Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0421

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Makkinarju mid-Danimarka)

/* KUMM/2011/0421 finali */

52011PC0421

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Makkinarju mid-Danimarka) /* KUMM/2011/0421 finali */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, fil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fil-11 ta' Mejju 2010, id-Danimarka ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Machinery għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara sensji f'sitt (6) impriżi li joperaw f'Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir")[3] fir-reġjun NUTS II ta' Midtjylland (DK04) fid-Danimarka.

Wara analiżi fil-fond ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament ġew issodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta' Referenza tal-EGF || EGF/2010/017

Stat Membru || Id-Danimarka

Artikolu 2 || (b)

Intrapriżi kkonċernati || 6

Reġjun NUTS II || Midtjylland (DK04)

Diviżjoni NACE Reviżjoni 2 || 28 ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir")

Perjodu ta’ referenza || 6.6.2009 – 6.3.2010

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati || 11.08.2010

Data tal-applikazzjoni || 11.5.2010

Sensji matul il-perjodu ta’ referenza || 813

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li huma identifikati għall-għajnuna || 325

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 5 627 125

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4] (EUR) || 441 500

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) || 7,3

Baġit totali (EUR) || 6 068 625

Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) || 3 944 606

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2010 u ġiet issupplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-21 ta’ Marzu 2011.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Biex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija kkawżati mill-globalizzazzjoni, id-Danimarka argumentat li l-industrija tal-manifattura tat-turbini tar-riħ fl-UE, li hija inkluża fid-Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta’ makkinarju u tagħmir"), intlaqtet b'mod gravi mill-bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija, b'mod partikolari mit-tnaqqis sinifikanti tas-sehem mis-suq tal-UE. Id-Danimarka, fissret li, minkejja li l-produzzjoni Ewropea tat-turbini tar-riħ żdiedet f’dawn l-aħħar ftit snin, is-suq globali tat-turbini tar-riħ żviluppa b'pass iktar mgħaġġel, speċjalment fl-Asja u l-Amerika ta' Fuq.

4. Id-Danimarka kkwotat ir-Rapport Dinji tal-2009 dwar l-Enerġija mir-Riħ li tħejja mill-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Enerġija mir-Riħ, li juri li l-aktar progress dinamiku tal-industrija tar-riħ seħħ fl-Asja u fl-Amerika ta' Fuq u li l-fokus tas-settur tar-riħ ma baqax fl-Ewropa. Filwaqt li kien hemm tkabbir globali dinamiku f'dan is-settur, sehem l-Ewropa fil-kapaċità totali naqas minn 65,5 % fl-2006 għal 47,9 % fl-2009. L-Asja qed tespandi l-aktar malajr, u kienet responsabbli għal 40,4 % tal-kapaċità l-ġdida tar-riħ fl-2009 (met mqabbla ma' 18,1 % fl-2004), filwaqt li l-Ewropa waqgħet lura minn 70,7 % ta' kapaċità ġdida fl-2004 għal 27,3 % biss fl-2009.

(Sors: World Wind Energy Report 2009, WWEA l-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Enerġija mir-Riħ)

Minbarra li l-ispejjeż tal-ħaddiema huma konsiderevolment aktar baxxi, l-ispejjeż għoljin biex jiġu trasportati l-partijiet il-kbar tat-turbini tar-riħ, jirrikjedu li l-produtturi Ewropej iqarrbu l-produzzjoni tagħhom lejn l-aktar swieq tal-utenti aħħarija dinamiċi biex jiżguraw l-kompetittività u l-pożizzjoni tas-suq tagħhom. Minħabba f’hekk, il-produzzjoni kull ma jmur qed titlaq mill-UE.

5. Vestas Group (responsabbli għal 95 % tal-ħaddiema kollha identifikati għall-għajnuna f'din l-applikazzjoni) hija parti mit-tendenza deskritta hawn fuq. Minkejja li d-dħul tagħha qed jiżdied (żieda ta' 185 % tul l-aħħar ħames snin) u li l-kumpanija żiedet l-għadd tal-persunal tagħha b'202 % tul l-iestess perjodu, huwa minnu wkoll li qed titlef is-sehem tagħha mis-suq dinji li qed jikber b'pass mgħaġġel għall-enerġija mir-riħ (minn 30 % fl-2004 naqas għal madwar 14 % attwalment). Dawn il-fatturi wasslu lil Vestas biex tbiddel il-fokus tal-attivitajiet tagħha u tmexxi l-impjanti ta' produzzjoni tagħha lejn l-Istati Uniti u l-Asja, fejn hemm proporzjon akbar tal-klijentela u l-produzzjoni hija iktar kosteffikaċi.

6. Barra minn hekk, fl-2009, il-kuntest ekonomiku ġdid li feġġ minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, laqat ħażin lill-industrija tal-enerġija mir-riħ fl-UE. Minħabba f’hekk, tul dik is-sena, l-industrija Daniża tar-riħ esperjenzat tnaqqis qawwi fl-impjiegi, flimkien ma' tnaqqis fil-fatturat.

Turija tal-għadd ta’ sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

7. Id-Danimarka ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2 f'reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

8. L-applikazzjoni ssemmi 813-il sensja f'sitt intrapriżi fid-Diviżjoni 28 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Manifattura ta' makkinarju u tagħmir")[5] fir-reġjun NUTS II ta' Midtjylland (DK04) matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mis-6 ta' Ġunju 2009 sas-6 ta' Marzu 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkulati skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura imprevedibbli ta' dawk is-sensji

9. L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li t-tnaqqis fl-impjiegi f'Midtjylland, li huwa s-suġġett ta' din l-applikazzjoni, kien imprevedibbli minħabba l-espansjoni mgħaġġla tas-settur globali tal-enerġija mir-riħ, u l-aspettattivi pożittivi li kienu ġew ippubblikati mill-produtturi fir-rapporti fir-rapporti ta' kull tliet xhur tagħhom fil-perjodu ta' qabel ingħataw is-sensji.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema identifikati għall-għajnuna

10. L-applikazzjoni ssemmi total ta' 813-il sensja li minnhom 325 huma identifikati għall-għajnuna, fis-sitt intrapriżi li ġejjin:

Intrapriżi                                                                                       Għadd ta' sensji

Vestas assembly A/S || 138

Vestas Blades A/S || 506

Vestas Control Systems A/S || 105

Vestas Machining A/S || 24

I.P.L Transmissioner || 18

Lind Jensens Maskinfabrik || 22

Total ta' intrapriżi: 6 || Total ta' sensji: 813

11. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati għall-għajnuna huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 251 || 77,23

Nisa || 74 || 22,77

Ċittadini tal-UE || 325 || 100,00

Mhux ċittadini tal-UE || 0 || 0

Bejn il-15 u l-24 sena || 28 || 8,62

Bejn il-25 u l-54 sena || 247 || 76,00

Bejn il-55 u l-64 sena || 50 || 15,38

Aktar minn 64 sena || 0 || 0

12. L-ebda wieħed mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja ma għandu problemi tas-saħħa persistenti jew diżabbiltajiet.

13. Fir-rigward ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Professjonisti || 2 || 0,62

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 26 || 8,00

Ħaddiema ta' sostenn klerikali || 1 || 0,31

Ħaddiema tas-sengħa u dawk involuti fi snajja’ relatati || 133 || 40,92

Operaturi tal-impjanti u l-magni, u dawk li jimmuntaw il-magni || 149 || 45,84

Xogħlijiet elementari[6] || 14 || 4,31

14. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, id-Danimarka kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15. It-territorju kkonċernat huwa Reġjun Ċentrali fid-Danimarka (Midtjylland, NUTS II – DK04) u partikolarment il-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern. Midtjylland huwa l-ewwel fir-rigward ta' erja u t-tieni fir-rigward ta' popolazzjoni minn fost il-ħames reġjuni Daniżi, b'erja ta' 13 053 kilometri kwadri u popolazzjoni ta' aktar minn 1,2 miljun ruħ. Il-kapitali hija Viborg. Il-muniċipalità milquta ta' Ringkøbing-Skjern tinsab fil-parti tal-Punent tar-reġjun. Ringkøbing-Skjern, li għandha erja ta' 1 485 km², għandha popolazzjoni ta' 58 803 (2009).

16. Il-partijiet interessati prinċipali huma l-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern u l-imsieħba soċjali. Il-miniċipalità hija responsabbli mill-għoti ta' appoġġ lill-persuni qiegħda fit-tfittxija tagħhom għal impjieg ġdid, li jinkludi t-tħejjija ta' arranġamenti għal attivitajiet li jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema, bħala sostenn għall-ħiliet ta' tiftix ta' xogħol u għajnuna fil-proċess ta' stabbiliment ta' miri. Il-muniċipalità se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-attivitajiet fl-applikazzjoni, kif ukoll mir-reġistrazzjoni u l-kontroll. L-imsieħba soċjali, jiġifieri t-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem involuti fil-proġett huma dawn li ġejjin: Iċ-ċentru għall-Iżvilupp tan-Negozju ta' Ringkøbing Fjord (Ringkøbing Fjord Erhvervscenter), il-Kulleġġ Vokazzjonali ta' Ringkøbing-Skjern (UddannelsesCenter Ringkøbing-Skjern), il-Konfederazzjoni Daniża tat-Trejdjunjons (LO), Danish Metal (Dansk Metal – unjoni għall-ħaddiema fl-industrija tal-metall), 3F (unjoni għal ħaddiema bla ħiliet), l-Organizzazzjoni Daniża ta' Min Iħaddem (DI – organizzazzjoni għal min iħaddem fl-industrija), il-Kunsill ta' Konsulenza dwar l-Impjiegi Lokali (LBR – kunsill ta' msieħba b'interess fis-settur tal-impjiegi), il-Kunsill ta' Konsulenza dwar l-Impjiegi Reġjonali (RBR – kunsill reġjonali tal-imsieħba), Vestas Wind Systems A/S.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

17. Il-ħaddiema fl-industrija tal-ħadid u l-metall, taħt liema jaqa' s-settur tal-manifattura tat-turbini tar-riħ, jikkostitwixxu proporzjon ikbar mill-għadd totali ta' ħaddiema fil-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern, milli fid-Danimarka kollha kemm hi (19 % u 6 % rispettivament), u dan jirrendi r-reġjun iktar vulnerabbli għall-bidliet negattivi fis-settur.

18. Id-Danimarka tistenna li l-impatt tas-sensji se jkun sinifikanti lokalment; is-sensji nnotifikati tal-ħaddiema milquta jirrappreżentaw madwar 2,5 % mill-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol fil-muniċipalità ta' Ringkøbing-Skjern. Il-muniċiplaità ġiet milquta mir-rata li qed tiżdied ta' qgħad ħafna agħar mir-reġjun ta' Midtjylland u mid-Danimarka kollha kemm hi (żieda rispettiva bejn Lulju 2008 u Settembru 2010: Ringkøbing-Skjern: 290 %, Midtjylland: 192 %, id-Danimarka: 176 %, sors: www.jobindsats.dk).

19. Skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni għas-Suq tax-Xogħol tal-gvern, id-ditta ta' konsulenza M-ploy A/S tistma li dawn is-sensji jistgħu jikkawżaw żieda fin-nefqa fuq l-appoġġ relatat mal-qgħad ta' madwar EUR 940 000 kull sena, kif ukoll dħul imnaqqas mit-taxxa li jammonta għal madwar EUR 3,2 miljun kull sena.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplimentarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

20. Kjarifika u orjentament mill-ġdid: Il-grupp fil-mira se jiġi offrut programm bażiku ta' kjarifika biex jiddetermina l-miri tiegħu u jfassal pjan ta' azzjoni. Il-programm bażiku se jdum 12-il ġimgħa u se jiffoka fuq l-orjentament mill-ġdid għall-ħaddiema kkonċernati, b'enfasi speċjali fuq oqsma ta' żvilupp fil-muniċipalità, bħall-enerġija u t-turiżmu ekoloġiċi. Tnedew żewġ analiżi sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati aħjar l-oqsma ta' żvilupp futur Elementi oħra ta' din il-miżura se jinkludu l-valutazzjoni ta' kwantifikazzjoni, għoti ta' pariri individwali dwar il-karrieri, attivitajiet f'workshops f'kulleġġi vokazzjonali jew ċentri ta' taħriġ vokazzjonali u taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Għaċ-ċittadini barranin li ma jitkellmux jew ma jifhmux id-Daniż b'mod fluwenti, se tingħata għajnuna minn interpretu.

Appoġġ supplimentari għal edukazzjoni u taħriġ addizzjonali: Il-parteċipanti li jistabbilixxu mira edukattiva waħda jew iktar fil-proċess ta' kjarifika, jingħataw l-opportunità li jibdew isegwu/jispiċċaw programm edukattiv.

Il-laboratorju tal-innovazzjoni: L-għan ta' din il-miżura huwa li jkun hemm fokus fuq l-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema, biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw f'xogħol prototipiku bbażat fuq teknoloġija nadifa f'kumpaniji eżistenti. Dan se jintlaħaq permezz ta' attivitajiet tul il-kors u tagħlim ibbażat fuq l-apprendistati minn kollegi f'kumpaniji ewlenin fis-suq fil-qasam tat-teknoloġija nadifa/l-innovazzjoni. Il-parti prinċipali ta' din il-miżura se tkun esperjenza prattika ma' kumpanija ospitanti, fejn il-ħaddiema ikun jista' jirrealizza idea li tkun tal-kumpanija ospitanti jew tiegħu/tagħha stess.

Skema ta' mentoring b'rabta mat-taħriġ prattiku: It-taħriġ prattiku marbut ma' skema ta' mentoring huwa għal dawk il-ħaddiema fil-grupp fil-mira li, wara l-proċess ta' kjarifika, jinstab li huma eleġibbli għal iktar taħriġ, u għal persuni li jkollhom 'il fuq minn 50 sena li ma jkunux interessati li jibdew isegwu kors edukattiv. Huwa mistenni li jiġu stabbiliti madwar 40 programm ta' taħriġ prattiku marbut ma' skema ta' mentoring.

Il-hotline tal-kwalifiki: Iċ-ċentru abbinat mal-hotline se jgħin lill-persuni qiegħda u lil dawk li potenzjalment ikunu se jħaddmu, sabiex isibu l-programm ta' tkomplija tat-taħriġ adattat. Il-funzjoni tal-hotline għandha tirreaġixxi hekk kif iqum il-bżonn. Dan jista' jinkludi sitwazzjonijiet bħall-bżonn ta' mentor, il-kjarifika tal-kompetenzi jew il-bżonn għal kompetenzi ġodda, it-tkomplija tat-taħriġ f'forma ta' korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali eċċ. u l-għoti ta' gwida fir-rigward ta' dan kollu.

Għotjiet waqt it-tfittxija ta' xogħol/benefiċċji tal-qgħad/għotjiet għall-istudenti: L-għan huwa li jiġu mminimizzatti l-ostakoli relatati mal-għajnuna. Min ikun qed ifittex xogħol jiġi offrut diversi għotjiet skont l-status tagħhom meta mqabbel mas-sistema nazzjonali ta' appoġġ u l-attivitajiet li jkunu qed jiparteċipaw fihom fil-pakkett koordinat tal-attivitajiet. Id-Danimarka kkonfermat li dawn l-għotjiet se jingħataw biss waqt li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol.

Għotjiet għall-mobbiltà: Ġew previsti għotjiet għall-mobbiltà għal dawk il-ħaddiema li jridu jivvjaġġaw biex jipparteċipaw fil-miżuri.

21. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll tagħrif u pubbliċità.

22. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Daniżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Daniżi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 5 627 125 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 586 500 (10,4 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 3 944 606 (65 % tal-ispiża totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati || Spiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (EUR) || Spiża totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Kjarifika u orjentament mill-ġdid || 150 || 7 535 || 1 130 250

Appoġġ supplimentari għal edukazzjoni addizzjonali || 75 || 12 135 || 910 125

Il-laboratorju tal-innovazzjoni || 10 || 24 500 || 245 000

Skema ta' mentoring b'rabta mat-taħriġ prattiku || 40 || 6 875 || 275 000

Il-hotline tal-kwalifiki || 50 || 7 100 || 355 000

Għotjiet waqt it-tfittxija ta' xogħol/benefiċċji tal-qgħad/għotjiet għall-istudenti: || 325 || 7 928 || 2 576 600

Għotjiet għall-mobbiltà: || 85 || 1 590 || 135 150

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 5 627 125

Spiża għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet ta' tħejjija || || 33 750

Ġestjoni fil-livell lokali || || 159 000

Ġestjoni fil-livell nazzjonali || || 56 000

Tagħrif u pubbliċità || || 33 750

Attivitajiet ta’ kontroll || || 159 000

Nefqa subtotali għall-implimentazzjoni tal-EGF || || 441 500

Total tal-ispiża stmata || || 6 068 625

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispiża totali) || || 3 944 606

23. Id-Danimarka tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma kumplimentari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali.

Data(i) li fiha/fihom bdew jew kienu ppjanati li jibdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milqutin

24. Fl-11 ta’ Awwissu 2010, id-Danimarka bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milqutin u inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

25. Għadd ta' organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali (ara l-punt 14) ġew ikkonsultati waqt it-tħejjija tal-applikazzjoni u dawn se jkunu involuti wkoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri.

26. L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja dwar sensji kollettivi ġew issodisfati.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

27. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Daniżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

· taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

28. Id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi bħal dawk tal-Fond Soċjali Ewropew, li għandu wkoll l-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi u l-Bini bħala l-Awtorità ta' Ġestjoni. L-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni se tiġi stabbilita f'dipartiment differenti tal-istess korp. L-Awtorità ta' Verifika se twettaq il-funzjoni ta' Kontroll tal-UE fl-Awtorità Daniża tal-Intrapriżi u l-Bini.

Finanzjament

29. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni mid-Danimarka, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF) hija ta' EUR 3 944 606, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħatat mid-Danimarka.

30. Minħabba l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

31. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

32. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-EGF, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, bil-għan li tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandha tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

33. B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2011 iddaħħal approprjazzjonijiet għall-impenji speċifiċi, kif stipulat fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

34. Bħala rinforz għal-linja baġitarja 04.0501 tal-EGF permezz b'EUR 50 000 000 huwa previst f'AB2/2011 li din il-linja baġitarja se tintuża biex tkopri l-ammont ta' EUR 3 944 606 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/017 DK/Midtjylland Makkinarju mid-Danimarka)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[7], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)       Id-Danimarka ssottomettiet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF, fir-rigward tas-sensji f'sitt (6) intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 28 Reviżjoni 2 tan-NACE ("Manifattura ta' makkinarju u magni") fir-eġjun NUTS II TA' Midtjylland (DK04), fil-11 ta' Mejju 2010 u ssupplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-21 ta' Marzu 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 3 944 606.

(5)       L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni ppreżentata mid-Danimarka.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3 944 606 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [Brussell/Strasburgu],

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

[6]               Dan it-tqassim huwa bbażat fuq l-International Standard Classification of Occupations (ISCO – il-Klassifikazzjoni Standard tax-Xogħlijiet) imfassla mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

[7]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[9]               ĠU C […], […], p. […].

Top