Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0331

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’ jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima (ippreżentata mill-Kummissjoni)

/* KUMM/2010/0331 finali - CNS 2010/0179 */

52010PC0331

Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’ jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima (ippreżentata mill-Kummissjoni) /* KUMM/2010/0331 finali - CNS 2010/0179 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 24.6.2010

KUMM(2010)331 finali

2010/0179 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’ jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

(ippreżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1. L-Artikolu 97(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn issa 'l quddiem "id-Direttiva tal-VAT") jipprovdi li mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010 ir-rata standard ma tistax tkun anqas minn 15% u l-Artikolu 97(2) jistipula li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat, dwar il-livell ta' rata standard ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li trid tiġi applikata wara l-31 ta' Diċembru 2010.

2. Din id-dispożizzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE). B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE nbidel fl-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 113 tat-TFUE jistipula li l-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tittratta dwar taxxi fuq il-bejgħ gross daqs kemm din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u tevita t-tfixkil tal-kompetizzjoni.

3. Bil-ħsieb li tistabbilixxi s-suq intern fl-1 ta' Jannar 1993, il-Kummissjoni ppreżentat proposti sabiex titwaqqaf sistema definittiva ta’ armonizzazzjoni ta’ taxxa.

4. Madankollu, minħabba l-impossibilità li jiġu adottati l-proposti tal-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 1993, il-Kunsill iddeċieda li jadotta sistema tranżitorja. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ rati tal-VAT, huwa adotta d-Direttiva 92/77/KEE[2].

5. Dik id-Direttiva introduċiet sistema ta' rati minimi. Hija stipulat li mill-1 ta' Jannar 1993 sal-31 ta' Diċembru 1996, ir-rata standard ma setgħetx tkun aktar baxxa minn 15%. Din id-dispożizzjoni ġiet estiża erba' darbiet u tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2010.

6. Sabiex iżżomm il-livell ta’ armonizzazzjoni milħuq b’dawn ir-rati, il-Kummissjoni ppreżentat darbtejn proposti li jistipulaw rata standard fi ħdan parametru, b'rata minima ta' 15% u dik massima ta' 25%[3]. Il-parametru ttieħed mir-rati applikati fil-prattika fl-Istati Membri fejn ir-rati standard dejjem varjaw bejn il-15% u l-25%.

7. Fiż-żewġ każijiet, il-proposti ta’ approssimazzjoni tar-rati ġew emendati mill-Kunsill,[4] li żamm biss il-prinċipju ta’ rata minima b’referenza għar-rata minima ta’ 15% mqabbla mas-sistema mdaħħla permezz tad-Direttiva tal-1992.

8. Madanakollu, dawn id-Direttivi tal-Kunsill kienu adottati b'dikjarazzjoni għall-minuti tal-Kunsill li ssemmi l-isforzi tal-Istati Membri biex jevitaw iwessgħu l-firxa ta' 10 punti perċentwali bejn l-ogħla rata applikata u l-aktar rata baxxa. Dan juri t-tħassib kontinwu tal-Istati Membri dwar it-tfixkil bejn ir-rati l-baxxi u l-għolja tal-pajjiżi u l-effetti baġitarji possibbli tal-livelli differenti tar-rati tal-VAT. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika kurrenti, hemm aktar argumenti sabiex ir-rata standard minima tiġi stabbilita fid-Direttiva tal-VAT.

9. Minkejja t-titjib varju li sar fis-sistema komuni tal-VAT bbażata fuq l-istrateġija pragmatika tal-Kummissjoni dwar il-VAT li kienet maqsuma f'fażijiet, imnedija fl-2000[5] u aġġornata fl-2003[6], is-sistema tal-VAT għadha tbati minn nuqqasijiet u piżijiet amministrattivi għoljin. Dan ifisser li trid tiġi rivalutata b'mod fundamentali. Ir-realtajiet ekonomiċi ġodda, il-proċessi tekonoloġiċi, ix-xejriet ta' frodi eċċ. ukoll iġibu magħhom sfidi ġodda. Din hija r-raġuni 'l għala l-Kummissjoni qed tippjana li tippubblika dalwaqt green paper konsultattiva dwar strateġija ġdida għall-VAT. Din se tniedi konsultazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa fil-futur. Huwa biss fid-dawl tar-riżultati ta' dak il-proċess li tista' tittieħed deċiżjoni adatta fuq il-livell ta' rati standard tal-VAT fl-UE.

10. Barra minn hekk, modifiki riċenti għad-Direttiva tal-VAT[7] iffavorixxew tassazzjoni fil-post tal-konsum, minħabba li dan jirriżulta f'anqas possibbiltajiet ta' tranżazzjonijiet transkonfinali għal rati anqas ta' VAT, li jwasslu għal tfixkil fil-kompetizzjoni. Madankollu, huwa importanti li d-diverġenzi fir-rati standard tal-VAT applikati mill-Istati Membri ma jitħallewx ikomplu jikbru sal-punt li jwasslu għal żbilanċ strutturali fl-UE u tfixkil tal-kompetizzjoni f'ċerti setturi tal-attività. Għal dan il-għan, hija prattika komuni fil-qasam tat-taxxi indiretti, kemm għad-dazji tas-sisa kif ukoll tal-VAT, li jiġu stabbiliti r-rati minimi. Għalkemm mhix qed tiġi proposta rata massima, id-differenzi bejn ir-rati standard applikati fl-Istati Membri jistgħu – kif inhu l-każ bħalissa - jiġu mistennija li jiżguraw funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jagħrfu l-bżonn possibbli ta' riżorsi baġitarji mit-taxxi tal-konsum.

11. L-adeżjoni tal-Istati l-Membri ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004 u fl-1 ta' Jannar 2007 ma biddlitx is-sitwazzjoni dwar ir-rata standard. Din xorta għadha tvarja bejn il-15% u l-25% fis-27 Stat Membru. Żewġ Stati Membri (Ċipru u l-Lussemburgu) japplikaw rata ta' 15% u tlieta japplikaw rata ta' 25% (id-Danimarka, l-Ungerija u l-Isvezja).

12. F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidher għalhekk xieraq li jinżamm il-prinċipju ta' rata standard ta' VAT ta' 15% u jiġi propost li l-arranġamenti fis-seħħ jiġu estiżi.

13. Biex in-negozji jingħataw iċ-ċertezza legali, u biex jista' jkun hemm aktar evalwazzjoni tal-livell adatt tar-rata standard ta' VAT fil-livell tal-UE, jidher xieraq li d-dispożizzjoni tiġi estiza għal ħames snin oħra, filwaqt li l-Kummissjoni tirrifletti fuq strateġija ġdida tal-VAT u teżamina mill-ġdid ir-rata ta' VAT xierqa għal strateġija komuni.

14. Il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rata skont l-Artikolu 97(1)(a), tad-Direttiva 2006/112/KEE jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2010, l-għan ta’ din il-proposta huwa li tħalli lill-Kunsill jestendi l-perjodu li fih tapplika din ir-rata. Il-livell minimu tar-rata standard tal-VAT huwa għalhekk ta’ 15% għal ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2015. Il-Kummissjoni tistenna wkoll li l-Kunsill iġedded id-dikjarazzjoni għall-minuti maqbula qabel dwar il-firxa bejn l-ogħla rati u dawk l-aktar baxxi applikati għall-istess perjodu.

IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Meta wieħed iqis li ma ġie rappurtat ebda lment speċifiku lill-Kummissjoni rigward ir-regoli li japplikaw dwar ir-rata standard tal-VAT, ma kien hemm ebda bżonn għal konsultazzjoni jew għarfien espert estern.

Il-miżura kkonċernata għandha biss l-għan li ttawwal id-dispożizzjoni temporanja rigward it-tul ta' żmien li fih ir-rata standard minima ta' VAT kurrenti għandha tiġi applikata. Tali estensjoni sempliċiment iżżomm is-sitwazzjoni sodisfaċenti kurrenti rigward ir-rata standard tal-VAT. Hija għandha natura teknika u għalhekk ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT. Il-bażi legali huwa l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Unjoni Ewropea diġà stabbiliet dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-applikazzjoni tar-rati tal-VAT, fid-Direttiva tal-VAT. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu emendati jew estiżi biss minn att tal-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tistax tiddevja mir-regoli armonizzati.

Għalhekk, hija biss l-azzjoni mill-Unjoni Ewropea li tista' tilħaq l-għanijiet tal-proposta u tiżgura trattament ugwali taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

- Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-proposta ppreżentata żżomm is-sitwazzjoni kurrenti, fejn l-Istati Membri japplikaw rata ta' VAT standard b'minimu ta' 15%.

Minħabba li l-proposta sempliċiment testendi l-perjodu li fih tapplika dispożizzjoni eżistenti, il-miżura hija proporzjonata mal-għan li qed jiġi segwit. Il-proposta ma tinvolvi ebda spiża finanzjarja għall-Unjoni Ewropea u ebda piż finanzjarju għan-negozji jew għall-konsumaturi.

- Għażla tal-istrumenti

L-istrument propost huwa Direttiva. Mezzi oħra ma jkunux adegwati, minħabba li din il-proposta timmodifika dispożizzjonijiet rigward ir-rati tal-VAT li diġà jinsabu fid-Direttiva.

L-IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Noti fuq l-Artikoli

Artikolu 1

L-Artikolu 1 jipproponi li r-rata standard minima tal-VAT ta' bħalissa fl-Istati Membri, stabbilita għal 15%, tiġi estiża mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2015.

l-Artikoli 2 sa 4

Dawn l-Artikoli jipprovdu għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

2010/0179 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’ jaqsam mal-perjodu ta' obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġiżlattiva lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[8],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9],

Waqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

1. L-Artikolu 97(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[10] jipprovdi li mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010 ir-rata standard m'għandhiex tkun anqas minn 15%.

2. Ir-rata standard ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fis-seħħ bħalissa fl-Istati Membri, ikkombinata mal-mekkaniżmu tas-sistema tranżitorja, tiżgura li din is-sistema tiffunzjona fi grad aċċettabbli. B'regoli ġodda fuq il-post tal-forniment tas-servizzi li jiffavorixxu t-tassazzjoni fil-post tal-konsum, il-possibbiltajiet li jiġu sfruttati d-differenzi fir-rati tal-VAT permezz tar-rilokazzjoni ġew limitati aktar u tnaqqas ukoll it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni.

3. Sabiex id-diverġenzi li qed jiżdiedu fir-rati standard tal-VAT applikati mill-Istati Membri ma jitħallewx iwasslu għal żbilanċ strutturali fl-Unjoni Ewropea u tfixkil tal-kompetizzjoni f'xi setturi ta' attività, hija prattika komuni fil-qasam tat-taxxi indiretti li jiġu sabbiliti rati minimi. Huwa neċessarju li dan isir għall-VAT.

4. Sakemm isiru l-konsultazzjonijiet dwar l-istrateġija tal-VAT li hija mistennija li tindirizza l-arranġamenti fil-futur u livelli korrispondenti ta' armonizzazzjoni, ikun prematur li jiġi stabbilit livell permanenti ta' rata standard jew li jiġi kkunsidrat li jinbidel il-livell ta' rata minima.

5. Huwa għalhekk xieraq li tinzamm ir-rata standard minima kurrenti ta' 15% għal perjodu ieħor li jkun twil biżżejjed biex tiġi żgurata ċertezza legali, filwaqt li tiġi permessa aktar reviżjoni.

6. Dan ma jeskludix aktar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT qabel il-31 ta' Diċembru 2015 biex tindirizza r-riżultat tal-istrateġija tal-VAT il-ġdida.

7. Id-Direttiva 2006/112/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 97 tad-Direttiva 2006/112/KEE huwa mibdul b' li ġej:

"Artikolu 97

Mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2015, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %."

Artikolu 2Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2011. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-mod ta' kif issir din ir-referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[2] ĠU L 316, 31.10.1992, p. 1.

[3] COM(95) 731 (ĠU C 73 tat-13.3.1996, p. 22) u COM(98) 693 (ĠU C 409 tat-30.12.1998 p. 13).

[4] Id-Direttiva 96/95/KE tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1996 (ĠU L 338 tat-28.12.1996, p. 89) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/49/KE tal-25 ta' Mejju 1999 (ĠU L 139 tat-2.6.1999, p. 27).

[5] COM(2000) 348 finali tas-7.6.2000.

[6] COM(2003) 614 finali tal-20.10.2003.

[7] Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 11)

[8] ĠU C […], […], p. […].

[9] ĠU C […], […], p. […].

[10] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

Top