Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0495

    Uganda: l-Abbozz ta’ liġi “Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Uganda: l-hekk imsejjaħ “Abbozz ta’ Liġi Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT

    ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 134–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 169/134


    Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
    Uganda: l-Abbozz ta’ liġi “Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT

    P7_TA(2010)0495

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Uganda: l-hekk imsejjaħ “Abbozz ta’ Liġi Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT

    2012/C 169 E/16

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa minnhom, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehim ta’ Cotonou) u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fih, b'mod partikolari l-Artikolu 9,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jimpenjaw lill-Unjoni Ewropea u lil-Istati Membri tagħha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu l-mezzi biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali,

    wara li kkunsidra l-attivitajiet kollha tal-UE li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki ta’ kontra d-diskriminazzjoni,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta’ leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali (1),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, fil-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, fis-17 ta’ Mejju 2010,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-3 ta’ Diċembru 2009 dwar l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni soċjali u kulturali taż-żgħażagħ,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Abbozz ta’ Liġi Kontra l-Omosesswalità ppreżentat mill-Membru privat David Bahati MP fil-25 ta’ Settembru 2009 quddiem il-Parlament tal-Uganda jipprevedi l-ikkastigar tal-atti omosesswali bi priġunerija ta’ bejn seba' snin u l-għomor il-ħabs kif ukoll il-piena tal-mewt; billi l-Abbozz ta’ Liġi jipprevedi l-ikkastigar tan-nuqqas li wieħed jiżvela l-omosesswalità ta’ wild jew ta’ pazjent b'massimu ta’ tliet snin priġunerija; billi l-Abbozz ta’ Liġi għadu qed jiġi eżaminat,

    B.

    billi l-komunità internazzjonali kollha kemm hi kkundannat b'qawwa l-liġi proposta, filwaqt li xi Stati Membri tal-UE heddu li jirrevokaw l-għajnuna għall-iżvilupp li jagħtu lill-Uganda jekk dan l-abbozz isir liġi,

    Ċ.

    billi fid-9 ta’ Ottubru u fil-15 ta’ Novembru 2010, il-ġurnal lokali 'Rolling Stone' elenka l-ismijiet u d-dettalji personali ta’ persuni li huwa allegat li huma omosesswali, filwaqt li inċita lill-qarrejja biex jagħmlulhom ħsara jew jgħallquhom; billi l-Qorti Suprema tal-Uganda ordnat temporanjament lill-ġurnal biex iwaqqaf il-pubblikazzjoni,

    D.

    billi fl-Afrika l-omosesswalità hija legali fi 13-il pajjiż biss u hija reat kriminali fi 38 pajjiż; billi l-Mawritanja, is-Sudan u n-Niġerja tat-Tramuntana jikkastigaw l-omosesswalità bil-piena tal-mewt,

    1.

    Itenni l-fatt li l-orjentazzjoni sesswali hija xi ħaġa li taqa' fl-isfera tad-dritt individwali għall-privatezza kif garantit bid-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont liema dritt l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu protetti, filwaqt li l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi garantita;

    2.

    Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Uganda fl-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u skont il-Ftehim ta’ Cotonou, li jitlob li d-drittijiet universali tal-bniedem jiġu rispettati;

    3.

    Itenni l-impenn tiegħu fir-rigward tad-drittijiet universali tal-bniedem, jinnota f'dan ir-rigward li d-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBT ma tistax titqies bħala imponiment ta’ valuri Ewropej, iżda minflok bħala d-difiża u l-promozzjoni ta’ drittijiet universali tal-bniedem kondiviżi, xi ħaġa li hija wieħed mill-objettivi tal-UE fl-attivitajiet esterni kollha tagħha;

    4.

    Jikkundanna kwalunkwe tentattiv li tiġi inċitata l-mibegħda u tiġi promossa l-vjolenza kontra grupp minoritarju, inkluż abbażi tas-sess jew tal-orjentazzjoni sesswali; f'dan il-kuntest jikkundanna t-tressiq tal-Abbozz ta’ Liġi Kontra l-Omosesswalità u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uganda biex ma japprovawx l-Abbozz ta’ Liġi iżda jirrevedu l-liġijiet tagħhom biex jiddepenalizzaw l-omosesswalità u jiddepenalizzaw il-gruppi maġinalizzati, inklużi l-attivisti LGBT; jenfasizza li liġi kontra l-omosesswalità tkun ta’ ħsara kbira fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;

    5.

    Għal darba oħra jiċħad b'qawwa kwalunkwe passi biex jiddaħħal l-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanzi u proċeduri ta’ estradizzjoni għal ċittadini tal-Uganda li jwettqu att omosesswali barra minn pajjiżhom;

    6.

    Jilqa' l-fatt l-Qorti Suprema tal-Uganda ordnat lill-ġurnal 'Rolling Stone' biex iwaqqaf il-pubblikazzjoni; madankollu għadu mħasseb li ħafna Ugandiżi ġew attakkati konsegwenza diretta tal-artiklu, filwaqt li ħafna għadhom qed jibżgħu li se jiġu attakkati, u jitlob li jiġu protetti mill-awtoritajiet;

    7.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-Ispeaker tal-Parlament Ugandiż, lill-Assemblea Leġiżlattiva tal-Afrika tal-Lvant u lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana.


    (1)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 25.


    Top