This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0012
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS based on Article 29 (2) of the Council Framework Decision of 27 November 2008 on the protection of personal data processed in the framework of police and judicial cooperation in criminal matters
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali
/* COM/2012/012 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali /* COM/2012/012 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI ibbażat fuq l-Artikolu 29 (2)
tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2008
dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas
tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali
1.
INTRODUZZJONI
1.1.
Sfond
Id-Deċiżjoni Qafas
tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008[1] (minn issa 'l quddiem
‘id-Deċiżjoni Qafas’) dwar il-protezzjoni ta' dejta personali
pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f’materji kriminali tistabbilixxi qafas ġenerali
legiżlattiv għall-protezzjoni tad-dejta fil-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Daħlet fis-seħħ
fid-19 ta’ Jannar 2009[2]. Id-Deċiżjoni Qafas kienet
meħtieġa peress li f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda
strument ġenerali fil-livell Ewropew li jkopri l-ipproċessar
tad-dejta fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji
kriminali[3].
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' dejta
personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta jiddikjara li ma japplikax
“għall-ipproċessar tad-dejta personali fil-kors ta' attività li ma
tkunx skont il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħal ma huma dawk
provduti fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe
każ għal operazzjonijiet ta' pproċessar dwar sigurtà pubblika,
difiża, sigurtà tal-Istat jew l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma
tal-liġi kriminali”. L-għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa
li tipprovdi livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u
tal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fil-livell tal-UE meta tiġi
pproċessata d-dejta personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u
dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Fl-istess ħin, għandu
jiġu garantit livell għoli ta’ sigurtà pubblika[4]. Dan ma jipprekludix
lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla biex jipproteġu
d-dejta personali li tinġabar jew tiġi pproċessata fil-livell
nazzjonali[5]. Il-kamp ta’ applikazzjoni[6] tad-Deċiżjoni Qafas
huwa limitat għall-ipproċessar tad-dejta personali għall-iskop
ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif jew teħid ta’ passi fir-rigward ta’
reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali ta' dejta li hija
trażmessa jew ġiet trażmessa jew saret disponibbli: - bejn l-Istati Membri, - mill-Istati Membri lill-awtoritajiet jew lil
sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti fuq il-bażi tat-Titolu VI
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘Kooperazzjoni tal-pulizija u dik
ġudizzjarja f'materji kriminali’); jew - lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri minn awtoritajiet jew sistemi ta' informazzjoni stabbiliti fuq
il-bażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi
l-Komunità Ewropea. Dejta personali li tkun ġiet trasferita
minn Stat Membru għal ieħor tista' wkoll tiġi trasferita lil
Stati terzi jew korpi internazzjonali, sakemm jiġu sodisfatti ċerti
rekwiżiti[7]. Id-Deċiżjoni Qafas tapplika
bis-sħiħ għar-Renju Unit u l-Irlanda, għax hija
żvilupp tal-acquis ta' Schengen. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma
parti mid-Deċiżjoni Qafas skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll li
jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness
mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità
Ewropea, u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2000/365/KE u
2002/192/KE. Fir-rigward tal-Islanda, in-Norveġja,
l-Isvizzera u l-Liechtenstein, id-Deċiżjoni Qafas tikkostitwixxi
żvilupp tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim u
l-Protokolli konklużi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Unjoni
Ewropea mal-Islanda u man-Norveġja, mal-Konfederazzjoni Svizzera u
mal-Liechtenstein, u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill 1999/437/KE,
2008/149/ĠAI u 2008/262/ĠAI.
1.2.
Il-Kontenut tad-Deċiżjoni
Qafas 2008/977/ĠAI
Il-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Deċiżjoni Qafas ma jkoprix l-ipproċessar domestiku tad-dejta
personali mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jew tal-pulizija
fl-Istati Membri (Artikolu 1 (2)). B’mod ġenerali, l-istrumenti
leġiżlattivi speċifiċi għas-settur għall-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali li fihom
dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta' dejta personali u li kienu
ġew adottati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ
tad-Deċiżjoni Qafas jingħataw preċedenza fuq dawn
tal-aħħar (l-Artikolu 28). L-istrumenti meqjusa li jistabbilixxu
“sett ta’ regoli komplet u koerenti” fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta
mhumiex affettwati mid-Deċiżjoni Qafas (il-premessa 39).
Miżuri oħrajn speċifiċi għas-settur li fihom regoli
għall-protezzjoni tad-dejta b'kamp ta’ applikazzjoni aktar limitat
jingħataw preċedenza fuq id-Deċiżjoni Qafas biss jekk dawn
ir-regoli jkunu aktar restrittivi minn din tal-aħħar. F’kull każ
ieħor tapplika d-Deċiżjoni Qafas (il-premessa 40). Id-Deċiżjoni Qafas tispeċifika
l-għanijiet tal-protezzjoni tad-dejta fi ħdan il-qafas ta’
attivitajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji. Tistipula regoli dwar
il-legalità tal-ipproċessar ta' dejta personali biex tiżgura li
kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi skambjata tiġi
pproċessata legalment u skont il-prinċipji fundamentali tal-kwalità
tad-dejta. Tiddefinixxi wkoll id-drittijiet
tas-suġġetti tad-dejta biex tiżgura l-protezzjoni tad-dejta
personali mingħajr ma tipperikola l-interessi tal-investigazzjonijiet
kriminali. Għal dan il-għan, is-suġġetti tad-dejta jridu
jkunu infurmati u jrid ikollhom aċċess għad-dejta personali
tagħhom. L-awtoritajiet ta’ superviżjoni
nazzjonali, li jaġixxu b’indipendenza sħiħa
fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom, iridu jagħtu parir
u jissorveljaw l-applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri biex
jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas.
1.3.
L-obbligu tal-Kummissjoni li tirraporta dwar
l-implimentazzjoni
Skont l-Artikolu 29(1)
tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri
biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni qabel
is-27 ta' Novembru 2010. Skont l-Artikolu 29(2) għandhom
jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni
t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali
tagħhom l-obbligi imposti fuqhom, kif ukoll informazzjoni dwar
l-awtoritajiet ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 25
tad-Deċiżjoni Qafas. Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport
bl-użu tal-informazzjoni li tkun intbagħtet mill-Istati Membri.
Il-Kunsill għandu, qabel is-27 ta’ Novembru 2011, jivvaluta
safejn l-Istati Membri kkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Qafas.
1.4.
Għejun ta’ informazzjoni li fuqhom huwa
bbażat dan ir-rapport
Sad-9 ta’ Novembru 2011,
26 minn 27 Stat Membru, kif ukoll il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Islanda
u l-Isvizzera, kienu bagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar
l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Minn dawn is-26 Stat Membru, 14-il
Stat Membru indika li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tagħhom
timplimenta d-Deċiżjoni Qafas (il-Belġju, ir-Repubblika
Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, l-Ungerija,
il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Isvezja, u
r-Renju Unit). Il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Estonja u l-Isvezja ddikjaraw li
kienu għadhom qed jinvestigaw jekk kienx hemmx bżonn ta’ iżjed
miżuri ta' implimentazzjoni. 9 Stati Membri
jistgħu jiġu kkunsidrati li implimentaw parzjalment
id-Deċiżjoni Qafas, peress li huma jirrapportaw li
l-leġiżlazzjoni implimentattiva għadha trid tiġi adottata. 4 Stati Membri ma
rreaġixxewx għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni
(ir-Rumanija) jew indikaw li huma ma implimentawx id-Deċiżjoni Qafas
(il-Greċja, l-Italja[8],
Ċipru). Il-kontenut
tal-informazzjoni, b’mod partikulari l-livell ta’ dettall, mogħti
mill-Istati Membri b'risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni jvarja.
It-Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali tat-tweġibiet:
tirrifletti l-valutazzjoni min-naħa tal-Istati Membri dwar l-istat ta’
implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.
2.
TRASPOŻIZZJONI TAD-DEĊIŻJONI QAFAS
2.1.
Deċiżjoni Qafas ex-Artikolu 34(2)(b)
tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
Din
id-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq it-Trattat li jistabbilixxi
l-Unjoni Ewropea (TUE), u b’mod partikulari l-Artikoli 30, 31(e) u
l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu. Id-Deċiżjonijiet
Qafas bħala strumenti legali jistgħu jiġu pparagunati
l-aħjar ma' direttiva, peress li huma vinkolanti fuq l-Istati Membri
fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu
f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi.
Madankollu, deċiżjonijiet qafas m'għandhomx effett dirett[9]. Skont l-Artikolu 10
tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-atti
adottati abbażi tat-Titoli V u VI tat-TUE qabel id-dħul
fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (Nru 36), anness mat-Trattati,
is-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-TFUE mhumiex applikabbli
(u dawk tal-ECJ jibqgħu limitati) fir-rigward tal-atti ta’ ‘dak li kien
it-tielet pilastru’ għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta' ħames snin
mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (jiġifieri
sal-1 ta’ Diċembru 2014). Hawn taħt
hawn xi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ erba’ dispożizzjonijiet
ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas kif irrappurtat mill-Istati Membri bi
tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni
tad-9 ta' Diċembru 2010.
2.1.1.
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri
ta’ implimentazzjoni nazzjonali
Id-Deċiżjoni
Qafas tapplika biss għall-ipproċessar ta' dejta personali
trażmessa jew li ssir disponibbli bejn l-Istati Membri
(l-Artikolu 1(2)). L-ipproċessar tad-dejta personali mill-pulizija u
l-ġustizzja f'materji kriminali fil-livell nazzjonali ma jaqax fil-kamp ta’
applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. It-Tabella 2
tal-Anness tipprovdi ħarsa ġenerali tal-miżuri implimentattivi
fl-Istati Membri. Ħafna mill-Istati Membri rreferew
għal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta
bħala waħda mill-miżuri implimentattivi tad-Deċiżjoni
Qafas u żiedu referenza għal leġiżlazzjoni settorjali
applikabbli għall-awtoritajiet tal-pulizija, tal-ġustizzja, tad-dwana
u tat-taxxa. Xi Stati Membi ddeċidew li ma jadottawx strumenti leġiżlattivi,
iżda li jimplimentaw id-Deċiżjoni billi joħorġu
ċirkulari amministrattivi (pereżempju l-Ġermanja u r-Renju
Unit). Ħafna
mill-Istati Membri indikaw li l-leġiżlazzjoni ġenerali
tal-protezzjoni tad-dejta tapplika għall-ipproċessar tad-dejta
personali mill-pulizija u l-ġustizzja kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll
f’kuntest transkonfinali[10],
madankollu ta’ spiss flimkien mal-Atti dwar il-Proċedura Kriminali u
l-Atti (dwar id-Dejta) tal-Pulizija[11].
Tlettax-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka,
il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta,
il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Isvezja)
irreferew għall-Atti dwar il-Proċedura Kriminali jew
leġiżlazzjoni simili. Seba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka,
il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja,
il-Finlandja u l-Isvezja) irrapurtaw l-eżistenza ta’ Att (dwar id-Dejta)
tal-Pulizija[12].
Tliet Stati Membri (pereżempju l-Bulgarija, il-Portugall, il-Litwanja)
żiedu li huma adottaw ukoll leġiżlazzjoni speċifika biex
jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas
mhux koperti mil-leġiżlazzjoni ġenerali, li japplikaw biss
għall-ipproċessar transkonfinali tad-dejta personali[13]. Tliet Stati Membri
kkunsidraw il-kamp ta’applikazzjoni limitat tad-Deċiżjoni Qafas
bħala problema. L-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi rrapurtaw diffikultajiet
biex jiddistingwu fil-prattika bejn l-ipproċessar transkonfinali tad-dejta
skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 u l-ipproċessar
fil-livell nazzjonali, u l-kumplessità relatata biex l-awtoritajiet
tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jaħdmu b’regoli ta’
pproċessar differenti fir-rigward tal-istess dejta personali. Il-Polonja
identifikat il-punti dgħajfa fid-Deċiżjoni Qafas b’mod
ġenerali u, b’mod partikulari, enfasizzat l-appoġġ tagħha
għall-għan tal-Kummissjoni biex twaqqaf qafas komprensiv u
l-estensjoni tar-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta fil-qasam
tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali[14].
2.1.2.
Informazzjoni tas-suġġetti
tad-dejta (l-Artikolu 16, il-premessi 26-27)
Skont
id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinfurmaw lis-suġġetti
tad-dejta, li d-dejta tagħhom qed tiġi proċessata jew
trażmessa lil Stat Membru ieħor għall-iskop ta’ prevenzjoni,
investigazzjoni, kxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew eżekuzzjoni
ta' pieni kriminali. Il-forma, il-kontenut, il-metodu u
l-eċċezzjonijiet (jiġifieri l-ebda għoti jew għoti
limitat ta’ informazzjoni) użati għal dan l-iskop għandhom ikunu
determinati skont il-liġi nazzjonali. Din tista’ tieħu forma
ġenerali, billi tingħadda liġi jew tiġi ppubblikata lista
ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar. Jekk id-dejta tkun trasferita lil
Stat Membru ieħor, kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor
biex ma jinfurmax lis-suġġett tad-dejta. It-Tabella 3
turi li kważi l-Istati Membri kollha indikaw li huma
jipprovdu lis-suġġetti tad-dejta b’xi informazzjoni dwar
l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom. Franza indikat li
ma tipprovdix informazzjoni. Lanqas id-Danimarka ma tagħti dan
id-dritt, iżda rraportat li l-kontrollur għandu l-obbligu li
jżomm reġistru u li jinforma lill-pubbliku. Id-dritt
għall-informazzjoni huwa suġġett għal limitazzjonijiet
fil-maġġoranza kbira tal-Istati Membri.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita dan id-dritt għall-għan
ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, kxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew
tipprovdi li l-ipproċessar tad-dejta minn kontrolluri tad-dejta
speċifiċi (pulizija u/jew ġudikatura) jiġi eżentat
mill-applikazzjoni ta' dan id-dritt. F’xi każijiet, huma previsti
limitazzjonijiet/eżenzjonijiet mingħajr ma jiġi speċifikat
għal liema attivitajiet huma maħsuba. Għadd konsiderevoli ta’
Stati Membri jirraportaw li hemm limitazzjonijiet bħal dawn
għall-pulizija, għall-pulizija militari, għall-qrati,
għad-dwana u għall-awtoritajiet tat-taxxa. Il-Pajjiżi
l-Baxxi stqarrew li obbligu ġenerali li jinfurmaw
lis-suġġett tad-dejta mhuwiex konsistenti bis-sħiħ
man-natura tax-xogħol tal-pulizija u l-ġudikatura, iżda li hemm
fis-seħħ ċerti arranġamenti biex issir dispożizzjoni
suffiċjenti biex is-suġġett tad-dejta jiġi infurmat kif
mitlub rigward l-ipproċessar tad-dejta mill-awtoritajiet tal-pulizija u
dawk ġudizzjarji (jiġifieri l-liġijiet jinfurmaw dwar
każijiet u kundizzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta; il-prosekutur
pubbliku jinforma lis-suġġett tad-dejta dwar l-eżerċizzju
ta’ setgħat investigattivi speċjali, jekk l-interessi
tal-investigazzjoni jkunu jippermettu). Il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw ukoll
li ma hemmx il-ħtieġa li din id-dispożizzjoni tkun implimentata
għax l-Artikolu 16(1) sempliċement jirreferi
għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Id-Deċiżjoni
Qafas tistabbilixxi d-dritt tas-suġġetti tad-dejta
għall-informazzjoni iżda ma fiha l-ebda dettalji dwar il-metodi jew
dwar eżenzjonijiet possibbli. Anke jekk, skont l-Istati Membri, id-dritt
għall-informazzjoni huwa ġeneralment mogħti, l-implimentazzjoni
tvarja b’mod konsiderevoli.
2.1.3.
Id-dritt għall-aċċess
tas-suġġetti tad-dejta (l-Artikolu 17)
Id-Deċiżjoni Qafas tipprovdi li
suġġett tad-dejta għandu d-dritt li jikseb, mingħajr
tfixkil, dewmien jew spejjeż eċċessivi, jew: (a) mill-inqas konferma mill-kontrollur
jew mill-awtorità ta' superviżjoni nazzjonali dwar jekk dejta relatata
miegħu ġietx trażmessa jew magħmula disponibbli jew le u
informazzjoni dwar id-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom
ġiet żvelata d-dejta u komunikazzjoni tad-dejta għaddejja minn
ipproċessar; (b) mill-inqas konferma mill-awtorità
ta’ superviżjoni nazzjonali li saru l-verifiki applikabbli kollha. L-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw
restrizzjonijiet għal dan id-dritt ta’ aċċess, sabiex jevitaw li
jkun hemm xkiel f’inkjesti uffiċjali jew legali, f’investigazzjonijiet jew
fi proċeduri legali; li jippreġudikaw il-prevenzjoni, il-kxif,
l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni
ta' pieni kriminali; jipproteġu s-sigurtà pubblika; jipproteġu
s-sigurtà nazzjonali; u jipproteġu s-suġġett tad-dejta jew
id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn (Artikolu 17(2)). Kwalunkwe
rifjut mill-kontrollur li jipprovdi din l-informazzjoni għandha ssir
bil-miktub (Artikolu 17(3)). L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u
kkumpilata fit-Tabella 4 dwar id-dritt tal-aċċess
tirrifletti s-sitwazzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni
lis-suġġett tad-dejta. Jista’ jiġi konkluż li l-Istati
Membri kollha[15]
jagħtu xi forma ta' dritt għal aċċess
lis-suġġetti tad-dejta. Dan id-dritt huwa ġeneralment minqux
fil-leġiżlazzjoni ġenerali tal-pajjiż dwar il-protezzjoni
tad-dejta. Bosta Stati Membru jirregolaw ukoll dettalji tad-dritt ta’
aċċess f’leġiżlazzjoni speċifika għas-settur
(bħall-Atti tal-Pulizija). Bl-istess mod,
l-Istati Membri kollha jipprovdu għal eżenzjonijiet mid-dritt ta’
aċċess. Ir-raġunijiet li l-aktar jissemmew ta’ spiss
għar-rifjut tad-dritt li jingħata aċċess huma: –
- il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u
l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali; –
- is-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà
pubblika; –
- l-interessi ekonomiċi u finanzjarji ta’ Stat
Membru u tal-UE (inklużi kwistjonijiet monetarji, baġitarji jew ta'
tassazzjoni)[16]; –
- il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet
tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuni oħrajn. Rigward il-mod
li bih jingħata l-aċċess għad-dejta personali, xi Stati
Membri indirizzaw din il-kwistjoni b’mod espliċitu, oħrajn le. Xi
Stati Membri indikaw li huma jagħtu lis-suġġetti tad-dejta
d-dritt li jibagħtu talba għal aċċess għad-dejta
tagħhom direttament lill-awtorità kompetenti (jiġifieri l-Awstrija,
il-Ġermanja, il-Bulgarija, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, Malta,
il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Isvezja, ir-Renju Unit)
filwaqt li oħrajn jippermettu biss aċċess ‘indirett’
(il-Belġju, Franza). Fil-każ tal-aħħar, hija l-awtorità ta’
superviżjoni nazzjonali u mhux is-suġġett tad-dejta li jkollu
aċċess għad-dejta personali kollha relatata
mas-suġġett tad-dejta. Fil-Finlandja u fil-Litwanja,
is-suġġetti tad-dejta jingħataw għażla. Fil-Portugall,
jingħata aċċess dirett bħala regola ġenerali,
iżda jingħata aċċess indirett f'każijiet fejn
l-ipproċessar tad-dejta personali jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-Istat
jew fuq il-prevenzjoni jew l-investigazzjoni tal-kriminalità . Is-sitwazzjoni
hija simili fil-Lussemburgu, fejn ġeneralment l-aċċess
jingħata direttament, iżda jekk tkun tapplika eżenzjoni, it-talba
għall-aċċess għandha tiġi indirizzata lill-awtorità
ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta. Id-Deċiżjoni
Qafas fiha regoli ġenerali li jagħtu lis-suġġetti tad-dejta
d-dritt li jiksbu aċċess għad-dejta tagħhom. Ma
tispeċifikax fid-dettall x'tip ta' informazzjoni trid tingħata
lis-suġġett tad-dejta. Tħalli wkoll f’idejn l-Istati Membri biex
jiddeċiedu jekk is-suġġetti tad-dejta jistgħux
jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom direttament jew
jekk għandhomx jużaw il-mezz indirett.
2.1.4.
L-Awtoritajiet ta’ Superviżjoni
nazzjonali (l-Artikolu 25)
Id-Deċiżjoni
Qafas 2008/977 tirrikonoxxi li t-twaqqif fl-Istati Membri ta’ awtoritajiet
ta’ superviżjoni, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom
b’indipendenza sħiħa, huwa “komponent essenzjali tal-protezzjoni
tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u
ġudizzjarja bejn l-Istati Membri” (il-premessa 33).
Id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni
diġà stabbiliti fl-Istati Membri skont id-Direttiva "għandhom
ikunu jistgħu wkoll" jassumu din ir-responsabbiltà
(il-premessa 34). L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni
Qafas 2008/977 jirrifletti parti importanti tad-dispożizzjoni dwar
l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Artikolu 28 (pararafi 1-4,
7) fid-Direttiva 95/46/KE dwar is-setgħat tal-awtorità, l-obbligazzjoni
tagħha li taġixxi b’indipendenza sħiħa u d-dmir ta'
segretezza professjonali. Kull awtorità jrid ikollha numru ta’ setgħat, li
jinkludu setgħat investigattivi (inkluż aċċess
għad-dejta u l-ġbir ta’ informazzjoni meħtieġa),
setgħat effettivi ta’ intervent (bħall-ħruġ u l-ippubblikar
ta’ opinjonijiet qabel l-ipproċessar ta’ operazzjonijiet; l-ordni ta’
twaqqif, tħassir jew qerda ta’ dejta; impożizzjoni ta’ projbizzjoni
temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar; theddida jew twissija
lill-kontrollur; referenza tal-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew lil
istituzzjonijiet politiċi oħrajn) u s-setgħa li tidher fi
proċedimenti legali.
It-Tabella 5
turi li, f’ħafna każijiet, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni
nazzjonali inkarigati biex jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni
tar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta huma wkoll responsabbli
għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni
tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977. L-Isvezja tindika
li l-Bord tal-Ispezzjoni tad-Dejta tagħha għad irid jinħatar
bħala awtorità ta’ superviżjoni kompetenti skont l-Artikolu 25
tad-Deċiżjoni Qafas. Xi Stati Membri
qajmu espressament il-kwistjoni tas-superviżjoni tal-ipproċessar
tad-dejta mill-ġudikatura[17].
Id-Danimarka indikat li l-Qorti Amministrattiva hija responsabbli
għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta mill-ġudikatura
u l-Awstrija innutat li l-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni
tad-dejta mhijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti ta' ksur ta'
regoli dwar il-protezzjoni ta' dejta mill-ġudikatura. Fil-Lussemburgu
s-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta hija ġeneralment
il-kompetenza tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta. L-attivitajiet
ta’ pproċessar imwettqa fil-qafas ta’ dispożizzjoni nazzjonali li
timplimenta konvenzjoni internazzjonali huma sorveljati minn awtorità li hija
komposta minn Procureur Général d'Etat jew id-delegat tiegħu u
żewġ membri tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta li jkunu
ġew proposti minnu u nnominati mill-Ministru.
2.1.5.
Kwistjonijiet oħrajn li tqajmu mill-Istati
Membri
Mis-26 Stat
Membru, 20 – li 8 minnhom ma weġbux għal din il-mistoqsija
(il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija,
il-Lussemburgu, Ċipru u l-Awstrija) – ma rrapurtawx li sabu xi problemi
partikulari bid-Deċiżjoni Qafas. .. Kif jidher fit-Tabella 6,
6 Stati Membri kkummentaw dwar kwistjonijiet li huma preokkupanti
għalihom, bħall-kwistjonijiet li ġejjin: - il-Polonja kkunsidrat li
d-Deċiżjoni Qafas kien fiha diversi punti dgħajfa li
għandhom jiġu rimedjati, u esprimiet l-appoġġ tagħha
għal riforma sabiex titwaqqaf sistema tad-dejta komprensiva u koerenti
fil-livell tal-UE; - l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi sabu
diffikultà biex jiddistingwu fil-prattika bejn l-ipproċessar
transkonfinali tad-dejta skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 u
l-ipproċessar fil-livell nazzjonali, u d-diffikultà relatata biex
l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri jaħdmu b’regoli
ta’ pproċessar differenti fir-rigward tal-istess dejta personali; - l-Italja,
ir-Repubblika Ċeka u l-Pajjiżi l-Baxxi ikkritikaw ir-regoli dwar
it-trasferimenti internazzjonali inklużi fid-Deċiżjoni Qafas.
B’mod partikulari, l-Italja qalet li kien meħtieġ li jiġi
pprovdut livell xieraq u aktar uniformi ta’ protezzjoni ta’ dejta fit-trasferimenti
tad-dejta lil pajjiżi terzi. Il-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidraw bħala
problema n-nuqqas ta’ kriterji fid-Deċiżjoni Qafas biex jiġi
determinat il-livell ta’ protezzjoni xieraq ta’ pajjiż terz, li wassal
għal implementazzjoni varjabbli mill-Istati Membri. Fl-aħħar
nett, ir-Repubblika Ċeka kkunsidrat li r-regoli dwar it-trasferimenti
internazzjonali fid-Deċiżjoni Qafas “mhumiex realistiċi”;
- Franza rreferiet
għal problema speċifika fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-perjodi
ta’ ħażna ta’ dejta personali trażmessa lil pajjiż terz u
rċevuta mingħandu meta dan il-pajjiż terz ikollu rekwiżiti
differenti f’dak ir-rigward; - is-Slovakkja qalet li kien meħtieġ li
ssir aktar distinzjoni bejn l-ipproċessar tad-dejta mill-pulizija u
mill-ġudikatura (proċedimenti tal-qorti). - Kemm
ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw li seta’ jkun
hemm konfużjoni fl-infurzar tal-liġi minħabba l-ħtieġa
li jkun hemm konformità ma’ regoli ta’ protezzjoni tad-dejta multipli
fil-livell internazzjonali (bħall-Kunsill tal-Ewropa), fil-livell tal-UE u
fil-livell nazzjonali.
3.
IX-XOGĦOL
LI GĦAD IRID ISIR
Dan ir-rapport jevalwa l-istat
tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Deċiżjoni Qafas dwar
il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni
tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Id-diffikultajiet
prattiċi li jiltaqgħu magħhom għadd ta’ Stati Membri biex
jiddistingwu bejn ir-regoli għall-ipproċessar domestiku u dawk
għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dejta jistgħu jiġu
solvuti permezz ta’ sett uniku ta’ regoli li jkopri l-ipproċessar
tad-dejta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’kuntest transkonfinali.
Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżenzjonijiet possibbli fil-livell tal-UE
fir-rigward tad-dritt tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni
jistħoqqilhom aktar kjarifiki. Permezz ta’ kriterji armonizzati minimi
fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-dejta
għandhom jissaħħu d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta
filwaqt li jipprovdu wkoll eżenzjonijiet sabiex jippermettu lill-pulizija
u lill-ġustizzja li jagħmlu xogħolhom sewwa. Skont l-Artikolu
16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiżgura d-dritt
għall-protezzjoni tad-dejta personali, issa hemm il-possibbiltà li
jitwaqqaf qafas komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta li jiżgura kemm
livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta tal-individwi fil-qasam
tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, kif
ukoll skambju bla xkiel tad-dejta personali bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u
l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, biex b’hekk jiġi
rispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà. [1] ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60. [2] Artikolu 30. [3] Il-Premessa 5 tad-Direttiva 95/46/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar
il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta
personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, ĠU L 281,
23.11.1995, p. 31. [4] Artikolu 1. [5] Artikolu 1(5). [6] Artikolu 1(2). [7] Artikolu 13. [8] L-Italja infurmat lill-Kummissjoni li
għadhom ma ġewx adottati formalment strumenti implimentattivi
speċifiċi. Hi tirreferi għall-Kodiċi ta’ Protezzjoni ta’
Dejta Personali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u atti oħra
li jinkludu diżpozzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar
f’oqsma oħra. Stati Membri oħrajn ħadu approċċ
differenti u indikaw li r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta fis-seħħ
japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-Pulizija u
l-Ġustizzja fil-livell nazzjonali kif ukoll għall-ipproċessar
transkonfinali mill-Pulizija u l-Ġustizzja f’materji kriminali. Barra minn
hekk, infurmaw lill-Kummissjoni dwar miżuri implimentattivi addizzjonali
li attwalment qed jiġu ppreparati. [9] Ara l-Kawża C-105/03, Pupino,
sentenza tas-16.5.2005, para. 34, 43-45, 47, 61, li fiha l-ECJ ikkonkludiet li
fl-interpretar tal-liġijiet nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma obbligati
jistinkaw biex jiksbu interpretazzjoni konsistenti, anke ma'
deċiżjonijiet qafas. [10] Dan diġà kien il-każ qabel l-adozzjoni
tad-Deċiżjoni Qafas (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2005) 1241 tal-4.10.2005,
punt 5.1.2.). [11] Ara t-Tabella 2. [12] Ara t-Tabella 2. [13] Ara l-kummenti min-naħa tal-Pajjiżi l-Baxxi. [14] Ara wkoll il-kontribut tal-Polonja (il-Ministeru
tal-Intern) għall-konsultazzjoni pubblika li nediet il-Kummissjoni
fl-aħħar tal-2010 (li ssir referenza għaliha fit-tweġiba
tagħhom għall-kwestjonarju): http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/0006/contributions/public_authorities/pl_min_pl.pdf. [15] Wieħed jista’ jasal għal din il-konklużjoni
din il-konklużjoni minkejja li xi Stati Membri ma pprovdewx
speċifikazzjonijiet (ara d-dettalji fit-Tabella 3). [16] Din mhix eżenzjoni li hija msemmija espressament
fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977. Madankollu,
tirrifletti eżenzjoni elenkata fl-Artikolu 13(1)
tad-Direttiva 95/46/KE. [17] Ara l-premessa 35, l-aħħar sentenza,
tad-Deċiżjoni Qafas, li tistqarr li s-setgħat ta' awtoritajiet
superviżorji "m'għandhomx jinterferixxu ma’ regoli
speċifiċi stipulati għall-proċedimenti kriminali jew
għall-indipendenza tal-ġudikatura".