Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0259

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/1


L-460 SESSJONI PLENARJA FIS-17 U T-18 TA’ FRAR 2010

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 347/01)

Relatur: is-Sur KRZAKLEWSKI

Korelatur: is-Sur SZÜCS

Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2009, u skont l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-KESE biex ifassal opinjoni esploratorja dwar:

Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-4 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’149 vot favur, 6 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinnota b’interess kbir id-dettalji tal-idea li jitwaqqfu kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew. Fil-fehma tal-Kumitat, kunsilli settorjali organizzati u mmexxija tajjeb, li jinvolvu diversi partijiet interessati, għandhom jipprovdu għajnuna kruċjali fil-proċess tal-kontroll tal-bidliet settorjali u, b’mod partikulari, jantiċipaw l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet għall-impjiegi u l-ħiliet u l-adattament tal-ħiliet għall-provvista u d-domanda.

1.2   Il-Kumitat huwa konvint li l-kunsilli settorjali Ewropej (KSE) jistgħu jappoġġjaw il-ġestjoni ta’ bidliet settorjali u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva “ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” u jistgħu jkunu utli meta jittieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernaw bidliet settorjali fil-livell Ewropew.

1.3   Wara l-analiżi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li tqiesu fi studju ta’ fattibbiltà tal-għażliet politiċi għall-għamliet diversi ta’ kunsilli, il-Kumitat jagħżel li jappoġġja l-kunċett ta’ kunsilli settorjali ibbażati fuq id-djalogu soċjali Ewropew. Il-kunsilli settorjali jistgħu jibbenefikaw b’mod sostanzjali minn kuntatt (skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni) mal-istrutturi tad-djalogu soċjali Ewropew settorjali (ESD – European Social Dialogue) u l-attivitajiet politiċi tagħhom.

Fil-fehma tal-Kumitat, l-attivitajiet tal-kumitati Ewropej għad-djalogu soċjali settorjali (ESSDCs) jistgħu jservu ta’ mudell ta’ prattika għall-KSE.

1.4.1   Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-KSE għandhom ambitu usa’, f’termini tan-numru ta’ partijiet interessati li jifformawhom, u għandhom rwol iktar indipendenti mill-ESSDCs, fejn jiffokaw iktar fuq il-ħiliet u s-suq tax-xogħol milli fuq id-djalogu soċjali.

1.4.2   Il-Kumitat jemmen li dawk is-setturi mingħajr strutturi ta’ KSE għandu jkollhom ukoll l-opportunità li jwaqqfu KSE. KSE ġdid jista’ mbagħad iservi ta’ bażi għall-ħolqien ta’ ESSDC ġdid.

1.5   Il-Kumitat jemmen li l-KSE futuri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u b’mod regolari mal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-KSE għandhom jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kunsilli nazzjonali, fejn dawn ma jeżistux, billi jagħtu konsulenza u eżempji tal-aqwa prattika.

1.6   Il-Kumitat jemmen li, barra mill-appoġġ tal-ġestjoni ta’ bidliet settorjali, il-ħidmiet l-iktar importanti li l-KSE jistgħu jwettqu jkunu:

l-analiżi tax-xejriet kwantitattivi u kwalitattivi tas-suq tax-xogħol fis-settur speċifiku;

li jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jimlew u jeliminaw il-lakuni kwalitattivi u kwantitattivi fis-suq tax-xogħol u jimplimentaw programmi u miżuri sabiex dan il-għan jintlaħaq;

l-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-fornituri VET (1).

1.7   Il-Kumitat jemmen li biex l-KSE jaħdmu b’mod effettiv huwa importanti li:

jikkostitwixxu pjattaforma li għandha tinkludi l-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali (VET) u taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali inizjali (IVET);

ikollhom mira settorjali, jiġifieri li jikkonċentraw fuq is-setturi f’sens wiesa’ u jistgħu jittrattaw impjiegi speċifiċi għal ċerti setturi;

għandhom iqisu l-bidliet dinamiċi fl-ambitu tas-setturi u l-ħolqien ta’ setturi ġodda;

jassiguraw li rappreżentanti ta’ dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema jipparteċipaw fil-ġestjoni, u fejn ikun adatt, iħarrġu lill-organizzaturi u lill-awtoritajiet politiċi wkoll;

ikollhom sħubija strateġika b’saħħitha, li jfisser li jinbnew relazzjonijiet ma’ skejjel sekondarji, istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ taħriġ vokazzjonali għal dawk li jħallu l-iskola, stabbilimenti għall-edukazzjoni ogħla, negozji, u ma’ kunsilli settorjali u awtoritajiet reġjonali;

japplikaw strateġiji ta’ xogħol tajbin u produttivi, billi jiffokaw fuq realtajiet industrijali u ħtiġijiet urġenti, bħall-ħtieġa għal tagħrif dwar is-suq tax-xogħol u modi kif jiġu attratti u jinżammu l-ħaddiema fis-settur, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs;

l-ewwel nett, iqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol minn perspettiva Ewropea;

iħeġġu l-iżvilupp ta’ approċċ li juża metodoloġija komuni bbażata fuq il-ħidmiet (riżultati) li jintużaw fin-negozji, sabiex jitħejja rekord tal-verifiki ċar minn dak li jseħħ fil-postijiet tax-xogħol permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kwalifiki finali.

1.8   Bil-għan li jissaħħaħ l-impatt tal-kunsilli tal-KSE fuq bidliet settorjali, il-Kumitat jipproponi li għandha tingħata konsiderazzjoni li l-edukazzjoni titkompla fil-livelli kollha, u b’mod partikulari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwu (CVET) – flimkien mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) – u għamliet oħra ta’ żvilupp u għarfien tal-ħiliet tul il-ħajja.

1.9   Il-Kumitat jipproponi li tingħata attenzjoni speċjali lil setturi b’elementi msejsa fis-sod fuq it-tagħrif, preferibbilment b’rabta ma’ aspetti bħal “l-ekonomija ekoloġika”.

It-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għandu, fil-fehma tal-Kumitat, ikun ibbażat fuq il-kisbiet ta’ proċessi politiċi, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF), is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni tal-Kreditu (ECTS), is-Sistema Ewropea tal-Kreditu għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-kwalità (EQARF) u l-Europass, u għandu jikkontribwixxi biex dawn jiżviluppaw aktar.

1.10.1   Bl-użu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni bħala bażi, huwa importanti li wieħed jersaq lejn l-armonizzazzjoni tal-politika ta’ taħriġ kontinwu.

1.11   Il-Kumitat jappella biex l-KSE ippjanati jwettqu kooperazzjoni kontinwa mal-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ewropej, li għandu joħloq rabta bejn l-industrija u r-riċerka akkademika b’relazzjoni mat-taħriġ. Hawnhekk il-Forum għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji wera l-benefiċċji ta’ kooperazzjoni għall-industrija u s-settur tal-edukazzjoni ogħla (2).

1.12   Waqt li jikkunsidra r-rabtiet bejn il-kunsilli settorjali Ewropej, fuq naħa, u l-Cedefoq u l-Eurofound, min-naħa l-oħra, il-Kumitat jinnota li għandu jitqies is-sostenn strutturali u dak imsejjes fuq it-tagħrif għax-xogħol ta’ kunsilli settorjali mill-Cedefop u l-Eurofound meta jkunu allokati l-kompiti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan jesiġi mezzi addizzjonali sabiex dawn il-fondazzjonijiet jingħataw ir-riżorsi.

1.13   Il-Kumitat jixtieq jisħaq bil-qawwa fuq ir-rakkomandazzjoni li tgħid li l-kunsilli settorjali, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali, għandhom jikkooperaw u anke joħolqu rabtiet mal-osservatorji tal-impjiegi u l-ħiliet u man-netwerks nazzjonali u Ewropej tagħhom. Dan jikkonċerna dawk il-kunsilli fejn l-istruttura interna tagħhom ma tinkludix osservatorji bħal dawn. Huwa rrakkomandat li fi Stati Membri fejn jitwaqqfu kunsilli settorjali, jingħata appoġġ għall-ħolqien ta’ osservatorji bħal dawn u l-kooperazzjoni tagħhom fin-netwerk ma’ osservatorji reġjonali fejn dawn ma jkunux jeżistu diġà.

Fir-rigward tal-fondi għall-proċess ta’ twaqqif tal-kunsilli settorjali u t-tħaddim tagħhom fil-livell Ewropew, il-Kumitat jemmen li għal dan il-għan għandhom ikunu allokati riżorsi mill-bidu tal-proċess tat-twaqqif tagħhom. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu fornuti riżorsi għall-appoġġ tal-kunsilli u l-iżvilupp ta’ osservatorji tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet li jikkooperaw magħhom jew ikunu inkorporati fl-istruttura tagħhom.

1.14.1   Il-Kumitat jirrakkomanda li meta jkun qed jitfassal il-proġett pilota tal-KSE, il-Kummissjoni għandha, fil-bidu, tikkunsidra l-ħolqien ta’ numru limitat ta’ kunsilli, u mhux li jiġu stabbiliti kollha b’mod immedjat għal madwar 20 settur. Dan huwa marbut ma’ esiġenzi baġitarji. Ikun iktar faċli li jiġi żgurat il-finanzjament għat-twaqqif ta’ 4–5 kunsilli fis-sena. Din it-tip ta’ garanzija finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien għall-proġett tal-KSE tidher li hija kwistjoni kritika.

1.15   Il-KESE jappella għal ġestjoni professjonali aħjar fl-innovazzjoni edukattiva. Huwa essenzjali li jsir titjib fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tal-UE sabiex tiżdied l-impjegabilità u titnaqqas l-inugwaljanza. Il-bidliet istituzzjonali fl-edukazzjoni bil-kemm jistgħu jżommu l-pass mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. L-istituzzjonijiet għandhom iqisu l-ħtieġa għal relazzjoni mill-qrib bejn il-bidliet, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.16   Il-KESE jagħmel sejħa għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħajja reali, biex tkun eqreb tal-ħtiġijiet tal-pubbliku u tad-drawwiet ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nies li qed jitħarrġu u jitgħallmu.

2.   Sfond għall-opinjoni esploratorja

Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2009, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margot Wallström, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex ifassal opinjoni esploratorja dwar “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u s-servizzi f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?”

2.1.1   L-ittra tirreferi għall-kriżi attwali u għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fis-suq tax-xogħol biex dan ikun adattat għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni u biex tiġi introdotta ġestjoni soċjali ikbar tal-bidliet fis-servizzi u l-industrija.

2.1.2   Skont il-Kummissjoni, biex din il-mira tintlaħaq, il-ħaddiema tal-lum u ta’ għada għandu jkollhom il-ħiliet li jeħtieġu n-negozji, sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għat-tibdil. Dan kien is-suġġett tal-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni bl-isem “Ħiliet ġodda għal Impjiegi ġodda” (COM(2008) 868 finali), li kellu l-għan li jidentifika u jevalwa l-ħtiġijiet tal-ħiliet għall-Ewropa minn issa sal-2020, u fl-UE tiżviluppa il-kapaċità li jiġu antiċipati u adattati l-ħiliet u l-impjiegi.

2.1.3   Nhar l-4 ta’ Novembru 2009 il-Kumitat adotta opinjoni dwar din il-Komunikazzjoni (3).

2.2   Wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni issa qed isir studju ta’ fattibbiltà, fuq talba tal-Kummissjoni, dwar jekk jistgħux jitwaqqfu kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet fil-livell Ewropew. Il-Kumitat kellu aċċess għal verżjoni provviżorja ta’ dan l-istudju meta kien qed ifassal din l-opinjoni (4).

3.   Xejriet u innovazzjonijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea

a)   Ħtieġa għall-innovazzjoni fis-sistemi ta’ tagħlim

3.1   Biex nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol Ewropea, huwa essenzjali li jissaħħaħ il-kapital uman. Dan huwa importanti mil-lat tal-impjegabilità u l-impjiegi, il-kapaċità li nadattaw għat-tibdil – b’mod partikulari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali – u wkoll għall-koeżjoni soċjali.

3.2   Il-ħtieġa li ċ-ċittadini jgawdu minn iktar mobilità fl-Ewropa hija għan importanti identifikat fit-Trattat ta’ Lisbona. Sabiex il-ħaddiema jgawdu mill-mobilità biex jaqbżu l-fruntieri u jimxu minn industrija għal oħra, min iħaddem irid ikun jista' jqabbel x’jaf jagħmel membru ġdid tal-persunal (riżultati) max-xogħol li jrid isir. Dan huwa l-prinċipju ewlieni wara t-talba tal-Kummissjoni – “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija”.

3.3   L-KSE li għandhom jitwaqqfu jridu jħeġġu l-iżvilupp ta’ approċċ li juża metodoloġija komuni bbażata fuq il-ħidmiet (riżultati) li jintużaw fin-negozji, sabiex jitħejja rekord tal-verifiki ċar minn dak li jseħħ fil-postijiet tax-xogħol permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kwalifiki finali.

3.4   Il-KESE jagħmel sejħa għal ġestjoni professjonali aħjar fl-innovazzjoni edukattiva. Huwa essenzjali li jsir titjib fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tal-UE sabiex tiżdied l-impjegabilità u titnaqqas l-inugwaljanza. Il-bidliet istituzzjonali fl-edukazzjoni bil-kemm jistgħu jżommu l-pass mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. L-istituzzjonijiet għandhom iqisu l-ħtieġa għal relazzjoni mill-qrib bejn il-bidliet, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.5   L-innovazzjoni fl-edukazzjoni għandha rabtiet importanti mas-soċjetà tat-tagħrif u tal-informazzjoni. Għandhom jitqiesu għamliet ġodda ta’ tagħlim u għandha tingħatalhom importanza mill-istituzzjonijiet edukattivi. Metodi ġodda ta’ tagħlim, inklużi mudelli kollaborattivi appoġġjati mill-ICT, għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn oqsma ta’ tagħlim tul l-ħajja – bħal tagħlim għall-kbar, edukazzjoni ogħla, edukazzjoni fl-iskola u tagħlim informali – u b’hekk titnaqqas il-firda istituzzjonali.

3.6   Hija ta’ importanza strateġika li tingħata importanza ikbar lit-tagħlim minn qabel u liċ-ċertifikazzjoni tiegħu, b’mod speċjali biex il-ħaddiema jiġu mmotivati jiksbu vantaġġ minn opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Sistemi ta’ akkreditazzjoni u kwalifiki vokazzjonali għandhom jintrabtu dejjem iktar mal-prestazzjonijiet fil-qasam tat-tagħlim, u l-ostakoli burokratiċi għandhom jitnaqqsu.

3.7   Il-politiki għandhom jintegraw tagħlim informali u mhux formali, billi jirrikonoxxu li t-tagħlim tul il-ħajja qed isir realtà, grazzi – fost l-oħrajn – għal tagħlim fuq netwerks diġitali u soċjali.

b)   L-isforzi lejn parteċipazzjoni iktar b’saħħitha tal-partijiet interessati

3.8   Il-proċess attwali ta’ globalizzazzjoni flimkien mal-bidliet mgħaġġla fit-teknoloġija qed joħolqu problemi marbutin ma’ differenzi f’ħiliet fil-forza tax-xogħol u l-ħtieġa ta’ integrazzjoni aħjar tal-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol. It-titjib fl-involviment ta’ kull parti interessata fit-tagħlim tul il-ħajja jista’ jikkontribwixxi għal kondizzjonijiet aħjar għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-innovazzjoni tas-sistema tat-tagħlim, biex jgħin fil-ġestjoni effettiva tal-portfolio li kulma jmur qed jinbidel tal-ħiliet u l-kompetenzi. It-tisħiħ tat-tagħrif, is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tan-negozji f’dan il-proċess huwa essenzjali .

3.9   Dawk li jħaddmu għandhom jaċċettaw iktar li t-taħriġ tal-forza tax-xogħol mhux biss jgħin biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ekonomiċi reali iżda wkoll jappoġġja l-ħaddiema bħala għodda għat-tisħiħ tal-kapital uman fuq medda medja u twila ta’ żmien.

3.10   Jeħtieġ li tingħata iktar attenzjoni lill-valur tal-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali. Il-moviment ħieles tal-ħaddiema u t-tħeġġiġ tal-mobilità tal-forza tax-xogħol għandhom ikunu elementi iktar rikonoxxuti fil-promozzjoni tas-swieq tax-xogħol. Iktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar is-swieq tax-xogħol, u x-xejriet u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet tagħhom, għandhom ikunu disponibbli, flimkien ma’ gwida u servizzi ta’ appoġġ aħjar għal dawk li qed ifittxu impjieg.

c)   Edukazzjoni u taħriġ eqreb il-ħajja reali

3.11   Il-KESE jagħmel sejħa għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħajja reali, biex tkun eqreb tal-ħtiġijiet tal-pubbliku u d-drawwiet ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nies li qed jitħarrġu u jitgħallmu. Għamliet innovattivi ta’ edukazzjoni għandhom jipprovdu opportunità għal investiment effettiv fl-edukazzjoni u jġibu l-opportunitajiet ta’ tagħlim eqreb l-intrapriżi.

3.12   Jeħtieġ li jkun hemm bidla minn forniment imsejjes fuq il-korsijiet għal prestazzjonijiet fil-qasam tat-tagħlim u l-kwalifiki vokazzjonali.

3.13   Ix-xogħol u t-taħriġ qed jiltaqgħu u jidħlu f’xulxin dejjem iżjed fis-soċjetà tal-għarfien. Kull għamla ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol għandha għalhekk tiġi inkoraġġuta. It-tisħiħ tal-motivazzjoni individwali lejn it-tagħlim kif ukoll l-impenn tal-kumpaniji biex jimmotivaw lill-ħaddiema biex jitgħallmu għandhom ikunu prijoritajiet f’dan ir-rigward.

4.   Sfond għall-kunsilli settorjali u trasversali (5) f’livelli differenti

4.1   L-iskop ta’ kunsilli settorjali u trasversali (6) huwa li jingħata ħjiel dwar l-iżvilupp li probabbli jkun hemm tal-qagħda tal-ħtiġijiet ta’ impjiegi u ħiliet, sabiex ikun hemm kontribut fit-tfassil ta’ politika għal settur partikolari. Ix-xogħol tal-kunsilli jista’ jkun limitat għal analiżi, jew jista’ jinkludi wkoll l-adattament u l-implimentazzjoni ta’ politika.

4.2   Dawn il-kunsilli joperaw b’mod organizzat u kontinwu u jipprovdu wkoll pjattaforma għal bosta partijiet interessati li jkunu involuti fil-ġestjoni tal-kunsilli. Il-partijiet interessati ewlenin jinkludu korpi pubbliċi, istituzzjonijiet u awtoritajiet, l-imsieħba soċjali, istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ u istituti tar-riċerka.

Il-kunsilli settorjali jistgħu jkunu organizzati f’diversi livelli ġeografiċi. L-għan tagħhom huwa li jiġu studjati l-bidliet fid-domanda għall-ħiliet f’tip wieħed ta’ xogħol jew settur industrijali, jew grupp tagħhom li jkun definit b’mod ċar. F’xi każijiet il-kunsilli settorjali nazzjonali jista’ jkollhom fergħat reġjonali.

4.3.1   Fl-opinjoni tad-Dublin Foundation, il-livell reġjonali jew settorjali huwa kruċjali għall-kunċett tal-kunsilli. Il-fondazzjoni tenfasizza li l-kunsilli fil-livell nazzjonali u Ewropew għandhom jaġixxu f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-korpi li jiġġestjonaw il-kunsilli reġjonali/settorjali, huwa importanti li nipprovaw niksbu vantaġġ minn sinerġiji possibbli, pereżempju fir-rigward tal-monitoraġġ u r-riċerka akkademika.

4.4   Xi kunsilli fil-livell nazzjonali għandhom jittrattaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) u oħrajn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwu (CVET). F’xi pajjiżi jistgħu jittrattaw it-tnejn li huma, li jipproduċi effett ta’ sinerġija u jagħmel possibbli li tiġi evitata d-dupplikazzjoni.

4.5   Il-kunsilli analizzati fl-istudju ta’ fattibbiltà għandhom l-istess għan ġenerali: li jtejbu l-bilanċ fis-suq tax-xogħol bejn il-provvista u d-domanda f’termini kwantitattivi (postijiet ta’ impjieg) u kwalitattivi (ħiliet u kompetenzi). Iżda hemm xi differenzi fil-mod kif jinkiseb dan il-għan ġenerali, kif ukoll bejn dawk il-kunsilli li jikkonċentraw fuq l-IVET fuq naħa, u dawk li jieħdu ħsieb il-CVET min-naħa l-oħra (dan jikkonċerna l-pajjiżi fejn it-taħriġ jinqasam f’IVET u f’CVET).

4.6   Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-objettiv ewlieni tal-kunsilli nazzjonali trasversali (transsettorjali) huwa l-identifikazzjoni, l-analiżi kwantitattiva u l-antiċipazzjoni ta’ xejriet fit-tul fis-suq tax-xogħol u li jitressqu proposti għal azzjoni bħala reazzjoni għal xejriet li qed jiżviluppaw.

4.7   F’ħafna każijiet il-kunsilli trasversali jiffokaw mhux biss fuq kwistjonijiet kwantitattivi imma wkoll fuq dawk kwalitattivi. Il-membri ta’ kunsilli bħal dawn, bħall-Kumitat Konsultattiv tad-Danimarka dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, jagħtu pariri lill-ministru tal-edukazzjoni, skont xejriet fis-suq tax-xogħol, mhux biss dwar kwistjonijiet relatati mad-definizzjoni ta’ ħiliet ġodda u t-twaħħid jew it-tneħħija ta’ kwalifiki eżistenti, iżda wkoll fuq aspetti ġenerali ta’ edukazzjoni vokazzjonali bħall-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ.

4.8   F’xi pajjiżi l-kunsilli reġjonali trasversali għandhom l-istess objettivi bħal dawk tal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom. Huma jipprovdu lill-istituti ta’ riċerka b’data reġjonali li biha jkunu jistgħu joħorġu stima tal-għadd ta’ impjiegi għall-ġejjieni, u l-ħiliet meħtieġa. Huwa interessanti li wieħed jinnota li xi kunsilli reġjonali trasversali jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iqabblu ħtiġijiet kwalitattivi għall-ġejjieni ma’ data kwantitattiva attwali dwar l-għadd ta’ żgħażagħ li qed jidħlu għall-IVET.

4.9   L-objettiv ewlieni tal-kunsilli settorjali nazzjonali relatati mal-IVET huwa li jiżguraw li ħaddiema ġodda li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol ikollhom il-ħiliet bażiċi adatti.

4.10   L-objettiv ewlieni tal-kunsilli settorjali nazzjonali relatati mat-taħriġ vokazzjonali kontinwu huwa li jgħollu l-livell tal-ħiliet ta’ dawk li diġà huma fis-suq tax-xogħol. Biex dan iseħħ il-kunsilli jiddefinixxu l-ħtiġijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema, u jew jipprovdu taħriġ huma stess jew inkella jħallsu għal korsijiet immexxijin minn nies esterni.

Il-kunsilli nazzjonali jew reġjonali huma differenti minn xulxin fil-kompiti li jwettqu. Dawn li ġejjin huma eżempji tal-kompiti mwettqa minn kunsilli settorjali u trasversali:

analiżi ta’ xejriet kwantitattivi fis-suq tax-xogħol;

analiżi ta’ xejriet kwalitattivi fis-suq tax-xogħol;

proposti ta’ politika li jindirizzaw nuqqasijiet kwantitattivi;

proposti ta’ politika li jagħmlu tajjeb għal nuqqasijiet kwalitattivi;

proposti ta’ aġġornament tal-proċess għall-kisba ta’ kwalifiki u ċertifikazzjoni;

promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn kumpaniji u dawk li jipprovdu l-VET;

implimentazzjoni (kwantitattiva u kwalitattiva) ta’ programmi u attivitajiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet.

4.11.1   Huma ftit dawk il-kunsilli settorjali fl-Istati Membri li jwettqu dawn il-kompiti kollha. Kważi l-kunsilli settorjali u trasversali kollha jwettqu analiżi ta’ xejriet kwantitattivi u kwalitattivi fis-suq tax-xogħol. Għadd kemmxejn iżgħar ta’ kunsilli settorjali u trasversali jħejju wkoll proposti ta’ politika. Il-maġġoranza tagħhom jagħmlu jew jikkummissjonaw ir-riċerka.

4.11.2   Huwa ħafna aktar komuni li l-kunsilli janalizzaw xejriet kwalitattivi fis-suq tax-xogħol u jħejju proposti għal politiki, pereżempju politiki bil-mira li jkunu żviluppati oqfsa ta’ programmi ta’ tagħlim vokazzjonali, u li jfasslu modi li jegħlbu nuqqasijiet kwalitattivi. Ħafna kunsilli huma involuti fl-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn kumpaniji u fornituri ta’ VET.

4.11.3   Xi kunsilli nazzjonali jimplimentaw programmi u attivitajiet li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-differenzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol. Il-kunsilli reġjonali trasversali fl-Istati Membri l-ġodda b’mod partikolari jifformulaw proposti għal politiki biex isewwu nuqqasijiet kwalitattivi.

L-għodod użati mid-diversi kunsilli huma adattati ferm għall-objettivi u l-kompiti tagħhom. Id-data dwar xejriet kwantitattivi u kwalitattivi fis-suq tax-xogħol hija partikolarment importanti għall-kunsilli. Ix-xejra ġenerali hija li din id-data tinġabar u tkun analizzata minn organizzazzjonijiet esterni, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn l-istruttura tal-kunsill tinkorpora, pereżempju osservatorju tas-suq tax-xogħol.

4.12.1   Għandha ssir distinzjoni, minn naħa waħda, bejn il-ġbir u l-analiżi ta’ data tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi dwar x’reazzjoni għandu jkun hemm għal xejriet fis-suq tax-xogħol.

Il-korpi ta’ ġestjoni tal-kunsilli settorjali li attwalment joperaw fl-UE u bnadi oħra jinkludu rappreżentanti ta’ dawk li jħaddmu (is-soltu fi rwol ġestjonali), tal-ħaddiema u, f’xi każijiet, rappreżentanti tal-fornituri tat-taħriġ u tal-gvern (awtoritajiet lokali fil-każ ta’ kunsill reġjonali). Jew jitwaqqaf korp ta’ ġestjoni żgħir (bil-għan li jissaħħaħ il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet) jew korp ta’ ġestjoni pjuttost imdaqqas, bil-għan li jkun kemm jista’ jkun rappreżentattiv. Bħala regola, il-membri tal-korp ta’ ġestjoni tal-kunsill iridu jiġu mill-industrija u jgawdu minn rispett konsiderevoli fis-settur, kif ukoll li jkunu kredibbli.

4.13.1   Fil-valutazzjoni tal-ġestjoni tal-kunsilli, jiġi enfasizzat li l-aġenda tal-kunsill m’għandhiex tinkludi kwistjonijiet relatati ma’ relazzjonijiet tax-xogħol, li huma l-kompitu tal-kumitat għad-djalogu settorjali. Fl-istess waqt, billi jindirizzaw ħafna mill-kwistjonijiet importanti l-oħrajn għal dawk li jħaddmu u għall-ħaddiema, l-attivitajiet tal-kunsill jgħinu jnaqqsu t-tensjoni li tinħoloq mid-djalogu soċjali.

4.13.2   Il-kunsilli settorjali ġieli jikkooperaw fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni. Fil-Kanada dan ir-rwol jitwettaq mill-Alleanza ta’ Kunsilli Settorjali, fejn tagħrif u għodod jiġu skambjati u proċeduri konġunti jiġu ppjanati, pereżempju fir-rigward tal-iżvilupp ta’ standards vokazzjonali nazzjonali.

5.   Kummenti dettaljati

Osservatorji tas-suq tax-xogħol bħala bażi importanti għat-tħaddim effikaċi ta’ kunsilli settorjali

Hemm diversi osservatorji tas-suq tax-xogħol li joperaw fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali, settorjali u reġjonali. Xi kultant l-istrutturi ta’ osservatorji jaħdmu fi ħdan kunsilli tal-impjieg li diġà jeżistu jew joperaw taħt isem ieħor.

5.1.1   Dawn l-osservatorji:

jagħmlu monitoraġġ ta’ xejriet u ta’ politiki fis-suq tax-xogħol,

jiġbru, janalizzaw u jinterpretaw id-data,

jgħaddu data lill-utenti skont il-ħtiġijiet tagħhom.

5.1.2   Li jkun hemm konnessjoni bejn dawn l-osservatorji kollha f’netwerks nazzjonali u internazzjonali hija ta’ importanza ewlenija. L-osservatorji ma jistgħux jaħdmu maqtugħin minn xulxin f’suq Ewropew u globali li huwa kkaratterizzat mill-flessibbiltà.

5.1.3   Kull osservatorju, bħala għodda ta’ tbassir biex ikunu antiċipati bidliet fis-suq tax-xogħol b’mod aktar effettiv, jista’ jiżviluppa u jsir aktar importanti jekk, waqt li jikkonċentra fuq l-objettivi tiegħu stess, iżomm kuntatti regolari u sistematiċi ma’ osservatorji oħra.

5.2   Il-kompitu tal-osservatorji tal-impjiegi u l-ħiliet huwa li tingħata informazzjoni strateġika lil diversi partijiet li qed jipparteċipaw f’bidla. Barra mill-imsieħba soċjali u korpi governattivi dawn jinkludu wkoll intrapriżi żgħar u medji, istituzzjonijiet tat-taħriġ, awtoritajiet lokali, servizzi għal impjiegi u servizzi ta’ għajnuna għal negozji.

5.3   L-attivitajiet ta’ osservatorju tal-impjiegi u l-ħiliet jinkludu:

l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ taħriġ u li tkun żgurata l-interazzjoni iktar effettiva bejn l-iżvilupp ta’ ħiliet u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol;

il-monitoraġġ ta’ bidliet u ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

l-analiżi tal-istatistika dwar ix-xogħol u l-edukazzjoni;

l-għoti ta’ servizzi ta’ informazzjoni u servizz biex titħaffef it-transizzjoni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ għax-xogħol, li l-għan ewlieni tagħhom huwa:

il-monitoraġġ ta’ mogħdijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għal impjiegi,

l-identifikazzjoni ta’ bidliet u dipendenzi reċiproċi bejn provvista u domanda f’setturi ekonomiċi u diversi tipi ta’ xogħol;

il-koordinazzjoni ta’ riċerka u stħarriġ, kif ukoll għajnuna għall-promozzjoni tal-politika ta’ innovazzjoni u żvilupp;

it-tixrid ta’ tagħrif dwar impjiegi u ħiliet fost diversi gruppi fil-mira.

5.4   Osservatorju jista’ jipprovdi analiżi sistematika tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali, lokali u settorjali. Jagħmel analiżi komparattiva fil-livell settorjali u jeżamina l-ħtieġa għal diversi tipi ta’ xogħol u speċjalizzazzjonijiet fil-livell reġjonali, lokali u settorjali bil-għan li jindika d-domanda għall-ħiliet għall-ġejjieni.

5.5   Osservatorji jistgħu jwettqu l-kompiti li ġejjin, li jgħinu u jikkomplementaw it-tħaddim ta’ kunsilli settorjali u trasversali għas-suq tax-xogħol u l-ħiliet:

jwettqu u janalizzaw tbassir ta’ bidliet soċjali u ekonomiċi fil-livell nazzjonali, settorjali u reġjonali, u b’hekk tkun possibbli l-identifikazzjoni u d-definizzjoni ta’ impjiegi ġodda li joħorġu f’setturi jew reġjuni li l-aktar li jkunu f’riskju;

jaġġornaw id-definizzjonijiet ta’ mudelli settorjali tradizzjonali bil-għan li jkun hemm adattament aktar effettiv ta’ ħiliet tal-ħaddiema;

jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ sħubijiet fil-qasam li qed jinbidel u attivitajiet innovattivi billi:

iwaqqfu netwerks li jġibu flimkien osservatorji oħra u partijiet interessati,

jiżviluppaw strateġiji ta’ taħriġ kontinwu,

jipprovdu servizzi ta’ konsulenza vokazzjonali,

ifasslu programmi ta’ taħriġ bl-involviment ta’ kumpaniji, setturi u inizjattivi għal impjieg lokali.

5.6   Osservatorji tas-suq tax-xogħol li jġibu flimkien diversi partijiet interessati għandhom jieħdu sehem ukoll fid-dibattitu bejn partijiet interessati, pereżempju il-kunsilli tal-impjieg settorjali u trasversali, dwar l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea, nazzjonali, settorjali, reġjonali u lokali. L-osservatorji jaqdu rwol partikolarment importanti fl-identifikar ta’ impjiegi ġodda u biex ifiehmu attivitijiet ekonomiċi, mudelli ta’ impjieg u ħiliet ġodda.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet attwali bejn il-kunsilli settorali u l-osservatorji tas-suq tax-xogħol, f’ħafna pajjiżi tal-UE (eż. Franza u l-Iżvezja) hemm osservatorji tas-suq tax-xogħol settorjali li jidentifikaw il-ħtiġijiet tax-xogħol f’settur partikolari f’isem kunsilli settorjali CVET nazzjonali (fi Franza l-osservatorju jwettaq din it-tip ta’ riċerka f’isem il-Kummissjoni għall-Fondi għat-Taħriġ Settorjali (5)).

5.7.1   Fuq talba ta’ kunsilli reġjonali orizzontali, l-osservatorji reġjonali tas-suq tax-xogħol f’ċerti Stati Membri jidentifikaw dawk is-setturi li qed jikbru jew li qed imorru lura. Ir-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ identifikazzjoni hija tip ta’ informazzjoni mwessa’ u konsistenti li titqies mill-awtoritajiet reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-provvedituri tat-taħriġ fid-diskussjonijiet dwar tipi ta’ korsijiet VET u IVET li għalihom hemm il-ħtieġa fil-firxa offruta mill-istituzzjonijiet reġjonali tat-taħriġ.

5.7.2   Fil-każ tal-KSE ppjanati, fil-fehma tal-Kumitat, ir-rwol tal-osservatorji Ewropej li jikkooperaw magħhom jista’ jittieħed mill-Fondazzjoni Dublin (Eurofund) u s-Cedefop, speċjalment matul proġetti pilota. Fil-ġejjieni, l-KSE jistgħu jikkooperaw ma’ strutturi ta’ netwerks supranazzjonali tal-osservatorji tas-suq tax-xogħol.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET – vocational education and training).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji”, COM(2009) 158 finali, 2 ta’ April 2009.

(3)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.

(4)  Studju ta’ Fattibbiltà dwar it-twaqqif ta’ Kunsilli Settorjali għall-Impjiegi u l-Ħiliet fil-Livell Ewropew, li sar mill-ECORYS/KBA (2009) għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs.

(5)  Fuq il-bażi tal-istudju ta’ fattibbiltà (ara n-nota fil-qiegħ tal-paġna nru 4).

(6)  Jekk il-ħaddiema kollha u l-kumpaniji kollha f’qasam partikolari jkunu koperti mill-attivitajiet tal-kunsill, dan jista’ jissejjaħ “trasversali” (transsettorjali).


Top