Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0045

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja: post l-Ewropa f’Tellieqa Globali

/* COM/2012/045 final */

52012DC0045

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja: post l-Ewropa f’Tellieqa Globali /* COM/2012/045 final */


1. Għan

Din il-Komunikazzjoni tenfasizza n-natura strateġika tal-informatika ta’ prestazzjoni għolja (High-Performance Computing (HPC)) bħala assi kruċjali għall-kapaċità tal-innovazzjoni tal-UE, u titlob lill-Istati Membri, l-industrija u l-komunitajiet xjentifiċi, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex itejbu l-isforzi konġunti tagħhom sabiex sal-2020 it-tmexxija Ewropea tiġi żgurata fil-provvista u fl-użu ta’ sistemi u servizzi HPC[1].

Din il-Komunikazzjoni ssegwi l-Komunikazzjoni dwar l-Infrastrutturi tal-ICT għax-Xjenza elettronika u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li jitolbu għal ‘żvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi tal-informatika bħas-Sħubija għall-Informatika Avvanzata fl-Ewropa (PRACE)[2]’ u jiġbru flimkien ‘l-investimenti f’kompjuting [f’informatika] ta’ prestazzjoni għolja taħt PRACE, sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-industrija Ewropea u d-dinja akkademika fl-użu, l-iżvilupp u l-manifattura ta’ prodotti, servizzi u tekonoloġiji avvanzati tal-kompjuting [tal-informatika][3].'

2. Informatika ta’ Prestazzjoni għolja: Għalfejn?

Il-kompetizzjoni għat-tmexxija fis-sistemi HPC hi mqanqla kemm mill-ħtieġa li l-isfidi l-kbar tas-soċjetà u tax-xjenza jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv, bħall-individwazzjoni u t-trattament bikrija ta’ mard bħall-Alzheimer’s, id-deċifrazzjoni tal-moħħ uman[4], it-tbassir tal-evoluzzjoni tal-klima, jew il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ katastrofijiet fuq skala kbira, kif ukoll mill-ħtiġijiet tal-industrija li tkun innovattiva fil-prodotti u s-servizzi.

97 % tal-kumpaniji industrijali li jagħmlu użu mill-HPC iqisuha bħala indispensabbli għall-ħila tagħhom li jinnovaw, jikkompetu, u jibqgħu jeżistu[5]. Permezz tal-HPC il-produtturi tal-karozzi qed ikollhom l-abbiltà li jnaqqsu ż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp ta’ pjattaformi ta’ vetturi ġodda minn medja ta’ 60 għal 24 xahar, filwaqt li jtejbu bil-bosta r-reżistenza għall-ħabtiet, il-ħarsien tal-ambjent, u l-kumdità tal-passiġġieri. Uħud minn dawn id-ditti indikaw tfaddil ta’ EUR 40 biljun mill-użu tal-HPC. L-HPC hija l-bażi wara t-tbassir tat-temp li aħna noqogħdu fuqu biex nippjanaw l-attivitajiet tagħna ta’ kuljum u biex naffrontaw kundizzjonijiet severi ta’ temp li jistgħu jeqirdu l-ħajja u l-proprjetà. Xi sptarijiet fil-Ġermanja jużaw l-HPC biex ibassru liema ommijiet li waslu biex iwelldu ser ikunu jeħtieġu operazzjoni Ċesarja, bl-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet tradizzjonali u aktar riskjużi li jittieħdu waqt il-ħlas fl-aħħar minuta. Għaldaqstant, l-HPC hija essenzjali għall-kapaċitajiet industrijali tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini tagħha.

Fuq livell makroekonomiku, ġie muri li r-riżultati fuq investimenti fl-HPC huma estremament għoljin u li l-kumpaniji u l-pajjiżi li jinvestu l-aktar fl-HPC jaslu għal suċċess xjentifiku u ekonomiku. Barra minn hekk, l-avvanzi fil-qasam tal-HPC bħal teknoloġiji ġodda tal-informatika, softwer, effiċjenza enerġetika, applikazzjonijiet tal-ħżin, eċċ. jinsabu fl-industrija aktar wiesgħa tal-ICT u fis-suq tal-massa tal-konsumaturi, u jibdew ikunu disponibbli fid-djar fi żmien ħames snin mill-introduzzjoni tagħhom fl-HPC ta’ livell għoli. Min-naħa l-oħra, it-teknoloġiji avvanzati tal-informatika żviluppati għad-dominju tal-konsumatur (pereżempju, ċippijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, karti grafiċi) qegħdin jintużaw dejjem iżjed fl-HPC.

3. Is-Suq Ewropew tal-Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja

L-Ewropa għandha ħiliet fl-applikazzjoni tal-HPC u fl-iżvilupp ta’ softwer u servizzi avvanzati. Minkejja dan, fl-2009 is-sehem tas-suq tal-fornituri Ewropej tal-HPC kien biss ta' 4.3 %5. Il-maġġoranza tal-produtturi Ewropej tal-HPC kienu sparixxew sal-bidu tal-millennju l-ġdid. Minn dak iż-żmien, is-superkompjuters magħmulin l-Istati Uniti kisbu 95 % tas-suq tal-UE.

Id-domanda għall-HPC ġejja minn tliet gruppi ewlenin: is-settur governattiv li jindirizza kwistjonijiet strateġiċi ta’ sigurtà nazzjonali; is-settur pubbliku tar-riċerka u l-innovazzjoni li jikkonsisti f’ċentri tal-informatika assoċjati l-aktar ma’ universitajiet jew bħala entitajiet nazzjonali ċentralizzati; u l-industrija. F’termini ta’ daqs tas-suq, is-suq tal-UE għal sistemi HPC ta' livell għoli huwa relattivament żgħir: fl-2009 kien madwar EUR 630 miljun iżda mill-2005 beda jikber globalment b’rata komposta ta' tkabbir annwali (CAGR) ta’ 3 %. Madwar żewġ terzi ta’ dan is-suq jiddependu fuq finanzjament pubbliku. Is-suq globali usa’ tal-HPC (sistemi HPC, ħżin, middleware, applikazzjonijiet u servizzi) fl-2010 kien jiswa EUR 14-il biljun - b'madwar 32 % fl-Ewropa - u kellu CAGR ta' 7.5 %.5

F’termini ta’ kapaċità HPC użata, mill-2008 sal-2010 l-UE tilfet 10 % tal-kapaċità tal-informatika ta' livell għoli tagħha, filwaqt li nazzjonijiet oħrajn waqt l-istess perjodu żiedu l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam. Fl-2011, l-Istati Uniti u l-Ġappun kellhom iżjed kapaċità HPC kull wieħed mill-pajjiżi Ewropej kollha f’daqqa[6], u ċ-Ċina kellha iżjed kapaċità minn kwalunkwe Stat Membru individwali. Iċ-Ċina u r-Russja ddikkjaraw l-HPC bħala qasam ta’ prijorità strateġika u żiedu l-isforzi tagħhom bil-kbir. Il-fatt li fl-UE hemm inqas disponibbiltà ta’ riżorsi ta’ informatika ta’ livell għoli jfisser li fl-Ewropa, l-għarfien xjentifiku li jserraħ b'mod kritiku fuq l-HPC u li jinfluwenza l-iżvilupp ta’ sistemi HPC ġodda qiegħed jiddgħajjef. Jista’ jkun li x-xjentisti jmorru jgħixu f'post ieħor biex jagħmlu r-riċerka tagħhom f’reġjuni dinjija oħrajn b’ambjenti aħjar għall-HPC.

L-UE għandha ħafna ditti tas-softwer fl-oqsma tax-xjenza u l-inġenerija li kisbu suċċess u hija b’saħħitha f’ħafna oqsma importanti ta’ żvilupp ta' softwer parallel. Fil-fatt, il-maġġoranza l-kbira tal-applikazzjonijiet prinċipali ta’ softwer parallel użati f’siti tal-HPC fl-UE nħolqu u qegħdin ikomplu jiġu żviluppati fl-Ewropa. Madankollu, il-kontroll ta’ ħardwer avvanzat tal-HPC huwa marbut mill-qrib mas-softwer assoċjat u telf minn naħa waħda inevitabbilment iwassal għal telf in-naħa l-oħra.

4. Lejn Tiġdid tal-HPC fl-Ewropa

Il-ħtieġa ta’ politika fil-livell tal-UE qiegħda tiġi aċċettata dejjem aktar

L-iżvilupp tal-HPC ilu għal ħafna żmien kwistjoni nazzjonali għall-Istati Membri, ħafna drabi mmexxi minn applikazzjonijiet militari u ta’ enerġija nukleari. Fis-snin reċenti, l-importanza tal-HPC għar-riċerkaturi u l-industrija, importanza li qiegħda dejjem tikber, kif ukoll iż-żieda esponenzjali fl-investimenti meħtieġa biex tibqa’ komptettiva fuq livell dinji, wasslu għal fehim komuni li l-'Ewropeizzazzjoni' ta' dan id-dominju jgawdi minnha kulħadd. Dan huwa veru wkoll għal dawk l-Istati Membri li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-ħolqien ta’ infrastrutturi awtosuffiċjenti nazzjonali tal-HPC filwaqt li jistgħu jagħtu kontribuzzjonijiet siewja għall-kapaċitajiet HPC fil-livell tal-UE u jibbenefikaw minnhom.

Fl-2006, il-grupp ta’ ħidma HPC fl-Ewropa (HPC in Europe Taskforce) ippubblika White Paper bit-titolu 'Scientific Case for Advanced Computing in Europe’[7] (Każ Xjentifiku għal Informatika Avvanzata fl-Ewropa) li ttrattat il-każ tal-HPC bħala appoġġ għall-kompetittività fl-UE. Dan ix-xogħol sar fil-kuntest tal-Pjan Direzzjonali għall-Infrastrutturi ta' Riċerka, tal-ESFRI[8]. Dan wassal għall-konsolidazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali tal-HPC, pereżempju, fil-Ġermanja u fi Franza bil-ħolqien tal-Gauss Centre for Supercomputing e.V u tal-GENCI (Grand Equipement National de Calcul Intensif) rispettivament. Min-naħa l-oħra, dawn l-iżviluppi rriżultaw fil-ħolqien tal-PRACE, minħabba li l-Istati Membri u l-atturi nazzjonali rrealizzaw li jistgħu jibqgħu kompetittivi biss permezz ta’ sforz konġunt u koordinat. Din l-inizjattiva kienet appoġġjata mill-Kunsill fl-2009, li talab għal sforzi ulterjuri f’dan id-dominju.

Issa qed Tinfetaħ Tieqa ta’ Opportunità

Attwalment l-HPC għaddejja minn bidla kbira hekk kif qed tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni tas-sistemi tal-informatika li jmiss ('sistemi fuq skala exa'1) għall-2020. Dawn is-sistemi l-ġodda joħolqu diversi sfidi diffiċli, minn tnaqqis għal 100 darba ta’ konsum tal-enerġija[9] sal-iżvilupp ta’ mudelli ta’ pprogrammar għall-kompjuters li jospitaw miljuni ta’ elementi tal-informatika. Dawn l-isfidi huma l-istess għall-atturi kollha fil-qasam u ma jistgħux jintlaħqu b’sempliċi estrapolazzjoni iżda jeħtieġu innovazzjoni radikali f’ħafna teknoloġiji tal-informatika. Dan joffri opportunitajiet lill-atturi industrijali u akkademiċi fl-UE biex jerġgħu jsibu l-pożizzjoni tagħhom fil-qasam.

L-Ewropa għandha kompetenza tul il-katina tal-provvista kollha

L-Ewropa għandha l-kapaċitajiet tekniċi u l-ħiliet umani kollha meħtieġa biex taffaċċja l-isfida tal-iskala exa, jiġifieri li tiżviluppa kapaċitajiet nattivi li jkopru l-ispettru teknoloġiku kollu minn arkitetturi ta' proċessuri sa applikazzjonijiet[10]. Minkejja li attwalment l-UE hija dgħajfa meta mqabbla mal-Istati Uniti f’termini ta’ bejjiegħa ta’ sistemi HPC, għandha ħiliet partikolari fl-applikazzjonijiet, fl-informatika b’enerġija baxxa, fis-sistemi u fl-integrazzjoni li jistgħu jiġu sfruttati sabiex jidħlu b’suċċess f’din il-kompetizzjoni globali, u b’hekk ipoġġu l-UE lura fix-xena dinjija bħala wieħed mill-aqwa fornituri ta’ teknoloġija avvanzata.

Sħubija għal Informatika Avvanzata fl-Ewropa - il-PRACE qiegħda tmexxi l-proċess

Wara l-ħolqien tal-entità legali PRACE fl-2010, is-settur akkademiku qed jiġbor flimkien l-aktar sistemi sofistikati tal-informatika tiegħu bħala infrastruttura waħda u jagħmilhom disponibbli għar-riċerkaturi kollha fl-UE. Tinkiseb għalhekk massa kritika u jiġi pprovdut aċċess għal dawn l-aqwa sistemi HPC abbażi ta’ eċċellenza xjentifika aktar milli l-lokazzjoni ġeografika ta’ riċerkatur. Il-PRACE qed tkompli testendi s-servizzi tagħha għal sistemi HPC fil-medda tan-nofs bil-għan li tipprovdi pjattaforma ta’ informatika distribwita li taqdi lill-utenti tagħha irrispettivament mil-lokazzjoni tagħhom u mid-disponibbiltà tar-riżorsi nazzjonali. Il-mudell PRACE tal-ġbir flimkien tas-sistemi u tal-kompetenzi u l-qsim tagħhom jagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi limitati disponibbli.

Il-benefiċċji għall-Ewropa b’involviment attiv fl-HPC

Il-kisba ta’ aċċess indipendenti għas-sistemi u s-servizzi HPC fl-UE tħeġġeġ it-tkabbir u l-kompetittività fl-industrija u l-ekonomija tal-ICT inġenerali. Investimenti f’ċentri ta’ eċċellenza HPC jgħinu fit-tfassil u l-ħolqien ta’ sistemi HPC speċjalizzati bi kwalitajiet speċifiċi mtejba bl-aqwa mod possibbli għal sfida soċjali jew industrijali mogħtija (pereżempju, is-simulazzjoni tal-moħħ uman għandha bżonn arkitettura tal-informatika differenti mit-tfassil u s-simulazzjoni ta’ batterija aktar effiċjenti għal karozzi li jaħdmu bl-elettriku).

5. L-Isfidi Futuri

Il-konfluwenza tat-tliet fatturi diskussi hawn fuq, (i) it-tellieqa lejn informatika fuq skala exa, (ii) id-disponibbiltà tal-provvista tat-teknoloġija fl-Ewropa u (iii) is-suċċess tal-PRACE, issa tippermetti li l-UE tinvolvi ruħa b’mod attiv fl-HPC u li titħabat għal post ta' tmexxija kemm fil-provvista ta’ teknoloġiji, sistemi, kodiċijiet ta' applikazzjoni u servizzi, kif ukoll fl-użu tagħhom għal soluzzjonijiet ta' problemi xjentifiċi, industrijali u soċjali prinċipali.

It-treġġigħ lura tal-waqgħa attwali tal-HPC fl-UE jeħtieġ il-ġbir flimkien tal-isforzi sabiex jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv għadd ta’ nuqqasijiet u sfidi:

(a) Fl-UE u fl-Istati Membri għad hemm frammentazzjoni ta’ servizzi HPC pubbliċi. Din il-frammentazzjoni twassal għal użu ineffiċjenti tar-riżorsi u skambju parzjali biss tal-kompetenzi.

(b) L-UE sostanzjalment tonfoq inqas minn reġjuni oħrajn fl-akkwist ta’ sistemi tal-informatika ta’ livell għoli (nofs biss meta mqabbla mal-Istati Uniti, fuq livell simili ta’ PDG5). Bħala konsegwenza, l-ammont u l-prestazzjoni ta’ sistemi tal-informatika disponibbli fl-UE huma sempliċiment baxxi wisq meta mqabbla ma’ reġjuni dinjija oħrajn, u l-baġits tar-R&Ż mogħtija għall-HPC huma żgħar.

(c) Fl-Unjoni, il-baġits għall-akkwist pubbliku mogħtija għar-R&Ż permezz ta’ Akkwist Pubbliku Prekummerċjali (APP) huma ftit wisq meta mqabbla mal-Istati Uniti[11]. L-APP huwa disponibbli bħala mezz biex jipprokura R&Ż innovattivi għall-ilħiq ta' miri teknoloġiċi u ta’ sistema. L-APP, b’mod speċjali fl-Istati Uniti, jintuża biex javvanza l-livell għoli tal-HPC[12]. Fl-Unjoni il-maġġoranza tas-sistemi HPC ta’ livell għoli jinxtraw mis-settur pubbliku. Il-ġbir flimkien tar-riżorsi nazzjonali u tar-riżorsi tal-UE għall-APP huwa muftieħ għall-avvanz tal-kapaċitajiet HPC fl-UE u għall-iżvilupp tas-sistemi HPC fuq skala exa li l-ebda Stat Membru ma jista’ jikseb waħdu.

(d) Huwa diffiċli ħafna għall-bejjiegħa Ewropej tal-HPC li jbigħu l-prodotti tagħhom lis-settur pubbliku f’pajjiżi mhux Ewropej li għandhom bejjiegħa nazzjonali tal-HPC minħabba regoli nazzjonali, pereżempju minħabba s-sigurtà nazzjonali. Fl-istess ħin, l-iktar li jibbenefikaw mid-dritt ta’ proprjetà intellettwali (DPI) żviluppat fi proġetti Ewropej ta’ riċerka relevanti għall-HPC huma ħafna drabi kumpaniji prinċipali mhux Ewropej li taħthom jaqgħu kumpaniji parteċipanti minħabba li l-Programm Qafas jimponi ftit restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tad-DPI lil affiljati f’pajjiżi terzi. Għaldaqstant, jeħtieġ li jinstab arranġament aktar ibbilanċjat.

(e) Bejn l-industrija u d-dinja akkademika hemm interazzjoni limitata dwar l-isfruttament ta’ sistemi tal-informatika ta’ livell għoli, kodiċijiet ta’ applikazzjoni u servizzi, b’mod speċjali fir-rigward tal-użu tal-HPC għal innovazzjoni industrijali u tas-servizzi. L-Ewropa hija nieqsa wkoll minn faċilitajiet sperimentali avvanzati tal-informatika ta’ livell għoli li jippermettu lill-industrija u lid-dinja akkademika jesploraw l-għażliet ta’ teknoloġija fuq skala exa jew li jiddisinnjaw bi sħab ħardwer u softwer għal applikazzjonijiet speċifiċi.

(f) Hemm biss forza tax-xogħol żgħira disponibbli li għandha l-isfond edukattiv adegwat u li hija mħarrġa sew fl-HPC, b’mod speċjali fl-ipprogrammar parallel. Barra minn hekk, ħafna drabi t-triq tal-karriera tax-xjentisti li jieħdu ħsieb l-għodda tal-informatika u l-kodiċijiet ta’ applikazzjoni ma tkunx attraenti. Dan ifixkel l-isfruttament tal-HPC fir-riċerka u l-industrija. Sal-2020 il-qawwa tal-informatika disponibbli fis-sistemi HPC l-aktar effiċjenti tal-lum se tkun disponibbli fis-sistemi tad-desktop. Forza tax-xogħol imħarrġa sew u li hija kapaċi tuża b’mod effiċjenti dan il-poter tal-informatika hija essenzjali.

6. Pjan ta’ Azzjoni għal Tmexxija Ewropea fl-HPC

Il-Kunsill talab għal aktar żvilupp tal-Infrastruttura Ewropea ta’ Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja u għal ġbir flimkien tal-investimenti nazzjonali fl-HPC sabiex il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea u tad-dinja akkademika tissaħħaħ fl-użu, fl-iżvilupp u fil-manifattura ta' prodotti, servizzi u teknoloġiji tal-informatika avvanzata3. Dan huwa l-għan ta’ livell għoli li qed imexxi strateġija Ewropea mġedda għall-HPC.

Għanijiet Speċifiċi

Sabiex dan l-għan ġenerali jintlaħaq, ġew identifikati l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

· Tiġi fornuta infrastruttura HPC Ewropea ta’ livell dinji li minnha tibbenefika firxa wiesgħa ta’ utenti akkademiċi u industrijali, u b’mod speċjali SMEs, inkluż forza tax-xogħol imħarrġa sew fl-HPC;

· Jiġi żgurat aċċess indipendenti għal teknoloġiji, sistemi u servizzi HPC għall-UE;

· Tiġi stabbilita skema pan-Ewropea ta’ governanza tal-HPC biex tiġbor flimkien riżorsi mkabbra u żżid l-effiċjenza fost oħrajn bl-użu strateġiku ta’ akkwist konġunt u prekummerċjali.

· Tiġi żgurata l-pożizzjoni tal-UE bħala attur globali.

L-HPC hija ta' importanza strateġika għolja għas-soċjetà , il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Sabiex l-għan ta’ eċċellenza jintlaħaq fl-użu tal-HPC u biex jiġi żgurat aċċess indipendenti għas-sistemi u s-servizzi fl-UE, jeħtieġ li fl-istess ħin jitpoġġew f’posthom diversi miżuri mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-industrija. Dawn il-miżuri (imniżżla hawn taħt) se jkollhom impatt kemm fuq il-provvista kif ukoll fuq id-domanda tal-HPC, b’manjiera sinerġetika.

Hawnhekk, l-attivitajiet komplementari ta’ riċerka speċifiċi għall-HPC mhumiex indirizzati direttament għaliex se jkunu parti mill-informatika avvanzata fil-Qafas Strateġiku Komuni tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020[13].

6.1. Governanza fil-livell tal-UE

Pjan ta’ Azzjoni għal tiġdid tal-HPC fl-UE jeħtieġ governanza adegwata għall-iffissar ta’ għanijiet konkreti, id-deċiżjoni ta’ politiki, il-monitoraġġ tal-progress u l-ġbir flimkien u l-użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli fl-Istati Membri. Il-governanza għandha tkun ġusta, miftuħa, sempliċi u effiċjenti, tgħin fil-bilanċ u fl-arbitrar tal-interessi, tal-kapaċitajiet u tar-riżorsi.

Governanza bħal din tirrappreżenta żewġ dimensjonijiet ewlenin. Dawn id-dimensjonijiet huma konnessi flimkien permezz taċ-ċentri HPC/PRACE li jippromwovu l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

(a) Għall-industrija, permezz tal-pjattaforma tat-teknoloġija mmexxija mill-industrija għall-fornituri tal-HPC fl-UE, u netwerk ta’ ċentri ta’ kompetenza li jipprovdu għarfien espert u servizzi fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u tas-softwer tal-HPC;

(b) Għax-xjenza, permezz tal-PRACE u ta' ċentri ta’ eċċellenza li jindirizzaw sfidi soċjali u xjentifiċi prinċipali permezz tal-użu u l-applikazzjoni ta’ softwer u ta’ servizzi HPC;

· L-Industrija tal-UE involuta fil-provvista ta’ sistemi u servizzi HPC għandha tikkoordina aġendi ta’ riċerka permezz tal-pjattaforma tat-teknoloġija u b’hekk toħloq massa kritika ta’ R&Ż industrijali fl-HPC.

6.2. Pakkett Finanzjarju

Il-livell ta’ investiment tal-2009, ta’ EUR 630 miljun fis-sena5 għall-akkwist ta’ riżorsi HPC ta’ livell għoli fl-Ewropa, mhuwiex biżżejjed biex isostni sistemi u servizzi HPC f’livell globalment kompetittiv. Dan il-livell irid jirdoppja għal madwar EUR 1.2 biljun fis-sena biex l-Ewropa terġa’ tkun attur prinċipali fil-qasam tal-HPC5. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kkonfermaw tali investiment miżjud.

Għalhekk, biex l-isforzi attwali jiġu ssupplementati, ikun hemm bżonn ta’ EUR 600 miljun oħra kull sena biex jinqasmu bejn il-baġits nazzjonali, il-Kummissjoni (pereżempju, Programmar Konġunt) u l-utenti industrijali. Bejn wieħed u ieħor, nofs dawn ir-riżorsi addizzjonali jmorru għall-akkwist ta’ sistemi u ta’ bażijiet ta’ evalwazzjoni tal-HPC, kwart ieħor għat-taħriġ tal-persuni, u l-aħħar kwart għall-iżvilupp u t-titjib fil-livell tas-softwer HPC.

· L-Unjoni, l-Istati Membri u l-Industrija għandhom iżidu l-investimenti tagħhom fl-HPC għal madwar EUR 1.2 biljun fis-sena - ekwivalenti f'termini ta' PDG għal reġjuni dinjija oħrajn.

6.3. Mekkaniżmi ta’ Akkwist Pubbliku Prekummerċjali u Ġbir Flimkien tar-Riżorsi

Is-settur pubbliku huwa x-xerrej prinċipali ta’ HPC ta’ livell għoli. Ftit mill-baġit tiegħu (fl-ordni ta’ 10 % fis-sena) użat għall-akkwist ta' sistemi HPC fl-UE għandu jintuża għall-APP sabiex jiġu żviluppati u jinżammu kapaċitajiet ta’ provvista nattivi tal-UE li jkopru l-ispettru teknoloġiku kollu minn arkitetturi ta’ proċessuri sa applikazzjonijiet. Permezz ta’ dawn l-investimenti mibdijin mill-gvern, jista' jingħata appoġġ lill-fornituri tal-HPC fl-UE[14] għall-iżvilupp ta' sistema HPC sofistikata ħafna bejn wieħed u ieħor kull sentejn.

Azzjonijiet tal-APP għar-R&Ż tal-HPC fl-UE jistgħu isiru eliġibbli għal kofinanzjament mill-Unjoni (pereżempju, permezz tal-Orizzont 2020 - Infrastrutturi elettroniċi; strumenti tal-politika ta’ koeżjoni)[15] billi jsegwu waħda mill-iskemi mogħtija hawn taħt:

(a) Azzjonijiet konġunti ta' APP li jinvolvu diversi Stati Membri jew l-Istati Membri kollha (pereżempju, organizzati permezz tal-PRACE) għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet sofistikati ħafna tal-HPC b’missjoni Ewropea ċara.

(b) Azzjonijiet ta’ APP imwettqa minn utenti kbar jew mill-Istati Membri individwalment (jiġifieri, mingħajr il-ġbir flimkien ta' baġits nazzjonali) jistgħu huma wkoll jirċievu fondi15 (inqas minn (a)) jekk (i) għall-utenti Ewropej kollha jkun hemm disponibbli sehem xieraq tal-iżvilupp tal-HPC li jirriżulta, (ii) l-APP ikun miftuħ għall-entitajiet legali kollha biex jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Orizzont 2020, u (iii) l-ispeċifikazzjonijiet ikunu ddefiniti biex b’hekk jirriflettu l-ħtiġijiet fil-livell tal-UE.

· L-Istati Membri huma mistiedna jwettqu attivitajiet ta’ akkwist konġunt u jużaw l-APP għall-istimulazzjoni tal-iżvilupp ta’ sistemi u servizzi HPC avvanzati. Kull Stat Membru għandu jinkoraġġixxi b’mod attiv l-użu tal-APP u joffri fl-ordni ta’ 10 % tal-baġit annwali tiegħu ta’ akkwist tal-HPC għal dan.

· Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għall-fondi pprovduti b’mod kollettiv mill-Istati Membri għall-APP tar-R&Ż fuq is-servizzi ta’ sistemi HPC b’missjoni fil-livell tal-UE u b’disponibbiltà mifruxa mal-UE.

· Fejn ikun relevanti, proġetti ta’ Infrastruttura elettronika tal-HPC li jirċievu fondi mill-Kummissjoni għandhom ikunu mħeġġa jużaw l-APP.

· Bħala rispons għall-APP, l-Industrija tal-UE hija mħeġġa tinvolvi ruħha b’mod attiv fl-iżvilupp tal-HPC u fl-applikazzjonijiet avvanzati.

6.4. L-iżvilupp ulterjuri tal-ekosistema Ewropea tal-HPC

Il-PRACE tiżgura d-disponibbiltà wiesgħa tar-riżorsi HPC fuq termini ta’ aċċess ugwali. Din trid tkompli tissaħħaħ sabiex takkwista l-kompetenza biex (i) tiġbor flimkien fondi nazzjonali u tal-UE, (ii) tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u tagħmel akkwist (prekummerċjali) konġunt għal sistemi sofistikati ħafna, (iii) tagħti appoġġ lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom tal-eżerċizzji ta’ akkwist, (iv) tipprovdi servizzi ta’ riċerka u innovazzjoni lill-industrija, u (v) tipprovdi pjattaforma għas-sostituzzjoni tar-riżorsi u l-kontribuzzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim ta’ infrastruttura tal-informatika ta’ prestazzjoni għolja.

Barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita Infrastruttura elettronika għal softwer ta’ applikazzjoni u għodda tal-HPC. Din l-Infrastruttura għandha tkompli tikkonsolida l-pożizzjoni b’saħħitha tal-UE fl-applikazzjonijiet HPC billi tikkoordina u tistimula l-iżvilupp u l-iskalar tal-kodiċi ta' softwer parallel, u billi tiżgura d-disponibbiltà ta' softwer HPC ta’ kwalità għall-utenti.

· Pajjiżi membri fil-PRACE għandhom jappoġġjaw l-evoluzzjoni tal-PRACE lejn Infrastruttura elettronika prinċipali fuq livell globali.

· Għandhom jiġu stabbiliti ċentri ta’ eċċellenza għall-applikazzjoni tal-HPC f’dominji xjentifiċi jew industrijali li huma l-aktar importanti għall-Ewropa (pereżempju, fil-qasam tal-enerġija, ix-xjenzi tal-ħajja u l-klima).

· Il-PRACE għandha tirfina l-governanza tagħha għar-rwol estiż deskritt hawn fuq; tipprepara għall-ewwel eżerċizzju importanti tal-APP fl-2014; tkompli tagħmel is-servizzi tagħha disponibbli għall-komunità Ewropea kollha tar-riċerka u l-edukazzjoni; u tipprovdi taħriġ u kompetenza fl-industrija. Iċ-ċentri tal-informatika qawwija, li jirrappreżentaw lill-pajjiżi tagħhom bħala l-imsieħba ewlenin tal-PRACE, għandhom isaħħu u jorganizzaw l-entita legali tal-PRACE b’mod li tkun kapaċi terfa' dan l-irwol ikbar.

· L-Industrija Ewropea hija mħeġġa ħafna biex tagħmel użu mis-servizzi u l-għarfien offruti mill-PRACE u mill-imsieħba tagħha.

· Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-PRACE u tiżgura li din tibqa’ parti integrali mill-Infrastruttura elettronika Ewropea; u se tipprovdi appoġġ għall-ħolqien u t-tħaddim ta' Infrastruttura elettronika Ewropea għall-HPC. · Għandhom jiġu stabbiliti ċentri ta’ disinn bi sħab ta’ ħardwer u softwer biex jiffukaw fuq l-avvanz tat-teknoloġiji, ir-riżorsi, l-għodda u l-metodoloġiji tal-HPC.

6.5. Industrija li Tisfrutta l-HPC kompletament

L-industrija għandha rwol doppju fl-informatika ta' livell għoli: l-ewwel, li tforni sistemi, teknoloġiji u servizzi ta’ softwer għall-HPC; u t-tieni, li tagħmel użu mill-HPC biex tkun innovattiva fil-prodotti, il-proċessuri u s-servizzi. It-tnejn huma importanti biex jagħmlu l-Ewropa iżjed kompetittiva. B’mod speċjali għall-SMEs, l-aċċess għall-HPC, l-immudellar, is-simulazzjoni, is-servizzi ta’ prototipi ta’ prodotti u l-konsultazzjoni huwa importanti biex b’hekk jibqgħu kompetittivi. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jitlob approċċ doppju: it-tisħiħ kemm tad-domanda industrijali kif ukoll tal-provvista tal-HPC.

· L-Istati Membri huma mħeġġa jwaqqfu ċentri ta’ kompetenza HPC li jiffaċilitaw l-aċċess tal-industrija u b'mod speċifiku tal-SMEs għas-servizzi HPC, u għandhom jappoġġjaw iċ-ċentri tal-informatika qawwija fit-trasferiment ta' kompetenzi fihom.

· Il-Kummissjoni għandha tappoġġja twaqqif ta’ netwerk ta’ ċentri ta’ kompetenza HPC għall-promozzjoni ta’ servizzi pan-Ewropej u għat-tixrid tal-aħjar prattiki (pereżempju, appoġġ għat-timijiet tal-esperti tal-HPC li jassistu lill-utenti tal-industrija).

· L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol ħafna akbar li tkun edukata u mħarrġa sew fl-HPC (pereżempju, permezz ta’ kurrikulu mudell; u permezz ta’ taħriġ fiċ-ċentri ta’ kompetenza HPC)[16].

· L-Industrija tal-HPC fl-UE għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżgura provvista indipendenti u tal-ogħla livell tal-UE ta’ komponenti, softwer u sistemi HPC ewlenin.

· L-Industrija tal-UE għandu jkollha attitudni proattiva lejn l-użu u l-applikazzjoni tal-HPC bħala għodda essenzjali għall-iżvilupp ta' servizzi u prodotti innovattivi.

6.6. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd

L-UE, biex tiżviluppa kapaċità industrijali awtonoma u vijabbli f’HPC sofistikata ħafna, trid tiżgura li l-industrija tagħha tal-HPC ikollha aċċess ġust għas-swieq mifruxin mad-dinja kollha bl-istess mod li l-industrija minn reġjuni oħra tad-dinja għandha aċċess għas-suq intern tal-UE; u li l-ekonomija tal-UE tibbenefika biċ-ċar mill-investimenti Ewropej tar-R&Ż fil-qasam tal-HPC.

· Il-Kummissjoni għandha turi l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-suq tal-HPC fid-Djalogi u fin-negozjati tal-kummerċ tal-ICT tagħha mal-pajjiżi kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat li l-akkwist nazzjonali tagħhom tal-HPC u r-R&Ż ikunu miftuħin għal industrija bbażata fl-UE14.

· Għal DPI li jkun iġġenerat fil-qasam tal-HPC b'appoġġ mill-Orizzont 2020, il-Kummissjoni tista' tapplika obbligazzjonijiet addizzjonali ta' sfruttament[17].

7. Konklużjonijiet

Bit-twaqqif tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fl-1975, l-Ewropa ddeċidiet li l-aċċess indipendenti għall-ispazju kien mira strateġika essenzjali għall-kompetittività tal-Ewropa. Din il-Komunikazzjoni titlob deċiżjoni strateġika simili għal sistemi u servizzi HPC li huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u xjentifiku tal-UE u għall-kompetittività tagħha. Din l-istrateġija mġedda tal-HPC se tpoġġi l-UE bħala ċentru tal-innovazzjoni, punt ta’ eċċellenza xjentifika u msieħba globali. L-UE għandha tkun fost il-mexxejja tal-kompetizzjoni globali għal informatika fuq skala exa.

Il-Kummissjoni, b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, se timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni u se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2015.

[1]               F’din il-Komunikazzjoni, it-terminu Informatika ta’ prestazzjoni għolja (HPC) jintuża bħala sinonimu għal informatika ta’ livell għoli, informatika qawwija, informatika ta’ livell dinji, eċċ., sabiex ikun hemm distinzjoni bejnha u bejn informatika distribwita, cloud computing u servers komputanti.

                Ma hemmx definizzjoni fissa dwar kemm irid ikun b’saħħtu kompjuter sabiex jitqies li jkun 'ta’ prestazzjoni għolja'. Dan għaliex il-prestazzjoni tal-mikroproċessuri żdiedet b’mod esponenzjali għal bosta snin u għaldaqstant, kwalunkwe definizzjoni simili malajr ma tibqax aġġornata. Hija prattika komuni li kompjuter jitqies li jkun ta’ prestazzjoni għolja jekk juża iżjed minn proċessur wieħed (għexieren, mijiet jew saħansitra eluf) imqabbdin flimkien b' netwerk sabiex jinkisbu riżultati ħafna ogħla milli kieku jagħti proċessur wieħed. L-użu ta’ iżjed minn proċessur wieħed b'dan il-mod xi drabi jissejjaħ informatika parallela. L-aqwa magni ta’ prestazzjoni fl-2010 jużaw mijiet ta’ eluf ta’ nuklei proċessuri (processing cores) u huma kapaċi jagħmlu 1015 operazzjonijiet b’punt li jvarja kull sekonda (dan jissejjaħ ‘peta-flop’). Dan ifisser 1000 darba iżjed mill-aktar magna b’saħħitha fornuta fis-sena 2000, li min-naħa l-oħra kienet 1000 darba iżjed b’saħħitha mid-deċennju ta' qabel. L-esperti qegħdin ibassru li sal-2020 se jibdew jeżistu kompjuters fuq skala exa (li kapaċi jagħmlu 1018 operazzjonijiet kull sekonda).

[2]               PRACE: www.prace-ri.eu

[3]               COM(2009) 108. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (17190/09) u (9451/10).

[4]               Pereżempju, "The Virtual Physiological Human initiative" (L-inizjattiva tal-Bniedem Fiżjoloġiku Virtwali), www.vph-noe.eu “The Human Brain Project” (Il-Proġett tal-Moħħ Uman), www.humanbrainproject.eu

[5]               Studji tal-IDC (International Data Corporation): 'A Strategic Agenda for European Leadership in Supercomputing: HPC 2020’ (Aġenda Strateġika għat-Tmexxija Ewropea fl-Informatika Qawwija: HPC 2020) u ‘Financing a Software Infrastructure for Highly Parallelised Codes’ (L-Iffinanzjar ta’ Infrastruttura tas-Softwer għal Kodiċijiet f’Parallel fuq Livell Għoli)

[6]               www.top500.org/charts/list/37/countries

[7]               www.hpcineuropetaskforce.eu/files/Scientific case for European HPC infrastructure HET.pdf

[8]               Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka.

                ec.europa.eu/research/infrastructures/index_en.cfm?pg=esfri

[9]               F’konformità mal-miri tal-ekonomija ekoloġika tal-Ewropa, ec.europa.eu/europe2020/targets/eu-targets/index_mt.htm; COM(2009) 111, Mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta’ karbonju

[10]             Laqgħat ta’ konsultazzjoni tal-esperti tal-HPC f’Settembru 2010 u Marzu 2011 cordis.europa.eu/fp7/ict/e-infrastructure/events-p-2011_en.html

[11]             COM(2007) 799, L-akkwist pubbliku prekummerċjali: inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa: “Is-settur pubbliku tal-Istati Uniti qiegħed jonfoq $ 50 biljun kull sena fl-akkwist pubbliku tal-R&D [R&Ż], ammont li huwa għoxrin darba ogħla minn dak tal-Ewropa"

[12]             Ir-rapport EURAB, PREST, 2004, “US defence R&D spending: an analysis of the impacts”

[13]             COM(2011) 811 finali, Programm Speċifiku li Jimplimenta Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), 1.1. It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni: Informatika tal-ġenerazzjoni li jmiss.

[14]             Konformi mall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti tal-Gvernijiet, l-Artikolu III

[15]             Fil-limiti tal-baġit allokat fil-programm għal dak il-għan. Soġġett għall-adozzjoni tal-Programm Orizzont 2020 mill-Awtorità Leġiżlattiva.

[16]             Konformi ma’ COM(2007) 496, ħiliet fl-elettronika għas-seklu 21: Trawwim tal-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

[17]             F’konformità mal-Artikoli 40 u 41 ta' COM(2011) 810 finali, Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’‘Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020)’

Top