Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XX0718(03)

    Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft (skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat- 23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza għall-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċedimenti tal-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21 )

    ĠU C 166, 18.7.2009, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 166/16


    Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft

    (skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza għall-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċedimenti tal-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21)

    2009/C 166/07

    L-abbozz tad-deċiżjoni f'dan il-każ jagħti lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin:

    Il-proċedura tal-Artikolu 24(1) hija bbażata fuq id-deċiżjoni finali tal-24 ta' Marzu 2004

    Fl-24 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/53/KE relatata ma' proċediment skont l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE kontra Microsoft Corp. (Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft, ĠU L 32, 6.2.2007, p. 23).

    F'din id-deċiżjoni (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni sabet, inter alia, li Microsoft kienet kisret l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (“l-Artikolu 82”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE billi rrifjutat, minn Ottubru 1998 sad-data tad-Deċiżjoni, li tiżvela ċerta “Informazzjoni tal-Interoperabilità” speċifikata lil bejjiegħa ta' prodotti ta' work group server operating systems, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw u jiddistribwixxu dawn il-prodotti (1).

    Fl-10 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) 1/2003 (“l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni”). L-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni jordna li “Microsoft Corporation għandha tiżgura li sal-15 ta' Diċembru 2005, hija tkun konformi bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni. Fin-nuqqas ta' din il-konformità, ħlas perjodiku ta’ penali ta' EUR 2 miljuni kuljum, ikkalkulat minn dik id-data, għandu jiġi impost fuq Microsoft Corporation.”

    L-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni identifika żewġ sitwazzjonijiet fejn Microsoft naqset milli tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni. Dan il-proċediment hu relatat biss mal-obbligu ta' Microsoft skont l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni li titlob remunerazzjoni raġonevoli għall-aċċess jew l-użu tal-Informazzjoni tal-Interoperabilità.

    Il-proċedura tal-Artikolu 24(2) hija bbażata fuq l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni

    Fit-12 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Deċiżjoni skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (l-ewwel Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni) li tistabbilixxi ċ-ċifra ta' EUR 280.5 miljun bħala l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta’ penali impost mid-Deċiżjoni 24(1) għall-perjodu bejn is-16 ta' Deċembru 2005 u l-20 ta' Ġunju 2006 fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità li ġiet identifikata fl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni, jiġifieri n-nuqqas min-naħa ta' Microsoft li tipprovdi dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkorpora l-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà (2).

    Kif stipulat fl-ewwel Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni żammet il-possibbiltà li tistabbilixxi ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali għat-tieni sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità li ġiet identifikata b'mod preliminari fid-Deċiżjoni 24(1) mis-16 ta' Diċembru 2005, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li Microsoft naqset milli titlob remunerazzjoni raġonevoli għall-aċċess jew l-użu tal-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà (3).

    Dan l-abbozz ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali li għandu jkun impost fuq Microsoft għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligu biex titlob remunerazzjoni raġonevoli għall-aċċess jew l-użu tal-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà.

    Miżuri meħuda minn Microsoft sabiex tkun konformi mal-Artikolu 5(a) u r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni

    Bejn is-27 ta' Mejju 2004, meta Microsoft ippreżentat l-ewwel deskrizzjoni tal-miżuri li kienet biħsiebha tieħu sabiex tkun konformi mal-Artikolu 5(a) u (c) tad-Deċiżjoni, sa issa, saru ħafna skambji bejn l-Kummissjoni u Microsoft fir-rigward tal-aspett tad-Deċiżjoni dwar ir-remunerazzjoni raġonevoli.

    F'ittra tad-29 ta' Ottubru 2004, Microsoft stqarret li fl-opinjoni tagħha, id-deskrizzjoni tal-miżuri pprovduti fl-ittra tagħha tas-27 ta' Mejju 2004 issodisfaw l-obbligu ta' Microsoft skont l-Artikolu 5(d) tad-Deċiżjoni. Ippreżentat ukoll żewġ abbozzi ta' ftehimiet li kienet biħsiebha toffri bħala parti tal-Programm ta' Protokoll dwar il-Work Group Server (“il-ftehimiet tad-WSPP tal-2004”).

    Sussegwentement, saru ħafna skambji matul il-bqija tal-2004 u l-ewwel nofs tal-2005, fejn il-Kummissjoni talbet (inkluż b'talbiet għall-informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003) għall-iktar spjegazzjoni u dokumentazzjoni ta' appoġġ mill-Microsoft, li għalihom Microsoft wieġbet billi ppreżentat diversi rapporti, memoranda u verżjonijiet riveduti tal-ftehimiet tad-WSPP tal-2004. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għall-informazzjoni lill-partijiet terzi u talbithom l-opinjonijiet tagħhom dwar il-livelli ta' remunerazzjoni proposti minn Microsoft.

    Bid-deċiżjoni tat-28 ta' Lulju 2005, il-Kummissjoni stabbilixiet mekkaniżmu ta' monitoraġġ billi pprovdiet għall-ħatra, funzjonijiet u obbligi ta' Trustee Fiduċjarju ta' Monitoraġġ. Il-funzjoni tal-Trustee Fiduċjarju hu li jgħin lill-Kummissjoni fis-sorveljanza tal-konformità mad-Deċiżjoni (4). Fil-5 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni għażlet persuna waħda minn lista ta' erba' esperti ppreżentati minn Microsft, bħala Trustee tal-Monitoraġġ.

    Bejn Awwissu u Diċembru 2005, Microsoft ipprovdiet Ftehimiet tad-WSPP riveduti u diversi rapporti bl-intenzjoni li tiġġustifika l-livelli ta' remunerazzjoni mitluba fil-Ftehimiet tad-WSPP.

    Fis-7 ta' April 2006, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Microsoft bir-reviżjoni tat-Trustee tal-materjali bl-intenzjoni li tiġġustifika l-livelli ta' remunerazzjoni mitluba minn Microsoft fil-Ftehimiet tad-WSPP ppreżentati fil-15 ta' Diċembru 2005 (“Ir-rapport ta' Innovazzjonijiet tat-Trustee ta' Marzu 2006”).

    Bħala riżultat, minn Mejju sa Novembru 2006, Microsoft baqgħet tagħmel preżentazzjonijiet bħala tweġiba għar-rapport ta' Innovazzjonijiet tat-Trustee ta' Marzu 2006, u ppreżentat ukoll kemm il-darba ftehimiet tad-WSPP.

    Fi Frar 2007, diversi rapporti ġew ippreżentati lill-Kummissjoni mit-Trustee u mit-TAEUS, il-konsulent estern tal-Kummissjoni. Fid-dawl tar-rapporti ppreżentati mit-Trustee u TAEUS, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li Microsoft għadha ma ssodisfatx l-obbligu li titlob remunerazzjoni raġonevoli għall-aċċess jew l-użu tal-Informazzjoni ta' Interoperabbiltà skont l-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni.

    Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet

    Fl-1 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni notifikat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lil Microsft (“Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġeżżjonijiet”) u tat lil Microsoft ħames ġimgħat biex twieġeb.

    Fid-9 ta' Marzu 2007, Microsoft talbet estensjoni tad-data ta' għeluq għat-tweġiba tagħha tad-Dikjarazzajoni ta' Oġġezzjonijiet. Jien nilqa' din it-talba fil-15 ta' Marzu 2007 billi nestendi d-data ta' għeluq sat-23 ta' April 2007. Microsoft wieġbet fil-ħin.

    Aċċess għall-fajl

    Microsoft talbet aċċess għall-fajl fit-2 ta' Marzu 2007, u din kienet ingħatat fil-5 ta' Marzu 2007, fil-bini tal-Kummissjoni.

    Fis-27 ta' April 2007, Microsoft ippreżentat corrigendum mat-Tweġiba tagħha għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet. Fid-9 ta' Mejju 2007 Microsoft talbet għal iktar aċċess għall-fajl.

    Fil-11 ta' Mejju 2007, TAEUS, it-Trustee u l-Konsulenti tiegħu ppreżentaw rapporti dwar ir-rapport tal-esperti ta' Microsoft mehmuż mat-Tweġiba għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, u Microsoft ingħatat aċċess għal dawn, flimkien ma' kopji tal-kummenti kollha ppreżentati minn partijiet terzi dwar id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet u dwar it-Tweġiba lid-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, fl-14 ta' Mejju 2007.

    Fis-16 ta' Mejju 2007, Microsoft talbet iktar aċċess għall-fajl, li ngħata fit-23 ta' Mejju 2007.

    Fil-21 ta' Mejju 2007, Microsoft ippreżentat Ftehimiet riveduti tad-WSPP li kienu jinkludu Tabella Riveduta tar-Royalty (“l-iskema ta' remunerazzjoni tal-21 ta' Mejju 2007”). Microsoft stqarret li “issa kienet ser toffri dawn ir-rati aktar baxxi b'mod uffiċjali”, b'data ta' applikazzjoni retroattiva mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

    Fl-1 ta' Ġunju 2007, Microsoft ippreżentat tweġiba supplimentari għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, u valutazzjoni teknika addizzjonali fit-8 ta' Ġunju 2007.

    Diversi drabi matul il-proċedura Microsoft talbet aċċess għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni min-naħa, u t-Trustee jew l-esperti tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra.

    Il-Kummissjoni taħseb li dawn id-dokumenti huma interni.

    Diġà fil-proċediment dwar l-allegazzjoni li Microsoft naqset milli tipprovdi dokumentazzjoni teknika sħiħa u preċiża li tinkorpora l-Informazzjoni ta' Interoperabilità, jien ma nilqax it-talba ta' Microsoft għal aċċess għall-korrispondenza mat-Trustee tal-Monitoraġġ u mal-esperti esterni tal-Kummissjoni (cf. Rapport Finali tal-Uffiċjali tas-Smigħ fil-każ COMP/C-3/37.792 – MICROSOFT, 3.7.2006, p. 6). Jien inqis li din il-korrispondenza hi interna.

    Madankollu, iċċekjajt bir-reqqa jekk l-aċċess għal dawn l-elementi tal-korrispondenza setax ikun neċessarju sabiex tinftiehem b'mod adegwat il-metodoloġija jew il-verifikazzjoni teknika proprja tar-rapport tat-Trustee jew b'xi mod ieħor indispensabbli għad-difiża ta' Microsoft. Bi tweġiba għat-tħassib ta' Microsoft, jien iċċekjajt il-korrispondenza bejn it-Trustee u TAEUS lill-Kummissjoni bejn id-dati relevanti (10.11.2006 u 22.5.2007). Jien stajt nikkonferma lill-Microsoft li fl-opinjoni tiegħi l-ebda element ta' korrispondenza ma kien indispensabbli għall-ftehim tal-metodoloġija applikata fil-rapport jew għat-testjar tal-korrettezza teknika tagħhom.

    Barra minn hekk, bi tweġiba għall-kwistjoni addizzjonali imqajma minn Microsoft, jien iċċekjajt il-korrispondenza mibgħuta mill-Kummissjoni lit-Trustee u lit-TAEUS (10.11.2006 to 27.7.2007) u li kienet magħmula disponibbli għalija. Wara r-reviżjoni tiegħi tal-korrispondenza, jien ikkonfermajtilhom li ma kien hemm l-ebda dokument li jindika li l-Kummissjoni kienet eżerċitat influwenza mhux xierqa fuq it-Trustee jew l-esperti tal-Kummissjoni.

    IS-SMIGĦ ORALI

    Microsoft ma talbitx smigħ orali.

    ITTRA TAL-FATTI

    Il-Kummissjoni bagħtet Ittra tal-Fatti (“l-Ittra tal-Fatti”) lil Microsoft fl-24 ta' Lulju 2007. Din l-ittra tat lil Microsoft l-opportunità li tikkumenta dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskema tar-remunerazzjoni tal-21 ta' Mejju 2007 u dwar evidenza oħra li nġabret mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, b'mod speċjali rapporti tat-Trustee u tal-esperti tal-Kummissjoni, tat-TAEUS, kif ukoll it-tweġibiet għal talbiet għall-informazzjoni lid-detenturi ta' liċenzji ġodda tad-WSPP. Microsoft ingħatet l-aċċess għall-fajl fir-rigward tad-dokumenti ppreżentati wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, u ppreżentat it-tweġiba tagħha lill-Ittra ta' Fatti fil-31 ta' Awwissu 2007.

    ID-DEĊIŻJONI MILL-QORTI TAL-PRIM ISTANZA

    Fis-17 ta' Settembru 2007 l-Qorti tal-Prim Istanza kkonfermat il-partijiet sostantivi tad-Deċiżjoni, li Microsft kienet appellat. (5)

    Madankollu, il-Qorti annullat l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni sakemm dan jordna lil Microsoft biex jippreżenta proposta għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu li għandu jinkludi trustee ta' monitoraġġ bis-setgħa li jkollu aċċess, b'mod indipendenti mill-Kummissjoni, għall-assistenza, informazzjoni, dokumenti, bini u impjegati ta' Microsoft u l-kodiċi tas-sors tal-prodotti relevanti ta' Microsoft.

    Fit-2 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni talbet lil Micrsoft biex tipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni kollha li Microsoft ipprovdiet lit-Trustee jew lit-tim tiegħu, b'mod indipendenti mill-Kummissjoni, mid-data tal-appuntament tat-Trustee. Microsoft wieġbet għal din it-talba bl-ittri tal-31 ta' ottubru 2007 u tad-9 ta' Novembru 2007.

    Fit-22 ta' Ottubru 2007, wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni, Microsoft introduċiet skema ġdida ta' remunerazzjoni għall-Ftehimiet tad-WSPP.

    Id-dispożizzjoni ta' dawn id-dokumenti u informazzjoni u l-introduzzjoni tal-iskema ġdida ta' remunerazzjoni ma fissritx li l-fażi ta' investigazzjoni reġgħet infetħet, u għalhekk ma kienx meħtieġ li terġa toħroġ Ittra ta' Fatti ġdida.

    L-ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI FINALI

    Fil-fehma tiegħi, l-abbozz tad-deċiżjoni finali ma fihx elementi ta' liġi li ma ġewx stipulati fid-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet u l-ebda elementi ta' fatti li ma kinux ġew stipulati jew fid-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet jew fl-Ittra ta' Fatti.

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, jien nikkunsidra li d-dritt ta' Microsoft u tal-partijiet terzi sabiex jinstemgħu ġie rrispettat f'dan il-każ.

    Brussell, il-25 ta' Frar 2008.

    Karen WILLIAMS


    (1)  Fis-17 ta' Settembru 2007 l-Qorti tal-Prim' Istanza kkonfermat il-partijiet sostantivi tad-Deċiżjoni, li Microsft kienet appellat. Sussegwentement Microsoft ħabbret li mhux ser tappella s-sentenza tal-QPI.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta' penali impost fuq Microsoft Corporation mid-Deċiżjoni finali C(2005) 4420 u li temenda d-Deċiżjoni fir-rigward tal-ammont tal-ħlas perjodiku ta' penali (Każ COMP/C-3/37.792 – Microsoft), C(2006) 3143 finali.

    (3)  Premessa 244 tal-Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni

    (4)  Cf. Artikolu 7 tad-Deċiżjoni u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tat-Trustee.

    (5)  Supra, nota 1.


    Top