EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0918

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 fil-qasam ta’ importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħra mit-Turkija fir-rigward tas-setgħat ta’ delegazzjoni u implimentazzjoni li ser jingħataw lill-Kummissjoni

/* KUMM/2011/0918 finali - 2011/0453 (COD) */

52011PC0918

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 fil-qasam ta’ importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħra mit-Turkija fir-rigward tas-setgħat ta’ delegazzjoni u implimentazzjoni li ser jingħataw lill-Kummissjoni /* KUMM/2011/0918 finali - 2011/0453 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddistingwu bejn żewġ tipi differenti ta’ atti tal-Kummissjoni:

L-Artikolu 290 tat-TFEU jippermetti lil-leġiżlatur sabiex jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Bit-terminoloġija użata mit-Trattat, l-atti legali adottati mill-Kummissjoni b’dan il-mod issir referenza għalihom bħala “atti delegati” (Artikolu 290(3)).

L-Artikolu 291 tat-TFUE jippermetti lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha tal-liġi nazzjonali meħtieġa biex jimplimentaw atti tal-Unjoni li huma vinkolanti legalment. Dawk l-atti jikkonferixxu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fejn huma meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tagħhom. Bit-terminoloġija użata mit-Trattat, atti legali adottati mill-Kummissjoni b’dan il-mod jissejħu "atti ta’ implimentazzjoni" (Artikolu 291(4)).

L-għan ta’ din il-proposta jikkonsisti milli jiġu allinjati tliet Regolamenti tal-Kunsill fil-qasam ta’ importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ prodotti agrikoli oħrajn mit-Turkija b’dawk id-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

Qed jiġi propost li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 2008/97, li jiġu determinati mil-Leġiżlatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammonti ta’ tnaqqis ta’ dazju, jew meta jiġi konkluż ftehim ġdid mat-Turkija.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97 jikkonferixxi lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha tadotta miżuri meħtieġa biex timplimenta r-regoli għall-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għall-importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħrajn li joriġinaw mit-Turkija. Jikkonferixxi wkoll lill-Kummissjoni setgħat biex tadotta emendi għal dan ir-Regolament, jekk ir-regoli dettaljati previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni rilevanti jiġu emendati.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 tas-7 ta’ April 1998 fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija[1] jikkonferixxi lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ importazzjoni ta’ prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat li joriġinaw mit-Turkija u li jitħallew jiġu importati fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KE-Turkija.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1506/98 tat-13 ta’ Lulju 1998 li jistabbilixxi konċessjoni fil-għamla ta' kwota Komunitarja tat-tariffa għat-Turkija fis-sena 1998 rigward il-ġellewż u li jissospendi konċessjonijiet oħra[2] jikkonferixxi lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha li tirrevoka l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, meta l-ostakli għall-esportazzjonijiet preferenzjali mill-Unjoni għat-Turkija jkunu tneħħew.

B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dawk ir-regolamenti jiġu allinjati. Jeħtieġ li jiġu kklassifikati mill-ġdid is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tiddelega u timplimenta u biex temenda r-regolamenti msemmija hawn fuq.

RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati jew li ssir xi valutazzjoni tal-impatt minħabba li l-proposta għall-allinjament tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 mat-TFUE hija kwistjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha li tirrigwarda r-Regolamenti kollha tal-Kunsill.

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju tal-Proposta

L-allinjament tar-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 mad-dispożizzjonijiet il-ġodda previsti fl-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

- Bażi legali

L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa u d-dħul baġitarji.

ELEMENTI FAKULTATTIVI

Ma hemmx elementi fakultattivi.

2011/0453 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 fil-qasam ta’ importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħra mit-Turkija fir-rigward tas-setgħat ta’ delegazzjoni u implimentazzjoni li ser jingħataw lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’ arranġamenti speċjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw mit-Turkija[3] jikkonferixxi lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha tadotta miżuri meħtieġa biex timplimenta r-regoli għall-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għall-importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħrajn li joriġinaw mit-Turkija. Jikkonferixxi wkoll lill-Kummissjoni setgħat biex tadotta emendi għal dak ir-Regolament, jekk l-arranġamenti previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni rilevanti jiġu emendati.

2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 tas-7 ta’ April 1998 fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija[4] jikkonferixxi lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ importazzjoni ta’ prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat), li joriġinaw mit-Turkija u li jitħallew jiġu importati fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KE-Turkija.

3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1506/98 tat-13 ta’ Lulju 1998 li jistabbilixxi konċessjoni fil-għamla ta' kwota Komunitarja tat-tariffa għat-Turkija fis-sena 1998 rigward il-ġellewż u li jissospendi konċessjonijiet oħra[5] jikkonferixxi lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha li tirrevoka l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, meta l-ostakli għall-esportazzjonijiet preferenzjali mill-Unjoni għat-Turkija jkunu tneħħew.

4. B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

5. Għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi meħtieġa li jirriżultaw għal dak ir-Regolament, sabiex tissuplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 2008/97, meta l-kundizzjonijiet attwali tal-arranġamenti speċjali previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġu emendati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammonti, jew meta jiġi konkluż ftehim ġdid. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fuq il-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6. Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[6].

7. Ir-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 għandhom, għalhekk, jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2008/97 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikoli 7 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej

"Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri meħtieġa biex timplimenta r-regoli ta’ applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni stipulati f'dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu [323(2)] tar-Regolament (UE) Nru [xxxx/ssss] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ Regolament allinjat dwar l-OKS Unika]*.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8a għall-fini li tadotta l-emendi meħtieġa li jirriżultaw għal dan ir-Regolament meta l-kundizzjonijiet attwali tal-arrangamenti speċjali previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu emendati, b'mod partikolari fir-rigward tal-ammonti, jew meta jiġi konkluż ftehim ġdid.

* ĠU L …, …, p. "

(2) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

"Artikolu 8a

1. Is-setgħa li jkunu adottati l-atti delegati qed tingħata lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [ daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ta' emenda ]

3. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 8 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel tmiem dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

Artikolu 2

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 779/98 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli meħtieġa għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ importazzjoni għal prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li joriġinaw mit-Turkija u li jiġu importati fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KE-Turkija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu [323(2)] tar-Regolament (UE) Nru [xxxx/ssss] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ Regolament allinjat dwar l-OKS Unika]*.

* ĠU L …, …, p. "

Artikolu 3

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1506/98 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tikkonferma t-tmiem tas-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 2 meta jitneħħew l-ostakli għall-esportazzjonijiet preferenzjali mill-Unjoni għat-Turkija. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu [323(2)] tar-Regolament (UE) Nru [xxxx/ssss] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ Regolament allinjat dwar l-OKS Unika]*.

* ĠU L …, …, p. "

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum X wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 113, 15.4.1998, p. 1.

[2] ĠU L 200, 16.7.1998, p. 1.

[3] ĠU L 284, 16.10.1997, p. 17.

[4] ĠU L 113, 15.4.1998, p. 1.

[5] ĠU L 200, 16.7.1998, p. 1.

[6] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top