Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0298

    L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ Settembru 2010 dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (2010/2055(INI))

    ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 308/1


    It-Tlieta 7 ta’ Settembru 2010
    L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali

    P7_TA(2010)0298

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (2010/2055(INI))

    2011/C 308 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2009 dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (COM (2009)0614) u r-rapport ta’ progress li jmur magħha,

    wara li kkunsidra l-ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (1), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 (2),

    wara li kkunsidra l-ħdax-il Direttiva tal-Kunsill Nru 89/666/KEE tal-21 ta'Diċembru 1989 dwar ħtiġiet ta’ żvelar fil-każ ta’ fergħat miftuħa fi Stat Membru minn ċerta tipi ta’ kumpaniji regolati mill-liġi ta’ Stat ieħor (3),

    wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (4),

    wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji b'responsabilità limitata (5),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea (SE) (6),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-Istatut ta’ Soċjeta Kooperattiva Ewropea (SCE) (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġustizzja elettronika (e-Justice) (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ April 2009 dwar l-infurzar effikaċi tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: it-trasparenza tal-assi tad-debituri (9),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0218/2010),

    A.

    billi r-reġistri kummerċjali jeżaminaw, jirreġistraw u jaħżnu informazzjoni dwar il-kumpaniji fuq ħwejjeġ bħalma huma l-forma ġuridika tal-kumpanija, is-sede u l-kapital tagħha, il-ħatra, it-terminazzjoni tal-kompiti, il-poteri u l-partikolaritajiet tar-rappreżentanti legali tagħha, id-dokumenti tal-kontabilità għal kull sena finanzjarja, u, fejn dan ikun f'loku, l-istralċ tal-kumpanija, u din l-informazzjoni jagħmluha disponibbli għall-pubbliku,

    B.

    billi r-reġistri kummerċjali fl-UE joperaw fuq bażi nazzjonali jew reġjonali u jaħżnu biss informazzjoni dwar kumpaniji li huma rreġistrati fiż-żona li għaliha jkunu responsabbli,

    C.

    billi t-talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji qiegħda tiżdied f'kuntest transkonfinali, jew għal finijiet kummerċjali inkella biex l-aċċess għall-ġustizzja jkun iffaċilitat; billi huwa essenzjali li l-kredituri u l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar id-debituri u l-assi tagħhom; billi jeħtieġ li jiġu żvelati xi dettalji partikolari biex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-impjegati stipulati fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-Kumpaniji,

    D.

    billi l-fatt li r-reġistri kummerċjali għadhom mhumiex interkonnessi jikkawża telf ekonomiku u problemi għall-partijiet interessati kollha – mhux biss għall-kumpaniji imma wkoll għall-impjegati tagħhom, għall-konsumaturi u għall-pubbliku – speċjalment rigward it-trasparenza, l-effiċjenza u ċ-ċertezza legali; billi l-aċċess transkonfinali ffaċilitat għal informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar il-kumpaniji mill-Istati Membri kollha jqawwi t-trasparenza u ċ-ċertezza legali fis-suq intern u jista' jreġġa' lura l-fiduċja fis-swieq wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja,

    E.

    billi mill-1 ta’ Jannar 2007 l-informazzjoni fir-reġistri kummerċjali tinżamm elettronikament u hija aċċessibbli online mill-Istati Membri kollha; billi, minkejja li l-informazzjoni kummerċjali rilevanti hija disponibbli online, l-istandards tar-reġistri huma differenti wieħed mill-ieħor u l-persuni interessati jeħtiġilhom jaħdmu b'diversi lingwi, kundizzjonijiet tat-tiftix u strutturi,

    F.

    billi l-kontenut, l-awtorevolezza u s-sinifikat legali tar-reġistri individwali x'aktarx li huma differenti, u billi dan jista' jkollu konsegwenzi legali li jistgħu jvarvjaw minn Stat Membru għall-ieħor,

    G.

    billi punt uniku ta’ aċċess għall-informazzjoni kummerċjali rigward il-kumpaniji Ewropej kollha jiffranka l-ħin u l-ispejjeż; billi għal dan il-għan għandha titqies il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Istati Membri kollha f'dan il-punt ta’ aċċess,

    H.

    billi dan il-punt uniku ta’ aċċess għandu jipprovdi informazzjoni ta’ kwalità għolja mill-Istati Membri kollha; billi din l-informazzjoni għandha tkun affidabbli, aġġornata u pprovduta f'format standard u bil-lingwi kollha tal-UE; billi l-Kummissjoni Ewropea għandha ssegwi attivament dan il-punt uniku ta’ aċċess,

    I.

    billi fl-inizjattiva prominenti tagħha 'Politika industrijali għal Żmien il-Globalizzazzjoni' fil-komunikazzjoni tagħha li ġġib l-isem “Ewropa 2020: strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, il-Kummissjoni timpenja ruħha li “ttejjeb l-ambjent kummerċjali, speċjalment tal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, fosthom permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni ta’ negozju li jsir fl-Ewropa”,

    J.

    billi fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2010 l-Kunsill adotta konklużjonijiet li korrettament jenfasizzaw l-importanza tal-kwalità tad-data u l-ħtieġa li l-aċċess għall-informazzjoni jiġi sssemplifikat biex jittejbu l-fiduċja tal-persuni interessati u tas-suċċess tal-attivitajiet fi ħdan is-suq intern, kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkunu involuti fl-iżgurar tal-aċċess ċentralizzat għall-informazzjoni,

    K.

    billi l-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali hija essenzjali fil-każ ta’ merġers transkonfinali, trasferimenti tas-sede jew proċedimenti transkonfinali ta’ insolvenza; billi l-kooperazzjoni hija rekwiżit espliċitu ta’ diversi strumenti tali-leġiżlazzjoni dwar il-kumpaniji, bħalma huma d-Direttiva 2005/56/KE, ir-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u r-Regolament (KE) Nru 1435/2003,

    L.

    billi r-rekwiżiti dwar l-iżvelar ta’ fergħat barranin stipulati bil-Ħdax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji 89/666/KEE jfissru li fil-prattika l-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali hija essenzjali; billi dik il-kooperazzjoni ma għandhiex tkun biss limitata għal meta fergħa tinfetaħ, imma għandha testendi wkoll biex tiżgura li l-informazzjoni rilevanti tkun korretta u aġġornata biex ma jkunx hemm diskrepanzi bejn il-kontenuti tar-reġistru li jkun fih id-dettalji tal-fergħa u dawk tar-reġsitru li jkun fih id-dettalji tal-kumpanija prinċipali,

    M.

    billi ladarba jiġi adottat l-Istatut ta’ Kumpanija Privata Ewropea (COM(2008)0396) l-għadd ta’ każijiet li jeħtieġu kooperazzjoni transkonfinali jista' jiżdied b'mod sinifikanti,

    N.

    billi diġà huma implimentati diversi mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali, bħalma huma r-Reġistru Kummerċjali Ewropew (EBR), il-proġett għal Interoperabbiltà tar-Reġistri Kummerċjali Madwar l-Ewropa (BRITE), u s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI); billi l-EBR u BRITE huma vovlontarji, u għaldaqstant l-Istati Membri mhux kollha jieħdu sehem fihom; billi, barra minn hekk, BRITE huwa biss proġett ta’ riċerka,

    O.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 il-Parlament laqa' l-idea li jinħoloq portal tal-Ġustizzja elettronika; billi l-pjan ta’ azzjoi Ewropew dwar il-Ġustizzja elettronika għall-2009-2013 jipprovdi dwar l-integrazzjoni tatal-EBR fil-portal tal-Ġustizzja elettronika,

    1.

    Jemmen li s-siwi tal-proġett għall-integrazzjoni ulterjuri taż-żona ekonomika Ewropea jista' jiġi sfruttat biss jekk l-Istati Membri kollha jieħdu sehem fih u huwa tal-fehma li għal dan il-għan għandha tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Istati Membri kollha;

    2.

    Huwa tal-fehma li l-inizjattiva tal-EBR u l-proġett BRITE għandhom jiġu segwiti l-ewwel, u jqis li l-parteċipazzjoni fihom għandha ssir obbligatorja; jinsisti fuq l-importanza tal-IMI għal implimentazzjoni mtejba tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern, ġaladarba diġà tat prova li hija strument ta’ suċċess fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (10) u tad-Direttiva dwar is-Servizzi (11); ifakkar li l-Istati Membri kollha diġà jużaw l-IMI u li din tista' tiġi estiża għal firxa usa' ta’ proċeduri bla ma tinvolvi investiment sinifikanti mill-Istati Membri;

    3.

    Jinnota li d-data tar-reġistri ma tistax titqabbel ma’ informazzjoni ta’ natura purament ekonomika; jemm, għal din ir-raġuni, li l-aċċess pubbliku għal informazzjoni affidabbli u aġġornata għandha tingħata permezz ta’ punt uffiċjali uniku ta’ aċċess; jinnota li dan itejjeb it-trasparenza, l-effiċjenza u ċ-ċertezza legali għall-benefiċċju tal-kumpaniji u tal-ħaddiema tagħhom, tal-konsumaturi u tas-sistema kollha;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem ħalli l-Istati Membri kollha tal-UE jiġu integrati f'dan il-punt uniku ta’ aċċess għall-informazzjoni billi tipprovdi għarfien espert u riżorsi addizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ sħubija obbligatorja tal-Istati Membri kollha tal-UE f'dan il-punt uniku ta’ aċċess ġdid għall-informazzjoni;

    5.

    Jinnota li s-sinifikat tad-data miżmuma f'diversi reġistri kummerċjali tista' tvarja u li dan jista' jwassal għal konsegwenzi legali, mhux biss għall-kumpaniji imma wkoll għall-impjegati tagħhom u għall-konsumaturi, konsegwenzi li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor;

    6.

    Iqis li l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji wkoll għandha importanza għall-impjegati, b'mod partikolari fejn tapplika l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kumpaniji – jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 2157/2001, ir-Regolament (KE) Nru 1435/2003 u d-Direttiva 2005/56/KE; iqis li din l-informazzjoni hija importanti wkoll fil-perspettiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/72/KE (12) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE (13), li jipprovdu s-salvagwardja tad-drittijiet preeżistenti ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-kumpaniji riżultanti;

    7.

    Jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-utenti li jutilizzaw data tar-reġsitri jkunu mgħarrfa li s-sinifikat legali ta’ dik id-data u l-obbligi relatati magħha jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor;

    8.

    jinnota, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-uffiċji prinċipali u l-fergħat, li interkonnesjoi awtomatizzata tiffaċilita l-iskambju tal-entrati;

    9.

    Huwa konxju li l-kontenut tal-entrati mhux dejjem huwa konsistenti biżżejjed;

    10.

    Jemmen li, biex is-suq intern jaħdem sewwa, huwa essenzjali li informazzjoni uffiċjali u affidabbli dwar il-kumpaniji li jinnegozjaw fl-UE ssir disponibbli għall-pubbliku; jilqa' f'dan il-kuntest il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali;

    11.

    Jinnota li trasparenza akbar fis-suq intern tista' twassal għal iżjed investiment transkonfinali;

    12.

    Huwa konvint li aċċess imtejjeb u aktar faċli għall-informazzjoni huwa meħtieġ biex jiġu megħjuna l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jirrappreżentaw element prinċipali fis-sinsla tal-ekonomija Ewropea u huma l-mutur prinċipali li joħloq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, billi jikkontribwixxi biex inaqqsilhom il-piżijiet amministrattivi;

    13.

    Jenfasizza li l-aċċess faċli għal data affidabbli dwar mergers, trasferimenti tas-sede jew proċeduri transkonfinali oħra huwa indispensabbli għall-kumpaniji Ewropej kollha u se jkompli jagħti spinta lill-kompetittività fis-suq intern u jgħinu jaħdem aħjar billi jqawwi l-libertajiet ewlenin tiegħu, jiġifieri l-moviment ħieles tal-fondi, tas-servizzi u tal-persuni;

    14.

    Jemmen li kwalunkwe strateġija biex noħorġu mill-kriżi u biex intejbu l-funzjonament tas-suq uniku jeħtiġilha tinvolvi trasparenza u kooperazzjoni akbar fil-mekkaniżmi transkonfinali, li għandhom iżidu l-fiduċja tal-500 miljun konsumatur Ewropew;

    15.

    Jagħraf l-isforzi li saru fi ħdan il-mekkaniżmi u l-inizjattivi differenti ta’ koooperazzjoni;

    16.

    Jisħaq, madankollu, li jeħtieġ jittieħdu aktar passi u li t-trasparenza tas-suq tirrikjedi, minn naħa waħda, li l-aċċess għad-data fir-reġistri kummerċjali tas-27 Stat Membru għandu jkun faċli permezz ta’ punt uniku ta’ aċċess li jiġi segwit attivament u li, min-naħa l-oħra, din id-data għandha tkun affidabbli, tinżamm aġġornata u tiġi pprovduta f'format standard u bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jemmen li l-ewwel għandha ssir valutazzjoni sa liema punt dan jikkawża spejjeż addizzjonali ta’ traduzzjoin u li, għal dan il-għan, għandha tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Istati membri kollha;

    17.

    Jitlob li jkunu garantiti modi effikaċi biex l-eżistenza ta’ dan il-punt uniku ta’ aċċess tkun ippubblikata ħalli l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jużawh biex jiksbu informazzjoni ċara u affidabbli dwar il-kumpaniji Ewropej;

    18.

    Jinnota li l-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Persuni Interessati dwar il-Piżijiet Amministrattivi (il-Grupp Stoiber) wera li l-faċilitazzjoni tal-aċċess elettroniku transkonfinali għall-informazzjoni kummerċjali tista' twassal sabiex kull sena jiġu ffrankati aktar minn EUR 160 miljun;

    19.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji Ewropej, speċjalment fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Istatut pendenti għal-Kumpanija Privata Ewropea;

    20.

    Jinnota. madankollu, li l-passi li jittieħdu ma għandhomx jimponu piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq il-kumpaniji, partikolarment fuq l-SMEs;

    21.

    Jistenna bil-ħerqa l-varar tal-portal tal-Ġustizzja elettronika, li jeħtieġ li jkun faċilment aċċessibbli għall-individwi, għan-negozji, għal min jipprattika l-liġi u għall-ġudikatura, u li jeħtieġ li jkun ta’ użu faċli; jappoġġa l-idea li l-EBR jiġi integrat f'dak il-portal;

    22.

    Jenfasizza l-importanza li d-data u s-sistemi ta’ BRITE, IMI u EBR jiġu integrati ulterjorment biex b'hekk ikun implimentat punt uniku ta’ aċċess għall-persuni interessati u għall-konsumaturi tas-suq uniku, bi tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi permezz ta’ konċentrazzjoni tal-informazzjoni f'post wieħed u għaldaqstant isaħħaħ sew il-kummerċ transkonfinali, b'mod speċjali l-kummerċ elettroniku transkonfinali, kif ukoll it-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni;

    23.

    Jappoġġa l-istabbiliment, sadattant, ta’ mekkaniżimi obbligatorji għall-kooperazzjoni bejn ir-reġistri, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġornament regolari tad-data li jeħtieġ li tkun żvelata fir-rigward ta’ fergħat barranin; jirrakkomanda li kwistjonijiet prattiċi li jinvolvu l-kooperazzjoni għandhom jiġu ċċarati fi ftehim amministrattiv bejn l-Istati Membri u/jew ir-reġistri kummerċjali tagħhom;

    24.

    Iqis li l-konnessjoni tan-netwerk tar-reġistri kummerċjali man-netwerk elettroniku maħluq skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza se jipprovdi aċċess faċli għall-informazzjoni legali u finanzjarja dwar il-kumpaniji elenkati, kif ukoll valur miżjud għall-investituri;

    25.

    Jinsisti li kwalunkwe soluzzjoni Ewropea jeħtiġilha tiggarantixxi lill-pubbliku u lill-kumpaniji protezzjoni adegwata tad-data personali u kummerċjali, sabiex tevita l-użu ħażin ta’ tali data u biex tiggarantixxi s-sikurezza legali ta’ data sensittiva;

    26.

    Jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni Ewropea integrata jeħtiġilha b'mod partikolari tikkunsidra sa liema punt jistgħu jingħalqu, jiġu adattati jew jingħaqdu flimkien reġistri nazzjonali jew reġistri Ewropej eżistenti li jkopru xi setturi speċifiċi tal-ekonomija, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tax-xogħol, f'konformità mal-għan li titnaqqas il-burokrazija u li jkunu żgurati ċ-ċarezza u s-sempliċità;

    27.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.

    (2)  ĠU L 221, 4.9.2003, p. 13.

    (3)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36.

    (4)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

    (5)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

    (6)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

    (7)  ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1.

    (8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0637.

    (9)  Testi adottati, P6_TA(2009)0238.

    (10)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

    (11)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    (12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25).

    (13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU L 294, tal-10.11.2001, p. 22).


    Top