Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX0225(01)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa u l-Proposta li takkumpanjaha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma' modi oħra ta' trasport

    ĠU C 47, 25.2.2010, p. 6–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 47/6


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa u l-Proposta li takkumpanjaha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma' modi oħra ta' trasport

    2010/C 47/02

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 li waslet fil-11 ta' Frar 2009 mill-Kummissjoni Ewropea,

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fis-16 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tiddefinixxi Pjan ta' Azzjoni biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa (“il-Komunikazzjoni”) (1). Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma' modi oħra ta' trasport (“il-Proposta”) (2). Il-Komunikazzjoni u l-proposta li takkumpanjaha ntbagħtu mill-Kummissjoni lill-KEPD għall-konsultazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (3).

    2.

    Il-KEPD jilqa’ l-fatt li hu jiġi kkonsultat u jirrakkomanda li ssir referenza għal din il-konsultazzjoni fil-premessi tal-proposta, b'mod simili għal numru ta' testi leġiżlattivi oħra li l-KEPD kien ikkonsultat dwarhom, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    I.1.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġi varat l-użu tas-SIT fl-Ewropa

    3.

    “Sistemi Intelliġenti tat-Trasport” (“SIT”) huma applikazzjonijiet avvanzati li jużaw Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), li huma inkorporati f'modi differenti ta' trasport għall-interazzjoni bejniethom. Fil-qasam tat-trasport bit-triq, is-SIT ser jipprovdu servizzi innovattivi dwar il-modi ta' trasport u l-ġestjoni tat-traffiku għal diversi utenti bħal vjaġġaturi, utenti u operaturi tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq, managers ta' flotot u operaturi tas-servizzi ta' emerġenza.

    4.

    B’kont meħud tal-varar li qed jikber ta' SIT f'diversi modi ta' trasport (4) fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex jiġu aċċellerati l-introduzzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT fil-qasam tat-trasport bit-triq. Il-pjan għandu wkoll l-għan li jiżgura l-interazzjoni tagħhom ma' modi oħra ta' trasport, li ser jiffaċilitaw il-forniment ta' servizzi multimodali. Il-varar koerenti tas-SIT fl-Ewropa ser iservi diversi objettivi Komunitarji, inklużi l-effiċjenza, is-sostenibbiltà, is-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport, waqt li jitrawmu s-suq intern u l-kompetittività tal-UE. Fid-dawl tad-diversità tal-objettivi segwiti biex jiġi varat l-użu tas-SIT, il-Komunikazzjoni tiddeskrivi sitt oqsma ta' prijorità għall-azzjoni fil-perijodu 2009-2014. Biex jiġi implimentat il-pjan, il-Kummissjoni pproponiet li qafas legali huwa ddefinit fil-livell tal-UE permezz ta' Direttiva, li taħtha ser jiġu ddefiniti numru ta' miżuri fl-oqsma ta' prijorità magħżulin.

    I.2.   Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-qafas biex jiġi varat l-użu tas-SIT fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma' modi oħra ta' trasport

    5.

    Il-Proposta tistabbilixxi qafas biex jiġi varat l-użu tranżnazzjonali tal-applikazzjonijiet tas-SIT li huwa maħsub biex jiffaċilita l-forniment ta' servizzi transkonfini armonizzati, notevolment għall-informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar u l-ġestjoni tat-traffiku. Dan jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu diversi miżuri tekniċi biex jiġu ffaċilitati l-iskambji ta' data bejn l-utenti, l-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet interessati rilevanti u l-fornituri tas-servizzi tas-SIT u biex fil-vetturi u fl-infrastruttura tat-toroq jiġu integrati sistemi tas-SIT li huma relatati mas-sigurtà u s-sikurezza. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-applikazzjonijiet u s-sistemi tas-SIT f'erba' oqsma ta' prijorità (5) elenkati fil-pjan ta' azzjoni ser jiġu ddefiniti permezz ta' proċedura ta' kumitat (6), li l-elementi ċentrali tagħha huma speċifikati f'Anness II. Madankollu l-għanijiet speċifiċi tal-użu tas-SIT f'dawn l-oqsma mhumiex ċari. Barra minn hekk, il-varar tas-SIT jista' jestendi għal ħafna aktar oqsma milli l-erba’ inizjalment magħżulin għall-iżilupp ta' speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati. Waqt li l-Proposta tittratta prinċipalment il-varar ta' applikazzjonijiet u servizzi futuri tas-SIT, hija għandha wkoll, fejn fattibbli, tinkludi t-teknoloġiji eżistenti jew li attwalment qed jiżviluppaw f'dak il-qasam (bħall-eCall, eToll, eċċ.).

    6.

    Il-Proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew, li adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (7) fit-23 ta' April 2009. Flimkien ma' talba għall-konsultazzjoni mill-Kunsill fid-29 ta' Jannar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta opinjoni dwar il-Proposta fit-13 ta' Mejju 2009 (8).

    I.3.   Fokus tal-opinjoni

    7.

    Il-KEPD jilqa’ l-konsultazzjoni dwar il-pjan propost ta' varar tas-SIT imressaq mill-Kummissjoni. Din mhijiex l-ewwel darba li l-KEPD qed jitratta l-kwistjonijiet imqajmin fil-Pjan ta' Azzjoni tas-SIT tiegħu. Il-KEPD ta opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iffaċilitar tal-infurzar transkonfini fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq (9) u kkontribwixxa għall-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar dokument ta' ħidma dwar l-eCall (10).

    8.

    Is-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport huma bbażati fuq il-ġbir, l-ipproċessar u l-iskambju ta' varjetà wiesgħa ta' data, minn sorsi pubbliċi u privati; għalhekk huma jikkostitwixxu żona ta' data intensiva. Il-varar tas-SIT ser iserraħ fil-biċċa l-kbira fuq it-teknoloġiji ta' ġeolokalizzazzjoni bħat-teknoloġiji tal-pożizzjonar bis-satellita u mingħajr kuntatt, bħar-RFID, li ser jiffaċilitaw il-forniment ta' varjetà ta' servizzi pubbliċi u/jew kummerċjali bbażati fuq il-lokalizzazzjoni (eż. l-informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali, l-eFreight, l-eCall, l-eToll, ir-riżervazzjoni tal-parkeġġ, eċċ.). Ftit mill-informazzjoni li ser tiġi proċessata permezz tas-SIT tinġabar flimkien – bħal dik dwar it-traffiku, l-inċidenti u l-opportunitajiet – u ma tiġi relatata mal-ebda individwu, waqt li informazzjoni oħra tiġi relatata ma' individwi identifikati jew identifikabbli u għalhekk tikkwalifika bħala data personali fit-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE.

    9.

    Il-KEPD iqis bħala essenzjali l-fatt li l-azzjonijiet ippjanati biex jiġi varat l-użu tas-SIT huma konsistenti mal-qafas legali eżistenti kif ikkwotat fil-Proposta, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tad-data (11) u d-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza elettronika (12).

    10.

    Kwistjonijiet mhux riżolti fil-protezzjoni tal-privatezza u tad-data ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala wieħed mill-ostakoli prinċipali għall-promozzjoni tas-SIT. Dawn il-kwistjonijiet ser jiġu żviluppati kif ġej f'din l-opinjoni:

    Fil-Kapitolu II, il-qafas legali mressaq mill-Kummissjoni biex jiġi varat l-użu tas-SIT ser jiġi analizzat minn perspettiva ta' protezzjoni tad-data,

    Il-Kapitolu III ser jenfasizza t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data li għandu jiġi indirizzat aktar biex jiġi varat l-użu tajjeb tas-SIT:

    fl-ewwel punt, l-opinjoni ser tenfasizza l-ħtieġa għall-“privatezza fid-disinn” fl-iżvilupp tas-SIT u ser tiddeskrivi aktar il-kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu ttrattati fid-disinn tal-applikazzjonijiet tas-SIT u s-sistemi tal-ipproċessar tad-data,

    it-tieni punt ser jiffoka fuq uħud mill-konsiderazzjonijiet dwar il-privatezza li għandhom jiġu indirizzati aktar għall-forniment tas-servizzi tas-SIT.

    II.   ANALIŻI TAL-QAFAS LEGALI PROPOST BIEX JIĠI VARAT L-UŻU TAS-SIT

    11.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva fiha żewġ dispożizzjonijiet (il-premessa 9 u l-Artikolu 6) li jittrattaw il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni. L-Artikolu 6(1) tal-proposta tal-Kummissjoni jeħtieġ li t-tħaddim tas-SIT jitwettaq f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data stabbiliti, fost l-oħrajn, fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/58/KE. Fil-Proposta tal-Kummissjoni, l-Artikolu 6(2) jipprevedi miżuri konkreti ta' protezzjoni tad-data prinċipalment minn perspettiva ta' sigurtà: L-Artikolu 6(2) tal-Proposta jiddikjara li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta u r-reġistri tas-SIT jiġu protetti kontra l-abbuż, fosthom l-aċċess illegali, tibdil jew telf”. Finalment, l-Artikolu 6(3) tal-Proposta tal-Kummissjoni jipprovdi li “d-Direttiva 2003/98/KE għandha tapplika”.

    12.

    Il-Parlament Ewropew fl-ewwel qari ppropona emendi li jikkonċernaw l-Artikolu 6. B'mod partikolari, qed jiżdiedu tliet paragrafi ġodda fl-Artikolu 6(1), li huma relatati mal-użu ta' data anonima fejn adatt, għall-ipproċessar ta' data sensittiva malli jingħata kunsens infurmat tas-suġġett tad-data biss, u biex ikun żgurat li d-data personali tiġi pproċessata biss “sakemm l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq tal-applikazzjoni u/jew tas-servizzi tas-SIT”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) huwa mmodifikat billi jiżdied li d-data u u r-reġistri tas-SIT “ma jistgħux jintużaw għal għanijiet oħra għajr dawk imsemmijin fid-Direttiva.”

    13.

    Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-protezzjoni tad-data ġiet meqjusa fl-abbozzar tal-Proposta u li hija ppreżentata bħala kondizzjoni ġenerali biex jiġi varat l-użu tajjeb tas-SIT fl-Ewropa. Il-KEPD jirrikonoxxi li hemm ħtieġa għal armonizzazzjoni koerenti tal-proċessi tad-data fil-livell tal-UE sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT madwar l-Ewropa.

    14.

    Madankollu, il-KEPD innota li l-qafas legali propost huwa wiesa’ u ġenerali wisq biex jindirizza b'mod adegwat it-tħassib dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data mqajjem mill-varar tas-SIT fl-Istati Membri. Mhuwiex ċar meta t-twettiq tas-servizzi tas-SIT ser iwassal għall-ġbir u l-ipproċessar ta' data personali, x'inhuma l-għanijiet li għalihom isir proċessar tad-data, lanqas x'inhi l-bażi legali li tiġġustifika tali proċessar. Barra minn hekk, l-użu ta' teknoloġiji ta' lokazzjoni biex jiġi varat l-użu tas-SIT iqajjem ir-riskju li jiġu żviluppati servizzi u intrużivi minn perspettiva ta' privatezza jekk ikunu jinkludu l-ġbir u l-iskambju ta' data personali. Barra minn hekk, il-Proposta ma tistabbilix b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi operaturi li jintervjenu fil-katina tal-varar tas-SIT, u għalhekk huwa diffiċli li wieħed ikun jaf liema operaturi ser ikunu kontrollaturi tad-data u ser ikunu għalhekk responsabbli (13) għall-konformità mal-obbligi tal-protezzjoni tad-data. L-operaturi ser jiffaċċjaw problemi konsiderevoli jekk dawn il-kwistjonijiet kollha ma jkunux iċċarati fil-liġi, peress li fl-aħħar mill-aħħar huma ser ikunu dawk responsabbli li japplikaw il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva proposta.

    15.

    Għalhekk hemm riskju li n-nuqqas ta' ċarezza tal-qafas legali propost ser joħloq diversità fl-implimentazzjoni tas-SIT fl-Ewropa u li, minflok inaqqas id-diverġenzi fost l-Istati Membri, għall-kuntrarju, ser iwassal għal inċertezza, frammentazzjoni u inkonsistenzi konsiderevoli, minħabba l-livelli differenti ta' protezzjoni tad-data fl-Ewropa. Dan jista' jwassal ukoll għal nuqqas ta' konformità mas-salvagwardji essenzjali għall-protezzjoni tad-data. Il-KEPD jenfasizza l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-UE. B'hekk il-KEPD ser jissuġġerixxi modifiki għall-qafas legali propost minn perspettiva ta' protezzjoni tad-data. Huwa jirrakkomanda b'mod qawwi li l-Parlament u l-Kunsill idaħħlu fil-Proposta l-modifiki proposti kif ukoll, fejn fattibbli, dispożizzjonijiet addizzjonali biex jiġu ċċarati kwistjonijiet pendenti (bħad-definizzjoni u r-responsabbiltà tal-atturi tas-SIT, l-iżvilupp ta' kuntratti armonizzati għall-forniment ta' servizzi tas-SIT, eċċ). Huwa jenfasizza wkoll li l-Istati Membri ser jerfgħu wkoll ir-responsabbiltà fl-implimentazzjoni tad-Direttiva b'mod tajjeb sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jiżviluppaw sistemi u servizzi li joffru livell adatt ta' protezzjoni tad-data madwar l-Ewropa.

    II.1.   L-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandhom iserrħu fuq bażi legali adatta

    16.

    Mhuwiex ċar meta ser jibda l-ipproċessar ta' data personali ladarba t-tagħmir tas-SIT jiġi integrat f'vettura u fuq liema bażi legali ser jitwettaq l-ipproċessar. L-operaturi jistgħu jserrħu fuq bażijiet legali differenti għall-ipproċessar tad-data, fost l-oħrajn il-kunsens inambigwu tal-utenti, il-kuntratt jew l-obbligu legali li miegħu l-kontrollur għandu jikkonforma. Hemm ħtieġa li tiġi armonizzata l-bażi legali li fuqha l-ipproċessar tad-data permezz tas-SIT ser jitwettaq sabiex ikun żgurat li s-sistemi jaħdmu fl-Ewropa kollha u li l-utenti ma jbatux minn diverġenzi bil-mod kif iseħħ l-ipproċessar f'kull pajjiż tal-UE.

    17.

    F’numru ta' każijiet is-sistemi tas-SIT ser jiġu integrati awtomatikament fil-vetturi. Notevolment dan huwa l-każ għas-sistemi tas-SIS relatati mas-sigurtà u s-sikurezza, li għandhom jiġu integrati fil-vetturi skont il-Proposta. Madankollu l-Proposta ma tiddefinixxix x'inhuma “sistemi tas-SIS relatati mas-sigurtà u s-sikurezza”, u għalhekk għandu jiġi ċċarat aktar x'inhuma l-applikazzjonijiet u s-sistemi speċifiċi tas-SIT li għandhom jiġu inkorporati fil-vetturi. Barra minn hekk, għandu jkun iċċarat ukoll jekk l-attivazzjoni u l-użu tat-tagħmir hux ser isiru fuq bażi volontarja jew fuq bażi obbligatorja għall-utenti. L-għażla li jitwettaq proċessar tad-data fuq bażi mandatorja għandha ssir biss għal finijiet speċifiċi b'konsiderazzjoni ta' ġustifikazzjonijiet konvinċenti (eż. it-traċċar tajjeb tal-ġestjoni tal-merkanzija) u b'salvagwardji adatti fir-rigward tal-ipproċessar ta' data dwar individwi. Jekk l-użu tas-SIT isir fuq bażi volontarja, għandhom jiġu implimentati salvagwardji adatti biex jiġi evitat li minħabba s-sempliċi preżenza tas-sistema fil-vettura l-utenti jitqiesu li jkunu qablu impliċitament mal-użu tagħha.

    18.

    Il-KEPD jiffavorixxi l-għażla li s-servizzi tas-SIT jiġu fornuti fuq bażi volontarja. Dan ifisser li l-utenti għandhom ikunu jistgħu jaqblu liberament mal-użu tas-sistema u mal-għanijiet partikolari li għalihom tkun ser tintuża. Meta s-servizz fornut iserraħ fuq id-data ta' lokazzjoni, għandha tiġi pprovduta informazzjoni adatta lill-utent (notevolment f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/58/KE), li għandu jkun f'pożizzjoni li jirtira dan il-kunsens. F'termini prattiċi, dan jeħtieġ l-introduzzjoni ta' mod sempliċi ta' diżattivazzjoni tat-tagħmir u/jew faċilità, mingħajr restrizzjoni teknika jew finanzjarja għall-utent (14), meta l-utent ma jaqbilx aktar mal-użu tas-sistema u/jew ta' faċilità partikolari. Għandhom jiġu implimentati aktar salvagwardji, sabiex l-utenti ma jiġux iddiskriminati meta jirrifjutaw l-użu ta' servizz.

    19.

    F’każijiet fejn ċerti attivitaiet tal-ipprroċessar ikunu mandatorji u oħrajn ikunu soġġetti għall-kunsens tal-utent, għandha tkun żgurata t-trasparenza dwar id-diversi operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqin, billi l-utenti jiġu pprovduti b'informazzjoni adatta dwar in-natura mandatorja u/jew volontarja ta' kull proċessar partikolari u l-iskop ta' tali proċessar. Barra minn hekk, ser ikun kruċjali li jiġu implimentati salvagwardji ta' sigurtà adatti, sabiex l-ebda data ma tinġabar jew tiġi pproċessata barra l-iskop ta' dak li jkun ġie legalment iddefinit u/jew maqbul b'mod volontarju.

    20.

    B’kont meħud tal-effett tranżnazzjonali tas-servizzi tas-SIT, il-KEPD ikompli jirrakkomanda l-iżvilupp ta' kuntratti standard pan-Ewropej biex ikun żgurat li s-servizzi fornuti permezz tas-SIT joffru l-istess salvagwardji tal-protezzjoni tad-data madwar l-Ewropa, u b'mod partikolari li l-informazzjoni pprovduta lill-utenti tkun ċara biżżejjed dwar il-faċilitajiet speċifiċi użati, l-impatt fuq l-użu ta' teknoloġiji speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data tagħhom, u kif huma jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Meta jiżdiedu faċilitajiet ġodda, għandhom jittieħdu aktar passi mill-fornituri tas-servizzi biex jipprovdu informazzjoni ċara u speċifika lill-utent fir-rigward ta' dawn il-faċilitajiet addizzjonali u biex jiksbu l-kunsens adatt tagħhom għall-użu ta' faċilitajiet ġodda.

    II.2.   L-għanijiet u l-modalitajiet tal-ipproċessar tad-data għandhom jiġu ddefiniti aktar

    21.

    Il-KEPD jinnota li l-Proposta ma tiddefinix b'mod preċiż is-servizzi u l-għanijiet li għalihom jistgħu jintużaw l-applikazzjonijiet tas-SIT, li għalhekk jibqgħu miftuħin. Dan jippermetti l-flessibbiltà fil-prattika, iżda jfisser li kwistjonijiet mhux riżolti fil-privatezza u l-protezzjoni tad-data – identifikati mill-Kummissjoni bħala wieħed mill-ostakoli prinċipali għall-promozzjoni tas-SIT (ara l-punt 10) – jistgħu jibqgħu mhux riżolti u jistgħu jostakolaw implimentazzjoni bbilanċjata tal-miżuri proposti.

    22.

    Il-KEPD jenfasizza li huwa partikolarment importanti li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar li jitwettqu għall-forniment ta' servizzi speċifiċi tas-SIT ma jsirux biss skont bażi legali adatta, iżda wkoll għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u li l-ipproċessar previst huwa proporzjonali u meħtieġ għal dawk l-għanijiet (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE). Għalhekk għandha titqies il-ħtieġa possibbli għal aktar leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tal-użijiet tas-SIT sabiex tiġi pprovduta bażi legali armonizzata u adegwata għall-attivitajiet tal-ipproċessar li għandhom jitwettqu, u sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi fil-varar tas-servizzi tas-SIT bejn l-Istati Membri.

    23.

    Skont il-qafas propost s'issa m'hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-modalitajiet tal-ipproċessar tad-data u tal-iskambji tad-data għall-użu tas-SIT. Ħafna parametri tekniċi, li l-għażla tagħhom ser ikollha implikazzjonijiet differenti ta' protezzjoni tal-privatezza u tad-data, ser jiġu deċiżi biss fi stadju aktar tard mill-kumitat. B’kont meħud tal-protezzjoni partikolari mogħtija lill-protezzjoni tal-privatezza u tad-data bħala drittijiet fundamentali protetti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista jiġi kkontestat jekk u safejn id-definizzjoni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data għandhiex tiġi deċiża permezz tal-proċedura ta' kumitat.

    24.

    F’soċjetà demokratika, id-deċiżjonijiet dwar prinċipji u modalitajiet essenzjali li għandhom impatt fuq id-drittijiet fundamentali għandhom jittieħdu skont proċedura leġiżlattiva sħiħa, li tinkludi verifiki u bilanċi adatti. F'dan il-każ, dan ifisser li d-deċiżjonijiet li għandhom impatt maġġuri fuq il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data tal-individwi, bħall-għanijiet u l-modalitajiet tal-attivitajiet mandatorji tal-ipproċessar tad-data u d-definizzjoni tal-modalitajiet biex jiġi varat l-użu tas-SIT f'oqsma ġodda, għandhom jiġu deċiżi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u mhux permezz tal-proċedura ta' kumitat.

    25.

    F’din il-perspettiva, il-KEPD jirrakkomanda b'mod qawwi li l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-KEPD huma involuti, fejn rilevanti, fil-ħidma tal-Kumitat maħluq skont l-Artikolu 8 tal-Proposta u f'azzjonijiet futuri meħudin dwar il-varar tas-SIS, permezz tal-konsultazzjoni fi stadju suffiċjentement bikri qabel l-iżvilupp ta' miżuri rilevanti.

    26.

    Barra minn hekk, il-KEPD jieħu nota tal-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Proposta. Il-KEPD l-ewwel jinnota li l-emenda relatata mal-inkoraġġiment tal-użu tad-data anonima fejn adatt, għalkemm milqugħa ħafna fil-prinċipju, mhix ser issolvi t-tħassib kollu dwar il-protezzjoni tad-data, peress li ħafna data miġbura u skambjata permezz tas-SIT tista' tikkwalifika bħala data personali. Għall-ipproċessar tad-data personali li għandu jsir fuq bażi anonima, m'għandu jkun hemm l-ebda possibbiltà għall-ebda persuna fl-ebda stadju tal-ipproċessar – b'kont meħud tal-mezzi kollha li x'aktarx huwa raġonevoli li għandhom jintużaw jew mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra – li torbot id-data mad-data relatata ma' individwu identifikat, inkella tali data tikkostitwixxi data personali fit-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE (15). Barra minn hekk, abbażi tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikolu 6 tal-Proposta huwa modifikat kif ġej:

    Il-valutazzjoni tal-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali permezz tas-SIT għandha ssir fid-dawl tal-għanijiet leġittimi u speċifiċi li għalihom tiġi pproċessata d-data (f’konformità mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46/KE). It-twettiq tal-applikazzjoni tas-SIT (16) innifsu ma jistax ikun għan leġittimu li jiġġustifika l-ipproċessar tad-data, peress li l-applikazzjoni hi biss mezz għall-ġbir u l-iskambju tad-data, li l-użu tagħha għandu neċessarjament jiġi orjentat lejn għanijiet partikolari.

    L-emenda (17) relatata ma' projbizzjoni tal-użu tad-data u r-reġistri tas-SIT “għal għanijiet oħra barra dawk imsemmijin f'din id-Direttiva” ma tipprovdix biżżejjed garanzija, b'mod partikolari peress li l-għanijiet u s-servizzi partikolari li għalihom ser tintuża s-SIT mhumiex stabbiliti b’mod ċar u eżawrjenti fid-Direttiva. B'kont meħud tad-diversi attivitajiet tal-ipproċessar tad-data li ser jitwettqu permezz tas-SIT għal għanijiet differenti ħafna, għandu jkun żgurat li d-data miġbura matul l-ipproċessar għal għan partikolari ma tintużax għal għanijiet oħra li huma inkompatibbli, kif previst fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Għalhekk il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikolu 6(2) għandu jiġi mmodifikat aktar biex ikun żgurat li d-data u r-reġistri tas-SIT ma jintużawx “għal għanijiet oħra barra dawk li għalihom huma nġabru b'mod li huwa inkompatibbli ma' dawk l-għanijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    III.   PROTEZZJONI TAD-DATA FIS-SISTEMI INTELLIĠENTI TAT-TRASPORT

    27.

    Huwa partikolarmant kruċjali li r-rwoli tal-atturi differenti involuti fis-SIT jiġu ċċarati sabiex jiġi identifikat min ser jerfa’ r-responsabbiltà biex jiżgura li s-sistemi jaħdmu tajjeb minn perspettiva ta' protezzjoni tad-data. Għalhekk għandu jiġi ċċarat aktar min għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet u s-sistemi li d-disinn tagħhom ser ikun speċifikat permezz tal-kumitat, u min ser ikun responsabbli fost il-katina tal-atturi għall-konformità tal-ipproċessar tad-data mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data (jiġifieri l-kontrolluri tad-data). Il-KEPD ser jissottolinja hawn taħt ftit mit-tħassib dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data li għandu jiġi indirizzat fil-kumitat u mill-kontrolluri tad-data meta jiġu mfasslin l-applikazzjonijiet u l-arkitettura tas-sistemi. Barra minn hekk, huwa ser jiddeskrivi xi wħud mill-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu indirizzati mil-leġiżlatur u l-kontrolluri tad-data fir-rigward tal-forniment tas-servizzi tas-SIT.

    III.1.   “Privatezza fid-disinn”

    28.

    L-applikazzjoni korretta tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data stipulati fid-Direttiva 95/46/KE hija kondizzjoni ċentrali għas-suċċess tal-varar tas-SIT fil-Komunità. Dawn il-prinċipji għandhom implikazzjonijiet għad-disinn tal-arkitettura tas-sistemi u l-applikazzjonijiet. Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi adottat approċċ ta' “privatezza fid-disinn” fi stadju bikri tad-disinn tas-SIT, biex jiġu ddefiniti l-arkitettura, l-operazzjoni u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet u s-sistemi. Dan l-approċċ huwa notevolment enfasizzat fid-Direttiva 1999/5/KE (18) fir-rigward tad-disinn tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet.

    29.

    Id-disinn tal-applikazzjonijiet u s-sistemi tas-SIT ser isir f'diversi stadji, minn diversi atturi, li għandhom ilkoll jieħdu kont tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data. Il-Kummissjoni u l-Kumitat tas-SIT ser jerfgħu responsabbiltà inizjali speċifika fid-definizzjoni, permezz tal-proċedura ta' kumitat, ta' miżuri, inizjattivi ta' standardizzazzjoni, proċeduri u l-aħjar prattiki li għandhom jippromwovu l-“privatezza fid-disinn”.

    30.

    Il-“privatezza fid-disinn” għandha tiġi inkoraġġuta fl-istadji kollha u fil-forom kollha tal-proċessi:

    F’livell organizzattiv, il-privatezza għandha tiġi kkunsidrata fid-definizzjoni tal-proċeduri meħtieġa għall-iskambju ta' data bejn il-punti ta' skambju rilevanti kollha – dan jista' jkollu impatt dirett fuq it-tip ta' skambju u fuq liema data tiġi skambjata.

    Ir-rekwiżiti tal-privatezza u s-sigurtà għandhom jiġu inkorporati fl-istandards, l-aħjar prattiki, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u s-sistemi.

    Fil-livell tekniku, il-KEPD jirrakkomanda l-iżvilupp, pereżempju permezz tal-kumitat, tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (19) (BATs) għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà f'setturi speċifiċi u/jew għal finijiet partikolari, li fihom il-parametri differenti tas-sigurtà li għandhom jiġu implimentati fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-sistema jkunu ddefiniti sabiex tkun iggarantita l-konformità mal-qafas regolatorju tal-UE.

    31.

    IL-KEPD jiddeskrivi xi wħud mill-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati speċifikament fid-disinn tal-applikazzjonijiet u l-arkitettura tas-sistemi t'hawn taħt. Dawn huma relatati mad-data miġbura, mal-interoperabbiltà tas-sistemi, u mas-sigurtà tad-data.

    III.1.a)   Minimizzazzjoni u anonimità tad-data

    32.

    F’konformità mal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 95/46/KE, tista' tinġabar u tiġi proċessata d-data personali biss li hija meħtieġa u rilevanti għal għanijiet speċifiċi.

    33.

    Il-KEPD jisħaq dwar l-importanza li ssir klassifikazzjoni adatta tal-informazzoni u d-data li għandhom jiġu proċessati permezz tas-SIT qabel jitfasslu l-applikazzjonijiet u s-sistemi, sabiex jiġi evitat ġbir massiv u inadatt ta' data personali. F'dan ir-rigward, għandu jittieħed kont ta’:

    is-sors tad-data (jekk hux minn sors pubbliku, fornitur tat-telekomunikazzjoni, fornitur ta' servizz tas-SIT, operaturi oħra, vettura, utent ta' vettura jew suġġetti tad-data oħra),

    in-natura tad-data (pereżempju informazzjoni miġbura komplessivament, data anonima, data personali, data sensittiva),

    l-għan(ijiet) li għalihom id-data hija maħsuba biex tintuża, u

    fir-rigward tas-sistemi kooperattivi, għandu jkun iċċarat liema data tiġi trażmessa mill-vettura permezz tas-sistema push/pull, skambjata ma vetturi u/jew infrastruttura oħra, u minn infrastruttura għal infrastruttura, u għal liema għanijiet.

    34.

    Il-faċilitajiet uniċi għandhom jiġu analizzati bir-reqqa skont l-għanijiet imwettqin sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa li tinġabar id-data personali. Il-KEPD jisħaq dwar l-importanza li jinħoloq bilanċ adatt bejn id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u l-interessi tal-atturi differenti involuti, u dan jimplika li d-data personali tiġi proċessata kemm jista' jkun mill-inqas. Safejn hu l-aktar possibbli, l-arkitettura tal-applikazzjonijiet u s-sistemi għandha tkun imfassla b'tali mod li tinħġabar biss id-data personali li tkun strettament meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-għanijiet li jkunu jridu jinkisbu.

    35.

    Jekk id-data personali ma tkunx meħtieġa jew tkun meħtieġa biss fi stadju bikri tal-ipproċessar, hija m'għandhiex tinġabar jew għandha tiġi anonimizzata malajr kemm jista' jkun. Għalhekk huwa partikolarment importanti mhux biss li tiġi vvalutata l-ħtieġa għall-ġbir tad-data, iżda wkoll għaż-żamma tagħha fis-sistemi differenti. Għandhom jiġu ddefiniti limiti ta' żmien speċifiċi għall-ħażna ta' data personali għall-atturi differenti kollha fil-katina tas-servizz, li għandhom ikunu ddifferenzjati skont it-tip ta' data u l-għan li għalih tkun inġabret (20). Bħala riżultat, meta ma jkunx aktar meħtieġ li tinżamm data personali biex jinkisbu l-għanijiet li għalihom kienet inġabret jew ġiet aktar proċessata, għandha tingħata b'mod anonimu, jiġifieri ma tkunx aktar relatata ma' individwu identifikat jew identifikabbli.

    36.

    Id-disinn tal-arkitettura tas-sistemi u l-proċeduri tal-iskambju tad-data għandhom jappoġġaw l-ipproċessar ta' kemm jista' jkun data personali mill-inqas. F'dan ir-rigward għandu jittieħed kont tal-istadji kollha tal-ipproċessar u l-atturi kollha fil-katina tal-forniment tas-servizzi tas-SIT. Waqt li xi ftit mid-data tista' tiġi skambjata u proċessata fuq bażi anonima, data oħra, anki jekk tkun skambjata fuq bażi mhux identifikata, tista' tiġi marbuta ma' data relatata ma' individwi identifikati u għalhekk ser tikkostitwixxi data personali fit-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE (21). Minħabba l-għanijiet li għalihom ser tintuża s-SIT, jidher li hu diffiċli li jiġi żgurat li ammont kbir ta' data miġbura permezz tas-SIT ser jiġi proċessat fuq bażi anonima, peress li l-identità tal-individwu ser tkun meħtieġa f'xi ħin għal għanijiet speċifiċi, bħall-fatturazzjoni. Bħala riżultat, mill-inqas ser ikunu meħtieġa miżuri tekniċi, organizzattivi u legali speċjali biex tkun żgurata l-anonimità f'ċerti oqsma.

    III.1.b)   L-interoperabbiltà, il-kwalità tad-data u l-limitazzjoni tal-għanijiet

    37.

    L-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet u s-sistemi hija element ċentrali biex jiġi varat l-użu b'suċċess tas-SIT. Ser issir ħidma ta' armonizzazzjoni li permezz tagħha ser jiġu ddefiniti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interfaċċji li għandhom jiġu integrati fl-applikazzjonijiet u s-sistemi, sabiex jitħallew joperaw flimkien ma' applikazzjonijiet oħra inkorporati f'modi u/jew sistemi oħra ta' trasport. Waqt li l-interoperabbiltà tas-sistemi ser tgħin biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' varjetà ta' servizzi u ser tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-kontinwità tagħhom fl-Ewropa kollha, hija toħloq ċertu numru ta' riskji minn perspettiva ta' data tal-protezzjoni, bħar-riskji tal-użu ħażin jew l-abbuż mid-data. Kwlunkwe interfaċċja tal-bażijiet tad-data għandha ssir b'rispett dovut għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data (22) u s-salvagwardji prattiċi dwar is-sigurtà (ara wkoll it-taqsima III.1.c).

    38.

    Il-prinċipju tal-kwalità tad-data msemmi fl-Artikolu 6(d) tad-Direttiva 95/46/KE huwa partikolarment kruċjali fil-kuntest tal-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet u s-sistemi. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu ddefiniti għad-disinn tal-interfaċċji għandhom jiżguraw l-akkuratezza tad-data li għandha tinkiseb bħala riżultat tal-interfaċċja tal-applikazzjonijiet u s-sistemi.

    39.

    Peress li l-interoperabbiltà tas-sistemi ser tiffaċilita l-interfaċċja tal-bażijiet tad-data u t-tqabbil tad-data għal aktar għanijiet, il-KEPD jenfasizza li kwalunkwe interfaċċja għandha ssir b'kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għanijiet stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Huwa partikolarment importanti li d-disinn tal-arkitettura tas-sistemi tas-SIT jimpedixxi kwalunkwe użu ulterjuri tad-data għal finijiet oħrajn barra dawk li għalihom kienet inġabret. Fis-sistema għandhom jinbnew protezzjonijiet ta' sigurtà adatti biex jimpedixxu l-abbuż, il-kxif jew l-aċċess mhux awtorizzat, kif ukoll l-effetti kollaterali tat-tagħmir. Pereżempju, għandhom jiġu implimentati protezzjonijiet suffiċjenti sabiex it-tagħmir nomadiku ma jiġix aċċessat minn partijiet terzi mhux awtorizzati u ma jintużax biex jiġu identifikati u ttraċċati nies lil hinn mill-finijiet tas-sistema.

    40.

    Fil-każ tal-legalità tal-interfaċċja nnifisha, dan ser jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont meħud tan-natura tad-data li tkun saret disponibbli u li ġiet skambjata permezz tas-sistemi u tal-finijiet li għalihom tkun oriġinarjament maħsuba biex tintuża.

    III.1.c)   Sigurtà tad-data

    41.

    Is-sigurtà tad-data personali hija element prinċipali biex jiġi varat l-użu tas-SIT. Il-KEPD jilqa’ l-fatt li s-sigurtà hija espliċitament imsemmija fil-pjan ta' azzjoni u fil-proposta għal Direttiva. Is-sigurtà għandha tiġi prevista mhux biss matul il-funzjonament tat-tagħmir tas-SIT (fis-sistema abbord vettura u fil-protokoll ta' komunikazzjoni tat-trasport), iżda wkoll wara l-funzjonament tat-tagħmir - fil-bażijiet tad-data fejn id-data tiġi pproċessata u/jew maħżuna. Għandhom jiġu ddefiniti rekwiżiti tekniċi, amministrattivi u organizzattivi adatti għall-istadji kollha tal-ipproċessar li jiżguraw livell adegwat ta' sigurtà f’konformità mal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE (kif ukoll l-Artikolu 4 u 5 tad-Direttiva 2002/58/KE, fejn rilevanti).

    42.

    Id-definizzjoni tal-miżuri ta' sigurtà adatti għandha ssir biss wara valutazzjoni bir-reqqa tal-għanijiet speċifiċi li għalihom is-SIT tkun ser tintuża u tal-modalitajiet tal-ipproċessar li jkun sar. F'dan ir-rigward, il-KEPD jirrakkomanda li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data jitwettqu fir-rigward ta' setturi u/jew għanijiet partikolari tal-użu (eż. għal sistemi tas-SIT relatati mas-sigurtà, għal sistemi tal-ġestjoni tal-merkanzija, eċċ.). It-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-użu tal-BATs għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data ser jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-aktar miżuri ta' sigurtà adatti rilevanti għall-ipproċessar speċifiku mwettaq.

    III.2.   Kunsiderazzjonijiet ulterjuri tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza għall-forniment ta' servizzi tas-SIT

    43.

    L-armonizzazzjoni ulterjuri tal-modalitajiet tal-varar tas-servizzi tas-SIT hija meħtieġa fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi fil-varar tas-servizzi tas-SIT. F'dan ir-rigward, il-KEPD jixtieq jindika żewġ kwistjonijiet li notevolment ser jinħtieġu kunsiderazzjoni ulterjuri minn perspettiva ta' privatezza u protezzjoni tad-data hawn taħt:

    L-użu ta' għodod ta' lokazzjoni għall-forniment ta' servizzi pubbliċi u kummerċjali bbażati fuq il-lokazzjoni jeħtieġ l-implimentazzjoni ta' salvagwardji addizzjonali. F'tali kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal jekk jintużawx u meta jintużaw servizzi tas-SIT ibbażati fuq il-lokazzjoni għal finijiet privati jew professjonali, u kif jista' jkun hemm impatt fuq individwi li jużaw vettura f'kuntest professjonali bl-użu ta' tali sistema.

    F’sistemi integrati huwa partikolarment importanti li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet differenti involuti fil-varar tas-SIT jiġu ċċarati.

    III.2.a)   Salvagwardji għall-użu ta' għodod ta' lokazzjoni għall-forniment ta' servizzi tas-SIT ibbażati fuq il-lokazzjoni

    44.

    Il-varar tas-SIT ser jappoġġa l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet għall-“insegwiment u t-traċċar” ta' merkanzija u ser jippermetti l-varar ta' servizzi pubbliċi u kummerċjali bbażati fuq il-lokazzjoni. Tali servizzi ser iserrħu fuq l-użu ta' teknoloġiji bħall-pożizzjonar ibbażat fuq is-satelliti u bħat-tikketti RFID (23). Is-sistemi ta' navigazzjoni, insegwiment u traċċar huma maħsubin biex jintużaw għal varjetà ta' għanijiet bħall-monitoraġġ remot fuq ir-rotta ta' vetturi u merkanzija (eż. għat-trasport ta' merkanzija perikoluża jew ta' annimali ħajjin), il-fatturazzjoni tal-vetturi fuq varjetà ta' parametri inklużi d-distanza vvjaġġata u l-ħin tal-ġurnata (eż. l-ipprezzar tat-toroq, sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq), u l-monitoraġġ tas-sewwieqa għall-finijiet tal-infurzar bħall-ikkontrollar tal-ħinijiet tas-sewqan (permezz ta' takografi diġitali) u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet (permezz tal-identifikazzjoni elettronika tal-vettura).

    45.

    L-użu ta' teknoloġiji tal-lokazzjoni huwa partikolarment intrużiv minn perspettiva ta' privatezza peress li jippermetti l-insegwiment tas-sewwieqa u l-ġbir ta' varjetà wiesgħa ta' data relatata mal-użanzi tagħhom tas-sewqan. Kif ġie enfasizzat mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 (24), l-ipproċessar tad-data ta' lokazzjoni huwa materja partikolarment sensittiva li tinvolvi l-kwistjoni prinċipali tal-libertà taċ-ċaqliq b'mod anonimu, u li teħtieġ l-implimentazzjoni ta' salvagwardji speċifiċi sabiex jiġu evitati s-sorveljanza tal-individwi u l-użu ħażin tad-data.

    46.

    Il-KEPD jenfasizza li l-użu ta' għodod ta' lokazzjoni għandu jkun legali, jiġifieri bbażat fuq raġuni legali adatta, għal finijiet espliċiti u leġittimi, u proporzjonali għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Il-legalità tal-ipproċessar tad-data mwettaq ser jiddependi ħafna fuq il-mod li fih ser jintużaw l-għodod ta' lokazzjoni u fuq l-għanijiet li għalihom dawn ser jintużaw. Kif il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 issottolinja fl-opinjoni tiegħu dwar l-eCall, “ma jkunx aċċettabbli, minn perspettiva ta' protezzjoni tad-data, li jkun hemm tali tagħmir konness b'mod permanenti, u għalhekk il-vetturi jkunu ttraċċati b'mod permanenti minħabba l-attivazzjoni possibbli tat-tagħmir tal-eCall (25)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk huwa importanti li jiġu ċċarati aktar iċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom vettura ser tiġi ttraċċata u l-impatt tagħha fuq l-utent. Fi kwalunkwe każ, l-użu ta' tagħmir ta' lokazzjoni għandu jiġi ġġustifikat minn ħtieġa leġittima (eż. l-monitoraġġ tat-trasport tal-merkanzija) u strettament illimitat għal dak li hu meħtieġ għal dak l-għan. Għalhekk, huwa importanti li jiġi ddefinit b'mod preċiż liema data ta' lokazzjoni nġabret, fejn hi maħżuna u kemm ser tinżamm, ma' min u għal liema għanijiet tiġi skambjata, u li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiġu evitati l-użu ħażin jew l-abbuż mid-data.

    47.

    Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data ta' lokazzjoni relatata mal-utenti tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku huwa strettament irregolat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/58/KE. Notevolment dan jeħtieġ li l-ipproċessar tad-data ta' lokazzjoni għandu jsir fuq bażi anonima, jew inkella bil-kunsens informat tal-utent. Dan ifisser li l-utenti għandhom, qabel ma jaqblu dwar l-użu tal-għodda ta' lokazzjoni, jingħataw informazzjoni adatta, inklużi t-tip ta' data ta' lokazzjoni pproċessata, l-għanijiet u t-terminu tal-ipproċessar, u jekk id-data hijiex ser tiġi ttrasmessa lil parti terza sabiex jiġi pprovdut is-servizz tal-valur miżjud. Għandu jkun hemm mezz sempliċi, mingħajr ħlas, għall-utenti biex jirrifjutaw temporanjament l-ipproċessar tad-data ta' lokazzjoni għal kull konnessjoni man-netwerk jew għal kull trasmissjoni ta' komunikazzjoni. L-ipproċessar tad-data ta' lokazzjoni għandu jkun strettament illimitat għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità tal-fornitur tan-netwerk ta' komunikazzjonijiet pubbliċi jew ta' servizz ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku jew ta' parti terza li tipprovdi s-servizz tal-valur miżjud.

    48.

    Is-salvagwardji addizzjonali għandhom jiġu adottati meta d-data ta' lokazzjoni tinġabar minn vetturi li jkunu qed jintużaw waqt attività professjonali, biex jiġi evitat li t-teknoloġija ta' lokazzjoni tintuża għall-monitoraġġ indebitu tal-impjegati. Fi kwalunkwe każ, l-ipproċessar għandu jkun illimitat għad-data ta' lokazzjoni miġbura waqt il-ħin tax-xogħol - għalhekk l-impjegati għandhom ikunu jistgħu jitfgħu l-funzjoni ta' lokazzjoni barra l-ħinijiet tax-xogħol u/jew meta jużaw il-vettura għal għanijiet privati.

    49.

    Hemm riskju li l-partijiet terzi (bħall-kumpaniji tal-assigurazzjoni, min iħaddem, u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi) jkunu jeħtieġu aċċess għad-data miġbura permezz ta' sistemi ta' navigazzjoni u traċċar għal finijiet leġittimi u speċifiċi (bħat-traċċar ta' merkanzija, il-ħlas elettroniku tat-taxxi, eċċ.) sabiex jintużaw għal finijiet sekondarji, bħall-ikkontrollar tal-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta' mistrieħ jew l-ivverifikar tal-osservanza tar-regolamenti tat-triq u l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet. Bħala prinċipju, l-aċċess għad-data għal finijiet sekondarji mhuwiex permess jekk dan l-aċċess iservi għal finijiet li huma inkompatibbli ma' dawk li għalihom inġabret. L-aċċess jista' jkun permess biss b'deroga għal dan il-prinċipju jekk il-kondizzjonijiet għal tali aċċess jissodisfaw ir-rekwiżiti stretti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE. Bħala konsegwenza, kwalunkwe aċċess għal-data ta' lokazzjoni minn partijiet terzi għandu jkun ipprovdut biss f'konformità mal-liġi u b'mod trasparenti, abbażi ta' miżura legali li tistabbilixxi proċeduri u modalitajiet adatti għall-aċċess għad-data għal finijiet speċifiċi, u li tipprovdi salvagwardji adegwati għall-individwi f'konformità mal-finijiet ulterjuri li għalihom tista' tintuża d-data tagħhom.

    III.2.b)   Rwoli u responsabbiltajiet tal-atturi tas-SIT

    50.

    Għadu mhuwiex ċar min ser ikun il-kontrollur tad-data fir-rigward ta' kull parti tal-ipproċessar. F'ħafna każijiet, probabbli l-fornituri tas-servizzi tas-SIT ser ikunu l-kontrolluri tad-data, jew waħedhom fir-rigward tad-data personali pproċessata għall-forniment tas-servizzi tas-SIT proprji tagħhom jew konġuntament fil-każijiet fejn l-ipproċessar jitwettaq flimkien ma' kontrolluri tad-data oħrajn. L-operaturi involuti fis-SIT f'kapaċitajiet differenti għandu jkollhom ir-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, bħala kontrollur tad-data jew proċessur tad-data, speċifikati b'mod ċar fir-rigward ta' kull parti tal-ipproċessar (eż. operaturi tat-telekomunikazzjoni li jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni kif ukoll servizzi tas-SIT).

    51.

    Dawk il-persuni li jaġixxu bħala kontrolluri tad-data ser ikunu responsabbli (26) għall-iżgurar tal-osservanza tas-sistemi u s-servizzi tal-obbligi kollha dwar il-protezzjoni tad-data, u b'mod partikolari għall-implimentazzjoni ta' sistemi li jinvolvu l-“privatezza fid-disinn”, li jirrispettaw il-kwalità tad-data u l-prinċipji tal-limitazzjoni tal-għanijiet, u li jiggarantixxu livell adatt ta' sigurtà tad-data, kif deskritt fi III.1).

    52.

    Il-kontrolluri tad-data ser ikunu jeħtieġu li jiżguraw li jiġu stabbiliti salvagwardji adatti fil-livelli kollha tal-katina tal-atturi involuti fil-varar tas-SIT. Notevolment dan ser ikun jeħtieġ li huma jidħlu fi skemi kuntrattwali adatti mal-partijiet interessati kollha involuti fl-iskambju u l-ipproċessar tad-data, li għandhom jipprovdu salvagwardji għall-protezzjoni tad-data (b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE, u l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2002/58/KE). Huwa importanti li wieħed jinnota li minn perspettiva ta' protezzjoni tad-data, filwaqt li l-kontrolluri tad-data għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tad-data tkun żgurata fl-istadji kollha tal-ipproċessar, huma jibqgħu responsabbli għall-ipproċessar u ma jistgħux jeskludu r-responsabbiltà tagħhom b'kuntratt.

    IV.   KONKLUŻJONIJIET

    53.

    Il-KEPD jilqa’ l-pjan ta' varar tas-SIT propost ippreżentat mill-Kummissjoni li għandu l-għan li jarmonizza l-proċessi tad-data fl-Ewropa kollha sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment tas-servizzi tas-SIT, u li fih il-protezzjoni tad-data tiġi ppreżentata bħala kondizzjoni ċentrali biex jiġi varat l-użu adatt tas-SIT fl-Ewropa.

    54.

    Il-KEPD jinnota li d-Direttiva proposta tistabbilixxi qafas ġenerali li jqajjem numru ta' kwistjonijiet dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data li jeħtieġu li jiġu indirizzati aktar fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali:

    Hemm riskju li n-nuqqas ta' ċarezza tal-qafas legali propost ser joħloq diversità fl-implimentazzjoni tas-SIT fl-Ewropa li ser twassal għal livelli differenti ta' protezzjoni tad-data fl-Ewropa. Il-KEPD jenfasizza l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-UE biex jiġu ċċarati kwistjonijiet pendenti (bħad-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi tas-SIT, liema applikazzjonijiet u sistemi tas-SIT speċifiċi għandhom jiġu installati fil-vetturi, l-iżvilupp ta' kuntratti armonizzati għall-forniment tas-servizzi tas-SIT, l-għanijiet u l-modalitajiet speċifiċi tal-użu tas-SIT, eċċ.). Huwa partikolarment kruċjali li jiġi identifikat min ser ikunu l-kontrolluri tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data mwettaq, peress li huma ser jerfgħu r-responsabbiltà li jiżguraw li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data jiġu implimentati fil-livelli kollha tal-katina tal-ipproċessar.

    Id-deċiżjonijiet dwar ċerti modalitajiet tal-ipproċessar li jista' jkollhom impatt serju fuq id-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data għandhom jittieħdu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u mhux permezz ta' proċedura ta' kumitat.

    Huwa tal-akbar importanza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data jiġu kkunsidrati minn stadju bikri tal-ipproċessar u fl-istadji kollha tal-ipproċessar; l-implimentazzjoni tal-“Privatezza fid-disinn” għandha tiġi inkoraġġuta għad-disinn tal-applikazzjonijiet u s-sistemi tas-SIT, u u għandha tiġi inkorporata fl-istandards, fl-aħjar prattiki, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, u fis-sistemi.

    Kwalunkwe interfaċċja tal-applikazzjonijiet u s-sistemi għandha ssir b'rispett dovut għall-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u għas-salvagwardji prattiċi dwar is-sigurtà.

    Minħabba l-inċertezzi li jibqgħu f'dan l-istadju dwar il-modalitajiet tal-varar tas-SIT, il-KEPD partikolarment jilqa’ l-inizjattiva ppreżentata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha li sal-2011 għandha titwettaq valutazzjoni tal-privatezza. Barra minn hekk, huwa jirrakkomanda bis-saħħa li l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data jitwettqu fir-rigward ta' setturi u/jew għanijiet tal-użu speċifiċi għad-definizzjoni ta' miżuri ta' sigurtà adatti u li l-Aqwa Tekniki Disponibbli għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà fis-SIT huma żviluppati.

    Il-KEPD jenfasizza wkoll li l-Istati Membri ser jerfgħu r-responsabbiltà fl-implimentazzjoni tad-Direttiva b'mod adegwat sabiex l-operaturi tas-SIT jimplimentaw sistemi u servizzi li joffru livell adatt ta' protezzjoni tad-data madwar l-Ewropa.

    Għandhom jiġu implimentati salvagwardji adatti mill-kontrolluri tad-data li jipprovdu servizzi tas-SIT, sabiex l-użu ta' teknoloġiji ta' lokazzjoni, bħall-pożizzjonar bis-satellita u t-tikketti RFID, ma jkunx intrużiv għall-privatezza tal-individwi li jużaw vetturi f'kuntest purament privat jew professjonali. Notevolment dan ser ikun jeħtieġ il-limitazzjoni tal-ipproċessar għad-data strettament meħtieġa għal dak l-għan, filwaqt li jiġi żgurat li miżuri ta' sigurtà adatti jkunu mibnijin fis-sistemi, sabiex id-data ta' lokazzjoni ma tingħatax lil reċipjenti mhux awtorizzati, u filwaqt li l-utenti jiġu pprovduti mezz effettiv ta' diżattivazzjoni tat-tagħmir/faċilità ta' lokazzjoni.

    55.

    Il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikolu 6 tal-Proposta jiġi emendat, f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE, kif ġej:

    Għandha tiġi inkoraġġuta l-minimizzazzjoni tad-data għall-proċessar tad-data mwettaq permezz tas-SIT. F'dan ir-rigward, huwa rakkomandat li l-Artikolu 6(1)(b) tal-Proposta jiġi emendat kif ġej: “Id-data personali għandha tiġi pproċessata biss sakemm il-proċessar ikun meħtieġ għall-għan speċifiku li għalih tintuża s-SIT u skont bażi legali adatta” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

    Huwa importanti li d-data personali pproċessata permezz ta' sistemi interoperabbli ma tintużax għal għanijiet ulterjuri li huma inkompatibbli ma' dawk li għalihom inġabret. Għalhekk huwa rakkomandat li l-Artikolu 6(2) jiġi modifikat kif ġej: “u ma tistax tintuża għal għanijiet oħra barra dawk li għalihom inġabret b'mod inkompatibbli ma' dawk l-għanijiet” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

    Huwa jirrakkomanda li tiżdied referenza espliċita għall-idea ta' “privatezza fid-disinn” għad-disinn tal-applikazzjonijiet u s-sistemi tas-SIT fl-Artikolu 6 tal-Proposta. Barra minn hekk, huwa jirrakkomanda li l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-KEPD ikunu informati u kkonsultati dwar azzjonijiet oħrajn meħudin dwar din il-kwistjoni permezz tal-proċedura ta' kumitat.

    56.

    Il-KEPD jirrakkomanda wkoll li ssir referenza għal din il-konsultazzjoni fil-premessi tal-Proposta.

    57.

    Fid-dawl ta’ dak ta’ hawn fuq, il-KEPD jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari permezz tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, u l-KEPD huma involuti mill-qrib f'inizjattivi relatati mal-varar tas-SIT, permezz ta' konsultazzjoni fi stadju suffiċjentement bikri qabel l-iżvilupp ta' miżuri rilevanti.

    Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Lulju 2009.

    Peter HUSTINX

    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  COM(2008) 886 finali. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Komunikazzjoni fl-2935 laqgħa tal-Kunsill dwar it-Trasport, it-Telekomunikazzjoni u l-Enerġija fit-30 u l-31 ta' Marzu 2009.

    (2)  COM(2008) 887 finali.

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-data, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (4)  Hemm ħafna inizjattivi fil-livell tal-UE li jintegraw is-SIT ma' diversi modi ta' trasport li jinkludu t-trasport bl-ajru (SESAR), in-navigazzjoni (RIS), il-ferrovija (ERTMS, TAF-TSI), it-tbaħħir (VTMIS, AIS, LRIT), u t-trasport bit-triq (eToll, eCall), ara COM(2008) 886 finali p.3.

    (5)  L-Artikolu 4 tal-Proposta jipprevedi d-definizzjoni tal-miżuri tekniċi fl-oqsma li ġejjin: (i) l-aħjar użu ta' data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar, (ii) il-kontinwità ta' servizzi tas-SIT tal-ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija fuq kurituri Ewropej u fil-konurbazzjonijiet, (iii) is-sigurtà u s-sikurezza tat-toroq, u (iv) l-integrazzjoni tal-vettura fl-infrastruttura tat-trasport.

    (6)  Il-Proposta tipprevedi proċedura regolatorja bi skrutinju, f’konformità mal-Artikolu 5(a)(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (7)  Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma' modi oħra ta' trasport, T6-0283/2009.

    (8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas biex jiġi varat l-użu ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma’ modi oħra ta’ trasport, TEN/382, 13 ta' Mejju 2009.

    (9)  Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfini fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq, 2008/C 310/02, ĠU C 310, 5.12.2008, p. 9.

    (10)  Id-dokument ta' ħidma tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-protezzjoni tad-data u l-implikazzjonijiet tal-privatezza fl-inizjattiva tal-eCall, Grupp ta' Ħidma 125, 26 ta' Settembru 2006. http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2006/wp125_en.pdf

    (11)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (12)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), ĠU L 201,31.7.2002, p. 37.

    (13)  F’konformità mal-Artikoli 2(d), 6(2) u 23 tad-Direttiva 95/46/KE, imsemmija fin-nota 11 f'qiegħ il-paġna.

    (14)  Ara l-Grupp ta' Ħidma 125 dwar l-eCall, p. 4, imsemmi fin-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

    (15)  Kif imniżżel fil-premessa 26 tad-Direttiva 95/46/KE, “biex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex identifikabbli, għandu jittieħed kont tal-mezzi kollha li x'aktarx huwa raġenevoli li għandhom jintużaw jew mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra biex tiġi identifikata l-persuna msemmija.”

    (16)  L-emenda 34 li tintroduċi Artikolu ġdid 6(1)(b) tipprovdi: “Id-data personali għandha tiġi pproċessata biss sakemm l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq tal-applikazzjoni u/jew is-servizz tas-SIT. ”

    (17)  L-emenda 36 iżżid mal-Artikolu 6(2) t-test li ġej: “u ma jistgħux jintużaw għal għanijiet oħra barra dawk imsemmijin f'din id-Direttiva. ”

    (18)  Prinċipalment l-Artikolu 3.3 (c) tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom.

    (19)  L-Aqwa Tekniki Disponibbli għandhom ifissru l-istadju l-aktar effettiv u avvanzat fl-iżvilupp tal-attivitajiet u l-metodi ta' operazzjoni tagħhom li jindikaw l-adattabbiltà prattika ta' tekniki partikolari biex fil-prinċipju tiġi pprovduta l-bażi għall-applikazzjonijiet u s-sistemi tas-SIT biex ikunu konformi mar-rekwiżit tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà fil-qafas regolatorju tal-UE.

    (20)  Pereżempju, iż-żamma tad-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokazzjoni proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika fin-netwerks ta' komunikazzjoni pubblika hija rregolata fid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE.

    (21)  Ara n-nota 15 f'qiegħ il-paġna.

    (22)  Ara wkoll il-kummenti tal-KEPD dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data Ewropej, 10 ta' Marzu 2006. http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Comments/2006/06-03-10_Interoperability_EN.pdf

    (23)  Ara l-kwistjonijiet dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data mqajmin mill-użu tar-RFID fl-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (RFID) fl-Ewropa: passi lejn qafas ta' politika” COM(2007) 96, ĠU C 101, 23.4.2008, p.1. http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2007/07-12-20_RFID_EN.pdf

    (24)  Il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29, Opinjoni dwar l-użu tad-data tal-lokazzjoni bil-ħsieb tal-forniment ta' servizzi b'valur miżjud, Grupp ta' Ħidma 115, Novembru 2005. http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2005/wp115_en.pdf

    (25)  Ara l-Grupp ta' Ħidma 125 dwar l-eCall, p.5, imsemmi fin-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

    (26)  Ara n-nota 13 f'qiegħ il-paġna.


    Top