Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008SC0053

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta’ akkumpanjament għall- Abbozz ta’ Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2008) 16 finali} {SEG(2008) 52}

/* SEK/2008/0053 finali */

52008SC0053

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta’ akkumpanjament għall- Abbozz ta’ Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2008) 16 finali} {SEG(2008) 52} /* SEK/2008/0053 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 23.1.2008

SEG(2008) 53

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Dokument ta’ akkumpanjament għall- Abbozz ta’ Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT

{KUMM(2008) 16 finali}{SEG(2008) 52}

Sommarju eżekuttiv

DAħLA - IL-KUNTEST POLITIKU

Bħala tweġiba għall-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/87/KE ("id-Direttiva dwar l-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet"), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Nibnu suq globali tal-karbonju - Rapport skond l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/87/KE"[1] identifikat erba’ aspetti ewlenin li għandhom jiġu trattati fir-reviżjoni tas-Sistema Komunitarja għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet (l-ETS ta’ l-UE): 1) l-ambitu tad-Direttiva, 2) konformità u infurzar sodi, 3) aktar armonizzazzjoni u żieda fil-prevedibbiltà, u 4) rabta ma’ l-iskemi ta’ skambju ta’ l-emissjonijiet f’pajjiżi terzi, u l-mezzi xierqa biex jinvolvu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi f'tranżizzjoni ekonomika. Dawn l-aspetti ġew diskussi f'dibattitu wiesa', b'mod partikolari matul il-proċess ta’ reviżjoni li ġie organizzat fil-qafas tal-Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCP) fl-ewwel nofs ta’ l-2007, iżda wkoll permezz ta’ kuntatt kontinwu mal-partijiet interessati mindu bdiet l-ETS ta’ l-UE fl-2005.

Ir-reviżjoni qiegħda ssir f'mument li fih it-tibdil fil-klima jinsab fuq quddiem fl-aġenda politika. F'Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew approva l-istrateġija l-ġdida dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima proposta mill-Kummissjoni Ewropea f'Jannar 2007. Skond din l-istrateġija, b'konformità ma’ ftehim dinji li għandu jiġi ffirmat fil-ġejjieni, il-grupp ta’ pajjiżi żviluppati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra sa 30% taħt il-livelli ta’ l-1990 sa l-2020. Irrispettivament minn ftehim internazzjonali, l-UE se tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'talanqas 20% sa l-2020.

GħANIJIET GLOBALI

Il-Kunsill għaraf li l-ETS ta’ l-UE hija u se tibqa' wieħed mill-aktar strumenti importanti biex l-UE tikseb l-għan strateġiku tagħha li tillimita ż-żieda fit-temperatura medja globali għal mhux aktar minn 2 gradi Celsius 'il fuq mil-livelli ta' qabel l-industrjalizzazzjoni.

F'dan il-kuntest, nistgħu nindikaw tliet għanijiet ġenerali għar-reviżjoni:

1. L-isfruttar sħiħ tal-potenzjal ta’ l-ETS ta’ l-UE biex tikkontribwixxi għall-impenji ta’ l-UE ta’ tnaqqis ta’ gassijiet serra b'mod ekonomikament effiċjenti.

2. It-titjib u t-tirqim ta’ l-ETS ta’ l-UE fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba.

3. Il-kontribuzzjoni biex l-Ewropa ssir ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u biex jinħolqu l-inċentivi xierqa sabiex iwasslu għal deċiżjonijiet ta’ investiment b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, billi jissaħħaħ sinjal tal-prezz tal-karbonju fuq il-medda t-twila li jkun ċar u mingħajr tagħwiġ.

L-AMBITU TAD-DIRETTIVA

L-issimplifikar ta’ l-ambitu attwali

L-interpretazzjoni inkonsistenti tat-terminu "stallazzjoni tal-kombustjoni" mill-Istati Membri wasslet għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni, għal kopertura mhux suffiċjenti ta’ l-emissjonijiet mill-proċessi, kif ukoll għal inċertezza legali rigward l-ambitu tad-Direttiva.

Minn fost l-għażliet differenti, l-aktar għażla promettenti hija l-kodifikazzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ "stallazzjonijiet tal-kombustjoni", li timxi ġeneralment fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aktar gwida dwar il-pjanijiet ta' allokazzjoni għall-perjodu kummerċjali mill-2008 sa l-2012 ta' l-Iskema ta' l-UE għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet [2], u li tkun appoġġata minn definizzjoni ġdida ta’ "stallazzjoni tal-kombustjoni" u supplimentata b'lista ta' attivitajiet. Dan l-approċċ jippermetti applikazzjoni konsistenti ta’ l-ambitu, inkluż fir-rigward ta’ l-emissjonijiet mill-proċessi, u jipprovdi ċertezza legali lill-Istati Membri. Barra minn hekk, jikkontribwixxi lejn l-effiċjenza ambjentali ta’ l-ETS ta’ l-UE billi jwessa’ l-kopertura tagħha.

Effiċjenza fl-ispejjeż f'dak li jirrigwarda stallazzjonijiet żgħar

Bħalissa hemm madwar 10800 stallazzjoni inklużi fis-sistema ETS ta’ l-UE. L-akbar 7% mill-istallazzjonijiet fl-ETS ta’ l-UE jirrappreżenta 60% mill-emissjonijiet totali, filwaqt li 14% mill-istallazzjonijiet huma responsabbli għal 0.14% mill-emissjonijiet. Dan jixhed żbilanċ fil-proporzjon bejn l-ispiża u l-benefiċċji. Bil-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-infiq ta’ l-ETS ta’ l-UE, ġiet konkluża li l-aħjar għażla tkun esklużjoni kundizzjonali għal stallazzjonijiet tal-kombustjoni b'kapaċità termali kkalkolata ta’ aktar minn 20 MW iżda inqas minn 25 MW, u li l-emissjonijiet annwali tagħhom ma jaqbżux l-10 kt. Din l-għażla tikkostitwixxi l-aqwa proporzjon bejn l-emissjonijiet esklużi minn ETS ta’ l-UE u l-għadd ta’ stallazzjonijiet żgħar inklużi.

L-inklużjoni ta’ setturi u gassijiet ġodda

Abbażi ta’ l-emissjonijiet ivverifikati fl-2005 u ta’ l-inventarju ta’ l-UE ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-ETS ta’ l-UE tkopri sehem ta’ 41% mill-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea. It-twessigħ tal-firxa tas-sistema billi jiġu inklużi setturi u gassijiet ġodda għandu jkompli jtejjeb l-effiċjenza ambjentali tas-sistema, kif ukoll idaħħal opportunitajiet ġodda għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet, u b'hekk joffri potenzjal ogħla għat-tnaqqis u spejjeż aktar baxxi.

Fid-deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ setturi u gassijiet ġodda, għandhom jintlaħqu għadd ta’ kriterji tekniċi sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tajjeb ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, għandu jitqies ukoll l-għan li jkun hemm kontribut biex l-Ewropa ssir ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Filwaqt li l-potenzjal u l-ispejjeż tat-tnaqqis jistgħu jagħtu sehemhom f'dan ir-rigward, il-fatt li settur partikolari ma jkunx disponibbli ma għandux jitqies bħala raġuni biex ma jiġix inkluż fl-ETS ta’ l-UE.

- F'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-emissjonijiet ta’ CO2 u wara l-analiżi selettiva, jixraq li jiġu inklużi fl-ETS ta’ l-UE l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-prodotti petrokimiċi u kimiċi oħra, mill-ammonja u mill-aluminju.

- Fejn jidħlu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li mhumiex CO2, qed jiġi rrakkomandat li jiġu inklużi fl-ETS ta’ l-UE l-emissjonijiet ta’ N2O mill-produzzjoni ta’ aċidu nitriku, adipiku u glijossiliku, kif ukoll l-emissjonijiet ta' PFC mill-aluminju.

- Il-proġetti tal-ġbid u l-ħażna tal-karbonju (CCS) jistgħu jitqiesu li diġà jifformaw parti mill-ETS ta’ l-UE permezz ta’ l-inklużjoni unilaterali prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva. Fid-dawl tal-potenzjal kbir ta’ din it-teknoloġija[3], u biex tinkiseb il-fiduċja ta’ l-investituri, huwa preferibbli li l-attivitajiet kollha ta’ CCS jiġu inklużi mill-ewwel permezz ta’ referenza espliċita għas-CCS fl-Anness I tad-Direttiva.

- F'dak li jirrigwarda l-inklużjoni tat-trasport bit-triq u bil-baħar, jeħtieġ li jsiru aktar stħarriġ u analiżi aktar fil-fond, partikolarment analiżi kumplessiva ta’ l-ispejjeż u l-benefiċċji li tinkludi tqabbil ma’ mizuri alternattivi, bil-għan li jaslu għal konklużjoni soda u ġġustifikata rigward jekk dawn is-setturi għandhomx jiġu inklużi jew le fl-ETS ta’ l-UE.

- It-twessigħ ta’ l-ambitu tad-Direttiva biex iħaddan il-proġetti ta’ LULUCF (l-użu ta’ l-art, it-tibdil fl-użu ta’ l-art u l-forestrija) mhux ta’ min jiġi rakkomandat.

L-impatt potenzjali ta’ għażliet ta’ politika kkombinati rigward l-ambitu ta’ l-ETS ta’ l-UE

L-applikazzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ "stallazzjoni tal-kombustjoni", l-inklużjoni ta’ setturi u gassijiet oħra kif issemma hawn fuq, u ż-żieda fl-effiċjenza fl-infiq għal stallazzjonijiet żgħar skond id-deskrizzjoni ta’ hawn fuq, għandhom iwasslu għal benefiċċju nett addizzjonali f'termini tal-kopertura ta’ l-ETS ta’ l-UE, fil-każ ta’ għatba ta’ emissjonijiet ta’ 10 kt għall-esklużjoni potenzjali ta’ stallazzjonijiet żgħar, ta’ 5.8-6.3% (sa 121-131 MtCO2eq)[4], b'madwar 40% inqas stallazzjonijiet mingħajr ma tiġi kompromessa l-effiċjenza ambjentali tas-sistema, f'dak li jirrigwarda stallazzjonijiet esklużi minnha.

KONFORMITÀ U INFURZAR SODI

Il-monitoraġġ u r-rapportar, l-ivverifikar u l-akkreditar

L-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar hija ta’ l-akbar importanza sabiex tiggarantixxi li “tunnellata hija tassew tunnellata”. Mingħajr verifikar kredibbli u affidabbli tar-rapporti ta’ monitoraġġ, l-operaturi jistgħu jikkompromettu l-integrità ambjentali tas-sistema. Madankollu, il-prattika attwali ta’ l-Istati Membri u ta’ l-Awtoritajiet Kompetenti, turi firxa ta’ implimentazzjonijiet u applikazzjonijiet differenti fejn jidħlu l-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-ivverifikar u l-akkreditar ta’ l-ispetturi. B'konsegwenza ta’ dan, l-integrità ambjentali u l-kredibbiltà tas-sistema jistgħu jisfaw ipperikolati.

Skond l-analiżi, f'termini ta’ konformità, l-aktar għażla promettenti jidher li hija l-użu ta’ regolament għall-monitoraġġ u r-rappurtar kif ukoll regolament ieħor għall-ivverifikar u l-akkreditar. Dan għandu jwassal għal aktar konsistenza u trasparenza, itejjeb l-effiċjenza fl-infiq aktar fit-tul ta’ l-istandards ta’ monitoraġġ u rappurtar, jiżgura livell konsistenti u komparabbli fl-ivverifikar u l-akkreditar, u joħloq rekwiżit fir-rigward tas-suq intern għas-servizzi ta’ vverifikar u akkreditar madwar l-UE. B'hekk jittejbu wkoll l-kwalità tal-verifiki u l-kapaċità tagħhom biex jiddeterminaw u jikkoreġu żbalji, u tiġi żgurata kwalità aħjar tad-dejta.

It-tfassil ta’ regoli li japplikaw fl-UE kollha aktarx iwassal għal tfaddil fl-ispejjeż sinifikanti għall-Istati Membri, wara perjodu inizjali ta’ reviżjoni tar-regolamentazzjoni u l-linji ta’ gwida nazzjonali.

Uffiċċji għar-reġistrazzjonijiet

Is-sistema ta’ reġistrazzjoni attwali, magħmula mill-uffiċċji għar-reġistrazzjonijiet ta’ 27 Stat Membru u mir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet (CITL), ma rrapporta l-ebda problema mil-lat tekniku. Madankollu, mal-ftuħ ta’ l-ewwel perjodu ta’ impenn skond il-Protokoll ta’ Kyoto fl-2008, ir-reġistri ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu mqabbda mar-Reġistru Internazzjonali tat-Tranżazzjonijiet (ITL) immexxi mill-UNFCCC għall-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto. L-introduzzjoni ta’ l-ITL se tfisser ukoll li kull sistema ta’ skambju li tixtieq titqabbad ma’ l-ETS ta’ l-UE ikollha tittrasferixxi l-messaġġi wkoll permezz ta’ l-ITL, li huwa soġġett għas-sorveljanza tal-Partijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto. Dawn l-iżviluppi jdaħħlu riskji tekniċi, politiċi u amministrattivi fl-operat tas-sistema tar-reġistri, li jistgħu jingħelbu bis-saħħa tar-reġistru Komunitarju eżistenti li jintuża għall-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ l-UE.

AKTAR ARMONIZZAZZJONI U żIEDA FIL-PREVEDIBBILTÀ

L-istipular ta’ limiti massimi

Fil-fażijiet I u II, il-limiti massimi ta’ l-ETS ta’ l-UE kienu ugwali għas-somma tal-limiti nazzjonali ddeterminati mill-Istati Membri u stabbiliti f'konformità ma’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Filwaqt li dan l-approċċ ta lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa biex iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, fl-istess ħin wassal għal għadd ta’ problemi, fosthom in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi, ta’ prevedibbiltà u ta’ trasparenza, kif ukoll piż amministrattiv kbir fuq il-partijiet kollha involuti.

L-analiżi wriet li livell massimu għall-UE kollha, stipulat fid-Direttiva, jaqdi l-aħjar l-għan li jiżdiedu l-effiċjenza u l-prevedibbiltà tas-sistema. Dan inaqqas għall-minimu l-piż amministrattiv ta’ l-istabbiliment ta’ limiti, u huwa l-aktar mod sempliċi u trasparenti biex il-limitu jiġu ddeterminat. Għaldaqstant, din hija l-aqwa għażla f'dak li jirrigwarda l-kredibbiltà internazzjonali ta’ l-UE. Fl-aħħar nett, hija l-eħfef għażla meta jitqies il-bżonn li l-limitu massimu ta’ l-ETS ta’ l-UE jiġi aġġustat biex jinġieb konformi mal-mira ta’ tnaqqis ta' 30% għall-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-UE, wara l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima.

Fejn jidħol il-livell tal-limiti massimu , strateġija msejsa fuq l-effiċjenza tkun l-unika waħda li taqbel mal-ħtieġa li t-tnaqqis globali fl-emissjonijiet jinkiseb bl-inqas spejjeż possibbli. Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà , tispikka l-għażla li tiġi stabbilita linja ta’ tendenza fuq perjodu ta’ skambju ta’ 8 snin, billi din toħloq aktar ċertezza u prevedibbiltà fir-rigward tat-tnaqqis wara l-2020. Din il-linja ta’ tendenza tkun effettiva ħafna wkoll biex iżżid il-kredibbiltà ta’ l-UE fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

L-allokazzjoni tal-kwoti

Fl-ewwel żewġ perjodi, il-biċċa l-kbira mill-kwoti ta’ emissjonijiet ingħataw mingħajr ħlas. L-Istati Membri applikaw firxa wiesgħa ta’ regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni, li qajmu diversi problemi, fosthom impatt negattiv fuq l-effiċjenza ekonomika, it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, effetti mhux mixtieqa fid-distribuzzjoni, u nuqqas ta’ trasparenza.

Ir-regoli ġodda ta’ allokazzjoni għandhom jevitaw dawn il-problemi, iżda jqisu wkoll il-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas", kif ukoll il-prinċipju ta’ l-internalizzazzjoni tan-nefqa esterna.

L-irkant vs. l-allokazzjoni mingħajr ħlas

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-għażla ta’ rkant komplet tiżgura aħjar l-effiċjenza, it-trasparenza u s-sempliċità tas-sistema, u tevita effetti mhux mixtieqa fid-distribuzzjoni. Barra minn hekk, l-irkant jaqbel bis-sħiħ mal-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas" u jonora lil min jieħu azzjoni minn kmieni, u għaldaqstant huwa konformi ma’ l-għanijiet globali tar-reviżjoni.

L-allokazzjoni mingħajr ħlas fil-perjodu ta’ tranżizzjoni: punti ta’ riferiment

L-allokazzjoni mingħajr ħlas aktarx li tkun meħtieġa sakemm tintlaħaq sistema ta’ rkant komplet, iżda għandha ssir b'mod li l-effetti negattivi potenzjali jinżammu kemm jista’ jkun fil-minimu. Skond l-analiżi, punti ta’ riferiment Komunitarji aktarx li jwasslu għall-aqwa riżultati.

Miżuri marbutin mal-kummerċ: ħarsien finanzjarju għar-rilaxx potenzjali tal-karbonju

Fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, u f'dak li jirrigwarda ċerti industriji b'konsum għoli ta’ enerġija esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali minn pajjiżi li jieħdu inqas azzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jista’ jkun hemm ir-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju. Biex din il-problema tingħeleb, ġew eżaminati għadd ta’ miżuri marbutin mal-kummerċ. B'dankollu, billi huwa mistenni li jsir ftehim internazzjonali, huwa rrakkomandat li sinjal ċar jingħata minn issa, u li l-implimentazzjoni ta’ miżuri tiġi kkunsidrata aktar 'il quddiem sabiex il-pajjiżi terzi jilħqu jieħdu l-impenji xierqa u rilevanti.

RABTA MA’ L-ISKEMI TA’ SKAMBJU TA’ L-EMISSJONIJIET F’PAJJIżI TERZI, U L-MEZZI XIERQA BIEX JINVOLVU L-PAJJIżI LI QED JIżVILUPPAW U PAJJIżI FI TRANżIZZJONI EKONOMIKA

Rabta ma’ sistemi oħra

Kwalunkwe rabta ma’ l-ETS ta’ l-UE ma’ sistema oħra ta’ skambju ta’ emissjonijiet ikollha tiġi stabbilita b'qies għall-modalitajiet preċiżi ta’ dik is-sistema. F'dan il-kuntest, huwa probabbli li ssir valutazzjoni ta’ l-impatt indipendenti. Għal din ir-raġuni u għal dettalji aktar ġenerali, wieħed jista’ jikkonsulta l-valutazzjoni ta’ l-impatt sħiħa.

L-użu ta’ kumpensi

Intitolamenti

L-użu ta’ kumpensi esterni aktarx ma jippermettix li l-UE twettaq bidliet interni reali, sitwazzjoni li min-naħa tagħha kieku żżid l-ispejjeż interni tat-tnaqqis fil-ġejjieni u l-ispejjeż għall-ksib tal-miri rigward l-emissjonijiet interni sa l-2020 u l-enerġiji rinnovabbli. Nuqqas ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet fil-livell ta’ l-UE kieku jipperikola l-kapaċità tagħha biex tikkonvinċi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'volumi kbar ta’ emissjonijiet biex jintrabtu li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom wara l-2012. Jekk ikun permess li l-pajjiżi terzi jagħmlu qligħ mill-ETS ta’ l-UE mingħajr ma jiffirmaw ftehim internazzjonali ġdid, dan ikun inċentiv negattiv biex il-pajjiżi terzi ma jiffirmawx ftehim ġdid. Fl-aħħarnett, aċċess mhux armonizzat għall-krediti fl-Istati Membri għandu mnejn jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-suq intern.

Għaldaqstant, l-intitolamenti għall-użu ta’ kumpensi fl-ETS ta’ l-UE jeħtieġ li jkunu ffissati b'referenza għall-inċentivi meħtieġa biex l-operaturi ta’ l-EU ETS inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom fil-livell nazzjonali, u għandhom ikunu flessibbli biex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-iżviluppi tan-negozjati internazzjonali.

Standards

L-għoti ta’ aċċess għall-ETS ta’ l-UE lil tipi ta’ proġetti li ma jikkompromettux l-integrità soċjali tas-sistema jidher li jilħaq bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ effiċjenza ambjentali, fuq naħa, u t-telf ta’ effiċjenza ekonomika fuq l-oħra. Madankollu, dan jista’ jiġi kkomplementat minn miżuri oħra, bħall-użu ta’ kriterji ta’ utilizzazzjoni flimkien ma’ skontijiet (ibbażati fuq id-differenza bejn il-punti ta’ riferiment tal-proġett u dawk ta’ l-UE), iżda l-kompromess bejn integrità ambjentali ogħla u spejjeż amministrattiva ogħla jkun inqas bilanċjat.

It-tranżizzjoni u l-prevedibbiltà

Għandu jiġi ċċarat il-mod kif se jiġu trattati fl-ETS ta’ l-UE il-krediti miksubin qabel l-2012 (l-ibbankjar), jew mistennija li jinħarġu wara l-2012, li jikkorrispondu għal proġetti rreġistrati qabel l-2012. Minħabba l-inċertezza rigward il-qagħda internazzjonali wara l-2012, l-ETS ta' l-UE riveduta jeħtieġ li tipprovdi wkoll strutturi u proċeduri xierqa biex ilaħħqu mad-diversi ċirkostanzi li jinqalgħu mill-2012 'il quddiem, partikolarment b'rabta ma’ l-ilħiq tal-miri ta’ tnaqqis ta’ 20% jew 30%. Id-Direttiva ETS ta’ l-UE tiggarantixxi l-ibbankjar ta’ kwoti ta' emissjonijiet lil hinn mill-2012. Il-Protokoll ta’ Kyoto jistabbilixxi limiti fuq l-ibbankjar ta’ krediti ERU (Unitajiet ta’ Tnaqqis ta Emissjonijiet) u CER (Tnaqqis Ċertifikat fl-Emissjonijiet), u jħalli f'idejn il-Partijiet li jisbqu l-impenji tagħhom ta’ tnaqqis biex jieħdu d-deċiżjonijiet korrispondenti tagħhom. Fost l-għażliet ivvalutati, l-aktar waħda li tidher xierqa meta mqabbla mal-kriterji ta’ valutazzjoni hija l-adottar ta’ dispożizzjonijiet armonizzati fil-livell ta’ l-UE għar-rikonoxximent ta’ l-ibbankjar ta’ krediti ERU/CER wara l-2012, billi dan jippermetti kundizzjonijiet aktar ekwi kif ukoll aktar trasparenza fis-suq.

Fejn jidħol l-użu wara l-2012 ta’ krediti JI (Implimentazzjoni Konġunta) u CDM (Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif) miksubin qabel l-2012, l-analiżi tissuġġerixxi taħlita ta’ għażliet. L-UE tista’ toħloq sistema ta’ approvazzjoni u/jew ċaħda ta’ ċerti proġetti jew tipi ta’ proġett, tistabbilixxi ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jirrikonoxxu l-proġetti JI u CDM minn ċerti pajjiżi ospitanti bejn l-2012 u d-data li fiha jiġi ffirmat ftehim internazzjonali, jew inkella tista’ tintrabat li taċċetta krediti minn proġetti għaddejjin f'pajjiżi li ser jappoġġaw ftehim għal wara l-2012. Ir-relevanza ta’ dawn it-tliet għażliet se tiddependi mill-iżvilupp tan-negozjati internazzjonali.

MONITORAġġ U EVALWAZZJONI

L-implimentazzjoni tad-Direttiva se tkun immonitorjata u evalwata permezz ta’ l-Artikolu 21, li jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva.

[1] COM(2006) 676 finali.

[2] http://ec.europa.eu/environment/climat/pdf/nap_2_guidance_mt.pdf.

[3] L-IPCC (il-Bord Intergovernamentali dwar it-Tibdil fil-Klima) jagħti stima tal-potenzjal ekonomiku għat-tnaqqis globali kumulattiv ta' emissjonijiet mis-CCS f'dan is-seklu ta’ 220-2200 GtCO2 – imqabbel ma’ dan l-ammont, l-emissjonijiet koperti mill-EU ETS huma ta’ 2 GtCO2 fis-sena.

[4] Kif jiġi indikat fil-valutazzjoni ta’ l-impatt, dawn iċ-ċifri għandhom jiġu trattati bi prudenza, billi huma msejsa fuq stimi minħabba n-nuqqas ta’ dejta li wieħed jista’ joqgħod fuqha.

Top