Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0738

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-metodi u l-proċedura biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

/* KUMM/2011/0738 finali - 2011/0334 (CNS) */

52011PC0738

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-metodi u l-proċedura biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji /* KUMM/2011/0738 finali - 2011/0334 (CNS) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-għan ta' din il-proposta huwa li tistabbilixxi, f’konformità mal-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-"TFUE"), id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-metodi u l-proċeduri li permezz tagħhom l-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni r-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (minn hawn 'il quddiem it-"TTF"), imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill […/…] dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "DRP 2014")[1].

Dawn l-arranġamenti prattiċi jimplimentaw is-sistema stabbilita fid-DRP 2014 fir-rigward tal-istabbiliment tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF, l-arranġamenti tal-kontabilità, iż-żmien biex din issir disponibbli, il-ħlas tal-interessi f’każ ta' dewmien, il-konservazzjoni ta' dokumenti ta' prova u kooperazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, dawn l-arranġamenti jikkumplimentaw miżuri implimentattivi stabbiliti taħt l-Artikolu 311(4) TFUE li jikkonċernaw il-kontroll u s-sorveljanza u r-rekwiżiti tar-rappurtar supplimentari[2].

Il-proposta tal-Kummissjoni tibni fuq l-esperjenza tal-passat fl-amministrazzjoni tar-riżorsi proprji. Hija tgħaqqad l-aspetti l-aktar xierqa minn tnejn mis-sistemi eżistenti: dawk tar-riżorsi proprji tradizzjonali u tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT kurrenti. Biex jiġi evitat xkiel żejjed għall-arranġamenti legali li l-Istati Membri għandhom bżonn jistabbilixxu biex jimplimentaw taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji huwa propost li ma jinħoloqx intitolament għar-riżorsa proprja sakemm Stat Membru fil-fatt jiġbor id-dħul. Madankollu, sabiex ir-riżorsa proprja tinġabar aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti huwa propost li d-dħul ikun disponibbli permezz ta' sistema ta' dikjarazzjonijiet ta' kull xahar li jagħtu data ċara sa meta l-ammonti ta' riżorsi proprji għandhom ikunu disponibbli.

Il-kontenut tal-proposta huwa ppreżentat fil-qosor hawn isfel. Matul it-taqsima li ġejja ssir referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1150/2000[3]. Il-Kummissjoni adottat proposta għal riformulazzjoni ta' dan ir-Regolament fit-29 ta' Ġunju 2011[4].

2. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

2.1 Introduzzjoni

Din il-proposta tifforma parti minn pakkett, li jinkludi wkoll proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE r-riżorsa proprja l-ġdida tal-VAT[5] kif ukoll riformulazzjoni emendata tar-Regolament tal-Kunsill eżistenti dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING[6].

Il-Kummissjoni se teżamina l-possibilità li tikkonsolida d-dispożizzjonijiet għad-determinazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji kollha tal-Unjoni f’Regolament wieħed wara ftehim ġenerali dwar il-pakkett tar-riżorsi proprji.

2.2 Kapitolu I ‘Dispożizzjonijiet Ġenerali’

- L-Artikolu 1 tal-proposta, ‘Suġġett’: Dan l-Artikolu jispeċifika li l-arranġamenti proposti japplikaw għar-riżorsa proprja l-ġdida stabbilita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni […/…].

- L-Artikolu 2 tal-proposta, ‘Stabbiliment tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF: Jiddefinixxi l-waqt meta jinħoloq l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF.

2.3 Kapitolu II ‘It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja tat-TTF’

- L-Artikolu 3 tal-proposta, ‘Arranġamenti tal-kontabilità’: L-arranġamenti diġà fl-użu għar-riżorsi proprji eżistenti taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament 1150/2000 huma proposti wkoll għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF.

- L-Artikolu 4 tal-proposta, ‘Dħul fil-kontijiet, rappurtar u ż-żmien meta għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni’: Dispożizzjonijiet simili għal dawk fl-użu taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament 1150/2000 huma proposti għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF jiġifieri l-punt tat-tmiem ta' kull xahar l-aktar bikri possibbli u l-użu ta' dikjarazzjoni ta' kull xahar. Il-Kummissjoni ser tipproduċi regoli dettaljati għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva. Huwa propost li r-riżorsa proprja bbazata fuq it-TTF u d-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar marbuta magħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni sal-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolamenti tal-Unjoni jkunu stabbiliti mill-Istati Membri. Minħabba li l-ammonti disponibbli jistgħu jvarjaw b'mod sinjifikanti minn xahar għal xahar, huwa propost ukoll li l-Istati Membri jibagħtu l-istimi tal-ammonti li se jiddaħħlu fil-kontijiet.

- L-Artikolu 5 tal-proposta, "Imgħax fuq l-ammonti li jsiru disponibbli tard' : Huwa propost li kwalunkwe dewmien sabiex ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF titqiegħed għad-dispożizzjoni jiġi soġġett għall-istess reġim ta' imgħaxijiet tard li bħalissa japplika taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament 1150/2000.

- L-Artikolu 6 tal-proposta, ‘korrezzjonijiet tal-kontabbiltà’ jipproponi li l-istess limitu ta' żmien użat attwalment għal riżorsi proprji oħra taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament 1150/2000 japplika għat-TTF wkoll.

2.4 Kapitolu III 'Arranġamenti Amministrattivi’

- L-Artikoli 7 u 8 tal-proposta, ‘Konservazzjoni tad-dokumenti ta' prova’ u ‘Kooperazzjoni amministrattiva’ jipproponu li l-obbligi li għandhom attwalment l-Istati Membri dwar ir-riżorsi proprji l-oħra taħt l-Artikoli 3 u 4 rispettivament tar-Regolament 1150/2000 ikunu applikati bl-istess mod għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF.

2.5 Kapitolu IV 'Dispożizzjonijiet Finali'

- L-Artikolu 9 tal-proposta ' Proċedura tal-Kumitati’: Jistipula li r-riżorsa proprja bbażata fuq TTF tiġi ttrattata mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (ACOR) li bħalissa jopera taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament 1150/2000 u skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2011/0334 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-metodi u l-proċedura biex isiru disponibbli r-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[7],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri[8]

Billi:

1. Ir-riżorsa proprja tal-Unjoni bbażata fuq taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) msemmija fl-Artikolu 2 (1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill […/…] dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[9] (minn hawn' il quddiem "ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF") għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Unjoni bl-aħjar kondizzjonijiet possibli u għalhekk għandhom ikunu stabbiliti regoli għall-Istati Membri dwar kif dik ir-riżorsa proprja tista' titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

2. L-istabbiliment ta' riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF għandu jkun marbut mad-dħul li jkollu Stat Membru minn ħlas ta' TTF fl-interessi tas-sempliċità u ċ-ċertezza amministrattiva u tal-kontabilità. Barra minn hekk, dan l-approċċ joffri rabta ċara u diretta bejn id-dħul mit-TTF u r-riżorsi proprji tal-Unjoni.

3. Ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-għamla ta' dħul tal-ammonti dovuti f'kont miftuħ għal dan il-għan taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet[10]. L-Istati Membri għandhom iħallsu l-imgħax fil-każ ta' dewmien biex idaħħlu r-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF fil-kontijiet. F’konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, għandha tingħata attenzjoni biex l-ispejjeż ta' rkupru tal-imgħaxijiet dovuti ma jeċċedux l-ammont tal-imgħax pagabbli .

4. L-Istati Membri għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ jgħaddulha, id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa ħalli hi tkun tista' teżerċita l-poteri mogħtija lilha f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi proprji tal-Unjoni. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni d-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar tal-intitolamenti stabbiliti.

5. L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw lill-Kummissjoni f’kull ħin, id-dokumenti li jissostanzjaw ir-riżorsi proprji miġbura.

6. Huwa neċessarju li tiġi żgurata kollaborazzjoni mil-viċin bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni xierqa tar-regoli finanzjarji li jirrigwardaw ir-riżorsi proprji.

7. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[11].

8. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-atti implimentattivi sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar tal-kontijiet għar- riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF, fid-dawl tan-natura teknika ta' dawk id-dikjarazzjonijiet.

9. Dan ir-Regolament għandu japplika fl-istess jum bħad-Deċiżjoni […/…],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I

DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI

ARTIKOLU 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar kif titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsa proprja tal-Unjoni bbażata fuq sehem tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) msemmija fl-Artikolu 2 (1)(b) tad-Deċiżjoni […/…] (minn hawn 'il quddiem "ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF").

Artikolu 2

Stabbiliment tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF

1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF msemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni […/…] għandu jkun stabbilit malli Stat Membru li għandu dritt jimponi TTF fuq tranżazzjoni partikolari jkun irċieva kwalunkwe ħlas tat-taxxa dovuta fuq dik it-tranżazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill […/…][12] inklużi l-irċevuti bħala pagament bil-quddiem jew pagament tal-bilanċ.

2. Fejn tranżazzjoni suġġetta għal din it-taxxa fis-sens tad-Direttiva […/…] tkun seħħet iżda parti biss mit-taxxa dovuta tkun ġiet imħallsa, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-ammont dovut bħala riżorsa proprja jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni qabel kwalunkwe dħul li ġej minn TTF jmur għand l-Istat Membru.

Kapitolu II

TQEGħID GħAD-DISPOżIZZJONI TAR-RIżORSA PROPRJA BBAżATA FUQ IT-TTF

ARTIKOLU 3

L-arranġamenti tal-kontijiet

1. Kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF fil-kont miftuħ skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE, Euratom) 1150/2000 f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

2. L-Istati Membri jew il-korpi maħtura minnhom għandhom jittrażmettu dan li ġej lill-Kummissjoni, b’mezzi elettroniċi:

(a) sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar fil-kont tal-Kummissjoni, rendikont li juri d-dħul tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF;

(b) Fejn id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (a) ma tkunx disponibbli fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jkunu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni, avviż ta' kreditu li juri d-dħul tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF.

3. L-ammonti kkreditati għandhom ikunu rrappurtati f’euro skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[13].

4. Kontijiet imqassra għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF għandhom jinżammu mit-Teżor ta' kull Stat Membru jew mill-korp maħtur minn kull Stat Membru.

5. Għall-finijiet tal-kontabilità tar-riżorsi proprji bbażata fuq it-TTF, ix-xahar għandu jintemm mhux qabel is-1 p.m. tal-aħħar jum tax-xogħol tax-xahar li matulu tkun ġiet stabbilita dik ir-riżorsa proprja.

Artikolu 4

Dħul fil-kontijiet, rappurtar u ż-żmien li fih għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni

1. L-ammonti stabbiliti skont l-Artikolu 2 għandhom jiddaħħlu fil-kont speċifikat fl-Artikolu 3(1), fl-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-ammont jiġi stabbilit.

2. Mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel id-data speċifikata fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ta' kull xahar tal-kontijiet għar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF.

3. Entrata fil-kont imqassar speċifikat fl-Artikolu 3(4) għandha ssir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara x-xahar li fih ikun ġie stabbilit l-ammont skont l-Artikolu 2.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti implimentattivi li jistabbilixxu regoli dettaljati għad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 5

Imgħax fuq l-ammonti li jsiru disponibbli tard

1. Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 3(1) għandu jwassal għall-ħlas ta' imgħax min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat.

Madankollu, l-irkupru ta' ammonti ta' imgħax li jkunu inqas minn EUR 500 għandu jiġi rrinunzjat.

2. Għandu jiġi impost imgħax fuq ir-rati u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

3. Għall-ħlas tal-imgħax imsemmi fil-paragrafu 1, l-Artikolu 3(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis .

Artikolu 6

Korrezzjonijiet tal-kontabbiltà

Wara l-31 ta' Diċembru tat-tielet sena wara sena partikolari, ma għandhom isiru l-ebda korrezzjonijiet oħra għas-somma tad-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar mibgħuta mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 4(5) għas-sena in kwistjoni, ħlief dwar punti notifikati qabel din id-data mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat.

Kapitolu III

ARRANġAMENTI AMMINISTRATTIVI

ARTIKOLU 7

Konservazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jassiguraw li d-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji bbażati fuq it-TTF, jinżammu għal mill-anqas tliet snin kalendarji, li jibdew jgħoddu mit-tmiem tas-sena li hemm referenza għaliha f’dawk id-dokumenti ta' sostenn.

Jekk il-verifika f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) […/…] tad-dokumenti ta' sostenn li hemm referenza għalihom fl-ewwel paragrafu turi li jeħtieġ li ssir korrezzjoni, dawk id-dokumenti għandhom jinżammu aktar mil-limitu ta' żmien stipulat fl-ewwel paragrafu, għal perjodu suffiċjenti biex il-korrezzjoni tkun tista' ssir u tiġi ssorveljata.

F’każ li tilwima bejn Stat Membru u l-Kummissjoni rigward l-obbligu li jsir disponibbli għadd partikolari ta' riżorsi proprji bbażati fuq it-TTF tiġi riżolta permezz ta' ftehim reċiproku jew permezz ta' deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru għandu jgħaddi d-dokumenti ta' sostenn lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta tinkiseb ir-riżoluzzjoni, sabiex ikun jista' jsir is-segwitu finanzjarju.

Artikolu 8

Koperazzjoni amministrattiva

1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja:

(a) l-ismijiet tad-dipartimenti jew tal-aġenziji responsabbli għat-twaqqif, il-ġbir, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-kontroll tar-riżorsi proprji u d-dispożizzjonijiet bażiċi li għandhom x'jaqsmu mar-rwol u l-operat ta' dawk id-dipartimenti u l-aġenziji;

(b) id-dispożizzjonijiet ġenerali preskritti bil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva u dawk li jirrigwardaw il-proċeduri tal-kontabilità rigward il-ġbir tat-TTF, it-tqegħid tar-riżorsa proprja derivata minnha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u d-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontroll mill-Kummissjoni ta' dik ir-riżorsa proprja;

(c) it-titolu preċiż tar-rendikonti amministrattivi u tal-kontabilità kollha li fihom hija mdaħħla r-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF, partikolarment dawk użati għat-tħejjija tal-kontijiet stipulati fl-Artikolu 4.

Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata immedjatament b'kull tibdil f' din l-informazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta' kwalunkwe Stat Membru, tgħaddi lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Kapitolu IV

DISPOżIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 9

Proċedura tal-komitoloġija

10. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru […/…]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

11. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI

1. QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1. Titlu tal-proposta/inizjattiva

1.2. Il-qasam/l-oqsma tal-politika kkonċernat/i fl-istruttura tal-ABM/ABB

1.3. Natura tal-proposta/inizjattiva

1.4. L-għan(ijiet)

1.5. Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.6. Tul ta' żmien u impatt finanzjarju

1.7. Il-metodu(i) tal-ġestjoni previst(i)

2. MIŻURI TA' ĠESTJONI

2.1. Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar

2.2. Sistema ta' ġestjoni u kontroll

2.3. Miżuri għall-prevenzjoni ta' frodi u irregolaritajiet

3. L-IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1. Intestatura(i) tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-intestatura(i) tal-baġit affettwat(i)

3.2. L-impatt stmat fuq l-infiq

3.2.1. Sommarju tal-impatt stmat fuq l-infiq

3.2.2. L-Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi

3.2.3. L-Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta' natura amministrattiva

3.2.4. Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

3.2.5. Il-parteċipazzjoni minn partijiet terzi fil-finanzjament

3.3. Impatt stmat fuq id-dħul

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI

1. QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1. Titlu tal-proposta/inizjattiva

Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċeduri biex isiru disponibbli riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF).

1.2. Il-qasam/l-oqsma tal-politika kkonċernat/i fl-istruttura tal-ABM/ABB [14]

Dħul tal-baġit tal-UE (Titolu 1, Riżorsi Proprji).

1.3. Natura tal-proposta/inizjattiva

( Il-proposta/inizjattiva għandha x’taqsam ma' azzjoni ġdida

( Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma' azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja[15]

( Il-proposta/inizjattiva għandha x’taqsam mal-estensjoni ta' azzjoni eżistenti

( Il-proposta/inizjattiva għandha x’taqsam ma' azzjoni indirizzata mill-ġdid għal azzjoni ġdida

1.4. Objettivi

1.4.1. L-għan(ijiet) strateġiku/ċi multiannwali tal-Kummissjoni li jikkostitwixxu l-mira tal-proposta/inizjattiva

Il-proposta tikkompleta u tirfina proposti magħmula mill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2011 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE [ara COM(2011) 510, 511 u 512].

1.4.2. Objettiv(i) u attività(ijiet) tal-ABM/ABB speċifiċi kkonċernati

Għan speċifiku Nru ..

Attivita(jiet) tal-ABM/ABB ikkonċernati

Titolu 1 – riżorsi proprji

1.4.3. Riżultat(i) mistenni(ja) u l-impatt

Speċifika l-effetti li l-proposta/inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/gruppi li hija mmirata lejhom.

It-tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) tista' tikkostitwixxi sors ġdid ta' introjtu, li jista' jnaqqas il-kontribuzzjonijiet eżistenti tal-Istati Membri, jagħti lill-Istati Membri aktar spazju biex jimmanuvraw u jikkontribwixxu għall-isforz ġenerali għall-konsolidazzjoni tal-baġit. Għalkemm xi forma ta' tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji teżisti diġà f'għadd limitat ta' Stati Membri, l-analiżi għamlitha ċara wkoll li azzjoni fil-livell tal-UE tista' tkun kemm aktar effettiva kif ukoll aktar effiċjenti minn azzjoni mhux ikkoordinata mill-Istati Membri, meta jitqies il-livell ta' attività transkonfinali u l-mobbiltà kbira tal-bażijiet għat-taxxa. Barra minn hekk, din jista' jkollha rwol fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern. L-inizjattiva tal-UE se tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn l-applikazzjoni tat-TTF fil-livell globali.

1.4.4. Indikaturi ta' riżultati u impatt

Speċifika l-indikaturi għall-implimentazzjoni tal-monitoraġġ tal-proposta/inizjattiva.

Din il-proposta għandha tipprovdi l-qafas biex ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE f’waqtha u b’mod korrett.

1.5. Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.5.1. Rekwiżit(i) li għandhom jiġu ssodisfati fuq perjodu qasir jew twil

Ir-regoli sabiex ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE għandhom jiġu miftiehma fil-ħin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f' waqtha tar-riżorsa proprja l-ġdida.

1.5.2. Valur miżjud tal-involviment tal-UE Cf.

1.4.3 hawn fuq.

1.5.3. Lezzjonijiet meħuda minn esperjenzi simili fil-passat

n.a.

1.5.4. Koerenza u sinerġija possibbli ma' strumenti rilevanti oħra

Din il-proposta hija parti minn pakkett ta' proposti li jinkludi wkoll Proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva tal-Kunsill proposta dwar taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fl-UE. Flimkien, dawn il-proposti jiċċaraw l-interazzjoni possibbli bejn id-Direttiva tat-TTF u d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji.

1.6. Tul ta' żmien u impatt finanzjarju

( Proposta/inizjattiva ta' tul ta' żmien limitat

- ( Proposta/inizjattiva fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

- ( L-impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS

( Proposta/inizjattiva ta' tul ta' żmien illimitat

- Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill- 1/1/2013 sal-31/12/2013,

- segwit minn operazzjoni fuq skala sħiħa mill-1/1/2014.

1.7. Metodu(i) ta' ġestjoni previst(i) [16]

( Ġestjoni diretta ċentralizzata mill-Kummissjoni

( Ġestjoni indiretta ċentralizzata bid-delega ta' kompiti ta' implimentazzjoni lil:

- ( aġenziji eżekuttivi

- ( korpi stabbiliti mill-Komunitajiet[17]

- ( korpi nazzjonali tas-settur pubbliku/korpi b'missjoni ta' servizz pubbliku

- ( persuni inkarigati mill-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u identifikati fl-att bażiku rilevanti skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tar-Regolament Finanzjarju

( Ġestjoni maqsuma mal-Istati Membri

( Ġestjoni deċentralizzata ma' pajjiżi terzi

( Ġestjoni konġunta ma' organizzazzjonijet internazzjonali (li għandhom ikunu speċifikati )

Jekk jiġi indikat iktar minn mod ta' ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok agħti d-dettalji fit-taqsima "Kummenti".

Kummenti

2. MIŻURI TA' ĠESTJONI

2.1. Regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

Dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ u r-rappurtar fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF jistgħu jinstabu fil-kapitoli III u IV tar-Regolament tal-Kunsill propost.

2.2. Sistema ta' ġestjoni u kontroll

2.2.1. Riskju(i) identifikat(i)

Ir-riskji potenzjali ewlenin jinkludu: l-istabbiliment mhux korrett tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF, dħul żbaljat fil-kontijiet, dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa, u żbalji tal-kontabilità.

2.2.2. Metodu(i) ta' kontroll previst(i)

Dawn ir-riskji huma sistematikament indirizzati fil-proposta, li tinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u proċedura tal-komitoloġija.

2.3. Miżuri għall-prevenzjoni ta' frodi u irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri eżistenti jew previsti għall-prevenzjoni u l-protezzjoni.

Minbarra d-dispożizzjonijiet imsemmija taħt 2.2.2., għandu jkun innutat li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u s-superviżjoni huma inklużi fil-Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

3. L-IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

3.1. Intestatura(i) tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-intestatura(i) tal-baġit affettwat(i)

Mhux applikabbli.

3.2. L-impatt stmat fuq l-infiq

3.2.1. Sommarju tal-impatt stmat fuq l-infiq

Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali: | 5 | " Nefqa amministrattiva " |

EUR miljun, prezzijiet kostanti tal-2011

2013 | 2014 | 2015 | 2016 | L-2017 u lil hinn minnha |

( Riżorsi umani | 0.508 | 2.144 | 2.144 | 2.144 | 2.144 |

( Infiq amministrattiv ieħor | 0.072 | 0.197 | 0.197 | 0.287 | 0.212 |

BAĠIT TOTALI TAD-DĠ | Approprjazzjonijiet | 0.580 | 2.341 | 2.341 | 2.431 | 2.356 |

TOTAL TAL-approprjazzjonijiet taħt INTESTATURA 5 | Impenji totali = Total tal-ħlasijiet) | 0.580 | 2.341 | 2.341 | 2.431 | 2.356 |

TOTAL TAL-approprjazzjonijiet taħt INTESTATURI 1 sa 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali | Impenji | 0.580 | 2.341 | 2.341 | 2.431 | 2.356 |

Ħlasijiet | 0.580 | 2.341 | 2.341 | 2.431 | 2.356 |

3.2.2. L-Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi

- ( Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu tal-approprjazzjonijiet operattivi

- ( Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta' approprjazzjonijiet operattivi.

3.2.3. L-Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta' natura amministrattiva

3.2.3.1. Sommarju

- ( Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta' approprjazzjonijiet amministrattivi

- ( Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta' approprjazzjonijiet amministrattivi, kif spjegat hawn taħt:

EUR miljun, prezzijiet kostanti tal-2011

2013 | 2014 | 2015 | 2016 | L-2017 u lil hinn minnha |

INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali |

Riżorsi umani | 0.508 | 2.144 | 2.144 | 2.144 | 2.144 |

Nefqa amministrattiva oħra | 0.072 | 0.197 | 0.197 | 0.287 | 0.212 |

Total parzjali INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali | 0.580 | 2.341 | 2.341 | 2.431 | 2.356 |

Barra mill-INTESTATURA 5[18] tal-qafas finanzjarju multiannwali |

Riżorsi umani |

Nefqa oħra ta' natura amministrattiva |

Total parzjali barra l-INTESTATURA 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali |

AKKUMULAT | 0.580 | 2.341 | 2.341 | 2.431 | 2.356 |

3.2.3.2. Ħtieġa stmata ta' riżorsi umani

- ( Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu tar-riżorsi umani

- ( Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta' riżorsi umani addizzjonali, kif spjegat hawn taħt:

L-istima għandha tiġi espressa f’ammonti sħaħ (jew l-iktar sa ċifra waħda wara l-punt deċimali)

2013 | 2014 | 2015 | 2016 | L-2017 u lil hinn minnha |

( Il-karigi tal-pjan tal-istabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji) |

27 01 01 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji ta' Rappreżentanza tal-Kummissjoni) | 4 | 13 | 13 | 13 | 13 |

XX 01 01 02 (Delegazzjonijiet) |

XX 01 05 01 (Riċerka indiretta) |

10 01 05 01 (Riċerka diretta) |

( Persunal estern (f’Unità ekwivalenti għal Full-Time: FTE)[19] |

27 01 02 01 (CA, INT, SNE mill-"pakkett globali") | 0 | 7 | 7 | 7 | 7 |

XX 01 02 02 (CA, INT, JED, AL u SNE fid-delegazzjonijiet) |

XX 01 04 yy [20] | - fil-Kwartieri Ġenerali[21] |

- fid-delegazzjonijiet |

XX 01 05 02 (CA, INT, ENS - Riċerka indiretta) |

10 01 05 02 (CA, INT, ENS - Riċerka diretta) |

Linji oħra tal-baġit (speċifika) |

TOTAL |

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jagħmel tajjeb għalihom il-persunal mid-DĠ li huwa diġà assenjat għall-immaniġġar tal-azzjoni u/jew li ntbagħat jaħdem mad-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma' allokoazzjoni addizzjonali li tista' tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura ta' allokazzjoni annwali u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li għandhom jitwettqu:

Uffiċjali, aġenti temporanji u persunal estern | L-Unità l-ġdida tar-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF tikkontrolla li l-Istati Membri jistabbilixxu, jirrappreżentaw, jirkupraw u jagħmlu disponibbli korrettement u fil-ħin ir-riżorsa proprja bbażata fuq it-TTF (“RP FTT”) li tkun inġabret minnhom għall-iffinanzjar tal-baġit tal-UE. Il-kompiti prinċipali li għandhom jitwettqu huma kif ġej: 1) Spezzjonijiet - kontroll tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tar-RP TTF permezz tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq bażi ta' programm annwali, ibbażat fuq ir-riskju. Bħala regola, l-akbar ħames (5) kolletturi jistgħu jsirulhom żewġ żjajjar fis-sena u Stati Membri oħra żjara waħda fis-sena. L-iżgħar Stati Membri, madankollu, tista' ssirilhom żjara darba kull sentejn. Ir-rapporti kollha tal-ispezzjonijiet u t-tweġibiet tal-Istati Membri għalihom għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv tar-RP TTF dwar ir-Riżorsi Proprji, organizzat darbtejn fis-sena. L-osservazzjonijiet kollha tal-ispezzjonijiet individwali jkunu jitolbu segwitu finanzjarju jew legali/amministrattiv li jista' jingħalaq biss malli l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa l-azzjoni korrettiva meħtieġa. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun jenħtieġ li tinbeda proċedura ta' infrazzjoni. 2) Segwitu tal-eżerċizzji tal-awditjar tal-ECA Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri se twettaq hija wkoll eżerċizzji tal-awditjar relatati mar-RP TTF (DAS jew speċjali) fl-Istati Membri. Flimkien mas-segwitu tal-osservazzjonijiet tal-ispezzjoni tagħha stess, l-unità tkun responsabbli għas-segwitu tal-osservazzjonijiet kollha tal-awditjar tal-QEA vis-à-vis l-Istati Membri kkonċernati. 3) Monitoraġġ tal-irkupru u segwitu ta' każijiet individwali L-unità timmonitorja l-azzjoni ta' rkupru tar-RP TTF tal-Istati Membri f’każijiet speċifiċi li jkollhom impatt finanzjarju sinifikanti (eż. relatati ma' investigazzjonijiet fuq skala kbira magħmula mill-OLAF). Għall-monitoraġġ globali tal-irkupru f'każi ta' frodi u irregolarità, jista jkun meħtieġ li l-unità timmaniġġja bażijiet tad-dejta speċifiċi (ġodda jew ibbażati fuq sistemi eżistenti bħal OWNRES) li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibagħtulhom rapporti dwar il-każijiet kollha ta' aktar minn EUR 10 000. Minbarra dan, il-każijiet kollha fejn żball amministrattiv ta' Stat Membru partikolari jikkawża telf ta' RP TTF jkunu jeħtieġu azzjoni ta' segwitu. 4) Ġestjoni tar-rapporti tat-tħassir mill-kontijiet tal-Istati Membri Għall-każijiet kollha ta' ammonti ta' RP TTF irrekuperabbli li jaqbżu ċertu limitu l-Istati Membri jistgħu jiġu obbligati li jibagħtu rapport li jispjega r-raġunijiet għaliex l-ammont ma setax jiġi rkuprat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-unità teżamina, f’kooperazzjoni mas-Servizz Legali, id-DĠ TAXUD u l-OLAF, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx aġixxa b’diliġenza u għalhekk jistax jinħeles mill-obbligu li jagħmel l-ammont disponibbli. Il-każijiet kollha fejn Stat Membru jkun meqjus responsabbli għat-telf ta' RP TTF jkunu jirrikjedu azzjoni ta' segwitu mill-unità. 5) Sorveljanza tal-preparatezza u għoti ta' għajnuna lill-pajjiżi kandidati L-unità tissorvelja l-preparatezza tal-pajjiżi kandidati fil-qasam tar-RP TTF, pereżempju billi tagħmel żjarat ta' monitoraġġ u tanalizza t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarji u eżerċizzji ta' simulazzjoni. Barra minn hekk, jiġi pprovdut lilhom programm ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni inklużi seminars u workshops fejn l-obbligi futuri tagħhom fil-qasam tar-RP TTF jkunu spjegati fid-dettal. |

3.2.4. Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

- ( Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali.

- ( Il-proposta/inizjattiva se tinvolvi r-riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju multiannwali.

Din il-proposta hija relatata mill-qrib mal-proposti għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2011. Din il-proposta timmira li tiżgura mezzi xierqa ta' finanzjament għall-baġit tal-UE mill-1/1/2014, jiġifieri, il-bidu tal-qafas finanzjarju li jmiss.

- ( Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument tal-flessibbiltà jew reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali.

3.2.5. Kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi

- ( Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprovdix għall-kofinanzjament minn terzi

- ( Il-proposta tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:

3.3. Impatt stmat fuq id-dħul

- ( Il-proposta/inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

- ( Il-proposta/inizjattiva għandha dan l-impatt finanzjarju li ġej:

( fuq ir-riżorsi proprji

( fuq id-dħul mixxellanju

(EUR miljun, prezzijiet attwali)

Linja tad-dħul tal-baġit: | Approprazzjonijiet disponibbli għas-sena baġitarja kurrenti | Impatt tal-proposta/l-inizjattiva[22] |

| | 2014 |2015 |2016 |2017 |2018 |2019 |2020 | |Ġdid (fit-Titolu 1) | | 43.692 |45.335 |46.801 |48.414 |50.175 |52.108 |54.226 | |Speċifika l-metodu għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul.

L-Anness għar-Rapport dwar l-operat tas-sistema tar-riżorsi proprji [SEC(2011)876, parti II, pp. 25-26] u l-valutazzjoni tal-impatt biex il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE jipprovdu estimi kwantitattivi u spjegazzjonijiet dwar il-preżunzjonijiet użati.

Formula użata

L-istimi huma bbażati fuq formula żviluppata inizjalment mill-Ministeru tal-Finanzi Franċiż fl-2000 u użata iktar reċentement minn Jetin and Denys (2005) u minn McCulloch u Pacillo (2011). Hija tassumi li d-dħul mit-taxxa R tista' tiġi kkalkulata bħala:

[pic],

Meta τ hija r-rata tat-taxxa, V l-volum annwali tat-tranżazzjonijiet, u E hija interpretata bħala r-rilokazzjoni u l-evażjoni fiskali. Il-varjabbli c jiddeskrivi l-ispejjeż tat-tranżazzjoni f’perċentwali tal-volum tat-tranżazzjoni u ε hija l-elastiċità tat-taxxa li tiddeskrivi l-effett ta' żieda fit-taxxi fuq il-volum tat-tranżazzjonijiet i.e. il-bażi tat-taxxa. L-aħħar terminu fil-parentesi jiddeskrivi r-reazzjoni fir-rigward tal-volum tas-swieq minħabba żieda f'kosti tat-tranżazzjoni biss. Ir-rilokazzjoni u l-evażjoni huma maqbuda direttament minn E f'din il-formula.

Sorsi ta' dejta

Id-dejta fuq tranżazzjonijiet fil-muniti (fatturat fis-swieq spot tal-muniti, f’dawk tal-iswaps tal-muniti u f’dawk tal-forwards diretti tal-muniti) hija meħuda mill-Bank for International Settlements (BIS).

Id-dejta għal kalkoli tal-ishma hija bbażata fuq iċ-ċifri disponibbli mill-Federation of European Securities Exchanges (FESE). Id-dejta fiha informazzjoni fuq negozju tal-ishma fil-boroż regolati. Ma hemm l-ebda dejta dwar il-volum f’boroż privati bħas-sistemi ta' skambju ta' xi banek kbar (bħal Sigma X ta' Goldman Sachs) u dwar il-pjazzamenti privati ta' ishma.

Għad-derivattivi, il-fatturat f'termini ta' valuri kunċettwali u l-ammonti kunċettwali li fadal li huma rrappurtati mill-BFI huma sostituti li jkejlu l-attività tas-suq fi swieq tad-derivattivi li mhumiex ikkwotati f’borża (OTC).

Estimi kwantitattivi

Is-suppożizzjonijiet użati jaffettwaw b'mod qawwi l-estimi tad-dħul u jvarjaw għas-segmenti varji tas-suq. L-estimi li jirriżultaw huma għalhekk ipprovduti bħala illustrazzjoni, u jibnu fuq id-dejta tal-2010.

L-ammont ippreżentat jikkorrispondi għall-ġbir flimkien tat-tliet kategoriji li ġejjin:

i) Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet tat-Titoli (TTT) miġbura minn fuq it-tranżazzjonijiet ta' bonds kollha u ishma esegwiti fi swieq regolati b'rata ta' 0,1%.

ii) Timponi rata ta' 0,01% fuq id-Derivattivi ta' fuq il-Borża, notevolment Futures ta' Ishma Uniċi, Opzjonijiet ta' Indiċi ta' Ishma, Futures ta' Indiċi ta' Ishma, Opzjinijiet ta' Bonds u Futures ta' Bonds.

iii) L-istess rata applikata għal derivattivi OTC tar-rati tal-imgħax, inklużi Ftehim tar-Rati bil-Quddiem, Swaps u Opzjonijiet.

Is-suppożizzjonijiet speċifiċi dwar l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, l-evażjoni fiskali u l-elastiċitajiet jistgħu jinstabu fl-Istima tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji [SEC (2011) 1102 u 1103].

Sehem ta' żewġ terzi huwa preżunt li jinżamm għall-baġit tal-UE.

Mill-estimi tal-2010 'l quddiem, l-ammonti huma miżjuda bl-użu tal-estimi tat-tkabbir tal-ING nominali.

[1] ĠU L […], […], p. […].

[2] Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, COM (2011)740 tad-09.11.2011.

[3] ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.

[4] COM(2011)512 tad-29 ta' Ġunju 2011.

[5] Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura biex issir disponibbli r-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud, COM (2011)737 tad-09.11.2011.

[6] Proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar metodi u proċedura għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' flus likwidi, COM (2011)742 tad-09.11.2011.

[7] ĠU C , , p. .

[8] ĠU C […], […], p. […].

[9] ĠU L […], […], p. […].

[10] ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.

[11] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[12] ĠU L […], […], p. […].

[13] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

[14] ABM: Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività – ABB: Ibbaġittjar Skont l-Attività.

[15] Kif imsemmi fl-Artikolu 49(6)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.

[16] Id-dettalji dwar il-metodi ta' ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit elettroniku tal-BudgWeb: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html

[17] Kif imsemmi fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju.

[18] L-assistenza u n-nefqa teknika u/jew amministrattiva bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-programmi u/jew l-azzjonijiet tal-UE (eks linji "BA"), ir-riċerka indiretta, ir-riċerka diretta.

[19] CA= Aġent Kuntrattwali; INT= persunal ta' aġenzija (" Intérimaire "); JED= " Jeune Expert en Délégation " (Esperti Żgħażagħ f’Delegazzjonijiet); AL= Aġent Lokali; ENS= Espert Nazzjonmali Sekondat;

[20] Taħt il-limitu massimu għall-persunal estern mill-approprjazzjonijiet operattivi (eks linji "BA").

[21] Essenzjalment għall-Fondi Strutturali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES).

[22] F’dak li jirrigwarda r-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati għandhom ikunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara tnaqqis ta' 25 % għall-ispejjeż tal-ġbir.

Top