This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0817
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Council Directive on the management of spent fuel and radioactive waste’ COM(2010) 618 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv” COM(2010) 618 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv” COM(2010) 618 finali
ĠU C 218, 23.7.2011, p. 135–139
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/135 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv”
COM(2010) 618 finali
2011/C 218/28
Relatur: is-Sur ADAMS
Nhar l-1 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b 'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv
COM(2010) 618 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Marzu 2011.
Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'146 vot favur, 7 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Konklużjonijiet
1.2 Din id-Direttiva ilha titħejja għal aktar minn għaxar snin u l-Kumitat jilqagħha bi pjaċir bħala pass ċar 'il quddiem fit-talba biex il-ġestjoni ppjanata tal-volum kbir eżistenti ta’ skart radjuattiv madwar l-UE kollha tilħaq standards minimi.
1.3 Qed issir enfasi inkoraġġanti fuq it-trasparenza u l-impenn pubbliku, u r-rekwiżit li jitbassru kemm l-ispejjeż kif ukoll il-finanzjament tal-proposti se jipprovdi għodda analitika ċentrali. Għall-ewwel darba, standards tas-sigurtà maqbula internazzjonalment ser isiru legalment vinkolanti u infurzabbli fl-Unjoni Ewropea. L-UE għandha tikkoopera mal-pajjiżi ġirien tagħha u tħeġġiġhom jadottaw standards ta’ sigurtà simili.
1.4 Iżda t-triq tal-iżvilupp ta’ din id-Direttiva ma kinitx waħda faċli. Il-limiti taċ-ċertezza xjentifika għadhom qed jiġu diskussi, filwaqt li d-diffikultajiet biex jiġu antiċipati x-xenarji politiċi u soċjali fil-ġejjieni mbiegħed huma ovvji għal kulħadd.
1.4.1 Minkejja li hemm kunsens xjentifiku wiesa' dwar il-fattibbiltà teknika ġenerali tar-rimi ġeoloġiku fil-fond, hemm dibattitu kontinwu dwar il-livell ta’ ċertezza xjentifika jew ta’ adegwatezza f'diversi oqsma. X'aktarx li dan mhuwiex ser jissolva kompletament għas-sodisfazzjon tal-partijiet involuti kollha, speċjalment minħabba n-natura intrinsika tal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli, l-interazzjoni tiegħu mal-ambjent immedjat tiegħu u l-perjodi ta’ żmien ġeoloġiċi li qed jitqiesu. Jidher ċar li l-arranġamenti attwali għall-“ħżin” mhumiex sostenibbli fuq żmien medju u dan isaħħaħ il-ħtieġa għall-azzjoni.
1.4.2 Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet imqanqla u li ma jaslu għall-ebda soluzzjoni dwar x'inhu livell adegwat ta’ sigurtà u ta’ riskju. X'jinvolvi eżattament il-fatt li tingħata l-ogħla prijorità għas-sigurtà tal-bniedem u dik ambjentali? Fil-prattika, it-turija ta’ sigurtà ser tkun taħlita ta’ argumenti kwalitattivi u kwantittivi, li jfittxu li kemm jista' jkun inaqqsu l-inċertezzi, fil-kuntest tat-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali.
1.4.3 Il-fiduċja fil-projezzjoni ta’ koerenza politika u istituzzjonali u l-kompetenza ta’ kwalunkwe sistema ta’ ġestjoni loġikament tonqos mal-mogħdija taż-żmien. Għaldaqstant, is-sigurtà “passiva” ssir element qawwi, bil-ħtieġa li tkun effettiva anke meta s-sorveljanza u l-għarfien dwar maħżen ta’ skart jintilfu maż-żmien.
1.4.4 Il-kontribut u l-iżvilupp kontinwu tal-enerġija nukleari bbażata fuq il-fissjoni bħala parti mit-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri, sa ċertu punt, tiddependi mill-aċċettazzjoni tal-pubbliku kif ukoll mis-sostenibbiltà finanzjarja. Id-dibattitu dwar l-użu jew l-iżvilupp tal-enerġija nukleari huwa distrazzjoni sinifikanti mis-soluzzjoni tal-ħtieġa immedjata u urġenti li tiġi indirizzata l-problema dejjem takkumula tal-iskart radjuattiv, speċjalment peress li l-programmi attwali u li għadhom għaddejjin ta’ dekummissjonar ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ser ikomplu jkabbru l-problema. L-attitudnijiet tal-pubbliku jvarjaw ħafna madwar l-UE iżda l-maġġoranza kbira tal-Ewropej jemmnu tassew li jkun utli li jkun hemm strument Komunitarju dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv (Attitudes towards radioactive waste (Attitudnijiet lejn l-iskart radjuattiv), Ewrobarometru, Ġunju 2008 (mhux disponibbli bil-Malti)).
1.5 Għalhekk, il-Kumitat qed jipprova jindirizza b'mod kostruttiv l-ambivalenza fl-attitudnijiet tal-pubbliku u qed jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet rilevanti biex isaħħaħ id-determinazzjoni tal-Kummissjoni li ssib soluzzjoni.
1.6 Rakkomandazzjonijiet
1.6.1 Il-Kumitat qed iressaq sensiela ta’ kummenti, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi fis-sezzjonijiet 4 u 5 ta’ din l-opinjoni u jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill iqisuhom b'mod sħiħ. Barra minn hekk, b'mod aktar ġenerali jirrakkomanda li:
— |
l-Istati Membri jirrikonoxxu l-prijoritizzazzjoni tas-sigurtà fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u li b'mod urġenti u konsistenti jittrasponu d-Direttiva f'liġi nazzjonali bħala tweġiba għall-problema urġenti tal-akkumulazzjoni tal-iskart radjuattiv; |
— |
isiru sforzi akbar mill-gvernijiet, l-industrija nukleari u l-komunitajiet xjentifiċi rilevanti biex jipprovdu aktar tagħrif dettaljat, trasparenti u li jkun sarlu valutazzjoni tar-riskju dwar l-alternattivi tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv għall-pubbliku inġenerali. |
2. Introduzzjoni
2.1 Il-kwistjoni tas-sigurtà nukleari bħalissa qed tiġbed attenzjoni u tħassib konsiderevoli b'riżultat tal-impatt tat-terremot u t-tsunami fuq erba' reatturi f'Fukushima fit-tramuntana tal-Ġappun. Il-kundizzjonijiet ta’ operazzjoni sikuri u l-miżuri ta’ prekawzjoni għall-impjanti nukleari Ewropej huma rregolati mid-Direttiva dwar is-Sigurtà Nukleari (ara punt 5.6) u l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri. Fil-21 ta’ Marzu, l-Istati Membri qablu li jtejbu l-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nukleari rispettivi tagħhom u li jitolbu lill-Grupp Ewropew tar-Regolaturi tas-Sigurtà Nukleari (ENSREG) jiddefinixxi l-modalitajiet għall-istress tests proposti (riskju globali u valutazzjonijiet ta’ sigurtà) għall-impjanti nukleari kollha tal-UE. Fid-dawl tat-tħassib kbir tal-pubbliku b'konsegwenza tal-inċident serju fl-impjant tal-elettriku ta’ Fukushima Daiichi, il-Kumitat, b'urġenza u trasparenza, ser jimpenja ruħu bis-sħiħ fid-djalogu mas-soċjetà ċivili dwar dan is-suġġett u dwar kwistjonijiet relatati, b'mod partikolari permezz ta’ riorjentazzjoni attiva tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasparenza tal-ENEF (Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari), li l-KESE qiegħed jippresiedi bħalissa, u l-parteċipazzjoni fil-Gruppi ta’ Ħidma dwar l-Opportunitajiet u r-Riskji.
2.2 Minn perspettiva teknika, l-inċident ta’ Fukushima m'għandux rabta diretta mal-analiżi tad-Direttiva dwar l-iskart radjuattiv li saret f'din l-Opinjoni. Madankollu, naturalment dan l-inċident żied it-tħassib pubbliku u l-kuxjenza dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà nukleari u l-Kumitat jemmen li jista' jaqdi rwol fid-dibattitu attwali.
2.3 F'Novembru 2010, kien hemm 143 impjant tal-enerġija nukleari (reatturi) joperaw f'14-il Stat Membru tal-UE. Barra minn hekk, hemm għadd ta’ impjanti li ngħalqu u faċilitajiet nukleari oħrajn, bħal impjanti għar-ripproċessar tal-fjuwil użat, li jiġġeneraw l-iskart radjuattiv. Kull sena, tipikament l-UE tipproduċi 280 metru kubu ta’ skart ta’ livell għoli, 3 600 tunnellata ta’ metall tqil ta’ fjuwil użat u 5 100 metru kubu ta’ skart radjuattiv ta’ ħajja twila li għalih ma teżisti l-ebda rotta ta’ rimi (is-Sitt Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv u tal-Fjuwil Użat fl-Unjoni Ewropea, SEC(2008)2416); hemm każijiet oħra ta’ skart b'attività aktar baxxa li ħafna minnu jintrema b'mod regolari. L-iskart ta’ livell għoli huwa radjuattiv ħafna, fih radjunuklidi ta’ ħajja twila u jiġġenera ammont konsiderevoli ta’ sħana. Huwa jirrappreżenta 10 % tal-volum tal-iskart radjuattiv iġġenerat, fih madwar 99 % tar-radjuattività totali u jinkludi prodotti ta’ fissjoni u fjuwil użat.
2.4 Dan l-iskart ġej mir-riproċessar ta’ fjuwil nukleari użat, fjuwil użat destinat direttament għar-rimi, operazzjonijiet ta’ rutina f'impjanti nukleari u dekummissjonar. Qed jiġu ppjanati ħafna aktar impjanti nukleari, xi wħud fi Stati Membri li m'għandhom l-ebda esperjenza preċedenti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari. Jekk l-iskart li jirriżulta, li f'xi każijiet jibqa' theddida għal għexieren ta’ millenji, ma jiġix immaniġġjat u mmonitorjat, hemm riskji sinifikanti għas-saħħa, is-sigurtà u s-sikurezza. Fin-natura tiegħu, l-iskart radjuattiv fih isotopi ta’ elementi li jgħaddu minn diżintegrazzjoni radjuattiva u jirrilaxxa radjazzjoni jonizzanti li tista' tagħmel il-ħsara lill-bnedmin u lill-ambjent.
2.5 Id-deċiżjonijiet li jittieħdu f'dan is-seklu ser ikollhom implikazzjonijiet għal mitt seklu fil-futur. L-enfasi ewlenija tad-Direttiva hija l-indirizzar tal-iskart li jkun ġej miċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, iżda ser jiġu koperti wkoll l-iskart radjuattiv iġġenerat fir-riċerka, il-mediċina u l-industrija. Minħabba ż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija nukleari, l-iskart ta’ livell għoli kiber b'medja ta’ 1,5 % kull sena bejn l-2000 u l-2005 u d-dekummissjonar ta’ impjanti aktar antiki issa qed iżid mal-kwantità. Fl-aħħar tal-2004, fl-Ewropa nħażnu madwar 220 000 metru kubu ta’ skart ta’ livell baxx jew intermedju b'ħajja twila, 7 000 metru kubu ta’ skart radjuattiv ta’ livell għoli u 38 000 tunnellata ta’ metall tqil ta’ fjuwil użat (dawn iċ-ċifri mhumiex ċerti għax f'pajjiżi fejn isir ir-riproċessar bħar-Renju Unit u Franza, il-fjuwil nukleari użat u l-plutonju u l-uranju riproċessati bħalissa mhumiex klassifikati bħala skart nukleari, abbażi tal-fatt li l-fjuwil użat huwa materjal riċiklabbli u li l-uranju u l-plutonju riproċessati jistgħu jintużaw biex isir fjuwil frisk).
2.6 Għaddew 54 sena minn mindu beda jopera l-ewwel impjant nukleari kummerċjali. F'dan iż-żmien kollu kien hemm dibattitu kontinwu dwar il-ġestjoni tal-iskart. Qasam wieħed fejn hemm qbil ġenerali huwa li l-ħżin temporanju fuq żmien twil huwa adatt għall-ewwel fażi ta’ kull soluzzjoni. Bħalissa, għad m'hemm l-ebda mħażen finali għall-iskart nukleari ta’ attività għolja fl-UE, għalkemm l-Isvezja, il-Finlandja u Franza t-tlieta li huma qed jippjanaw li fil-pajjiżi tagħhom dawn l-imħażen ikunu jaħdmu sal-2025. L-għan huwa li jitfasslu u jinbnew faċilitajiet li jiżguraw is-sigurtà fuq tul ta’ żmien permezz ta’ sistemi ta’ protezzjoni sikuri b'mod passiv ipprovduti minn barrieri ġeoloġiċi stabbli u mfassla bl-inġinerija, bl-ebda dipendenza mill-monitoraġġ, l-intervent uman jew il-kontrolli istituzzjonali wara li l-faċilità tkun għalqet. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati jew m'hemm l-ebda politika definittiva dwar il-fjuwil użat jew għadha ma ġietx implimentata, ħlief għal arranġamenti biex jiżguraw perjodu ta’ ħażna estiż li jkun sigur sa mitt sena (is-Sitt Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv u tal-Fjuwil Użat fl-Unjoni Ewropea, SEC(2008)2416).
2.7 93 % taċ-ċittadini Ewropej iqisu li hemm bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, minflok ma nħalluha għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-maġġoranza kbira taċ-ċittadini tal-UE fil-pajjiżi kollha jaqblu li l-UE għandha tarmonizza l-istandards u li għandha tkun tista' timmonitorja l-prattiki nazzjonali (Attitudes towards radioactive waste (Attitudnijiet lejn l-iskart radjuattiv), Ewrobarometru, Ġunju 2008 (mhux disponibbli bil-Malti)).
2.8 Il-leġislazzjoni tal-UE eżistenti tqieset bħala mhux adegwata. Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom diġà stabbilixxiet qafas Komunitarju għas-sigurtà nukleari tal-installazzjonijiet nukleari, appoġġjata mis-27 Stat Membru tal-UE, u din id-Direttiva dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv (COM(2010) 618) hija l-pass loġiku li jmiss.
2.9 It-taħlita tal-enerġija ta’ kull Stat Membru u l-għażla tiegħu dwar l-użu tal-enerġija nukleari hija kompetenza nazzjonali u mhijiex soġġetta għal din id-Direttiva. Minkejja dan, l-iskart nukleari ma jistax jiġi separat mill-użu tal-enerġija nukleari: hemm volumi kbar ta’ skart li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ theddida serja, fit-tul u transnazzjonali. Anke jekk it-tħaddim tal-impjanti nukleari jieqaf illum, irridu nindirizzaw l-iskart li jeżisti diġà. Huwa fl-interess taċ-ċittadini kollha tal-UE li l-iskart radjuattiv jintrema bl-aktar mod sigur possibbli. Dan huwa l-kuntest li fih il-Kummissjoni pproponiet id-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ ġestjoni responsabbli tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.
2.10 L-aħħar li l-Kumitat ikkunsidra din il-kwistjoni kien fl-2003 (1), meta enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni urġenti fid-dawl tat-tkabbir u tal-importanza tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Id-Direttiva proposta, li kienet is-suġġett tal-opinjoni tal-2003, ma kinitx approvata għax l-Istati Membri ħassew li xi aspetti minnha kienu preskrittivi wisq u kellhom bżonn ta’ aktar ħin biex jaħsbu.
3. Sommarju tad-Direttiva proposta
3.1 L-Istati Membri huma mitluba li, fi żmien erba' snin mill-adozzjoni tad-Direttiva, ifasslu u jippreżentaw programmi nazzjonali li jindikaw il-post attwali fejn ipoġġu l-iskart u l-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni u r-rimi.
3.2 Ser ikun hemm qafas legalment vinkolanti u infurzabbli biex jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw l-istandards komuni żviluppati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) għall-istadji kollha tal-fjuwil użat u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv sar-rimi aħħari.
3.3 Il-programmi nazzjonali għandhom jinkludu inventarji għall-iskart radjuattiv, pjani ta’ ġestjoni mill-ġenerazzjoni sar-rimi, pjani għal wara l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi, attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp, skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni u għall-punti li juru li jkun intlaħaq objettiv, deskrizzjoni tal-attivitajiet kollha li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet għar-rimi, valutazzjonijiet tal-ispejjeż u l-iskemi ta’ finanzjament magħżula. Id-Direttiva ma tistipulax preferenza għal forma partikolari ta’ rimi.
3.4 Id-Direttiva proposta fiha artikolu ta’ trasparenza biex jiżgura d-disponibbiltà tal-informazzjoni għall-pubbliku u l-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ċerti aspetti tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv.
3.5 L-Istati Membri jridu jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti, u wara dan il-Kummissjoni ser tressaq rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar. L-Istati Membri ser jitolbu wkoll reviżjoni internazzjonali mill-pari tal-programm nazzjonali tagħhom u dan ser jiġi rrappurtat ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.
4. Kummenti ġenerali
4.1 F'din l-opinjoni, il-Kumitat qed jindirizza primarjament il-problema prattika u urġenti tal-eżistenza u l-produzzjoni kontinwa tal-iskart radjuattiv. L-ikbar proporzjon ta’ dan l-iskart ('il fuq minn 90 %) ġej minn attivitajiet assoċjati mal-produzzjoni tal-enerġija nukleari. L-alternattiva tal-Istati Membri li jagħżlu li jużaw jew li jespandu l-enerġija nukleari bħala parti mit-taħlita tal-enerġija tinsab f'idejhom, iżda l-implikazzjonijiet fit-tul tal-ġestjoni tal-iskart li jirriżulta jista' jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali (u transġenerazzjonali).
4.2 L-opinjoni pubblika dwar l-enerġija nukleari f'pajjiżi b'impjanti tal-enerġija nukleari tkun affettwata b'mod sinifikanti (favur il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari), jekk ikunu assigurati li teżisti soluzzjoni sigura u permanenti għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv (Attitudes towards radioactive waste (Attitudnijiet lejn l-iskart radjuattiv), Ewrobarometru, Ġunju 2008 (mhux disponibbli bil-Malti)). L-ostakli ewlenin għal din l-assigurazzjoni huma l-periklu fit-tul mill-iskart ta’ livell għoli, dubji dwar is-sigurtà tar-rimi ġeoloġiku fil-fond, jekk dan ir-riskju marbut ma’ dawn is-siti hux ser jibqa' fil-memorja kollettiva għall-ġenerazzjonijiet futuri u l-inċertezza dwar il-fattibbiltà ta’ metodi oħra ta’ rimi.
4.3 Fid-dawl tal-progress bil-mod ta’ xi Stati Membri fir-rigward ta’ proposti għall-ġestjoni fit-tul ta’ skart radjuattiv, id-Direttiva proposta, li fiha nfisha ilha tiġi żviluppata snin sħaħ, għandha sservi biex tixpruna l-formulazzjoni komprensiva tal-programmi nazzjonali ta’ ġestjoni. Jeżistu eżempji ta’ metodoloġija tajba li jistgħu jintużaw bħala referenza. Id-Direttiva proposta qed timmira li xi aspetti ċentrali tal-istandards, konklużi taħt l-awspiċji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), isiru legalment vinkolanti u infurzabbli permezz tal-liġi tal-UE. Il-Kumitat jilqa' dan l-approċċ.
4.4 L-UE għandha korp ta’ leġislazzjoni sinifikanti dwar l-iskart, inkluż l-iskart perikoluż (2). Minkejja li d-Direttiva tagħmilha ċara li mhijiex qed tibni fuq din il-leġislazzjoni iżda li għandha bażi legali differenti, il-kapitolu 3 tal-Euratom, għandha taħtaf l-opportunità li hemm fil-premessi għad-Direttiva proposta biex tħaddan l-prinċipji li jinsabu fil-korp eżistenti ta’ liġijiet dwar l-iskart perikoluż.
4.5 L-approċċ ta’ “min iniġġes iħallas” inbidel biex ġie jinkludi r-rekwiżit li jiġi żgurat li l-proposti għall-ġestjoni tal-iskart ikunu finanzjati b'mod adegwat u sigur, “filwaqt li titqies ir-responsabbiltà tal-produtturi tal-iskart radjuattiv”. Għalhekk jistgħu jqumu kwistjonijiet dwar is-sussidji reċiproċi u konsegwentement kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li d-Direttiva tistabbilixxi bla ebda dubju li l-finanzjament tal-ġestjoni tal-iskart għandu jsir skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” (f'dan il-każ il-kumpanija li toħloq l-iskart radjuattiv bit-tħaddim tar-reatturi nukleari) ħlief f'sitwazzjonijiet ta’ force majeure, fejn ikollu bżonn jintervjeni l-Istat.
4.6 Il-Kumitat jinnota li huwa biss l-iskart radjuattiv ċivili li huwa kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. F'xi pajjiżi, ingħataw bosta riżorsi għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv militari. Naturalment, hemm implikazzjonijiet ta’ sigurtà addizzjonali għall-programmi militari/ċivili konġunti, iżda peress li l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv mhux ċivili jista' juża riżorsi teknoloġiċi u finanzjarji sostanzjali, kif ukoll il-kapaċità ta’ rimi f'xi Stati Membri, għandhom jitqiesu rabtiet aktar speċifiċi ma’ din id-Direttiva.
5. Kummenti speċifiċi
5.1 L-iskart radjuattiv ġie eskluż speċifikament mid-Direttivi tal-UE dwar l-Iskart (3) iżda dawn fihom bosta prinċipji ta’ valur li għandhom jitqiesu. Għalhekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li d-Direttiva preżenti għandha tagħmel referenza speċifika għad-Direttiva tal-Kunsill fuq skart perikoluż (91/689/KEE) u tgħid li hija komplementari għaliha.
5.2 Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-klawżola fl-Artikolu 2 li teskludi “rilaxxi awtorizzati”, għandha, fil-fatt, tinkludi dawn ir-rilaxxi. Bħalissa, m'hemm l-ebda konsistenza madwar l-UE kollha dwar ir-regolazzjoni ta’ dawn ir-rilaxxi, u minħabba varjazzjonijiet fl-interpretazzjoni, għadhom kontroversjali bejn l-Istati Membri (pereżempju bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda dwar ir-rilaxxi fil-Baħar Irlandiż).
5.3 Il-Kumitat dejjem appoġġja l-prevenzjoni tal-iskart kif imħeġġeġ mill-UE u kif jingħata prijorità taħt id-Direttiva dwar l-Iskart (2006/12/KE). Kif jiġri f'għadd ta’ industriji, il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari twassal għal skart perikoluż sinifikanti. Bħalissa, l-Istati Membri huma maqsumin dwar jekk ekonomikament, soċjalment u ambjentalment hux se jkun hemm alternattivi sostenibbli għall-enerġija nukleari u għalhekk dwar jekk l-iskart nukleari huwiex ser jibqa' jiġi inevitabbilment prodott. Biex insolvu din id-dilemma, u peress li l-maġġoranza tal-Kumitat jaqsam il-fehma li l-enerġija nukleari ser ikollha bżonn taqdi rwol fit-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi, il-Kumitat jissuġġerixxi li d-Direttiva tesprimi preferenza għall-qerda tal-massa ta’ skart radjuattiv mis-sors, hekk kif jitjiebu u jiġu żviluppati alternattivi sostenibbli.
5.4 L-Artikolu 3.3 jiddefinixxi r-“rimi” bħala t-tqegħid ta’ fjuwil użat jew ta’ skart radjuattiv f'faċilità awtorizzata mingħajr l-intenzjoni li jiġi rkuprat. Il-Kumitat jagħraf li hemm fehmiet diverġenti dwar il-kwistjoni tar-riversibbiltà u l-possibbiltà ta’ rkupru tal-iskart. Il-Kumitat jemmen li fl-iżvilupp ta’ kunċetti għar-rimi, m'għandhomx jiġu esklużi r-riversibbiltà u l-possibbiltà ta’ rkupru, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-każ tas-sigurtà assoċjat.
5.5 L-Artikolu 4.3 jeħtieġ li l-iskart radjuattiv jintrema fl-Istat Membru fejn ikun ġie ġġenerat, sakemm ma jiġux konklużi ftehimiet bejn l-Istati Membri biex jużaw flimkien il-faċilitajiet tar-rimi f'wieħed minnhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir użu aktar intensiv minn din l-għażla, sabiex il-faċilitajiet li huma partikolarment adegwati jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Il-Kumitat jilqa' dan l-approċċ ċar kemm għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv iġġenerat mill-Istati Membri esklużivament fl-UE kif ukoll għall-opportunità li jiġu żviluppati faċilitajiet komuni. Ġie nnutat li dan ma jeskludix ir-ripatrijazzjoni ta’ skart riproċessat li jkun ġej mir-riproċessar tal-fjuwil użat lejn pajjiżi tal-oriġini li mhumiex fl-UE. Madankollu, biex jiġi evitat kull dubju, qed jiġi ssuġġerit li dan il-punt jitniżżel b'mod espliċitu jew fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jew fil-Premessi.
5.6 Il-Kumitat jistaqsi jekk awtovalutazzjoni fuq 10 snin mill-Istati Membri dwar il-programmi tagħhom, flimkien ma’ reviżjoni internazzjonali mill-pari (Artikolu 16), joffrux l-opportunità li l-għarfien u l-aħjar prattiki jiġu ssudati bis-sħiħ. Hemm ukoll il-kwistjoni ta’ jekk hux ser jiġi applikat b'mod konsistenti ċertu ammont suffiċjenti ta’ oġġettività, reqqa u analiżi indipendenti. Ser ikun hemm spejjeż konsiderevoli ta’ rappurtaġġ u oħrajn marbutin magħhom għall-Istati Membri, u l-Kumitat iqis li, meta jasal il-waqt, għandu jitwaqqaf Bord ta’ Monitoraġġ, bil-għan li tgħasses il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv fl-UE. Dan mhux biss itejjeb l-istandards tar-rappurtaġġ u l-prattiki tajbin iżda jservi bħala mekkaniżmu effiċjenti ta’ qsim tal-ispejjeż u jservi ta’ bażi għad-Direttiva dwar is-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (4).
5.7 Il-Kumitat jilqa' b'mod espliċitu l-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tkompli tipprovdi appoġġ għar-riċerka dwar ir-rimi ġeoloġiku tal-iskart radjuattiv u tikkoordina r-riċerka madwar l-UE. Il-Kumitat jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jiġu promossi b'mod adegwat u fuq bażi wiesgħa u jappella lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw din il-kwistjoni fil-programmi nazzjonali ta’ riċerka tagħhom u permezz ta’ riċerka kollaborattiva bis-saħħa tal-programmi qafas tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Iżvilupp.
Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(2) ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20
(3) ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
It-test li ġej tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġie modifikat favur emenda li ġiet adottata mill-Assemblea, minkejja li mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa kienu kontra din il-bidla:
Punt 5.5
“L-Artikolu 4.3 jeħtieġ li l-iskart radjuattiv jintrema fl-Istat Membru fejn ikun ġie ġġenerat, sakemm ma jiġux konklużi ftehimiet bejn l-Istati Membri biex jużaw il-faċilitajiet tar-rimi f'wieħed minnhom. Il-Kumitat jilqa’ dan l-approċċ ċar kemm għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv iġġenerat mill-Istati Membri esklużivament fl-UE kif ukoll għall-opportunità li jiġu żviluppati faċilitajiet komuni. Ġie nnutat li dan ma jeskludix ir-ripatrijazzjoni ta’ skart riproċessat li jkun ġej mir-riproċessar tal-fjuwil użat lejn pajjiżi tal-oriġini li mhumiex fl-UE. Madankollu, biex jiġi evitat kull dubju, qed jiġi ssuġġerit li dan il-punt jitniżżel b'mod espliċitu jew fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jew fil-Premessi.”
Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:
67 vot favur, 57 vot kontra u 26 astensjoni.