Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0784

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar ir-rapport interime tal-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskji u tas-sikurezza ("it-testijiet tal-istress") tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2011/0784 finali */

52011DC0784

/* KUMM/2011/0784 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar ir-rapport interime tal-valutazzjonijiet komprensivi tar-riskji u tas-sikurezza ("it-testijiet tal-istress") tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Unjoni Ewropea


Intro DUZZJONI

Is-sikurezza u s-sigurtà nukleari huma tal-ogħla importanza għall-UE u għall-poplu tagħha. Għalhekk, l-iżgurar tal-ogħla standards possibbli tas-sikurezza, tas-sigurtà u tat-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi nukleari huwa kwistjoni ċentrali tal-politika dwar l-enerġija nukleari, fl-Ewropa kif ukoll fil-livell globali. L-inċident li seħħ fl-impjant tal-enerġija nukleari Fukushima-Daiichi fil-Ġappun, wara t-terremot u t-tsunami tal-11 ta' Marzu 2011, ġedded l-attenzjoni politika għall-miżuri meħtieġa biex jiġu minimizzati r-riskji u biex jiggarantixxu l-livelli l-aktar robusti tas-sikurezza, is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari.

L-ewwel u qabel kollox, l-UE, filwaqt li aġixxiet immedjatament f’solidarjetà, immobilizzat l-għarfien espert u r-riżorsi tagħha biex jassistu lill-Ġappun biex dan il-pajjiż jillimita l-konsegwenzi tad-diżastru u jegħlibhom. Is-Samit bejn l-UE u l-Ġappun f'Mejju 2011 kien iddedikat għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu, b'mod partikolari l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar il-kooperazzjoni fis-sikurezza nukleari.

Ir-rispons tal-Kummissjoni għall-avvenimenti ta' Fukushima kien immedjat. Flimkien mar-regolaturi nazzjonali[1] u mal-industrija nukleari, il-Kummissjoni nediet proċess sabiex twettaq valutazzjonijiet komprensivi madwar l-UE kollha dwar ir-riskji u s-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari ("stress tests"). L-inizjattiva kienet appoġġata mill-Parlament Ewropew u kienet approvata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 – 25 ta' Marzu 2011[2]. Il-Kunsill Ewropew talab ukoll lill-Kummissjoni biex “tirrevedi l-qafas regolatorju u legali eżistenti għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari "u biex" sa tmiem l-2011 tipproponi kwalunkwe titjib li jista' jkun meħtieġ". Fl-aħħar nett, minħabba l-implikazzjonijiet transkonfinali potenzjali tal-inċidenti nukleari, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tistieden lill-pajjiżi ġirien tal-UE sabiex jieħdu sehem fil-proċess tal-istress tests.

Din hija l-ewwel darba li l-partijiet interessati kollha fl-UE bdew, fuq bażi volontarja, jidħlu f'proċess komprensiv u kkoordinat tar-reviżjoni tas-sikurezza u tas-sigurtà tar-reatturi tal-enerġija nukleari. Ir-riżorsi umani u finanzjarji li saru disponibbli għall-eżerċizzju, kif ukoll ir-rieda tal-parteċipanti biex jaħdmu flimkien f'kull pass tal-proċess, jenfasizzaw l-importanza tas-sikurezza nukleari għall-UE. Barra minn hekk, hemm benefiċċji ċari għall-azzjoni konġunta fil-livell tal-UE f’dan il-qasam. Is-sikurezza nukleari ġiet rikonoxxuta madwar l-UE bħala kwistjoni ta' dimensjoni Ewropea, u mhux biss dimensjoni nazzjonali. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni riċenti dwar il-politika barranija dwar l-enerġija[3] turi b'mod ċar l-impenn lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari.

B’mod parallel, il-Kummissjoni kienet qed taħdem biex tiżgura protezzjoni massima għaċ-ċittadini tal-UE. Tpoġġiet enfasi partikolari fuq oqsma speċifiċi, bħall-qafas regolatorju li jirregola l-kontrolli tal-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw minn żoni suxxettibbli għar-radjazzjoni, kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet doganali u l-ħidma sabiex tissaħħaħ ir-riċerka xjentifika u tal-monitoraġġ ambjentali.

Din il-Komunikazzjoni tagħti sommarju tal-ħidma mwettqa sal-lum għall-valutazzjoni mill-ġdid tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-impjanti nukleari li joperaw fl-UE. Hija bbażata fuq rapporti tal-progress disponibbli mill-Istati Membri sal-15 ta 'Settembru u fuq ir-rapport interim imħejji mill-Grupp Ad Hoc tal-Kunsill dwar is-Sigurtà Nukleari (AHGNS). Tipprovdi wkoll il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali kif ukoll xi ideat preliminari għal ħidma fil-ġejjieni.

IT-TESTIJIET TAL-ISTRESS NUKLEARI: L-APPROċċ, IL-METODOLOġIJA, IL-PROGRESS SAL-LUM U L-PASSI LI JMISS

L-Approċċ u l-Metodoloġija

Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-ENSREG, biex janalizzaw it-tagħlimiet li għandhom jinkisbu mill-avvenimenti ta' Fukushima u għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-marġini tas-sikurezza fl-impjanti nukleari tal-UE. Dan għandu jsir abbażi ta' metodoloġija kondiviża fost l-Istati Membri, biex b’hekk tkun żgurata t-trasparenza għall-pubbliku. Il-mandat tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni kien jinkludi:

1. id-definizjoni ta' metodoloġija, u l-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u tas-sikurezza fl-impjanti nukleari, li għandhom jitwettqu b'kollaborazzjoni mar-regolaturi nazzjonali tas-sikurezza nukleari;

2. il-valutazzjoni mill-ġdid u reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ dwar is-sikurezza nukleari;

3. l-istedina lill-pajjiżi ġirien tal-UE biex jipparteċipaw fil-proċess.

Il-Kummissjoni u l-ENSREG[4] qablu li jaħdmu fuq żewġ linji paralleli:

- Pjan mill-aspett tas-Sikurezza għall-valutazzjoni ta' kif l-installazzjonijiet nukleari jistgħu jifilħu għall-konsegwenzi ta' diversi avvenimenti mhux mistennija. Dawn jistgħu jvarjaw minn diżastri naturali, sa żbalji tal-bniedem jew ħsarat tekniċi u impatti aċċidentali oħra, bħall-inċidenti tat-trasport.

- Pjan mill-aspett tas-Sigurtà għall-analiżi tat-theddid għas-sigurtà u l-prevenzjoni tagħhom, u tar-rispons għal inċidenti b'konsegwenza ta' atti malintenzjonati jew terroristiċi.

Filwaqt li l-operaturi tal-impjanti nukleari u r-regolaturi nazzjonali, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, kienu responsabbli minn aspetti relatati mas-sikurezza nukleari, ġie deċiż li l-Istati Membri, megħjuna mill-Kummissjoni, se jkollhom ir-responsabbiltà li jivvalutaw s-sigurtà nukleari. Għal dak il-għan, il-Kunsill stabbilixxa il-Grupp Ad Hoc dwar is-Sigurtà Nukleari (Ad-hoc Group on Nuclear Security - AHGNS). Il-progress li sar f'dan l-aspett tas-sigurtà huwa rrapportat fl-Anness għal dan id-dokument.

L-erbatax-il Stat Membru kollha tal-UE li joperaw impjanti tal-enerġija nukleari[5] flimkien mal-Litwanja[6] qed jipparteċipaw fl-eżerċizzju tat-testijiet tal-istress nukleari. L-Isvizzera u l-Ukraina wkoll aċċettaw li jieħdu sehem bħala pajjiżi ġirien. Bosta pajjiżi[7] ddeċidew – apparti r-rekwiżiti miftiehma – li jinkludi mhux biss l-impjanti nukleari oprattivi iżda wkoll impjanti dekommissjonati jew faċilitajiet nukleari oħrajn.

L-ispeċifikazzjonijiet fil-pjan mill-aspett tas-sikurezza għat-testijiet tal-istress[8] jiddefinixxu tliet oqsma ewlenin li għandhom jiġu vvalutati: avvenimenti naturali estremi (terremoti, għargħar, kundizzjonijiet tat-temp estremi), rispons tal-impjanti għal qtugħ fit-tul tal-enerġija elettrika u/jew għat-telf tal-"ultimate heat sink" [il-funzjoni tat-tkessiħ tas-sistema] (irrispettivament mill-kawża) u l-ġestjoni ta' inċidenti serji. Il-metodi ta' investigazzjoni huma definiti fil-livell nazzjonali u huma taħt ir-responsabbiltà tar-regolaturi nazzjonali.

Il-proċess tat-test tal-istress huwa organizzat fi tliet fażijiet:

- Awtovalutazzjonijiet mill-operaturi nukleari. L-operaturi nukleari ntalbu jipproduċu rapporti tal-progress sal-15 ta’ Awwissu 2011 u rapporti finali sal-31 ta' Ottubru 2011;

- Reviżjoni tal-awtovalutazzjonijiet minn regolaturi nazzjonali . Ir-regolaturi nazzjonali se jirrevedu l-informazzjoni mogħtija mill-operaturi u se jħejju rapporti nazzjonali (rapporti tal-progress sal-15 ta' Settembru 2011, ir-rapporti finali sal-31 ta' Diċembru 2011);

- Reviżjonijiet minn pari tar-rapporti nazzjonali, imwettqa minn tal-esperti nazzjonali u mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu Jannar – April 2012.

L-iskadenza biex jinbdew il-valutazzjonijiet kienet l-1 ta' Ġunju 2011. F'konformità mal-iskadenzi miftiehma, l-Istati Membri parteċipanti kollha bagħtu r-rapporti ta' progress tagħhom lill-Kummissjoni. Dawn jiffurmaw il-bażi tar-rapport interim preżenti.

Madankollu, ir-riżultati ewlenin għadhom pendenti. Sabiex jinkiseb il-livell neċessarju ta' fiduċja fir-riżultati, huma essenzjali r-rapporti nazzjonali finali (mistennija fi tmiem din is-sena) u l-proċess tar-reviżjoni mill-pari li se jifli bir-reqqa r-riżultati .

Is-sejbiet inizjali mill-valutazzjonijiet interim tas-sikurezza

Ir-rapporti ta' progress kollha jindikaw li l-operaturi nukleari qed isegwu u qed jimplimentaw il-metodoloġija miftiehma. Madankollu, il-format, il-kontenut, u l-livell ta’ dettall tar-rapporti nazzjonali jvarjaw b'mod sostanzjali. Anness għal din il-Komunikazzjoni[9] jipprovdi sommarju tas-sejbiet li jinsabu f’kull wieħed mir-rapporti nazzjonali.

Ukoll jekk il-valutazzjoni għadha għaddejja, ir-rapporti ta' progress jidentifikaw għadd ta' kwistjonijiet li jimmeritaw analiżi fil-fond. Huma juru wkoll livell xieraq ta’ konverġenza mir-regolaturi nazzjonali dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Xi regolaturi nazzjonali diġà kkunsidraw li jirrevedu l-marġnijiet ta’ sikurezza li huma japplikaw għall-installazzjonijiet. L-oqsma ta' attenzjoni jinkludu: iż-żieda fis-saħħa tal-impjanti kontra l-għargħar[10], it-Qtugħ tal-Enerġija[11], u t-Telf tal-Ultimate Heat Sink[12],[13], kif ukoll li tiżdied is-saħħa tal-impjanti kontra t-terremoti li morru lil hinn mid-Disinn ta' Bażi [Beyond-Design-Basis][14].

Xi rapporti jindikaw titjib potenzjali fil-pools tal-fjuwil użat, li għandu jippermettilhom jindirizzaw avvenimenti li ma kinux maħsuba għalihom[15]. Barra minn hekk, bosta rapporti jidentifikaw il-modi possibbli għat-titjib fil-ġestjoni ta’ inċidenti severi u tal-proċeduri ta’emerġenza[16].

Madankollu, diġà qed jidhru ċerti diskrepanzi fost l-Istati Membri. Pereżempju:

- Jidher li r-riskji siżmiċi jiġu ttrattati b’mod differenti ħafna f'pajjiżi differenti, indipendentement sew mis-siżmiċità attwali tar-reġjuni kkonċernati. Differenzi sinifikanti jidhru kemm fil-metodoloġiji sottostanti[17] kif ukoll fil-kriterji ta’ aċċettazzjoni[18]. Xi pajjiżi bħalissa qed jirrevedu l-livell tas-siżmiċità li huwa meqjus fid-disinn tal-impjanti.

- Xi pajjiżi[19] diġà implimentaw il-Linji Gwida għall-Ġestjoni ta' Inċidenti Severi (Severe Accident Management Guidelines - SAMG)[20], filwaqt li oħrajn għadhom le.

- Xi pajjiżi[21] bdew jevalwaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-emerġenzi skont kondizzjonijiet ta' aċċidenti "lil hinn mid-disinn ta' bażi" (jiġifieri inċidenti li huma possibbli, imma li ma kinux kkunsidrati bis-sħiħ fid-disinn tagħhom għaliex kienu meqjusa bħala wisq improbabbli) u identifikaw titjib possibbli.

L-istadju li jmiss: ir-reviżjonijiet minn pari u l-validazzjoni tar-riżultati

Fuq il-bażi tat-talba tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni, flimkien mar-regolaturi nazzjonali tas-sikurezza, iddeċidew li jwettqu reviżjoni minn pari tar-riżultati finali tal-valutazzjonijiet nazzjonali abbażi ta' metodoloġija miftiehma[22]. Għalhekk, ir-rapporti nazzjonali finali mistennija fi tmiem l-2011 se jkollhom isegwu struttura preskritta sabiex l-koerenza u l-komparabbiltà jkunu massimizzati.

Il-proċess tar-reviżjoni mill-pari, li għandu jibda kmieni fl-2012, se jagħti valutazzjoni Ewropea kompelementari għar-riżultati nazzjonali fil-livell Ewropew, filwaqt li jiżgura l-ogħla livelli ta’ oġġettività u ta' newtralità sabiex tinbena fiduċja fir-riżultati.

Il-proċess se jkun organizzat f’żewġ fażijiet:

- Reviżjoni mill-pari relatata ma' suġġetti orizzontali , li tqabbel il-konsistenza ta' approċċi nazzjonali u sejbiet fi tliet oqsma ewlenin: l-avvenimenti naturali estremi, it-telf ta' funzjonijiet ta' sikurezza u l-ġestjoni tal-inċidenti severi. Bord ta' esperti regolatorji ta' livell għoli se jivverifika t-taqsimiet rilevanti tar-rapporti nazzjonali. Ir-rapport finali se jippreżenta l-abbozzi tal-konklużjonijiet fl-oqsma ewlenin, kif ukoll id-differenzi fil-metodoloġija jew fl-evalwazzjoni.

- Reviżjoni mill-pari vertikali (nazzjonali), li tivvaluta r-rapporti nazzjonali kumplessivament. Reviżjonijiet mill-pari vertikali se jseħħu fl-Istati Membri, sabiex ikunu ffaċilitati l-kuntatti bejn timijiet ta' persunal speċjalizzat fost ir-regolaturi u mal-operaturi u sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-impjanti nukleari. Ir-riżultati tar-reviżjonijiet mill-pari dwar suġġetti orizzontali kif ukoll l-għarfien espert miksuba matul il-proċess, se jiġu użati bħala kontribut għar-reviżjonijiet nazzjonali.

It-timijiet tar-reviżjonijiet mill-pari huma magħmula minn esperti tas-sikurezza nukleari mill-Istati Membri kollha tal-UE. Is-segretarjat tar-reviżjoni mill-pari hija pprovduta miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

Ir-rapporti nazzjonali, ir-rapporti ta’ progress, u r-riżultati tar-reviżjonijiet mill-pari se jsiru pubbliċi[23].

Il-Kummissjoni se tippreżenta r-riżultati tar-reviżjonijiet mill-pari f’ rapport finali għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' bejn it-28 – 29 ta' Ġunju 2012.

Is-sejbiet inizjali minn valutazzjonijiet preliminari tas-sigurtà[24]

L-għan tas-sigurtà nukleari huwa l-prevenzjoni ta' atti intenzjonati li jistgħu jagħmlu ħsara lil faċilità nukleari jew li jirriżultaw fis-serq jew fid-dispersjoni ta' materjali nukleari. Is-sikurezza nukleari[25] u s-sigurtà nukleari huma relatati mill-qrib. Konsegwentement, l-ebda valutazzjoni tas-sikurezza tal-impjanti nukleari ma tista' tkun kompluta jekk ma jkunx hemm analiżi simili mwettqa fuq l-aspetti tas-sigurtà. Għalhekk, din il-valutazzjoni tas-sikurezza ġiet estiża biex tinkludi s-sigurtà nukleari.

Fl-UE, ftit huma r-regolaturi nazzjonali dwar is-sikurezza li għandhom ir-responsabilità speċifika għas-sigurtà tal-impjanti nukleari. Il-kompetenzi tas-sigurtà fl-Istati Membri huma mifruxa fost korpi differenti.

L-impjanti nukleari jibbenefikaw minn reġimi sofistikati u komprensivi ta' sikurezza u ta' nonproliferazzjoni li evolvew matul is-snin. Fil-livell internazzjonali, ir-reġim tas-sigurtà għall-impjanti tal-enerġija nukleari huwa inqas żviluppat[26]. Madankollu, fis-snin reċenti l-kwistjonijiet tas-sigurtà b'mod ġenerali ġew soġġettati għal aktar skrutinju madwar id-dinja kollha b'mod partikolari wara l-avvenimenti terroristiċi tal-11 ta' Settembru, 2001 fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Sabiex jivvaluta l-metodoloġija għas-sigurtà nukleari, il-Kunsill waqqaf il-Grupp Ad-Hoc dwar is-Sigurtà Nukleari (Ad-hoc Group on Nuclear Security - AHGNS) magħmul mill-esperti mill-Istati Membri bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport ta' progress tal-grupp huwa mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni[27] u jippreżenta l-metodoloġija segwita flimkien mal-konklużjonijiet preliminari.

Il-programm ta' ħidma tal-AHGNS huwa deskritt fi tliet stadji:

- Il-ġbir tal-informazzjoni, eż. permezz ta’ kwestjonarju mqassam lill-Istati Membri,

- L-ipproċessar tal-informazzjoni, jiġifieri l-identifikazzjoni tat-temi ewlenin għal rakkomandazzjonijiet dwar prattika tajba u s-sinteżi tar-riżultat tal-kwestjonarju,

- It-tħejjija tar-rapporti ta' progress u tar-rapporti finali.

Il-kwestjonarju jiffoka fuq serje ta' mistoqsijiet relatati mal-qafas legali nazzjonali li jirregola s-sigurtà nukleari, il-qafas tas-sigurtà nazzjonali inġenerali, it-theddid għad-disinn ta' bażi (riskji minn atti malizzjużi imprevedibbli), il-kultura tas-sigurtà nukleari u l-ippjanar tal-emerġenza. Peress li l-Istati Membri ma indikawx li xi kwistjoni sinifikanti għandha tiżdied ma' dawn il-mistoqsijiet, ir-rapport interim jiffoka fuq is-suġġetti koperti minn dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet għalihom. Dawn tal-aħħar jenfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u dan jinkludi missjonijiet internazzjonali tar-reviżjonijiet minn pari għall-verifika tal-livell u tal-effiċjenza tal-miżuri għall-protezzjoni fiżika għall-impjanti nukleari.

Bl-impenn tagħhom lejn is-sigurtà nukleari l-Istati Membri jikkonfermaw l-ambizzjoni tagħhom li jagħmlu użu sħiħ mir-reġimi internazzjonali rilevanti iżda wkoll li jxerrdu l-prassi tajba fil-livell tal-UE. It-tweġibiet tagħhom jenfasizzaw ir-rabta mill-qrib bejn id-dimensjoni tas-sikurezza nukleari u dik tas-sigurtà nukleari, kif ukoll l-interfaċċji bejn l-istrateġiji tas-sigurtà nukleari u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hemm il-ħtieġa tal-valutazzjoni mill-ġdid kontinwa tas-sigurtà nukleari u tal-adegwatezza tal-miżuri, tas-sistemi u tal-kunċetti tas-sigurtà fid-dawl tat-theddidiet li qed jevolvu. Ir-rapporti juru wkoll fehim kondiviż dwar l-importanza tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proċessi adegwati għall-ġestjoni tar-riskji u tal-ħtieġa li jingħalqu d-diskrepanzi bejn il-komunitajiet esperti relevanti.

Fil-kuntest tar-riflessjoni għaddejja tagħha dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà nukleari, il-Kummissjoni se tqis bis-sħiħ is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-AHGNS mistenni għal Ġunju 2012.

IT-TISħIħ FIL-QAFAS REGOLATORJU TAL-UE GħAS-SIKUREZZA NUKLEARI

B'mod parallell mat-twettiq tat-testijiet tal-istress, il-Kummissjoni bdiet riflessjoni dwar il-qafas legali tal-UE għas-sikurezza nukleari, abbażi tas-sejbiet preliminari tar-rapporti nazzjonali, tad-diskussjonijiet fil-livell internazzjonali (IAEA) u tal-kontribut mill-partijiet interessati. L-analiżi preliminari tal-Kummissjoni tindika li r-regolaturi nazzjonali għandhom approċċi differenti għas-sikurezza u li jużaw kriterji differenti għad-definizzjoni tat-titjib fis-sikurezza.

Fuq il-bażi ta' dawn ir-riflessjonijiet inizjali, il-Kummissjoni tara lok għal titjib fil-qafas legali fil-livelli tal-UE u nazzjonali fl-oqsma li ġejjin: 1) it-titjib tal-miżuri tekniċi għas-sikurezza, u t-titjib fis-sorveljanza neċessarja biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, 2) it-titjib fil-governanza kif ukoll fil-qafas legali tas-sikurezza nukleari, 3) it-titjib fit-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi, 4) ir-rinfurzar tar-reġim tal-UE għar-responsabbiltà nukleari u 5) it-tisħiħ tal-kompetenza xjentifika u teknoloġika. Madankollu, il-punt tat-tluq huwa l-implimentazzjoni sħiħa tr-regoli eżistenti tal-UE.

L-implimentazzjoni tal-qafas leġislattiv eżistenti għas-sikurezza nukleari

L-adozzjoni mill-Kunsill fl-2009 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà [is-Sikurezza] Nukleari[28] kien pass kbir 'il quddiem fi-reġim tas-sikurezza nukleari tal-UE. Din id-Direttiva toħloq qafas Komunitarju komprensiv u legalment vinkolanti għas-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari. Tiddefinixxi l-prinċipji bażiċi u l-obbligi li jirregolaw is-sikurezza nukleari fil-Komunità tal-Enerġija Atomika Ewropea (il-Komunità jew l-Euratom). Id-Direttiva tittrasponi fil-liġi Komunitarja r-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali ewlenin, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari[29] u l-Prinċipji Fundamentali għas-Sikurezza[30] stabbiliti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

Id-data tal-iskadenza għall-Istati Membri biex ilestu l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà [is-Sikurezza] Nukleari fil-livell nazzjonali kienet it-22 ta’Lulju 2011. Il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra t-tnax-il Stat Membru li ma kkonformawx ma’ din l-iskadenza[31]. Dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux hekk għandhom jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva bħala kwistjoni ta' prijorità.

Titjib fil-qafas leġiżlattiv għas-sikurezza nukleari

L-Kummissjoni qed tistudja żewġ approċċi bil-għan li ttejjeb il-qafas għas-sikurezza nukleari, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew:

- (i) emendi leġiżlattivi, għar-rinfurzar tal-qafas leġiżlattiv Komunitarju eżistenti għas-sikurezza nukleari u

- (ii) titjib fl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi eżistenti, kif ukoll il-koordinazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri.

Il-qafas tas-sikurezza nukleari għandu jiġu riveduti kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkollhom jaġixxu flimkien biex jiżguraw li l-iżviluppi fil-qafas internazzjonali tas-sikurezza nukleari huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali.

Titjib tekniku u sorveljanza

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Euratom attwali, id-detentur tal-liċenzja (l-operatur tal-impjant tal-enerġija) għandu r-responsabbiltà ewlenija għas-sikurezza nukleari. Ir-regolaturi nazzjonali jirrikjedu lid-detenturi tal-liċenzja li jagħmlu titjib tekniku fil-faċilitajiet tagħhom bħala segwitu għall-valutazzjonijiet tas-sikurezza, li jinkludi l-eżerċizzju li għaddej tat-testijiet tal-istress. Ir-regolaturi nazzjonali għandhom jiżguraw li l-miżuri meħtieġa jiġu implimentati b’mod korrett.

Fil-preżent, ma hemm l-ebda sett komuni ta' kriterji jew ta' standards tas-sikurezza għall-impjanti tal-enerġija nukleari fl-UE.

Ir-riżultati preliminari tat-testijiet tal-istress juru li ma hemmx konsistenza fl-immaniġġjar tal-marġnijiet tas-sikurezza fl-impjanti nukleari fl-Ewropa. Skont ir-riżultati finali tal-proċess tat-testijiet tal-istress tal-UE, kif ukoll wara t-tagħlimiet miksuba mill-inċident nukleari ta' Fukushima, jista' jkun previst sett ta’ prinċipji u ta' rekwiżiti bażiċi li jkun japplika madwar l-UE kollha, flimkien ma' kriterji tekniċi minimi assoċjati fl-oqsma tal-ippożizzjonar, id-disinn u l-kostruzzjoni u l-operat tal-impjanti tal-enerġija nukleari[32]. L-prinċipji u r-rekwiżiti tal-UE se jkollhom jiġu riflessi fl-azzjonijiet u fid-deċiżjonijiet regolatorji nazzjonali u fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiġu implimentati mill-operaturi tal-pjanti.

Sett ta’ kriterji li jkun japplika madwar l-UE kollha għad-definizzjoni tal-karatteristiċi tas-sit, tar-rekwiżiti tal-liċenzji u tal-kontrolli operattivi għandhom jirrikjedu lill-operaturi tal-impjanti li jikkonverġu lejn l-aħjar prassi għall-impjanti nukleari l-ġodda li ser jinbnew fl-UE. Rekwiżiti bħal dawn diġà jeżistu fil-prattika internazzjonali u tal-UE[33]. Għalkemm l-għażla tal-miżuri tekniċi se tiddependi wkoll fuq ir-riżultati finali tat-testijiet tal-istress, dawn jistgħu jiddaħħlu fl-acquis leġiżlattiv tal-UE. Barra minn hekk, jidher li hemm lok għall-estensjoni tal-aħjar prassi diġà koperti fid-Direttiva dwar is-Sigurtà [is-Sikurezza] Nukleari attwali. Pereżempju, ir-reviżjonijiet minn pari internazzjonali, li bħalissa huma limitati għall-qafas legali u regolatorju nazzjonali, jistgħu jitwessgħu biex jinkludu s-sikurezza fid-disinn u s-sikurezza operattiva tal-impjanti tal-enerġija nukleari[34].

Għandhom ikunu involuti firxa sħiħa ta' atturi għall-finalizzar ta' sett ta' rakkomandazzjonijiet għal arkitettura ġdida Ewropea tas-sikurezza nukleari, inklużi r-regolaturi nazzjonali, l-industrija nukleari kif ukoll il-komunità xjentifika u teknika, rappreżentata pereżempju permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Organizzazzjonijiet ta' Appoġġ Tekniku (European Technical Support Organisations Network - ETSON).

Il-governanza tas-sikurezza nukleari

Waħda mit-tagħlimiet ewlenin miksuba wara l-aċċident ta' Fukushima hija l-ħtieġa li tkun żgurata l-indipendenza effettiva tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tkun żgurata. Fl-UE, dan jista’ jkompli jissaħħaħ billi d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar is-Sigurtà [is-Sikurezza] Nukleari[35] jkunu aktar espliċiti u jiddefinixxu l-kriterji għall-indipendenza effettiva tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Barra minn hekk, Direttiva dwar is-Sigurtà [is-Sikurezza] Nukleari, tista' tiċċara l-kompetenzi minimi li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandu jkollhom.

Fil-preżent, f’ċerti Stati Membri r-responsabbiltà regolatorja hija maqsuma bejn diversi entitajiet jew hija mogħtija lil Ministeri, aktar milli lil awtorità indipendenti individwali.

F’konformità mal-mandat tiegħu l-ENSREG ilu mill-2007 jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE b'rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza nukleari. Sar iż-żmien li ssir riflessjoni dwar l-irwol futur tiegħu, b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba.

Ir-rekwiżiti tat-trasparenza jistgħu jiġu speċifikati aktar, billi dawn jiġu estiżi biex imorru lil hinn mill-obbligi ġenerali eżistenti biex jinfurmaw lill-pubbliku[36] u lill-ħaddiema tal-operaturi nukleari. Skont dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jintalbu jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet regolatorji tagħhom. Klawsoli ta’ kunfidenzalità għandhom jipproteġu l-informazzjoni li jkollha implikazzjonijiet ta' sigurtà.

It-titjib fit-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi

Azzjonijiet għall-prevenzjoni, għat-tħejjija u għall-indirizzar ta' emerġenzi radjoloġiċi u nukleari ta' spiss jittieħdu fil-livell nazzjonali. Madankollu, fil-livell Komunitarju, teżisti firxa ta' strumenti u ta' mekkaniżmi leġiżlattivi[37] u ta' dispożizzjonijiet speċjali dwar inċidenti nukleari[38]. Diversi mekkaniżmi Komunitarji jistgħu jiġu attivati f'avvenimenti bħal dawn.

F’Diċembru 2010, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ħarġet linji gwida dwar il-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskji għall-ġestjoni tad-diżastri. L-Istati Membri taw l-impenn tagħhom minn jeddhom biex jippreparaw u jissottomettu l-valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskju sa tmiem l-2011. Is-sikurezza nukleari u theddid għas-saħħa pubblika huma elementi importanti ta' valutazzjoni komprensiva tar-riskji.

Għat-ħejjija aħjar għal emerġenza nukleari u għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' rispons, jistgħu jinħolqu pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskju nukleari fil-livell transkonfinali (possibbilment bl-inklużjoni tal-pajjiżi ġirien tal-UE). Hemm il-ħtieġa li dawn ikunu marbutin ma' rispons għad-diżastri Ewropew imsaħħaħ għall-emerġenzi nukleari. Huwa wkoll importanti li tkun żgurata d-disponibilità tat-tagħmir għall-miżuri ta' emerġenza (inkluż it-tagħmir tqil bħall-ġeneraturi ta' backup) li jistgħu jkunu kondiviżi kif meħtieġ, kif ukoll pjanijiet għar-ristawr tas-sit.

Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja"[39], bħalissa tinsab għaddejja ħidma biex tinħoloq Kapaċità Ewropea ta' Rispons għal Emerġenzi mill-assi tal-Istati Membri, sabiex jiġi stabbilit Ċentru Ewropew ta' Rispons għall-Emerġenzi li jiffunzjona bis-sħiħ 24/7, u għall-iżvilupp ta' pjanijiet Ewropej ta' kontinġenza għat-tipi prinċipali ta' diżastri, inkluż dak nukleari. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex tinkludi dawn l-elementi fil-leġiżlazzjoni għall-Mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili.

Il-kjarifika tal-kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà nukleari

Il-kwistjoni tar-responsabbiltà nukleari fil-każ ta' inċident nukleari hija kruċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u sikura tistqarr li: "Il-qafas legali għas-sikurezza u s-sigurtà tal-enerġija nukleari se jittejjeb aktar permezz ta' (...) proposta għal approċċ Ewropew dwar ir-reġimi tar-responsabbiltà nukleari."

It-Trattat Euratom[40] jistipula wkoll li “L-Istati Membri għandhom "jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji atomiċi [nukleari]."

Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri għażlu li jistrieħu fuq għadd ta' konvenzjonijiet internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Pariġi/il-Konvenzjoni supplimentari ta' Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna), iżda wħud ma huma Parti għall-ebda waħda minnhom. Dan wassal għal "geġwiġija legali" fi ħdan l-UE. Il-koerenza legali fl-UE tista' tittejjeb minn żewġ aspetti: i) il-protezzjoni tal-vittmi fi Stati Membri differenti, partikolarment sabiex jittejjeb il-kumpens tal-vittmi fl-UE, irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza tagħhom, u ii) l-impatt potenzjali fuq il-funzjonament tas-suq intern, partikolarment fejn ir-responsabbiltajiet finanzjarji diverġenti tal-operaturi jistgħu jwasslu għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni.

It-titjib fil-kompetenza xjentifika u teknoloġika

Il-Kummissjoni nediet "Programm ta' taħriġ u ta' informazzjoni, li jislet it-tagħlimiet minn Fukushima" għall-4 snin li ġejjin, iffinanzjat b'mod konġunt mill-UE u l-Programmi ta' Qafas tal-Euratom[41].

L-għan huwa li titrawwem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tas-sikurezza nukleari u għall-iskambju tal-aħjar prassi fil-governanza tar-riskju fost l-esperti nukleari u dawk li jfasslu l-politika. Il-programm se jtejjeb ukoll il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-korpi pubbliċi u l-industrija f’sinerġija mal-pjattaformi tal-UE, partikolarment il-Pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nukleari Sostenibbli (SNE-TP) u l-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari (ENEF).

F'dak li jirrigwarda r-riċerka nukleari li għandu jiġi pprogrammat skont il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss tal-UE ("Orizzont 2020") għad hemm il-ħtieġa għall-iffokar fuq is-sikurezza nukleari, sabiex jinżamm l-għarfien espert nukleari fl-UE u sabiex jissaħħu l-kompetenzi tal-operaturi u r-regolaturi fil-qasam nukleari.

ID-DIMENSJONI INTERNAZZJONALI

L-involviment tal-pajjiżi terzi fil-valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza

Il-Pajjiżi Ġirien tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lill-pajjiżi kollha li joperaw l-impjanti tal-enerġija nukleari biex iwettqu, mill-aktar fis possibbli, valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza simili għal dawk li għadejjin bħalissa fl-UE, sabiex tissaħħaħ is-sikurezza nukleari madwar id-dinja kollha.

Il-Kummissjoni ħadet passi biex testendi l-valutazzjonijiet lil dawk il-pajjiżi ġirien tal-UE li joperaw jew li għandhom fil-pussess tagħhom impjanti tal-enerġija nukleari: l-Isvizzera, il-Federazzjoni Russa, l-Ukraina, l-Armenja u l-Kroazja, kif ukoll il-pajjiżi li għandhom pjanijiet avvanzati għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari, jiġifieri t-Turkija u l-Belarus.

Fit-23 ta 'Ġunju 2011, ġiet miftiehma dikjarazzjoni konġunta mal-pajjiżi msemmija hawn fuq dwar approċċ komuni għat-testijiet tal-istress. Filwaqt li l-Isvizzera u l-Ukraina huma integrati fil-proċess tat-testijiet tal-istress tal-UE, pajjiżi oħra qed jaħdmu bi skedi differenti. Madankollu, hemm impenn komuni biex sa tmiem l-2012 jitwettqu valutazzjonijiet mill-ġdid tas-sikurezza.

L-UE se tkompli tinkoraġġixxi l-pajjiżi ġirien tal-UE kollha biex jinvolvu ruħhom fl-eżerċizzju tat-testijiet tal-istress, u biex jiżguraw li jsiru l-isforzi kollha sabiex jinħolqu l-aħjar kondizzjonijiet tas-sikurezza nukleari kemm fl-UE kif ukoll fuq il-fruntieri tagħha.

Il-kooperazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u mal-G8/G20

Il-pjan ta' azzjoni tal-IAEA dwar is-Sikurezza Nukleari, adottata f’Settembru 2011, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha tal-IAEA biex jagħmlu valutazzjoni nazzjonali tad-disinn tal-impjanti nukleari kontra perikli naturali estremi speċifiċi għas-sit u biex jaġixxu fuqhom. Il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi kontribut għall-ħidma tal-IAEA għall-iżvilupp ta’ metodoloġija li tista' tintuża mill-Istati l-oħra, u hija lesta biex tassisti lill-IAEA billi tagħti pariri jew tgħin biex tivvaluta pajjiżi terzi f'dan il-qasam.

Il-Kummissjoni pparteċipat bis-sħiħ fil-proċess tal-G8/G20 fit-tħejjija tal-konferenza Ministerjali tal-IAEA ta' Ġunju 2011, li approvat il-pjan ta' azzjoni tal-IAEA dwar is-sikurezza nukleari. Il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex isir aktar progress f'dawn l-inizjattivi internazzjonali.

It-titjib propost fil-qafas legali globali dwar is-sikurezza nukleari

L-avvenimenti ta' Fukushima enfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas legali internazzjonali għas-sikurezza nukleari. Bis-saħħa tal-IAEA, l-istrumenti prinċipali li jirregolaw is-sikurezza nukleari huma l-istandards tas-sikurezza u l-Konvenzjonijiet Internazzjonali miftiehma internazzjonalment, b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari [Convention on Nuclear Safety - CNS] u l-Konvenzjoni dwar in-Notifika Bikrija ta' Emerġenza Nukleari [Convention on the Early Notification of a Nuclear Emergency].

L-Istati Membri tal-IAEA b'mod ġenerali jagħrfu l-ħtieġa tar-reviżjoni tal-qafas internazzjonali tas-sikurezza nukleari, speċjalment is-CNS, bil-għan li tiżdied l-effikaċja, il-governanza u l-infurzabbiltà tiegħu. Il-Kummissjoni biħsiebha tikkontribwixxi għall-aġġornament tas-CNS f'isem il-Komunità tal-Euratom[42].

Is-CNS għandha tiġi aġġornata skont l-aħħar Standards tas-Sikurezza tal-IAEA, li għandhom isiru legalment vinkolanti u għandhom jiġu żviluppati iktar.

Bħala minimu, l-UE għandha tfittex li s-CNS tinġieb f'konformità mad-Direttiva eżistenti dwar is-Sigurtà [is-Sikurezza] Nukleari f'termini tal-ambitu u tal-obbligi. Is-CNS riveduta mbagħad tkun tkopri t-tipi kollha ta' faċilitajiet nukleari, b’reviżjonijiet regolatorji obbligatorji u fuq bażi perjodika. Din għandha tinkludi wkoll il-kriterji għall-indipendenza regolatorja u għall-mekkaniżmi ta’ infurzar bħall-medjazzjoni, il-konċiljazzjoni jew l-arbitraġġ.

Jeħtieġ ukoll li d-dispożizzjonijiet tas-CNS dwar it-tħejjija għall-emerġenzi jiżguraw rispons għall-emerġenzi aktar effettiv u koordinat kif ukoll interfaċċja koerenti ma’ konvenzjonijiet internazzjonali oħra[43].

Il-kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari esterna

It-titjib fis-sikurezza nukleari fil-pajjiżi terzi ilha parti essenzjali mill-ħidma tal-Komunità mill-bidu tad-disgħinijiet (1990). Għal ħmistax-il sena l-programmi TACIS u Phare għamluha possibbli li tingħata assistenza lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u tal-ex-Unjoni Sovjetika . Mill-2007, il-kooperazzjoni fis-sikurezza nukleari ġiet estiża għal pajjiżi terzi oħra taħt l-awspiċi tal-Istrument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari (Instrument for Nuclear Safety Cooperation - INSC). Il-Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija[44] titlob għal aktar konverġenza fl-oqfsa regolatorji internazzjonali u tfittex li tippromwovi standards internazzjonali vinkolanti għas-sikurezza nukleari.

L-INSC attwali se jipprovdi appoġġ lill-pajjiżi terzi li kienu taw l-impenn tagħhom li jipparteċipaw fit-testijiet tal-istress[45] u se jagħti rendikont sħiħ tal-progress tal-eżerċizzju li għaddej bħalissa meta jiddiskuti l-kooperazzjoni ulterjuri għall-perjodu 2012 – 2013. Il-Kummissjoni pproponiet INSC ġdid għall-perjodu 2014 – 2020. L-istrument il-ġdid propost jeħtieġ li jqis l-esperjenza miksuba mill-eżerċizzju tal-UE, u li fl-implimentazzjoni tiegħu jqis il-prijoritajiet li ħarġu mit-testijiet tal-istress imwettqa f’pajjiżi ġirien. L-INSC il-ġdid jeħtieġ li jkun integrat fi strateġija komprensiva u koerenti ta' kooperazzjoni għas-sikurezza nukleari, filwaqt li jqis l-azzjonijiet internazzjonali qafas tal-IAEA.

KONKLUżJONIJIET U T-TRIQ 'IL QUDDIEM

Wara Fukushima, l-UE u l-Istati Membri tagħha taw l-impenn tagħhom biex titwettaq valutazzjoni komprensiva tal-impjanti nukleari fl-Ewropa. Billi laqqa' flimkien u għall-ewwel darba, l-operaturi tal-impjanti tal-enerġija, ir-regolaturi u l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE, il-proċess enfasizza l-valur miżjud tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni tal-UE, biex ikun żgurat li l-istandards għoljin tal-UE għas-sikurezza u s-sigurtà nukleari jinżammu u fejn meħtieġ jittejbu aktar.

Dan l-eżerċizzju huwa dejjem aktar importanti minħabba l-età ta' ħafna reatturi fl-UE, u l-interess ta' ċerti Stati Membri u ta' pajjiżi ġirien li għandhom fil-bini ta' kapaċità nukleari ġdida. Ir-riżultati tat-testijiet tal-istress huma mistennija li jipprovdu informazzjoni fil-ħin, oġġettiva u xjentifikament soda, li se jgħinu sabiex jissaħħu l-parametri tas-sikurezza fir-rigward tal-pożizzjonar, id-disinn, it-tħaddim, il-manutenzjoni u r-regolazzjoni tal-impjanti nukleari eżistenti u ppjanati.

Ir-riżultati inizjali jissuġġerixxu oqsma għal titjib possibbli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif se jsegwu l-valutazzjoni fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir il-passi li diġà ttieħdu minn ċerti Stati Membri f'din id-direzzjoni. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ddeskriviet uħud mill-orjentazzjonijiet inizjali għat-tisħiħ fil-qafas tas-sikurezza nukleari tal-UE u għat-titjib fil-koordinazzjoni tal-UE tal-istrumenti jew tal-mekkaniżmi eżistenti.

Dawn l-indikazzjonijiet preliminari jeħtieġ li jiġu riveduti u jiġu segwiti aktar fid-dawl tas-sejbiet finali tat-testijiet tal-istress. It-Trattat Euratom jipprovdi bażi legali flessibbli u komprensiva għall-implimentazzjoni, skont kif meħtieġ, tat-titjib fil-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza nukleari.

L-Istati Membri mistennija li sal-31 ta’Diċembru 2011 jippreżentaw r-rapporti finali tal-valutazzjoni tar-riskju u tas-sikurezza lill-Kummissjoni. Ir-reviżjonijiet mill-pari se jsiru minn Jannar sa April 2012. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport finali dwar it-Testijiet tal-Istress lill-Kunsill Ewropew għal-laqgħa tiegħu bejn it-28-29 ta' Ġunju 2012, inkluż possibbilment inizjattivi leġiżlattivi li l-għan tagħhom huwa t-tisħiħ ulterjuri tal-qafas tas-sikurezza nukleari fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura disponibbilta u trasparenza matul il-proċess kollu tat-testijiet tal-istress. Se tkompli taħdem mill-qrib ma’ firxa sħiħa ta’ partijiet interessati, inklużi l-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, u se tippreżenta r-riżultati tar-reviżjonijiet mill-pari f'laqgħa pubblika.

Barra minn hekk, qabel ma tagħmel kwalunkwe proposta leġiżlattiva bħala segwitu għall-eżerċizzju tat-testijiet tal-istress, il-Kummissjoni se torganizza konsultazzjoni pubblika u se tinvolvi l-partijiet interessati ewlenin kollha, minbarra l-gruppi prinċipali ta' esperti fil-qasam nukleari (jiġifieri l-ENSREG, il-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari (ENEF) u WENRA).

Fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fil-qasam tal-enerġija nukleari, partikolarment mal-IAEA, l-UE se taqsam l-esperjenza tagħha miksuba mit-testijiet tal-istress, għar-rinfurzar tar-reġim leġiżlattiv u regolatorju internazzjonali għas-sikurezza nukleari.

[1] Ir-regolaturi nazzjonali tas-sikurezza nukleari jiltaqgħu fil-Grupp ta' Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart [Nukleari]. Dan il-Grupp twaqqaf bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom tas-7 ta' Lulju 2007 (Ġ.U. L 195/44, 27.7.2007, p. 44 – 46). Il-Grupp aktar tard adottat l-akronimu l-ENSREG (European Nuclear Safety Regulators Group)[il-Grupp ta' Regolaturi fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari].

[2] EUCO 10/11 (il-paragrafu 31)

[3] COM (2011) 539 finali

[4] Il-laqgħa tal-ENSREG bejn it-12 – 13 ta’ Mejju 2011, ibbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi proposti minn WENRA (Western European Nuclear Regulators Association) [L-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent). Ara d-dikjarazzjoni tal-ENSREG fuq www.ensreg.eu

[5] Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit.

[6] Minkejja l-għeluq tal-aħħar unità f'Ignalina fl-2009 sabiex ikunu ssodisfati l-obbligi għall-Adeżjoni mal-UE, għad hemm liċenzji operattivi speċifiċi għas-sit kif ukoll ammonti sinifikanti ta' fjuwil użat maħżun.

[7] Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, is-Slovakkja, Spanja, l-Ukraina, ir-Renju Unit.

[8] L-Anness I għad-dikjarazzjoni tal-ENSREG tat-12 – 13 ta’ Mejju 2011.

[9] Id-dokument ta' ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni "Sommarju Tekniku tar-rapporti nazzjonali ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ valutazzjonijiet komprensivi tar-riskju u tas-sikurezza tal-impjanti nukleari tal-UE"

[10] eż. il-Finlandja, l-Ungerija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja, l-Isvizzera

[11] Inkluż it-Telf ta' Enerġija Offsite u Station Blackout

[12] eż. il-Finlandja, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja

[13] eż. il-Finlandja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja

[14] eż. il-Finlandja, l-Ungerija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja, l-Isvizzera

[15] eż. il-Finlandja, l-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovenja

[16] eż. il-Ġermanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja

[17] Pereżempju, jekk għandhiex titwettaq Valutazzjoni tas-Sikurezza Probabilistika Siżmika sħiħa (Seismic Probabilistic Safety Assessment - PSA). Perjodikament jitwettqu PSAs Siżmiċi riveduti pereżempju, fil-Finlandja, fis-Slovenja u fl-Isvizzera - indipendentement sew mil-livelli relattivament baxxi jew għoljin tas-siżmiċità f'dawn il-pajjiżi.

[18] eż. l-aċċelerazzjoni massima tat-terremot fuq l-art [maximum peak ground acceleration ] skont ċerti probabbiltajiet.

[19] eż. il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja

[20] SAMGs huma proċeduri speċifiċi skont is-sit biex jgħinu lill-operaturi jimminimizzaw ir-radjazzjoni potenzjali barra mis-sit [offsite doses] f'każ ta' emerġenzi.

[21] Eż. is-Slovenja, Spanja, ir-Renju Unit

[22] Il-laqgħa tal-ENSREG tal-11 ta’ Ottubru 2011

[23] www.ensreg.eu

[24] Din it-taqsima hija msejsa fuq it-tagħrif li wasal mingħand il-Kunsill tal-Grupp Ad-hoc dwar is-Sigurtà Nukleari (AHGNS).

[25] Is-sikurezza nukleari tikkorrispondi għall-kisba ta’ kondizzjonijiet operattivi adattati fl-impjanti tal-enerġija nukleari, il-prevenzjoni tal-inċidenti jew il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom, li mbagħad tirriżulta fil-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-pubbliku u tal-ambjent minn perikli mhux xierqa ta' radjazzjoni .

[26] Pereżempju, matul id-deċennji l-IAEA żviluppat sett b'firxa wiesgħa ta' gwidi għas-sikurezza, filwaqt li l-gwida relatata mas-sigurtà hija komparattivament skarsa.

[27] Ir-rapport interim dwar is-sigurtà nukleari 17061/11 AHGNS 8 ATO 134

[28] Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà [għas-sikurezza nukleari] tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18 – 22)

[29] INFCIRC 449 tal-5 ta’ Lulju 1994. Il-Komunità u l-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet Kontraenti

[30] Prinċipji fundamentali tas-sikurezza, L-istandard tas-Sikurezza tal-IAEA Serje Nru SF-1 (2006)

[31] L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u r-Renju Unit

[32] Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sentenza C 29/99, ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-2002, p. I-11221) tal-UE għarrfet li l-Euratom għandha kompetenzi kondiviżi f’dawn is-suġġetti

[33] WENRA żviluppat Reactor Safety Reference Levels [Livelli ta' Referenza għas-Sikurezza tar-Reatturi] (2008) bħala strument għall-iżvilupp ta' approċċ komuni għall-armonizzazzjoni tas-sikurezza nukleari u r-regolazzjoni tagħha fil-pajjiżi tal-UE. Fl-2010, WENRA adottat miri ta' sikurezza għall-impjanti tal-enerġija nukleari l-ġodda abbażi tal-Prinċipji Fondamentali dwar is-Sikurezza tal-IAEA. WENRA hija netwerk ta' Kapijiet Regolaturi tal-pajjiżi tal-UE li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari u l-Isvizzera kif ukoll pajjiżi Ewropej interessati oħrajn li għandhom l-istatus ta' osservaturi.

[34] Pereżempju, is-sikurezza operattiva hija s-suġġett tal-missjonijiet tar-reviżjonijiet minn pari tal-IAEA (OSART).

[35] Fl-Art. 5 (2)

[36] L-Art. 8 tad-Direttiva dwar is-Sigurtà [Sikurezza] Nukleari

[37] Inkluża d-Direttiva dwar l-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza, id-Direttiva tal-Informazzjoni Pubblika, id-Deċiżjoni tal-ECURIE, il-leġiżlazzjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ir-regolamenti dwar l-ikel u l-għalf wara l-inċident ta' Chernobyl u wara l-inċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta' Fukushima

[38] Leġiżlazzjoni dwar il-livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u ta' għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika

[39] COM (2010) 600 finali

[40] It-Trattat Euratom, l-Artkolu 98

[41] http://cordis.europa.eu/fp7/euratom-fisshome.hmtl

[42] L-Artikolu 101, it-Trattat Euratom

[43] Il-Konvenzjoni dwar in-Notifika Bikrija ta' Inċident Nukleari (INFCIRC/335 tat-18 ta' Novembru 1986) u l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza fil-każ ta' Inċident Nukleari jew ta' Emerġenza Radjoloġika (INFCIRC/336 tat-18 ta' Novembru 1986)

[44] COM (2011) 539 finali tas-7 ta’ Settembru 2011

[45] Proposti għal proġetti għall-Armenja u għall-Ukraina huma inklużi fil-Programm ta’ Azzjoni tal-INSC tal-2011

Top