Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0255

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 347, 18.12.2010, p. 28–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 347/28


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew)”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2010/C 347/04)

    Relatur: Is-Sur COUPEAU

    Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    L-impatt tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2010.

    Matul l- 460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, iffirmat fil-15 ta’ Ottubru 2008 bejn il-15-il Stat Membru tal-Forum tal-Istati tal-AKP (1) tal-Karibew (2) u l-UE għandu ambitu partikolarment wiesa’. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi li, għalkemm imsemmija fil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, ixekklu l-objettivi ta’ integrazzjoni reġjonali, ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati tal-CARIFORUM u r-reġjuni ultraperiferiċi. Għalkemm ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom tradizzjoni Ewropea twila, ġeografikament, storikament, kulturalment u ekonomikament huma marbutin mal-Istati tal-CARIFORUM. Il-pożizzjoni strateġika tagħhom tippermettilhom jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali dejjiema mal-gżejjer ġirien, u dan jagħmilhom l-ewwel reġjuni Ewropej li huma kkonċernati mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

    1.2   Il-KESE jagħraf il-kumplessità tan-negozjati, ir-riskji potenzjali u l-opportunitajiet li jirrappreżenta l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika kemm għall-Istati tal-CARIFORUM kif ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi u, b’mod aktar ġenerali, għall-UE.

    1.3   Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet lokali tar-reġjuni ultraperiferiċi fid-diskussjonijiet kollha dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM. Għalkemm dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi huma wkoll Dipartimenti Franċiżi fl-Amerika, u għalhekk huma differenti mill-Istati tal-CARIFORUM, jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex tiġi stabbilita integrazzjoni reġjonali ġenwina.

    1.4   Il-KESE jemmen li huwa importanti wkoll li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali tar-reġjuni ultraperiferiċi jiġu involuti fid-dibattiti u d-diversi kumitati ta’ segwitu li jitwaqqfu bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ integrazzjoni reġjonali li fuqu huwa bbażat dan il-Ftehim.

    1.5   L-integrazzjoni gradwali tal-Istati tal-CARIFORUM fl-ekonomija dinjija ma tistax tirnexxi sakemm ma tinstabx soluzzjoni għad-diffikultajiet tat-trasport (l-infrastrutturi u l-mezzi ta’ trasport). Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tqiegħed il-kwistjoni tat-trasport f’perspettiva usa’ u tikkunsidra aktar mill-qrib is-soluzzjonijiet konkreti proposti mill-Istati tal-CARIFORUM u r-reġjuni ultraperiferiċi flimkien.

    1.6   Bil-għan li jiġu promossi r-relazzjonijiet kummerċjali fir-reġjun tal-Karibew, il-KESE jirrakkomanda lill-partijiet ikkonċernati biex jikkunsidraw tnaqqis minn qabel fid-dazji doganali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM.

    1.7   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika kkunsidra sew il-bżonn li tiġi stabbilita proċedura ċara dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu inklużi fl-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji biex jitħeġġeġ il-kummerċ intrareġjonali u fin-negozjati dwar l-arranġamenti bilaterali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi jingħataw l-isem ta’ “reġjun ultraperiferiku” sabiex jiddistingwu l-prodotti tagħhom permezz tal-kwalità u l-konformità mal-istandards tal-KE.

    1.8   Il-KESE jirrakkomanda b’mod espliċitu li jiġu ġestiti ż-żoni tas-sajd u l-akkwakultura tar-reġjuni ultraperiferiċi bi ftehim mal-Istati tal-CARIFORUM.

    1.9   Fl-aħħar, il-KESE jirrakkomanda li s-servizzi jiġu strutturati b’mod aktar effettiv biex tinħoloq industrija ġenwina tat-turiżmu fil-Karibew.

    1.10   Il-KESE huwa attent ħafna li l-kunċetti tal-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni soċjali jiġu inklużi fil-Ftehim u għandu jkun jista’ jagħti analiżi prospettiva għar-reġjun kollu.

    2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

    2.1   L-Artikoli 349 u 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu l-ispeċifiċità tar-reġjuni ultraperiferiċi. Fl-1986, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp interdipartimentali għar-reġjuni ultraperiferiċi inkarigat mill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet Komunitarji favur dawn ir-reġjuni u biex iservi ta’ intermedjarju mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali kkonċernati. Mill-1989 ’l quddiem, dawn ir-reġjuni bbenefikaw minn programm speċifiku bil-għan li jiġu appoġġjati miżuri soċjoekonomiċi għal konverġenza mtejba mal-bqija tal-UE.

    L-Artikolu 239 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM iqis il-viċinanza ġeografika tar-reġjuni ultraperiferiċi tar-reġjun tal-Karibew (Martinique u l-Gwadelup) u tal-Istati tal-CARIFORUM biex “jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi u soċjali bejn dawn ir-reġjuni u l-Istati tal-CARIFORUM, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex speċifikatament [sic] jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fl-oqsma kollha koperti minn dan il-Ftehim kif ukoll jiffaċilitaw il-kummerċ fi prodotti u f servizzi, jippromwovu l-investiment u jinkoraġġixxu konnessjonijiet ta’ trasport u ta’ komunikazzjoni bejn l-aktar reġjuni mbiegħda u l-Istati tal-CARIFORUM.” Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll għall-parteċipazzjoni konġunta tal-Istati tal-CARIFORUM u tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-programmi qafas u azzjonijiet speċifiċi f’oqsma koperti mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

    2.2.1   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tat-“Territorji Olandiżi extra-Ewropej” li huma l-gżejjer Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten u Aruba u li jinsabu fir-reġjun tal-Karibew. Madankollu, mill-perspettiva Ewropea, dawn il-gżejjer huma “pajjiżi u territorji extra-Ewropej” u dan jiddistingwihom legalment mir-reġjuni ultraperiferiċi tar-reġjun tal-Karibew. Minkejja dan, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-integrazzjoni reġjonali kif maħsuba mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika ma tistax tinkiseb jekk ma tikkunsidrax aktar it-territorji marbuta mal-Istati Membri tal-UE (il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u Franza).

    2.3   Il-KESE ried janalizza l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dan il-Ftehim fuq ir-reġjun tal-Karibew u b’mod partikolari fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi. L-għan hu li tiġi determinata l-effikaċja, fil-perijodu qasir u fit-tul, tal-isforzi għal integrazzjoni reġjonali fir-rigward ta’ merkanzija, servizzi, kooperazzjoni u governanza ekonomika tajba permezz ta’ oqsma relatati mal-kummerċ (kompetizzjoni, investiment, proprjetà intellettwali, eċċ.).

    L-integrazzjoni reġjonali fis-sens wiesa’ tal-kelma (Strateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi) hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika iżda hija wkoll objettiv importanti fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi f’perspettiva ta’ inklużjoni reġjonali. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi li huma inklużi fil-Ftehim li jxekklu, minn naħa, l-integrazzjoni reġjonali u, mill-oħra, l-effikaċja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

    2.4.1   In-nuqqas li l-kunsilli reġjonali u l-kunsilli ġenerali tar-reġjuni ultraperiferiċi jiġu kkonsultati fil-qafas tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika dgħajjef ir-rwol tagħhom fil-Karibew. Dawn il-kunsilli għandhom ċertu esperjenza fis-setturi “offensivi” u “difensivi” (3) tar-reġjuni ultraperiferiċi u, bis-saħħa tal-kumitati reġjonali ta’ tmexxija, jistgħu jiddikjaraw ir-riżultati tal-istudji tagħhom f’kull ħin; l-États généraux de l’outre-mer (Assemblea leġiżlattiva tad-dipartimenti extra-Ewropej), stabbilita fuq inizjattiva tal-gvern Franċiż, tipprovdi ħafna soluzzjonijiet għall-ostakli għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Barra minn hekk, minħabba l-viċinanza ġeografika u kulturali tagħhom, dawn l-istituzzjonijiet diġà stabilixxew għadd ta’ rabtiet mal-Istati tal-CARIFORUM.

    2.4.2   Il-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi mhumiex preżenti fil-Kumitat CARIFORUM-KE għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, fil-Kumitat Parlamentari CARIFORUM-KE u speċjalment fil-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE jnaqqas l-influwenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li d-diversi kumitati ta’ segwitu msemmija hawn fuq jinkludu, skont il-każ, membri parlamentari, membri tas-soċjetà ċivili kif ukoll rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali mir-reġjuni ultraperiferiċi.

    2.4.3   In-nuqqas ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tar-reġjuni ultraperiferiċi, li ta’ kuljum tiffaċċja diffikultajiet biex tagħmel kummerċ mal-Istati tal-Karibew (infrastrutturi, kwoti, “listi negattivi”), ixekkel l-iskambji diretti mas-soċjetà ċivili tal-Istati tal-CARIFORUM.

    2.4.4   Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex iħeġġu lir-reġjuni ultraperiferiċi jidħlu bħala osservaturi f’istituzzjonijiet reġjonali tal-Karibew, bħall-CARIFORUM jew l-OECS (4). Fil-fatt, għadd ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu r-reġjun tal-Karibew jittieħdu fi ħdan dawn il-korpi u sakemm ir-reġjuni ultraperiferiċi mhux ser ikunu preżenti, lanqas bħala osservaturi, ma jistgħux jidħlu fl-ambjent reġjonali tagħhom b’mod ġenwin.

    2.5   It-trasport

    2.5.1   Il-KESE jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi ma tistax iseħħ mingħajr il-mezzi tat-trasport u l-infrastrutturi adatti. Ir-reġjun tal-Karibew m’għandux biżżejjed mezzi ta’ trasport. Għalkemm jeżistu żewġ kumpaniji tal-ajru u żewġ kumpaniji marittimi li jittrasportaw il-persuni bejn il-gżejjer, dawn ma jipprovdux servizz regolari u t-trasportazzjoni tal-merkanzija mhijiex garantita. Minkejja l-allokazzjoni speċifika ta’ EUR 275.6 miljun iddedikati għar-reġjuni ultraperiferiċi (il-Gwadelup, Martinique u l-Gujana) bħala kumpens għall-ispiża addizzjonali minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, ir-reġjuni ultraperiferiċi tar-reġjun tal-Karibew jiffaċċjaw problemi minħabba l-ispejjeż għoljin wisq tal-merkanzija u leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kabotaġġ li mhijiex adatta għall-gżejjer.

    2.5.2   Biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM ħasbu f’sistema ta’ ġarr tal-merkanzija jew ta’ laneċ. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ fondi meħtieġa, dawn il-proġetti ma setgħux jitkomplew.

    2.5.3   L-Artikolu 37 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jirreferi għat-trasport f’kapitolu dwar l-agrikoltura u s-sajd iżda ma jipprovdix soluzzjonijiet ċari filwaqt li r-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM diġà kienu ħasbu f’soluzzjonijiet konġunti.

    2.5.4   Ta’ min jikkunsidra li fil-qafas tal-programm tal-FEŻ li jmiss tiġi implimentata politika strutturali ambizzjuża bil-għan li tiġi stabbilita sistema tat-trasport adatta għall-gżejjer fir-reġjun kollu tal-Karibew.

    2.6   Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim ċivili u kummerċjali mhijiex koperta mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. F’każ li jinqala’ tilwim bejn intrapriża li tagħmel parti mill-CARIFORUM u intrapriża oħra minn reġjun ultraperiferiku m’hemm l-ebda dispożizzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, il-kunflitti legali jew il-proċedura ta’ exequatur. Il-Ftehim jipprovdi biss soluzzjonijiet għal tilwim minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Madankollu, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, ikun propizju li jiġu previsti possibbiltajiet legali li jikkorrespondu mal-ambitu ta’ ftehim bħal dan.

    3.   Kummenti partikolariAnaliżi tar-reġjun tal-Karibew

    3.1   L-Agrikoltura

    Il-banana hija frotta prodotta fi kwantitajiet kbar fir-reġjun tal-Karibew u hija waħda mir-riżorsi ekonomiċi ewlenin tar-reġjuni ultraperiferiċi. B’aktar minn 10 000 impjieg, l-esportazzjoni tal-banana tirrappreżenta 14 % u 24 % rispettivament tal-esportazzjoni tal-Gwadelup u ta’ Martinique lejn l-Unjoni Ewropea. Il-banana għandha importanza ekonomika u soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi. L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet konxja tal-isfida strateġika tal-produzzjoni tal-banana: il-programm ta’ għajnuna tal-POSEI, approvat mill-Kummissjoni Ewropea fit-22 ta’ Awwissu 2007, jipprevedi pakkett finanzjarju annwali ta’ EUR 129.1 miljun għal dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi. Madankollu, jidher li din l-għajnuna mhijiex biżżejjed peress li, apparti l-problemi marbuta mal-kundizzjonijiet meterjoloġiċi, il-banana tar-reġjuni ultraperiferiċi hija mhedda mill-fornituri tal-“banana tad-dollari” li s-sehem tas-suq tagħhom fl-UE laħaq 73.4 % wara l-liberalizzazzjoni tas-suq (skont l-ODEADOM (5)). Barra minn hekk, fil-15 ta’ Diċembru 2009, l-UE ffirmat ftehim mal-pajjiżi produtturi tal-Amerika Latina bil-għan li jonqsu d-dazji doganali fuq il-banana minn EUR 176 għal EUR 114 għal kull tunnellata sal-2017. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ xi Stati tal-CARIFORUM hija aktar prekarja.

    3.1.1.1   Il-banana tirrappreżenta wkoll interess partikolari ħafna għall-Istati l-oħra tal-CARIFORUM. Pereżempju, f’Dominika l-banana biss tirrappreżenta 18 % tal-PDG u timpjega 28 % tal-forza tax-xogħol. Il-kriżi fis-settur tal-banana ma tolqotx biss lir-reġjuni ultraperiferiċi. Fil-fatt f’Santa Luċija llum il-ġurnata hemm biss 2 000 bidwi li jikkoltiva l-banana meta mqabbel mal-10 000 fl-1990.

    3.1.1.2   Il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju li titwaqqaf organizzazzjoni professjonali inter-Karibew bil-għan li tagħti lill-UE sehem akbar fid-distribuzzjoni tal-banana tal-Karibew. Dan ikun partikolarment siewi peress li xi Stati tal-CARIFORUM (perżempju Santa Luċija, Dominika, eċċ) jipprovdu l-banana lill-pajjiżi oħra (bħall-Kanada, eċċ) li għandhom standards sanitarji u ta’ traċċabbiltà simili għal dawk tal-UE.

    3.1.2   Il-kannamiela u r-rum: is-settur tal-kannamiela jaqdi rwol importanti ħafna fir-reġjuni ultraperiferiċi – ikopri 32 % u 13 %, rispettivament, taż-żona agrikola użata għall-biedja fil-Gwadelup u f’Martinique, u jimpjega aktar minn 6 500 persuna full-time. Fl-2006-2007, Martinique ipproduċiet 5 849 tunnellata zokkor filwaqt li l-Gwadelup ipproduċiet 80 210 tunnellata. Il-produzzjoni tar-rum, li f’Martinique hija ta’ 79 352 EAP (6) u fil-Gwadelup 74 524 EAP, hija ta’ importanza strateġika sinjifikanti għall-kummerċjalizzazzjoni barra r-reġjuni ultraperiferiċi.

    Il-frott u l-ħaxix mhumiex sfruttati biżżejjed bħala riżorsi meta wieħed iqis ir-rikezza tal-ħamrija tar-reġjuni ultraperiferiċi. Madankollu għandu jiġi nnotat li r-reġjuni ultraperiferiċi għażlu li jiddiversifikaw il-produzzjoni agrikola tagħhom. Fl-2006, il-Gwadelup ipproduċiet 17 218-il tunnellata frott u Martinique ipproduċiet 8 666 tunnellata. Fl-istess sena, il-Gwadelup ipproduċiet 43 950 tunnellata ħaxix frisk u Martinique ipproduċiet 37 892 tunnellata. Barra minn hekk, il-Gwadelup tipproduċi pjanti aromatiċi u pjanti li jintużaw fis-settur tal-fwieħa (vanilla), kafè, kawkaw, ħwawar, pjanti mediċinali (żona ta’ 179 ettaru użata għall-biedja) u Martinique tipproduċi prinċipalment ananas u xi ħwawar (żona ta’ 105 ettaru użata għall-biedja). Għaldaqstant, dan huwa settur agrikolu għall-futur peress li dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi jixtiequ jkollhom aktar skambji mal-pajjiżi l-oħra tal-Karibew f’termini ta’ kummerċ reġjonali u internazzjonali tal-prodotti kif ukoll ta’ riċerka u żvilupp.

    3.1.3.1   L-għan ta’ din id-diversifikazzjoni huwa li tiġi sodisfatta kompletament id-domanda interna għall-ikel (awtosuffiċjenza) peress li l-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi hija ddominata mill-kultivazzjoni tal-banana u tal-kannamiela għall-esportazzjoni. Pereżempju, fl-2008 l-importazzjoni tal-laħam tal-majjal żdiedet b’10 % f’Martinique u b’68.2 % fil-Gwadelup. Barra minn hekk, il-ħaxix jirrappreżenta 67 % tal-importazzjoni totali tal-prodotti friski fil-Gwadelup. Biex ikunu awtosuffiċenti, il-bdiewa tar-reġjuni ultraperiferiċi dan l-aħħar għażlu li jwaqqfu organizzazzjonijiet interprofessjonali li jiġbru fihom l-atturi fis-setturi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar agrikolu, il-fornituri u d-distributuri. B’hekk il-katina kollha hija rrappreżentata u kull membru għandu rwol importanti x’jaqdi fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali (7). Madankollu, din is-sistema legali ma teżistix fil-ġżejjer ġirien li n-nuqqas ta’ organizzazzjoni tippenalizzahom fil-kummerċ agrikolu mar-reġjuni ultraperiferiċi.

    3.1.4   Ostakli għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM

    3.1.4.1   L-agrikoltura hija fil-qalba tal-għajxien u l-iżvilupp tar-reġjun u għaldaqstant hija settur “difensiv” għar-reġjuni ultraperiferiċi. It-tħassib ewlieni tar-reġjuni huwa marbut mas-sigurtà alimentari, in-nuqqas ta’ infrastrutturi u d-dazji doganali li jillimitaw il-kummerċ reġjonali u l-protezzjoni soċjali.

    3.1.4.2   Fir-rigward tas-sigurtà alimentari, il-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-Istati tal-CARIFORUM ma tissodisfax kompletament il-leġiżlazzjoni Ewropea. Għalkemm jintużaw il-metodi HACCP (8), il-produzzjoni ta’ dawn l-Istati ma tissodisfax l-istandards tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-kwistjoni hija aktar delikata peress li r-reġjuni ultraperiferiċi m’għandhomx ċerti prodotti li huma disponibbli fi kwantitajiet kbar fl-Istati tal-CARIFORUM.

    3.1.4.3   L-Artikolu 40 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jistipula li fir-rigward tas-sigurtà alimentari, f’sitwazzjonijiet li jagħtu jew jistgħu jagħtu lok għal “diffikultajiet kbar”, il-partijiet ikkonċernati jistgħu japplikaw il-klawżola ta’ salvagwardja. Madankollu, jista’ jkun diffiċli li r-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom aċċess għal din il-possibbiltà fi żmien qasir. Barra minn hekk, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji tal-Ftehim (9) għandhom l-għan li jistabbilixxu standards intrareġjonali dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, b’konformità mal-istandards tad-WTO, sabiex jarmonizzaw il-miżuri ma’ dawk tal-UE permezz ta’ arranġamenti bilaterali dwar ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji. Madankollu, ir-reġjuni ultraperiferiċi li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Ewropea mhux dejjem jingħataw l-isem ta’ “reġjun ultraperiferiku” għall-prodotti agrikoli u tas-sajd tagħhom kif talbu f’bosta okkażjonijiet il-KESE (10), l-awtoritajiet lokali (11) u l-Membri tal-Parlament Ewropew (12). Fl-aħħar, ir-reġjuni ultraperiferiċi ma jagħmlux parti mill-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitajri bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ intrareġjonali u lanqas mhuma involuti fin-negozjati b’rabta mal-arranġamenti bilaterali.

    3.1.4.4   Għaldaqstant il-KESE jaqbel mal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet għall-kummerċjalizzazzjoni “kemm għall-kummerċ bejn l-Istati tal-CARIFORUM u bejn il-Partijiet, kif ukoll għall-identifikazzjoni tal-possibbiltajiet għat-titjib tal-infrastruttura tal-kummerċjalizzazzjoni u tat-trasport” (Artikolu 43(2)(b)). Il-Ftehim jispeċifika wkoll li l-identifikazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament u ta’ kooperazzjoni għall-produtturi u għan-negozjanti tagħmel parti mill-objettivi ewlenin fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd.

    3.1.4.5   Għadd ta’ prodotti pproċessati (ġamm, kafè, eċċ.) fir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu ppenalizzati minn “listi negattivi” (dazji doganali) fid-dwani ta’ xi pajjiżi oħra tal-Karibew u dan jagħmel il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti aktar diffiċli f’dawn il-pajjiżi. Minkejja l-Artikolu 9 u dawk li jsegwu tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika dwar id-dazji doganali u fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan il-Karibew u tal-ispeċifiċitajiet tagħhom rikonoxxuti fl-Artikoli 349 u 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jirrakkomanda lill-partijiet ikkonċernati biex jikkunsidraw inaqqsu d-dazji doganali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM bil-għan li jippromovu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom fir-reġjun tal-Karibew.

    3.2   Is-sajd

    3.2.1   Għad baqa’ progress sostanzjali xi jsir fir-rigward tas-sajd peress li ma ntlaħaqx ftehim inizjali dwar jekk is-sajd għandux jagħmel parti minn ftehim separat jew jekk għandux jagħmel parti mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Il-Komunità Ewropea rrifjutat li tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mas-sajd reġjonali fi ftehim separat u ppreferiet tikkonkludi ftehimiet bilaterali dwar l-aċċess għas-sajd.

    3.2.2   Fl-Artikolu 43(2)(e), il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jipprovdi għajnuna lill-operaturi tal-CARIFORUM biex jikkonformaw mal-istandards tekniċi, sanitarji, u ta’ kwalità nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fis-seħħ għall-ħut u l-prodotti tal-ħut.

    3.2.3   L-objettiv tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), huwa li tiffavorixxi viżjoni fit-tul tal-ġestjojni tas-sajd. Il-PKS hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni bil-għan li jiġu protetti u konservati r-riżorsi bijoakkwatiċi u jonqos kemm jista’ jkun l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Madankollu, ir-reġjun tal-Karibew inġenerali mhuwiex fl-istess sitwazzjoni peress li r-reġjuni ultraperiferiċi għadhom soġġetti għal leġiżlazzjoni riġida ħafna (żoni ta’ interdizzjoni totali tas-sajd, regolamentazzjoni dwar is-sajd tal-awwista, tal-bronja reġina u tar-rizzi, tagħmir biex jinġabar il-ħut (13), eċċ.) għall-kuntrarju tal-Istati l-oħra tal-CARIFORUM. Il-ġestjoni tas-sajd hija trasferita lil kull Stat Membru iżda ma tqisx il-partikolaritajiet tar-reġjun tal-Karibew u dan jippenalizza s-sajd fil-baħar fond f’dan ir-reġjun.

    3.2.4   Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li s-sajd fil-baċir tal-Karibew jiġi ġestit b’konformità mal-Istati tal-CARIFORUM.

    3.3   L-akkwakultura

    3.3.1   Is-sajd fil-Karibew jikkonċerna b’mod partikolari l-ispeċi qrib il-kosta: il-bronja (gasteropodu kbir tal-baħar li l-laħam tiegħu jintuża ħafna fl-ikel lokali), iċ-ċerna, l-awwista, l-isnapper kif ukoll bosta speċi oħra li jgħixu fis-sikek tal-qroll. Is-sajd tar-riżorsi pelaġiċi għadu jibda minħabba n-nuqqas ta’ bastimenti li jistadu fil-fond u l-problemi marbuta mal-ilmijiet tropikali.

    3.3.2   Dawn l-aħħar snin, id-domanda tas-swieq lokali kibret bis-saħħa tal-industrija tat-turiżmu. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed isemmi wkoll l-inċentivi għall-esportazzjoni lejn is-swieq Amerikani u Ewropej li jwasslu għal sajd żejjed u li, eventwalment, ser jikkawża tnaqqis sostanzjali fl-istokkijiet tal-ħut fir-reġjun kollu.

    3.3.3   Illum il-ġurnata kważi l-pajjiżi kollha fir-reġjun tal-Karibew jimportaw prodotti tal-baħar. Preċedentement, peress li l-istokkijiet tal-ħut kienu abbondanti ma kienx hemm interess fl-akkwakultura u l-maġġoranza tal-pajjiżi tar-reġjun ma kellhomx tradizzjonijiet partikolari ta’ akkwakultura. Barra minn hekk, minkejja ż-żjieda fl-akkwakultura madwar id-dinja, ir-reġjun tal-Karibew bilkemm żviluppa l-akkwakultura tiegħu.

    3.3.4   Kien biss wara l-2000 li seħħ titjib ġenwin fl-akkwakultura. Fl-2004, il-produzzjoni tal-akkwakultura f’Martinique kienet ta’ 97 tunnellata (10 tunnellati gambli kbar tax-xmajjar, 12-il tunnellata John Dory u 75 tunnellata pixxitanbur aħmar tal-Karibew).

    3.3.5   L-għajnuna li ngħatat lir-reġjuni ultraperiferiċi għall-akkwakultura essenzjalment ġiet mill-kunsilli reġjonali u l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS) (14). Madankollu, jidher li din l-għajnuna mhijiex biżżejjed peress li xi Stati tal-Karibew avvanzaw b’mod sinjifikanti (il-FAO stmat li l-produzzjoni fil-Ġamajka fl-2002 kienet ta’ 6 000 tunnellata) u wkoll minħabba l-fatt li din l-għajnuna ma teliminax il-bżonn li r-reġjuni ultraperiferiċi jimportaw prodotti tal-baħar mill-Venezwela, mill-Unjoni Ewropea u minn ċerti pajjiżi Asjatiċi.

    3.3.6   Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tiġi żviluppata akkwakultura komuni fir-reġjun tal-Karibew permezz ta’ għajnuna bħall-FEŻ u l-FAEŻR.

    3.4   It-turiżmu

    3.4.1   It-turiżmu huwa sors ta’ dħul importanti għar-reġjuni ultraperiferiċi. Ir-reġjun tal-Karibew jinsab f’pożizzjoni vantaġġuża. L-ambjent naturali tiegħu għat-turiżmu ma jista’ jitqabbel mal-ebda reġjun ieħor fid-dinja. Il-pożizzjoni ġeografika tiegħu hija unika u dan jagħmlu wieħed mill-iktar swieq turistiċi importanti fid-dinja. Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra s-suq turistiku dinji, il-prodotti turistiċi taż-żewġ naħat tal-Atlantiku qed joħolqu standards ġodda aktar eżiġenti bil-għan li jissodisfaw l-aspettattivi tat-turisti li jżuru r-reġjun tal-Karibew.

    3.4.2   Madankollu, il-KESE għandu jenfasizza d-differenzi marbuta mal-infrastrutturi turistiċi li jeżistu bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati l-oħra tal-Karibew li jenfasizzaw ħafna fuq turiżmu għall-massa u turiżmu aktar diversifikat (it-turiżmu tal-kruċieri, it-turiżmu nawtiku u sa ċertu punt l-ekoturiżmu) filwaqt li r-reġjuni ultraperiferiċi huma limitati għal turiżmu speċjalizzat, aktar staġonali u prinċipalment frankofonu. Din id-differenza hija possibbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali kemxejn prekarja li jinsabu fiha l-ħaddiema tal-Istati tal-CARIFORUM.

    3.4.3   Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li t-turiżmu bejn il-gżejjer huwa limitat. Fil-fatt, apparti t-turiżmu tal-kruċieri, hemm biss żewġ kumpaniji tal-ajru u żewġ kumpaniji marittimi li jiżguraw is-servizz bejn il-gżejjer tal-Karibew. Barra minn hekk, meta l-abitanti ta’ Stat tal-CARIFORUM ikunu jixtiequ jżuru r-reġjuni ultraperiferiċi ġirien ikollhom japplikaw għal viża li jfisser li jkollhom jistennew bosta xhur qabel ma jkunu jistgħu jivvjaġġaw. Flimkien, dawn iż-żewġ elementi jillimitaw it-turiżmu iżda wkoll ir-relazzjonijiet kummerċjali reġjonali.

    3.4.4   Il-KESE jinsab kuntent li l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jqis is-servizzi turistiċi billi jistabbilixxi għadd ta’ regoli dwar il-prevenzjoni ta’ prattiki li jmorru kontra l-kompetittività, l-SMEs, l-istandards kwalitattivi u ambjentali, il-kooperazzjoni u l-għajnuna teknika. Madankollu, m’hemm l-ebda dispożizzjoni li tirreferi għat-turiżmu fil-Karibew b’mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi; il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jirreferi biss għall-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal raġunijiet professjonali.

    3.4.5   Madankollu, iż-żona tal-Karibew, kif definita mis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti (15) tinkludi 250 miljun abitant u fil-gżejjer tal-Karibew biss hemm 41 miljun abitant. Madankollu, din iż-żona hija kkaratterizzata wkoll bħala żona b’interkonnessjonijiet diffiċli bejn il-gżejjer u dan ma jippromovix it-turiżmu reġjonali. Għaldaqstant, ikun ta’ ħsara kemm għar-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għall-Istati tal-CARIFORUM li jitilfu l-opportunità ta’ suq turistiku tal-Karibew fis-sens wiesa’ tal-kelma.

    3.4.6   Il-KESE jemmen li jista’ jkun ta’ profitt li tinħoloq żona ta’ turiżmu tal-Karibew billi s-servizzi jiġu strutturati b’mod aktar effettiv.

    3.5   Is-servizzi

    3.5.1   Il-kummerċ fil-qasam tas-servizzi qed jiżdied: is-suċċess ta’ dan is-settur huwa reali u għalhekk huwa settur “offensiv” għar-reġjuni ultraperiferiċi. Filwaqt li s-sehem tal-esportazzjoni tal-merkanzija fl-ekonomija tal-Karibew naqas, is-sehem tal-esportazzjoni tas-servizzi żdied, prinċipalment minħabba t-turiżmu. Ir-reġjun huwa totalment konxju tal-potenzjal li jirrappreżenta l-kummerċ fis-settur tas-servizzi. It-turiżmu, l-assigurazzjoni, il-kostruzzjoni, is-servizzi ambjentali, l-enerġiji rinnovabbli, il-konsulenza (kwalità u marketing), il-manutenzjoni kkwalifikata, il-komunikazzjoni, u t-trasport huma kollha setturi li jippromovu l-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjun.

    3.5.2   Il-KESE jemmen li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-esportazzjoni tas-servizzi fir-reġjun tal-Karibew peress li pajjiżi bħall-Ħaiti u r-Repubblika Dominikana, li waħedhom jirrappreżentaw ftit inqas minn 20 miljun abitant, jixtiequ jakkwistaw servizzi tas-saħħa jew servizzi għan-negozju skont il-mudell tar-reġjuni ultraperiferiċi. Barra minn hekk, fir-rigward tat-telefonija mobbli xi operaturi diġà huma preżenti f’xi Stati tal-Karibew (ir-Repubblika Dominikana) iżda jistgħu, u jixtiequ, jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom.

    3.5.3   Minkejja l-Artikolu 75 u dawk li jsegwu tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika li jkopru biss il-kummerċ bejn l-Istati tal-CARIFORUM u l-UE kontinentali, il-liberalizzazzjoni aċċellerata tas-servizzi fil-Karibew (ir-Repubblika Dominikana) inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi tista’ twassal sabiex kull parti tal-ftehim tkun tista’ tapprofitta minn ċerti opportunitajiet u tinħoloq sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ.

    3.6   SME/SMI

    3.6.1   L-SMEs u l-SMIs għandhom bżonn ambjent stabbli b’regoli trasparenti u aċċess għall-aktar proċessi avvanzati. Mill-2000 ’il quddiem, tliet kwarti tal-intrapriżi li jikkostitwixxu s-sinsla ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi huma negozji żgħar mingħajr impjegati (INSEE (16)). Fl-2007, kien hemm żieda qawwija fin-numru ta’ negozji li ġew stabbiliti L-industrija (18 %), il-bejgħ bil-grossa u l-bejgħ bl-imnut (12.8 %) iżda fuq kollox is-servizzi (ftit aktar minn nofs in-negozji l-ġodda li ġew stabbiliti) żdiedu b’mod konsiderevoli.

    3.6.2   L-SMEs/SMIs fid-dipartimenti extra-Ewropej bla dubju ser iġarrbu spejjeż u prezzijiet ogħla mill-pajjiżi ġirien iżda joffru wkoll garanziji ta’ kwalità skont l-istandards tal-KE. Dawn il-garanziji imposti fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-Istati tal-CARIFORUM ma japplikawx, għandhom jingħataw l-isem ta’ “reġjun ultraperiferiku” (ara wkoll punt 3.1.4.3).

    3.6.3   B’mod ġenerali, il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju kbir li jitjieb l-aċċess għal dan it-tip ta’ struttura għal funzjonament tajjeb tas-suq tal-Karibew. Għaldaqstant, abbażi ta’ ħidma konġunta li twettqet mill-Kummissjoni (17) u l-KESE (18) fi ħdan l-UE, ikun adatt li jiġu proposti soluzzjonijiet konkreti favur il-ħolqien ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ skadenzi għall-ħlas, it-tnaqqis tal-piżijiet burokratiċi, il-ħolqien ta’ netwerks, l-investiment kif ukoll it-taħriġ tul il-ħajja fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju huma strumenti li jwasslu għal kompetittività dejjiema fir-reġjun tal-Karibew.

    3.6.4   Għalhekk, jeħtieġ li fil-qafas tal-programm ta’ żvilupp reġjonali u/jew tal-FEŻ li jmiss tiġi implimentata politika ambizzjuża bil-għan li tippromovi l-ħolqien ta’ SMEs/SMIs f’netwerk mar-reġjun kollu tal-Karibew.

    Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  L-Istati tal-AKP huma d-79 Stat fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku li ffirmaw il-Ftehim ta’ Lomé fl-1975 u l-Ftehim ta’ Kotonù fl-2000.

    (2)  Ħaiti ssieħbet f’dan il-Ftehim fil-11 ta’ Diċembru 2009.

    (3)  Il-kumitati konsultattivi tar-reġjuni ultraperiferiċi stabbilixxew għadd ta’ setturi fejn għandhom sehem sinjifikanti tas-suq u li huma ta’ importanza ewlenija għall-ekonomiji tagħhom (setturi “offensivi”) u setturi oħra li jinsabu f’periklu u li mingħajr l-għajnuna tal-UE jistgħu jintilfu b’rata mgħaġġla ħafna (setturi “difensivi”).

    (4)  Organisation of the Eastern Caribbean States (Organizzazzjoni tal-Istati tal-Lvant tal-Karibew): organizzazzjoni reġjonali li tiġbor fiha disa’ stati tal-Karibew.

    (5)  L-uffiċċju għall-iżvilupp tal-ekonomija agrikola tad-dipartimenti extra-Ewropej (ultramarittima).

    (6)  Ettolitru ta’ alkoħol pur.

    (7)  L-IGUAFLHOR hija l-organizzazzjoni interprofessjonali fil-Gwadelup għall-frott, il-ħaxix u l-ortikultura.

    (8)  Hazard Analysis and Critical Control Point (Analiżi tal-Perikli u l-Punti ta’ Kontroll Kritiċi): sistema ta’ kontroll awtomatiku li oriġinat fl-Amerika, tintuża fil-qasam agroalimentari u hija bbażata fuq seba’ prinċipji fundamentali. Hija sistema li tidentifika, tevalwa u tiġġestixxi l-perikli sinjifikanti fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel. Din is-sistema hija inkluża f’xi leġiżlazzjonijiet Ewropej (Direttiva 93/43 dwar l-iġjene tal-ikel) u mhux f’oħrajn (Regolament Nru 178/2002).

    (9)  Artikolu 52 u dawk li jsegwu tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

    (10)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 72.

    (11)  États généraux de l’outre-mer (Assemblea leġiżlattiva tad-dipartimenti extra-Ewropej).

    (12)  Pereżempju Madeleine Degrandmaison MEP.

    (13)  Memo tad-Direttorat Ġenerali għall-politiki interni tal-Unjoni dwar is-sajd f’Martinique, Jannar 2007.

    (14)  Strument strutturali ta’ orjentazzjoni tas-sajd għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex it-tagħmir tas-settur jiġi adattat u mmodernizzat.

    (15)  Iż-żona tal-Karibew tinkludi l-Antilles (Greater Antilles u Lesser Antilles), il-peniżola tal-Yucatán, il-kosta tal-Karibew tal-Amerika Ċentrali, kif ukoll il-kosta tal-Kolombja, il-Venezwela u x-Shield tal-Gujana.

    (16)  Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi.

    (17)  COM (2007) 724 finali u COM (2008) 394 finali.

    (18)  Opinjoni dwar “Id-diversi miżuri ta’ politika, minbarra finanzjament xieraq, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7; opinjoni dwar “L-akkwist pubbliku internazzjonali”, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32; Opinjoni dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.


    Top