This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010IP0493
Welfare of laying hens European Parliament resolution of 16 December 2010 on the EU laying hens industry: the ban on the use of battery cages from 2012
Il-benessri tat-tiġieġ tal-bajd Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-industrija tat-tiġieġ tal-bajd tal-UE: il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ batteriji ta’ gaġeġ mill-2012
Il-benessri tat-tiġieġ tal-bajd Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-industrija tat-tiġieġ tal-bajd tal-UE: il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ batteriji ta’ gaġeġ mill-2012
ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 129–132
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 169/129 |
Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
Il-benessri tat-tiġieġ tal-bajd
P7_TA(2010)0493
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-industrija tat-tiġieġ tal-bajd tal-UE: il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ batteriji ta’ gaġeġ mill-2012
2012/C 169 E/14
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE, li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ tal-bajd (1), li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 1999 u daħħlet il-projbizzjoni tal-użu ta’ gaġeġ għat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd, filwaqt li tat perjodu tranżitorju ta’ aktar minn 12-il sena lill-produtturi biex jibdlu s-sistemi tagħhom ta’ trobbija, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fis-suq applikabbli għall-bajd (2), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS Waħdanija) (3), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2007)0865 tat-8 ta’ Jannar 2008 dwar is-sistemi diversi tat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd, b'mod partikolari dawk koperti mid-Direttiva 1999/74/KE (SEC(2007)1750), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2008, (KE) Nru 411/2009, (UE) Nru 215/2010, (UE) Nru 241/2010, (UE) Nru 254/2010, (UE) Nru 332/2010, (UE) Nru 925/2010 u (UE) Nru 955/2010, li jistabbilixxu lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (u li mill-1 ta’ Jannar 2009 ħa post id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE) (4), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonui tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar il-kriżi fis-settur tal-bhejjem fl-UE (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
A. |
billli, fil-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tat-30 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dwar din il-kwistjoni, iżda ma kinitx kapaċi tagħti risposti sodisfaċenti lill-membri tal-Kumitat, pereżempju għall-fatt li ma tfassal l-ebda pjan ta’ azzjoni, |
B. |
billi d-Direttiva dwar il-Ħarsien tat-Tiġieġ li Jbid (1999/74/KE) tipprojbixxi, mill-1 ta’ Jannar 2012, it-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd f'sistemi ta’ gaġeġ mhux arrikkiti u billi l-Istati Membri u l-produtturi fl-UE-15 sa dak iż-żmien se jkollhom iktar minn 12-il sena biex jiżguraw li jikkonformaw mat-termini tal-leġiżlazzjoni u billi l-produtturi fl-UE-10 u l-UE-2 se jkun kellhom, rispettivament, 8 snin u 5 snin sa mit-tkabbir biex jikkonformaw, |
C. |
billi fis-snin riċenti s-settur iffaċċja mard maġġuri ta’ epizoozie, kif ukoll kriżi severa tas-suq dovuta sa ċertu punt għal spejjeż kbar ħafna ta’ produzzjoni kkawżati mill-għoli tal-prezz tal-ġwież - li jammonta għal madwar 50 % tal-ispejjeż totali tal-produtturi - b'riżultat tal-ispekulazzjoni fis-suq taċ-ċereali, |
D. |
billi bosta produtturi fl-Unjoni bdew ibiddlu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom biex ikunu konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE, iżda mhux se jkunu temmew il-proċess sal-iskadenza tal-1 ta’ Jannar 2012, |
E. |
billi l-Kummissjoni adottat, fl-2002, komunikazzjoni dwar is-sistemi diversi tat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd, b'mod partikolari dawk koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE, li kkonfermat li d-deċiżjoni dwar it-tneħħija gradwali tal-gaġeġ tat-tiġieġ fl-1 ta’ Jannar 2012 hija ġustifikata u li ma hemm bżonn tal-ebda emenda għad-direttiva; billi l-Kummissjoni tenniet din il-pożizzjoni fil-Kunsill tal-Agrikoltura tat-22 ta’ Frar 2010, |
F. |
billi l-bajd li ma jiġix prodott b'konformità mad-Direttiva 1999/74/KE ma jistax jitqiegħed fis-suq legalment fl-UE, |
G. |
billi l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jimplimentaw sistemi ta’ sanzjonijiet proporzjonati, effettivi u dissważivi sabiex jiżguraw li d-direttiva tiġi implimentata, filwaqt li l-Kummissjoni - bħala għassies tat-Trattat - għandha d-dover li timmonterja l-progress li jsir fl-implimentazzjoni tagħha mal-UE kollha u sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji, |
H. |
billi r-rapporti tad-DĠ AGRI dwar is-sitwazzjoni attwali u l-estimi tal-istess settur għas-snin li ġejjin juru li għadd sostanzjali ta’ Stati Membri u 30 % tal-produzzjoni tal-bajd mhux mistennija jikkonformaw mal-projbizzjoni dwar il-gaġeġ tal-bajd sal-1 ta’ Jannar 2012, |
I. |
billi d-Direttiva 1999/74/KE ma tipprevedix mekkaniżmu speċifiku li jippermetti li l-Istati Membri ma jħallux il-kummerċjalizzazzjoni fuq it-territorju tagħhom ta’ bajd jew prodotti ta’ bajd minn Stat Membru ieħor li ma jieħux il-miżuri neċessarji sabiex ma’ jħallix jitqiegħed fis-suq il-bajd minn stabbilimenti li ma jkunux konformi mad-Direttiva 1999/74/KE, |
J. |
billi s-settur tal-produzzjoni tat-tajr u tal-bajd ma jirċivix sussidji tal-UE taħt l-ewwel pilastru tal-PAK u kien qed jiffaċċja kriżi kbira tas-suq f'dawn l-aħħar snin, inklużi l-prezzijiet għoljin reċenti tal-għalf, filwaqt li kellhom jikkonformaw mal-istandards tal-UE għall-benesseri u s-saħħa tal-annimali, li huma fost l-ogħla fid-dinja, |
K. |
billi l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed iġarrbu l-produtturi tal-bajd li jużaw il-gaġeġ arrikkiti huma minn 8 sa 13 % ogħla meta mqabbla ma’ dawk ta’ produtturi li jużaw gaġeġ konvenzjonali u d-differenza fid-dħul hija stmata li hi minn 3 sa 4 %, |
1. |
Jistieden lill-Kummissjoni żżomm ir-rekwiżit għal projbizzjoni fuq il-gaġeġ tat-tiġieġ sal-1 ta’ Jannar 2012 kif stipulat bid-Direttiva dwar il-Benessri tat-Tiġieġ li Jbid (1999/74/KE) u biex topponi bil-qawwa kwalunkwe tentattiv min-naħa tal-Istati Membri biex jiksbu posponiment ta’ din l-iskadenza; |
2. |
Jenfasizza l-fatt li bħala prinċipju l-poponiment tal-projbizzjoni jew derogi għaliha jkunu ta’ ħsara għall-benessri tat-tiġieġ tal-bajd, jgħawwġu s-suq u jippenalizzaw lil dawk il-produtturi li diġà investew f'sistemi mingħajr ġaġeġ jew ġaġeġ arrikkiti; jemmen, madankollu, li għandha tinstab soluzzjoni, soġġett għal kundizzjonijiet definiti b'mod ċar, għal dawk il-produtturi li bdew ibiddlu is-sistemi ta’ trobbija tagħhom, billi jdaħħlu gaġeġ ġodda jew sistemi ta’ trobbija alternattivi, iżda li ma jkunux lestew dan il-proċess għalkollox sal-1 ta’ Jannar 2012; |
3. |
Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar in-numru sostanzjali ta’ Stati Membri u produtturi tal-bajd li jinsabu lura milli jilħqu l-iskadenza tal-2012; |
4. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiltaqa' mal-partijiet interessati ewlenin u l-awtoritajiet kompetenti f'Jannar 2011 sabiex tivvaluta l-qagħda tal-implimentazzjoni tad-direttiva, iżda jenfasizza li dawn l-isforzi messhom ilhom li saru; |
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex b'urġenza tipprovdi ċarezza rigward l-istat attwali fl-Istati Membri u tiżvela sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2011 il-miżuri li bi ħsiebha tieħu sabiex tiżgura konformità mad-direttiva; |
6. |
Jenfasizza li miżuri bħal dawn l-ewwel u qabel kollox għandhom iżommu kundizzjonijiet ugwali u jipproteġu l-produtturi li jkunu konformi sal-1 ta’ Jannar 2012 minn kompetizzjoni inġusta min-naħa ta’ produtturi fl-UE u lil hinn minnha li jkomplu jużaw b'mod illegali l-gaġeġ tat-tiġieġ wara dik id-data; |
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja l-progress f'intervalli frekwenti u biex tieħu azzjoni urġenti fir-rigward tal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-produtturi tal-bajd tagħhom jikkonformaw mal-projbizzjoni tal-1 ta’ Jannar 2012 u tħeġġiġhom jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni nazzjonali, inklużi sanzjonijiet dissważivi, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-użu tal-gaġeġ tat-tiġieġ jintemm fit-territorju tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2012; |
8. |
Hu tal-fehma li l-produtturi tal-bajd u l-Istati Membri li għamlu sforz biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE m'għandhomx ibatu minħabba kompetizzjoni inġusta u illegali, b'mod speċjali rigward bajd u prodotti tal-bajd impurtati minn pajjiżi terzi; jenfasizza li l-bajd li ma jiġix prodott f'konformità mad-Direttiva 1999/74/KE ma jistax jiġi kkumerċjalizzat legalment jew ikun parti minn kummerċ intern fl-UE.; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tevita tgħawwiġ tas-suq u ma tħallix li l-produtturi li ma jkunux konformi jesportaw barra mit-territorju nazzjonali tagħhom; |
9. |
Jinsisti li l-Kummissjoni m'għandha tieħu l-ebda azzjoni kontra Stat Membru li ma jħallix il-kummerċjalizzazzjoni u l-importazzjoni ta’ bajd li ma jkunx prodott b'konformità mal-liġi tal-UE; |
10. |
Jinnota li xi Stati Membri, imma mhux kollha, għamlu użu mill-possibilità li jipprovdu finanzjament għall-produtturi sabiex jappoġġjaw il-konverżjoni għal ġaġeġ arrikkiti; jenfasizza, madankollu, li l-limitazzjonijiet attwali fuq il-finanzi ta’ xi Stati membri u d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-bdiewa tal-UE biex jiksbu self mill-banek sabiex jiffinanzjaw investiment fl-irżieżet jistgħu jagħmlu l-process ta’ konverżjoni għal ġaġeġ arrikkiti qabel l-1 ta’ Jannar 2012 aktar diffiċli; |
11. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jinkludu fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom miżuri sabiex jgħinu lis-settur tat-tjur jikkonforma mad-direttiva; |
12. |
Jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-għarfien tal-konsumatur dwar din il-kwistjoni u dwar l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità fuq il-benessri tat-tiġieġ tal-bajd u dwar l-effetti tal-kompetizzjoni inġusta fost il-bdiewa; |
13. |
Jinnota li l-bajd għandu jitqies bħala ikel bażiku u jirrimarka li n-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 1999/74/KE jaf jwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ bajd u żieda sinifikanti fil-prezz tal-bajd għall-konsumaturi; jenfasizza barra minn hekk li nuqqas bħal dan u żidiet fil-prezzijiet jistgħu jwasslu għal aktar importazzjoni ta’ bajd jew prodotti ta’ bajd minn pajjiżi terzi li ma josservawx l-istandards ta’ benesseri tal-UE; |
14. |
Jitlob lill-Kummissjoni żżid is-sorveljanza tagħha tal-infurzar tad-Direttiva permezz ta’ iktar spezzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Ikel u Veterinarju; |
15. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, lista ta’ produtturi, proċessuri u bejjiegħa li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/74/KE; |
16. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53.
(2) ĠU L 163, 24.6.2008, p. 6.
(3) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(4) ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0402.