Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0162

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea {SEG(2009) 453} {SEG(2009) 454}

/* KUMM/2009/0162 finali */

52009DC0162

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea {SEG(2009) 453} {SEG(2009) 454} /* KUMM/2009/0162 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 8.4.2009

KUMM(2009)162 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakulturaSpinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea

{SEG(2009) 453}{SEG(2009) 454}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakulturaSpinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea

INTRODUZZJONI

L-akkwakultura moderna tirrappreżenta innovazzjoni prinċipali fil-produzzjoni tal-ħut u tal-ikel akkwatiku u kienet is-settur ta' produzzjoni tal-ikel bl-ogħla rata ta' tkabbir b'medja ta' tkabbir dinji ta' 6-8% fis-sena. Bi produzzjoni globali ta' kważi 52 miljun tunnellata fl-2006, l-akkwakultura dinjija kibret b'terz mill-bidu tal-millenju, xprunata minn tkabbir spettakulari fl-Ażja u l-Amerika ta' Isfel. Hi diġà tipprovdi madwar nofs il-provvista ta' ħut fid-dinja għall-konsum uman u għandha potenzjal sinifikanti għal aktar tkabbir[1]. Dan jagħmilha parti prinċipali mis-soluzzjoni biex tintlaħaq id-domanda futura għall-ħut. Iżda l-iżvilupp tal-akkwakultura ma għandux inaqqas il-ħtieġa li jitnaqqas u eventwalment jiġi eliminat is-sajd żejjed ta' stokkijiet selvaġġi biex jintlaħaq l-isfruttar sostenibbli tal-oċeani. Għalhekk, l-akkwakultura tipprovdi opportunitajiet kbar ħafna u tqajjem sfidi konsiderevoli, partikolarment fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali tal-produzzjoni kif ukoll tal-kwalità u tas-sikurezza tal-prodotti. L-akkwakultura hija attività ekonomika importanti fi wħud miż-żoni kostali u kontinentali tal-UE. Hija tkopri ħut tal-pinen tal-ilma ħelu u tal-baħar kif ukoll frott tal-baħar imrobbi f'tipi varji ta' sistemi ta' akkwakultura: magħluqa jew miftuħa, estensivi jew intensivi, fuq l-art, fil-lagi, fl-għadajjar – mitmugħa mill-ixmajjar jew anke mill-ilma tal-art – qrib ix-xatt jew 'il barra mix-xatt. Diversi politiki tal-Komunità jħallu impatt fuq din l-attività, u l-politika strutturali ta' appoġġ tal-Politika Komuni tas-Sajd ikkontribwiet sinifikament għall-evoluzzjoni ta' din l-industrja fl-Ewropa. Minn attività artiġjanali u fuq skala żgħira, l-akkwakultura saret industrija b'teknoloġija għolja b'kumpaniji kompletament integrati. L-industrija tal-akkwakultura tal-UE-27 ipproduċiet madwar 1.3 miljun tunnellata ta' ħut, frott tal-baħar u krustacji fl-2006, li jirrapreżentaw dħul ta' madwar EUR 3 biljun u jiġġeneraw madwar 65,000 impjieg. Id-domanda attwali għall-konsum fl-UE tlaħħaq għal madwar 12-il miljun tunnellata.

L-istrateġija tal-UE għall-akkwakultura sostenibbli[2] adottata fl-2002, stabbiliet direzzjonijiet ta' politika li jippromwovu t-tkabbir tal-akkwakultura. Wara seba' snin, sar progress sinifikanti lejn is-sostenibbiltà ambjentali, is-sikurezza u l-kwalità tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE[3]. Madankollu, matul l-istess perjodu l-produzzjoni sħiħa tal-akkwakultura fl-UE staġnat, b'kuntrast kbir mar-rata ta' tkabbir għolja fil-bqija tad-dinja.

Fl-isfond ta' teknoloġiji li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla ħafna u sfidi persistenti kemm ekonimiċi kif ukoll ambjentali huwa ż-żmien li jittieħed kont tas-saħħa u d-dgħufija tas-settur tal-akkwakultura tal-UE. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tidentifika u tindirizza l-kawża ta' dan l-istaġnar, bl-intenzjoni li jiġi żgurat li l-UE tibqa' protagonista ewlenija f'dan is-settur strateġiku. Dan għandu jibni fuq il-kisbiet tal-istrateġija tal-akkwakultura tal-2002 u fuq l-ispinta għal attivitajiet tal-baħar ipprovduti mill-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea.

VIżJONI GħALL-FUTUR TAL-AKKWAKULTURA FL-UE

L-Isfidi ul-prospettiva attwali

L-UE tirrappreżenta waħda mill-akbar swieq tal-ikel akkwatiku fid-dinja, u tiddependi dejjem aktar fuq l-importazzjoni sabiex tkopri d-domanda li dejjem tikber. Hi tgawdi minn settur ta' riċerka u teknoloġija dinamiku u mill-aktar avvanzat, tagħmir u għalf tal-ħut avvanzat, imprendituri kwalifikati u mħarrġa u impriżi innovattivi, kif ukoll minn ambjent solidu u qafas legali għall-protezzjoni tas-saħħa. Madankollu l-isfidi għall-akkwakultura fl-UE huma numerużi: eż. aċċess limitat għall-ispazju u l-liċenżjar; frammentazzjoni fl-industrija; aċċess limitat għal kapital tal-bidu jew djun għall-innovazzjoni f'kuntest riskjuż (partikolarment bit-tibdil kontinwu fis-sitwazzjoni ekonomika u fix-xejriet kummerċjali); pressjoni mill-importazzjoni; insuffiċjenza tal-mediċini u tal-vaċċini. Barra minn hekk, ir-regoli stretti tal-UE, partikolarment dwar il-protezzjoni ambjentali, jiġġeneraw restrizzjonijiet kompetittivi vis-à-vis kompetitutri fl-Ażja u fl-Amerika Latina.

L-UE għandha tinvesti fis-suq globali, billi tbiegħ it-teknoloġiji u l-għarfien tagħha sabiex dan jgħin ħalli jiġu indirizzati l-isfidi ta' sostenibbiltà u ta' sikurezza.

L-industrija tal-akkwakultura hija relativament mhux magħrufa mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-investituri. Hi tħabbat wiċċha mal-isfidi ta' soċjetà li qegħda dejjem tevolvi u li qed tikkompeti għall-ispazju u li hija dejjem aktar imħassba dwar is-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ta' trobbija.

Il-bini tal-futur tal-industrija tal-akkwakultura fl-UE

L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti tipprevedi li l-konsum tal-frott tal-baħar fid-dinja se jkompli jikber. Din id-domanda ma tistax tintlaħaq kompletament mill-ħut li jgħix fil-baħar. Anke jekk l-istokkijiet selvaġġi jirkupraw sal-livelli ta' l-Ogħla Rendiment Sostenibbli (Maximum Sustainable Yield), id-domanda li qed tikber rapidament xorta tkun trid tintlaħaq mill-produzzjoni tal-akkwakultura. L-UE trid tilqa' dawn l-isfidi u tipprepara għal din id-domanda li qegħda dejjem tikber sabiex tissodisfa d-domanda tal-konsumatur.

L-industrija tal-akkwakultura tal-UE tal-futur għandha tkun fuq quddiem fl-iżvilupp tas-sostenibbiltà. Għandhom jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li l-industrija tagħna tista' tieħu rwol ta' tmexxija fir-"revoluzzjoni l-blu", kemm jekk din hija dwar il-produzzjoni tal-ikel akkwatiku nnifsu, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll jekk hi dwar l-istabbiliment ta' standards u ta' proċessi ta' ċertifikazzjoni fuq il-livell tal-UE u internazzjonali. Sabiex jintlaħaq dan l-iskop, l-għan ta' din il-Kummissjoni huwa li jgħin sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal industrija tal-akkwakultura li tirnexxi u li tkun sostenibbli u li tista' tikkompeti b'suċċess fis-suq. L-industrija għandha tkun kapaċi tkopri l-katina tal-provvista kollha inkuż il-prodotti ta' valur għoli u innovativi, li jilħqu l-bżonnijiet tal-konsumaturi tal-UE u ta' barra l-UE, u l-produzzjoni ta' tagħmir ta' standard għoli għan-negozji tal-akkwakultura.

Il-produzzjoni ta' ikel u tagħmir għall-akkwakultura għandha tiġi sostnuta mir-riċerka u t-teknoloġija l-aktar avvanzata. L-UE għandha żżomm il-qawwa ta riċerka u teknoloġija b'saħħitha sabiex tibqa' fuq quddiem f'din iż-żona strateġika u ttejjeb il-kompetittività tas-settur tal-akkwakultura billi tinkoraġixxi l-iżvilupp kontinwu u l-użu ta' tekniki innovattivi ta' teknoloġiji u ta' ġestjoni. Ir-riċerka u t-teknoloġija avvanzata għandhom jgħinu wkoll sabiex l-industrija tal-akkwakultura tkun ambjentalment sostenibbli. Dan jippermetti lil għadd ta' negozji tal-akkwakultura tal-UE u tal-industrija li tipprovdi t-teknoloġija assoċjata magħhom sabiex jinvestu barra mill-UE.

Il-kundizzjonijiet tas-suq għandhom jinfluwixxu fuq il-mod kif l-indusrija tikkontribwixxi lejn il-provvista ta' prodotti tal-ikel akkwatiku li huma tajbin għas-saħħa u sikuri filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni. Il-produtturi fl-UE għandhom ipoġġu l-prodotti fis-suq bħala prodotti b'valur għoli minħabba r-rendiment ambjentali tagħhom, l-istandards għoljin ta' saħħa u traċċabbiltà, u jiżviluppaw aktar is-swieq fl-UE u barra l-UE. F'dan ir-rigward, skemi volontarji ta' tikkettar u ċertifikazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tad-WTO jistgħu jsaħħu l-kunfidenza tal-konsumatur u jtejbu l-pożizzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura li jilħqu l-istandards rigorużi ta' kwalità.

Bl-għajnuna tar-riċerka u t-teknoloġija avvanzata, l-akkwakultura għandha tkun industrija li hi kompattibli mal-ambjent. Is-sostenibbiltà ambjentali hija neċessità u l-konsumaturi jridu jkunu dejjem aktar ċerti li l-prodotti tal-akkwakultura huma prodotti u trasportati waqt li jittieħed kont tal-istandard għoli tar-rekwiżiti ambjentali. L-applikazzjoni ta' standards għoljin għandu eventwalment itejjeb ukoll id-dehra tal-industrija tal-akkwakultura u jiffaċilita l-aċċess tagħha għas-swieq.

L-għadd ta' sfidi importanti li jillimitaw l-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea direttament jiddependi mill-politiki u l-azzjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali jew reġjonali. Għalhekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu qafas xieraq biex din il-viżjoni ssir konkreta, u għandhom jikkontribwixxu għat-tneħħija ta' punti ta' konġestjoni fil-legiżlazzjoni nazzjonali. Dan il-qafas għandu jkun prevedibbli, konsistenti u effikaċi mil-lat ekonomiku sabiex l-industrija tkun tista' tirrealizza l-potenzjal tagħha.

Għalhekk, din l-Istrateġija tista' trendi l-viżjoni u l-għanijiet tagħha biss jekk dawn ikunu sostnuti kompletament minn kulħadd, u msaħħa aktar u mxandra mill-awtoritajiet pubbliċi fuq livell nazzjonali u reġjonali.

PROMOZZJONI TAL-KOMPETITTIVITÀ TAL-PRODUZZJONI TAL-AKKWAKULTURA TAL-UE

Sabiex tintlaħaq din il-viżjoni għall-akkwakultura Ewropea, l-UE għandha tippromwovi industrija tal-akkwakultura kompetittiva u varja (inklużi l-fornituri tat-tagħmir u tat-teknoloġija), sostnuta mir-riċerka u t-teknoloġija l-aktar avvanzati, li tkopri l-katina ta' provvisti kollha u tissodisfa d-domanda tal-konsumaturi b'mod sostenibbli. Il-ħtiġijiet ta' prijorità għall-iżvilupp tal-akkwakultura sostenibbli jkunu valutati wkoll fil-kuntest tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd u tal-qafas finanzjarju tal-futur tagħha. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni għandha tikkonsidra b'mod partikolari l-istabbiliment ta' possibbiltajiet ta' forniment ta' fondi għall-miżuri li jmorru lil hinn mid-dimensjoni nazzjonali.

L-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija

L-UE kienet kontributur ewlieni għall-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija fl-akkwakultura. Taħt is-6 Program ta' Qafas għar-Riċerka, EUR 98 miljun ġew allokati għall-proġetti ta' riċerka tal-akkwakultura, fosthom EUR 32 miljun għall-SMEs. Huwa essenzjali li appoġġ bħal dan ikompli u jiġi msaħħaħ.

L-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura għandu jkun sostnut minn livell ta' eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-mexxejja fl-industrija reċentement varaw inizjattiva mmirata lejn l-istabbiliment ta' Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akwakultura Ewropea (European Aquaculture Technology and Innovation Platform – EATIP), sabiex din ikollha s-setgħa li żżomm il-pożizzjoni tagħhom ta' tmexxija dinjija, u sabiex tipprovdi viżjoni strateġika u tiddefinixxi l-prijoritajiet għas-settur tal-akkwakultura Ewropea fejn għandu x'jaqsam l-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija. L-innovazzjonijiet teknoloġiċi fis-sistemi ta' trobbija rriżultaw mezzi effiċjenti għall-industrija tal-akkwakultura sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tagħhom.

Huwa essenzjali li jiġi sostnut dejjem aktar livell ta' eċċellenza fl-iżvilupp tar-riċerka u teknoloġiku fl-akkwakultura, sabiex jiġu promossi inizjattivi privati f'din iż-żona u jiġu mwessa' l-opportunitajiet għall-finanzjament tagħha. Riċerka bil-fondi pubbliċi jistgħu iservu ta' lieva għal R&D privat u għandha tikkonċentra fuq il-prijoritajiet, speċjalment dawk li ma jistgħux ikunu sostnuti kompletament mill-SMEs jew b'riskji għoljin għall-investimenti. F'dan il-kuntest, għandhom jinstabu sinerġiji ma' attivatijiet marittimi (eż. akkwakultura 'l barra mix-xatt).

Il-Kummissjoni

- Se ssegwi l-isforzi fl-R&D tal-akkwakultura, u tallokka baġit tal-UE suffiċjenti għal proġetti tal-akkwakultura sabiex tiżviluppa aktar il-bażi tal-għarfien għall-prattiki ta' akkwakultura sostenibbli u kompetittiva. Il-Kummissjoni għandha wkoll tfittex l-użu aktar effiċjenti ta' strumenti eżistenti fuq livell Ewropew. B'mod parallel, l-Istati Membri u l-industrija huma mistiedna sabiex iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka fl-akkwakultura fil-kuntest taż-Żona ta' Riċerka Ewropea;

- Għandha tippromwovi l-aħjar użu u l-iżvilupp tal-infrastrutturi ewlenin tar-riċerka u ssaħħaħ in-netwerks u l-integrazzjoni f'netwerks xjentifiċi usa' sabiex tindirizza sfidi globali bħall-adattament għat-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-Politika Marittima ġdida u l-aġenda ta' riċerka strateġika[4];

- Tistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ta' forom estensivi u tradizzjonali ta' akkwakultura u jikkunsidraw possibbiltajiet sabiex jiżviluppaw il-produzzjoni f'siti u f'faċilitajiet eżistenti.

Barra minn hekk, assikurazzjoni adegwata, li tkopri r-riskji relatati mal-istokk u/jew it-teknoloġija, jista' jkollha rwol sinifikanti sabiex issostni l-iżvilupp tal-industrija tal-akkwakultura, speċjalment ta' proġetti innovattivi fejn l-impatt tat-telf jista' jkun konsiderevoli. Għalhekk il-Kummissjoni se tanalizza l-impatt tal-proġetti u tikkunsidra jew hux xieraq li tadatta l-Linji Gwida għall-Eżaminar ta’ l-Għajnuna mill-Istat għas-Sajd u l-Akkwakultura .

Kompetitur ugwali f'termini ta' spazju

Il-kompetizzjoni dejjem akbar għall-ispazju tirrappreżenta sfida ewlenija għall-iżvilupp ulterjuri jew anke għaż-żamma tal-forom kollha tal-akkwakultura kostali, kif ukoll tat-trobbija tal-ħut tal-ilma ħelu.

L-għażla taż-żona hija kruċjali u l-ippjanar tal-ispazju għandu rwol prinċipali fil-forniment ta' gwida u dejta affidabbli għall-iskoperta tas-sit għall-attività ekonomika, li tagħti ċertezza lill-investituri, tevita l-kunflitti u ssib sinerġiji bejn l-attivitajiet u l-ambjenti bl-għan aħħari ta' żvilupp sostenibbli.

Il-Kummissjoni

- Se tkompli bl-inizjattivi tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp ta' pjanar marittimu tal-ispazju u l-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali, kif imsemmija fil-qafas tal-Politika Marittima Ġdida tal-UE[5].

- Tistieden l-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw sistemi ta' pjanar tal-ispazju tal-baħar, li fih huma jirrikonoxxu l-importanza strateġika tal-akkwakultura. F'dan il-kuntest, bħala parti mill-preparazzjoni tar-riforma li jmiss tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-possibbiltà li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-istrumenti finanzjarji tal-Komunità u l-ħruġ ta' aċċess għall-ispazju għall-attivitajiet marittimi inkluża l-akkwakultura;

- Tistieden l-Istati Membri biex jiżguraw li l-ippjanar terrestri tal-art jintegra kompletament il-ħtiġijiet u l-valuri tal-akkwakultura bl-ilma ħelu.

L-għoti tas-setgħa lin-negozji tal-akkwakultura sabiex ilaħħqu mad-domanda tas-suq

L-industrija tal-akkwakultura tal-UE għandha tkun kapaċi tlaħħaq mad-domanda tal-konsumaturi, tadatta ruħha għar-rekwiżiti dinamiċi tas-suq u tkun kapaċi li tikkomunika fuq l-istess livell mal-atturi l-oħra tal-katina tal-produzzjoni[6]. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-politika tas-suq tas-sajd u tal-prodotti tal-akkwakultura fl-2009 u se

- Tivvaluta u tindirizza l-ħtiġijiet tas-settur tal-akkwakultura partikolarent fejn jidħlu l-organizazzjonijiet tal-produtturi, bejn il-professjonijiet, l-informazzjoni għall-konsumatur u l-istrumenti tal-bejgħ bħat-tikkettar tal-prodotti tal-ikel akkwatiku, fil-qafas tar-riforma futura tal-politika tas-suq għas-sajd u l-prodotti tal-akkwakultura;

- Tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati biex tiżviluppa u tippromwovi l-istandards (partikolarment fuq l-akkwakultura organika jew fuq l-Iskemi ta' Ekotikettar);

- Tkompli l-koperazzjoni internazzjonali tagħha dwar il-kwistjonijiet ta' tikkettar u ċertifikazzjoni, partikolarment mal-FAO.

Id-dimensjoni internazzjonali

L-industrija innovativa hija wkoll opportunità għas-setturi assoċjati (eż. it-tagħmir, l-ikel tal-ħut, l-industriji tas-saħħa tal-annimali) biex jespandu u jesportaw l-għarfien tagħhom ta' kif isiru l-affarijiet għall-inħawi oħra tad-dinja.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se:

- Tikkonsidra l-istabbiliment ta' bażi għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi u li żżid l-opportunitajiet ta' kummerċ għall-kumpaniji tal-akkwakultura tal-UE, fil-qafas tad-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd;

- Tiżviluppa, fil-kuntest tal-pjan ta' azzjoni ġdid tagħha dwar is-saħħa tal-annimali, strateġija ta' esportazzjoni fuq il-livell ta' Komunità sabiex issaħħaħ ir-rwol tal-Komunità fin-negozjar tal-kundizzjonijiet ta' esportazzjoni relatati ma' kwistjonijiet ta' saħħa tal-annimali;

- Tkompli tippromwovi l-ħtieġa ta' sostenibbiltà fl-iżvilupp tal-akkwakultura fuq livell internazzjonali bl-intenzjoni li ttejjeb ir-rekord ambjentali ta' wħud mill-prattiki attwali u ttejjeb il-livell tal-opportunitajiet ugwali għal dan is-settur fuq livell globali.

STABBILIMENT TA' KUNDIZZJONIJIET GħAL TKABBIR SOSTENIBBLI TAL-AKKWAKULTURA

Il-Komunità għandha tiżgura li l-industrija tal-akkwakultura fl-UE tiżviluppa b'mod li jkun kompatibbli ma' livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent naturali. Fuq l-istess linji, il-prodotti tal-ikel akkwatiku li jiġu prodotti fl-UE jew impurtati fl-UE għandhom ikunu konformi ma' standards ta' protezzjoni għolja għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur. Il-Komunità għandha wkoll tkompli taħdem fuq l-għanijiet tagħha għal livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa u l-benesseri tal-annimali akkwatiċi mrobbijin.

Lejn garanzija ta' kompatibbiltà bejn l-akkwakultura u l-ambjent

Akkwakultura ekoloġika

L-UE hija impenjata lejn livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u l-leġiżlazzjoni tal-Komunità hija bbażata fuq prinċipju ta' prekawzjoni. It-teknoloġiji sabiex jitnaddaf l-ilma billi jitneħħew l-iskart u l-kontaminanti huma disponibbli u l-iżvilupp ulterjuri ta' teknoloġiji ġodda biex jonqos il-ħruġ ta' dranaġġ tal-industrija għal ġol-baħar aktarx li jkun sinifikanti fis-snin li ġejjin. Il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-ilma hija kruċjali wkoll biex tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma meħtieġ għall-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità u sikur.

Il-Kummissjoni se:

- Tkompli tenfasizza l-importanza ta' żvilupp ambjentalment sostenibbli tal-akkwakultura fil-politiki u l-azzjonijiet tagħha;

- Tkompli tissorvelja l-iżviluppi f'termini tal-ħut maħrub u jekk hu meħtieġ, tivvaluta ż-żieda fil-valur ta' azzjoni possibbli fuq il-livell tal-UE.

Ambjent li ma jagħmilx ħsara lill-akkwakultura

L-akkwakultura għandha bżonn ilma tal-ogħla kwalità biex tiggarantixxi s-saħħa tal-annimali akkwatiċi u prodotti sikuri u ta' kwalità għolja.

L-ewwel pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar żviluppati mill-Istati Membri taħt id-Direttiva ta' qafas dwar l-ilma (WFD)[7] għandhom, tal-inqas iżommu l-livell ta' protezzjoni attwali taż-żoni fejn jikber il-frott tal-baħar mgħoti mid-Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma għall-frott tal-baħar[8]. Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-ewwel aġġornament tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar WFD fl-2015 għandu, tal-inqas, iżomm l-istess livell ta' protezzjoni u li ż-żoni deżenjati ġodda għall-produzzjoni tal-frott tal-baħar għadhom ikunu deżenjati bħala żoni protetti taħt id-WFD. Ma jistax ikun hemm reġimi regolatorji differenti għaż-żoni tal-frott tal-baħar ġodda u dawk qodma.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se:

- Tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu livell xieraq ta' protezzjoni tal-ilmijiet tal-frott tal-baħar taħt l-ewwel pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar stabbiliti taħt id-direttiva ta' qafas dwar l-ilma;

- Issaħħaħ l-informazzjoni mmirata lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-industrija biex tiżgura l-implimentazzjoni t-tajba tad-WFD u tad-Direttiva ta’ Qafas għal Strateġija dwar l-Ibħra[9] rigward l-attivatijiet tal-akkwakultura, inkluż l-iżvilupp ta' linji ta' gwida għall-applikazzjoni tad-WFD għaż-żoni tal-frott tal-baħar;

- Tivvaluta l-ħtieġa li tkompli fuq il-qafas legali tal-protezzjoni tal-ilma tal-UE fid-dawl tat-tneħħija tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma tal-frott tal-baħar.

Il-formazzjoni ta' industrija tal-akkwakultura b'rendiment għoli

L-aqwa kundizzjonijiet possibbli ta' trobbija, stat ta' saħħa tajjeb u ikel adegwat għall-ħtiġijiet fiżjoloġiċi tal-annimali akkwatiċi mrobbijin huma essenzjali għall-aħjar tkabbir u produzzjoni possibbli. Il-garanzija tal-benesseri tal-ħut imrobbi jikkontribwixxi wkoll għal dehra aħjar għall-industrija tal-akkwakultura.

Lejn garanzija ta' stat ta' saħħa tajjeb tal-annimali

Il-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali akkwatiċi u l-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi ġew riveduti fl-2006. Il-Kummissjoni se tiggarantixxi l-implimentazzjoni totali tad-Direttiva 2006/88/KE u se tiżgura li l-ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali akkwatiċi jitqiesu kompletament fl-istrateġija tal-politika l-ġdida dwar is-saħħa tal-annimali u fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni[10]. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se:

- Tivvaluta u possibbilment tirrevedi l-lista ta' mard importanti għall-annimali akkwatiċi[11] sal-2011;

- Tirrevedi, fl-2009, id-dispożizzjonijiet attwali rigward garanziji addizzjonali imposti fuq il-livell ta' Stat Membru għal ċertu mard, sabiex tiżgura li dawn il-miżuri ma jippreżentawx xkiel mhux ġustifikat, filwaqt li żżomm livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-annimali;

- Tivvaluta l-istrumenti finanzjarji attwali disponibbli biex isostnu l-miżuri dedikati għas-saħħa tal-annimali akkwatiċi (partikolarment rigward il-promozzjoni tal-miżuri u t-taħriġ fil-bijosigurtà fil-post tat-trobbija). Din il-valutazzjoni se tkun integrata fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-qafas finanzjarju assoċjat magħha.

Lejn garanzija tal-benesseri tal-annimali

Il-benesseri tal-annimali huwa ansjetà komuni għall-konsumaturi, dawk li jfasslu l-politika u l-produtturi. Minbarra d-dimensjoni etika tiegħu, il-benesseri tal-annimali jidher bħala kriterju importanti fl-għażla mill-konsumaturi.

Il-bażi xjentifika għall-benesseri tal-ħut hija ħafna anqas żviluppata minn dik għall-annimali tal-istabbilimenti agrikoli fuq l-art. Skont il-pjan ta' azzjoni għall-benesseri tal-annimali[12] il-Kummisjoni għalhekk se

- Tfittex pariri dwar il-benesseri tal-ħut fuq bażi ta' speċijiet u se tippromwovi l-ħtieġa ta' approċċ li jiddependi fuq l-ispeċijiet f'fora internazzjonali (partikolarment fl-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali);

- Tvara, fis-sentejn li ġejjin, evalwazzjoni dwar il-benesseri tal-ħut fl-akkwakultura bl-intenzjoni li teżamina miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirrevedi d-dispożizzjonijiet attwali fir-"Regolament tat-trasport tal-annimali"[13] li attwalment japplika għall-vertebrati imma mhumiex tajbin għall-annimali akkwatiċi;

- Tinkoraġixxi l-inizjattivi tal-industrija li għandhom l-għan li jiżguraw il-benesseri tal-ħut prodott bl-akkwakultura.

L-indirizzar tal-ħtieġa ta' mediċini veterinarji

Il-mard tal-ħut huwa kwistjoni kemm ta' saħħa tal-annimali kif ukoll tal-benesseri tal-annimali. Għalhekk, huwa ta' importanza kbira li jkunu permessi l-kontroll u l-użu prudenti tal-mediċini fuq l-annimali mrobbijin. Iżda d-disponibbiltà limitata ta' prodotti mediċinali veterinarji li huma awtorizzati biex jindirizzaw ir-riskji ta' saħħa tibqa' waħda mill-ikbar problemi għall-industrija tal-akkwakultura.

Il-Kummissjoni se

- Tinkoragġixxi lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati konċernati, biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mit-"Task Force ta' Disponibbiltà" fir-rapport tagħha fl-2007[14], u se tipparteċipa fir-reviżjonijiet regolari proposti tas-sitwazzjoni;

- Tikkontribwixxi għat-titjib tal-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-atturi differenti fis-saħħa tal-ħut, partikolarment billi torganizza laqgħat għall-"esperti u l-partijiet interessati".

Lejn garanzija ta' kwalità għolja u għalf sostenibbli għall-ħut

L-aċċess għal ikel tal-ħut li hu mhux għoli fil-prezz u ssibu faċilment jibqa' fattur kritiku għall-iżvilupp tal-akkwakultura. L-ispeċijiet prinċipali tal-akkwakultura mitluba mis-suq Ewropew huma l-ispeċijiet karnivori u l-għalf tagħhom jiddependi ħafna mid-disponibbiltà ta' tħin tal-ħut u żejt tal-ħut. Id-dipendenza tas-settur fuq it-tħin tal-ħut u ż-żjut tal-ħut bħala l-kostitwenti prinċipali għall-għalf tal-ħut jista' jqajjem tħassib kemm fuq is-sostenibbiltà ekonimika kif ukoll dik ambjentali. Fuq naħa waħda, il-produzzjoni tat-tħin tal-ħut/żjut qed issibha diffiċli biex tlaħħaq mad-domanda li qed tikber, u dan qed jgħolli l-prezzijiet 'il fuq. Fuq in-naħa l-oħra, l-użu ta' tħin tal-ħut/żjut mill-industriji tas-sajd jista' jisfida s-sostenibbiltà tas-settur u jkun ta' dannu għad-dehra tiegħu. Fl-istess ħin, iridu jitqiesu kunsiderazzjonijiet varji fit-tfittxija ta' alternattivi adatti, li jibdew mill-protezzjoni tal-konsumatur għall-benesseri tal-annimali. Meta jkunu qed jiġu definiti r-regoli tal-komunità u l-istandards għall-għalf tal-ħut, għandu jinstab bilanċ delikat bejn il-benefiċċji minn protezzjoni għolja tal-konsumatur u l-limitazzjonijiet impoġġija fuq il-kompetittività tal-industrija.

Fi ħdan il-politika tagħha għal livell għoli ħafna ta' protezzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi biex tiffaċilita l-akkwakultura fl-UE permezz ta' titjib fil-liġi tal-UE tal-għalf billi

- Iżżid id-disponibbiltà ta' adittivi meħtieġa għall-għalf tal-ħut, partikolarment fuq il-bażi ta' linji ta' gwida dwar proċeduri ta' awtorizazzjoni "bla problemi" għall-adittivi mal-għalf adottata f'Mejju 2008;

- Tiżgura l-adozzjoni tal-proposta tagħha għar-"Regolament tal-prodotti sekondarji tal-Annimali"[15], biex jiġi żgurat li l-annimali akkwatiċi jistgħu jingħataw għalf li joriġina minn annimali akkwatiċi filwaqt li timpedixxi l-għoti ta' għalf li jkun joriġina mill-ispeċijiet tal-ħut lill-istess speċijiet tal-ħut.

Lejn garanzija tal-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur u rikonoxximent tal-benefiċċji tas-saħħa tal-ikel akkwatiku

Biex jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu miżuri preventivi u jimponu rekwiżiti biex jiżguraw il-kwalità u s-sikurezza tal-ikel, kif ukoll jistabbilixxu projbizzjonijiet ta' sorveljana u tas-suq fejn meħtieġ. Dan jitlob identifikazzjoni solida li tkun ibbażata fuq ix-xjenza ta' dawn ir-riskji, u l-għoti ta' opportunitajiet indaqs. Il-Kummissjoni se:

- Tkompli tindirizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-prodotti ta' ikel akkwatiku huma sikuri għall-konsumatur, kemm ikel prodott fil-Komunità kif ukoll ikel importat minn pajjiżi terzi;

- Iżżomm l-għodda leġiżlattiva konformi mal-għarfien ġdid dwar is-sikurezza tal-ħut sabiex tindirizza r-riskji tas-sikurezza tal-ikel bl-aħjar mod possibli. F'dan il-qafas, il-Kummissjoni se terġa' teżamina s-sitwazzjoni ta' bijotossini fuq il-bażi tar-reviżjoni dwar il-bijotossini tal-baħar mistennija mill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sa nofs l-2009;

- Tkompli tibbaża l-azzjonijiet tagħha fuq ix-xjenza u l-prinċipju ta' prekawzjoni. Il-Kummissjoni se tivvaluta u tqis ukoll il-benefiċċji tal-konsum tal-ikel akkwatiku fuq is-saħħa.

TITJIB TAD-DEHRA TAS-SETTUR U TAL-GOVERNANZA

L-akkwakultura Ewropea għandha tibbenifika minn qafas aħjar għall-governanza. Huwa wkoll importanti li titjieb id-dehra tal-akkwakultura u li jinħolqu opportunitajiet indaqs fuq il-livell tal-UE, li għandhom iwasslu għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati hija importanti biex tgħolli l-profit tan-negozji tal-akkwakultura. Iżda l-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwol primarju fil-formazzjoni tal-iżvilupp tal-akkwakultura fit-territorju tagħhom.

L-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE

L-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri għandha tiżgura l-għoti ta' opportunitajiet indaqs fost l-operaturi ekonomiċi dwar deċiżjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp tal-akkwakultura.

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi wkoll għal dan l-għan u se

- Tiżviluppa dokumenti ta' gwida u torganizza laqgħat ta' ħidma speċifiċi mal-partijiet interessati u l-awtoritajiet nazzjonali biex tiffaċilita l-għarfien u l-implimentazzjoni tal-istrumenti politiċi ambjentali prinċipali tagħha. F'dan il-kuntest, il-prijorità se tingħata lid-dokumenti ta' gwida dwar l-attivitajiet tal-akkwakultura u ta' Natura 2000;

- Tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-liġi tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali u l-protezzjoni tal-konsumatur b'mod xieraq, bi gwida addizzjonali żviluppata fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel ispezzjonijiet "fuq il-post" u verifiki, u tiżgura li l-pajjiżi terzi jilħqu r-rekwiżiti li jkun tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni se tiffoka partikolarment fuq l-implimentazzjoni t-tajba tat-testijiet għall-bijotossiċi tal-baħar fil-frott tal-baħar u tad-Direttiva l-ġdida dwar il-politika tas-saħħa u l-kontroll tal-mard fl-annimali akkwatiċi mill-Istati Membri kollha.

It-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

It-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, speċjalment għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju huwa essenzjali biex jiġi promoss l-iżvilupp.

Il-Kummissjoni

- Se tkompli tiżviluppa l-politika tagħha li tissimplifika l-ambjent leġiżlattiv u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-livell ta' UE;

- Tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ħalli jiffaċilitaw l-iżvilupp tan-negozju u jnaqqsu l-piż amministrattiv li ġej mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, partikolarment billi jissimplifikaw il-proċeduri ta' liċenzjar għall-akkwakultura.

Lejn garanzija ta' parteċipazzjoni tajba mill-partijiet interessati u informazzjoni xierqa għall-pubbliku

Konsultazzjoni wiesgħa u adegwata hija strumentali għal regolazzjoni u governanza aħjar li għalihom il-Kummissjoni hija kompletament impenjanta. L-awtoritajiet tal-industrija u pubbliċi għandhom jagħtu informazzjoni trasparenti biex isaħħu d-dehra tal-industrija.

Il-Kummissjoni

- Se tivvaluta l-ħtieġa ta' reviżjoni u li tgħolli l-profil tal-industrija tal-akkwakultura, u l-possibbiltajiet li tinforza mill-ġdid ir-rwol tar-rappreżentanti tal-akkwakultura;

- Se toħloq forum għal djalogu bejn il-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura Ewropea, il-Kummissjoni u l-maniġers tal-program ta' riċerka tal-Istati Membri biex jiffaċilita l-ipprogrammar tal-attivitajiet ta' riċerka fuq il-livell ta' Komunità u nazzjonali;

- Tistieden lill-Istati Membri biex isostnu inizjattivi proattivi lejn l-informazzjoni pubblika mill-industrija tal-akkwakultura, partikolarment billi jużaw il-possibbiltajiet disponibbli fil-Fond Ewropew tas-Sajd.

Lejn garanzija ta' monitoraġġ adegwat tas-settur tal-akkwakultura

Il-politiki pubbliċi għandhom ikunu sostnuti minn indikaturi affidabbli. Sa żmien reċenti, l-istatistiċi uffiċjali tal-UE dwar l-akkwakultura kellhom ambitu x'aktarx limitat. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se:

- Tissorvelja l-progress u l-evoluzzjoni f'dan is-settur, partikolarment permezz ta' Regolament[16] ġdid tal-istatistika u l-qafas ġdid tal-ġbir tad-dejta;

- Tipparteċipa internazzjonalment b'mod attiv (partikolarment mal-FAO) biex tiżviluppa iktar u tiġbor indikaturi globali u armonizzati għal din l-industrija li qed tikber;

- Twessa' l-bażi ta' informazzjoni tagħha rigward il-prezzijiet fis-suq. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ tal-prezzjiet għas-sajd u għall-prodotti tal-akkwakultura madwar il-katina tal-produzzjoni kollha.

KONKLUżJONI

L-iżviluppi globali u l-importanza strateġika tal-akkwakultura f'termini ta' sigurtà tal-ikel jikkontribwixxu biex lis-settur jingħatalu futur promettenti.

Fl-UE, is-settur tal-akkwakultura sar industrija moderna u dinamika li tipproduċi prodotti sikuri u ta' valur u kwalità għolja, u żviluppat ukoll il-mezzi biex tkun sostenibbli ambjentalment. Iżda din l-industrija qed tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi. Din l-istrateġija għandha ssarraf fil-potenzjal ta' l-aħjar tkabbir possibbli għall-industrija tal-akkwakultura fl-UE, filwaqt li jitqiesu l-assi u l-limitazzjonijiet tagħna.

Din il-Komunikazzjoni timmira lejn għarfien ikbar fost dawk li jfasslu l-politika u l-entitajiet pubbliċi, dwar l-importanza tal-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea. Din l-Istrateġija timmira wkoll biex tipprovdi tmexxija u gwida mill-UE kemm lill-partijiet interessati kif ukoll lill-amministraturi biex jiżguraw il-konsistenza u ċ-ċarezza fit-tfassil tal-politiki meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea. Għandna bżonn nibdlu l-isfidi tal-akkwakultura fl-UE f'opportunitajiet.

Biex jintlaħqu dawn l-ambizzjonijiet, l-atturi kollha, privati u pubbliċi, għandhom ikunu impenjati lejn il-futur tas-settur tal-akkwakultura Ewropea.

Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament, lill-Kunsill, u lill-partijiet kollha interessati biex isostnu din l-istrateġija għall-akkwakultura fl-UE u biex jaħdmu fi sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati, fuq il-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, biex jinfetaħ il-potenzjal għall-iżvilupp tal-akkwakultura fl-UE, filwaqt li jkomplu jiżguraw is-sostenibbiltà ambjentali u l-aqwa standards ta' saħħa.

[1] FAO: L-istat tal-akkwakultura fid-dinja 2008 (id-dejta teskludi l-pjanti akkwatiċi).

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' Akkwakultura Ewropea COM(2002)511.

[3] Fl-2007, il-Kummissjoni ħadet kont tal-progress li kien sar u varat konsultazzjoni u dibattiti pubbliċi wiesa' mal-partijiet interessati dwar il-prospetti għall-industrija tal-akkwakultura fl-Ewropa: Ara http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/governance/consultations/consultation_100507_en.htm u http://ec.europa.eu/fisheries/meetings_events/events/archives/events_2007/conference_151107_en.htm

[4] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Strateġija tal-UE għar-Riċerka tal-Baħar u Marittima" (COM (2008)534).

[5] COM(2007) 575 u COM(2008) 791: Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE.

[6] Il-proġett "Consensus" jipprovdi eżempju pożittiv ta' diskussjoni aħjar bejn il-partijiet interessati tal-katina tal-produzzjoni.

[7] Id-Direttiva 2000/60/KE.

[8] Id-Direttiva 2006/113/KE.

[9] Id-Direttiva 2008/56/KE.

[10] COM(2008)545.

[11] F'dan il-qafas, il-Kummissjoni diġa neħħiet is- Spring Viremia of Carp mill-lista ta' mard kopert mid-Direttiva 2006/88/KE.

[12] COM(2006)13.

[13] Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-trasport u operazzjonijiet relatati.

[14] http://www.hma.eu/203.html http://www.hma.eu/uploads/media/TF_Report_Availability_Vet_Medicines.pdf

[15] COM(2008)345.

[16] Regolament (KE) Nru 762/2008

Top