Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0862

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej

/* KUMM/2011/0862 finali - 2011/0418 (COD) */

52011PC0862

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej /* KUMM/2011/0862 finali - 2011/0418 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-għan ewlieni ta’ din il-proposta huwa li tipprovdi appoġġ għas-suq tan-negozji soċjali billi ttejjeb l-effikaċja tal-ġbir ta’ fondi permezz ta’ fondi ta’ investiment li għandhom dawn in-negozji fil-mira tagħhom.

In-negozji soċjali[1] huma settur emerġenti fl-UE. In-negozji soċjali huma impriżi li l-objettiv primarju tagħhom huwa li jiksbu impatti soċjali minflok ma jiġġeneraw profitti għall-azzjonisti jew għal partijiet interessati oħrajn. Fil-ksib tal-impatti soċjali, negozju soċjali jipprova jkompli jibni fuq it-tekniki tan-negozju – inkluż il-finanzjament tan-negozju. Filwaqt li dan is-settur huwa ġdid, huwa kkaratterizzat minn tkabbir mgħaġġel. Skont ir-rapport tal-2009 ta’ Global Enterprise Monitor, bejn 3 % u 7.5 % tal-forza tax-xogħol fl-Istati Membri magħżula tal-UE kienu impjegati f’għadd ta’ forom ta’ negozji soċjali.

In-negozji soċjali huma kważi esklussivament SMEs. Il-missjoni soċjali tan-negozji soċjali hija korrelatata b’enfasi sod fuq l-iżvilupp sostenibbli jew inklużiv, u fuq l-indirizzar tal-isfidi soċjali fost is-soċjetajiet tal-UE: dan ifisser li aktarx, l-investimenti fin-negozji soċjali jkollhom impatt soċjali pożittiv akbar milli investimenti f’SMEs aktar ġenerali. Minħabba li ċerti stimi, bħal dawk minn J. P. Morgan, jissuġġerixxu li l-investimenti soċjali jistgħu jikbru malajr sabiex jifformaw suq li jaqbeż sew il-EUR 100 biljun, u dan jixħet dawl fuq il-potenzjal ta’ dan is-settur emerġenti[2].

Għaldaqstant, jekk jiġi żgurat li dan is-settur ikompli jikber u jibqa’ joħloq prosperità tkun kontribuzzjoni importanti għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

In-negozji soċjali jiġbru sehem notevoli mill-finanzjament tagħhom minn għotjiet, kemm jekk minn fundazzjonijiet, minn individwi jew inkella mis-settur pubbliku. Madanakollu, bħala negozji, it-tkabbir sostenibbli tagħhom jiddependi fuq il-forniment ta’ firxa usa’ ta’ sorsi ta’ investimenti u finanzjamenti. F’dan ir-rigward, is-suq tal-UE għall-fondi ta’ investiment beda jkollu rwol importanti. Ħa l-forma suq għall-fondi ta’ investiment li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa l-investiment f’negozji soċjali. Sabiex issir distinzjoni bejn fondi mmirati bħal dawn u fondi ta’ investiment soċjali b’mod usa’, dawk il-fondi mmirati huma msemmija bħala fondi ta' intraprenditorija soċjali f’din il-proposta. It-tkabbir tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali jirrefletti l-interess li dejjem qed jikber fost għadd ta’ investituri sabiex jagħmlu investimenti – ġeneralment bħala parti minn portafoll usa’ – li għandhom l-iskop li jiksbu effetti soċjali pożittivi li jmorru lil hinn mill-kisba ta’ redditi finanzjarji.

Il-provi dwar in-nuqqasijiet regolatorji u l-fallimenti tas-swieq juru żewġ problemi li qed jillimitaw it-tkabbir tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali.

L-ewwel nett, ir-rekwiżiti regolatorji fil-livelli tal-UE u nazzjonali mhumiex imfassla sabiex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ kapital permezz ta’ dawn it-tip ta’ fondi. Il-ġbir ta’ kapital fuq bażi transfruntiera jiswa l-flus u huwa kumpless minħabba frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-‘pjazzamenti privati’[3] barra l-pajjiż. Il-konformità ma’ varjetà ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw l-attività ta’ ‘pjazzamenti privati’ sabiex jintgħażlu l-gruppi ta’ investituri żżid l-kost tal-kapital għal dawn il-fondi. Barra minn hekk, fondi ta' intraprenditorija soċjali mhumiex prosperużi fl-Istati Membri kollha, iżda bħalissa huma ġeografikament żbilanċjati fit-tqassim tagħhom.

Wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri ħareġ biċ-ċar li f’ħafna każijiet, fondi ta' intraprenditorija soċjali bħal dawn jew huma rregolati permezz tar-regoli ġenerali nazzjonali applikabbli għal pjazzamenti privati jew inkella permezz ta’ dispożizzjonijiet legali speċjali li huma introdotti għal kapital ta’ riskju jew ekwità privata. Minoranza tal-Istati Membri għandha wkoll regoli speċjali għal kategoriji usa’ ta’ fondi ta’ investiment soċjali li huma miftuħa wkoll għal investituri fil-livell tal-konsumatur. Dawn il-fondi ta’ investiment soċjali usa’ mhux neċessarjament ikollhom l-investimenti tagħhom mmirati biss lejn in-negozji soċjali. Il-provi li ħarġu mill-valutazzjoni tal-impatt juru li l-frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali u nuqqas ta’ tfassil speċjalizzat ta’ dawn ir-regoli għall-ħtiġijiet tagħhom wasslu għal piżijiet ta’ spejjeż u aċċess b’effiċjenza mnaqqsa tas-swieq kapitali għal dawn il-fondi. Minkejja interess qawwi mill-investituri fl-istrateġiji ta’ investiment soċjali, dawn il-piżijiet regolatorji jxekklu l-kriterju ta’ fondi ta' intraprenditorija soċjali ta’ daqs effiċjenti (l-assi medji mmaniġjati tal-fond ta' intraprenditorija soċjali rarement jaqbżu l-EUR 20 miljun).

It-tieni nett, l-investituri potenzjali fil-fondi ta' intraprenditorija soċjali jaffaċċjaw firxa wiesgħa ta’ proposti ta’ investimenti soċjali differenti, livelli differenti ta’ tagħrif rigward l-investimenti soċjali, is-selezzjoni jew l-analiżi tal-impriżi soċjali, u approċċi għall-kejl tal-prestazzjoni soċjali tagħhom. Il-fondi stess u n-negozji soċjali tagħhom fil-mira jistgħu jaffaċċjaw kostijiet mill-eżistenza ta’ miżuri awtoregolatorji li jiddupplikaw jew li jikkunfliġġu fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija aktar ’il fuq. Il-kunfidenza u l-fiduċja f’għajnejn l-investituri huma mxekkla.

Dawn id-diffikultajiet huma ta’ xkiel għall-flussi effiċjenti ta’ kapital fil-fondi ta' intraprenditorija soċjali, u konsegwentement, anki għall-fluss ta’ kapital fl-impriżi soċjali nfushom, u jikkostitwixxu ostaklu għall-iżvilupp ta’ suq tal-investiment uniku f’dan il-qasam.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-Att dwar is-Suq Uniku[4] (ASU), il-Kummissjoni ħadet l-impenn li timplimenta diversi miżuri sabiex tiżgura li n-negozji soċjali tal-UE jkunu jistgħu jsiru prosperużi, anki billi tindirizza dgħjufijiet ta’ finanzjament bħal dawn. Il-proposta attwali dwar qafas Ewropew għall-fondi ta' intraprenditorija soċjali hija inizjattiva minnhom li tieħu azzjoni fir-rigward ta’ dak l-impenn; tifforma parti mill- Inizjattiva għan-negozju soċjali tal-Kummissjoni (COM(2011) 682/2), li għandha l-għan li tindirizza kwistjonijiet usa’ f’dan is-settur.

L-għan tar-Regolament propost huwa li jinħoloq qafas leġiżlattiv speċifikament imfassal għall-ħtiġijiet tal-impriżi soċjali, għall-investituri li beħsiebhom jiffinanzjaw impriżi bħal dawn, u għall-fondi ta’ investiment speċjalizzati li għandhom l-għan li jservu ta’ medjatur bejn dawn it-tnejn. Għandu l-għan li jikseb livell għoli ta’ ċarezza fir-rigward tal-karatteristiċi li jiddidstingwu l-fondi ta' intraprenditorija soċjali mill-kategorija usa’ ta’ fondi ta’ investiment alternattivi. Huma biss dawk il-fondi li jikkonformaw ma’ dawn il-karatteristiċi li għandhom ikunu eliġibbli li jiġbru l-fondi permezz tal-qafas Ewroprew propost għall-fondi ta' intraprenditorija soċjali.

Ir-Regolament propost jindirizza dawn il-problemi. Jintroduċi rekwiżiti uniformi għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li joperaw bl-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew”. Jintroduċi rekwiżiti sabiex jiġu identifikati l-portafoll tal-investiment, it-tekniki ta’ investiment u l-impriżi eliġibbli li jistgħu jkunu fil-mira ta’ fond kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali. Jintroduċi wkoll regoli uniformi dwar liema kategoriji ta’ investituri jistgħu jittieħdu fil-mira ta’ fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti u dwar l-organizzazzjoni interna tal-maniġers li jikkummerċjalizzaw dawn il-fondi kwalifikanti. Peress li l-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li joperaw bl-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” se jkunu soġġetti għal regoli sustantivi identiċi madwar l-UE, dawn se jibbenefikaw minn rekwiżiti uniformi għar-reġistrazzjoni u minn passaport validu madwar l-UE kollha, li se jgħinu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għal dawk kollha li jeħdu sehem fis-suq għall-finanzjament tal-intraprendituri soċjali.

Ir-Regolament propost dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (EuSEFs - European Social Entrepreneurship Funds) huwa komplimentarju mar-Regolament […] dwar il-Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju. Iż-żewġ proposti għandhom l-għan li jiksbu għanijiet differenti u ż-żewġ proposti, jekk jiġu adottati, se jikkoeżistu bħala atti ġuridiċi awtonomi b’indipendenza reċiproka.

Il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jiffokaw fuq il-forniment ta’ finanzjament ta' ekwità għall-SMEs, iżda tipikament ma jilħqux il-livell limitu li jiddefinixxi l-passaport disponibbli għal maniġers ta’ fondi kbar skont id-Direttiva 2011/61/KE (dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi). Filwaqt li n-negozji soċjali huma SMEs ukoll, u l-fondi li għandhom negozju soċjali fil-mira joperaw ukoll taħt il-livelli limiti bbażati fuq l-assi tad-Direttiva 2011/61/KE, il-firxa ta’ għodod ta’ finanzjament eliġibbli proposti fir-Regolament dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej jmorru lil hinn mill-finanzjament bl-ekwità - l-istrument tipiku għall-intrapriżi l-ġodda fis-settur tat-teknoloġija. Minbarra l-finanzjament bl-ekwità, l-impriżi soċjali għandhom rikors ukoll għal forom oħra ta’ finanzjament, it-tagħqid tal-finanzjament mis-settur pubbliku u privat, l-istrumenti tad-dejn jew selfiet żgħar. Għaldaqstant, ir-regoli proposti dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali jipprovdu għal firxa usa’ ta’ għodod ta’ investiment kwalifikanti u li jkunu disponibbli għal fondi ta’ kapital ta’ riskju.

Barra minn hekk, il-kwistjonijiet ta’ trasparenza kkawżati mill-investimenti fin-negozji soċjali huma differenti mill-obbligi ta’ rapportar ġenerali li huma pprovduti fil-qasam tal-kapital ta’ riskju: l-investimenti fl-intraprenditorija soċjali għandhom forma ta’ ‘redditu soċjali’ jew impatt soċjali pożittiv fil-mira tagħhom. Ir-regoli proposti fihom sezzjonijiet speċjali li jiffokaw fuq it-tagħrif rigward l-impatti soċjali, il-kejl ta’ dawn u l-istrateġiji użati għall-kisba tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-għażla ppreferuta hija li għandu jkun hemm żewġ oqsfa tal-UE dwar il-kapital ta’ riskju u dwar l-intraprenditorija soċjali li jkunu joperaw b’mod awtonomu iżda flimkien.

Għandha ssir ħidma ulterjuri sabiex jiġi żgurat li l-jeddijiet assenjati minn dan ir-Regolament lill-maniġers tal-EuSEF u lill-EuSEFs li jimmaniġjaw ma jiġux ppreġudikati minn ostakli ta’ taxxa. Regoli xierqa tat-tassazzjoni – għad li indipendenti minn dan ir-Regolament – huma kompliment importanti għalih u għajnuna għall-iżvilupp ta’ suq kompletament funzjonali għall-EuSEFs fi ħdan l-UE. Ikunu jistgħu jiżguraw flussi effiċjenti ta’ kapital lejn l-EuSEFs u finalment, lejn l-impriżi kwalifikanti f'portafoll li l-fondi jinvestu fihom.

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJEIT MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L- VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATTI 2.1. Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati

Fit-13 ta’ Lulju 2011, is-servizzi tal-Kummissjoni nedew konsultazzjoni pubblika dwar miżuri possibbli sabiex itejbu l-aċċess tan-negozji soċjali sabiex għall-finanzjament mill-fondi ta’ investiment, li għalqu fl-14 ta’ Settembru 2011[5]. Il-kontributi totali ammontaw għal 67 u jinsabu fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2011/social_investment_funds_en.htm.

Barra minn hekk, ir-regolaturi u s-superviżuri ġew ikkonsultati wkoll permezz tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli (KET), anki permezz ta’ kwestjonarju li jitlob id-dettalji dwar sistemi nazzjonali eżistenti għall-fondi ta’ investiment soċjali li b’mod usa’, anki dwar fondi ta' intraprenditorija soċjali.

Dan jaqa’ fi ħdan il-kuntest usa’ tal-ħidma u l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Att dwar is-Suq Uniku, fejn ir-rwol tan-negozji soċjali u tal-finanzjament tagħhom ġie ġġustifikat u esplorat ukoll mal-partijiet interessati u l-parteċipanti f’dik il-konsultazzjoni. B'segwitu għal dan, il-Kummissjoni varat Inizjattiva għan-Negozju Soċjali awtonoma li offriet opportunitajiet għal diskussjonijiet ma’ partijiet interessati anki permezz ta’ workshop f’Mejju 2011.

2.2. Valutazzjoni tal-impatt

B’konformità mal-politika tagħha dwar “regolamentazzjoni aħjar”, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt dwar diversi alternattivi ta' politika.

Din l-analiżi identifikat żewġ problemi ewlenin: fuq naħa, it-tagħrif imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri rigward l-impriżi soċjali, il-politiki ta’ investiment u l-proċeduri ta’ analiżi segwiti minn fondi ta' intraprenditorija soċjali u l-kejl tal-impatti soċjali jew mhijiex biżżejjed jew inkella mhijiex ippreżentata b’mod komparabbli. Fuq in-naħa l-oħra, l-approċċi regolatorji għall-ġbir ta’ fondi ta’ organizzazzjonijiet li jispeċjalizzaw f’investimenti f’negozji soċjali ma kinux imfassla biżżejjed għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali.

L-ewwel nett, il-parteċipanti fis-suq ma kinux kunfidenti biżżejjed bit-tagħrif disponibbli u mhumiex kapaċi sabiex minnufih jidentifikaw dawk il-fondi li fil-mira tagħhom ikollhom in-negozji soċjali, u mhumiex kunfidenti bl-impatt soċjali li jista' jinkiseb billi jinvestu f’dawn il-fondi. It-tieni problema hija relatata man-nuqqasijiet regolatorji: is-sistemi nazzjonali li jirregolaw il-ġbir ta’ fondi barra s-swieq miftuħa (pjazzamenti privati) huma diverġenti u mhumiex speċifikament imfassla għall-ħtieġa tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali u tal-maniġers tagħhom. Dan ifisser li l-ġbir transfruntier ta’ fondi huwa kumpless, karatterizzat minn diverġenzi regolatorji. Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi fil-livell tal-UE, aktarx li l-ġbir ta’ fondi soċjali permezz ta’ fondi ta' intraprenditorija soċjali jibqa’ nazzjonali.

Għalhekk, l-analiżi tidentifika tliet objettivi prinċipali: titjib fiċ-ċarezza u l-komparabilità tal-fondi ta’ investiment li għandhom negozji soċjali fil-mira tagħhom; it-titjib tal-għodod għall-valutazzjoni u l-analiżi tal-impatti soċjali; u li l-ħtiġijiet tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali jiġu riflessi aħjar fir-regoli li japplikaw għal dawn il-fondi madwar l-Unjoni.

Fil-kuntest ta’ dawn l-objettivi, ġiet eżaminata firxa wiesgħa ta’ alternattivi.

Fir-rigward tat-titjib fiċ-ċarezza u l-komparabilità tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali, il-valutazzjoni tal-impatt tesplora alternattivi differenti sabiex tiġi ffaċilitata t-trasparenza permezz ta’ awtoregolazzjoni (kodiċi tal-kondotta), l-istabiliment ta’ tikketta tal-UE b’miżuri armonizzati u vinkolanti sabiex tiġi infurzata l-konformità. Għat-titjib tal-għodod għall-valutazzjoni jew l-analiżi tal-impatti soċjali, ġew eżaminati alternattivi differenti, li jvarjaw mit-twaqqif ta’ fora għall-partijiet interessati sad-diskussjoni dwar il-varar ta’ studju ulterjuri dwar kif dawn l-għodod ta’ valutazzjoni jistgħu jiġu armonizzati fil-livell tal-UE. Fir-rigward tat-titjib tal-ġbir transfruntier ta’ fondi minn fondi bħal dawn u l-ambjent regolatorju li jirregola l-pjazzamenti privati f’pajjiżi barranin, l-alternattivi varjaw mit-trawwim ta’ rikonoxximent reċiproku bejn regoli nazzjonali ta’ pjazzament privat, l-użu tar-regoli dawr il-kapital ta’ riskju sabiex jitrawwem ukoll ġbir ta’ fondi permezz ta’ fondi ta' intraprenditorija soċjali, il-ħolqien ta’ sistema mfassla b’mod speċifiku għall-ġbir ta’ fondi għal dawn il-fondi u l-ħolqien ta’ qafas Ewropew tal-fondi awtonomu għal dawn il-fondi.

Il-valutazzjoni tal-impatt konkluża favur qafas awtonomu għad-definizzjoni tal-fondi u r-regoli li japplikaw għalihom, sabiex jiġi faċilitat il-ġbir ta’ fondi nazzjonali u transfruntier, inkluż l-iżvilupp ta’ ‘marka’ Ewropea ta’ fondi ta' intraprenditorija soċjali appoġġjata minn provvedimenti ta’ trasparenza b’saħħithom.

Ġie vvalutat l-impatt tal-alternattivi, inklużi benefiċċji u kostijiet għall-industrija, l-investituri, in-negozji soċjali, is-soċjetà, is-superviżuri tal-fondi u partijiet interessati oħrajn. L-alternattiva preferuta nżammet peress li toffri l-akbar potenzjal għall-indirizzar tal-problemi identifikati filwaqt li hija proporzjonata fir-rigward tal-kostijiet ta’ konformità mġarrba minn dawk li jridu jibbenefikaw mill-qafas il-ġdid.

Il-kummenti espressi mill-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt fl-opinjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2011 ittieħdu f’kunsiderazzjoni fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt. Il-kuntest usa’ għal din l-inizjattiva ġie ċċarat ulterjorment billi ntwera kif l-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni fil-qasam tan-negozju soċjali huma marbutin flimkien sabiex jifformaw strateġija koerenti. L-analiżi tal-problemi ssaħħet ulterjorment billi inkludiet spjegazzjoni aktar ċara dwar ir-raġunijiet għalfejn l-inizjattiva dwar il-fondi ta’ kapital ta’ riskju mhijiex se tkun kapaċi tindirizza l-problemi għall-fondi ta' intraprenditorija soċjali. Ġew iċċarati ulterjorment il-loġika tal-intervent u l-analiżi tal-alternattivi differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kategoriji possibbli ta’ investituri. Il-kontenuti tal-miżuri li huma previsti issa u dawk li jistgħu jkunu meħtieġa aktar tard huma stabiliti b’mod aktar ċar. Il-valutazzjoni tal-impatti ttejbet, inkluża valutazzjoni tal-interdipendenza tal-miżuri f’termini tal-effikaċja probabbli tagħhom. Finalment, il-kwistjonijiet ta’ monitoraġġ u konformità ġew iċċarati ulterjorment.

3. ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE bħala l-aktar bażi ġuridika xierqa f’dan il-qasam. Il-proposta għandha l-għan prinċipali li ttejjeb l-affidabilità u ċ-ċarezza legali tal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mwettqa minn operaturi li jużaw l-isem ta’ “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew". Fil-ksib ta’ dan l-għan, il-proposta tintroduċi standards uniformi li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-portafoll, l-istrumenti ta’ investiment eliġibbli, u l-miri ta’ investiment eliġibbli ta’ fondi ta' investiment kollettivi li joperaw taħt dak l-isem. Il-proposta tintroduċi wkoll regoli dwar il-kategoriji ta’ investituri li huma meqjusa bħala eliġibbli sabiex jinvestu f’dawn il-fondi ta’ investiment.

Regolament huwa meqjus bħala l-aktar strument ġuridiku xieraq sabiex jintroduċi r-rekwiżiti uniformi mmirati għall-partċeipanti kollha fis-suq għall-ġbir ta’ fondi għall-impriżi soċjali - investituri, fondi ta' intraprenditorija soċjali u l-kumpaniji fil-mira tal-finanzjament tal-intraprenditorija soċjali. Regolament huwa meqjus ukoll bħala l-aktar strument xieraq sabiex joħloq regoli uniformi dwar min jista’ jkun investitur f’fond ta' intraprenditorija soċjali, dwar min jista’ juża l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” u dwar it-tipi ta’ impriżi li jistgħu jirċievu finanzjament minn fondi kwalifikanti bħal dawn. Finalment, Regolament huwa meqjusa bħala l-aktar strument xieraq sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti kollha huma soġġetti għal rekwiżiti uniformi rigward is-sottoskrizzjoni għal “Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej” u l-istrateġiji ta’ investiment fil-mira u l-għodod ta’ investiment użati minn fondi bħal dawn.

Barra minn hekk, l-objettivi ta’ dan ir-Regolament huma relatati mar-rekwiżiti uniformi dwar it-trasparenza fir-rigward tal-impatti soċjali, inklużi l-miżuri ta’ rapportar u tal-prestazzjoni soċjali. Għal dan il-għan, rekwiżiti uniformi b’dan l-iskop – eż. dettalji dwar kif jiġi ppreżentat it-tagħrif dwar il-prestazzjoni soċjali – huma meħtieġa. Jekk l-għażla tal-provvedimenti preċiżi għall-istandardizzazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti tħalliet f’idejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, din iġġarrab ir-riskju li dawn ir-rekwiżiti jkunu diverġenti bejn Stat Membru u ieħor. Dan ikun qed joħloq standards imqassma b’mod żbilanċjat f’qasam li huwa fundamentali għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq ta’ fondi ta’ investiment li fil-mira tagħhom ikollhom in-negozju soċjali. Standards żbilanċjati bħal dawn jkunu ta’ ħsara għall-għan li jiġi żgurat li dan huwa suq li l-investituri jistgħu jafdaw. Għaldaqstant, sabiex tissaħħaħ il-kunfidenza tal-investituri, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-maniġers tal-fondi jsegwi l-istess regoli f’dan il-qasam fundamentali.

3.2. Sussidjarjetà u proporzjonalità

Essenzjalment, il-proposta għandha l-għan li toħloq ambjent ta’ kummerċjalizzazzjoni fdat, sigur u legalment stabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-“Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej”. Id-determinazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ fond bħal dan, f’termini tal-kompożizzjoni tal-portafoll, l-għodod ta’ investiment, il-miri tal-investiment u l-gruppi ta’ investituri eliġibbli tiegħu, ma tistax titħalla f’idejn l-Istati Membri hekk kif din tkun twassal għal applikazzjoni differenti u inkonsistenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ definizzjoni madwar l-UE. Għaldaqstant, definizzjonijiet u rekwiżiti operatorji uniformi jrid ikollhom rwol ċentrali fit-twaqqif ta’ sett ta’ regoli komuni għas-suq Ewropew għal dawn il-fondi u l-maniġers tagħhom. Barra minn hekk, il-maniġers kollha tal-fond ta’ investiment kollettiv li joperaw f’dan is-suq li jużaw l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” jridu jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti organizzazzjonali, ta’ kondotta tal-operazzjonijiet u ta’ trasparenza.

Fir-rigward tar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tal-maniġers tal-“Fondi Ewropew ta' Intraprenditorija Soċjali”, il-proposta għandha l-għan li ssib bilanċ bejn il-ħtieġa għal superviżjoni effikaċi, l-interess tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fejn dawn il-fondi jkunu jew iddomiċiljati jew inkella offerti għall-kategoriji eliġibbli ta’ investituri u r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-AETS. Sabiex jinħoloq proċess mexxej għas-supervżjoni, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat il-maniġer tal-“Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” kwalifikanti se tivverifika d-dokumenti ta’ reġistrazzjoni sottomessi mill-maniġer tal-applikant u, wara li tivvaluta jekk l-applikant jipprovdix biżżejjed garanzija tal-abilità tiegħu sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament, tirreġistra lill-applikant. Matul is-superviżjoni tal-maniġer irreġistrat, l-awtorità kompetenti li rreġistrat il-maniġer se tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti f’dawk l-Istati Membri fejn ikun ikkummerċjalizzat il-fond kwalifikanti. L-AETS se tħaddem bażi ta’ dejta ċentrali fejn telenka l-maniġers irreġistrati kollha li huma eliġibbli sabiex jużaw l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew”.

Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-proposta ssib il-bilanċ xieraq bejn l-interess pubbliku ta’ promozzjoni tal-iżvilupp ta’ swieq aktar effiċjenti għall-“Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej” u l-kosteffiċjenza tal-miżuri proposti. Filwaqt li tipprovdi sistema ta’ reġistrazzjoni sempliċi, il-proposta ħadet f’kunsiderazzjoni sħiħa l-ħtieġa tal-ksib ta’ bilanċ bejn is-sikurezza u l-affidabilità assoċjati mal-użu tal-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” mat-tħaddim effiċjenti tas-suq u l-kost għall-partijiet interessati varji tiegħu.

3.3. Konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE

Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat proposti għar-Regolamenti li jistabilixxu l-ABE, l-AEAPX, u l-AETS. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar id-Dikjarazzjonijiet relatati mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE li għamlet matul l-adozzjoni tar-Regolamenti li jwaqqfu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fejn intqal: “fir-rigward tal-proċess għall-adozzjoni ta' standards regolatorji, il-Kummissjoni tenfasizza n-natura unika tas-settur tas-servizzi finanzjarji, li jkompli mal-istruttura Lamfalussy u li kien speċifikament rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni 39 għat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji serji jekk ir-restrizzjonijiet fuq ir-rwol tagħha meta tadotta atti delegati u miżuri ta' implimentazzjoni humiex skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE.”

3.4. Preżentazzjoni tal-Proposta

Artikolu 1 - Suġġett

L-Artikolu 1 jistipula l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament previst. L-Artikolu jagħmilha ċara li l-isem "Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew" (EuSEF) għandu jkun riżervat għal dawk il-maniġers ta’ fondi li jikkonformaw ma’ sett ta’ kriterji uniformi dwar il-kwalità li japplikaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi tagħhom madwar l-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 jenfasizza l-għan li jiġi stabilit kunċett uniformi dwar x’jikkostitwixxi EuSEF. Dan il-kunċett huwa żviluppat sabiex tiġi żgurata l-kummerċjalizzazzjoni mingħajr intoppi ta’ fondi bħal dawn madwar l-Unjoni.

Artikolu 2 - Kamp ta’ applikazzjoni

L-Artikolu 2 jispeċifika li dan ir-Regolament japplika għal maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fl-Artikolu 3 (1) (b) ta’ dan ir-Regolament li jkunu stabiliti fl-Unjoni u li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti fl-istati membri domiċiljari tagħhom skont l-Artikolu 3 (3) (a) tad-Direttiva 2011/61/KE, sakemm dawn jimmaniġjaw portafolji ta’ EuSEFs, li l-assi maniġjat tagħhom ma jaqbżux livell limitu totali ta’ EUR 500 miljun.

Artikolu 3 - Definizzjonijiet

L-Artikolu 3 fih definizzjonijiet essenzjali li jistipulaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikazzjoni għar-Regolament propost. Huma ddefiniti l-kunċetti fundamentali, bħall-EuSEF stess, il-maniġer tal-EuSEF, l-għodod ta’ investiment kwalifikanti u l-miri ta’ investiment kwalifikanti. Essenzjalment, dawn id-definizzjonijiet għandhom l-għan li jaqgħtu linja sabiex issir distinzjoni bejn EuSEF u fondi oħrajn li jistgħu jfittxu li jilħqu strateġiji ta’ investiment simili iżda li ma għandhomx l-impriżi soċjali fil-mira tagħhom.

B’konformità mal-għan ta’ ċirkoskrizzjoni bi preċiżjoni tal-fondi f’dan ir-Regolament, il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 3 jistipula li EuSEF ikun fond li jiddedika minimu ta’ 70 fil-mija mill-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat u mhux eżerċitat għal investimenti li jkunu impriżi ta’ portafoll kwalifikanti. Dan jimplika li, pereżempju, spejjeż operazzjonali li jrid jiġu ddebitati lill-EuSEF skont kif jista’ jiġi miftiehem mal-investituri, iridu jinħarġu mit-30 fil-mija li jifdal mill-kontribuzzjonijiet kapitali impenjati.

Dan ir-Regolament jieħu f’kunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi speċjali tal-impriżi soċjali. L-objettiv ewlieni tal-impriżi soċjali huwa l-kisba ta’ impatt soċjali pożittiv. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jeħtieġ li impriża ta’ portafoll kwalifikanti għandu jkollha impatt soċjali pożittiv u li jista’ jitkejjel, li tuża l-profitti tagħha sabiex tikseb l-objettiv primarju u li tkun mmaniġjata b’mod responsabbli u trasparenti. L-Artikolu 3 jispeċifika wkoll regoli u proċeduri li jrid ikunu fis-seħħ biex ikopru ċ-ċirkostanzi li fihom impriża ta' portafoll kwalifikanti tkun tixtieq tqassam parti mill-profitti tagħha lis-sidien u l-azzjonisti. Kif spjegat fil-preambolu, tali tqassim ma għandux jippreġudika l-ksib effettiv tal-objettiv primarju tal-impriża.

Filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ impriżi bħal dawn, l-għodod ta’ investiment eliġibbli huma ddefiniti bl-istess mod. Dawn jinkludu strumenti ta’ ekwità, strumenti ta’ dejn, investimenti f’EuSEFs oħrajn u selfiet ta’ terminu twil u medju.

Artikolu 4 – L-użu tal-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew"

L-Artikolu 4 fih il-prinċipju ewlieni li jisħaq li huma biss dawk il-fondi li jikkonformaw mal-kriterji uniformi stabiliti minn dan ir-Regolament li jkunu eliġibbli sabiex jużaw l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” sabiex jikkumerċjalizzaw il-EuSEFs madwar l-Unjoni.

Artikolu 5 – Kompożizzjoni tal-portafoll

L-Artikolu 5 fih dispożizzjoni dettaljata dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll li tikkaratterizza EuSEF. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 fih regoli uniformi dwar il-miri ta’ investiment tal-EuSEF, l-għodod ta’ investiment eliġibbli, ir-regoli dwar il-limiti li bihom maniġer ta’ EuSEF jista’ jżid l-iskopertura tiegħu. Sabiex jingħata ċertu grad ta’ flessibilità għall-EuSEFs fl-immaniġjar tal-investimenti u l-likwidità tagħhom, jitħallew isiru investimenti oħra fi ħdan livell limitu massimu li ma jaqbiżx it-30 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-investimenti kapitali mhux eżerċitati li ma jeħtieġx jikkostitwixxi investimenti kwalifikanti.

Artikolu 6 – Investituri eliġibbli

L-Artikolu 6 fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-investituri eliġibbli sabiex jinvestu f’EuSEFs: skont dan l-Artikolu, il-EuSEFs jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri rikonoxxuti bħala investituri professjonali fid-Direttiva 2004/39/KE. Il-kummerċjalizzazzjoni lejn investituri oħrajn bħal ċerti individwi ta’ valur għoli hija permessa biss jekk dawn jimpenjaw ‘biljett’ minimu ta’ EUR 100 000 għall-fond u jekk jiġu segwiti ċerti proċeduri mill-maniġer tal-fond sabiex il-maniġer tal-fond ikun raġonevolment żgurat li dawn l-investituri oħrajn huma kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-investiment tagħhom u jifhmu r-riskji involuti.

Artikolu 7 – Regoli tal-kondotta

L-Artikolu 7 fih prinċipji ġenerali li jirregolaw l-imġiba ta’ maniġer ta’ EuSEF, l-aktar fil-kondotta tal-attivitajiet tiegħu u r-relazzjoni tiegħu mal-investitur.

Artikolu 8 – Kunflitti ta’ interess

L-Artikolu 8 fih regoli għall-maniġġ ta’ kunflitti ta’ interess mill-maniġer ta’ EuSEF. Dawn ir-regoli jeħtieġu wkoll li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi fis-seħħ sabiex jiżgura maniġġ xieraq tal-kunflitti ta’ interess.

Artikolu 9 – Kejl tal-impatti soċjali pożittivi

L-Artikolu 9 jeħtieġ li l-maniġer ta’ EuSEF ikollu l-proċeduri meħtieġa fis-seħħ sabiex ikejjel u jimmonitorja l-impatti soċjali pożittivi li l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u jkunu impenjati li jiksbu.

Artikolu 10 - Rekwiżiti organizzazzjonali

L-Artikolu 10 jeħtieġ li maniġer ta’ EuSEF ikollu riżorsi umani u tekniċi adegwati kif ukoll biżżejjed fondi proprji daqs kemm jeħtieġ għall-immaniġjar xieraq tal-EuSEFs.

Artikolu 11 – Valwazzjoni

L-Artikolu 11 jindirizza l-valwazzjoni tal-assi ta’ EuSEF. Ir-regoli dwar din għandhom ikunu stabiliti fid-dokumenti statutorji ta’ kull EuSEF.

Artikolu 12 - Rapporti annwali

L-Artikolu 12 fih regoli dwar ir-rapporti annwali li l-maniġers ta’ EuSEF iridu jħejju fir-rigward tal-EuSEF li jimmaniġjaw. Ir-rapport jispjega l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond u l-attivitajiet matul l-aħħar sena. Ikun fih ukoll tagħrif dwar l-impatt soċjali miksub mill-politika ta’ investiment tal-fond.

Artikolu 13 - Divulgazzjoni lil investituri

L-Artikolu 13 fih ċerti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ewlenin li huma fid-dmir tal-maniġer ta’ EuSEF fir-rigward tal-investituri tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti fihom obbligi ta’ divulgazzjoni ġenerali ta’ qabel il-kuntratt fir-rigward tal-istrateġija ta’ investiment u l-objettivi tal-EuSEF, it-tagħrif dwar il-kostijiet u l-imposti assoċjati, u l-profil tar-riskji/il-gwadanji tal-investiment propost mill-EuSEF. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu wkoll tagħrif dwar il-mod kif tiġi kkalkolata r-remunerazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF. Fl-istess waqt, dawn ir-rekwiżiti għandhom l-għan li jiżguraw trasparenza fir-rigward tan-natura speċifika tal-EuSEFs, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżitu soċjali pożittiv li jinkiseb mill-politika ta’ investiment.

Artikolu 14 – Superviżjoni

L-Artikolu 14 sabiex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari se jkun jista’ jissupervizza l-konformità tal-maniġer ta’ EuSEF mar-rekwiżiti uniformi stabiliti f’dan ir-Regolament; il-maniġer tal-EuSEF jeħtieġ jinforma lill-awtorità kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jikkummerċjalizza EuSEFs bid-denominazzjoni ta’ "Fond Ewropew ta’ Intrapreditorija Soċjali". Il-maniġer jeħtieġ jipprovdi wkoll l-informazzjoni neċessarja inkluż dwar l-arranġamenti għall-konformità ma' dan ir-Regolament u l-fondi li jkun fi ħsiebu jikkummerċjalizza. Ladarba l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li t-tagħrif meħtieġ huwa sħiħ u li l-arranġamenti huma xierqa sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabiliti f’dan ir-Regolament, din tirreġistra lill-maniġer ta’ EuSEF. Din ir-reġistrazzjoni tkun valida madwar l-Unjoni kollha u tippermetti lill-maniġer ta’ EuSEF sabiex jikkummerċjalizza l-EuSEFs bid-denominazzjoni “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew”.

Artikolu 15 – Aġġornar tat-tagħrif

L-Artikolu 15 fih regoli dwar iċ-ċirkustanzi meta jkun meħtieġ li jiġi aġġornat it-tagħrif ipprovdut lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari.

Artikolu 16 - Notifiki transfruntieri

L-Artikolu 16 jiddeskrivi l-proċess ta’ notifika transfruntier bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji li tinbeda wara r-reġistrazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF.

Artikolu 17 – Bażi ta’ dejta tal-AETS

L-Artikolu 17 jafda lill-AETS bil-kompitu li taġġorna bażi ta’ dejta ċentrali li telenka l-EuSEFs kollha li jkunu rreġistrati madwar l-Unjoni.

Artikolu 18 – Superviżjoni mill-awtorità kompetenti

L-Artikolu 18 jistipula li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari jissupervizzaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19 – Setgħat superviżorji

L-Artikolu 19 jispeċifika lista ta’ setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex tiġi żgurata konformità mal-kriterji uniformi li jinstabu fir-Regolament.

Artikolu 20 – Sanzjonijiet

L-Artikolu 20 fih dispożizzjonijeit dwar sanzjonijiet sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21 – Ksur tad-dispożizzjonijiet ewlenin

L-Artikolu 21 jispeċifika li l-ksur tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dan ir-Regolament bħal dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, l-investituri eliġibbli u l-użu tal-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew" għandu jiġi sanzjonat bil-projbizzjoni tal-użu tal-isem u t-tneħħija tal-maniġer ta’ EuSEF mir-reġistru.

Artikolu 22 – Kooperazzjoni superviżorja

L-Artikolu 22 fih ir-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni superviżorja bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari u dak ospitanti u l-AETS.

Artikolu 23 - Segretezza professjonali

L-Artikolu 23 fih dispożizzjonijiet dwar il-livell meħtieġ ta’ segretezza professjonali li għandhom japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali relevanti kollha u għar-Regolatur Ewropew tat-Titoli u s-Swieq (AETS).

Artikolu 24 – Kundizzjonijiet għall-għoti tas-setgħa

L-Artikolu 24 jistabilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati.

Artikolu 25 - Reviżjoni

L-Artikolu 25 fih klawżoli dwar ir-reviżjoni tar-Regolament propost u l-proposti possibbli tal-Kummissjoni sabiex jiġu mmodifikati dawn tal-aħħar.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2011/0418 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ttrażmettew l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[6],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

Filwaqt li aġixxew skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Waqt li l-investituru wkoll qed ifittxu għanijiet soċjali u mhux biss redditi finanzjarji, aktar ma jmur aktar qed jemerġi suq ta’ investiment soċjali fl-Unjoni, magħmul parzjalment minn fondi tal-investiment li jimmiraw lejn impriżi soċjali. Tali fondi ta’ investiment jipprovdu finanzjament għall-impriżi soċjali li jaġixxu għala muturi tal-bidla soċjali billi joffru soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi soċjali u jagħtu kontribut ferm importanti għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(2) Huwa neċessarju li jiġi stipulat qafas komuni ta’ regoli dwar l-użu tad-denominazzjoni "Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew", partikolarment dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi li joperaw b'din id-denominazzjoni, il-miri ta’ investiment eliġibbli tagħhom, l-għodod tal-investiment li jużaw u l-kategoriji ta’ investituri li jkunu eliġibbli għall-investiment f'tali fondi minn regoli uniformi tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ qafas komuni bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jadottaw provvedimenti diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u joħolqu ostakli għalih, billi l-fondi li jkunu jixtiequ joperaw lil hinn mill-fruntieri jkunu soġġetti għal regoli differenti fl-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti diverġenti ta’ kwalità dwar il-kompożizzjoni tal-protafolji, il-miri ta’ investiment u l-investituri eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni għall-investitur u jiġġeneraw konfużjoni fir-rigward tal-offerta ta’ investiment assoċjata mal-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew (EuSEF). L-investituri għandhom, barra minn hekk, ikunu kapaċi jikkomparaw l-offerti ta’ investiment ta’ EuSEFs differenti. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli sinifikanti għall-ġbir transfruntier ta’ fondi mill-EuSEFs u li jiġu evitati distorsjonijiet għall-kompetizzjoni bejn dawk il-fondi, u li jiġi pprevenut li fil-futur jokkorru kwalunkwe ostaklu ieħor għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-bażi ġuridika xierqa hija l-Artikolu 114 tat-TFUE, kif interpretat skont il-każistika konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(3) Jeħtieġ li jiġi adottat Regolament li jistabilixxi regoli uniformi applikabbli għall-EuSEFs u li jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom fl-Istati Membri kollha li jkunu jixtiequ jiġbru l-kapital mill-Unjoni kollha bl-użu tad-denominazzjoni "Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew". Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw il-kunfidenza tal-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu f'tali fondi.

(4) Id-definizzjoni tar-rekwiżiti ta’ kwalità għall-użu tad-denominazzjoni "Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew" fil-forma ta’ Regolament għandha tiżgura li dawk ir-rekwiżiti jkunu direttament applikabbli għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jiġbru fondi bl-użu ta’ din id-denominazzjoni. Dan jiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din id-denominazzjoni bil-prevenzjoni ta’ rekwiżiti nazzjonali diverġenti li jirriżultaw mit-traspożizzjoni ta’ Direttiva. Dan ir-Regolament ifisser li l-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni jkunu jeħtieġu jsegwu l-istess regoli fl-Unjoni kollha, li jqawwi wkoll il-kunfidenza tal-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu f'fondi li jiffokaw fuq impriżi soċjali. Regolament inaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u, għall-maniġer, il-kost tal-konformità ma' regoli nazzjonali spiss diverġenti li jirregolaw tali fondi, speċjalment għal dawk il-maniġers li jkunu jixtiequ jiġbru kapital fuq bażi transfruntiera. Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta' distorsjonijiet kompetittivi.

(5) Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u r-regoli ġenerali applikabbli tal-Unjoni dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, huwa neċessarju li jiġi stabilit li dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv għajr l-UCITS skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)[8] u li jkunu stabiliti fl-Unjoni u jkunu rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010[9]. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal maniġers li jimmaniġjaw portafolji tal-EuSEFs li l-assi maniġjati tagħhom f'daqqa ma jaqbżux livell limitu ta’ EUR 500 miljun. Sabiex il-kalkolu ta’ dan il-livell limitu jsir operattiv, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tal-kalkolu ta’ dan il-livell limitu. Meta teżerċita din is-setgħa, il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura konsistenza mar-regoli dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv, tqis provvedimenti adottati mill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 3 (6) tad-Direttiva 2011/61/KE.

(6) Dan ir-Regolament ma japplikax f’każijiet fejn il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew”. F’dawk il-każijiet, regoli nazzjonali u regoli ġenearli tal-Unjoni eżistenti għandhom jibqgħu japplikaw.

(7) Dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli uniformi dwar in-natura tal-EuSEFs, notevolment dwar l-impriżi ta' portafoll li fihom l-EuSEFs ikunu permess jinvestu, u l-istrumenti ta' investiment li jintużaw. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza neċessarji, dan ir-Regolament għandu wkoll jistabilixxi kriterji uniformi sabiex jidentifika l-impriżi soċjali bħala impriżi ta’ portafoll kawlifikanti eliġibbli. Bħala objettiv ewlieni, l-impriżi soċjali għandhom il-ksib tal-impatt soċjali pożittiv u mhux li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ li impriża ta’ portafoll kwalifikanti għandu jkollha l-ksib ta’ impatt soċjali pożittiv u li jista’ jitkejjel bħala l-enfasi tagħha; li hi tuża l-profitti tagħha sabiex tikseb l-objettiv primarju tagħha u li tkun immaniġjata b’mod responsabbli u trasparenti. Għall-każijiet ġeneralment eċċezzjonali, li fihom impriża ta’ portafoll kwalifikanti tkun tixtieq tqassam profitti lill-azzjonisti u s-sidien, l-impriża ta’ protafoll kwalifikanti għandu jkollha proċeduri u regoli predefiniti dwar kif jitqassmu l-profitti lill-azzjonisti u lis-sidien. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw li t-tqassim tal-profitti ma jippreġudikax l-objettiv soċjali primarju.

(8) L-impriżi soċjali jinkludu firxa wiesgħa ta’ impiżi, ta’ forom ġuridiċi varji, li jipprovdu servizzi soċjali jew oġġetti lil persuni vulnerabbli jew marġinati. Dawn is-servizzi jinkludu aċċess għal abitazzjoni, servizzi ta’ kura tas-saħħa, assistenza għal persuni anzjani jew diżabli, indukrar tat-tfal, aċċess għall-impjieg u taħriġ kif ukoll maniġjar tad-dipendenzi. L-impriżi soċjali jinkludu wkoll impriżi li jużaw metodu ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi b’objettiv soċjali, iżda li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaqgħu barra l-kamp tal-forniment tal-prodotti jew servizzi soċjali. Dawk l-attivitajiet jinkludu l-integrazzjoni soċjali jew professjonali permezz ta’ aċċess għal impjieg għal persuni żvantaġġati b’mod partikolari minħabba kwalifiki nieqsa jew problemi soċjali jew professjonali li jwasslu għall-esklużjoni u l-marġinazzjoni.

(9) Meta wieħed iqis il-ħtiġijiet ta’ finanzjament speċifiċi tal-impriżi soċjali, huwa neċessarju li tinkiseb ċarezza rigward it-tipi ta’ strumenti li EuSEF għandu juża għal dawn il-finanzjamenti. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli uniformi dwar strumenti eliġibbli li għandhom jintużaw minn EuSEF meta jagħmel investimenti, li jinkludu strumenti ta’ ekwità, strumenti ta’ dejn, investimenti f’EuSEFs oħrajn u selfiet ta’ terminu qasir jew medju.

(10) Sabiex tinżamm il-flessibilità meħtieġa fil-portafoll ta’ investiment tagħhom, il-EuSEFs jistgħu jinvestu wkoll f’assi oħrajn għajr investimenti kwalifikanti sakemm dawn l-investimenti ma jaqbżux il-limiti stabiliti minn dan ir-Regolament għal investimenti nonkwalifikanti. Parteċipazzjonijiet ta' terminu qasir bħal flus u ekwivalenti għal flus ma għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limiti stabiliti għal investimenti nonkwalifikanti f’dan ir-Regolament.

(11) Sabiex jiġi żgurat li l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” ikun affidabbli u faċilment rikonoxxibbli għall-investituri madwar l-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi li huma biss dawk il-maniġers ta’ EuSEF li jikkonformaw mal-kriterji uniformi ta’ kwalità kif stabiliti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli sabiex jużaw dan l-isem meta jikkummerċjalizzaw l-EuSEFs madwar l-Unjoni.

(12) Sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ikollhom profil distint u identifikabbli li jkun xieraq għall-iskop tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll u dwar it-tekniki ta’ investiment li huma permessi għal fondi bħal dawn.

(13) Sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi, u sabiex jiġi żgurat li dawn il-fondi jikkonċentraw, fl-attivitajiet ta’ investiment tagħhom, fuq l-appoġġ għal kumpaniji ta’ portafoll kwalifikanti, ma għandhomx jitħallew it-teħid ta’ self u ingranaġġ fil-livell tal-fond. Madanakollu, sabiex il-fond ikun jista’ jkopri ħtiġijiet straordinarji ta’ likwidità li jistgħu jinqalgħu bejn l-eżerċizju tal-kapital impenjat mill-investituri u r-riċevuta fattwali tal-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jitħalla jissellef fuq terminu qasir.

(14) Sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ikunu kummerċjalizzati lil investituri li jkollhom l-għarfien, l-esperjenza u l-kapaċità li jieħdu r-riskji li dawn il-fondi jġibu magħhom, u sabiex tinżamm il-kunfidenza u l-fiduċja tal-investituri fil-EuSEF, għandhom jiġu stabiliti ċerti salvagwardji speċifiċi. Għaldaqstant, il-EuSEFs għandhom jiġu ġeneralment kummerċjalizzati biss lil investituri li jkunu klijenti professjonali jew li jistgħu jiġu ttrattati bħala klijenti professjonali skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE[10]. Madanakollu, sabiex ikun hemm bażi ta’ investituri wiesgħa biżżejjed għal investimenti fil-EuSEFs ikun tajjeb ukoll li ċerti investituri oħrajn ikollhom aċċess għal dawn il-fondi, inklużi individwi ta’ valur għoli. Għal dawk l-investituri l-oħrajn għandhom jiġu stabiliti salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-EuSEFs ikunu kummerċjalizzati biss lil investituri li għandhom profil xieraq sabiex jagħmlu investimenti bħal dawn. Dawn is-salvagwardji jeskludu l-kummerċjalizzazzjoni permezz tal-użu ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku.

(15) Sabiex jiġi żgurat li jkunu biss dawk il-maniġers ta’ EuSEF li jissodisfaw kriterji tal-kwalità uniformi fir-rigward tal-imġiba tagħhom fis-suq li jużaw id-denominazzjoni “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew”, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli dwar il-kondotta tal-operazzjonijiet u r-relazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF mal-investituri tiegħu. Għall-istess raġuni, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi wkoll kundizzjonijiet uniformi rigward il-maniġġ tal-kunflitti ta’ interess minn maniġers bħal dawn. Dawn ir-regoli għandhom ukoll jeħtieġu li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi fis-seħħ sabiex jiżgura maniġġ xieraq tal-kunflitti ta’ interess.

(16) Il-ħolqien ta’ impatti soċjali pożittivi flimkien mal-ġenerazzjoni tar-redditi finanzjarji għall-investituri huwa karatteristika prinċipali tal-fondi ta’ investiment li fil-mira tagħhom għandhom l-impriżi soċjali, tali li jiddistingwihom minn tipi oħrajn ta’ fondi ta’ investiment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ li l-maniġer ta’ EuSEF idaħħal fis-seħħ proċeduri għall-monitoraġġ u t-tkejjil tal-impatti soċjali pożittivi biex jinlaħqu permezz ta’ investiment fl-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti.

(17) Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew”, dan ir-Regolament għandu jkun fih ukoll kriterji dwar il-kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ maniġer ta’ EuSEF. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-ħtieġa li jibqa’ jkun hemm riżorsi tekniċi u umani adegwati kif ukoll biżżejjed fondi proprji għall-immaniġjar xieraq tal-EuSEFs.

(18) Huwa neċessarju għall-finijiet tal-protezzjoni għall-investitur li jiġi żgurat li l-assi tal-EuSEFs ikunu valwati kif xieraq. Għalhekk id-dokumenti ta’ kostituzzjoni tal-EuSEF għandu jkun fihom regoli dwar il-valwazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura l-integrità u t-trasparenza tal-valwazzjoni.

(19) Sabiex jiġi żgurat li l-maniġers ta’ EuSEF li jużaw l-isem “Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej” jagħtu biżżejjed rendikont tal-attivitajiet tagħhom, għandhom jiġu stabiliti regoli uniformi dwar ir-rapporti annwali.

(20) Biex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” f’għajnejn l-investituri huwa neċessarju li d-denominazzjoni tintuża biss minn maniġers ta’ fondi li jkunu kompletament trasparenti fir-rigward tal-politika u l-miri tagħhom tal-investiment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi regoli uniformi dwar rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fid-dmit tal-maniġer ta’ EuSEF fir-rigward tal-investituri tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu dawk l-elementi li huma speċifiċi għall-investimenti fl-impriżi soċjali, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu konsistenza u komparabilità akbar ta’ dan it-tagħrif. Dawn jinkludu tagħrif dwar il-kriterji u l-proċeduri li jintużaw sabiex jintgħażlu impriżi ta’ portafoll kwalifikanti partikolari bħala miri tal-investiment. Din tinkludi wkoll tagħrif dwar l-impatt soċjali pożittiv miksub mill-politika tal-investiment u dwar kif dan l-eżitu għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat. Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenza u l-fiduċja neċessarji tal-investituri f’dawn it-tip ta’ investimenti, tkun inkluża anki l-informazzjoni dwar l-assi tal-EuSEF għajr dawk investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dwar kif dawn jintgħażlu.

(21) Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effikaċi tar-rekwiżiti uniformi li jinstabu f’dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandha tissupervizza l-konformità tal-maniġer ta’ EuSEF mar-rekwiżiti uniformi stabiliti f'dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-maniġer ta’ EuSEF li jixtieq jikkumerċjalizza l-fondi tiegħu bl-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tiegħu b’din l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-maniġer ta’ fond jekk ikun ġie pprovdut it-tagħrif meħtieġ kollu u jekk ikun hemm fis-seħħ biżżejjed arranġamenti sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Din ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida madwar l-Unjoni sħiħa.

(22) Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effikaċi tal-konformità mal-kriterji uniformi stabiliti, dan ir-Regolament għandu jkun fih regoli dwar iċ-ċirkustanzi li fihom it-tagħrif ipprovdut lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tkun teħtieġ aġġornament.

(23) Għas-superviżjoni effikaċi tar-rekwiżiti stipulati, dan ir-Regolament għandu jistabilixxi wkoll proċess għan-notifiki transfruntieri bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji, li għandhom jinbdew mar-reġistrazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF fl-Istat Membru domiċiljari tiegħu.

(24) Sabiex jinżammu kundizzjonijiet trasparenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ maniġer ta’ EuSEF madwar l-Unjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha tiġi fdata bir-responsabilità ta’ bażi ta’ dejta ċentrali li telenka l-EuSEFs li jkunu rreġistrati skont dan ir-Regolament.

(25) Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-kriterji uniformi stabiliti, dan ir-Regolament għandu jkun fih lista ta’ setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

(26) Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq, dan ir-Regolament għandu jkun fih sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ewlenin tiegħu, jiġifieri, ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri eliġibbli, u dwar l-użu tal-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” minn maniġers ta’ EuSEF reġistrati biss. Għandu jiġi stabilit li ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin jirriżulta fi projbizzjoni tal-użu tal-isem u t-tneħħija tal-maniġer tal-fond mir-reġistru.

(27) L-informazzjoni superviżorja għandha tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri domiċiljari u ospitanti u l-AETS.

(28) Kooperazzjoni regolatorja effettiva fost l-entitajiet inkarigati mis-supeviżjoni tal-konformità mal-kriterji uniformi stabiliti f’dan ir-Regolament teħtieġ li livell għoli ta’ segretezza professjonali għandu japplika għall-awtoritajiet nazzjonali relevanti kollha u għall-AETS.

(29) L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’ superviżjoni madwar l-Unjoni. Bħala korp b’kompetenzi ferm speċjalizzati, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi inkarigata mill-elaborazzjoni tal-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fejn dawn ma jinvolvux għażliet ta' politika, għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni.

(30) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE[11]. L-AETS għandha tiġi inkarigata mill-abbozzar tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format u l-metodu tal-proċedura ta’ notifika fl-Artikolu 16.

(31) Sabiex jiġu speċifikati ir-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tal-metodi li jintużaw għall-kalkolu u l-monitoraġġ tal-livell limitu kif imsemmi f'dan ir-Regolament, l-ispeċifikar tad-dettalji tal-identifikazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, it-tipi ta' kunflitti ta' interess li l-maniġers ta' EuSEF jeħtieġu jevitaw u l-passi li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward, id-dettalji tal-proċeduri sabiex jitkejlu l-impatti soċjali li għandhom jinkisbu mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u d-dettalji għall-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xieraq matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki flimkien ma’ esperti. Din il-ħidma għandha tieħu f’kunsiderazzjoni anki l-inizjattivi awtoregolatorji u l-kodiċi ta’ kondotta.

(32) Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(33) Mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament jsir applikabbli, għandu jsir rieżami ta’ dan ir-Regolament sabiex jittieħed f’kunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-suq tal-EuSEFs. Fuq il-bażi tar-rieżami, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ bidliet leġiżlattivi, jekk ikun hemm.

(34) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-libertà ta’ intrapriża.

(35) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[12] tirregola l-ipproċessar ta’ dejta personali mwettqa fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti magħżula mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data[13], jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(36) L-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-aktar l-iżvilupp ta’ Suq Intern għall-EuSEFs billi jistabilixxi qafas għar-reġistrazzjoni ta’ maniġers ta’ EuSEF sabiex tiġi faċilitata l-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs madwar l-Unjoni, jista’ jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni. L-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li neċessarju sabiex jikseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabilixxi rekwiżiti uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettivi li jkunu jixtiequ jużaw id-denominazzjoni "Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” (EuSEF) u l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi ta’ investiment kollettivi taħt l-istess denominazzjoni fl-Unjoni, u għaldaqstant, jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern.

Dan ir-Regolament jistabilixxi wkoll regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ maniġer ta’ EuSEF lil investituri eliġibbli madwar l-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ EuSEFs, għal strumenti u tekniki ta’ investiment eliġibbli, kif ukoll l-organizzazzjoni, it-trasparenza u l-kondotta ta’ maniġers ta’ EuSEF li jikkummerċjalizzaw EuSEFs madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

1. Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fl-Artikolu 3 (1) (b) li jkunu stabiliti fl-Unjoni u jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont il-punt (a) tal-Artikolu 3 (3) tad-Direttiva 2011/61/KE, sakemm dawn il-maniġers jimmaniġjaw portafolji tal-EuSEFs li l-assi maniġjati tagħhom b'kollox ma jeċċedux livell limitu ta’ EUR 500 miljun jew, fl-Istati Membri fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2. Fil-kalkolu tal-livell limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettivi li jimmaniġjaw fondi għajr l-EuSEFs ma jkunux jeħtieġu li jaggregaw l-assi maniġjati f'dawk il-fondi.

3. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika l-metodi għall-kalkolu tal-livell limitu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dan il-livell limitu fuq bażi kontinwa.

Artikolu 3

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) ‘Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew’ (EuSEF) tfisser impriża ta’ investiment kollettiv li tinvesti minimu ta’ 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux eżerċitat tagħha f’assi li huma investimenti kwalifikanti;

(b) ‘impriża ta’ investiment kollettiv’ tfisser impriża li tiġbor kapital minn numru ta’ investituri bil-għan li tinvestih skont politika ta’ investiment definita għall-benefiċċju ta’ dawk l-investituri u li ma teħtieġx awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c) ‘investimenti kwalifikanti’ tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:

(i)      strument ta’ ekwità li jkun:

– maħruġ minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti u mixtri direttament mill-EuSEF mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew

– maħruġ minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti bi tpartit ma’ titolu ta’ ekwità maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti jew

– maħruġ minn impriża li l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti tagħha tkun sussidjarja ta’ sjieda maġġoritarja u li tkun akkwiżita mill-EuSEF bi tpartit ma’ strument ta’ ekwità maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(ii)      strumenti ta’ dejn garantiti u mhux garantiti, maħruġa minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(iii)     unitajiet jew ishma ta’ EuSEF wieħed jew bosta EuSEFs oħrajn;

(iv)     selfiet ta’ terminu medju jew twil mogħtija mill-EuSEF lil impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(v)     kwalunkwe tip ieħor ta’ parteċipazzjoni f’impriża ta’ portafoll kwalifikanti.

(d) ‘impriża ta’ portafoll kwalifikanti’ tfisser impriża li, fil-mument tal-investiment mill-EuSEF, ma tkunx elenkata f’suq regolat kif iddefinit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 2004/39/KE, li jew ikollha fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, jew total tal-karta -bilanċjali annwali li ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun, li ma tkunx minnha nfisha impriża ta’ investiment kollettiv u li:

(i)      tkun kisbet impatti soċjali pożittivi kalkolabbli bħala l-objettiv primarju skont l-artikoli ta’ stabiliment u l-istatuti tagħha jew kwalunkwe dokument statutorju ieħor li jistabilixxi n-negozju; fejn:

– l-impriża tipprovdi servizzi jew oġġetti lil persuni vulnerabbli jew marġinati; jew

– l-impriża timpjega metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettivi soċjali tagħha;

(ii)      tuża l-profitti tagħha sabiex tikseb l-objettiv primarju minflok ma tqassamhom u jkollha fis-seħħ proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza li fihom jitqassmu l-profitti lill-azzjonisti jew lis-sidien;

(iii)     tkun immaniġjata b’mod responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, klijenti u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha.

(e) ‘ekwità’ tfisser interess ta’ sjieda f’impriża, rappreżentat mill-ishma jew minn forma oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital ta’ impriża ta’ portafoll kwalifikanti maħruġ lill-investituri;

(f) ‘kummerċjalizzazzjoni’ tfisser offerta jew pjazzament diretti jew indirietti fuq l-inizjattiva tal-maniġer ta’ EuSEF jew f’isem dak il-maniġer ta’ unitajiet jew ishma ta’ EuSEF li jimmaniġja għal jew flimkien mal-investituri domiċiljati jew ma’ uffiċċju reġistrat fl-Unjoni;

(g) ‘kapital impenjat’ tfisser kwalunkwe impenn li skontu persuna tkun obbligata tikseb interess fil-EuSEF jew tagħmel kontribuzzjonijiet kapitali lill-EuSEF;

(h) ‘maniġer ta’ EuSEF’ tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha huwa l-immaniġjar tal-inqas ta’ EuSEF wieħed;

(i) ‘Stat Membru domiċiljari’ tfisser l-Istat Membru fejn il-maniġer ta’ EuSEF huwa stabilit jew fejn għandu l-uffiċċju reġistrat;

(j) ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru, li mhuwiex l-Istat Membru domiċiljari, fejn il-maniġer ta’ EuSEF jikkumerċjalizza EuSEFs skont dan ir-Regolament.

(k) ‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità nazzjonali li l-Istati Membri domiċiljari jaħtar, b'liġi jew regolament, biex tkun inkarigata mir-reġistrazzjoni tal-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettivi kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1).

2. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika t-tipi ta’ servizzi jew oġġetti u l-metodi ta’ produzzjoni tas-servizzi jew oġġetti li jinkorporaw objettiv soċjali msemmi fil-punt (i) tal-paragrafu 1 (d) ta’ dan l-Artikolu u jitqiesu t-tipi differenti ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dawk iċ-ċirkostanzi fejn il-profitti jkunu jistgħu jitqassmu lis-sidien u lill-investituri.

KAPITOLU II KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAL-ISEM “FOND TA' INTRAPRENDITORIJA SOĊJALI EWROPEW"

Artikolu 4

Il-maniġers ta’ EuSEFs li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabiliti f’dan il-Kapitolu jkunu intitolati jużaw l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ EuSEFs madwar l-Unjoni.

Artikolu 5

1. Il-maniġers ta’ EuSEFs jiżguraw li, meta jakkwiżixxu assi għajr investimenti kwalifikanti, mhux aktar minn 30 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tal-EuSEF u l-kapital impenjat mhux eżerċitat tiegħu jkun intuża għall-akkwiżizzjoni ta’ assi għajr investimenti kwalifikanti; parteċipazzjonijiet ta’ terminu qasir fi flus u ekwivalenti ta’ flus ma jittieħdux f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-limitu.

2. Il-maniġers ta’ EuSEFs ma jissellfux, joħorġu obbligi ta’ dejn, jipprovdu garanziji, fil-livell tal-EuSEF, u l-anqas ma jużaw xi metodu, fil-livell tal-EuSEF, li minħabba fih l-iskopertura tal-fond tikber, kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus jew titoli, l-attività f’pożizzjonijiet ta’ derivat jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor.

3. Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 2 ma tapplikax għas-self għal perjodu li ma jiġġeddidx ta’ mhux aktar minn 120 ġurnata kalendarju sabiex tiġi pprovduta likwidità bejn eżerċizzjoni ta’ kapital impenjat u r-riċevuta tiegħu minn investituri.

Artikolu 6

Il-maniġers ta’ EuSEFs jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-EuSEFs maniġjati esklużivament lil investituri li jkunu meqjusa bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew, fuq talba, jistgħu jiġu ttrattati bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħrajn fejn:

(l) dawn l-investituri l-oħrajn jieħdu l-impenn li jinvestu minimu ta’ EUR 100.000;

(m) dawn l-investituri l-oħrajn jiddikkjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt li jkun konkluż għall-impenn ta’ investiment, li jkunu konxji bir-riskji assoċjati mal-impenn previst;

(n) il-maniġer ta’ EuSEF iwettaq valutazzjoni tal-kompetenza, l-esperjenza u l-għarfien tal-investitur, mingħajr ma jissuponi li l-investitur ikollu l-għarfien u l-esperjenza dwar is-suq ta’ dawk elenkati fit-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE;

(o) fid-dawl tan-natura tal-impenn previst, il-maniġer ta’ EuSEF huwa raġonevolment aċċertat li l-investitur ikun kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet ta’ investitiment tiegħu stess u jifhem ir-riskji involuti, u li impenn ta’ dan it-tip ikun xieraq għal investitur bħal dan;

(p) il-maniġer ta’ EuSEF jikkonferma bil-miktub li jkun wettaq il-valutazzjoni msemmija fil-punt (c) u kkonkluda kif imsemmi fil-punt (d).

Artikolu 7

Fir-rigward tal-EuSEF li jimmaniġjaw, il-maniġers ta’ EuSEFs:

(a) jaġixxu bil-ħila, ir-reqqa u d-diliġenza dovuti fit-twettiq ta’ attivitajiethom;

(b) japplikaw politiki u proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta' prattiki ħżiena li jistgħu raġonevolment ikunu mistennijajaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;

(c) iwettqu l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom sabiex jippromwovu l-aqwa interessi tal-EuSEFs li jimmaniġjaw, l-investituri f’dawk il-EuSEFs u l-integrità tas-suq.

(d) japplikaw livell għoli ta’ diliġenza fis-selezzjoni u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti fl-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(e) jipposjedu għarfien u fehim adegwat tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom jinvestu.

Artikolu 8

4. Il-maniġers ta’ EuSEFs jidentifikaw u jevitaw kunflitti ta’ interess u, fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu evitati, jimmaniġjaw u jimmonitorjaw u, skont il-paragrafu 4, jiddivulgaw, dawn il-kunflitti ta’ interess sabiex jipprevjenuhom milli jaffettwaw l-interess tal-EuSEFs u tal-investituri tagħhom u sabiex jiżguraw li l-EuSEFs li jimmaniġjaw jiġu ttrattati ġustament.

5. Il-maniġers ta’ EuSEFs jidentifikaw speċjalment dawk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bejn

(a) il-maniġers ta’ EuSEFs, dawn il-persuni li effettivament imexxu l-operat tal-maniġer ta’ EuSEF, l-impjegati jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kontrollati mill-maniġer ta’ EuSEF, u l-EuSEF maniġjat mill-maniġer ta’ EuSEF jew l-investituri f’dawk il-EuSEFs;

(b) EuSEF jew l-investitur f'dak l-EuSEF, u kwalunkwe EuSEF maniġjat minn dak il-maniġer ta’ EuSEF, jew l-investituri f'dak l-EuSEF l-ieħor.

6. Il-maniġers ta’ EuSEFs iżommu u jħaddmu arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi effikaċi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabiliti fil-paragrafu 1 u 2.

7. Jiġu pprovduti divulgazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1, fejn arranġamenti organizzazzjonali li jsiru mill-maniġer ta’ EuSEF sabiex jiġu identifikati, prevenuti, immaniġjati u mmonitorjati kunflitti ta’ interess mhumiex biżżejjed sabiex jiżguraw, b’ċertezza raġonevoli, li se jiġu pprevenuti r-riskji ta’ dannu għall-interessi tal-investituri. Il-maniġers ta’ EuSEFs jiddivulgaw b’mod ċar in-natura ġenerali jew is-sorsi ta’ kunflitti ta’ interess lill-investituri qabel ma jidħlu f'operazzjonijiet f’isimhom.

8. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika:

(a) it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b) f’termini ta’ strutturi u proċeduri organizzazzjonali u amministrattivi, il-passi li l-maniġers ta’ EuSEFs ikunu mistennija jieħdu, sabiex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmaniġjaw, jimmonitorjaw u jiddivulgaw kunflitti ta’ interess.

Artikolu 9

1. Għal kull EuSEF li jimmaniġjaw, il-maniġers ta’ EuSEFs jużaw proċeduri sabiex ikejlu u jimmonitorjaw sa fejn l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, li fihom il-EuSEF jinvesti, jiksbu l-impatt soċjali pożittiv li huma impenjati għalihom.

2. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika d-dettalji tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b'rabta ma' impriżi ta’ portafoll kwalifikanti differenti.

Artikolu 10

F'kull waqt, il-maniġers ta’ EuSEFs ikollhom biżżejjed fondi proprji u jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u xierqa kif inhu meħtieġ għall-immaniġjar xieraq ta’ EuSEFs.

Artikolu 11

Ir-regoli għall-valwazzjoni tal-assi jiġu stabiliti fid-dokumenti statutorji tal-EuSEF.

Artikolu 12

1. Il-maniġers ta’ EuSEFs iqiegħdu rapport annwali għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għal kull EuSEF maniġjat mhux aktar tard minn 6 xhur wara tmiem is-sena finanzjarja. Ir-rapport jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-EuSEF u l-attivitajiet tas-sena ta’ qabel. Ikun fih il-kontijiet finanzjarji awditjati għall-EuSEF. Jiġi pprovdut skont l-istandards ta’ rapportar eżistenti u t-termini miftiehma bejn il-maniġer ta’ EuSEF u l-investituri. Il-maniġers ta’ EuSEFs fuq talba jipprovdu r-rapport lill-investituri. Il-maniġers ta’ EuSEFs u l-investituri jistgħu jaqblu dwar divulgazzjonijiet addizzjonali bejniethom.

2. Bħala minimu, ir-rapport annwali jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) dettalji, kif ikun xieraq, dwar l-eżiti soċjali globali miksuba mill-politika ta’ investiment u l-metodu użat għat-tkejjil ta’ dawn l-eżiti;

(b) dikjarazzjoni dwar kwalunkwe ċessjoni li tkun seħħet fir-rigward tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(c) deskrizzjoni dwar jekk iċ-ċessjonijiet fir-rigward tal-assi l-oħra tal-EuSEF li ma jkunux investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti seħħewx fuq il-bażi tal-kriterji kif imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 13 (1);

(d) sommarju tal-attivitajiet li l-maniġer ta’ EuSEF impenja ruħu fihom fir-rigward tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fil-punt (k) tal-Artikolu 13(1).

3. Fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun meħtieġ irendi pubbliku rapport finanzjarju pubbliku skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14] fir-rigward tal-EuSEF, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi pprovdut jew b’mod separat jew inkella bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.

Artikolu 13

1. Il-maniġers ta’ EuSEFs jgħarrfu lill-investituri tagħhom qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ investiment tal-inqas dwar l-elementi li ġejjin:

(a) l-identità tal-maniġer ta’ EuSEF u ta’ kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħrajn li ngħataw kuntratt mill-maniġer ta’ EuSEF fir-rigward tal-immaniġjar tagħhom u deskrizzjoni ta’ dmirijiethom;

(b) deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi ta’ investiment tal-EuSEF, inkluża deskrizzjoni tat-tipi tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għall-identifikazzjoni tagħhom, it-tekniki ta’ investiment li jista’ jħaddem, u kwalunkwe restrizzjoni ta’ investiment applikabbli;

(c) l-impatt soċjali pożittiv fil-mira tal-politika ta’ investiment tal-EuSEF, inklużi, fejn dawn ikunu relevanti, projjezzjonijiet ta’ dawn l-eżiti skont kif ikun xieraq, u tagħrif dwar prestazzjoni fl-imgħoddi f’dan il-qasam;

(d) il-metodoloġiji li se jintużaw sabiex jitkejlu l-impatti soċjali;

(e) deskrizzjoni tal-assi li ma jkunux impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għas-selezzjoni ta’ dawn l-assi, sakemm ma jkunux flus jew inkella ekwivalenti ta’ flus;

(f) deskrizzjoni tal-profil ta’ riskju tal-EuSEF u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom il-fond jista’ jinvesti jew it-tekniki ta’ investiment li jistgħu jitħaddmu;

(g) deskrizzjoni tal-proċedura ta’ valwazzjoni tal-EuSEF u tal-metodoloġija ta’ pprezzar għall-valwazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi mħaddma għall-valwazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(h) deskrizzjoni tat-tariffi, l-imposti u l-ispejjeż kollha u tal-ammonti massimi tagħhom li jiġġarrbu direttament jew indirettament mill-investituri;

(i) deskrizzjoni ta’ kif tkun ikkalkolata r-remunerazzjoni tal-maniġer ta’ EuSEF;

(j) fejn din tkun disponibbli, il-prestazzjoni finanzjarja storika tal-EuSEF;

(k) is-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji u l-attivitajiet ta’ appoġġ l-oħrajn li l-maniġer ta’ EuSEF qed jipprovdi jew iforni permezz ta’ partijiet terzi sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tkabbir jew b’xi mod ieħor l-operazzjonijiet kurrenti tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom il-EuSEF jinvesti jew inkella, fejn dawn is-servizzi jew l-attivitajiet ma jkunux ipprovduti, spjegazzjoni dwar dak il-fatt;

(l) deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-EuSEF jista’ jibdel l-istrateġija ta’ investiment jew il-politika ta’ investiment tiegħu, jew it-tnejn li huma.

2. It-tagħrif kollu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Jinżamm aġġornat u jiġi revedut b’mod regolari.

3. Fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun meħtieġ jippubblika prospectus skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] jew skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tal-EuSEF, it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi pprovdut jew b’mod separat jew inkella bħala parti mill-prospectus.

4. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 biex tispeċifika:

(a) il-kontenut tat-tagħrif imsemmi fil-punti (b) sa (e) u (k) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b) kif it-tagħrif kif imsemmi fil-punti (b) sa (e) u (k) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi ppreżentat b’mod uniformi sabiex jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ komparabilità.

KAPITOLU III SUPERVIŻJONI U KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 14

1. Il-maniġers ta’ EuSEFs li beħsiebhom jużaw l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew" għall-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEF tagħhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom b’din l-intenzjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej:

(a) l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju ta-EuSEFs li jimmaniġjaw;

(b) l-identità tal-EuSEFs li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom jiġu kummerċjalizzati u l-istrateġiji ta’ investiment tagħhom;

(c) tagħrif dwar l-arranġamenti li saru għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d) lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun beħsiebu jikkummerċjalizza kull EuSEF.

2. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tirreġistra lill-maniġer ta’ EuSEF biss jekk tkun sodisfatta li jintlaħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(a) it-tagħrif meħtieġ fil-paragrafu 1 ikun sħiħ;

(b) l-arranġamenti notifikati skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 ikunu xierqa sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II.

3. Ir-reġistrazzjoni tkun valida fit-territorju sħiħ tal-Unjoni u tippermetti lill-maniġers ta’ EuSEFs sabiex jikkummerċjalizzaw EuSEFs bl-isem “Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej” madwar l-Unjoni.

Artikolu 15

Il-maniġer ta’ EuSEF jaġġorna t-tagħrif ipprovdut lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari fejn il-maniġer ta’ EuSEF ikun beħsiebu:

(a) jikkummerċjalizza EuSEF ġdid;

(a) jikkummerċjalizza EuSEF eżistenti fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1).

Artikolu 16

1. Minnufih wara r-reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ EuSEF, l-awtorità tal-Istat Membru domiċiljari tinnotifika l-fatt li l-maniġer ta’ EuSEF ikun irreġistrat fl-Istati Membri indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 14 (1) ta’ dan ir-Regolament u mal-AETS.

2. L-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 14 (1) ta’ dan ir-Regolament ma jimponux, fuq il-maniġer ta’ EuSEF irreġistrat skont l-Artikolu 14, xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-EuSEFs tiegħu, u lanqas ma jeħtieġu xi approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni qabel il-bidu tagħha.

3. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-format tan-notifika.

4. L-AETS tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [daħħal id-data].

5. Tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010[16].

Artikolu 17

L-AETS iżżomm aġġornata bażi ta’ dejta ċentrali, aċċessibbli b’mod pubbliku fuq l-internet, li telenka kull maniġer ta’ EuSEF irreġistrat fl-Unjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 18

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tissupervizza l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 19

B’konformità mad-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, jkollhom is-setgħa li:

(a) jitolbu aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u sabiex jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b) jeħtieġu li l-maniġers ta’ EuSEF jipprovdu tagħrif minnufih;

(c) jeħtieġu tagħrif minn kwalunkwe persuna relatat mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ EuSEF jew tal-EuSEF;

(d) iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b’avviż minn qabel jew mingħajr;

(e) jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li maniġer ta’ EuSEF ikompli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(f) joħorġu ordni sabiex jiżguraw li maniġer ta’ EuSEF jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u joqgħod lura milli jerġa’ jieħu azzjoni li tista’ twassal għal ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 20

1. L-Istati Membri jistabilixxu r-regoli dwar il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu kull miżura meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn huma implimentati. Il-miżuri u s-sanzjonijiet speċifikati jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2. Sa [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-AETS. Jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS minnufih dwar kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.

Artikolu 21

1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tieħu l-provvedimenti xierqa msemmija fil-paragrafu 2 fejn il-manigers ta’ EuSEF:

(a) jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll skont l-Artikolu 5;

(b) jonqsu milli jikkummerċjalizzaw l-EuSEF lil investituri eliġibbli skont l-Artikolu 6;

(c) jużaw id-denominazzjoni “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” mingħajr ma jkunu irreġistrati mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont l-Artikolu 14.

2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tieħu l-provvedimenti li ġejjin, skont kif xieraq:

(a) tipprojbixxi l-użu tal-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew" għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ EuSEF wieħed jew aktar tal-maniġer ta’ EuSEF;

(b) tneħħi lill-maniġer tal-EuSEF mir-reġistru.

3. L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri domiċiljari tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 14 (1) bit-tneħħija tal-maniġer ta’ EuSEF mir-reġistru msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4. Il-jedd li jiġi kkummerċjalizzat EuSEF wieħed jew aktar bid-denominazzjoni “Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej” fl-Unjoni jiskadi b’effett immedjat mid-data ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2.

Artikolu 22

1. L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jikkooperaw flimkien kull meta dan ikun meħtieġ għal finijiet ta’ twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom f’dan ir-Regolament.

2. Jiskambjaw it-tagħrif u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi identifikat u rimedjat il-ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

1. Kull persuna li taħdem jew li ħadmet għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-AETS, kif ukoll awdituri u esperti magħżula mill-awtoritajiet kompetenti u l-AETS, huma marbuta bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda tagħrif kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul dmirijiethom ma jiġi ddivulgat lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sintetika jew aggregata b’tali mod li l-maniġers ta’ EuSEFs u l-EuSEFs ma jkunux jistgħu jiġu identifikati b’mod individwali, mingħajr ħsara għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali u proċeduri skont dan ir-Regolament.

2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS ma jiġux pprevenuti milli jiskambjaw tagħrif skont dan ir-Regolament jew liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għal maniġers ta’ EuSEFs u EuSEFs.

3. Fejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jirċievu tagħrif kunfidenzjali skont il-paragrafu 1, dawn jistgħu jużaw dak it-tagħrif biss matul il-kors tad-dmirijiet tagħhom u għall-finijiet ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

KAPITOLU IV DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 24

1. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa msemmija fl-Artikoli 2 (3), 3 (2), 8 (5), 9 (2) u 13 (4) tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta' erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tfassalrapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' erba' snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2 (3), 3 (2), 8 (5), 9 (2) u 13 (4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkew mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Tidħol fis-seħħ fid-data wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma taffettwax l-validità ta’ kwalunkwe atti delegati diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifika b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jesprimu oġġezzjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn (2) min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn (2) fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

1. Mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament jsir applikabbli, il-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament. Ir-rieżami jinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:

(a) il-punt sa fejn intuża l-isem “Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew” mill-maniġers ta’ EuSEFs fi Stati Membri differenti, kemm fuq bażi domestika jew inkella transfruntiera;

(b) l-użu tal-investimenti kwalifikanti differenti mill-EuSEFs u x’impatt dan ħalla fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni;

(c) l-applikazzjoni prattika tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt ta’ din fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni;

(d) il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-livell limitu ta’ EUR 500 miljun.

2. Wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 26

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, għajr l-Artikoli 2 (3), 3 (2), 8 (5), 9 (2) u 13 (4), li japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Dawn jissejħu impriżi soċjali fit-test legali għal raġunijiet ta’ ċarezza rigward il-forma tagħhom. Jissejħu wkoll intrapriżi soċjali. Dawn it-termini differenti għandhom jiġu interpretati bħala sinonomi fil-parti l-kbira tal-kuntesti.

[2]               Ara J.P.Morgan,Impact Investments: An Emerging Asset Class, 2011.

[3]               Pjazzamenti privati jistgħu jitfissru bħala l-bejgħ ta’ titoli għal numru relattivament żgħir ta’ investituri magħżula bħala mod ta’ ġbir ta’ kapital. Ġeneralment, l-investituri li jieħdu sehem fil-pjazzamenti privati jkunu banek kbar, fondi mutwi, kumpaniji tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni. Pjazzament privat huwa l-kontra ta’ ħruġ pubbliku, fejn it-titoli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-bejgħ f’suq miftuħ.

[4]               http://ec.europa.eu/internal_market/smact/docs/20110413-communication_en.pdf

[5]               Ara http://ec.europa.eu/internal_market/investment/social_investment_funds_en.htm.

[6]               ĠU C …p…

[7]               ĠU C , , p. .

[8]               ĠU L 302, 17.11.2009, p.32.

[9]               ĠU L 174, 1.7.2011, p.1.

[10]             ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

[11]             ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

[12]             ĠU L 281, 23.11.1995 p. 31.

[13]             ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[14]             ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

[15]             ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

[16]             ĠU L 331, 15.12.2010, p.84.

Top