dgħajfa ħafna f'dan il-qasam.

Il-Liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu ġiet emendata fi Frar 2012 biex tiġi allinjata mal-acquis tal-UE. F’Diċembru 2011 ittejbu l-koperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Ministeru tal-Finanzi, l-Amministrazzjoni għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (APMLTF), il-Bank Ċentrali, il-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Aġenzija ta’ Superviżjoni tal-Assigurazzjonijiet. Infetħu għadd totali ta’ 107 każijiet mill-APMLTF, li pparteċipat f’investigazzjoni finanzjarja mmexxija mill-Uffiċċju għall-Prosekuzzjonijiet Speċjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, l-iffinanzjar tat-terroriżmu u d-delitti tal-gwerra. Madankollu, jeħtieġ li l-għarfien espert tal-pulizija f'dan il-qasam jiġi kkonsolidat, kif ukoll għandha tiġi kkonsolidata l-ħidma fl-investigazzjonijiet finanzjarji proattivi. Il-kapaċitajiet tal-AMLTF fis-sorveljanza tas-sistema bankarja għandhom jissaħħu.

Globalment, jista’ jingħad li sar iktar progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-riżultati tal-ħidma fil-passat komplew jiżviluppaw. Il-koperazzjoni internazzjonali ttejbet u operazzjonijiet varji tal-pulizija rriżultaw fil-qbid ta’ drogi u assi derivanti mill-kriminalità; madankollu, it-traffikar tad-drogi għadu preokupazzjoni kbira peress li l-pajjiż qiegħed f’żona ta’ tranżitu fir-rotta tal-kuntrabandu mill-UE u lejha. Il-qafas legali kompla jissaħħaħ iżda l-implimentazzjoni tiegħu teħtieġ attenzjoni kontinwa. Il-kapaċitajiet investigattivi tal-korpi tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni jeħtieġ li jissaħħu iktar, b’mod partikolari fil-qasam tal-investigazzjonijiet finanzjarji. Il-koperazzjoni bejn l-aġenziji jeħtieġ li titjieb.

Il-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda u assoċjazzjoni

Id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama kkontribwiet biex jonqos l-għadd ta' kawżi kontra l-midja. L-akkumulazzjoni tal-kawżi ta’ libell u ta’ malafama fil-qrati qed titnaqqas gradwalment, f'konformità mal-linji gwida tal-Qorti Suprmea li jirregolaw il-livell ta’ kumpens monetarju fil-kawżi ta’ malafama kontra l-midja. Dawk il-linji gwida huma msejsa fuq il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Iċ-Ċentru għat-Taħriġ Ġudizzjarju organizza taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi, b’enfasi speċjali fuq id-dritt għal-libertà ta' espressjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Uffiċjali tal-Istat ta’ livell għoli komplew jippromwovu ambjent tal-midja iktar favorevoli u bla periklu, billi anki kkundanaw l-attakki u ħeġġu biex ssir investigazzjoni f’każijiet ta’ vjolenza kontra l-midja.

Madankollu, f’xi kawżi antiki ta’ malafama, il-multi li ma tħallsux inbidlu f’sentenzi ta’ ħabs. Jeħtieġ li dawn il-każijiet jikkonformaw mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari biex ikun żgurat li ma tingħata l-ebda piena ta’ priġunerija f’każijiet ta’ multi li jibqgħu ma jitħallsux. Jeħtieġ li jsir iktar progress f'ċerti każijiet riċenti u preċedenti ta' vjolenza kontra l-midja, li għadhom iridu jkunu investigati fil-fond u mressqa l-qorti, inkluż attakk fiżiku kontra ġurnalist investigattiv f'Marzu 2012.

F’Marzu 2012 twaqqaf korp tal-midja awtoregolatorju li jiġbor fih parti mill-entitajiet tal-midja ġenerali u lokali; riċentement twaqqaf wieħed parallel li jirrappreżenta xi midja nazzjonali importanti. Ġew impjegati iktar persuni biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tal-Medja Elettronika. Ix-xandir pubbliku qed issiru riforma strutturali, maħsuba biex isir iktar modern u awtosuffiċjenti. Madankollu n-nuqqas ta’ sostenibilità finanzjarja u riżorsi operazzjonali jista' jxekkel il-funzjonament tal-midja, kif ukoll tal-awtoregolaturi awdjoviżivi. L-emendi leġiżlattivi riċenti fil-Liġi dwar il-midja elettronika poġġew f’risku l-indipendenza tar-regolatur awdjoviżiv. In-nuqqas ta’ riżorsi biex tiġi sorveljata l-midja fil-pajjiż kollu hija għajn ta' preokupazzjoni. Il-professjonalità u l-indipendenza tax-xandir pubbliku għadhom ma ntlaħqux kompletament.

Il-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili kompliet tissaħħaħ. Fi Frar 2012 ġew adottati żewġ digrieti li jtejbu r-rwol tas-soċjetà ċivili, dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni tal-istat u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG) u dwar id-dibattiti pubbliċi dwar l-abbozzi ta' leġiżlazzjoni.

Il-Kunsill għall-koperazzjoni mal-OMG issa qed jopera kompletament u jiltaqa’ regolarment. Ġie involut fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż it-tħejjija ta’ emendi għal-Liġi dwar il-logħob tax-xorti li tipprovdi biex l-OMG jingħatw appoġġ finanzjarju. Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalissa huma involuti fl-attivitajiet ta’ korpi statali differenti, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-gruppi ta’ ħidma u f'kunsilli li jittrattaw oqsma ta' politika varji. Ġie aġġornat reġistru pubbliku ta' OMG.

Globalment, sar xi progress dwar it-titjib tal-libertà tal-midja u sar progress tajjeb fit-tisħiħ tal-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili. Madankollu, jeħtieġ li tkompli l-implimentazzjoni soda tal-linji gwida tal-Qorti Suprema li jirregolaw il-livell ta' kumpens monetarju f'każijiet ta' malafama, u li jinstabu miżuri alternattivi għall-ħabs fil-każ ta’ multi li jkunu ngħataw f’kawżi preċedenti tal-libell u li ma jkunux tħallsu. Il-każijiet mhux risolti ta’ vjolenza kontra l-midja għadhom għajn ta’ preokkupazzjoni. Jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex jiġi żgurat li jkun hemm koperazzjoni sostenibbli u fit-tul bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili.

Politika kontra d-diskriminazzjoni, persuni spustjati u Roma, persuni Ashkali u Eġizzjani.

Il-kapaċitajiet amministrattivi u baġitarji tal-Ombudsman ġew imsaħħa. L-istituzzjoni ħejjiet rapporti, li janalizzaw rispettivament l-istat tal-bini tal-Amministrazzjoni tal-Pulizija li jintuża biex jinżammu l-persuni taħt arrest, il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni u s-sitwazzjoni tat-tfal jiitalbu. Il-Kumitat Parlamentari għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet approva dawn ir-rapporti bejn Ottubru u Novembru 2011, li sar iktar attiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nondiskriminazzjoni. Il-portafoll tal-Viċi Prim Ministru u tal-Ministru għall-Ġustizzja ġie estiż għad-drittijiet tal-bniedem f'Marzu 2012.

Il-Kunsill għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni issa qed jopera. Il-ħmistax-il membru ta’ dan il-korp inħatru fi Frar 2012, inklużi r-rappreżentanti mill-komunità tar-Roma u membru wieħed li jirrapreżenta l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitrattaw id-drittijiet tal-persuni liżbjani, omosesswali, bisesswali jew transġeneru (LGBT). Komplew il-kampanji kontra d-diskriminazzjoni u t-taħriġ għall-impjegati tal-gvern. L-awtoritajiet komplew bil-promozzjoni attiva ta’ ambjet pożittiv għad-drittijiet LGBT fil-pajjiż. Post ta' kenn u linja telefonika ta’ appoġġ u għall-għoti ta' pariri għall-persuni LGBT qed jiffunzjonaw bis-sħiħ.

Jeħtieġ li l-kapaċità tal-Ombudsman tissaħħaħ f’termini ta’ riżorsi finanzjarji u umani. L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam ta' kontra d-diskriminazzjoni għadha lura; il-kapaċitajiet istituzzjonali fil-qasam tal-promozzjoni, s-sorveljanza u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem huma limitati, speċjalment f’dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ persuni b'diżabilità u persuni soċjalmnt vulnerabbli. Il-persuni LGBT għadhom suġġetti għal diskriminazzjoni u jkun hemm bżonn li dawn il-każijiet jiġu segwiti bir-reqqa mill-awtoritajiet.

Sar progress li jiggarantixxi l-istat legali ta’ persuni spustjati, b'mod partikolari r-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani (RAE), u jiżgura r-rispett għad-drittijiet tagħhom. F’Novembru 2011 għaddew l-emendi tal-Liġi dwar il-Barranin, biex l-iskadenza għall-applikazzjoni tal-istatus ta’ barrani tiġi posposta għal Diċembru 2012. L-għadd ta' applikazzjonijiet qiegħed jiżdied bil-mod iżda b’pass regolari: madwar 48% tal-persuni spustjati ssottomettew applikazzjoni u 29% tagħhom ingħataw l-istatus ta’ barrani fil-pajjiż. Ittieħdu għadd ta’ miżuri biex tiġi ffaċilitata l-leġiżlazzjoni dwar l-istatus ta’ persuni spustjati u vulnerabbli. Fi Frar 2012 ġew adottati deċiżjonijiet dwar il-bdil fil-pjan urban fiż-żona ta' Konik; dawn jirrappreżentaw il-qafas għall-bini ta' akkoomodazzjoni għall-popolazzjoni eżistenti. Il-Montenegro ħa rwol attiv fil-Proċess ta' Dikjarazzjoni ta’ Sarajevo. Id-digriet temporanju li jagħti l-istess drittijiet ekonomiċi u soċjali lil persuni spustjati ġie estiż sa Ġunju 2013 Kompla l-progress fl-iffaċilitar tar-reġistrazzjoni ċivili tal-popolazzjoni RAE, b'mod partikolari dawk spustjati internament. Il-gvern adotta strateġija biex tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom RAE għall-perjodu 2012-2016 u pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha. Ingħata taħriġ vokazzjonali lill-persuni RAE. Jeħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-persuni spustjati tavvanza, b’mod partikolari fil-każijiet vulnerabbli. Hemm bżonn ta’ iktar miżuri biex jittejjeb l-aċċess għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' persuni spustjati u tal-persuni RAE. In-nisa Roma jesperjenzaw diskriminazzjoni doppja - bħala membri ta' grupp f'minorità u bħala nisa.

Il-Liġi dwar l-akkomodazzjoni soċjali għandha tiġi adottata mingħajr dewmien, bħala punt prinċipali għal iktar progress fil-qasam Konik.

Globalment, sar xi progress kontra d-diskriminazzjoni, fil-legalizzar tal-istatus ta' persuni spustjati u fl-iżgurar tad-drittijiet tal-persuni RAE. Il-kapaċitajiet istituzzjonali ta’ monitoraġġ, ta’ promozzjoni u ta’ infurzar tad-drittijiet tal-bniedem fil-prattika għandhom jittejbu, kif ukoll biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni. Il-ftehim dwar l-istatus legali tal-persuni spustjati għad irid jiġi kkompletat; għandhom jiġu msaħħa l-politiki dwar l-inklużjoni tal-persuni RAE.

3.           Konklużjoni

Il-Montenegro għamel iktar progress fl-implimentazzjoni tar-riformi fl-oqsma tal-istat ta’ dritt u d-drittijiet fundamentali, anki fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Fid-dawl tal-progress li sar, il-Kummissjoni għadha tal-opinjoni li l-Montenegro kiseb il-grad meħtieġ ta’ konformità mal-kriterji tas-sħubija u b’mod partikolari mal-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen, biex jibda n-negozjati għas-sħubija. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u billi jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ttenni r-rakkomandazzjoni tagħha li jinbdew in-negozjati għas-sħubija mal-Montenegro.

Waqt il-proċess tan-negozjati għas-sħubija l-Kummissjoni se tkompli tiffoka fuq il-qasam tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, speċjalment fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, sabiex jiġi żgurat li jsir progress sod. Se tagħmel użu sħiħ mill-għodda disponibbli f’kull stadju tal-proċess ta’ sħubija. F’dan ir-rigward, il-metodu l-ġdid propost mill-Kummissjoni, u approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2011, f’dak li jirrigwarda l-kapitli dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizja, il-libertà u s-sigurtà se jippermetti li r-riformi jiġu ankrati fis-sod f’dan il-qasam u jiżgura li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tagħhom.

[1]               COM(2010) 670 finali.

[2]               Il-prijoritajiet ewlenin jirrigwardaw l-oqsma li ġejjin: qafas leġiżlattiv għall-elezzjonijiet u r-rwol leġiżlattiv u ta’ sorveljanza tal-Parlament; ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; ir-riforma ġudizzjarja; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; il-libertà tal-midja u l-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili; l-implimentazzjoni ta’ qafas kontra d-diskriminazzjoni u s-sitwazzjoni ta’ persuni spustjati. Għat-test sħiħ tal-prijoritajiet ewlenin, jekk jogħġbok ara COM (2010) 670.

[3]               COM(2011) 666 finali.

[4]               SEC(2011) 1204 finali.

Top