Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0146

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali

/* KUMM(2011) 146 finali */

52011DC0146




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.3.2011

KUMM(2011) 146 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali

1. Introduzzjoni

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tvara d-dibattitu politiku mal-partijiet interessati u istituzzjonijiet oħra dwar ir-reviżjoni fil-futur qrib tal-Pakkett dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ) (magħruf ukoll bħala l-Pakkett Altmark).

Il-Pakkett jinkludi serje ta' miżuri adottati fl-2005, b'mod partikolari d-Deċiżjoni SIEĠ[1] u l-Qafas SIEĠ[2], li fihom il-Kummissjoni ċċarat l-applikazzjoni tal-artikoli tat-Trattat dwar l-Għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-Artikoli 106 u 107 tat-TFUE għal kumpens ta' SIEĠ.

Il-Qafas SIEĠ jiskadi f'Novembru tal-2011, u kemm il-Qafas kif ukoll id-Deċiżjoni jippreskrivu evalwazzjoni tar-regoli bbażata fuq konsultazzjoni wiesgħa. Il-Kummissjoni kienet diġà bdiet dan il-proċess ta' analiżi fl-2008. Fl-istess ħin, ma' din il-Komunikazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni qed jippubblikaw Rapport li jiddeskrivi l-prattika tal-Kummissjoni taħt ir-regoli kurrenti u l-kwistjonijiet ewlenin li ħarġu mill-konsultazzjoni.

Wieħed irid jara l-analiżi tal-Pakkett fil-kuntest tal-objettivi ta' politika usa' tal-Kummissjoni fil qasam tas-servizzi pubbliċi. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn Att dwar Suq Uniku"[3], il-Kummissjoni impenjat ruħha (proposta nru 25) li tadotta, sal-2011, Komunikazzjoni u serje ta' miżuri ta' servizzi ta' interess ġenerali, fejn tisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jkunu aktar faċli li joperaw fil-livell xieraq, jintrabtu b'regoli ċari ta' finanzjament, li jkunu tal-aqwa kwalità u attwalment aċċessibbli għal kulħadd.

2. Servizz Pubbliku fl-"arkitettura" tal-UE

Is-Servizzi Pubbliċi (ġeneralment identifikati fit-Trattati bħala SIEĠ) għandhom rwol vitali fil-valuri komuni tal-Unjoni[4]. Huma jippromwovu koeżjoni soċjali u territorjali u jindukraw il-benesseri tal-poplu madwar l-UE, u jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa. Huma jvarjaw minn servizzi kummerċjali kbar (industriji ta' netwerks bħas-servizzi postali, il-forniment tal-elettriku, servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jew servizzi tat-trasport pubbliku) għal firxa wiesgħa ta' servizzi sanitarji u soċjali[5] (pereżempju s-servizzi għall-anzjani u għall-persuni b'diżabbiltà).

It-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-servizzi pubbliċi u, fl-istess waqt, id-diversità tagħhom fil-mudell Ewropew tas-soċjetà. Dan l-approċċ bi tnejn huwa rifless fil-Protokoll 26 il-ġdid tat-Trattati, li skontu l-valuri komuni tal-Unjoni jinkludu, b'mod partikolari,

livell għoli f'termini ta' kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta' aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti

kif ukoll

id-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-forniment, il-kummissjonament u l-organizzazzjoni [tas-SIEĠ].

Tabilħaqq, l-Artikolu 14 tat-TFUE jorbot kemm lill-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri, ilkoll fi ħdan il-poteri u l–kompetenzi rispettivi tagħhom, li

għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji u kondizzjonijiet, b'mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom,

u jipprovdi wkoll bażi legali ġdida biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, regolamenti li jistabbilixxu l-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmijin.

F'dal-kuntest għandu jiġi nnutat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tat-TFUE huma bla ħsara għall-applikazzjoni għas-SIEĠ tar-regoli dwar il-kompetizzjoni[6]. B'mod partikolari, taħt l-Artikoli 106 u 107 tat-TFUE, il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi għall-prestazzjoni ta' SIEĠ huwa suġġett għal skrutinju dwar għajnuna mill-Istat, jekk ma jkunux imwettqa l-erba' kundizzjoinjiet kumulattivi stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark tagħha[7]. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu li titratta biss mar-riforma tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat rigward is-SIEĠ, li l-Kummissjoni adottat skont l-Artikoli 106 u 107.

Ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni ma japplikawx għas-servizzi kollha ta' interess ġenerali (SIĠ), imma biss għal dawk li n-natura tagħhom hi "ekonomika", jiġifieri għas-SIEĠ. Barra minn dan, is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSIĠ), li jistgħu jkunu ta' natura kemm ekonomika kif ukoll nonekonomika, ikunu suġġetti biss għad-Dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni fejn ikunu tabilħaqq ekonomiċi[8]. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 26,

d-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffettwaw bl-ebda mod il-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi non-ekonomiċi ta' interess ġenerali.

Attivitajiet li mhumiex ikkunsidrati bħala ekonomiċi għall-għanijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni huma, ngħidu aħna, is-sikurezza tan-navigazzjoni bl-ajru[9] jew is-sorveljanza[10] kontra t-tniġġis, minħabba li dawn l-attivitajiet huma marbuta mat-tħaddim tal-prerogattivi tal-Istat u mat-twettiq tar-responsabbiltà tal-Istat lejn il-popolazzjoni[11]. Bl-istess mod, il-ġestjoni ta' skemi obbligatorji tas-sigurtà soċjali li jsegwu objettiv eslużivament soċjali mhix ikkunsidrata bħala attività ekonomika għall-għanijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni.[12]

[pic]

Il-fornituri tas-SIEĠ huma wkoll suġġetti biss għar-regoli tal-kompetizzjoni, b'mod ġenerali, u għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari, sakemm l-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq tal-kompiti tagħhom. Tabilħaqq, l-Artikolu 106(2) tat-TFUE jipprovdi li

kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta' importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta' monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża.

3. L-IFFINANZJAR TAS-SERVIZZI PUBBLIċI U L-KONTROLL TAL-GħAJNUNA MILL-ISTAT

Aspett importanti fil-forniment tas-servizzi pubbliċi hu l-kumpens li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom bżonn jagħtu lill-fornituri għat-twettiq ta' dawn il-kompiti. L-importanza ta' dan l-aspett kienet aċċentwata bil-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-kriżi mhux biss affettwat bosta nies madwar l-UE u għamlithom iżjed dipendenti fuq servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja. Minħabba sforzi li bħalissa jinsabu għaddejjin f'bosta mill-Istati Membri tal-UE biex jonqos id-defiċit pubbliku, wasslet ukoll għal attenzjoni akbar fuq l-effiċjenza ekonomika tal-infiq pubbliku u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-produttività f'kollox.

L-Artikolu 106 tat-TFUE jirriżerva għall-Kummissjoni l-kompitu li tikkontrolla l-konformità ta' tali kumpens mar-regoli tal-kompetizzjoni.

Imma mhux kull finanzjament mill-Istat għas-servizzi pubbliċi ta' natura ekonomika għandu jkun meqjus bħala għajnuna mill-Istat. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Altmark [13], mhemmx għajnuna mill-Istat fejn (1) l-obbligi tas-servizz pubbliku huma ddefiniti b'mod ċar; (2) il-parametri użati biex jiġi kkalkulat il-kumpens huma stabbiliti b'mod oġġettiv u trasparenti; (3) il-kumpens għas-servizz pubbliku jkopri biss il-kostijiet u profitt raġonevoli; u (4) fejn l-impriża tintgħażel permezz ta' proċedura ta' akkwist pubbliku li tippermetti l-għażla tal-offerent li jkun kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi bl-anqas spejjeż għall-komunità, il-kumpens ikun iddeterminat fuq il-bażi ta' analiżi tal-kostijiet ta' impriża "immexxija tajjeb" fis-settur ikkonċernat. Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi ma tiġix issodisfata, allura l-intervent mill-Istat jista' jitqies bħala għajnuna mill-Istat u jkun irid jiġi nnotifikat u eżaminat mill-Kummissjoni Ewropea.

Kif imsemmi diġà, il-bażi legali għal kontroll mill-Istat tal-kumpens għal SIEĠ jinsab fl-Artikoli 106 u 107 TFUE[14]. Il-Pakkett, b'mod partikolari d-Deċiżjoni SIEĠ u l-Qafas SIEĠ, iċċara l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ. Filwaqt li d-Deċiżjoni SIEĠ tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens lil kumpaniji għall-forniment ta' obbligi ta' servizz pubbliku jkun ikkunsidrat kompatibbli mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u jkun eżentat minn notifikazzjoni lill-Kummissjoni, il-Qafas SIEĠ jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens li ma jkunx kopert mid-Deċiżjoni jista' jkun approvat mill-Kummissjoni.

Minn meta daħlu fis-seħħ fl-2005, id-Deċiżjoni SIEĠ u l-Qafas SIEĠ kienu l-aktar bażi importanti għall-analiżi tal-Kummissjoni ta' numru kbir ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat marbuta mas-SIEĠ. Barra mid-Deċiżjoni tas-SIEĠ u l-Qafas tas-SIEĠ, ġew stabbiliti diversi regoli speċifiċi għas-settur dwar l-għajnuna mill-Istat[15].

Ir-reviżjoni tal-Pakkett hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011[16]. Ir-reviżjoni ssemmiet ukoll fl-ittra tal-President Barroso li takkumpanja d-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni lill-Parlament Ewropew[17].

4. IR-REVIżJONI TAR-REGOLI TAL-GħAJNUNA MILL-ISTAT GħAS-SIEĠ

L-objettiv ġenerali tar-riforma tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ hu li tingħata spinta lill-kontribut li s-SIEĠ jistgħu jagħtu għall-irkupru ekonomiku Ewropew aktar wiesa'. Fil-fatt, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-poplu inġenerali l-garanzija ta' ċerti servizzi b'kundizzjonijiet li jistgħu jintlaħqu (pereżempju l-isptarijiet, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, kif ukoll il-komunikazzjonijiet, l-enerġija u t-trasport). L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali huma responsabbli u jgawdu minn libertà wiesgħa ta' azzjoni biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ. Madanakollu, fl-istess waqt, allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi għas-SIEĠ hija kruċjali biex ikunu żgurati l-kompetittività tal-UE u l-koeżjoni ekonomika bejn l-Istati Membri. Servizzi pubbliċi li huma effiċjenti u ta' kwalità għolja jappoġġaw u jirfdu t-tkabbir u l-impjiegi madwar l-UE. Is-servizzi soċjali, b'mod partikolari, jgħinu wkoll biex jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi.

4.1. Ir-riżultat tal-konsultazzjoni

B'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni SIEĠ u tal-punt 25 tal-Qafas SIEĠ, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika wiesgħa u kellha kontribut mill-Istati Membri u minn partijiet interessati oħra fuq l-applikazzjoni prattika tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'dan il-qasam:

- Fl-2008 u l-2009 l-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jirrappurtaw dwar l-applikazzjoni tal-Pakkett kurrenti. B'riżultat ta' dawn ir-rapporti, jidher li l-Istati Membri huma ġeneralment sodisfatti bil-Pakkett u biċ-ċertezza legali li ġab miegħu. Minflok ma sejħu għal reviżjoni kompleta tal-Pakkett, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkunsidraw li wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Pakkett għandhom jiġu riveduti biex jiffaċilitaw il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'livelli differenti tal-amministrazzjoni nazzjonali.

- Fl-2010, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika dwar l-applikazzjoni tal-Pakkett kurrenti. Din il-konsultazzjoni qajmet interess minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet. Kollox ma' kollox, il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 100 risposta. L-opinjonijiet li ngħataw ovvjament huma differenti ħafna minn xulxin skont in-natura u l-attività tal-organizzazzjoni kkonċernata. Imma t-ton ġenerali tal-opinjonijiet li tressqu huwa b'mod ġenerali konformi mar-rapporti ta' hawn fuq mill-Istati Membri.

Pari passu ma' din il-Komunikazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni qed jippubblikaw Rapport li jiddeskrivi l-prattika tal-Kummissjoni taħt ir-regoli kurrenti u l-kwistjonijiet ewlenin li ħarġu mill-konsultazzjoni.

B'mod ġenerali, il-proċess ta' konsultazzjoni kkonferma li l-istrumenti legali eżistenti huma tweġiba meħtieġa u xierqa fid-dawl tas-sentenza Altmark . Minn mindu daħlu fis-seħħ, ġew applikati f'għadd kbir ta' każi dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-konsultazzjoni wriet ukoll li, f'ċerti każi, per eżempju fis-settur tas-servizzi soċjali, il-Pakkett mhux dejjem ġie implimentat kif previst. Dan jista' jkun minħabba n-nuqqas ta' għarfien min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati kif ukoll minħabba l-kumplessità tal-Pakkett eżistenti.

Bosta partijiet interessati jħossu li l-istrumenti legali eżistenti taw kontribut pożittiv għall-objettiv ġenerali taċ-ċertezza legali. Madankollu, il-konsultazzjoni wriet ukoll li għad hemm spazju għal titjib. B'mod partikolari, hemm bżonn ta' strumenti aktar ċari, aktar sempliċi, aktar proporzjonati u aktar effettivi biex tiġi żgurata applikazzjoni aktar faċli tar-regoli u, b'hekk, ikun hemm promozzjoni ta' twassil effiċjenti ta' SIEĠ ta' kwalità għolja għall-benefiċċju ta' dawk li jgħixu fl-UE.

4.2. Il-prinċipji ewlenin għar-riforma

Biex tilħaq dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tibbaża r-riforma li ġejja fuq żewġ prinċipji ewlenin:

- Kjarifika : fejn possibbli, il-Kummissjoni qed tevalwa l-possibbiltà li tipprovdi kjarifika addizzjonali fuq numru ta' kunċetti ewlenin relevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ, inkluż l-ambitu ta' dawk ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-għajnuna għas-SIEĠ[18];

- Approċċ diversifikat u proporzjonat : il-Kummissjoni qed tesplora wkoll mezzi biex toffri rispons aktar diversifikat u proporzjonat għat-tipi differenti ta' SIEĠ. Għandha l-għan li tagħmel il-grad tal-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat dipedenti fuq in-natura u l-għan tas-servizzi pprovduti. Wieħed mill-elementi ta' din l-istrateġija jista' jkun li tiġi ssimplifikata l-applikazzjoni tar-regoli għal ċerti tipi ta' servizzi pubbliċi fuq skala żgħira ta' natura lokali b'impatt limitat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għal ċerti tipi ta' servizzi soċjali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tkun tista' tiffoka iktar fuq il-kunsiderazzjonijiet ta' effiċjenza u kompetizzjoni fit-trattament ta' servizzi kummerċjali ta' skala kbira li jkun ċar li jkollhom dimensjoni li tkopri l-UE kollha kemm hi.[19]

B'riżultat ta' dan, ir-riforma se timmira biex tiżgura qafas legali ċar, sempliċi u effettiv sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jsibuha eħfef biex jikkonformaw, u biex tmexxi 'l quddiem it-twassil effiċjenti tas-SIEĠ li jwassal għal ekonomija għaqlija, sostenibbli u inklużiva.

Ir-riforma se tkun għal kollox konformi mal-għan ġenerali tal-UE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw biss għajnuna mill-Istat li tagħti kontribut għal objettiv ta' interess komuni, tkun imfassla tajjeb u proporzjonata u ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.2.1. Kjarifika

Is-servizzi tal-Kummissjoni ppruvaw b'diversi modi jiċċaraw ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ. Kif imsemmi qabel, fl-2007 s-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw dokument dwar il-mistoqsijiet li jsiru spiss (Frequently Asked Questions). Barra minn hekk, fl-2008, is-servizzi tal-Kummissjoni varaw is-Servizz Interattiv ta' Informazzjoni (SII) għall-partijiet interessati li jixtiequ jressqu mistoqsijiet relevanti dwar ir-regoli tas-SIEĠ direttament onlajn u biex jiksbu rispons mis-servizz responsabbli fi ħdan il-Kummissjoni.

L-għarfien u l-esperjenza li ġew akkwistati permezz tas-SII u permezz tal-prattika tal-każijiet tal-Kummissjoni saru disponibbli fl-aħħar tal-2010 permezz ta' aġġornament tal-Frequently Asked Questions (FAQs) tal-2007.[20] Din il-Gwida aġġornata tinkludi iktar minn 100 mistoqsija dwar diversi temi relatati mas-SIEĠ. Din tipprovdi kjarezza addizzjonali fuq numru ta' kunċetti ewlenin relevanti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ, inklużi l-ambitu ta' dawk ir-regoli, il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-għajnuna għas-SIEĠ mill-Kummissjoni u r-relazzjoni bejn ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u dawk tal-akkwist pubbliku. Ħafna mistoqsijiet jirrigwardaw is-settur tas-servizzi soċjali, minħabba li l-awtoritajiet pubbliċi u dawk li jipprovdu s-servizzi f'dan is-settur ħafna drabi rrappurtaw diffikultajiet biex japplikaw ir-regoli relevanti tal-UE. Il-partijiet interessati għad ma kellhomx l-opportunità jikkummentaw dwar il-Gwida bħala parti mill-konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-Pakkett.

Il-proċess ta' konsultazzjoni madanakollu enfasizza li l-inċertezzi u n-nuqqas ta' fehim rigward il-kunċetti li jirfdu r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ, jistgħu jkunu fost ir-raġunijiet għalfejn ir-regoli huma kultant applikati mhux kif suppost. It-tiftix għal iktar ċarezza jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Pakkett u jirrigwarda wkoll in-natura tal-attività u l-kwistjoni dwar jekk miżura wara kollox taqax taħt l-Artikolu 107 TFUE. Il-kwistjonijiet li dwarhom il-partijiet interessati talbu iktar kjarezza u li dwarhom il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tagħti iktar gwida jinkludu, fost l-oħrajn:

- Id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u nonekonomiċi taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kwalifika ta' ċerti entitajiet bħal impriżi;

- Il-limiti li għandhom l-Istati Membri taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat meta jkunu qed jiddefinixxu attività ekonomika bħala SIEĠ;

- Il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens għal ċerti SIEĠ lokali pprovduti fil-livell lokali jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u għalhekk jaqa' fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

- Ir-rekwiżiti li għandhom isegwu l-awtoritajiet pubbliċi skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat meta jafdaw impriża bit-twettiq ta' SIEĠ;

- Il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens għas-SIEĠ ma jinvolvix l-għajnuna mill-Istat għax l-offerta tagħżel lill-fornitur "bl-inqas spejjeż għall-komunità" jew għax il-prezz li jintalab ikun konformi ma' dak ta' impriża effiċjenti u "mmexxija tajjeb".

- Kif tiżdied il-konverġenza bejn l-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku; kif ukoll

- L-interazzjoni bejn ir-regoli tal-Pakkett SIEĠ u regoli oħra ta' għajnuna mill-Istat speċifiċi għas-settur.

Uħud mill-kwistjonijiet imsemmija joħorġu direttament mid-Dritt primarju tal-UE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara pereżempju d-distinzjoni bejn attivitajiet ekonomiċi u nonekonomiċi). Ir-rwol tal-Kummissjoni f'dan ir-rigwrad huwa limitat għall-għoti ta' kjarifikazzjoni dwar kif hi tifhem u tapplika d-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Fi ħdan dawn il-limiti, il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa ta' kjarifikazzjoni addizzjonali dwar il-kunċetti ewlenin rigward ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni korretta ta' dawn ir-regoli.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri kif tipprovdi kjarifikazzjoni prattika addizzjonali fuq il-post għall-benefiċċju ta' atturi lokali u partijiet interessati.

4.2.2. Approċċ Diversifikat u Proporzjonat

Il-Pakkett kurrenti japplika bejn wieħed u ieħor b'mod uniformi għal firxa wiesgħa ħafna ta' setturi u atturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni fi ħsiebha, fil-kuntest tar-riforma li ġejja, li tiddistingwi b'mod aktar ċar bejn it-tipi differenti ta' servizzi skont il-punt sa fejn l-għajnuna mill-Istat f'dawn is-setturi ekonomiċi tippreżenta riskju serju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

4.2.2.1. Simplifikazzjoni

Ħafna servizzi pubbliċi organizzati mill-komunitajiet lokali huma ta' skala relattivament limitata u għaldaqstant għandhom biss impatt żgħir fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, ċerti tipi ta' servizzi soċjali jippreżentaw serje ta' partikolaritajiet rigward l-istruttura tal-finanzjament u l-għanijiet tagħhom Mezz wieħed biex jiġi adottat approċċ iktar diversifikat għalhekk jista' jkun li tiġi ssimplifikata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal dawn it-tipi ta' servizzi. Ġeneralment, il-Kummissjoni se tfittex li tiżgura li l-piż amministrattiv imqiegħed fuq l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jkun proporzjonat għall-impatt li jkollha l-miżura fuq is-suq intern. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tkun trid tivvaluta taħt liema kundizzjonijiet u ċirkostanzi ċerti għajnuniet jistgħu jitqiesu bħala de minimis [21], għal liema tipi ta' servizzi u taħt liema kundizzjonijiet tkun meħtieġa notifikazzjoni individwali ta' għajnuna mill-Istat, u jekk il-limiti li jiddeterminaw l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni kurrenti tas-SIEĠ għandhomx jiġu modifikati.

4.2.2.2. L-Effiċjenza ta' Servizzi Kummerċjali fuq Skala Kbira responsabbilizzati b'Obbligi ta' Servizz Pubbliku.

Filwaqt li l-Kummissjoni hi ddeterminata li tiffaċilita l-applikazzjoni tal-Pakket fejn ikun iġġustifikat, se tfittex ukoll li tiżgura servizzi pubbliċi ta' kwalità tajba u allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-Istat, u b'hekk jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern b'mod effettiv kemm jista' jkun, bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riforma tal-Pakkett.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-riskju ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern hija partikolarment għolja f'setturi kkaratterizzati minn attività kummerċjali fuq skala kbira li jkun ċar li jkollha dimensjoni li tkopri l-UE kollha kemm hi, fejn l-operaturi jistgħu jingħataw obbligi ta' servizz pubbliku. F'uħud mis-setturi relevanti, bħat-trasport, it-telekomunikazzjoni, il-forniment tal-elettriku u l-posta, dan ir-riskju hu indirizzat f'regoli speċifiċi għas-settur[22]. Dawn ir-regoli settorjali jew japplikaw minflok id-Deċiżjoni ġenerali dwar is-SIEĠ u l-Qafas ġenerali dwar is-SIEĠ (pereżempju t-trasport) jew flimkien miegħu (per eżempju l-posta).

Taħt il-Pakkett kurrenti, il-kumpens mogħti għall-forniment tas-SIEĠ jista' jkopri l-kostijiet imġarrba mill-fornitur u marġini raġonevoli ta' profitt[23]. Madankollu, il-Pakkett kurrenti ma jikkunsidrax kif il-kostijiet imġarrba mill-fornitur tas-SIEĠ jikkomparaw ma' dawk ta' impriża mmexxija tajjeb. Uħud mill-kostijiet ikkumpensati mill-Istati Membri lill-fornituri jistgħu għaldaqstant jinħolqu minn livelli baxxi ta' effiċjenza. Sitwazzjoni bħal din għandha mnejn toħloq distorsjoni ta' kif jaħdmu s-swieq u fl-aħħar mill-aħħar tagħmel ħsara lill-kwalità tas-servizz u t-twassil effiċjenti tiegħu. Barra minn hekk, mhix allineata mal-objettiv tal-politika pubblika ġenerali tal-effiċjenza tal-infiq pubbliku u l-allokazzjoni korretta tar-riżorsi.

Fil-qafas tar-reviżjoni kurrenti, il-Kummissjoni għalhekk qed tikkunsidra safejn jista' jingħata aktar kas kemm tal-effiċjenza kif ukoll tal-kwalità meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat rigward is-SIEĠ. Dan jista' jinkludi wkoll miżuri mmirati biex tintlaħaq trasparenza xierqa rigward l-ispiża pubblika għas-SIEĠ jew għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-obbligi tas-SIEĠ (filwaqt li tiġi rrispettata d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istati Membri f'dan ir-rigward), kif ukoll miżuri mmirati biex tiġi kkunsidrata l-effiċjenza tul il-ħajja ta' inkarġu għall-forniment ta' SIEĠ.

5. Il-Passi li Jmiss

Il-konsultazzjoni mal-Parlament Ewopew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Istati Membri kif ukoll il-partijiet interessati dwar l-abbozzi tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ u l-Qafas dwar is-SIEĠ bħalissa tinsab prevista li tkun saret sa Lulju 2011.

ANNESS – Stumenti Legali Applikabbli għas-SIEĠ skont is-Settur

Qafas 2005 | Deċiżjoni 2005 | Komunikazzjonijiet dwar l-Għajnuna Settorjali mill-Istat li fiha d-dispożizzjonijiet dwar is-SIEĠ | Leġiżlazzjoni Settorjali Relevanti li fiha d-dispożizzjonijiet dwar is-SIEĠ |

Trasport bl-art | Mhux applikabbli għax skont l-Art. 93 TFUE | Mhux applikabbli għax skont l-Art. 93 TFUE | Linji gwida dwar impriżi tal-ferrovija[24] | Regolament dwar servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq[25] |

Trasport bl-ajru | Mhux applikabbli | Applikabbli[26] | Linji gwida dwar it-trasport bl-ajru[27] Għajnuniet mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni[28] | Regolament dwar l-operazzjoni tas-servizzi bl-ajru[29] Direttiva dwar il-ground-handling[30] |

Trasport Marittimu | Mhux applikabbli | Applikabbli[31] | Komunikazzjoni dwar kumpaniji ta' mmaniġġjar tal-vapuri[32] Komunikazzjoni dwar it-toroq prinċipali tal-baħar[33] -Komunikazzjoni dwar it-trasport marittimu[34] | Regolament dwar il-Kabotaġġ[35] |

Xandir | Mhux applikabbli, iżda l-prinċipji tal-Komunikazzjoni settorjali[36] huma simili | Applikabbli sakemm ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni[37] | Komunikazzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku[38] |

Telekomunikazzjonijiet li jinkludu l-Faxx wiesa' | Applikabbli, flimkien mal-linji gwida | Applikabbli | Linji gwida għall-mobilizzazzjoni bil-ħeffa tan-netwerks bil-faxx wiesa'[39] | Id-Direttiva ta' Qafas[40], Direttiva dwar is-Servizz Universali[41] |

Posta | Applikabbli[42] | Applikabbli, imma ġeneralment mhux relevanti minħabba l-limiti | it-3et Direttiva postali (mill-2011 'l hawn)[43] |

Enerġija | Applikabbli | Applikabbli | It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija li jinkludi: Direttiva dwar is-suq tal-elettriku[44] Direttiva dwar is-suq tal-gass naturali[45] |

Saħħa | Applikabbli | Applikabbli għall-isptarijiet irrispettivament mil-limiti[46] |

Akkomodazzjoni soċjali | Applikabbli | Applikabbli irrispettivament mil-limiti[47] |

Kura Soċjali | Applikabbli | Applikabbli |

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 842/2005 tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE dwar Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati bl-operat ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

[2] Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku, ĠU C 297, tad-29.11.2005, p. 4.

[3] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin COM(2010) 608 finali/2 tal-11 ta' Novembru 2010.

[4] L-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 tat-Trattati.

[5] Għal deskrizzjoni tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni L-Implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea , (COM(2006) 177 finali tas-26 ta' April 2006).

[6] Iktar preċiżament, l-Artikolu 14 tat-TFUE huwa "Mingħajr preġudizzju għall- …. Artikoli 93, 106, u 107 …". Għaldaqstant, jikkonferma l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tas-SIEĠ u l-miżuri li ġew adottati abbażi tagħhom.

[7] Ara l-Kapitolu 2 hawn taħt.

[8] Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li takkumpanja l-Komunikazzjoni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21” Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid (COM(2007) 725 finali), il-Kummissjoni ddikjarat: " Servizzi mhux ekonomiċi: dawn is-servizzi, pereżempju l-prerogattivi tradizzjonali tal-Istat bħall-pulizija, il-ġustizzja u l-iskemi statutarji tas-sigurtà soċjali, mhumiex suġġetti għal leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, u lanqas mhuma koperti mir-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Uħud mill-aspetti tal-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi jistgħu jkunu suġġetti għal regoli oħra tat-Trattat, bħall-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni".

[9] Kawża C-364/92 SAT Fluggesellschaft [1994] Ġabra I-43.

[10] Kawża C-343/95 Diego Calì & Figli [1997] Ġabra I-1547.

[11] Il-grafika hawn taħt turi biss il-kunċetti differenti u ma tfittixx li tippreżenta d-daqs rispettiv tas-setturi ekonomiċi u nonekonomiċi.

[12] Kawża C-159/91 Poucet et Pistre [1993] Ġabra I-637; Kawża C-218/00 Cisal u INAIL [2002] Ġabra I-691, paragrafi 43-48; Kawżi Magħquda C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01 AOK Bundesverband [2004] Ġabra I-2493, paragrafi 51-55. Huwa meħtieġ li l-iskema taħdem skont il-prinċipju tas-solidarjetà, billi toffri benefiċċji ta' assigurazzjoni indipendentement mill-kontribuzzjonijiet. Il-Qorti, madankollu kkunsidrat li dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat (pereżempju r-regoli tas-suq intern) jistgħu japplikaw, ara l-kawża C-350/07 Kattner [2009] Ġabra I-1513.

[13] Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, [2003] Ġabra p. I-7747.

[14] L-Artikolu 14 TFUE japplika mingħajr ħsara għal dawn id-dispoizzjonijiet.

[15] Ara l-Anness ta' ma' din il-Komunikazzjoni.

[16] L-Anness 1 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2010) 623, Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011, 27.10.2010, p. 4.

[17] Stqarrija Stampa Memo/10/393, Ittra mill-President Barroso lill-Membri tal-Parlament Ewropew, 07.09.2010.

[18] Ara t-Taqsima 4.2 hawn taħt.

[19] Ara t-Taqsima 4.3 hawn taħt.

[20] SEC(2010) 1545 finali tas-7 ta’ Diċembru 2010.

[21] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis, Ġurnal Uffiċjali L 379 tat-28.12.2006.

[22] Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1); Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi bl-ajru fil-Komunità, ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3 Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3; Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

[23] Ara l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ u t-Taqsima 2.4 tal-Qafas tas-SIEĠ.

[24] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni C(2008) 184, Linji gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-impriżi tal-ferrovija, ĠU C 184, tat-22.7.2008, p. 13-31.

[25] Ir-Regolament (KE) Nru. 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, ĠU L 315, 3.12.2007. Dan ir-Regolament jippermetti u jeżenta min-notifikazzjoni l-kumpens li ngħata b'konformità ma' numru ta' rekwiżiti, li normalment jinkludu obbligu ta' sejħa għall-offerti.

[26] Il-fornituri tas-SIEĠ f'dan is-settur jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni jekk jilħqu jew il-limiti ġenerali (fatturat ta' EUR 100 miljun, jew EUR 30 miljun f'kumpens) jew limiti speċifiċi bbażati fuq in-numru ta' passiġġieri.

[27] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2005, linji gwida Komunitarji għall-finanzjament tal-ajruporti u għajnuna tal-bidu għal-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali, ĠU C 312, 9.12.2005, p.1

[28] L-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni, ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5-20.

[29] Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi bl-ajru fil-Komunità, ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3-18.

[30] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal- 15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-ground handling fl-ajruporti tal-Komunità; ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.

[31] Il-fornituri tas-SIEĠ f'dan is-settur jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni jekk jilħqu jew il-limiti ġenerali (fatturat ta' EUR 100 miljun, jew EUR 30 miljun f'kumpens) jew limiti speċifiċi bbażati fuq in-numru ta' passiġġieri.

[32] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji ta' mmaniġġar tal-vapuri ĠU C 132, 11.6.2009, p. 6.

[33] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tagħti gwida dwar għajnuna mill-Istat li tikkumplementa l-finanzjament Komunitarju għat-tnedija tal-awtostradi tal-baħar (ĠU C 317, 12.12.2008, p. 10).

[34] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni C(2004)43, Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu, ĠU C 13 tas-17.1.2004, p.3

[35] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), ĠU L 364, 12.12.1992, pp. 710 .

[36] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizz ta' xandir pubbliku, ĠU C 257, 27.10.2009, p. 114. Din il-Komunikazzjoni tispjega kif il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji bażiċi li jinsabu fil-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema ta' xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-TUE u mat-TFUE.

[37] Kif stipulat fil-paragrafu 19 tal-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-servizz ta' xandir pubbliku ĠU C 257, 27.10.2009, p. 4 .

[38] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizz ta' xandir pubbliku ĠU C 257, tas-, p. 1; Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Iistat għas-servizz ta' xandir pubbliku, ĠU C 320, tal-15.11.2001, p. 5.

[39] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa', ĠU C 235, 30.9.2009, p. 7.

[40] Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, ĠU L 108, 24.4.2002, pp. 33-50.

[41] Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti rigward networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ĠU L 108, 24.04.2002, p. 51-77

[42] Għandu jiġi nnutat li skont il-punt 4 tal-Qafas tas-SIEĠ, għandhom jiġu rrispettati r-regoli iktar strinġenti li jinsabu fid-Direttivi settorjali (li daħlu fis-seħħ fl-2011).

[43] Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji, ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3.

[44] Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, ĠU L 211 tal-14.8.2009, p. 55.

[45] Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, ĠU L 211 tal-14.8.2009, p. 94.

[46] L-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ.

[47] L-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ

Top