This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE0146
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Council Regulation — Administrative Cooperation in the field of excise duties’ COM(2011) 730 final — 2011/0330 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Kunsill — Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa” COM(2011) 730 finali — 2011/0330 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Kunsill — Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa” COM(2011) 730 finali — 2011/0330 (CNS)
ĠU C 68, 6.3.2012, p. 45–46
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 68/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill — Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa”
COM(2011) 730 finali — 2011/0330 (CNS)
2012/C 68/08
Relatur Ġenerali: is-Sinjura LOUGHEED
Nhar it-28 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill – Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa.
COM(2011) 730 finali – 2011/0330 (CNS).
Nhar is-6 ta’ Diċembru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-477 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tat-18 ta’ Jannar 2012) li jaħtar lis-Sinjura LOUGHEED bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, l-ebda vot kontra u 10 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jappoġġja u japprova l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa, bħala aġġornament neċessarju u utli tar-regoli attwalment fis-seħħ sabiex jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali bil-għan li jiġi assigurat il-ġbir effettiv tat-taxxi u tiġi miġġielda l-frodi tad-dazji tas-sisa.
2. Raġuni
2.1 Id-dazji jinġabru minn tliet kategoriji ta’ prodotti fl-UE fil-forma ta’ dazji tas-sisa: l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, it-tabakk manifatturat u l-prodotti tal-enerġija. Dawn id-dazji tas-sisa jaqdu rwol importanti f’li jippruvaw jinfluwenza l-imġiba tal-pubbliku u jikkontribwixxu għall-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u tal-UE (1).
2.2 Għal diversi raġunijiet, inkluża l-possibbiltà li jsiru profitti sinifikanti fuq livelli relattivament żgħar ta’ attività, il-livell ta’ frodi (partikolarment fis-setturi tat-tabakk u l-alkoħol) huwa għoli ħafna fl-UE. Tant hu hekk li twaqqaf “Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Frodi fis-Setturi tat-Tabakk u l-Alkoħol” (2), fejn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu sabiex tiġi miġġielda din il-frodi ġew approvati mill-Kunsill ECOFIN f’Mejju 1998. Saru numru ta’ rakkomandazzjonijiet, iżda l-aktar rakkomandazzjoni konkreta u b’effetti fit-tul kienet dik li l-UE għandha tistabbilixxi sistema kompletament kompjuterizzata għall-moviment u l-kontroll.
2.3 B’riżultat ta’ dan, l-Unjoni Ewropea qattgħet diversi snin tiżviluppa u timplimenta b’mod progressiv sistema ġdida u moderna għall-monitoraġġ tal-moviment tal-oġġetti soġġetti għas-sisa fi ħdan is-suq intern – is-sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tal-kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (Excise Movement and Control System – EMCS).
3. Is-sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tal-kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-sisa
3.1 Is-sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tal-kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (EMCS) twaqqfet mid-Deċiżjoni 1152/2003/KE. L-implimentazzjoni tagħha involviet ħidma sostanzjali bl-involviment tal-Kummissjoni Ewropea, tal-awtoritajiet u tal-operaturi tas-sisa fl-Istati Membri, li lkoll ħadmu f’diversi fażijiet tal-iżvilupp sabiex sistema li kienet ibbażata l-aktar fuq il-karta u li kienet pjuttost oneruża għal min kien involut, tinbidel b’sistema kompjuterizzata u elettronika li kważi ma kellha tinvolvi l-ebda karta. B’mod aktar importanti, is-sistema l-ġdida għandha tippermetti lill-awtoritajiet rilevanti jsegwu l-moviment tal-oġġetti fil-“ħin reali” u l-ġbir immedjat tal-informazzjoni mill-bażijiet ta’ data li min-naħa tagħhom jippermettu li jsiru analiżijiet aktar faċli u fil-fond u analiżi kompjuterizzata tar-riskji.
3.1.1 Għall-operaturi involuti, il-kompjuterizzazzjoni l-ġdida tħaffef il-proċessi amministrattivi neċessarji (il-movimenti kollha issa diġà huma akkumpanjati minn Dokument Amministrattiv elettroniku li jissostitwixxi d-dokumenti fuq karta). Is-sistema standardizzat ħafna mid-dokumenti meħtieġa u tinkludi appoġġ fuq il-web sabiex jiġu ċċekkjati l-kredenzjali tal-imsieħba kummerċjanti potenzjali.
3.1.2 Il-KESE jemmen li l-EMCS tiffaċilita l-kummerċ legali fi ħdan is-suq intern filwaqt li żżid mal-għodod disponibbli għall-Istati Membri sabiex jiġi indirizzat il-ħrib frodulent mid-dazji tas-sisa.
4. Proposta għal Regolament tal-Kunsill relatat mal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa
4.1 Il-proposta hija waħda mill-aħħar trufijiet tal-kobba sabiex is-sistema tkun tista’ tintuża bil-kapaċità kollha tagħha. Il-proposta tissostitwixxi r-Regolament eżistenti li jirregola l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa (Regolament 2073/2004) billi jirrikonoxxi l-modernizzazzjoni li tinsab kważi lesta u jippermetti lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jisfruttaw dan fil-kooperazzjoni tagħhom bejniethom, u b’hekk tissaħħaħ tabilħaqq il-kapaċità tagħhom li jikkoordinaw bl-aħjar mod.
4.2 Il-KESE jirrikonoxxi u japprova l-fatt li jitwessa’ l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-proposta sabiex tiġi inkluża l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-leġislazzjoni dwar is-sisa u mhux sempliċiment il-valutazzjoni tal-livell ta’ dazji dovuti bħala żvilupp utli fil-ġlieda kontra l-frodi u sabiex jissaħħu s-suq intern u l-fiduċja li għandhom fih iċ-ċittadini.
4.3 B’neċessità, ħafna mill-proposta tistabbilixxi r-regoli legali li jkopru kif għandha sseħħ il-kooperazzjoni amministrattiva taħt is-sistema l-ġdida. Il-KESE jemmen li l-proposta hija approċċ ibbilanċjat li jippermetti lill-Istati Membri jisfruttaw il-vantaġġi inerenti tas-sistema l-ġdida filwaqt li ma jżidux il-piż amministrattiv għalihom jew għall-operaturi.
4.3.1 Il-KESE jemmen ukoll li din hija deskrizzjoni ċara tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’ kulħadd, b’mod l-aktar importanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, u li l-proċessi u l-iskadenzi proposti huma ambizzjużi biżżejjed biex jassiguraw risposti pjuttost f’waqthom filwaqt li fl-istess ħin jistgħu jinkisbu minn kulħadd. Fuq din in-nota, il-KESE huwa interessat fil-kontenut tal-att ta’ implimentazzjoni li qiegħed jiġi żviluppat attwalment, li għandu jelenka l-kategoriji ta’ informazzjoni li ser ikunu soġġettigħall-iskambji mandatorji jew fakultattivi skont il-qafas ta’ skambju kompjuterizzat.
4.4 Il-maġġoranza ta’ dak li hu ġdid fil-proposta hija marbuta direttament mal-modernizzazzjoni tas-sistema u mal-possibbiltajiet ġodda li jeżistu sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet. Il-KESE jappoġġja b’mod sod il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fl-għan li jagħmlu l-aħjar użu mis-sistema mtejba sabiex jitjiebu l-valutazzjoni effiċjenti u l-ġbir tat-taxxa, u sabiex jirrikonoxxu u jiġġieldu l-frodi, b’mod partikolari billi jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri sabiex jagħmlu dan.
4.4.1 B’dan il-mod, il-Kumitat jispera li s-sistema l-ġdida ser ittejjeb il-kwalità tar-rappurtar awtomatiku, u b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-attivitajiet problematiċi aktar malajr. Fil-proposta, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ “segwitu” hija partikolarment ta’ għajnuna u għandha tgħin tirrevedi u ttejjeb il-kwalità u l-utilità tal-informazzjoni li qed tiġi skambjata fuq bażi kontinwa.
4.5 Filwaqt li l-KESE jaqbel mal-bżonn tal-proposta għal bażi legali għall-ġbir tad-data mir-reġistri individwali tal-moviment u għall-użu ta’ dawn ir-reġistri fl-analiżi tal-Istati Membri, huwa jwiddeb kontra l-użu tagħhom u jfakkar lill-awtoritajiet sabiex ikunu ċerti li jużaw din l-informazzjoni b’mod adegwat u proporzjonat.
4.6 Il-KESE jemmen li l-proposta tirrikonoxxi b’mod korrett il-bilanċ tar-responsabbiltajiet fil-qasam tad-dazji tas-sisa u l-EMCS, bil-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-mekkaniżmu u għall-manteniment tas-sistema nnifisha, u l-Istati Membri għall-informazzjoni li tinsab fis-sistema, l-iskambju tal-informazzjoni u bla dubju li jaqbdu u jieħdu miżuri kontra l-frodi.
4.7 Il-KESE jemmen li l-konformità tar-regoli għad-dazji tas-sisa mat-tibdil fir-regoli tal-UE fil-kooperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-VAT u tat-tassazzjoni diretta fil-proposta hija ta’ għajnuna. Il-KESE jappoġġja dawn l-isforzi kollha għat-tassazzjoni nazzjonali, id-dħul, is-sisa u s-servizzi doganali fit-titjib tal-komunikazzjoni tagħhom u l-ħidma flimkien, u jemmen li fl-aħħar mill-aħħar dan iservi biex jitjieb is-suq intern.
4.8 Il-KESE b’mod partikolari jappoġġja l-bażi legali tal-proposta għas-SEED-on-Europa u jemmen li din hija għodda utli għall-operaturi legali sabiex jistabbilixxu malajr il-kredibilità ta’ dawk li jixtiequ jikkummerċjaw magħhom.
Brussell, 18 ta’ Jannar 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Kull sena jinġabru madwar EUR 307 biljun (ċifra tal-2010) mis-sisa u dazji simili fl-UE, magħmul minn EUR 22 biljun mill-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, EUR 207 biljun mill-prodotti tal-enerġija u EUR 77 biljun mit-tabakk manifatturat – iċ-ċifri huma total aggregat mill-figuri mressqa fit-“Tabella tad-Dazju tas-Sisa” separata tal-Kummissjoni Ewropea għax-xorb alkoħoliku, il-prodotti tal-enerġija u d-dawl u t-tabakk manifatturat li tista’ tiġi konsultata mill-websajt tad-DĠ TAXUD f’http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/excise_duties/index_en.htm.
(2) Dak iż-żmien, il-Grupp ta’ Livell Għoli stima t-telf bħala riżultat ta’ frodi fl-1996 għal madwar ECU 3,3 biljun fis-settur tat-tabakk u ECU 1,5 biljun fis-settur tal-alkoħol.