Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1042

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006” COM(2011) 614 final — 2011/0275 (COD)

    ĠU C 191, 29.6.2012, p. 44–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 191/44


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006”

    COM(2011) 614 final — 2011/0275 (COD)

    2012/C 191/08

    Relatur: is-Sur BARÁTH

    Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 178 u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006

    COM(2011) 614 final – 2011/0275 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012.

    Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'178 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u punti ta’ riflessjoni indirizzati fl-opinjoni

    1.1   Il-proposti leġislattivi għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, adottati mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2011 (il-“Pakkett ta’ Koeżjoni”), jintroduċu tibdil sostanzjali fil-mod kif titfassal u tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni. L-għan prinċipali ta’ din il-politika u ta’ waħda mill-għodod prinċipali tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), huwa li tuża l-investiment bħala mezz kif jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk, l-investimenti relatati mal-FEŻR għandhom jipproduċu benefiċċji għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

    1.2   Iżda, huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna r-regoli stipulati fil-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi (“ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni”), li wħud minnhom huma relatati b'mod dirett mal-użu tal-FEŻR. Dawn l-aspetti ġenerali għandhom impatt importanti fuq l-użu tal-finanzjament relatat mal-FEŻR:

    il-finanzjament ikun ikkonċentrat fuq għadd iżgħar ta’ prijoritajiet;

    dawn il-prijoritajiet ikunu marbutin iżjed mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020;

    enfasi fuq ir-riżultati;

    monitoraġġ tal-progress miksub biex jintlaħqu l-għanijiet miftiehma;

    żieda fl-użu tal-kundizzjonalitajiet;

    u s-semplifikazzjoni tal-attwazzjoni.

    Iżda, huma importanti wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi, pereżempju dawk li jippromovu l-użu ta’ approċċ iżjed integrat, jew dawk li jirregolaw b'mod iżjed espliċitu l-użu tal-istrumenti finanzjarji.

    1.3   Jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna wkoll il-fatt li fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta dwar il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, jiġifieri l-baġit għall-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. Il-KESE ressaq ukoll għadd ta’ opinjonijiet dwar ir-riżorsi proprji tal-Unjoni.

    1.4   Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Fondi Strutturali – Dispożizzjonijiet Ġenerali (1), il-KESE fassal għadd ta’ messaġġi importanti dwar il-“Pakkett ta’ Koeżjoni” kollu kemm hu. L-opinjoni attwali tappoġġa bis-sħiħ dawn il-messaġġi u tibni fuqhom, b'mod partikolari rigward il-FEŻR.

    1.4.1   Sħubija

    1.4.1.1   Il-KESE jemmen bil-qawwa li sħubija ġenwina li tinvolvi l-imsieħba kif definita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni kollha fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ex post ta’ proġetti fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikkontribwixxi b'mod dirett għas-suċċess tagħhom; għalhekk, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li diversi msieħba ġew definiti fl-Artikolu 5(1) tal-proposti tal-Kummissjoni, u jilqa' wkoll il-fatt li s-sħubija ser ssir aspett obbligatorju tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

    1.4.1.2   Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona tista' tissaħħaħ, mhux biss billi tiġi promossa l-identità Ewropea, iżda wkoll permezz tas-sehem fil-proġetti tal-imsieħba kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, biex b'hekk dawn isiru iżjed effettivi.

    1.4.1.3   Il-KESE huwa mħasseb serjament dwar is-sinjali li qed jaslu mingħand il-Kunsill li jagħtu xhieda tal-fatt li ċerti Stati Membri donnhom qed jillimitaw il-prinċipju tas-sħubija; jitlob lill-Kummissjoni u l-PE jagħtu l-kontribut tagħhom biex jiġġieldu kontra dan.

    1.4.1.4   Il-KESE huwa tal-fehmali l-abbozz ta’ regolament, ġaladarba jiġi adottat, ser jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, fid-dawl tal-fatt li l-kompiti tal-FEŻR huma stabbiliti fit-Trattat u l-politika hija implimentata skont il-prinċipju tal-ġestjoni konġunta, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi istituzzjonali tal-Istati Membri u r-reġjuni.

    1.4.2   Kundizzjonalità

    1.4.2.1   Il-KESE huwa tal-fehma li żieda ikbar fl-użu tal-kundizzjonalità fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE tikseb riżultati sostenibbli iżjed immirati u reali. F'ħafna mill-analiżi li wettaq, il-KESE indirizza kwistjonijiet dwar il-“kundizzjonalità” tal-implimentazzjoni, li għandha timxi id f'id ma’ livell ogħla ta’ effiċjenza, titjib fil-kwalità u semplifikazzjoni essenzjali.

    1.4.2.2   Il-kundizzjonalità ex ante għandha tintrabat ma’ implimentazzjoni adatta tal-prinċipju tas-sħubija.

    1.4.2.3   Il-KESE ma jaqbilx ma’ kif inhi fformulata attwalment il-kundizzjonalità makroekonomika peress li tibgħat sinjali ħżiena u, fl-aħħar mill-aħħar, tippenalizza r-reġjuni u ċ-ċittadini li m'għandhomx x'jaħtu rigward l-eċċessi makroekonomiċi li jsiru fil-livelli nazzjonali.

    1.4.3   Semplifikazzjoni

    1.4.3.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-proċeduri tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, kemm dawk relatati b'mod dirett kif ukoll dawk li huma marbutin magħha b'xi mod. Iżda, għad hemm wisq kumplessità.

    1.4.3.2   Permezz ta’ enfasi eċċessiva fuq l-awditjar u l-proċeduri, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej qed joħonqu l-aċċess għall-fondi tal-UE għall-SMEs u l-NGOs – qed tinħela wisq enerġija fuq il-piżijiet amministrattivi. Ma naċċettawx b'mod assolut il-“gold plating” fi kwalunkwe livell.

    1.4.3.3   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-isforzi li qed isiru biex jiġu kkoordinati l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politika ta’ koeżjoni, u biex ikun hemm enfasi ikbar fuq temi prinipali u fuq il-ksib tar-riżultati.

    1.4.3.4   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ukoll mal-bżonn li jiġu ssemplifikati r-regoli finanzjarji, amministrattivi u proċedurali u dawk relatati mal-monitoraġġ fil-qasam tal-użu tal-fondi strutturali.

    1.4.4   Koordinament tal-politiki

    1.4.4.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-proposti tal-Kummissjoni għal konċentrazzjoni tematika bħala mezz biex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-isforzi.

    1.4.4.2   Il-KESE madankollu jirrakkomanda li tintwera iżjed flessibbiltà rigward il-konċentrazzjoni tematika, l-iżjed biex ikun iżjed faċli li jiġi applikat l-approċċ territorjali u, b'hekk, titjieb l-effettività tal-politika.

    1.4.4.3   Fil-fehma tal-KESE, il-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) huwa għodda importanti għall-koordinazzjoni tal-interventi tal-fondi strutturali, u jiddispjaċih li, kif inhu fformulat attwalment, ma jistax jagħti l-fehma tiegħu dwaru.

    1.4.5   Finanzjament, inġinerija finanzjarja

    1.4.5.1   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li kull euro li huwa disponibbli għall-finanzjament tal-koeżjoni għandu jkollu l-aqwa impatt possibbli.

    1.4.5.2   Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni juru li hemm qbil ġenerali dwar il-kunċett tal-konċentrazzjoni tal-finanzjament. ll-KESE huwa tal-fehma li għadd ta’ preokkupazzjonijiet li tlissnu dwar ċerti kwistjonijiet kienu bir-raġun u jitolbu tweġiba qabel ma jidħol fis-seħħ ir-regolament ġenerali futur.

    1.4.5.3   Huma meħtieġa garanziji biex jiżguraw li l-konċentrazzjoni eċċessiva, b'mod speċjali l-interpretazzjoni riġida tal-11-il għan tematiku u l-persentaġġ minimu tar-riżorsi li għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw ċerti għanijiet tematiċi prijoritarji (eż. l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-SMEs), ma xxekkilx l-appoġġ għall-proġetti relatati mal-iżvilupp minħabba differenzi fil-livell lokali u reġjonali.

    1.4.5.4   Il-KESE enfasizza kemm-il darba li l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-politika ta’ koeżjoni jikkomplementaw lil xulxin. Madankollu, biex jiġu kkoordinati l-politika tal-istabbiltà (li titlob riformi strutturali), il-politika ta’ koeżjoni (li hija orjentata lejn il-konverġenza) u l-istrateġiji tat-tkabbir, l-Unjoni teħtieġ iżjed riżorsi.

    1.4.5.5   Għal dan il-għan, għandu jsir użu ikbar mill-bonds tal-proġetti Ewropa 2020, kif stabbilit f'opinjonijiet reċenti tal-KESE.

    1.4.5.6   Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li tiġi eżaminata bir-reqqa l-possibbiltà li jintużaw fondi futuri impenjati fil-qasam tal-koeżjoni, kif ukoll fondi li ma ntefqux mill-perjodu attwali ta’ programmazzjoni bil-għan li jingħata nifs ġdid lit-tkabbir tal-ekonomija Ewropea ISSA!

    2.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

    2.1   Il-KESE jirrikonoxxi t-tħejjijiet bir-reqqa u estremament dettaljati li l-Kummissjoni Ewropea wettqet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020 għall-perjodu 2014-2020.

    2.2   Fl-istudji u l-opinjonijiet differenti tiegħu, il-KESE għamel għadd ta’ oservazzjonijiet dwar il-kontenut tar-raba' u l-ħames rapport ta’ koeżjoni, dwar l-użu tal-Fondi Strutturali matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-effettività tagħhom, u jekk humiex adatti għall-iskop maħsub għalih jew le. Ħafna minn dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkunsidrati fit-tiswir tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020.

    2.3   Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-użu tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020 ġew ippubblikati fi żmien meta l-fehmiet dwar in-natura tal-aggravament tal-kriżi Ewropea u l-kawżi tagħha jvarjaw ħafna.

    2.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-għeruq storiċi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali fl-Ewropa jitolbu li jiġu implimentati riformi strutturali fis-sistema istituzzjonali, soċjali u politika. L-FEŻR jista' jaqdi rwol kruċjali biex jittrasforma s-sistemi tas-sigurtà soċjali b'mod li jkunu iżjed kosteffiċjenti u sostenibbli. Iżda, biex dawn is-sistemi jinbidlu, jinħtieġu riżorsi finanzjarja oħra fuq bażi temporanja. Il-KESE jirrikonoxxi li d-disponibbiltà limitata tar-riżorsi u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-konċentrazzjoni wasslu biex issir inqas enfasi fuq il-prijoritajiet ta’ investiment li għandhom l-għan li jagħmlu tibdil strutturali fl-infrastruttura tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li mingħajr dawn l-investimenti, l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni fuq dawn is-sistemi jibqa' limitat.

    2.5   Bħala konsegwenza tal-kriżi, l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi u privati tista' twassal għal diffikultajiet rigward il-provvediment tal-kofinanzjament neċessarju għall-interventi li huma essenzjali biex it-tibdil mixtieq ikun jista' jsir. Il-KESE huwa tal-fehma li approċċ responsabbli u flessibbli rigward ir-rati ta’ kofinanzjament u l-klawżoli tal-kundizzjonalità jsaħħaħ il-possibbiltà li l-interventi ffinanzjati mill-Fondi jkollhom impatt dewwiemi.

    2.6   L-Istrateġija Ewropa 2020, u l-abbozz ta’ regolament tal-FEŻR ispirat minnha, jirriflettu approċċ ekonomiku li jimxi id f'id mal-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ ekonomiji żviluppati li huma kkaratterizzati minn tkabbir bil-mod, u għandhom kapaċità sostanzjali fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Fil-pajjiżi żviluppati, m'hemm l-ebda dubju li r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jaqdu rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku. Il-kompetittività, għalkemm ma tikkontradixxix il-politika ta’ koeżjoni, tagħtiha inqas importanza.

    2.7   Il-politika ta’ koeżjoni għandha l-għan li tkun l-istrument ta’ investiment prinċipali biex jiġu appoġġjati l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni kif stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020. Dan tagħmlu billi tiffoka fuq il-pajjiżi u r-reġjuni bl-akbar bżonnijiet. Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ, iżda fl-istess ħin jiġbed l-attenzjoni għal ċerti elementi tal-Proposta għal Regolament li jistgħu jtellfu milli jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    2.7.1   L-FEŻR jista' jkollu impatt konsiderevoli kemm fuq li jintlaħqu l-għanijiet tal-konverġenza, kif ukoll fuq l-għanijiet fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kompetittività. Peress li l-livell tar-riżorsi ma jistax jiżdied b'mod sostanzjali, il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li jiġu definiti għanijiet iżjed ċari u jiġi żgurat li l-prijoritajiet ta’ investiment proposti jintrabtu b'mod iżjed preċiż mal-għanijiet. Peress li min-natura tiegħu, l-approċċ territorjali huwa adatt għad-definizzjoni ta’ għanijiet iżjed preċiżi, il-fehma tal-KESE hija li għandha ssir iżjed enfasi fuq strateġiji abbażi tat-territorji fil-livell Ewropew, bħall-istrateġiji makroreġjonali eżistenti jew dawk futuri, bħala referenzi għal għanijiet adatti għall-ħtiġijiet ta’ żoni speċifiċi.

    2.7.2   Il-kundizzjonalità makroekonomika tista' żżomm lura t-tkabbir ekonomiku u b'hekk tnaqqas l-istrumenti disponibbli, li possibbilment iwassal għat-tneħħija tal-għajnuna u t-tqassim mill-ġdid tal-istrumenti mneħħija favur reġjuni iżjed żviluppati. Huwa probabbli li jinqala' kunflitt kbir ħafna bejn li jintlaħqu l-għanijiet tal-kompetittività minn naħa, u dawk tal-politika ta’ koeżjoni min-naħa l-oħra. Iżda, il-kundizzjonijiet tematiċi u istituzzjonali ex ante, kif elenkati fl-Anness IV tar-regolament tad-“Dispożizzjonijiet Komuni”, jistgħu jtejbu l-effettività tal-FEŻR.

    2.7.3   F'ċerti Stati Membri jew reġjuni inqas żviluppati, is-sehem ta’ 50 % tal-fondi tal-FEŻR li twarrab għal skopijiet speċifiċi jista' jwassal għal telf tal-effettività. Dan l-impatt jista' jkun dovut għall-fatt li jista' jkun li għanijiet “obbligatorji” relatati mal-investiment mhumiex l-aħjar mod biex niksbu l-aqwa żvilupp tar-reġjun jew l-Istat Membru inkwistjoni. F'dawn il-każi, l-effettività tal-użu riżorsi tonqos. Hemm ukoll il-periklu ta’ problemi ta’ assorbiment, filwaqt li ma tkunx tista' tintlaħaq il-massa kritika meħtieġa biex tindirizza b'mod effettiv id-diffikultajiet reali relatati mal-iżvilup. Barra minn hekk, miżuri li ma jindirizzawx problemi reali relatati mal-iżvilupp jistgħu jwasslu għal nuqqas dejjem jikber fil-fiduċja min-naħa tal-pubbliku. Dawn il-punti kollha jenfasizzaw il-bżonn li jiġi żgurat li l-għanijiet speċifiċi marbuta mal-iżvilupp u l-bżonnijiet tar-reġjuni jiġu ġestiti b'mod flessibbli fil-kuntest tal-prijoritajiet ta’ investiment tal-FEŻR.

    3.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

    3.1   Karatteristiċi territorjali partikolari (żvilupp urban, reġjuni ultraperiferiċi)

    3.1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ngħatat attenzjoni ikbar biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi marbutin mal-iżvilupp urban sostenibbli u r-reġjuni ultraperiferiċi.

    3.1.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-obbligu speċifiku li jiġi applikat approċċ integrat fil-qasam tal-iżvilupp urban. Iżda, huwa tal-fehma li l-Kuntratt ta’ Sħubija għandu jagħti biss lista indikattiva tal-bliet li jibbenefikaw mill-għajnuna u t-tqassim annwali tar-riżorsi għal dan il-għan, sabiex ikun possibbli li kull Stat Membru jiżviluppa l-proġetti b'mod iżjed flessibbli, li jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fuq ir-riżultati fil-bliet benefiċjarji.

    3.1.3   Rigward il-ġestjoni tal-azzjonijiet integrati, il-KESE jenfasizza li għal dawn il-miżuri kumplessi hemm il-periklu li jiġu implimentati proċeduri burokratiċi u riġidi żżejjed relatati mas-selezzjoni u l-amministrazzjoni. Dan jista' jnaqqas mill-possibbiltà li l-Istati Membri u l-benefiċjarji jgawdu kemm jista' jkun minn dawn l-opportunitajiet. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw dawn l-azzjonijiet integrati, u tiżgura wkoll li ftit li xejn ikollhom għalfejn jiffaċċjaw burokrazija żejda.

    3.1.4   Il-KESE jaqbel mat-twaqqif ta’ pjattforma Ewropea tal-iżvilupp urban fil-kuntest tal-iżvilupp urban sostenibbli. Ma jaqbilx li teżisti l-ħtieġa li d-dritt li jiġi deċiżi liema bliet jieħdu sehem fil-pjattforma jaqa' fuq il-Kummissjoni Ewropea; għandu jkun biżżejjed li tiġi stabbilita sensiela ta’ kriterji fissi.

    3.1.5   Rigward il-ħolqien tal-pjattaforma tal-iżvilupp urban, il-KESE huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ korp ġdid mhuwiex meħtieġ: il-kompiti jistgħu jitwettqu mill-federazzjonijiet eżistenti tal-bliet Ewropej. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltajiet li kemm jista' jkun jiġu involuti organizzazzjonijiet eżistenti fl-operazzjonijiet tal-pjattaforma.

    3.1.6   Il-pjattaforma tkun tappoġġja wkoll il-ħolqien ta’ netwerks bejn il-bliet kollha li jieħdu miżuri innovattivi fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-KESE huwa tal-fehma li, minbarra l-Kummissjoni, gruppi ta’ Stati Membri jkollhom ukoll l-opportunità li jieħdu l-inizjattiva meta jkun hemm bżonn li jittieħdu miżuri innovattivi jew li jitwaqqfu netwerks fi ħdan il-qafas tal-pjattaforma.

    3.1.7   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni il-proposta li mill-inqas 5 % tal-fondi tal-FEŻR jintefqu fuq l-iżvilupp urban integrat. Dan jibgħat messaġġ importanti u inkoraġġanti mill-UE lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ dan l-ammont u r-rabta tiegħu mal-użu ta’ riżorsi oħrajn għadhom mhux ċari.

    3.1.8   Fil-fehma tal-KESE, hemm ħafna vantaġġi f'li tiġi stabbilta definizzjoni tas-sistemi urbani ta’ bliet żgħar, medji u kbar fil-livell Ewropew, abbażi ta’ strateġija pan-Ewropea għall-iżvilupp territorjali. Huwa importanti wkoll li jitfasslu linji gwida għall-iżvilupp ta’ netwerk poliċentriku ta’ agglomerazzjonijiet b'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    3.2   Żvilupp territorjali

    3.2.1   Kif jagħtu xhieda wkoll opinjonijiet preċedenti tal-KESE, l-aħjar mod biex ir-reġjuni jiġu megħjuna ma jibqgħux lura fil-qasam tal-iżvilupp huwa li jissaħħu r-rabtiet territorjali u jiġu appoġġjati t-tipi kollha ta’ mobbiltà. Il-kompetittività tikber jekk in-netwerks spazjali tal-agglomerazzjoni u l-produzzjoni jitħallew jiżviluppaw. Ir-rabtiet mixtieqa, però, mhumiex limitati għat-trasport u l-komunikazzjoni, u l-għanijiet relatati jvarjaw minn reġjun għal ieħor.

    3.2.2   Il-KESE jirrakkomanda li jiġi identifikat qafas Ewropew ġdid għal kunċetti ta’ proġetti integrati ta’ Interess Ewropew Speċjali; dan il-qafas għandu jkollu għanijiet territorjali speċifiċi. Il-QFS għandu jiġi kkunsidrat bħala d-dokument adatt li jirreferi għal dan il-qafas Ewropew ġdid. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat jekk hemmx il-bżonn ta’ “Strateġija Ewropea għall-Iżvilupp Territorjali” formalizzata. Minbarra l-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-għanijiet dwar in-netwerk urban tal-Ewropa.

    3.2.3   Ta' min jeżamina jekk, fil-każ tal-istrateġiji makroreġjonali jew dawk relatati mal-iżvilupp urban integrat, hemmx il-bżonn li jitfasslu u jiġu promossi għanijiet ġodda li mingħajrhom ma jkunux jistgħu jiżviluppaw kif imiss proġetti fuq skala wiesgħa. Dokumenti mħejjija kif suppost abbażi ta’ ħidma preparatorja, pereżempju mfassla bħala parti mit-tħejjijiet għall-aġenda territorjali tal-UE jew il-programm ESPON, huma disponibbli biex jikkontribwixxu għad-definizzjoni ta’ dawn l-għanijiet, li preferibbilment għandhom ikunu fuq bażi territorjali.

    3.2.4   L-istrateġija għall-iżvilupp territorjali tista' tiddefinixxi għanijiet li jinkoraġġixxu kooperazzjoni makroreġjonali ekonomika u soċjali f'oqsma bħal dawn:

    it-tisħiħ tal-infrastruttura tar-riċerka u l-innovazzjoni (oqsma tar-riċerka); il-kollegament ta’ ċentri Ewropej ta’ eċċellenza u l-promozzjoni taċ-ċentri ta’ kompetenza, bil-għan li tingħata ħajja ġdida liċ-ċentri Ewropej ta’ żvilupp;

    l-investiment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-intrapriżi, l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, eċċ., l-internalizzazzjoni tas-sistemi lokali ta’ produzzjoni (clusters), u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ netwerks Ewropej;

    sistemi tat-trasport minbarra n-netwerk tal-infrastruttura tat-TEN-T (ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, ħarsien ambjentali, enerġija, sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, eċċ.);

    in-netwerk istituzzjonali, għall-iżvilupp minn isfel għal fuq tal-livelli makroreġjonali u transnazzjonali tal-gvern, eċċ.

    3.2.5   F'dan ir-rigward, il-KESE huwa fiduċjuż ferm fil-konfront tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-QFS. Dawn għad mhumiex disponibbli, iżda l-Kumitat jistenna li jinżamm infurmat u jiġi kkonsultat.

    3.3   Nikkollegaw l-Ewropa

    3.3.1   Il-KESE kemm-il darba stqarr li fid-dawl tal-konċentrazzjoni tar-riżorsi, hemm bżonn li jiġu pprovduti riżorsi u oqfsa legali distinti li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni transnazzjonali u b'hekk jissaħħu r-rabtiet fl-Ewropa. Izda, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tikkunsidra li twessa' l-ambitu tal-interventi potenzjali li jsiru fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa billi tespandiha bil-għan li tkun tista' tiffinanzja proġetti ta’ Interess Ewropew Speċjali, minbarra dawk fil-qasam tat-trasport u l-komunikazzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu introdotti mekkaniżmi li jiżguraw li l-proġetti ffinanzjati jaqdu l-interess ta’ livell ogħla ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa.

    3.3.2   Il-KESE jemmen li l-iżvilupp tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa f'qafas finanzjarju li jiffinanzja l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ Interess Ewropew Speċjali huwa konformi mat-TFUE, kif deskritt fil-punt 3.2.2 ta’ din l-opinjoni. Il-Faċilità għandha tinkludi inizjattivi relatati mat-trasport, l-enerġija u l-ICT.

    3.4   Attivitajiet ekonomiċi

    3.4.1   Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità lil żewġ għanijiet li huma partikolarment importanti rigward il-kontribut tal-FEŻR għall-ġid pubbliku:

    il-kontribut għall-impjiegi, ir-R&Ż u l-innovazzjoni permezz tal-appoġġ tal-intrapriżi;

    l-investiment fl-infrastruttura bażika (eż: it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, u l-infrastruttura soċjali u tas-saħħa);

    il-ħolqien, u b'importanza ndaqs, it-trasferiment tal-intrapriżi; u

    l-iżvilupp tal-kompetittività għall-SMEs, b'appoġġ speċjali għall-mikrointrapriżi u dawk relatati mas-snajja'.

    3.4.2   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li oqsma bħall-edukazzjoni jew l-iżvilupp tat-turiżmu huma importanti u għandhom jibqgħu l-qofol tal-interventi tal-FEŻR, b'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ żvilupp ta’ ċerti Stati Membri jew reġjuni.

    3.4.3   Il-KESE jaqbel li rigward appoġġ għall-intrapriżi jista' jiġi argumentat li dan l-appoġġ, b'mod partikolari fil-forma ta’ għotjiet, huwa meħtieġ l-aktar għall-intrapriżi ż-żgħar, għall-attivitajiet innovattivi, u f'żoni li għaddejjin minn tnaqqis industrijali jew li qed iġarrbu tibdil strutturali. Iżda, il-KESE huwa tal-fehma li l-kunċett tal-intrapriża ma għandux jirreferi biss għall-SMEs f'ċerti reġjuni li għadhom lura.

    3.4.4   Fil-każ tal-ktajjen tal-innovazzjoni, magħrufin ukoll bħala “clusters”, u ta’ sistemi lokali ta’ produzzjoni, li jaħdmu perfettament, il-mistoqsija hija jekk ikunx aħjar li jkun hemm flessibbiltà ikbar għall-intrapriżi li għandhom għeruq profondi f'qasam partikolari, u għall-fornituri wkoll, u jekk għandux jiżdied is-sehem tar-riżorsi rimborżabbli fil-forma ta’ għajnuna (pereżempju sussidji fuq ir-rata tal-imgħax) f'każi ta’ finanzjament multiplu u kkombinat.

    3.4.5   Dan iqajjem il-mistoqsija jekk, meta niġu għall-infrastruttura bażika, hemmx bżonn ta’ appoġġ għar-reġjuni żviluppati. Għandhom jiġu kkunsidrati l-eċċezzjonijiet u approċċ flessibbli, pereżempu f'każi fejn l-iżvilupp ta’ reġjun ċentrali u iżjed żviluppat ikun meħtieġ għall-iżvilupp tat-territorji tal-madwar.

    3.4.6   Rigward il-prijoritajiet proposti dwar l-appoġġ għall-intrapriżi u l-kompetittività tal-intrapriżi, il-KESE jtenni l-kontribut importanti tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp territorjali u reġjonali, kif irrikonoxxew l-istituzzjonijiet Ewropej f'għadd ta’ dokumenti uffiċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-ekonomija soċjali tiġi inkluża fil-qafas tal-miżuri ddedikati għall-kompetittività tal-intrapriżi, l-intraprenditorija, il-mudelli ġodda tal-intraprenditorija, it-taħriġ, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, il-promozzjoni tal-impjieg, it-trawwim tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli u l-inklużjoni soċjali.

    3.5   Qafas finanzjarju

    3.5.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar in-nomenklatura l-ġdida tar-reġjuni u r-rati tal-finanzjament strutturali.

    3.5.2   Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li parti mill-fondi tal-FEŻR, li bħalissa huma allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, tintuża għal għanijiet ta’ kollegament transnazzjonali estiż inġenerali, eż. kif propost fil-punt 3.2.2 hawn fuq.

    3.5.3   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ishma minimi għal kull kategorija tar-reġjuni b'relazzjoni għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni tal-fond biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jirrakkomanda li r-riżorsi allokati għall-FSE, li jistgħu jiġu investiti f'infrastruttura edukattiva u soċjali għandhom, bħala prijorità, jintużaw għal miżuri integrati li jippromovu t-tkabbir.

    3.5.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-konċentrazzjoni tal-prijoritajiet ta’ investiment hija riflessjoni adatta tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, u f'dan ir-rigward jirreferi għall-punti 1.4.5.3, 2.4, 2.5, 2.6 u 2.7 ta’ din l-opinjoni.

    Brussell, 25 ta’ April 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Fondi Strutturali – Dispożizzjonijiet Ġenerali (Ara paġna 30 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top