This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0558
Report from the Commission - Annual Report on research and technological development activities of the European Union in 2008 {SEC(2009)1380}
Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008 {SEC(2009)1380}
Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008 {SEC(2009)1380}
/* KUMM/2009/0558 finali */
Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008 {SEC(2009)1380} /* KUMM/2009/0558 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 22.10.2009 KUMM(2009) 558 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2008 {SEC(2009)1380} 1. Daħla Dan ir-Rapport Annwali jkopri l-iżviluppi u l-attivitajiet matul l-2008. Tħejja skont l-Artikolu 173[1] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Ma' dan ir-rapport hemm mehmuż Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi rappurtar u statistika aktar dettaljati. Il-kapitoli ewlenin jittrattaw l-attivitajiet u r-riżultati miksuba fl-2008 u x-xejriet tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku (RTD) fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). 2. Żviluppi ta' politika: Iż-Żona Ewropea Tar-Riċerka (ERA) Ir-riċerka ilha l-qofol tal-istrateġija ta' Liżbona minn meta din ġiet imnedija fl-2000. Il-politika tar-riċerka Komunitarja ssostni l-kompetittività tal-industrija Ewropea u tappoġġa l-iżvilupp ta' politiki Komunitarji oħra, u b'hekk din l-isfera ta' politika hija kruċjali għas-sejbien ta' reazzjonijiet adegwati għall-isfidi li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja. Il-politika tar-riċerka Komunitarja laħqet l-għanijiet ġenerali tagħha, peress li rnexxiela ttemm it-tieni sena ta' implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) b'suċċess u kompliet tagħmel progress li jwassal għal Żona Ewropea tar-Riċerka. L-għanijiet prinċipali tal-politika tar-riċerka Komunitarja jibqgħu l-istinkar għal eċċellenza akbar fir-riċerka u rilevanza soċjoekonomika mtejba permezz ta' ERA li tkun aktar miftuħa u attraenti sabiex isseħħ il-ħames libertà (il-libertà taċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien), permezz ta' twessigħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija (S&T) u permezz tal-formazzjoni ta' relazzjonijiet aktar mill-qrib ma' pajjiżi ġirien. Il-bini ta' relazzjonijiet strateġiċi mal-Istati Membri jibqa' wieħed mill-għodod prinċipali sabiex isir progress lejn l-ilħiq ta' dawn l-għanijiet. In-nuqqas ta' aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistema ta' riċerka fl-Ewropa li tkun fost l-aqwa fid-dinja jkun ta' konsegwenzi serji fuq il-ġenerazzjonijiet futuri u jqiegħed f'riskju l-benessri tagħna. L-istatistika dwar l-investimenti fl-R&D[2] tiżvela nuqqas persistenti bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika fejn l-intensità tal-R&D tal-UE hija staġnata f'livell ta' 1.84 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), ferm inqas mil-livell ta' 2.61 % fl-Istati Uniti tal-Amerika. Iż-żieda kontinwa ta' investiment pubbliku fl-R&D hija b'mod partikolari rilevanti fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, minħabba li jista' jkollha effett antiċikliku fi żmien meta l-baġits tal-R&D jinsabu taħt pressjoni. Fl-istess ħin, dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw li l-investiment privat fl-R&D ma jinqalax 'il barra u li t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni minħabba n-nefqa pubblika fl-R&D jinżamm baxx kemm jista' jkun. Minkejja li huwa diffiċli li wieħed jipprevedi l-impatt tat-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika, ir-riforma strutturali tal-politika tal-R&D tibqa' kruċjali biex ittaffi l-effetti tal-kriżi u biex tikkonsolida l-irkupru. L-R&D kien għalhekk parti essenzjali tal-pakkett għall-irkupru ekonomiku approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008. B'mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet it-tnedija ta' tliet sħubijiet ewlenin bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fis-settur awtomobilistiku (l-'Inizjattiva Ewropea għal karozzi ħodor'), fis-settur tal-kostruzzjoni (l-'Inizjattiva għal Bini Ewropew li juża l-enerġija b'mod effiċjenti'), u sabiex jiżdied l-użu tat-teknoloġija fil-manifattura (l-"Inizjattiva għall-fabbriki tal-futur")[3]. Fit-30 ta' Mejju 2008, il-Kunsill tal-Kompetittività nieda l-proċess ta' Ljubljana, fejn l-għan ewlieni ta' dan il-proċess kien it-titjib tal-governanza tal-politiki tar-riċerka madwar l-UE sabiex isir progress li jwassal għat-twettiq tal-ERA[4]. Dan joħloq qafas għal involviment qawwi min-naħa ta' dawk kollha fil-qasam tar-riċerka involuti fl-implimentazzjoni ta' ħames inizjattivi ta' politika speċifiċi li tnedew fl-2008 (ara t-taqsima 3.1). Fit-2 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Kompetittività adotta viżjoni għall-ERA 2020 fuq terminu ta' żmien twil[5]. Din il-viżjoni, referenza essenzjali għall-identifikazzjoni ta' azzjonijiet futuri, tipproġetta ERA li sal-2020 tkun żviluppata b'mod sħiħ fejn jiġu żgurati kundizzjonijiet attraenti għat-twettiq tar-riċerka u l-investiment f'setturi intensivi tal-R&D fl-Ewropa permezz ta' kompetizzjoni, kooperazzjoni u koordinazzjoni xjentifika mtejba. It-twettiq tal-"ħames libertà", kif ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2008[6], jinsab fil-qofol tal-viżjoni tal-ERA. Il-ħames libertà tipprevedi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa madwar l-Ewropa kollha tar-riċerkaturi, tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġija. It-tneħħija tal-ostakli u l-ħolqien ta' inċentivi ġodda biex jistimolaw din iċ-ċirkolazzjoni huma essenzjali għal dan il-għan, inkluża r-reviżjoni ta' dawk l-aspetti tal-politiki Komunitarji differenti li jaffettwaw ir-riċerka u l-għarfien. 3. Attivitajiet tal-UE Fil-Qasam Tar-Riċerka u l-Iżvilupp Tekonoloġiku 3.1. Kisbiet tal-politika Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2008 nieda t-tieni ċiklu tal-Istrateġija ta' Liżbona riveduta u reġa' afferma r-riċerka u l-iżvilupp bħala waħda mill-erba' prijoritajiet6. Il-progress kontinwu li jwassal għall-ilħiq tal-mira tal-UE tal-intensità tal-R&D u l-ERA ġew identifikati b'mod espliċitu bħala oqsma fejn hija meħtieġa aktar azzjoni. Il-Proċess ta' Ljubljana jipprovdi qafas għat-taqbil ta' impenn politiku ta' livell għoli u tmexxija ġenerali tal-ERA ma' progress konkret permezz ta' azzjonijiet konġunti u sħubijiet sostenibbli bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u dawk li huma involuti b'mod rilevanti fil-qasam tar-riċerka. F'dan il-kuntest, fl-2008 tnedew ħames inizjattivi tal-ERA b'segwitu għad-dibattitu u l-konsultazzjoni bejn il-partijiet interessati dwar il-Green paper tal-ERA tal-2007[7]: - Sabiex jiġi aċċelerat it-twettiq ta' suq tax-xogħol ġenwin għar-riċerkaturi, ġiet adottata Komunikazzjoni dwar "Karrieri Aħjar u aktar Mobbiltà: Sħubija Ewropea għal Riċerkaturi"[8]. Il-proċess li jwassal għall-implimentazzjoni tagħha nbeda. - Sabiex jitjieb l-isfruttar ta' riżultati tar-riċerka ffinanzjati mill-pubbliku, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn (PROs) dwar il-ġestjoni ta' proprjetà intelletwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien [9]. Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat ta' Riċerka Xjentifika u Teknika tal-UE (CREST)[10] u forum għal dan il-għan twaqqfu biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni u l-Kodiċi ta' Prattika. - Ġiet adottata Komunikazzjoni dwar il-programmazzjoni konġunta[11] tal-programmi pubbliċi ta' riċerka. Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Programmazzjoni Konġunta (GPC) ġie stabbilit taħt il-patroċinju tal-Kunsill sabiex jagħżel it-temi. Il-ħidma sabiex tiġi żviluppata inizjattiva komuni fil-qasam tal-mard Newrodeġenerattiv, b'mod partikolari l-marda ta' Alzheimer ("l-inizjattiva għall-marda ta' Alzheimer") baqgħet għaddejja, immexxija mill-Istati Membri. - Il-Kummissjoni adottat proposta għal qafas legali għal Infrastrutturi Ewropej tar-riċerka[12]. L-għan tagħha huwa li tipprovdi qafas legali magħmul preċiżament sabiex jiffaċilita stabbiliment u operazzjoni konġunti ta' infrastrutturi Ewropej tar-riċerka fuq skala kbira. - 'Qafas Strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija' ġie adottat, fejn ġie enfasizzat l-iżvilupp tas-sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u jinħolqu sinerġiji fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-S&T mal-bqija tad-dinja[13]. L-isfidi globali dejjem akbar jirrinforzaw il-ħtieġa għal approċċ ġdid f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija, kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni. F'Ġunju, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jistabbilixxi s-siġġu tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) f'Budapest, inizjattiva li għandha l-għan li jkun hemm integrazzjoni aħjar tat-tliet poli tat-trianglu tal-għarfien dwar ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni. Tmintax-il rappreżentant mis-settur tar-riċerka, l-edukazzjoni għolja u kumpaniji ġew innominati bħala membri tal-Bord Governattiv. L-ewwel Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni (KICs) se jintgħażlu u se jitnedew sal-aħħar tal-2009. Fl-2008, il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs)[14] mexxew l-għan tal-Kummissjoni li timplimenta forom differenti ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fuq skala kbira: dawn taw bidu għal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI), ikkontribwew għal inizjattivi industrijali fil-kuntest tal-Pjan Strateġiku Għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET)[15] u għenu fl-iffurmar tas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u s-settur privat taħt il-pakkett għall-irkupru ekonomiku[16], kif imsemmi hawn fuq. Għadd ta' ETPs marru lil hinn mill-aġendi ta' riċerka tagħhom billi kkontribwew għall-Inizjattiva tas-Swieq Ewlenin[17]. Fl-2008, strumenti eżistenti għall-kooperazzjoni fi ħdan l-FP7 bħall-inizjattivi tal-Artikolu 169 u l-JTIs[18] ġew żviluppati aktar. Il-Kummissjoni adottat proposta għal Programm Ewropew ta’ Riċerka Konġunta dwar il-Metroloġija (EMRP) abbażi tal-Artikolu 169[19], u ntlaħaq ftehim kemm dwar l-inizjattiva Ambient Assisted Living[20] kif ukoll dwar l-inizjattiva EUROSTARS[21]. B'segwitu għall-adozzjoni tar-Regolamenti li jistabbilixxu l-ewwel erba' JTIs[22] fl-2007, fl-2008 l-Kunsill adotta l-ħames Regolament ta' JTI dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu[23]. Il-ħames JTIs kollha bdew l-operazzjonijiet tagħhom fl-2008. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma' dan ir-Rapport Annwali fih it-tagħrif statistiku dwar l-attivitajiet tal-2008 tal-erba' JTIs stabbiliti fl-2007. Dan jikkostitwixxi l-ewwel rappurtar dwar il-progress miksub b'dawn il-JTIs, kif meħtieġ bl-Artikolu 11(1) tar-Regolamenti tal-Kunsill rispettivi. Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Qsim tar-Riskji (RSFF) tipprovdi self għall-investimenti fl-R&D u l-innovazzjoni bl-appoġġ tal-FP7. L-FP7 se jikkontribwixxi sa biljun EUR għal din l-iskema li, flimkien ma' kontribuzzjoni ndaqs mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), se jippermetti li jiġu pprovduti EUR 8-12 biljun f'self. Fl-2008, il-BEI ffirma 16-il operazzjoni ta' self tal-RSFF b'volum ta' EUR 1020 miljun. Mit-tnedija tagħha f'Lulju tal-2007, l-ammont totali tas-self iffirmat taħt l-RSFF laħaq 1480 miljun għall-perjodu 2007-2008. Ta' min wieħed jinnota li f'Diċembru 2008 l-Kunsill approva l-ħolqien fi ħdan il-BEI ta' Faċilità Ewropea għal Trasport Nadif (ECTF) sabiex tappoġġa investimenti li jkollhom fil-mira tagħhom l-R&D u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-effiċjenza fl-enerġija fl-industrija tat-trasport Ewropew. L-ECTF se tammonta għal EUR 4 biljun fis-sena u għandha fil-mira tagħha l-industriji awtomotivi, ferrovjarji, tal-inġenji tal-ajru u tal-bastimenti. Fl-2008, l-istrumenti ta' assoċjazzjoni tal-FP7 ġew iffirmati mal-Bożnja-Ħerzegovina u l-Montenegro. Riċerkaturi minn 39 pajjiż (27 Stat Membru u 12-il Pajjiż Assoċjat) bħalissa jgawdu l-istess drittijiet u obbligi mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġetti ta' riċerka tal-FP7. Barra minn hekk, fl-2008, ġie konkluż il-ftehim ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-S&T li diġà kien applikabbli b'mod provviżorju mal-Eġittu, ġie ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-S&T ma' New Zealand u tnedew in-negozjati ta' ftehim ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-S&T mal-Ġordan (KE). Barra minn hekk, il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni li diġà kienu applikabbli b'mod provviżorju mal-Iżvizzera u l-Iżrael (KE) ġew konklużi u daħlu fis-seħħ. Matul il-Konferenza tal-Pjan-SET14 f'Pariġi, inħolqot l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA). L-Inizjattivi Industrijali Ewropej tal-Pjan SET se jiddefinixxu s-sett ta' pjanijiet għat-teknoloġiji rispettivi tagħhom matul l-2009. L-EERA se tiżgura li l-aġenda ta' riċerka tipprovdi kontinwità u bażi innovattiva u soda għall-inizjattivi. Tliet Komunikazzjonijiet[24] li jindirizzaw il-qasam tal-ICT jipprovdu strateġija komprensiva għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-UE. L-istrateġija tibni fuq is-suċċessi u t-tagħlimiet mill-attivitajiet tal-ICT fil-programm ta' qafas. Il-Komunikazzjonijiet jipproponu azzjonijiet li jgħaqqdu l-ħeġġa tal-provvista u d-domanda għall-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku fil-qasam tal-R&D kif ukoll sħubijiet bejn is-settur pubbliku u s-settur privat sabiex imexxu b'mod notevoli l-iżvilupp tal-Internet tal-Ġejjieni. Jipproponu wkoll azzjonijiet konkreti sabiex titwaqqaf il-frammentazzjoni tar-riċerka fil-qasam tal-ICT u l-isforzi ta' innovazzjoni, sabiex dawn l-isforzi jiġu kkoordinati aħjar u meta meħtieġ ir-riżorsi jinġabru flimkien. Il-Komunikazzjoni 'Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola'[25] tenfasizza għadd ta' inizjattivi ewlenin biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda għall-agrikoltura Ewropea. Fl-2008 ġiet adottata wkoll Komunikazzjoni[26] li tiddeskrivi b'mod ġenerali strateġija Ewropea għar-riċerka tal-baħar u dik marittima. Il-Fondi Strutturali għandhom rwol importanti fl-appoġġ tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' Liżbona. Il-Linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-Politika tal-Koeżjoni jiffokaw dejjem aktar fuq il-prijoritajiet ta' Liżbona li jinkludu r-riċerka. Analiżi tal-programmi operazzjonali approvati[27] kollha turi li kważi 25 % (EUR 86 biljun) tat-total tal-Fondi Strutturali tal-UE għall-2007-2013 huma previsti għall-R&D u l-innovazzjoni[28]. 3.2. Implimentazzjoni tal-Programmi ta' Qafas Is-Seba' Programm Kwadru (FP7), b'baġit totali ta' aktar minn EUR 50 biljun (FP7 tal-Euratom EUR 2.7 biljun għal 5 snin), jikkostitwixxi għodda ewlenija li tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-Ewropa f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi, il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tar-riċerka tal-politiki Komunitarji, u tinbena pożizzjoni ta’ tmexxija fl-ekonomija globali tal-għarfien. L-2008 kienet it-tieni sena ta' implimentazzjoni tal-FP7. Madwar 14000 proposta ntlaqgħu b'risposta għall-55 sejħa għal proposti, b'aktar minn 72000 applikant. Madwar 2500 proposta ġew aċċettati għall-finanzjament. Żewġ aġenziji eżekuttivi ġew stabbiliti taħt l-FP7. L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA)[29] inħolqot sabiex timplimenta l-Programm Speċifiku tal-FP7 "Ideat". L-Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka (REA)[30] se timplimenta partijiet mill-Programmi Speċifiċi tal-FP7 "Kooperazzjoni" (temi dwar l-Ispazju u s-Sigurtà), "Kapaċitajiet" (Riċerka għall-benefiċċju tal-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju) u "Nies" u tipprovdi servizzi ta' appoġġ ġenerali tal-FP7[31] dwar il-proposti li jintlaqgħu/jiġu evalwati, il-ġestjoni tal-ittri tal-ħatra ma' evalwaturi esperti u l-validazzjoni legali u finanzjarja tal-parteċipanti fil-programm ta' qafas. L-għaxar Temi identifikati fil- Programm Kooperazzjoni jirriflettu l-oqsma essenzjali ta' għarfien u teknoloġija li fihom l-eċċellenza fir-riċerka hija partikolarment importanti sabiex tittejjeb il-ħila tal-Ewropa li tindirizza l-isfidi tal-ġejjieni. B'kollox, tressqu 4619 proposta fl-2008 u 787 ġew aċċettati għall-finanzjament, b'hekk it-total tal-kontribuzzjoni Komunitarja li ntalab kien ta' aktar minn EUR 2.8 biljun. Saru sforzi sabiex jiżdiedu l-attivitajiet transtematiċi u l-kooperazzjonijiet mal-pajjiżi terzi permezz tat-tnedija ta' sejħiet konġunti jew ikkoordinati. Fil- Programm Ideat , l-ewwel sejħa għal "Għotjiet tal-KER għal Riċerkaturi Avanzati" ġiet ippubblikata fl-2008. Intlaqgħu aktar minn 2000 proposta għal din is-sejħa u ntgħażlu 275, b'hekk it-total tal-kontribuzzjoni Komunitarja li ntalab kien ta' madwar EUR 589 miljun. Il- Programm Nies jappoġġa firxa wiesgħa ta' azzjonijiet sabiex irawmu t-taħriġ u n-netwerking fost ir-riċerkaturi, l-iżvilupp tal-karrieri, it-tagħlim tul il-ħajja u s-sħubija bejn l-industrija u l-akkademja. Fl-2008, tressqu 4563 proposta u madwar 1200 ġew aċċettati. Il- Programm Kapaċitajiet għandu l-għan li jiżviluppa l-aqwa riżorsi u kundizzjonijiet possibbli għall-komunità Ewropea tar-riċerka. B'kollox. tressqu 1659 proposta għall-attivitajiet differenti tal-programm, u 281 ġew aċċettati, b'hekk it-total tal-kontribuzzjoni Komunitarja li ntalab kien ta' madwar EUR 782 miljun. Fir-rigward tal-FP7 tal- Euratom , tressqu 38 proposta dwar il-fissjoni nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni u 18 minnhom kienu aċċettati għall-finanzjament, b'hekk it-total tal-kontribuzzjoni Komunitarja li ntalab kien ta' madwar EUR 52 miljun. Matul l-2008, iċ- Ċentru Konġunt tar-Riċerka kompla bl-attivitajiet tar-riċerka tiegħu skont il-programmi speċifiċi tiegħu, u b'hekk ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet diretti tal-FP7 b'appoġġ għal dawk li jfasslu l-politika Ewropea. Tul l-2008, ġew riveduti l-linji gwida dwar il-proċedura ta' rimedju. Ir-Regoli għat-tressiq tal-proposti, u l-proċeduri tal-evalwazzjoni, l-għażla u l-għotja ġew riveduti wkoll b'rabta mal-proċeduri tal-analiżi etika[32], l-immaniġġjar tal-azzjonijiet tal-RTD sensittivi mil-lat ta' sigurtà u l-punti li jingħataw fl-evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-programmi ta' ħidma[33] għall-Programmi Speċifiċi tal-FP7 kollha ġew aġġornati fl-2008. Il-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet interistituzzjonali mal-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll il-CREST, ġiet żgurata. Tul l-2008, sar bosta titjib fl-infrastruttura ta' appoġġ tal-FP7. Dan jinkludi l-ewwel sena sħiħa ta' operazzjoni tal-faċilità ċentrali ta' evalwazzjoni u t-tnedija tal-Faċilità Unika għar-Reġistrazzjoni (URF). Il-ħidma ilha għaddejja wkoll fuq l-iżvilupp tal-kriterji tal-aċċettazzjoni li skonthom il-benefiċjarji tal-FP7 jistgħu jiċċarġjaw il-kostijiet tal-persunal abbażi tal-medja tal-kalkoli tal-kostijiet tal-persunal. Saret ukoll ħidma ta' tħejjija fuq ir-reviżjoni tar-rata fissa ta' 60 % għall-kostijiet indiretti. Il-livell għoli tal-użu tas-Servizz Komunitarju ta’ Tagħrif dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp CORDIS (16.4 miljun żjara)[34] kif ukoll il-livell għoli tad-disponibbiltà tiegħu (97.8 %) ġew ikkonfermati tul l-2008. Is-sejħiet għal proposti tal-FP7 kollha ġew ippubblikati fil-ħin. L-istħarriġ tal-2008 dwar is-sodisfazzjon tal-utenti wera livell għoli ta' sodisfazzjoni, b'mod partikolari l-CORDIS News, il-paġni tal-FP7 u s-servizzi ta' notifika permezz tal-posta elettronika. L-għadd ta' abbonamenti mar- research*eu supplements[35] irdoppja matul l-2008, u dan juri l-interess tal-utenti f'din il-pubblikazzjoni. 4. Żviluppi fl-Istati Membri u l-applikazzjoni tal-M ETODU MIFTUħ TA’ KOORDINAZZJONI 4.1. Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni b’appoġġ għall-ksib tal-għan ta' 3% Fil-pjan ta' azzjoni ta' 3%[36], il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) ġie identifikat bħala għodda importanti biex tgħin fiż-żieda tal-intensità tal-R&D tal-UE sabiex nersqu qrib 3% tal-PDG sal-2010. Il-MMK dejjem opera f'ċikli annwali. Il-CREST nieda r-raba' ċiklu f'Diċembru 2007 li stabbilixxa l-Gruppi ta' Ħidma tal-CREST fuq l-universitajiet, iċ-ċentri ta' kompetenza mmexxija mill-industrija, l-internalizzazzjoni tal-R&D u l-analiżi minn pari ta' taħlita ta' politiki għall-Awstrija u l-Bulgarija[37]. Il-CREST iwettaq ukoll eżerċizzju annwali ta' tagħlim reċiproku abbażi tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona riveduta. L-eżerċizzju tal-2008 ffoka fuq il-progress li sar fil-miri tal-investiment nazzjonali u l-kontribuzzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-R&D fit-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. L-iskema OMC-NET[38] ġiet żviluppata sabiex tappoġġa t-tagħlim reċiproku u l-attivitajiet tal-koordinazzjoni tal-politiki li jitwettqu minn gruppi aktar limitati ta' Stati Membri u/jew tar-reġjuni tagħhom dwar il-kwistjonijiet ta' politika fl-interess speċifiku tagħhom. B'riżultat ta' sejħa mnedija f'Settembru 2007, fl-2008 ntgħażlu seba' proġetti għall-finanzjamant. Fl-isfera partikolari tar-riċerka agrikola, il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (SCAR) għandu rwol importanti fit-tħaffif tal-koordinazzjoni tar-riċerka agrikola madwar l-Ewropa b'kollaborazzjoni mill-qrib man-netwerk tar-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar il-Bijoekonomija Bbażata fuq l-Għarfien. 4.2. Xejriet fl-investiment pubbliku u privat fir-riċerka Intensità tal-R&D L-intensità tal-R&D tal-UE-27 imkejla bħala Nfiq Gross fir-Riċerka u l-Iżvilupp (GERD) bħala perċentwali tal-PDG kienet ta' 1.83% fl-2007. Għalkemm in-nefqa reali fl-R&D żdiedet b'19.6% tul l-istess perjodu, l-intensità tal-R&D staġnat minħabba żieda korrispondenti fil-PDG. L-istabbiltà tal-intensità tal-R&D fil-livell globali tal-UE taħbi l-fatt li l-livell tal-iżvilupp fl-Istati Membri jvarja ħafna bejniethom. B'mod partikolari, l-intensità tal-R&D żdiedet fi 17-il Stat Membru tul il-perjodu 2000-2007. Min-naħa l-oħra, l-għaxar Stati Membri l-oħra (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, Franza, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit – li flimkien jirrappreżentaw madwar 47.1 % tal-PDG tal-UE-27) raw l-intensitajiet tal-R&D tagħhom jonqsu tul il-perjodu 2000-2007. Żidiet konsiderevoli fl-intensità tal-R&D seħħew l-aktar fil-pajjiżi b'intensità baxxa ta' R&D, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija, u dan juri li t-tkabbir fl-intensità tal-R&D seħħ l-aktar bħala proċess sabiex ċertu pajjiżi jlaħħqu ma' pajjiżi oħra. Mill-2005, kull Stat Membru (għajr il-Bulgarija) stabbilixxa mira nazzjonali għall-intensità tal-R&D. Dawn il-miri nazzjonali jista' jkun li jvarjaw mill-mira globali ta' 3% tal-mira tal-UE, skont is-sitwazzjoni partikolari ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-infiq fl-R&D. Il-Figura Nru 1 turi l-progress li sar minn kull Stat Membru sabiex jilħaq il-mira tal-intensità tal-R&D tagħha (griż) u l-progress li għad irid isir (blu), u dan juri li bosta Stati Membri (u l-UE-27 kollha) jonqoshom sforz konsiderevoli sabiex jibdew joqorbu lejn l-ilħiq tal-miri rispettivi tagħhom. Xejriet fil-finanzjament tal-R&D[39] L-R&D iffinanzjat mill-gvern bħala perċentwal tal-PDG fl-UE-27 kien ta' 0.63 % fl-2005, meta mqabbel ma' 0.64% fl-2000. Meta ma' din iċ-ċifra nżidu l-fondi Komunitarji u d-dħul predeterminat mit-taxxa, il-finanzjament tal-R&D min-naħa tal-gvernijiet joqrob aktar il-livell milħuq mill-Istati Uniti. F'dak li għandu x'jaqsam mal-intensità tal-R&D, il-qagħda fil-livell tal-Istati Membri hija aktar dinamika. Erbatax-il Stat Membru żiedu l-appoġġ tal-gvernijiet għall-R&D tul il-perjodu 2000-2007. Min-naħa l-oħra, ġie osservat nuqqas żgħir fil-Ġermanja u Franza, u żieda limitata ġiet osservata fir-Renju Unit u l-Italja. Il-fatt li sehem kbir ħafna tal-baġit totali tal-gvernijiet għall-R&D fl-UE-27 ġej mingħand dawn l-erbgħa Stati Membri jispjega l-istaġnar osservat fil-livell tal-UE. L-R&D iffinanzjat mis-settur tan-negozju huwa f'livell ta' 1.00 % tal-PDG fl-UE-27, filwaqt li huwa ogħla b'mod konsiderevoli fl-Istati Uniti (1.69 % tal-PDG) u ogħla aktar mid-doppju fil-Korea t'Isfel (2.43 % tal-PDG) u fil-Ġappun (2.62 %). Ta' min wieħed jinnota li l-finanzjament privat tal-R&D żdied b'mod sostanzjali fil-Ġappun u fil-Korea t'Isfel bejn l-2000 u l-2006, iżda tul l-istess perjodu dan naqas fl-Istati Uniti. F'dak li għandu x'jaqsam mal-intensità tal-R&D, żidiet fil-finanzjament tal-R&D għall-impriżi tan-negozju bażikamant ġew relatati mal-proċess tal-ilħiq tal-Istati Membri li jibdew minn livell baxx. Dan ma kienx biżżejjed sabiex jiżdied il-finanzjament globali mis-settur privat tal-UE. [pic] | Sors : Id-DĠ tar-Riċerka Dejta: Il-Eurostat, l-Istati Membri Noti: (1) IT: 2006; EE, IE, AT, FI: 2008. (2) IT: 2000-2006; EE, IE, AT, FI: 2000-2008; EL: 2001-2007; FR, HU, MT: 2004-2007; SE : 2005-2007. (3) IT: 2006-2010; UK : 2007-2014; FR: 2007-2012; EL: 2007-2015; EE, IE, AT: 2008-2010; FI: 2008-2011. (4) IE: Il-mira tal-intensità tal-R&D għall-2010 ġiet stmata mid-DĠ tar-Riċerka. (5) BG ma ffissatx mira tal-intensità tal-R&D. Il-Figura Nru 1 : intensità tal-R&D - progress li sar sabiex jintlaħqu l-miri tal-2010 (f'punti perċentwali); fil-parentesi : l-intensità tal-R&D, 2007 (1) 4.3. Xejriet fil-politiki tar-riċerka Fl-2008, il-politiki nazzjonali għall-R&D evolvew f'taħlitiet ta' politiki aktar kumplessi u koerenti, fejn bosta Stati Membri ffokaw fuq l-implimentazzjoni ta' strateġiji u xi oħrajn fuq l-iżvilupp ta' strateġiji ġodda. It-twessigħ tal-ambitu tal-istrateġiji u t-tibdil tal-oqfsa istituzzjonali għat-tfassil tal-politika tal-R&D huma xejriet konsistenti. B'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-Istati Membri implimentaw pakketti ta' rkupru ekonomiku, li fihom ħafna Stati Membri taw importnaza kbira lill-R&D, għalkemm fi ftit minn dawk il-pajjiżi li nltlaqtu l-aktar ħażin, il-baġits pubbliċi huma mistennija jonqsu b'mod sinifikanti u l-baġits privati qegħdin taħt pressjoni. Biex itaffu l-effett għas-settur privat, bosta Stati Membri għażlu li jsaħħu l-inċentivi tat-taxxa eżistenti. Kważi l-Istati Membri kollha ffokaw fuq l-iżvilupp ta' setturi teknoloġiċi ħafna fl-ekonomija tagħhom. F'bosta Stati Membri, ġew identifikati sferi xjentifiċi ta' importanza strateġika jew setturi industrijali fejn l-appoġġ għandu jiġi kkonċentrat. Din il-konċentrazzjoni tista' ssegwi rotot varji: programmi tematiċi ta' riċerka kollaborattiva, inizjattivi ta' raggruppament, istituti tematiċi għal dawn l-għanijiet jew appoġġ għall-Kumpaniji Bbażati fuq Teknoloġiji Ġodda (NTBF). Approċċ ġdid li qed jaqbad sew huwa dak fejn il-konċentrazzjoni tar-riżorsi tkun ibbażata fuq sfidi tas-soċjetà minflok fuq sferi ta' riċerka jew setturi industrijali. Iż-żieda fil-kwalità u l-effiċjenza tal-bażi tar-riċerka pubblika tibqa' aspett essenzjali tar-riforma tal-politika tal-R&D f'bosta Stati Membri. F'dan il-kuntest, ir-ristrutturar istituzzjonali tal-bażi tar-riċerka pubblika huwa proċess kontinwu, li ġeneralment jitmexxa mill-ħtieġa li jiġi assigurat li r-riċerka pubblika tkun tista' tilħaq l-ogħla standards fl-iskala globali. Huwa importanti li dawk li jfasslu l-politika nazzjonali jqisu b'mod espliċitu l-perspettiva Ewropea fil-politiki nazzjonali tagħhom sabiex ikabbru kemm jista' jkun il-benefiċċji mis-sinerġiji u l-effetti sekondarji. L-istrumenti offruti bil-Programm ta' Qafas jibqgħu l-għodod ewlenin użati għall-iżgurar tal-koordinazzjoni bejn il-programmi nazzjonali tar-riċerka. Il-progress fil-ftuħ tal-programmi nazzjonali tar-riċerka għadu limitat, għalkemm hemm għadd ta' eżempji fejn l-Istati Membri qegħdin jirrinforzaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-livell bilaterali. Bosta Stati Membri f'dawn l-aħħar snin bdew l-iżvilupp ta' skemi sabiex jattiraw l-aqwa riċerkaturi minn barra 'l Ewropa, bħala mod addizzjonali li jsaħħaħ is-sistemi nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri kollha qegħdin isegwu u jipparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka u f'uħud mill-każijiet qegħdin jikkomplementawhom b'ħidma fl-iżvilupp ta' sett ta' pjanijiet nazzjonali jew billi jirriservaw finanzjament nazzjonali għall-parteċipazzjoni fil-proġetti tal-ESFRI. 5. Prospetti għall-Ġejjieni Il-kisbiet kollha elenkati hawn fuq wittew it-triq għall-2009, it-tielet sena ta' implimentazzjoni tal-FP7 u sena ta' aktar żviluppi għall-ERA. Wara t-tnedija tagħhom fl-2008, il-fokus għall-2009 se jkun fuq l-implimentazzjoni tal-ħames inizjattivi Komunitarji tal-ERA u t-teħid ta' aktar passi li jwasslu għat-twettiq tal-viżjoni għall-ERA 2020. L-evalwazzjoni ex-post tal-FP6, ir-Rapport dwar il-Progress tal-FP7 u l-analiżi tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) jirrappreżentaw l-ilħiq ta' miri importanti li jwasslu għall-evalwazzjoni interim tal-FP7 u l-analiżi tal-qafas finanzjarju tal-Unjoni Ewropea. 6. Sorsi għal aktar tagħrif Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż ma' dan ir-Rapport hemm inklużi aktar dettalji. Għal aktar tagħrif, dawn li ġejjin huma disponibbli għall-pubbliku: Ir-Rapporti tal-Monitoraġġ Annwali għall-Programm ta' Qafas u l-Programmi Speċifiċi tiegħu; Rapporti ta' valutazzjoni fuq ħames snin; Rapporti regolari dwar Ċifri Ewlenin fil-qasam tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività, li jqisu l-prestazzjoni tal-Ewropa fil-qasam tar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-kompetittività u li jipprovdu tagħrif dwar il-progress li jwassal għat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; Statistika dwar ix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa (Eurostat); Studji u analiżi ppubblikati b'rabta mal-attivitajiet ta' riċerka u l-politiki Komunitarji; Il-gwida prattika għall-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni[40]. Ħafna minn dawn id-dokumenti jistgħu jinkisbu jew jiġu ordnati mis-siti tal-internet li ġejjin: Is-sit EUROPA: http://europa.eu/index_mt.htm; Is-sit CORDIS: http://cordis.europa.eu; Is-sit tal-internet dwar ir-Riċerka tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/research; Il-sit tal-internet tal-ERA: http://ec.europa.eu/research/era; Is-sit tal-internet Investing in European Research: http://ec.europa.eu/invest-in-research; Il-sit tal-internet ERAWATCH: http://cordis.europa.eu/erawatch; Is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka: http://ec.europa.eu/dgs/research/index_en.html; Is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Soċjetà tal-Informazzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/information_society/index_en.html; Is-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Intrapriża: http://ec.europa.eu/dgs/enterprise/index_en.html; Is-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Trasport u l-Enerġija: http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/index_en.html; Is-sit tal-internet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka: http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm; Is-sit tal-internet tal-Eurostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu [1] “Fil-bidu ta' kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku u t-tixrid tar-riżultati tul is-sena ta' qabel, u l-programm ta' ħidma għas-sena attwali.” [2] Ara http://ec.europa.eu/research/era/pdf/key-figures-report2008-2009_en.pdf [3] COM(2008) 800 [4] Ara d-dokument 10231/08 [5] Ara d-dokument 16767/08 [6] Ara d-dokument 7652/1/08 [7] COM(2007) 161 [8] COM(2008) 317 [9] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1329 [10] Ara http://www.consilium.europa.eu/crest [11] COM(2008) 468 [12] COM(2008) 467 [13] COM(2008) 588 [14] Ara http://cordis.europa.eu/technology-platforms/. [15] COM(2007) 723 [16] COM(2008) 800 [17] Ara http://ec.europa.eu/enterprise/leadmarket/leadmarket.htm. [18] JTIs huma sħubijiet bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fil-qasam tar-riċerka industrijali fil-livell Ewropew stabbiliti taħt l-Artikolu 171 tat-Trattat. [19] COM(2008) 814 [20] ĠU L 201, 30.7.2008, p. 49. [21] ĠU L 201, 30.7.2008, p. 58. [22] L-ewwel erba' JTIs huma: Mediċini Innovattivi (ir-Regolament tal-Kunsill 2008/73/KE, http://imi.europa.eu ), Clean Sky (ir-Regolament tal-Kunsill 2008/71/KE, http://www.cleansky.eu), ARTEMIS (Ir-Regolament tal-Kunsill 2008/74/KE, http://www.artemis-ju.eu) u ENIAC (Ir-Regolament tal-Kunsill 2008/72/KE, www.eniac.eu). [23] Ir-Regolament tal-Kunsill 2008/521/KE tat-30 ta' Mejju 2008, http://ec.europa.eu/research/fch [24] COM(2009) 116; COM(2009) 184; COM(2009) 108 [25] COM(2008) 862 [26] COM(2008) 534 [27] Programm Operattiv (OP) jippreżenta l-prijoritajiet tal-Istat Membru (u/jew tar-reġjuni) li jibbenefika/w mill-fondi [28] Ara http://ec.europa.eu/regional_policy/atlas2007/index_mt.htm [29] Ara http://erc.europa.eu [30] Ara http://ec.europa.eu/research/rea [31] Bl-eċċezzjoni tal-Programm Speċifiku Ideat u l-Euratom [32] Ara ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/docs/fp7-evrules_en.pdf [33] Ara http://cordis.europa.eu/fp7/find-doc_en.html#workprogrammes [34] http://cordis.europa.eu [35] http://ec.europa.eu/research/research-eu/index_en.html [36] COM(2003) 226 [37] Ara http://ec.europa.eu/invest-in-research/coordination/coordination01_en.htm [38] Ara http://ec.europa.eu/invest-in-research/coordination/coordination02_en.htm [39] L-R&D huwa ffinanzjat minn erba' sorsi: in-negozji nazzjonali, il-gvernijiet nazzjonali, u sorsi oħra nazzjonali jew barra 'l pajjiż. [40] Ara http://cordis.europa.eu/eu-funding-guide/home_en.html