Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0150

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk” COM(2011) 470 finali — 2011/0206 COD

    ĠU C 68, 6.3.2012, p. 47–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/47


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk”

    COM(2011) 470 finali — 2011/0206 COD

    2012/C 68/09

    Relatur: is-Sur KALLIO

    Nhar it-13 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dan l-istokk

    COM(2011) 470 finali – 2011/0206 COD.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Diċembru 2011.

    Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tat-18 ta’ Jannar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur, 4 voti kontra u 9 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon u japprova l-għanijiet tal-pjan multiannwali biex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli u biex jiġu salvagwardjati l-integrità u d-diversità ġenetika tal-istokkijiet kollha tas-salamun tal-Baħar Baltiku. Madankollu, l-iskeda ta’ żmien mhijiex waħda realistika għall-istokkijiet dgħajfa fin-Nofsinhar tal-Baltiku, fid-dawl tal-informazzjoni attwali.

    1.2   Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li r-restrizzjonijiet fuq is-sajd jiġu applikati għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-salamun u għal kull tip ta’ sajd. L-irkupru tal-istokkijiet dgħajfa tas-salamun ser ikun jeħtieġ mhux biss restrizzjonijiet tas-sajd, iżda wkoll miżuri biex jiġu restawrati ż-żoni ta’ tgħammir tas-salamun. Fil-fehma tal-KESE, it-twaqqif ta’ qabdiet totali permissibbli (TAC) għax-xmajjar ma jagħmilx sens, peress li dan huwa piż amministrattiv, u s-sorveljanza tat-TACs tfisser spejjeż addizzjonali konsiderevoli. Ir-responsabilità għar-regolazzjoni u l-monitoraġġ tas-sajd fl-ilmijiet interni tiegħu għandha tkun primarjament tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkontrolla l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ monitoraġġ nazzjonali bbażata fuq ir-rapporti mill-Istati Membri.

    1.3   Il-KESE jaqbel li l-bastimenti tas-servizz jiddaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Madankollu, is-sajd rikreattiv li ma jagħmilx parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan xorta għadu responsabbli għal sehem kbir tal-qabda totali tas-salamun. Is-sajd rikreattiv għandu wkoll jiġi rregolat u ssorveljat fil-livell nazzjonali u r-rapporti li l-Istati Membri jressqu lill-Kummissjoni għandu jżomm rekord ta’ dan.

    1.4   Fir-rigward tal-vijabilità tas-sajd, il-KESE jemmen li huwa importanti li l-kwoti għall-attività tas-sajd, u r-restrizzjonijiet fuqha, jiġu sostitwiti gradwalment b’miri għar-rata ta’ mortalità mis-sajd. Fil-futur, ir-regolazzjoni tas-sajd għas-salamun fil-baħar m’għandhiex tkun ibbażata fuq it-TACs għal numru ta’ stokkijiet tas-salamun iżda fuq regoli tekniċi stabbiliti għall-perjodi u l-irkaptu tas-sajd biex jiġu protetti l-istokkijiet dgħajfa tas-salamun.

    1.5   Il-KESE ma jaqbilx li jiġi pprojbit l-istokkjar mill-ġdid li jikkumpensa mingħajr ma jkun hemm evidenza xjentifika affidabbli li dan l-istokkjar mill-ġdid jikkawża l-ħsara. Il-kwalità tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar (smolt) għandha tiġi ssorveljata. Il-KESE jirrakkomanda li jitnaqqas ir-riskju ġenetiku tal-attività tal-istokkjar billi kull sena ssir produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar mis-salamun ġenitur li jinqabad fil-baħar miftuħ.

    1.6   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li huwa essenzjali li s-sajd għas-salamun jiġi ssorveljat b’mod adegwat u effettiv, u jirrakkomanda li r-riżorsi jiffukaw mill-aktar fis fuq is-sorveljanza tas-sajd għas-salamun. Madankollu, minflok ma jkun hemm obbligi ta’ sorveljanza permanenti ġodda, il-KESE jemmen li l-miżura ewlenija għandha tkun l-implimentazzjoni effettiva fl-Istati Membri kollha tar-regolamenti ta’ sorveljanza li ġew żviluppati b’mod intensiv matul l-aħħar snin. Il-KESE jappella li jiġu kkjarifikati aktar il-valutazzjonijiet li twettqu mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar dwar ir-rappurtar żbaljat tal-qabdiet tas-salamun.

    1.7   Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-iktar riċerka avvanzata dwar is-salamun biex l-implimentazzjoni tal-pjan multiannwali tkun ta’ suċċess. Informazzjoni affidabbli biżżejjed biss tista’ tiżgura miżuri adegwati biex jiġu protetti l-istokkijiet tas-salamun, u biex dawn jinġiebu lura għal-livelli adegwati, u l-possibilità li dawn l-istokkijiet jiġu sfruttati b’mod sostenibbli. Minbarra statistika affidabbli dwar il-qabdiet, hemm il-ħtieġa ta’ iktar informazzjoni dwar il-kawżi tal-mortalità mis-sajd fil-baħar.

    1.8   Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal Regolament tista’ twassal għal effetti negattivi fuq l-impjieg għas-sajjieda kummerċjali, l-industrija tal-ipproċessar, il-bejgħ, it-tagħmir, it-turiżmu bbażat fuq is-sajd u l-akkwakultura. Il-livell ta’ dawn l-effetti negattivi jvarja bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni stess. Il-KESE jitlob li jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq l-impjieg meta l-miżuri jiġu implimentati skont ir-regolament propost, u li jitqiesu bi sħiħ l-effetti kkawżati meta jiġi approvat l-appoġġ strutturali tal-UE u fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd. Il-KESE jinnota li jekk l-aċċess għall-fondi strutturali jittejjeb u jiġi ssemplifikat, dan iwassal għal żieda fil-qabdiet tas-salamun b’mod sostenibbli u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi fl-industrija tas-sajd fil-Baltiku.

    2.   Daħla

    2.1   Ir-regolazzjoni preċedenti dwar l-istokkijiet tas-salamun tal-Baltiku kienet tinkludi restrizzjonijiet fuq is-sajd stabbiliti mill-gvernijiet nazzjonali, kif ukoll dispożizzjonijiet għal attivitajiet tas-sajd tekniċi stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill u l-kwoti tas-sajd (TACs) stabbiliti annwalment. Sal-2006, il-kwoti kienu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Sajd fil-Baħar Baltiku (IBSFC). Il-miżuri kollha relatati mas-salamun sal-2010 ġew ikkoordinati permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Salamun tal-Kummissjoni tas-Sajd fil-Baħar Baltiku.

    2.2   Mill-2006 ’l hawn, il-kwoti tas-sajd fil-Baħar Baltiku disponibbli għall-Istati Membri tal-UE ġew stabbiliti fuq bażi annwali mir-Regolament tal-Kunsill. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tħejjiet abbażi tal-parir mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

    2.3   L-UE tkompli talloka l-kwoti miftiehma lill-Istati Membri tagħha abbażi ta’ “stabilità relattiva”. Dan ifisser li s-sehem relattiv tal-kwota ta’ kull Stat Membru jibqa’ l-istess minn sena għall-oħra, minkejja li l-ammont tal-kwota nnifsu jista’ jvarja.

    2.4   L-uniku pajjiż terz li jwettaq operazzjonijiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku huwa r-Russja. L-UE u r-Russja jiddiskutu l-istatus tal-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku u l-opportunitajiet tas-sajd għas-salamun f’taħditiet bilaterali separati. Attwalment m’hemm l-ebda proċedura ta’ negozjar formali bħal din għall-Kummissjoni dwar is-Sajd fil-Baħar Baltiku sabiex taqsam il-kwoti tal-ħut bejn l-UE u r-Russja.

    2.5   Il-kwota tas-salamun kummerċjali tal-Baħar Baltiku hija maqsuma f’żewġ partijiet: il-kwota tal-baċir ewlieni u l-Golf tal-Botnja (ICES 22-31) u l-kwota tal-Golf tal-Finlandja (ICES 32). Fil-prattika, għal bosta snin, il-kwota ma xekkletx is-sajd għas-salamun. Mill-kwota totali tas-salamun li seta’ jinqabad mill-Baħar Baltiku fl-2010, li kienet ta’ 309 665, inqabdu biss 150 092 (jiġifieri 48,5 % tal-kwota). Il-persentaġġ tal-kwota li ntuża varja bejn il-pajjiżi, minn 2,8 % sa 84,9 %. Is-salamun jinqabad kemm minn sajjieda kummerċjali kif ukoll minn dawk rikreattivi, mill-baħar, mill-estwarji u mix-xmajjar. Is-sajd rikreattiv jammonta għal 20-30 % tal-ammont totali ta’ salamun li jinqabad mir-reġjun tal-Baħar Baltiku u għal kważi nofs il-qabda minn mal-kosta jew mix-xmajjar. Il-qabdiet tas-salamun mis-sajd rikreattiv ma jiġux inklużi fil-kalkolu tal-kwota tas-sajd.

    2.6   L-istat tax-xmajjar ewlenin tas-salamun fit-Tramuntana tjieb b’mod sinifikanti f’nofs is-snin 90 permezz tar-restrizzjonijiet tal-ħin nazzjonali fir-rigward tas-sajd mal-kosta imposti mill-Isvezja u l-Finlandja. Minn dakinhar ’il quddiem, il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar minn dawn ix-xmajjar baqgħet f’livell sostanzjalment ogħla, simili ħafna għall-kapaċità tal-produzzjoni potenzjali tagħhom u għar-rendiment massimu sostenibbli stabbilit bħala mira mill-pjan multiannwali. Is-sajd għas-salamun tal-Baħar Baltiku huwa bbażat, fil-parti l-kbira tiegħu, fuq il-produzzjoni minn dawn ix-xmajjar f’saħħithom tas-salamun fit-Tramuntana.

    2.7   Minkejja l-miżuri li ttieħdu sal-lum, il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar minn xmajjar tas-salamun għall-partijiet ċentrali u fin-Nofsinhar tal-Baħar Baltiku baqgħet baxxa. Is-sajd għall-istokkijiet imħallta tas-salamun fil-baċir ewlieni tal-Baltiku naqas b’rata sinifikanti minħabba li fl-2008 ġiet introdotta l-projbizzjoni tal-għeżula. Żieda fis-sajd bl-għeżula tfisser li s-sajd għas-salamun reġa’ żdied fil-baċir ewlieni.

    2.8   Minkejja ż-żieda sinifikanti fil-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar, id-daqs tal-istokk tas-salamun li jista’ jinqabad għadu ma kibirx bl-istess mod. Hemm bżonn ta’ iktar riċerka dwar il-fatturi li qed jikkawżaw il-mortalità mis-sajd fil-baħar.

    2.9   Fil-parir li ta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2012, l-ICES identifika li ta’ spiss ikun hemm qabdiet tas-salamun li jiġu rrappurtati b’mod qarrieqi bħala qabdiet tat-trota permezz tas-sajd bl-għeżula fil-Baħar Baltiku.

    2.10   L-ICES esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-istokkijiet tas-salamun fil-Baħar Baltiku u d-diversità ġenetika. Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar Baltiku (HELCOM) ukoll ġibdet l-attenzjoni għall-istatus tal-istokkijiet tas-salamun fil-Baħar Baltiku.

    2.11   Is-sajd għas-salamun huwa importanti, soċjalment u ekonomikament, għall-komunitajiet tas-sajd kostali. L-iktar stima riċenti tat-total ta’ sajjieda tas-salamun fil-Baħar Baltiku hija dik tal-2007, meta l-Kummissjoni Ewropea kkalkulat li t-total tas-sajjieda tas-salamun kummerċjali kien jammonta għal 400, li 340 minnhom jistadu lil hinn mill-kosta. Fl-2010, grupp ta’ ħidma tal-ICES dwar is-salamun stima li n-numru totali ta’ bastimenti għas-sajd użati għas-salamun fl-ibħra miftuħa kien jammonta għal 141, numru li huwa konsiderevolment ogħla minn dak stmat għall-2007. Is-sajd għas-salamun ma joħloqx biss impjiegi għas-sajjieda kummerċjali iżda wkoll għal talinqas l-istess ammont ta’ nies fis-settur tat-turiżmu bbażat fuq is-sajd. L-implikazzjonijiet għall-impjiegi tas-sajd kummerċjali u rikreattiv fil-Golf tal-Botnja jitqiesu bħala sinifikanti wkoll. Is-sajd għas-salamun joffri wkoll impjiegi indiretti għal numru kbir ta’ nies, fl-ipproċessar u l-bejgħ tal-ħut u fl-industrija tat-tagħmir għas-sajd. Il-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar biex jiġu ppreservati s-sajd għas-salamun u l-istokkijiet tas-salamun hija sors importanti ieħor għall-impjiegi lokalment.

    3.   Proposta tal-Kummissjoni

    3.1   Fit-12 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Regolament (COM (2011) 470) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dan l-istokk.

    3.2   Il-pjan ta’ ġestjoni għall-istokk tas-salamun tal-Baltiku ikun japplika għas-sajd kummerċjali fil-Baħar Baltiku u x-xmajjar li jispiċċaw fih. Huwa jkun japplika wkoll għall-kumpaniji li joffru l-vjaġġi tas-sajd bi gwida u s-servizzi għas-sajd rikreattiv tagħhom fil-Baħar Baltiku. Il-proposta tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġi regolat is-sajd fix-xmajjar permezz tad-dispożizzjonijiet tal-UE, u din tkopri r-rilaxxi tas-salamun.

    3.3   L-għan ewlieni tal-proposta huwa li jiġi żgurat li l-istokk tas-salamun tal-Baltiku jiġi sfruttat b’mod sostenibbli, b’konformità mal-prinċipju tar-rendiment massimu sostenibbli, u li l-integrità u d-diversità ġenetika tiegħu jiġu salvagwardjati.

    3.4   Il-mira għall-istokkijiet tas-salamun selvaġġ tal-Baħar Baltiku hija stabbilita, għal kull xmara, għal 75 % tal-kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar. Skont il-kundizzjoni attwali tax-xmara tas-salamun, il-mira għandha tintlaħaq fi żmien ħames jew għaxar snin minn meta r-Regolament ikun daħal fis-seħħ.

    3.5   Ġew proposti TACs obbligatorji għal kull xmara għall-istokkijiet tas-salamun selvaġġ. L-Istati Membri ser ikollhom ir-responsabilità li jistabbilixxuhom. Abbażi ta’ data xjentifika, l-Istati Membri ser ikollhom jiddeterminaw ir-rata ta’ mortalità mis-sajd massima permissibbli u l-livell tat-TAC korrispondenti għal kull xmara.

    3.6   Kull tliet snin, il-Kummissjoni Ewropea tal-UE jkollha tivvaluta l-miżuri msemmijin hawn fuq mill-Istati Membri u l-kompatibilità tagħhom mal-ksib tal-għanijiet. F’każ li Stat Membru ma jippubblikax id-data, jew f’każ li l-miżuri tiegħu ma jkunux adegwati biex jintlaħqu l-għanijiet, il-Kummissjoni tkun tista’ temenda l-livelli ta’ mortalità mis-sajd għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ u/jew it-TAC ta’ dak l-Istat Membru jew tipprojbixxi s-sajd għas-salamun f’dawk ix-xmajjar kollha.

    3.7   Għall-istokkijiet tas-salamun kollha tal-Baħar Baltiku ġiet proposta rata waħda għall-mortalità mis-sajd għas-sajd fil-baħar – dik ta’ 0,1. Din ir-rata ta’ mortalità tfisser li, annwalment, jistgħu jinqabdu madwar 10 % tas-salamun intiż għas-sajd. Meta jkun qed jistabbilixxi t-TAC annwali, ir-regolatur għandu jiżgura li r-rata ta’ mortalità massima għas-sajd, jiġifieri dik ta’ 0,1, ma tinqabiżx. Il-Kummissjoni tista’ temenda r-rati ta’ mortalità mis-sajd fil-baħar f’każ li ċ-ċirkostanzi jinbidlu b’tali mod li jaf ikunu ta’ xkiel biex jintlaħqu l-għanijiet.

    3.8   Is-salamun li jinqabad minn bastimenti tas-servizz għandu jingħadd bħala parti mill-użu tal-kwota tas-salamun nazzjonali ta’ Stat Membru.

    3.9   L-Isati Membri jintalbu jistabbilixxu regoli għas-sajd, tekniċi u intiżi għal xmara partikolari, għal dawk l-istokkijiet dgħajfa tas-salamun selvaġġ li ma jkunux laħqu l-mira ta’ 50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar għax-xmajjar tas-salamun selvaġġ. L-Istati Membri jkollhom sentejn ċans minn meta r-Regolament jidħol fis-seħħ biex ifasslu dawn id-dispożizzjonijiet. L-Istat Membru nnifsu jista’ jagħżel dawn id-dispożizzjonijiet tekniċi għas-sajd, u jieħu deċiżjonijiet dwarhom (pereżempju restrizzjonijiet fuq l-irkaptu u projbizzjoni ta’ sajd matul ċerti perjodi u f’ċerti żoni).

    3.10   Il-Kummissjoni ser tivvaluta d-dispożizzjonijiet tekniċi għas-sajd introdotti mill-Istati Membri kull tliet snin. F’każ li Stat Membru ma jintroduċix miżuri fiż-żmien stipulat, jew jonqos milli jippubblikahom, jew f’każ li l-miżuri tiegħu ma jkunux adegwati biex jintlaħqu l-għanijiet għas-salamun selvaġġ tax-xmajjar, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli għas-sajd li jkunu tekniċi u intiżi għal xmara partikolari.

    3.11   Ir-rilaxxi tas-salamun ser ikunu ristretti għall-istokkjar u l-istokkjar mill-ġdid dirett. “Stokkjar” jirreferi għar-rilaxx ta’ stokk fix-xmajjar tas-salamun selvaġġ u “stokkjar mill-ġdid dirett” jirreferi għar-rilaxx ta’ ħut fi xmajjar potenzjali tas-salamun, bil-għan li jinħolqu popolazzjonijiet ta’ salamun selvaġġ li jkunu awtosuffiċjenti.

    3.12   Qed jiġi propost perjodu tranżizzjonali ta’ seba’ snin għar-rilaxxi. Wara dan il-perjodu tranżizzjonali ser ikunu permessi biss it-tipi ta’ rilaxx imsemmijin hawn fuq.

    3.13   Il-proposta tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ sorveljanza ġodda biex jiżdiedu ma’ dawk li diġà hemm fis-seħħ. L-obbligazzjonijiet ta’ sorveljanza l-ġodda japplikaw għall-bastimenti li jintużaw għas-sajd kummerċjali tas-salamun, irrispettivament mit-tul, u għall-bastimenti użati għall-vjaġġi tas-sajd rikreattiv.

    3.14   Il-qabdiet għandhom jiġu spezzjonati malli jinħattu l-art. L-ispezzjonijiet malli jinħattew l-art għandhom ikopru mill-inqas 10 % tal-qabdiet totali li jkunu nħattew fuq l-art.

    3.15   Il-Kummissjoni tipproponi li, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jingħataw setgħat delegati għal perjodu ta’ żmien indefinit biex tirregola s-sajd għas-salamun kemm fil-baħar kif ukoll fix-xmajjar.

    4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

    4.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon u japprova l-għanijiet tal-pjan multiannwali. Il-mira tal-pjan li l-produzzjoni għandha tilħaq mill-inqas il-75 % tal-produzzjoni tas-salamun żgħir u selvaġġ li jgħaddi għall-ilma baħar fi żmien għaxar snin hija estremament ambizzjuża. Abbażi tal-valutazzjonijiet tal-ICES, l-għan qed jintlaħaq fix-xmajjar tas-salamun ewlenin fit-Tramuntana tal-Baltiku, iżda għall-istokkijiet dgħajfa tas-salamun fin-Nofsinhar l-iskeda ta’ żmien mhijiex realistika minkejja l-livell tar-restrizzjonijiet fuq is-sajd.

    4.2   Ir-regolament ikopri s-sajd kummerċjali u l-bastimenti tas-servizz. Dawn tal-aħħar għandhom importanza minima fir-rigward tal-qabda totali tas-salamun. Madankollu, il-qabda kombinata tas-salamun minn mal-kosta u fix-xmajjar mis-sajd rikreattiv li ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tista’ titqabbel mal-qabda kummerċjali minn żona tal-istess daqs. Il-KESE ma jqisx li t-twaqqif biss tat-TACs għas-sajd kummerċjali fix-xmajjar bħala wieħed għaqli għax il-maġġoranza tas-sajd fix-xmajjar huwa rikreattiv. Il-KESE jemmen li r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għandhom ikopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tas-salamun u kull tip ta’ sajd. Ir-responsabilità għar-regolazzjoni tas-sajd kummerċjali u rikreattiv fl-ilmijiet interni tiegħu għandha tkun primarjament tal-Istat Membru kkonċernat.

    4.3   Fil-pjani ta’ ġestjoni u ta’ rkupru li diġà ġew adottati għall-istokkijiet tal-ħut fl-UE, ir-rata ta’ mortalità mis-sajd stabbilita għal kull stokk hija l-iktar rata adegwata biex jintlaħaq l-isfruttament sostenibbli ta’ dak l-istokk. Ħafna stokkijiet ta’ salamun differenti jinqabdu fil-Baħar Baltiku, u l-istatus bijoloġiku tagħhom ivarja. Ir-regolament u l-memorandum ta’ spjegazzjoni tiegħu ma jispjegawx b’mod ċar għalfejn il-proposta tistabbilixxi biss rata waħda għall-mortalità mis-sajd għall-istokkijiet kollha tas-salamun maqbudin fil-Baħar Baltiku u kif waslu għal din ir-rata.

    4.4   L-istokkijiet tas-salamun maqbudin fit-tramuntana tal-Baħar Baltiku diġà joqorbu ħafna lejn il-mira tar-rendiment massimu sostenibbli. It-tnaqqis tal-kwota tas-salamun għall-baċir ewlieni tal-Baħar Baltiku u għall-Golf tal-Botnja għal livell li bih il-mortalità mis-sajd tal-istokkijiet tas-salamun fin-Nofsinhar ser tilħaq ukoll ir-rendiment massimu sostenibbli, ser iwassal għal restrizzjonijiet bla bżonn fuq is-sajd fit-Tramuntana għall-istokkijiet tas-salamun. Għalhekk, fil-futur, ir-regolazzjoni tas-sajd għas-salamun fil-baħar m’għandhiex tkun ibbażata fuq it-TACs għal numru ta’ stokkijiet ta’ salamun iżda fuq regoli tekniċi li jirregolaw il-perjodi u l-irkaptu tas-sajd, li jistgħu jintużaw b’mod dirett u speċifiku biex jiġu protetti l-istokkijiet dgħajfa tas-salamun. Jekk ir-regolazzjoni tas-sajd għas-salamun ser tibqa’ tkun ibbażata fuq l-istabbiliment annwali tat-TACs, it-tnaqqis progressiv fil-mortalità mis-sajd għal livell fil-mira li japplika fil-pjani ta’ ġestjoni għal stokk ieħor ta’ ħut għandu jgħodd ukoll għall-kwoti tas-sajd għas-salamun fil-baħar. Tibdiliet f’daqqa u radikali fir-regolamenti fejn m’hemmx verament bżonn huma problematiċi ħafna mill-perspettiva tal-industrija tas-sajd.

    4.5   Fir-reġjun tal-baċir ewlieni tal-Baħar Baltiku, is-sajd għas-salamun jikkonsisti kompletament minn sajd imħallat, li jinkludi stokkijiet ta’ salamun differenti. Iktar ma s-sajd iseħħ fil-qrib tax-xmara tas-salamun, iktar hemm ċans li jinqabad l-istokk tas-salamun mix-xmara. Fil-futur, ir-regoli dwar is-sajd bl-għeżul, u s-sorveljanza tiegħu, fil-baċir ewlieni tal-Baħar Baltiku ser ikunu importanti għall-irkupru ta’ stokkijiet dgħajfa tas-salamun fin-Nofsinhar. Ġie nnutat li fil-ħarifa, iktar jinqabad salamun iżgħar milli suppost bl-għeżul milli b’forom oħra ta’ sajd; għalhekk jistgħu jintużaw restrizzjonijiet fuq il-perjodu ta’ meta jista’ jsir sajd bil-qasba biex b’hekk ukoll jonqos in-numru ta’ ħut maqbud li jkollu jerġa’ jintefa’ fil-baħar. Madankollu, ta’ min wieħed jindika li l-istokkijiet tas-salamun fin-Nofsinhar tal-Baħar Baltiku ma ġewx irkuprati minkejja t-tnaqqis drastiku fis-sajd fil-baċir ewlieni. Dan ifisser li l-irkupru ta’ stokkijiet dgħajfa ta’ salamun mhux talli jeħtieġ limiti stabbiliti għas-sajd fil-baħar iżda jeħtieġ ukoll limiti stretti għas-sajd fl-estwarji u fiż-żoni tax-xmajjar, kif ukoll miżuri biex jiġu restawrati ż-żoni ta’ tgħammir tas-salamun.

    4.6   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa mħasseb dwar l-istimi ta’ qabdiet tas-salamun irrappurtati b’mod qarrieqi; jappella biex dan il-fatt jiġi kkjarifikat aktar u jqis li huwa importanti li s-sajd għas-salamun jiġi ssorveljat b’mod adegwat u effettiv. Il-proposta tal-Kummissjoni tista’ twassal għal żieda permanenti fl-obbligi ta’ sorveljanza tas-settur pubbliku, u l-ispejjeż jiżdiedu. Ikun hemm l-ispejjeż partikolarment minħabba t-tibdiliet fis-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika, u tal-manutenzjoni tagħhom kif ukoll minħabba l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi umani u riżorsi oħrajn biex tiġi ssorveljata u studjata l-konformità regolatorja. Il-KESE jitlob li, kemm jista’ jkun, ikun hemm żieda fir-riżorsi ta’ sorveljanza, u biex ir-riżorsi disponibbli jikkonċentraw fuq is-sorveljanza tas-sajd għas-salamun sakemm il-pjan multiannwali għas-salamun jiġi approvat u sakemm il-problemi rrappurtati jitqiesu bħala solvuti. Fir-rigward tar-regoli dwar is-sorveljanza tas-sajd għas-salamun, il-KESE jqis bħala prijorità l-implimentazzjoni effiċjenti fl-Istati Membri kollha tar-regoli ta’ sorveljanza eżistenti, li ġew żviluppati b’mod intensiv matul l-aħħar snin. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkontrolla l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ monitoraġġ nazzjonali permezz tar-rapporti pprovduti mill-Istati Membri.

    4.7   Is-salamun jiġi rilaxxat permezz tal-istokkjar u tal-istokkjar mill-ġdid dirett jew bħala stokkjar mill-ġdid li jikkumpensa fuq ordni tal-qorti biex jagħmel tajjeb għat-telf tal-qabda li jirriżulta mill-bini ta’ impjanti ta’ enerġija idroelettrika. Il-proposta ġġib fi tmiemha kull forma ta’ rilaxx ieħor li mhux stokkjar u stokkjar mill-ġdid dirett fix-xmajjar tas-salamun potenzjali seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. L-iskadenza ta’ seba’ snin biex l-istokkjar mill-ġdid li jikkumpensa jiġi sostitwit minn dispożizzjonijiet oħra hija sempliċement qasira wisq, għall-fatt li x’aktarx dak il-perjodu jkun hemm bżonnu għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet alternattivi flimkien mal-proċess ta’ tranżizzjoni li jkun jinkludi seduti ġudizzjarji fit-tliet livelli kollha.

    4.8   Il-projbizzjoni tal-istokkjar mill-ġdid li jikkumpensa hija ġġustifikata mit-theddida li tali stokkjar mill-ġdid jikkawża għad-diversità ġenetika tal-istokkijiet tas-salamun. Madankollu, m’hemm l-ebda prova xjentifika li tappoġġja din id-dikjarazzjoni. Il-qabdiet minn stokkjar mill-ġdid li jikkumpensa bla dubju ta’ xejn huma importanti għall-estwarji u għas-sajd kostali fiż-żoni ta’ stokkjar tas-salamun, u jirrappreżentaw ukoll spinta għall-impjiegi ta’ diversi tużżani ta’ persuni kull sena fir-rigward tan-negozji tal-akkwakultura li joperaw mal-kosta. Għalhekk, l-istokkjar mill-ġdid li jikkumpensa m’għandux jiġi pprojbit jekk ma jkunx hemm prova xjentifika ċerta li tali attività tikkawża l-ħsara. Il-KESE jemmen ukoll li l-kwalità tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar intiż għar-rilaxx għandha tiġi ssorveljata u l-ġwienaħ mimlijin xaħam tas-salamun żgħir kollu li jgħaddi għall-ilma baħar u li jiġi rilaxxat għandhom jinqatgħu biex is-salamun li rriproduċa b’mod naturali jkun jista’ jintgħażel mis-salamun rilaxxat mill-qabda. Ir-riskju għad-diversità ġenetika kkawżat mill-istokkjar jista’ jitnaqqas, kull meta jkun possibbli, fl-impjanti tas-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar billi jintuża s-salamun ġenitur li jinqabad kull sena fil-baħar miftuħ u li jkun għadda minn għażla naturali minflok l-istokkijiet tas-salamun li għandhom jiġu protetti.

    4.9   Is-sitwazzjoni tal-Golf tal-Finlandja tipprovdi stampa ċara tal-importanza tal-istokkjar tas-salamun. Li kieku l-istokkjar tas-salamun kellu jiġi pprojbit fl-estwarju tax-Xmara Kymi fejn ittella’ xi bini, pereżempju, dan ikun ifisser it-tmiem tas-sajd għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja u t-tmiem għas-sajd rikreattiv sinifikanti li qed iseħħ taħt l-impjant tal-enerġija tax-Xmara Kymi. Dan it-tip ta’ sajd huwa ta’ importanza konsiderevoli għat-turiżmu bbażat fuq is-sajd, u s-sitwazzjoni hija l-istess f’ħafna xmajjar għar-reġjun tal-Baħar Baltiku.

    4.10   Billi titnaqqas il-kwota, pereżempju, il-proposta jista’ jkollha impatt ekonomiku konsiderevoli fuq is-sajjieda kummerċjali, kif ukoll fuq is-setturi li jiddependu fuq il-produzzjoni primarja bħal pereżempju l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ħut, u l-produtturi ta’ tagħmir għas-sajd. Ir-rotot twal tal-migrazzjoni tas-salamun, il-metodi differenti għas-sajd u l-ħtiġijiet regolatorji differenti f’kull stadju tal-migrazzjoni jfissru li l-effetti ekonomiċi jvarjaw bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom stess. Minħabba li l-istaġun tas-sajd għas-salamun huwa wieħed qasir, il-maġġoranza tas-sajjieda jaqbdu wkoll tipi oħra ta’ ħut. Iżda s-salamun huwa l-iktar speċi importanti f’termini ekonomiċi għall-maġġoranza, u anki l-inqas tibdil regolatorju jista’ jipproduċi tibdiliet konsiderevoli fis-sostenibilità tal-industrija tas-sajd. Mill-perspettiva tas-sajjieda li jista’ jagħti l-każ li jkollhom jabbandunaw il-kariga tagħhom, il-proposta ser tnaqqas il-provvista tas-salamun u ta’ ħut ieħor li jinqabad miegħu għall-konsum, għall-ipproċessar u għall-bejgħ, u b’hekk tiżdied id-dipendenza fuq il-ħut prodott barra l-UE. It-turiżmu bbażat fuq is-sajd fiż-żoni tax-xmajjar jista’ jmur lura wkoll f’livell finanzjarju minħabba r-regolazzjoni iktar stretta tas-sajd fix-xmajjar u l-konformità mat-TAC għas-sajd fix-xmajjar. Madankollu, fil-perjodu għat-tul, il-proposta tista’ twassal biex ikun hemm żieda fl-impjiegi fit-turiżmu bbażat fuq is-sajd f’żoni ta’ xmajjar hekk kif l-istokkijiet tas-salamun jibdew jirkupraw.

    4.11   Il-proposta għandha wkoll implikazzjonijiet finanzjarji għan-negozji tal-akkwakultura. In-negozji tal-akkwakultura li jipproduċu s-salamun żgħir li jgħaddi għall-ilma baħar biex jintuża għall-istokkjar mill-ġdid li jikkumpensa jimpjegaw tużżani ta’ ħaddiema f’żoni fejn ma tantx hemm alternattivi f’sens ta’ opportunitajiet ta’ impjieg. Jekk in-negozji tal-akkwakultura jkollhom jabbandunaw l-attivitajiet tagħhom minħabba li l-istokkjar mill-ġdid li jikkumpensa jitwaqqaf, is-sitwazzjoni tal-impjiegi f’dawk iż-żoni ser tmur għall-agħar. Jekk jitwaqqfu dawn l-operazzjonijiet ikun ifisser ukoll li l-esperjenza twila u l-kompetenza fis-settur tal-akkwakultura jkunu ntilfu.

    4.12   L-effetti negattivi fuq l-impjieg tal-proposta għal Regolament għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu applikati r-regoli eżistenti tal-finanzjament strutturali tal-UE u meta tiġi riformata l-Politika Komuni tas-Sajd. Possibilitajiet ta’ appoġġ jinkludu pereżempju għajnuna biex titwaqqaf għalkollox l-attività tas-sajd jew investiment u taħriġ għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-operazzjonijiet tas-sajd. Madankollu, il-KESE jemmen li din l-assistenza għandha tkun biss miżura komplementari. Il-prijorità hija li l-impjiegi fl-industrija tas-sajd għas-salamun u fl-industriji relatati jiġu kkunsidrati f’dan l-istadju ta’ ppjanar ta’ miżuri prattiċi b’tali mod li l-effetti negattivi fuq l-impjiegi jinżammu baxxi kemm jista’ jkun.

    Brussell, 18 ta’ Jannar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    Top