Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0176

    Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim KE- Kosta ta' l-Avorju Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra

    ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 106–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 117/106


    L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009
    Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim KE- Kosta ta' l-Avorju

    P6_TA(2009)0176

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra

    2010/C 117 E/18

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

    wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (l-MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) f'Cancún (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004 (2),

    wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Gleneagles, adottat mill-G8 fit-8 ta' Lulju 2005,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar it-tħejjijiet għas-Sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong (3),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs) (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2006 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta’ Doha wara l-Konferenza Ministerjali tal-WTO f’Ħong Kong (5),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: il-politiki tal-kummerċ imfassla biex iżidu kemm jista' jkun il-kontribuzzjoni tal-kummerċ sabiex jitnaqqas il-faqar (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (7),

    wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tal-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 (8) u tat-12 ta' Diċembru 2007 (9) dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Novembru 2007 kif ukoll Mejju u Ġunju 2008,

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li tapplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006 (10),

    wara li kkunsidra l-Ftehima għal Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Kosta tal-Avorju, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) konġuntament mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi r-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-AKP sal-31 ta' Diċembru 2007 – li tagħtihom aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka – kienet ir-raġuni ta' deroga mir-regoli ġenerali tad-WTO,

    B.

    billi l-ftehimiet ekonomiċi (l-EPAS) huma ftehimiet kompatibbli ma' dawk tad-WTO, li għandhom l-għan li jappoġġaw l-integrazzjoni reġjonali u l-promozzjoni ta' integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomiji dinjija, u b'hekk ikattru l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli tagħhom u jikkontribwixxu għall-isforz ġenerali li jinqered il-faqar u jinħoloq il-ġid fil-pajjiżi tal-AKP,

    C.

    billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika Interim (l-IEPAs) huma ftehimiet kompatibbli mal-WTO, li jinvolvu impenji sostanzjali, dwar il-kummerċ ta' prodotti mmirat biex jevitaw il-waqfien tal-kummerċ tal-AKP mal-Unjoni Ewropea, dawn għandhom ikunu kkunsidrati bħala soluzzjoni temporanja waqt li jkunu għaddejjin in-negozjati biex tkun konkluża EPA komprensiva mar-reġjun tal-Afrika tal-Punent,

    D.

    billi r-regoli tal-kummerċ inklużi fl-IEPA għandhom ikunu akkumpanjati b'żieda fl-appoġġ għal assistenza relatata mal-kummerċ bħall-bini tal-kapaċità amministrattiva u l-miżuri li jippromwovu governanza tajba,

    E.

    billi l-Kosta tal-Avorju tinsab fil-151 post minn 163 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tat-Transparency International tal-2008,

    F.

    billi l-għan tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li jappoġġa l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ,

    G.

    billi l-klawsola tal-Iktar Nazzjon Preferut (MFN), li tistabbilixxi tariffa normali u mhux diskriminatorja fuq il-merkanzija importata, ġiet imfittxa minn xi stati tal-AKP fin-negozjati tal-EPA, sabiex jiżguraw li l-esportaturi kollha jkunu trattati bl-istess mod kif jiġi trattat l-iktar esportatur preferut,

    H.

    billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-ekonomiji tal-UE u dawk tal-AKP peress li l-maġġoranza vasta tal-esportazzjoni tal-UE tikkonsisti prinċipalment f'oġġetti li l-Istati tal-AKP ma jipproduċux però li għandhom bżonnhom jew għall-konsum dirett jew bħala dħul għall-industrija domestika; billi dan mhuwiex il-każ rigward il-kummerċ fi prodotti agrikoli fejn is-sussidji tal-UE għall-esportazzjoni jirrappreżentaw ostaklu serju għall-produtturi tal-AKP fis-setturi tal-agrikoltura, tat-trobbija tal-bhejjem u tal-prodotti tal-ħalib, billi jfixklu u sikwit jeqirdu s-swieq, kemm lokali kif ukoll reġjonali, u għalhekk l-UE għandha twaqqaf gradwalment kull xorta ta' sussidju għall-esportazzjoni,

    I.

    billi regoli ta' oriġini ġodda u iktar flessibbli u mtejba kienu nnegozjati bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi tal-AKP, u dawn jistgħu potenzjalment jipprovdu l-pajjiżi tal-ACP b'benefiċċji konsiderevoli jekk ikunu implimentati kif xieraq u bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa tagħhom,

    1.

    Jenfasizza l-EPAs ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux tliet għanijiet: joffru lill-pajjiżi tal-AKP appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji u jsaħħu l-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni;

    2.

    Jenfasizza li l-għan ewlieni ta' din il-ftehima hu li jsir kontribut permezz tal-kummerċ u l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar, u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju;

    3.

    Ifakkar li, filwaqt li l-ftehim interim huwa kompatibbli mal-WTO u jista' jitqies bħala l-ewwel pass fil-proċess, dan jista' ma jwassalx awtomatikament għal EPA “sħiħ”;

    4.

    Jirrakkomanda strateġija flessibbli u pragmatika fin-negozjati li għadhom għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tqis b'mod partikolari t-talba tal-Kosta tal-Avorju rigward l-aspetti tal-iżvilupp tal-ftehima; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-GAERC ta' Mejju 2008;

    5.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis kull rikjesta mill-Kosta tal-Avorju biex tinnegozja mill-ġdid kwalunkwe dispożizzjoni dwar kwistjonijiet kontenzjużi li tixtieq temenda jew tirtira;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi relatati mal-ftehima; jappoġġa għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-aspetti kollha tal-ftehima matul in-negozjati ta' EPA sħiħ; jisħaq li l-EPA sħiħ għandu jinkludi klawsola ta’ reviżjoni u evalwazzjoni tal-impatt, li għandha ssir fi żmien perjodu ta' bejn tlieta u ħames snin wara l-iffirmar tal-ftehima sabiex jiġi determinat l-impatt soċjo-ekonomiku, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni; jitlob biex il-Parlament ikun involut fi kwalunkwe reviżjoni tal-ftehima;

    7.

    Ifakkar li l-EPAs għandhom ikunu kompatibbli mar-regolamenti tad-WTO, li ma jeħtiġux jew ma jfixklux l-impennji ta' liberalizzazzjoni tas-servizzi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew l-hekk imsejħa “Kwistjonijiet ta' Singapore”;

    8.

    Jitlob li jkun hemm qafas regolatorju li jkun stabbilit matul it-tranżizzjoni minn EPA interim għal wieħed sħiħ fir-rigward tas-servizzi; jitlob li jkun hemm proċedura x'tiġi segwita biex ikun żgurat, fejn ikun possibbli, li l-provvista tas-servizzi universali tkun fis-seħħ, inklużi servizzi pubbliċi essenzjali; jafferma mill-ġdid f'dan il-kuntest l-opinjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċ fis-servizzi (11);

    9.

    Iqis li EPA sħiħ għandu jinkludi taqsima dwar djalogu politiku u d-difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem;

    10.

    Jesprimi t-tama li gvern elett b'mod demokratiku li jkun ukoll responsabbli ieħu postu kemm jista' jkun malajr fil-Kosta tal-Avorju; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-preparamenti kollha kompluti mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti (CEI), iżda jħeġġeġ lis-CEI biex tippubblika malajr kemm jista’ jkun skeda elettorali ġdida u realistika; jemmen li l-appoġġ tal-Parlament għal EPA sħiħ bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju għandu jqis jekk l-elezzjonijiet seħħewx u jekk huwiex fil-kariga gvern elett demokratikament; jitlob li jkun ikkonsultat kmieni kemm jista’ jkun;

    11.

    Ifaħħar lill-firmatarji tal-ftehim talli ffaċilitaw l-avvanz tar-riformi doganali fi ħdan ir-reġjun tal-Afrika tal-Punent, speċjalment meta wieħed iqis il-pożizzjoni li l-Kosta tal-Avorju għandha fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent bħala waħda mill-iktar ekonomiji avvanzati u għanja, u wkoll bħala mexxej fl-iżvilupp kummerċjali u ekonomiku;

    12.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp ta' unjoni doganali fil-grupp reġjonali tal-Afrika tal-Punent u, b'mod partikolari, il-benefiċċji għall-Kosta tal-Avorju li għandhom ikunu disponibbli permezz ta' sinkronizzazzjoni tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent, li jwasslu għal suq ikbar, żieda fil-kummerċ kif ukoll żieda fl-opportunitajiet għall-ħolqien ta' ekonomiji ta' skala;

    13.

    Ifakkar li l-kummerċ intrareġjonali jammonta għal porzjon żgħir tal-kummerċ tal-Kosta tal-Avorju u jenfasizza l-bżonn għal żieda fir-rabtiet tal-kummerċ reġjonali sabiex it-tkabbir sostenibbli jkun żgurat fir-reġjun; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tqis kif xieraq il-politiki tal-grupp reġjonali tal-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (l-ECOWAS);

    14.

    Jenfasizza l-fatt li EPA tal-futur mal-Afrika Ċentrali taħt l-ebda ċirkustanza m'għandu jipperikola l-koeżjoni jew idgħajjef l-integrazzjoni reġjonali ta' dawn il-pajjiż;

    15.

    Iqis li l-EPA sħiħa għandha tinkoraġġixxi l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati permezz ta’ regoli dwar l-oriġini aktar sempliċi u mtejba, partikolarment f’setturi prinċipali bħat-tessuti, is-sajd u l-agrikoltura;

    16.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi żieda u assistenza teknika u amministrattiva adegwata lill-Kosta tal-Avorju, inkluż lis-settur privat u lis-soċjetà ċivili, sabiex ikun iffaċilitat l-adattament tal-ekonomija ta' dan il-pajjiż wara l-iffirmar tal-IEPA;

    17.

    Ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun (2 000 000 000) fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità, EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li l-Kosta tal-Avorju għandha tirċievi sehem xieraq u ekwitabbli; jitlob li jkun deċiż minn kmieni u jkun provdut is-sehem tar-riżorsi ta’ Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom jirrappreżentaw riżorsi addizzjonali u ma għandhomx ikunu fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) ippreżentati f’pakkett ġdid li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Kosta tal-Avorju u li l-infiq tagħhom għandu jkun f'waqtu, jista' jitbassar u jkun konformi mal-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet ta' żvilupp strateġiku nazzjonali u reġjonali; jopponi kull xorta ta’ kundizzjonalità b’rabta mar-ratifikazzjoni ta' dan l-EPA fil-kwistjoni tal-għoti ta’ għajnuna Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-aċċess għall-fondi tal-Għaxar EDF jinżamm separat mir-riżultati u r-ritmu tan-negozjati;

    18.

    Jenfasizza l-importanza tal-immaniġġjar trasparenti tar-riżorsi naturali, minħabba li dawn huma fatturi ewlenin għall-iżvilupp; iħeġġeġ lin-negozjaturi tal-EPA finali biex jagħtu kont sħiħ ta' mekkaniżmu bħal dan u biex jidentifikaw l-aħjar prattiki sabiex il-Kosta tal-Avorju tkun tista' tagħmel l-akbar dħul minn dawn it-tip ta' riżorsi; jafferma mill-ġdid f'dan il-kuntest stipulat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (12) u jitlob lill-Kummissjoni biex tkun żgura li kumpaniji trasnazzjonali bbażati fl-UE li għandhom faċilitajiet ta' produzzjoni fil-pajjiżi tal-AKP jimxu skont l-istandards ewlenin tal-ILO, mal-konvenzjonijiet soċjali u ambjentali u mal-ftehimiet internazzjonali biex jintlaħaq bilanċ dinji bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali ogħla;

    19.

    Jitlob lill-awtoritajiet tal-Kosta tal-Avorju biex iħeġġu u jipproteġu lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)fid-dawl tal-iffirmar ta' din l-IEPA; Ifaħħar lill-IEPA talli tat lil dawn l-SMEs perjodu ta' 15-il sena sabiex jadattaw ruħhom għall-bidliet;

    20.

    Jemmen li l-iżvilupp tar-riżorsi umani tar-reġjun huwa essenzjali biex ikun żgurat id-dħul minn sistema ta' kummerċ riveduta, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' inċentivi biex jinżammu u jiġu attirati ħaddiema kwalifikati u b'kapaċitajiet għall-forza tax-xogħol tal-Kosta tal-Avorju;

    21.

    Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal EPA sħiħ bejn il-Komunità Ewropea u l-Kosta tal-Avorju; iqis li l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu nnegozjati jinkludu:

    i)

    regoli għall-ħarsien ta' industriji ġodda lokali sinifikanti għal skopijiet ta’ żvilupp;

    ii)

    l-oqsma tal-proprjetà intellettwali li jkopru mhux biss prodotti teknoloġiċi tal-Punent iżda wkoll il-bijodiversità tradizzjonali; apparti dan, in-negozjati dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali ma tistax tmur lil hinn mir-regoli tad-WTO u ma tistax titlob obbligi tat-TRIPS + mill-membri tad-WTO tal-Afrika tal-Punent jew dawk li mhumiex;

    iii)

    klawsola tad-drittijiet tal-bniedem;

    iv)

    kapitolu dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-foresta tal-Golf tal-Guinea, li għalhekk għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmu FLEGT;

    v)

    taxxi permessi f'każijiet ġustifikabbli għal raġunijiet ta' żvilupp;

    vi)

    it-trasparenza tax-xiri pubbliku bi ftuħ għal kuntratturi tal-UE maħluqa f'mument ideali għall-bżonnijiet tal-Kosta tal-Avorju;

    vii)

    viżas tax-xogħol, li għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini tal-Kosta tal-Avorju għal perjodi ta' mhux anqas minn 24 xahar biex ikunu jistgħu jaħdmu bħala “carers” u xogħlijiet simili;

    22.

    Jiddispjaċih li ħafna prodotti, inklużi s-siment, il-petrol u l-karozzi, li n-nefqa inqas għall-importazzjoni tagħhom tista' tkun essenzjali għall-imprendituri lokali u għall-industriji żgħar li jinsabu iktar ‘il fuq fil-katina tal-valur, kienu esklużi mil-liberalizzazzjoni;

    23.

    Jinsisti li kull EPA sħiħ għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar standards bażiċi relatati ma' tmexxija tajba, trasparenza u rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

    24.

    Jemmen li EPA sħiħ se jestendi bis-sħiħ il-benefiċċji tiegħu għaċ-ċittadini tal-Kosta tal-Avorju jekk jiġi elett gvern responsabbli u demokratiku f'dan il-pajjiż; jesprimi tama li, f'waqtu, gvern bħal dan jieħu l-poter fil-Kosta tal-Avorju;

    25.

    Iqis importanti li fl-implimentazzjoni tal-EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ xierqa, ikkoordinata mill-kumitat parlamentari rilevanti u li tkun tinvolvi l-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li b'mod li tiżgura bilanċ adegwat bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u dawk kummerċjali; iqis li dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv il-ħidma tiegħu mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA); iqis li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull IEPA;

    26.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinformaw lill-Parlament fil-ħin matul il-proċess ta' negojar tranżitorju;

    27.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi alternattivi vijabbli li jiggarantixxu aċċess għas-suq għal dawk il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jieħu l-impenn lejn EPA sħiħ;

    28.

    Jisħaq b'mod partikolari l-irwol kruċjali tal-parlamenti tal-AKP u tal-parteċipanti mhux tal-istat fil-monitoraġġ u l-immaniġġjar tal-EPAs, u jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-involviment tagħhom fil-proċeduri tan-negozjati li jinsabu għaddejjin; jinnota li dan jitlob li jkun hemm aġenda ċara bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP, imsejsa fuq approċċ parteċipattiv;

    29.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.


    (1)  ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.

    (2)  ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.

    (3)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.

    (4)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.

    (5)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

    (6)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.

    (7)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.

    (8)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.

    (9)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.

    (10)  Testi addottati, P6_TA(2008)0252.

    (11)  Testi adottati, P6_TA(2008)0407.

    (12)  ĠU C 301 E,13.12.2007, p. 45.


    Top