Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0173

    Il-metodu ABB-ABM bħala strument ta’ treġija għall-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta’ Marzu 2009 dwar il-metodu ABB-ABM bħala strument ta’ treġija għall-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji (2008/2053(INI))

    ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 91–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 117/91


    L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009
    Il-metodu ABB-ABM bħala strument ta’ treġija għall-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji

    P6_TA(2009)0173

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar il-metodu ABB-ABM bħala strument ta’ treġija għall-allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji (2008/2053(INI))

    2010/C 117 E/15

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0104/2009),

    A.

    billi l-Immaniġġjar Ibbażat fuq l-Attività (ABM), l-Ibbaġittjar Ibbażat fuq l-Attività (ABB), u ċ-ċiklu tal-Ippjanar Strateġiku u l-Programmazzjoni (SPP) ġew adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE bħala segwitu għall-White Paper dwar ir-riforma fl-2000 (“ir-Riformi Kinnock”), bħala parti minn impetu ġdid għal immaniġġjar tal-programmi tal-Kummissjoni u tal-UE b’mod ġenerali aktar orjentati lejn il-prestazzjoni,

    B.

    billi dawn il-kunċetti, fil-prattika, ġew għalhekk introdotti waqt il-Kummissjoni Prodi u l-objettivi strateġiċi tagħha għal ħames snin bejn l-2000 u l-2005 kemm bħala ċiklu annwali SPP u ċiklu ABM-ABB korrispondenti fuq in-naħa tar-riżorsi,

    C.

    billi l-għan aħħari ta’ dan kollu kien indubbjament li jiġi żgurat li riżorsi skarsi ġejjin mill-persuni li jħallsu t-taxxi jintużaw bl-aħjar mod possibbli biex jintlaħqu numru ta’ prijoritajiet politiċi, li jkun sar qbil dwarhom, billi jiġu marbuta aħjar flimkien il-politiki u l-proċess ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi, li kien ifisser li l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu jridu jistabbilixxu mekkaniżmi biex jilħqu dan mingħajr burokrazija u b’mod effiċjenti,

    D.

    billi fl-istess ħin ir-riforma mmirata lejn immaniġġjar u implimentazzjoni effiċjenti, aktar libertà għall-azzjoni, u definizzjoni aktar ċara li wieħed jagħti kont ta’ għemilu u tar-reponsabilità tiegħu,

    E.

    billi l-awtorità baġitarja naturalment tat l-akbar importanza lill-użu ottimali tar-riżorsi skarsi u issa tqis li wasal iż-żmien li tagħti rendikont tal-iżviluppi li saru s’issa u li tagħti impetu ġdid lil aktar titjib li jista’ jarrikkixxi lill-Istituzzjonijiet tal-UE b’sistemi ta’ kwalità għolja orjentati lejn il-prestazzjoni,

    F.

    billi diġà saru tibdiliet pożittivi kunsiderevoli għal dak li huwa approċċ ġenerali u l-“mind-set” li jirrigwarda dawn il-kwistjonijiet iżda, fl-istess ħin, għadu jeżisti spazju għal aktar titjib fl-immaniġġjar tar-riżorsi eżistenti,

    Ġenerali

    1.

    Iqis li l-implimentazzjoni tal-ABM-ABB kien suċċess u ġabet magħha bidla kulturali importanti fil-Kummissjoni filwaqt li fl-istess ħin għenet biex tiċċara ir-responsabilitajiet personali, u tagħmel l-immaniġġjar aktar effettiv, orjentat lejn ir-riżultati u trasparenti;

    2.

    Jinnota li għad hemm il-periklu ta’ burokratizzazzjoni tal-Kummissjoni minħabba l-proliferazzjoni ta’ regoli li jfissru piż żejjed u proċeduri skomdi; Jitlob, għalhekk, għal aktar żvilupp ta’ proċeduri u mmaniġġjar fil-livelli kollha fil-Kummissjoni;

    3.

    Iqis li l-objettivi strateġiċi ta’ ħames snin tal-Kummissjoni – li fl-aħħar mill-aħħar huma l-bażi politika għall-ipprogrammar ġenerali tagħha – u t-trasformazzjoni annwali tagħhom fi Strateġija ta’ Politika Annwali (APS), għandhom ikunu marbuta aħjar mal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF), bil-ħsieb li t-tempestività u l-adozzjoni ta’ dawn jiġu ssimplifikati fi strateġija waħda koerenti mar-riżorsi korrispondenti u għalhekk hu tal-fehma li l-MFF innifsu għandu jkun ta’ ħames snin;

    4.

    Huwa tal-opinjoni li attwalment il-programmi tal-UE qed jiġu studjati mill-qrib fir-rigward tal-kontrolli u l-legalità, iżda, sfortunatament, li l-istess ammont ta’ attenzjoni ma tingħatax lir-riżultati effettivi miksuba matul il-perjodu miftiehem tagħhom; iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-riżultati miksuba meta tiġi evalwata l-prestazzjoni ġenerali annwali tal-Kummissjoni, inkluża dik waqt il-proċedura ta’ kwittanza;

    Responsabilitajiet

    5.

    Jenfasizza li identifikazzjoni ċara u diviżjoni tar-responsabilitajiet huma ta’ importanza kruċjali biex jinkisbu riżultati fil-politiki tal-UE u valur tajjeb għall-flus tal-baġit; jenfasizza li r-responsabilità politika hija f’idejn il-Kummissarji; jenfasizza wkoll li fil-konfront tal-Parlament huma wkoll totalment responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ mmaniġġjar sod u effettiv fid-dipartiment rispettivi tagħhom u fil-Kummissjoni inġenerali; jenfasizza li relazzjonijiet tajba bejn l-istituzzjonijiet fi spirtu ta’ fiduċja reċiproka u sistema miftuħa huma elementi għas-suċċess;

    6.

    Iqis li huwa tal-akbar importanza li, bħala l-Eżekuttiv responsabbli għall-implimentazzjoni, il-Kummissjoni jkollha biżżejjed mezzi għall-manuvra, iżda għandha tirrapporta b’mod ċar ħafna dwar l-objettivi miksuba u l-użu tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati; iqis inqas importanti – mill-perspettiva ta’ awtorità baġitarja – kif sewwasew ikunu ntlaħqu l-għanijiet u kif il-Kummissjoni tkun ħadmet internament; għalhekk jiffavorixxi livell ogħla ta’ libertà f’dan ir-rigward, b’mod korrispondneti; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza ċ-ċiklu attwali ABB-SPP biex tiżgura li jkun konsistenti f’dan ir-rigward u biex tippreżenta proposti relevanti għal tibdil;

    7.

    Iqis li l-Kummissjoni għandha tistabilixxi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi ċari biex jitkejjel l-ilħiq tal-għanijiet politiċi u amministrattivi u dawn għandhom ikunu komparabbli skont iż-żmien;

    8.

    Ifakkar li livell ta’ responsabilità fl-immaniġġjar u l-amministrazzjoni, kif iddefinit permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti fir-Regolamenti tal-Persunal u permezz tal-prinċipju ta’ mmaniġġjar finazjarju sod fir-Regolament Finanzjarju, huwa wkoll f’idejn id-Diretturi ġeneral tad-DGs tal-Kummissjoni (uffiċjali awtorizzanti delegati), f’termini ta’ implimentazzjoni effiċjenti, effettiva u, naturalment, legalment korretta tal-programmi u l-politiki;

    9.

    Iqis li, fil-parti l-kbira tal-oqsma, il-kwistjoni hija ta’ katina ċara ta’ responsabilità, li la għandha livelli żejda u lanqas hija burokratika ż-żejjed, iżda li tista’ xorta waħda tkun il-kawża ta’ nuqqas ta’ “sjieda” għal kwistjonijiet speċifiċi fil-Kummissjoni, u jixtieq li jkun hemm linji gwida ċari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi/tal-baġit u kif il-kwistjoni tal-ABM u l-ABB tinfluwenza dan is-suġġett;

    10.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, aktar ħidma biex tiġi ċċarata r-responsabilità ta’ parteċipanti individwali u jissaħħaħ is-sens ta’ responsabilità fi ħdan l-organizzazzjoni; iqis ukoll, f’dan ir-rigward, li l-użu effettiv u l-integrazzjoni tal-ABM-ABB bħala “għodda għas-suċċess”, pjuttost milli piż amministrattiv, jistgħu jkunu ta’ importanza kruċjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-proċess u tippreżenta proposti relevanti biex tmexxih ’il quddiem;

    Feedback

    11.

    Iqis li l-preżentazzjoni u s-sinteżi tar-riżultati u r-riżorsi allokati użati fir-Rapporti Annwali tal-Attività (AARs) għadha lura meta mqabbla mal-ħin li ntuża għal dmirijiet amministrattivi għall-preżentazzjoni tal-objettivi u r-riżorsi rikjesti fl-istadji preparatorji, jiġifieri, l-APS, il-Pjanijiet tal-Immaniġġjar Annwali u d-Dikjarazzjonijiet tal-Attività; f’dan ir-rigward, iqis li huwa meħtieġ aktar żvilupp fejn is-servizzi kollettivi tal-Kummissjoni jassumu l-“ownership” ta’ dan il-proċess b’mod pożittiv;

    12.

    Jenfasizza l-bżonn reali li jinkisbu rapporti aħjar u faċli tużahom dwar ir-riżultati sabiex il-Parlament jeżegwixxi d-dmirijiet baġitarji, leġiżlattivi u ta’ verifika tiegħu; iqis li verżjoni aktar konċiża tal-AARs relevanti u r-Rapport ta’ Sinteżi tagħhom, inklużi r-riżultati u l-ispejjeż, għandhom ikunu disponibbli għall-Parlament u l-Kunsill fil-proċedura baġitarja annwali;

    13.

    Iqis li huwa nuqqas serju li, sa issa, l-APS, u l-informazzjoni baġitarja parallela li tgħaddi fil-qafas preliminari tal-baġit (PDB), introduċew prijoritajiet ġodda mingħajr ma identifikaw il-“prijoritajiet negattivi” u li, bħala konsegwenza, iċ-ċiklu sħiħ donnu jżid prijorità wara l-oħra mingħajr ma jieħu deċiżjoni politika dwar il-kwistjonijiet li, minħabba r-riżorsi limitati disponibbli mingħand dawk li jħallsu t-taxxi, għandhom jiġu minimizzati biex jagħtu preċedenza lill-prijoritajiet l-aktar kruċjali; jenfasizza li din hija kontradizzjoni ċara tal-prinċipji bażiċi tar-riforma; jinnota, madankollu, li l-limiti stretti tal-MFF ftit li xejn iħallu lok għall-immanuvrar;

    14.

    Jinnota l-proposti biex tittejjeb il-koerenza bejn il-Pjanijiet tal-Immaniġġjar Annwali u d-Dikjarazzjonijiet tal-Attività ppubblikati mal-PDB sabiex il-piż amministrattiv tal-proċess tal-SPP jitnaqqas filwaqt li tinżamm ir-rabta bejn l-objettivi u l-“outputs” imkejla; hu tal-fehma li l-Pjan tal-Immaniġġjar Annwali jeħtieġ li jkun riformat u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni malajr;

    15.

    Għadu, għalhekk, mhux konvint li l-proċess SPP-ABM iqis b’mod suffiċjenti l-“lezzjonijiet li ħa” u r-riżultati preċedenti u kif dawn jgħaddu lura fis-sistema għas-snin li ġejjin; jinnota li dan huwa marbut mal-mod kif il-firxa vasta ta’ studji u evalwazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni jiġu kkunsidrati, u jinfluwenzaw, kif huwa tajjeb li għandhom jinfluwenzaw, il-proċess ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi; jipproponi għalhekk li tintalab b’mod ċar link għall-analiżi tal-programmi u għall-proċess baġitarju fit-termini ta’ referenza tal-evalwazzjonijiet; jipproponi wkoll li fl-AAR jidħol kapitolu dwar il-lezzjonijiet li jkunu ttieħdu;

    16.

    Huwa tal-fehma li ċ-ċiklu SPP-ABM għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tar-riskji marbuta mal-kisba tal-objettivi ta’ politiki ffissati;

    17.

    Bħala proposta prattika biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-programmi tal-UE, iqis neċessarju li ċ-ċikli attwali ta’ mmaniġġjar u tal-baġit jintużaw aħjar fil-preparazzjoni tal-baġit il-ġdid; f’termini tekniċi dan ifisser li għall-proċedura attwali (Baġit 2010), l-AARs u r-raport tas-Sinteżi tagħhom għall-2008, li jinkludu r-riżultati dwar jekk l-objettivi intlaħqux jew le, għandhom ikunu disponibbli fil-ħin u jintużaw b’mod aktar intensiv matul il-proposti tal-Kummissjoni li jkunu saru tul l-2009; jenfasizza x-xewqa tiegħu li għandu jkun hemm “konsegwenzi sistematiċi” bħala riżultat ta’ kif ikunu mexjin il-prijoritajiet u l-miri preċedenti; jikkritika l-fatt li, minn sena għal oħra, ma tingħatax attenzjoni biżżejjed għal dak li jkun sar fir-rigward ta’ dawn u kif dan għandu jirrefletti fis-snin sussegwenti;

    18.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon ċertu titjib fid-Dikjarazzjonijiet tal-Attività li huma pprovduti mal-PDB biex jiġġustifikaw ir-riżorsi rikjesti; jiddeplora l-fatt li, madankollu, din l-informazzjoni kultant għadha ma laħqitx il-kwalità mixtieqa biex timmotiva, per eżempju, żieda fil-baġit, u, ukoll, jiddispjaċih li sa issa l-awtorità baġitarja għadna ma tqisx xieraq li tippremja lil dawk li jiksbu riżultati tajbin (“good performers”) u, mill-banda l-oħra, iżżomm jew anki tnaqqas il-baġits ta’ dawk id-dipartimenti li jipprovdu riżultati insuffiċjenti;

    Fi ħdan il-Kummissjoni

    19.

    Iqis li l-objettivi fuq terminu ta’ żmien twil, jiġifieri l-MFF u l-objettivi strateġiċi fuq ħames snin kif ukoll l-APS ukoll għandhom jiġu spjegati u jintrabtu aħjar mal-ħidma tad-DĠs u s-servizzi individwali bħala parti importanti fil-motivazzjoni tal-istaff u l-fatt li jħossuhom parti minn, u kontributuri tal-objettivi ewlenin tal-organizzazzjoni b’mod ġenerali; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex torbot b’mod aktar ċar il-prijoritajiet pożittivi u negattivi fil-Pjanijiet tal-Immaniġġjar Annwali u fl-AARs mal-għanijiet pluriennali u strateġiċi tal-Kummissjoni b’mod ġenerali;

    20.

    Jemmen ukoll li, f’termini ġenerali, dawn l-objettivi strateġiċi sfortunatament ma huma suġġetti għall-ebda tentattiv reali ta’ evalwazzjoni f’termini ta’ progress; jemmen li, pereżempju, reviżjoni fuq żmien medju dwar kif intlaħqu l-miri strateġiċi tista’ tiġi implimentata u li kull DG jista’ jagħti s-sehem tiegħu f’dan il-proċess billi jindika liema azzjonijiet ittieħdu, liema riżorsi ntużaw, u kif dan ikkontribwixxa sabiex inlaħqu l-miri ġenerali; jenfasizza li, sabiex dan jinkiseb b’mod prattiku, l-objettivi u l-indikaturi użati biex titkejjel il-prestazzjoni jkollhom jiġu definiti f’dan il-kuntest strateġiku kemm jista’ jkun;

    21.

    Jenfasizza li involviment bħal dan, fl-aħħar mill-aħħar, huwa wkoll iċ-ċavetta għal immaniġġjar responsabbli tar-riżorsi fil-livelli operazzjonali u, pereżempju, parti ewlenija biex l-unitajiet jiġu motivati jfittxu prattiki tax-xogħol effiċjenti, isibu mod kif jiffrankaw fejn huwa possibbli, jikkoperaw ma’ dipartimenti oħra eċċ.;

    22.

    Iqis li l-ABB-ABM għandhom jiġu żviluppati b’mod li jkunu hemm trasparenza akbar u spjegazzjonijiet li jikkonċernaw it-tqassim tar-responsabilitajiet bejn funzjonijiet ċentralizzati u deċentralizzati fil-Kummissjoni, u, ħaġa li hija importanti, jipprovdu gwida ċara fir-rigward tal-ammont u l-ispejjeż tal-istaff/tar-riżorsi dedikati għall-appoġġ amministrattiv u l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni inkluż l-appoġġ għaċ-ċiklu ABB-ABM innifsu u, b’dan il-mod, jingħata kontribut biex jinstab bilanċ ġust bejn approċċ ċentralizzat u wieħed deċentralizzat;

    Rimarki konklużivi

    23.

    Jitlob lill-Kummissjoni tintegra aħjar u tissimplifika ċ-ċiklu SPP-ABM sabiex ir-riżultati effettivi tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu kunsidrati b’mod xieraq fl-allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji; jenfasizza li dan għandu jirriżulta fl-identifikazzjoni ta’ “prijoritajiet negattivi” possibbli;

    24.

    Hu tal-fehma li għandha tingħata iżjed kunsiderazzjoni biex l-Istrateġija ta’ Politika Annwali għandha ssir eżerċizzju li permezz tiegħu r-riżultati tas-snin preċedenti jitqiesu b’mod sistematiku, biex b’hekk jingħata kontribut favur it-tnaqqis tal-piż amministrattiv minn fuq il-Kummissjoni;

    25.

    Jenfasizza li simplifikazzjonijiet u titjib fil-preżentazzjoni għandhom isiru wkoll fil-kontenut tad-dokumenti ewlenin tal-SPP-ABM, bħar-Rapport Annwali tal-Attività u ta’ Sinteżi tal-Kummissjoni, biex ikunu aktar konformi mal-ħtiġijiet tal-Awtorità Baġitarja u ta’ Kwittanza;

    26.

    Jinsisti li din l-azzjoni m’għandhiex tirriżulta f’ħidma amministrattiva akbar; jitlob, għalhekk, lill-Kummisjjoni twettaq analiżi dettaljata tal-ispejjeż amministrattivi taċ-ċiklu SPP-ABM, sabiex tidentifika simplifikazzjonijiet amministrattivi possibbli, u biex jimmonitorja mill-viċin l-adegwatezza tal-allokazzjoni tar-riżorsi umani, speċjalment lill-attivitajiet ta’ tfassil tal-programmi u l-baġit;

    27.

    Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultati ta’ tali analiżi fir-rapport tal-iskrining li jmiss, kif ukoll dwar l-azzjonijiet implimentati u l-progress li jkun sar fir-rigward tat-talbiet li jkunu saru fir-riżoluzzjoni preżenti qabel l-ewwel qari tal-Parlament għall-Baġit 2010;

    28.

    Hu tal-fehma li għandha ssir enfasi akbar fuq il-fatt li jiġu stabbiliti kriterji ta’ kwalità li magħhom għandu jikkonforma t-tagħrif dwar ir-rendiment;

    29.

    Jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat dwar l-azzjonijiet meħuda biex tevalwa u ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja organizzattiva, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqassim tal-funzjonijiet ta’ appoġġ u koordinazzjoni amministrattivi bejn il-livelli ċentrali u operazzjonali fi ħdan il-Kummissjoni;

    30.

    Jenfasizza li għandu jkun hemm konnessjoni aktar ċara bejn l-AARs, l-APS u l-PDB tal-Kummissjoni u li l-allineament bejn l-attivitajiet ta’ tfassil tal-programmi u tal-baġit għandhom jiġu promossi b’perspettiva pluriennali, permezz ta’ konnessjoni bejn l-MFF, il-Pjan Strateġiku tal-Kummissjoni u l-APS;

    31.

    Iqis li dan it-titjib jagħmel l-ABB-ABM strument effettiv bil-ħsieb ta’ baġit b’riżultati u jkattar kultura ta’ responsabilità fi ħdan il-Kummissjoni u fejn kulħadd jirrispondi għal għemilu;

    32.

    Huwa tal-fehma li l-Parlament għandu jirrevedi kif jutilizza t-tagħrif dwar ir-rendiment mid-dokumenti SPP-ABM biex isaħħaħ id-djalogu tiegħu mal-Kummissjoni;

    *

    * *

    33.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    Top