This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0735
GREEN PAPER on the right to family reunification of third-country nationals living in the European Union (Directive 2003/86/EC)
GREEN PAPER dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)
GREEN PAPER dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)
/* KUMM/2011/0735 finali */
GREEN PAPER dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE) /* KUMM/2011/0735 finali */
I. Introduzzjoni u l-għan tal-Green Paper Għall-immigranti, ir-riunifikazzjoni
tal-familja hija essenzjali biex ikunu jistgħu jgħixu l-ħajja normali
fil-familja. Sa mill-2003 jeżistu regoli komuni Ewropej dwar l-immigrazzjoni
biex jirregolaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini ta' pajjiż
terz ikunu jistgħu jeżerċitaw, fil-livell tal-UE, id-dritt li l-familja tagħhom
tiġi riunifikata.[1]
Id-Direttiva tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza
għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-UE li jingħaqdu ma’ ċittadin
ieħor ta' pajjiż mhux membru tal-UE u li jkun diġà qed jgħix legalment fi Stat
Membru. Din id-Direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-UE.[2] Meta ġiet
adottata, kien meqjus li din id-Direttiva kienet biss il-bidu tal-armonizzazzjoni
u wara li ġiet adottata, l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (OMG) u
l-akkademiċi ikkritikawha għax tistabbilixxi livell pjuttost baxx ta'
armonizzazzjoni. Fl-istess ħin, f’dawn l-aħħar snin, xi Stati Membri stipulaw
xi regoli restrittivi u appellaw ukoll biex issir modifika fid-Direttiva[3] sabiex ikun possibbli li
jiżdiedu xi kundizzjonijiet oħrajn għar-riunifikazzjoni tal-familja. Dawn
l-Istati Membri jiddikjaraw li dawn it-tibdiliet huma meħtieġa biex jinqata’
l-abbuż u biex il-fluss kbir ta' immigranti jiġi ġestit aħjar. Fil-fatt, ir-riunifikazzjoni tal-familja
tirrappreżenta sehem kbir, iżda li qed jonqos[4],
ta’ immigrazzjoni legali. Fil-bidu tas-snin 2000, kien jidher li fil-pajjiżi li
kienu jżommu dejta affidabbli, il-migrazzjoni tal-familja kienet tirrappreżenta
iktar minn 50% tal-immigrazzjoni totali. Illum, il-migrazzjoni
tal-familja tirrappreżenta madwar terz tal-immigrazzjoni kollha fl-UE. Dan
is-sehem huwa saħansitra iżgħar meta wieħed iqis biss lil dawk li huma milquta
mid-Direttiva - jiġifieri ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jingħaqdu ma'
ċittadini oħra li ma jkunux ċittadini tal-UE, u li bejn wieħed u ieħor
jirrappreżentaw 500.000 migrant fil-livell tal-UE, 21 punt perċentwali
tal-permessi kollha[5].
Kemm il-Programm ta’ Stokkolma kif ukoll
il-Patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-asil identifikaw li r-riunifikazzjoni
tal-familja hija kwistjoni fejn jeħtieġ li l-politiki tal-UE jiġu żviluppati
iktar, b’attenzjoni speċjali għall-miżuri ta’ integrazzjoni. Fl-ewwel rapport tagħha
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (COM 2008/610)[6], il-Kummissjoni stess
identifikat il-problemi nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u
n-nuqqasijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, ġew identifikati għadd żgħir ta'
kwistjonijiet trasversali relatati ma’ traspożizzjoni skorretta
(id-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, l-għotja ta' permessi
ta' residenza awtonoma, il-konsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal,
rimedji legali u dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja
tar-refuġjati). Min-naħa l-oħra, ir-rapport ikkonkluda li d-Direttiva tagħti
ħafna diskrezzjoni lill-Istati Membri meta jiġu applikati wħud
mid-dispożizzjonijiet tagħha (il-klawżoli li jkun fihom il-kelma
"jistgħu"), b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-possibilità ta’
perjodu ta' stennija, ir-rekwiżit tad-dħul u l-possibilità ta' miżuri ta'
integrazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tqis li
jeħtieġ li jitnieda dibattitu pubbliku dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja,
fejn jiġu enfasizzati ċerti kwistjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva[7], li huwa l-għan ta' din
il-Green Paper. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jwieġbu għal
mistoqsijiet differenti dwar kif jista’ jkun hemm regoli iktar effikaċi dwar
ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-livell tal-UE u kif jistgħu jingħataw
l-informazzjoni u d-dejta fattwali disponibbli dwar l-applikazzjoni
tad-Direttiva biex dawn isaħħu l-valutazzjoni kwalitattiva li ġiet ipprovduta.
Wieħed irid iżomm f’moħħu l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti
l-kundizzjonijiet għall-eżerċitazzjoni tad-dritt għar-riunifikazzjoni
tal-familja u li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi
terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fi Stat Membru partikolari[8]. Il-Kummissjoni tixtieq tistieden
b’mod partikolari lill-Istati Membri li għamlu rapporti dwar problemi ta’ abbuż
mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, biex jispeċifikaw u jikkwantifikaw
dawn il-problemi sabiex ikun possibbli li jiġu indirizzati b’mod iktar iffukat
fil-livell tal-UE. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din
il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar jekk jeħtieġx li jkun hemm
politika konkreta (pereżempju l-modifika tad-Direttiva, il-ħruġ ta' linji gwida
dwar l-interpretazzjoni jew l-istatus quo). Kwalunkwe strument tal-UE li
possibilment jista’ jkun hemm għandu jkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali, b’mod partikolari mar-rispett lejn il-ħajja privata u
tal-familja, mad-dritt għaż-żwieġ, mad-drittijiet tat-tfal, mal-prinċipju li
m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni, kif ukoll ma' obbligi internazzjonali
oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tiżgura li kwalunkwe tkomplija li jista’
jkun hemm għandha tkun sottoposta għal evalwazzjoni fil-fond tal-impatt tagħha
fuq id-drittijiet fundamentali, u l-konformità tagħha mal-Karta, skont
“il-lista ta’ verifika tad-drittijiet fundamentali” li kienet stabbilita
mill-Kummissjoni fl-Istrateġija tagħha dwar l-implimentazzjoni effikaċi
tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.[9] II. Il-mistoqsijiet għall-Partijiet Interessati
1. Kamp ta' applikazzjoni 1.1 Min jikkwalifika bħala
sponsor għall-iskop tad-Direttiva? Id-Direttiva tidentifika żewġ kundizzjonijiet
biex wieħed ikun eliġibbli bħala sponsor għar-riunifikazzjoni tal-familja;
permess validu ta’ residenza ta’ mill-inqas sena u prospetti raġonevoli ta’
ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti[10]
(Artikolu 3(1)). Id-Direttiva tagħti lok għall-interpretazzjoni min-naħa
tal-Istati Membri f’dak li għandu x'jaqsam mat-tieni kundizzjoni, u dan jista’
jwassal għal insikurezza u għall-esklużjoni ta’ kważi kull ċittadin ta’ pajjiż
terz mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn dawn
iż-żewġ kundizzjonijiet, l-Artikolu 8(1) jippermetti lill-Istati Membri li
jintroduċu perjodu minimu ta' residenza legali (ta' mhux aktar minn sentejn)
qabel ma sseħħ ir-riunifikazzjoni. Dan ifisser li l-applikazzjoni tista' tiġi
ppreżentata, iżda l-Istati Membri jistgħu jippostponu l-għotja
tar-riunifikazzjoni tal-familja sad-data tal-iskadenza tal-perjodu ddeterminat
mil-leġiżlazzjoni tagħhom. M1 Dawn il-kriterji (prospett raġjonevoli ta' ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni, kif regolata mill-Artikolu 3 u perjodu ta' stennija sakemm ir-riunifikazzjoni sseħħ fil-fatt, kif regolata mill-Artikolu 8) huma l-metodu t-tajjeb u l-aħjar mod kif wieħed jikkwalifika l-isponsors? 1.2. L-eleġibilità tal-membri
tal-familja 1.2.1. Dispożizzjonijiet obbligatorji
– il-familja magħmula mill-missier, l-omm u t-tfal Bħalissa, skont l-Artikolu 4(1), id-Direttiva
tirrikjedi li (dejjem skont il-kudizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva) l-Istati
Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-familja “nukleari” jew
tal-“qalba”, li tinkorpora l-konjuġi tal-isponsor u t-tfal minorenni
tal-isponsor jew tal-konjuġi. Madankollu, id-Direttiva tippermetti li jkun hemm
xi restrizzjonijiet anki f’din il-kategorija. F’dak li jirrigwarda l-konjuġi, skont
l-Artikolu 4(5) l-Istati Membri jistgħu jistipulaw età minima (il-limitu
massimu tad-Direttiva huwa 21 sena) u dan indipendentement minn jekk din l-età
tkunx l-istess bħall-età li fiha l-Istat Membru partikolari jqis li persuna
tkun saret maġġorenni. Ir-raġuni wara din id-dispożizzjoni kienet
il-preokkupazzjoni li r-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja setgħu jiġu
abbużati biex isiru żwiġijiet sfurzati. Madankollu, huwa diffiċili li ssir
valutazzjoni dwar jekk din hix problema reali u, jekk iva, kemm hi kbira. M2 Huwa leġittimu li jkun hemm età minima fir-rigward tal-konjuġi, li tkun differenti mill-età li fiha l-Istat Membru partikolari jqis li persuna tkun saret maġġorenni? Fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, hemm metodi oħrajn biex jiġu evitati każijiet fejn l-għarajjes ikunu mġiegħla jiżżewġu u, jekk iva, liema huma? Hemm evidenza ċara dwar il-problema ta’ każijiet fejn l-għarajjes ikunu mġiegħla jiżżewġu? Jekk iva, kemm hi kbira din il-problema (statistikament) u għandha rabta mar-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja (biex tiġi stipulata età minima differenti mill-età li fiha l-Istat iqis li persuna tkun saret maġġorenni)? Fil-każ ta’ tfal minorenni,
id-Direttiva tippermetti li jkun hemm żewġ restrizzjonijiet oħra, it-tnejn
f’forma ta' deroga biex ikun hemm klawżola li tippermetti li jinżamm l-istatus
quo (klawżola stand-still). L-ewwel waħda (l-Artikolu 4(1) l-aħħar inċiż), li
tirrikjedi li tfal ta' età ta’ iktar minn 12-il sena li jaslu indipendentement
mill-kumplament tal-familja tagħhom juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta'
integrazzjoni[11],
intużat biss minn Stat Membru wieħed. It-tieni restrizzjoni li tista’ tiġi
applikata (l-Artikolu 4(6)), li tistipula li tfal ta’ età ta’ iktar minn 15-il
sena jistgħu jintalbu jidħlu fl-Istat Membru għal raġunijiet differenti
mir-riunifikazzjoni tal-familja - ma ntużat minn l-ebda Stat Membru. M3 Taħseb li hemm interess biex jibqgħu dawk il-klawżoli biex jinżamm l-istatus quo li ma jintużawx mill-Istati Membri, bħal dik li tirrigwarda t-tfal ta' età ta’ iktar minn 15-il sena? 1.2.2. Klawżola fakultattiva – membri
oħrajn tal-familja Peress li d-Direttiva tobbliga lill-Istati
Membri biex jiżguraw li sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja
nukleari/tal-qalba, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jiddeċiedu jekk
jinkludux membri oħrajn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom (Artikolu 4(3)).
Minkejja l-fatt li din il-klawżola hija waħda fakultattiva, klawżola li tuża
l-kelma "jistgħu", iktar minn nofs l-Istati Membri għażlu li jinkludu
lill-ġenituri tal-isponsor u/jew il-konjuġi tiegħu jew tagħha. Wieħed għandu
jinnota li f’dan il-kuntest huwa sottointiż mill-premessa 5 tad-Direttiva li
l-Istati Membri li jirrikonoxxu ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess
fil-liġi nazzjonali tagħhom tal-familja, għandhom jirrikonoxxuhom ukoll meta
japplikaw id-Direttiva[12].
Fuq l-istess linja, kull meta l-liġi nazzjonali tal-familja tkun tirrikonoxxi
s-sħubijiet irreġistrati bejn persuni tal-istess sess u l-Istati Membri jkunu
japplikaw favur is-sħab irreġistrati l-klawżola fakultattiva “jistgħu”
tad-Direttiva, dawn iridu jagħmlu l-istess ħaġa għal sħab tal-istess sess. M4 Ir-regoli dwar l-eliġibilità tal-membri tal-familja huma xierqa u wesgħin biżżejjed biex iqisu d-definizzjonijiet differenti ta’ familja li jeżistu minbarra d-definizzjoni ta’ familja nukleari? 2. Ir-Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt
għal riunifikazzjoni tal-familja Id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri
biex jintroduċu kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja bħal miżuri
varji ta' integrazzjoni, imma tippermettilhom li jintroduċuhom - b'mod
kuntrarju, xi kundizzjonijiet oħrajn ma jistgħux jiġu applikati fir-rigward
tar-riunifikazzjoni tal-familja fl-UE. 2.1 Miżuri ta’ integrazzjoni Il-klawżola fakultattiva (l-Artikolu 7(2))
tippermetti lill-Istati Membri jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi
jikkonformaw ma’ miżuri ta’ integrazzjoni. Dan ir-rekwiżit kien wieħed
mir-rekwiżiti l-iktar kontroversjali u diskussi waqt in-negozjati. Bħalissa,
fid-Direttiva kif inhi m’hemmx indikazzjoni preċiża dwar x'għandhom jinvolvu
dawn il-miżuri ta’ integrazzjoni u kif għandhom jiġu applikati, u huma użati
f’xi Stati Membri biss. Dawn il-miżuri huma użati fi tliet Stati Membri bħala
kundizzjoni qabel id-dħul fit-territorju, billi l-membri tal-familja huma
mitlubin jgħaddu minn testijiet tal-lingwa, minn test dwar l-għarfien dwar
is-soċjetà li tkun se tilqagħhom jew li jiffirmaw kuntratt li permezz tiegħu
jkunu obbligati li meta jidħlu fil-pajjiż jattendu għal korsijiet ċiviċi jew
lingwistiċi, jekk ikun meħtieġ. Xi Stati Membri oħra jirrikjedu li
l-membri tal-familja jieħdu ċerti obbligi biss fil-mument meta jidħlu
fil-pajjiż, bħall-parteċipazzjoni f’korsijiet ta' integrazzjoni (prinċipalment
tal-lingwa). L-ammissibilità tal-miżuri ta’ integrazzjoni –
kif diġà ddikjarat fir-rapport ta' valutazzjoni - għandha tiddependi fuq jekk
jilħqux l-iskop li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni u jekk jirrispettawx
il-prinċipji tal-proporzjonalità[13]
u tas-sussidjarjetà. Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni
tal-familja fir-rigward ta' jekk il-persuni kkonċernati għaddewx it-testijiet
għandhom iqisu d-disponibilità ta' faċilitajiet ta' preparazzjoni
(informazzjoni tradotta, korsijiet) u kemm huma aċċessibbli (lokalità,
tariffi). Għandhom jiġi meqjusa ċ-ċirkostanzi individwali speċifiċi
(bħall-illitteriżmu u l-kundizzjonijiet mediċi ppruvati). L-Aġenda Ewropea mġedda għall-Integrazzjoni
ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi[14]
fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri anki dwar
id-disponibilità ta' korsijiet tal-lingwa, li jirriflettu l-ħtiġijiet
differenti tal-migranti fl-istadji differenti tal-proċess ta' integrazzjoni
tagħhom, inklużi programmi ta' introduzzjoni għall-migranti li jkunu għadhom
kif jaslu. M5 Dawn il-miżuri qed jilħqu l-iskop tal-integrazzjoni b'mod effiċjenti? Dan kif jista’ jiġi evalwat fil-prattika? Liema huma l-iktar miżuri effikaċi ta’ integrazzjoni f’dak ir-rigward? Tqis li huwa utli li dawn il-miżuri jiġu definiti ulterjorment fil-livell tal-UE? Tirrakkomanda li jkun hemm miżuri ta’ qabel id-dħul? Jekk iva, kif jistgħu jiġu introdotti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li fil-fatt ma jwasslux biex ikun hemm ostakli bla bżonn għar-riunifikazzjoni tal-familja (bħal tariffi jew rekwiżiti sproporzjonati) u jiġu meqjusa l-kapaċitajiet individwali bħall-età, il-illitteriżmu, id-diżabilità u l-livell ta' edukazzjoni? 2.2 Il-perjodu ta’ stennija
fir-rigward tal-kapaċità ta’ akkoljenza It-tieni inċiż tal-Artikolu 8 jagħmel
dispożizzjoni biex ikun hemm deroga speċifika għal dawk l-Istati Membri li
kienu qiesu l-kapaċità ta' akkoljenza fil-leġiżlazzjoni tagħhom meta ġiet
adottata d-Direttiva. Dan jippermettilhom li jintroduċu perjodu ta’ stennija
ta’ tliet snin li jibda jiddekorri minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.
Fir-rigward ta’ din il-klawżola, il-Qorti tal-Ġusitizzja tal-Unjoni Ewropea
(QTĠ) kkjarifikat[15]
li jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, irid jinħareġ permess ta’ residenza
mhux iktar tard minn tliet snin minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Fi kliem ieħor, il-kapaċità ta’ akkoljenza
tista’ tkun wieħed mill-fatturi li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata
applikazzjoni, imma ma tistax tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni għal xi
sistema ta' kwota jew għall-impożizzjoni ta' perjodu ta' stennija ta' tliet
snin mingħajr ma jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi partikulari tal-każijiet
speċifiċi. Din id-deroga hija użata biss minn Stat Membru wieħed. M6 Fid-dawl tal-applikazzjoni tagħha, huwa neċessarju u ġustifikat li deroga bħal din tinżamm fid-Direttiva biex tagħmel dispożizzjoni biex ikun hemm perjodu ta' stennija ta' tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni? 3. Dħul u residenza ta' membri tal-familja Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-membri
tal-familja l-ewwel permess ta' residenza ta' mill-inqas sena (l-Artikolu
13(2)). Huwa stipulat ukoll li, bi prinċpju, it-tul ta' żmien tal-permessi ta'
residenza mogħtija lill-membri tal-familja m'għandux imur lil hinn mid-data
tal-iskadenza tal-permess ta' residenza tal-isponsor (l-Artikolu 13(3)). L-implimentazzjoni
ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista' toħloq problema jekk il-perjodu ta’
validità li jkun baqa’ tal-permess ta' residenza tal-isponsor ikun inqas minn
sena fiż-żmien li jinħareġ il-permess ta' residenza tal-membru tal-familja.
F’dak il-każ, jista’ jkun hemm kunflitt bejn dawk iż-żewġ regoli b’mod
partikolari fil-każ meta jkun diġà beda l-proċess biex il-permess ta’ residenza
tal-isponsor jiġġedded. M7 Ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevedu s-sitwazzjoni fejn il-perjodu ta’ validità li jkun baqa’ tal-permess ta’ residenza tal-isponsor ikun inqas minn sena imma jkun se jiġġedded? 4. Kwistjonijiet marbuta mal-ażil 4.1 L-esklużjoni tal-protezzjoni
sussidjarja Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw
minn protezzjoni sussidjarja huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ din
id-Direttiva (l-Artikolu 3(2)b). Madankollu, il-Programm ta’ Stokkolma stieden
biex jiġi stabbilit stejtus uniformi ta’ protezzjoni li jkun wieħed
mill-għanijiet biex titlesta s-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil, imsejjes fuq
il-fatt li l-ħtiġijiet ta' protezzjoni tar-refuġjati u tal-benefiċjarji ta’
protezzjoni sussidjarja huma l-istess. Għaldaqstant, l-għan huwa li
d-drittijiet tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja jitqarrbu lejn
id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati, kif enfasizzat fir-riformulazzjoni
tad-Direttiva ta’ Kwalifikazzjoni[16].
Għalhekk, tinħoloq il-kwistjoni dwar jekk dan it-tqarrib għandux isir ukoll
fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, f'liema każ ikun jeħtieġ li jsir
aġġustament fl-ambitu personali tad-Direttiva. M8 Ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja għandha tkun suġġetta għar-regoli tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja? Il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jibbenefikaw mir-regoli l-iktar favorevoli tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja li teżenta lir-refuġjati milli jissodisfaw ċerti kriterji (akkomodazzjoni, assigurazzjoni tas-saħħa, riżorsi stabbli u regolari)? 4.2 Kwistjonijiet oħra relatati mal-ażil Id-Direttiva tipprovdi biex ikun hemm regoli
iktar favorevoli għar-refuġjati (il-Kapitolu V). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu
jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli iktar favorevoli għal ċerti
sitwazzjonijiet. Perezempju, għal rabtiet tal-familja li jkunu nħolqu qabel
id-dħul tar-refuġjat fl-Istati Membru (l-Artikolu 9(2)), jew
għall-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja li jkunu ġew
ippreżentati fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta jkun ingħata l-istejtus ta’
refuġjat (l-Artikolu 12(1)). Dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu jsiru ma
jagħtux biżżejjed kas tal-fatturi partikolari tas-sitwazzjoni tagħhom.
Ir-refuġjati jiltaqgħu ma' diffikultajiet prattiċi marbuta mas-sitwazzjoni
speċifika tagħhom li jkunu ta’ natura differenti minn dawk li jiffaċċjaw
iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (pereżempju: problemi biex iżommu l-kuntatt
mal-familja li jkunu ħallew warajhom fil-pajjiż ta’ oriġini). Barra minn hekk, jista’
jkun li r-refuġjati jkunu qattgħu perjodi twal f’eżilju jew fit-territorju ta’
Stat Membru waqt li kienu qed jistennew ir-riżultat tal-proċedura tal-ażil u
f'dak iż-żmien jista' jkun li jkunu ffurmaw familja. Jista’ jkun ukoll li
r-refuġjati ma jkunux jafu b’membri tal-familja li jkunu għadhom ħajjin jew ma
jkollhomx il-mezzi biex jagħtu informazzjoni dwar fejn jinsabu jew biex
jipprovdu d-dokumentazzjoni meħtieġa biex issir applikazzjoni
għar-riunifikazzjoni tal-familja fi żmien qasir wara li jingħatalhom stejtus
ta' protezzjoni. Jista’ jkun li l-membri tal-familja tagħhom ikunu għaddew minn
sitwazzjonijiet simili ta’ kunflitt, trawma u tbatija kbira bħalma jkunu
għaddew minnhom ir-refuġjati nfushom. Għaldaqstant, uħud mill-kwistjonijiet
għandhom jitqiesu mill-ġdid f’dan il-kuntest – b’mod partikolari sabiex ikun
possibbli li jingħata ġudizzju dwar jekk dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu
jsiru għandhomx jitħassru mid-Direttiva. M9 L-Istati Membri għandu jibqa' jkollhom il-possibilità li jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli tad-Diretttiva fil-każ ta’ refuġjati li jkollhom rabtiet tal-familja li jkunu nħolqu qabel id-dħul tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru? Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ggarantita lil kategoriji usa' ta' membri tal-familja li jkunu jiddependu mir-refuġjati, u jekk iva sa liema grad? Għandu jibqa’ jkun mitlub li r-refuġjati jipprovdu provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-assigurazzjoni tas-saħħa u r-riżorsi jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata fi żmien tliet xhur minn meta jkun ingħata l-istejtus ta’ refuġjat? 5. Frodi, Abbuż, Kwistjonijiet proċedurali 5.1 Intervisti u
investigazzjonijiet L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jagħmel
dispożizzjoni biex ikun hemm il-possibilità li jsiru intervisti u investigazzjonijiet
jekk dan ikun meqjus meħtieġ. Għadd ta’ Stati Membri introduċew il-possibilità
li jsiru testijiet tad-DNA bħala prova tar-rabtiet tal-familja. Id-Direttiva ma
ssemmix din it-tip ta’ prova. Il-Kummissjoni ddikjarat li sabiex ikunu ammissibbli
skont il-liġi tal-UE, dawn l-intervisti u investigazzjonijiet oħra jridu jkunu
proporzjonati - biex b'hekk id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma
jitlifx il-valur tiegħu - u jkun hemm rispett għad-drittijiet fundamentali,
b'mod partikolari għad-dritt għall-privatezza u għall-ħajja tal-familja. M10 Hemm provi ċari dwar problemi ta’ frodi? Kemm hija kbira l-problema (statistika)? Taħseb li jekk ikun hemm regoli dwar l-intervisti u l-investigazzjonijiet, inklużi t-testijiet tad-DNA, dan jista' jkun fattur importanti biex tissolva? Tikkunsidra li jkun utli li jkun hemm regoli iktar speċifiċi fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ dawn l-invervisti jew investigazzjonijiet? Jekk iva, x’tip ta’ regoli tikkunsidra? 5.2 Żwiġijiet ta’ konvenjenza Iż-żwieġ tal-konvenjenza huwa każ speċifiku
ta’ frodi li l-Istati Membri għandhom jikkontrobattu. Barra mir-regoli ġenerali
ta' proċedura, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva jipprovdi biex ikun hemm
il-possibilità li jsiru verifiki u spezzjonijiet speċifiċi meta jkun hemm raġuni
biex ikun hemm suspett ta’ frodi jew ta’ żwieġ ta’ konvenjenza. Kull sistema
nazzjonali għandha regoli bħal dawn; permezz ta’ proġett iffinanzjat mill-UE
saret ġabra tal-prattiki fl-Istati Membri[17].
Madankollu, huwa diffiċli li ssir stima dwar jekk din hix problema kbira
għall-Istati Membri u jekk hix marbuta mad-Direttiva. M11 Hemm provi ċari dwar problemi ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza? Teżisti statistika dwar żwiġijiet bħal dawn (jekk ġew skoperti)? Għandhom rabta mar-regoli tad-Direttiva? Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu implimentati b’mod iktar effikaċi, u jekk iva, kif? 5.3 Tariffi Bħalissa m’hemmx armonizzazzjoni fil-livell
tal-UE f’dak li jirrigwarda t-tariffi li għandhom jitħallsu għall-iskop
tar-riunifikazzjoni tal-familja (tariffi biex issir applikazzjoni, tariffi għal
viża u għal permessi ta' residenzi u spejjeż oħra relatati mal-ilħuq
tal-kundizzjonijiet bħal-lingwi ta' qabel it-tluq, jekk ikun hemm eċċ.).
It-tariffi eċċessivi jistgħu jdgħajfu l-effett tad-Direttiva billi jxekklu
d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. In-nuqqas ta’ regoli tal-UE dwar din
il-kwistjoni rriżulta f’livelli differenti ħafna ta’ tariffi fl-Istati Membri. M12 It-tariffi amministrattivi pagabbli fil-proċedura għandhom ikunu rregolati? Jekk iva, ir-regolamentazzjoni għandha tkun f’forma ta' salvagwardji jew għandhom jingħataw indikazzjonijiet iktar preċiżi? 5.4 It-tul tal-proċedura –
skadenza għad-deċiżjoni amministrattiva Il-proċedura ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni
tal-familja tista’ tkun pjuttost twila. Id-Direttiva tistabbilixxi skadenza
assoluta li fiha l-applikant irid jingħata notifika bil-miktub tad-deċiżjoni.
In-notifika tad-deċiżjoni għandha tingħata mhux iktar tard minn disa’ xhur
mid-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni (l-Artikolu 5(4)). Madankollu,
l-Istati Membri jistgħu jestendu din l-iskadenza jekk dan ikun ġustifikat minn
ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-kumplessità tal-applikazzjoni.
Fil-prattika dawn l-iskadenzi jiġu stabbiliti b'medja ta’ tliet xhur flimkien
ma’ klawżola ta’ estensjoni. M13 L-iskadenza amministrattiva stipulata mid-Direttiva għall-eżami tal-applikazzjoni hija ġustifikata? 5.5 Klawżoli orizzontali Hemm żewġ klawżoli orizzontali obbligatorji
fid-Direttiva. L-Artikolu 5(5) jobbliga lill-Istati Membri li meta jeżaminaw
applikazzjoni jagħtu l-attenzjoni xierqa lill-aħjar interessi tat-tfal
minorenni. Din id-dispożizzjoni hija riflessjoni tal-obbligu li hemm
fl-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 3(1)
tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li l-aħjar interess
tat-tifel jew tat-tifla għandu jiġi kkunsidrat l-ewwel u qabel kollox
fl-azzjonijiet relatati mat-tfal, kif ukoll tal-ħtieġa, imsemmija fl-Artikolu
24(3) tal-Karta, li tifel jew tifla jżommu relazzjoni personali fuq bażi
regolari maż-żewġ ġenituri. Fil-każistika rilevanti tagħha, il-QTĠ enfasizzat
iktar dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta u l-Artikolu 5(5).[18] Kif intwera fir-rapport dwar
l-implimentazzjoni tad-Direttiva, ħafna Stati Membri xorta implimentaw din
il-klawżola permezz ta’ referenza ġenerali għal strumenti internazzjonali
oħrajn (pereżempju l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u
l-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Drittijiet tat-Tfal)[19]. Il-klawżola orizzontali l-oħra, l-Artikolu 17,
hija obbligu li jitqiesu kif xieraq n-natura u s-saħħa tar-rabtiet li l-persuna
jkollha mal-familja, it-tul ta’ żmien tar-residenza tiegħu jew tagħha fl-Istat
Membru u l-eżistenza tal-familja; ir-rabtiet kulturali u soċjali mal-pajjiżi
ta’ oriġini tiegħu jew tagħha. Fi kliem ieħor, din il-klawżola tobbliga
lill-Istati Membri jagħmlu eżamijiet individwali f’kull każ, punt li ġie
speċifikament imtenni mill-QTĠ fil-każistika tagħha[20]. M14 Kif tista' tiġi ffaċilitata u żgurata fil-prattika l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli orizzontali? 6. Konklużjonijiet u segwitu Il-Kummissjoni għandha l-għan li tniedi
diskussjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha. L-istituzzjonijiet
tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-pajjiżi kandidati,
il-pajjiżi terzi sħabna, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi kif ukoll dawk
mhux governattivi, l-atturi tal-istat u l-fornituri ta' servizzi privati li
huma involuti mal-membri tal-familja, l-akkademiċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili u l-individwi huma lkoll kemm huma mistiedna jikkontribwixxu
billi jirrispondu għall-mistoqsijiet ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni qed tippjana li torganizza
smigħ pubbliku. Sabiex tħejji għalih, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet
interessati kollha biex jibagħtu t-tweġibiet tagħhom għal din il-konsultazzjoni
bil-miktub sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2012 lil: L-Unità tal-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni
– “Green Paper dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja” Id-Direttorat-Ġenerali għall-Affarijiet
Interni Il-Kummissjoni Ewropea B-1049 Brussell e-mail: HOME-family-reunification-green-paper@ec.europa.eu Il-kontribuzzjonijiet rilevanti kollha se
jiġu ppubblikati fil-portal web ‘Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa’ http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_mt.htm Anness:
Ir-riunifikazzjoni tal-familja f’ċifri L-għadd totali ta’ permessi ta’ residenza
maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħaqdu ma’ persuni li mhumiex
ċittadini tal-UE (raġunijiet ta’ familja) imqabbel mal-għadd totali ta’
permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi (għar-raġunijiet
l-oħra kollha) || L-ewwel permessi maħruġa, minħabba raġunijiet ta' familja, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĊPT) li ngħaqdu ma’ persuni li mhumiex ċittadini tal-UE || L-għadd totali tal-ewwel permessi ta' residenza maħruġa lil ĊPT għar-raġunijiet l-oħra kollha || Il-porzjon tal-permessi maħruġa lil ĊPT li ngħaqdu ma' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE bħala parti mill-għadd totali ta' permessi maħruġa lil ĊPTi PAJJIŻ/SENA || 2008 || 2009 || 2010 || 2008 || 2009 || 2010 || 2008 || 2009 || 2010 Il-Belġju || 7,333 || 8,596 || 9,997 || 46,201 || 58,939 || 67,653 || 15.9 || 14.6 || 14.8 Il-Bulgarija || 1,480 || 1,482 || 1,725 || 3,933 || 4,385 || 4,051 || 37.6 || 33.8 || 42.6 Ir-Repubblika Ċeka || 9,712 || 8,281 || 13,398 || 61,350 || 27,539 || 34,653 || 15.8 || 30.1 || 38.7 Id-Danimarka || : || 1,410 || 1,490 || 31,655 || 30,255 || 28,576 || : || 4.7 || 5.2 Il-Ġermanja || 29,215 || 29,761 || 28,200 || 114,289 || 121,954 || 117,202 || 25.6 || 24.4 || 24.1 L-Estonja || : || : || : || 3,884 || 3,777 || 2,647 || : || : || : L-Irlanda || 456 || 568 || 300 || 28,926 || 25,509 || 22,235 || 1.6 || 2.2 || 1.3 Il-Greċja || 18,684 || 19,570 || 13,398 || 40,411 || 45,148 || 33,623 || 46.2 || 43.3 || 39.8 Spanja || 103,640 || 82,521 || 89,905 || 399,827 || 290,813 || 257,918 || 25.9 || 28.4 || 34.9 Franza || 32,333 || 29,607 || 29,400 || 188,723 || 193,500 || 194,973 || 17.1 || 15.3 || 15.1 L-Italja || 60,134 || 70,904 || 160,200 || 550,226 || 506,833 || 589,988 || 10.9 || 14.0 || 27.2 Ċipru || 1 || 1 || 741 || 25,156 || 25,638 || 19,139 || 0.0 || 0.0 || 3.9 Il-Latvja || 1,498 || 414 || 413 || 7,706 || 2,304 || 2,329 || 19.4 || 18.0 || 17.7 Il-Litwanja || 641 || 764 || 691 || 5,298 || 2,659 || 1,861 || 12.1 || 28.7 || 37.1 Il-Lussemburgu || : || : || : || : || : || : || : || : || : L-Ungerija || 5,337 || 1,144 || 1,349 || 37,486 || 14,289 || 14,601 || 14.2 || 8.0 || 9.2 Malta || 172 || 61 || 30 || 4,989 || 3,682 || 2,763 || 3.4 || 1.7 || 1.1 Il-Pajjiżi l-Baxxi || : || : || : || 62,589 || 56,489 || 54,478 || : || : || : L-Awstrija || 7,891 || 7,651 || 7,838 || 21,783 || 28,035 || 30,596 || 36.2 || 27.3 || 25.6 Il-Polonja || 8,805 || 8,549 || 598 || 40,907 || 33,427 || 101,574 || 21.5 || 25.6 || 0.6 Il-Portugall || 17,087 || 11,036 || 11,967 || 63,715 || 46,324 || 37,010 || 26.8 || 23.8 || 32.3 Ir-Rumanija || 1,216 || 1,261 || 910 || 19,354 || 15,380 || 10,218 || 6.3 || 8.2 || 8.9 Is-Slovenja || 0 || 2,110 || 2,231 || 29,215 || 15,759 || 7,537 || 0.0 || 13.4 || 29.6 Is-Slovakkja || 619 || 640 || 697 || 8,025 || 5,336 || 4,373 || 7.7 || 12.0 || 15.9 Il-Finlandja || 4,915 || 4,304 || 4,302 || 21,873 || 18,034 || 19,210 || 22.5 || 23.9 || 22.4 L-Isvezja || 35,050 || 36,325 || 25,358 || 84,144 || 91,337 || 74,931 || 41.7 || 39.8 || 33.8 Ir-Renju Unit || 106,538 || 96,341 || 103,187 || 633,170 || 671,324 || 732,208 || 16.8 || 14.4 || 14.1 Total UE [21] || 452,757 || 423,301 || 508,325 || 2,534,835 || 2,338,669 || 2,466,347 || 17.9 || 18.1 || 20.6 Sors tad-dejta: Eurostat. Id-dejta tas-snin qabel l-2008 mhix
disponibbli peress li l-ġbir tad-dejta dwar il-permessi ta' residenza ġie
stabbilit permezz tar-Regolament 862/2007, u l-2008 hija l-ewwel sena ta'
referenza. L-Estonja u l-Pajjiżi l-Baxxi ma pprovdewx dejta dwar l-ewwel
permessi maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħaqdu ma' persuni li
mhumiex ċittadini tal-UE, minħabba li din id-dejta ma tistax tiġi separata minn
permessi oħra maħruġa għal raġunijiet ta’ familja. Id-Danimarka ma pprovdietx
id-dejta għas-sena 2008. Il-Lussemburgu ma pprovdiex id-dejta għas-snin
2008-2010. Il-proporzjon ġenerali relattivament baxx ta’
permessi maħruġa għal raġunijiet ta’ familja meta mqabbel ma’ permessi oħra
huwa minħabba l-fatt li din l-istatistika tagħti biss stampa
tar-riunifikazzjoni tal-familja u ma tinkludix lil dawk il-membri tal-familja
li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħaqdu ma’ ċittadini tal-UE. L-għadd tal-ewwel permessi ta' residenza
maħruġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jingħaqdu ma' persuni li mhumiex
ċittadini tal-UE minħabba raġunijiet ta’ familja, skont it-tip ta’ membru tal-familja. RAĠUNI || Raġunijiet ta’ familja: Persuna li tingħaqad ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE || PAJJIŻ/SENA - 2010 || Total || Konjuġi/sieħeb jew sieħba li jingħaqdu ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE || Tifel jew tifla li jingħaqdu ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE || Membru ieħor tal-familja li jingħaqad ma’ persuna li mhix ċittadina tal-UE || Il-Belġju || 9,997 || 4,157 || 5,831 || 9 || Il-Bulgarija || 1,725 || : || : || : || Ir-Repubblika Ċeka || 13,398 || 4,547 || 7,626 || 1,225 || Id-Danimarka || 1,490 || 600 || 890 || 0 || Il-Ġermanja || 28,200 || 11,912 || 15,895 || 393 || L-Estonja || : || : || : || : || L-Irlanda || 300 || 112 || 117 || 71 || Il-Greċja || 13,398 || 4,044 || 9,354 || 0 || Spanja || 89,905 || 19,140 || 69,099 || 1,666 || Franza || 29,400 || : || : || : || L-Italja || 160,200 || 67,509 || 70,336 || 22,355 || Ċipru || 741 || : || : || : || Il-Latvja || 413 || 254 || 78 || 81 || Il-Litwanja || 691 || : || : || : || Il-Lussemburgu || : || : || : || : || L-Ungerija || 1,349 || 0 || 794 || 555 || Malta || 30 || 2 || 21 || 7 || Il-Pajjiżi l-Baxxi || : || : || : || : || L-Awstrija || 7,838 || : || : || : || Il-Polonja || 598 || 291 || 286 || 21 || Il-Portugall || 11,967 || 916 || 1,013 || 10,038 || Ir-Rumanija || 910 || 424 || 429 || 57 || Is-Slovenja || 2,231 || : || : || : || Is-Slovakkja || 697 || 401 || 75 || 0 || Il-Finlandja || 4,302 || 1,576 || 2,497 || 229 || L-Isvezja || 25,358 || 18,223 || 6,938 || 197 || Ir-Renju Unit || 103,187 || : || : || : || [1] Id-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni
tal-familja. Minn issa 'l quddiem imsejħa “id-Direttiva” [2] Is-sitwazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja
taċ-ċittadini tal-UE u ta' qrabathom ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija koperta
mil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva 2004/38/KE. Madankollu, din id-Direttiva
tkopri biss każijiet meta ċittadin tal-Unjoni jmur, jirrisjedi jew ikun diġà
rrisjeda fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu u
jingħaqad miegħu jew jakkumpanjah membru tal-familja li jkun ċittadin ta’
pajjiż terz. [3] Dokument dwar il-pożizzjoni li ħadu l-Olandiżi
fir-rigward tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. [4] Probabbilment dan it-tnaqqis huwa parzjalment marbut ma’
bidliet li saru dan l-aħħar fil-politika f’xi Stati Membri li introduċew
kundizzjonijiet iktar stretti. Jingħad li permezz ta’ dawn il-bidliet
fil-politika l-flussi kbar tal-immigrati qed jiġu ġestiti aħjar, imma jixħtu
dubji fuq id-dritt irrikonoxxut għar-riunifikazzjoni tal-familja hekk kif
stipulat fid-Direttiva, li bħalissa hija forma ta’ garanzija legali minima
fl-UE kollha. [5] EUROSTAT- Jekk jogħġbok ara ċ-ċifri speċifiċi fl-anness;
m'hemmx dejta fil-każ tal-Estonja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi. [6] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0610:FIN:MT:PDF.
[7] Notevolment, din il-konsultazzjoni ma tirrigwardax
il-kwistjonijiet marbuta mad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt ta' ċittadini
tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċirkolaw u jgħixu bla xkiel
fit-territorju tal-Istati Membri. [8] Ara l-premessa 4 tad-Direttiva. [9] COM(2010)573 finali tad-19.10.2010; ara wkoll
l-Operational Guidance on taking account of Fundamental Rights in Commission
Impact Assessments (Il-Gwida Operattiva dwar kif għandhom jitqiesu d-Drittijiet
Fundamentali fl-Evalwazzjonijiet ta’ Impatt tal-Kummissjoni), SEC(2011) 567
finali tas-6.5.2011. [10] Skont il-ħidma ta’ tħejjija (travaux preparatoire), l-idea
wara din il-kundizzjoni kienet li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma
jkunx miftuħ għal persuni li jkunu qegħdin fil-pajjiż temporanjament mingħajr
possibilità ta' tiġdid. [11] Ara l-paġna numru 5 tar-rapport (COM 2008/610). [12] “L-Istati Membri għandhom jattwaw id-disposizzjonijiet ta'
din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur,
oriġini etnika jew soċjali, karatterisitiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew
twemmin, opinjonijiet politiċi jew opinjonijiet oħrajn, sħubija f’minorità
nazzjonali, ġid, twelid, diżabilitajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.” [13] Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 4.3.4 tar-rapport. [14] COM (2011) 455 finali adottata fid-19/07/2011 [15] C 540/03 paragrafi 100 u 101. [16] Standards minimi għall-kwalifikazzjoni u għall-istatus ta'
ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’
protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija
(riformulazzjoni) COM(2009)551) [17] ARGO, Proġett, programm ta’ azzjoni dwar il-“Koperazzjoni
fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-istejtus amministrattiv tal-UE” li
jittratta wkoll iż-żwiġijiet ta’ konvenjenza li fost kwistjonijiet oħrajn
enfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa bażi tad-deja komuni u l-ħtieġa li jkun
hemm metodu komuni dwar kif jiġu trattati dawn iż-“żwiġijiet foloz”. [18] QTĠ C-540/03 [19] COM (2008) 610 p 11. [20] C-540/03; QTĠ C-578/08. [21] Total tal-UE, bl-esklużjoni ta’
dawk l-Istati Membri li m’hemmx dejta fir-rigward tagħhom.